Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0366

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus f’dak li għandu x’jaqsam mal-kawża ta’ konformità ACCC/C/2008/32

    COM/2017/0366 final - 2017/0151 (NLE)

    Brussell, 29.6.2017

    COM(2017) 366 final

    2017/0151(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus f’dak li għandu x’jaqsam mal-kawża ta’ konformità ACCC/C/2008/32


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    (1)Introduzzjoni

    Fl-1998, l-Unjoni Ewropea (UE) ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Dak iż-żmien din il-konvenzjoni kienet ta’ importanza konsiderevoli għall-UE u l-Istati Membru tagħha kif ukoll għall-pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant u l-Istati post Sovjetiċi li huma Partijiet għall-Konvenzjoni – u għada hekk sal-lum. L-għan ewlieni tal-Konvenzjoni huwa li l-pubbliku jibda jinvolvi ruħu aktar fi kwistjonijiet ambjentali u li jikkontribwixxi fil-preżervazzjoni u l-protezzjoni aħjar tal-ambjent.

    L-adozzjoni tar-Regolament ta’ Aarhus huwa r-riżultat dirett tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, filwaqt li regoli preċedenti tal-UE dwar l-aċċess għad-dokumenti għenu jiffurmawha. Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-UE għalhekk irrinforzaw b’mod reċiproku u żviluppaw lil xulxin matul is-snin.

    Is-sejbiet tal-każ tal-Kumitat ta’ Konformità (ACCC/C/2008/32) huma problematiċi għall-UE minħabba li ma jirrikonoxxux l-ordni legali speċjali tagħha.

    L-UE tkompli tappoġġa l-objettivi importanti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

    (2)Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

    Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”) 1 huwa ftehim ambjentali multilaterali taħt il-patronaġġ tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE).

    Tiggarantixxi lill-pubbliku drittijiet tal-aċċess għal informazzjoni, parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Dawn huma għodda essenzjali li jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta’ politiki effettivi tal-protezzjoni tal-ambjent.

    Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus daħlet fis-seħħ fl-2001, u bħalissa għandha 47 Partijiet, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha. Il-Komunità Ewropea approvatha fis-17 ta’ Frar 2005 2 .

    L-UE għamlet Dikjarazzjoni appena ġiet iffirmata u approvata l-Konvenzjoni ta’ Aarhus (“id-Dikjarazzjoni tal-UE”) li permezz tagħha nnotifikat lill-korpi ta’ Aarhus dwar “il-kuntest istituzzjonali u ġuridiku tal-Komunità” u dwar it-tqassim tal-kompiti mal-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni 3 .

    Fir-rigward tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-UE, l-obbligi tal-Konvenzjoni ġew implimentati, primarjament permezz tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (“ir-Regolament Aarhus”) 4 .

    (3)L-isfond tal-każ

    Il-Kumitat ta' Konformità tal-Konvenzjoni ta' Aarhus (il-“Kumitat”) jeżamina l-konformità tal-Partijiet skont il-Konvenzjoni. Fis-17 ta’ Marzu 2017, ippubblika s-sejbiet fil-każ ACCC/C/2008/32, ippreżentat minn organizzazzjoni mhux governattiva (NGO), ClientEarth, rigward l-aċċess għall-ġustizzja fil-livell tal-UE 5 . Il-Kumitat iddeċieda li r-regoli tat-Trattat dwar l-aċċess għall-ġustizzja quddiem il-qrati tal-UE, kif interpretati minnhom, u l-kriterji għall-aċċess għar-rieżami amministrattiv skont ir-Regolament Aarhus jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

    (4)Il-kuntest ġuridiku

    Il-Kumitat sab ksur tal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Il-paragrafu 3 jipprevedi li “kull Parti għandha tiżgura li, meta jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun il-każ, stipulati fil-liġi nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u omissjonijiet minn persuni privati u awtoritajiet pubbliċi li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha relatat mal-ambjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-paragrafu 4 jirrikjedi li dawn il-proċeduri jkunu “adegwati u effettivi [...] ġusti, ekwi, f’waqthom u ma jiswewx ammonti kbar ta’ flus” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    2.IL-PROBLEMA INKWISTJONI

    (1)Is-sejbiet tal-Kumitat

    Skont il-Kumitat, la l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ) li tinterpreta t-termini tat-Trattat dwar l-aċċess ta’ persuni privati quddiem il-Qrati tal-UE fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 263(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u lanqas ir-Regolament ta’ Århus li jipprevedi rieżami amministrattiv ta’ atti ambjentali mill-Kummissjoni, ma jagħtu lill-NGOs u lill-membri tal-pubbliku biżżejjed aċċess għall-proċeduri ta’ rieżami.

    Il-Kumitat ikkunsidra li l-Artikolu 263(4) TFUE dwar l-azzjonijiet għal annullament minn persuni privati, kif interpretat mill-QtĠ, huwa ristrett wisq minħabba li huwa limitat għal atti regolatorji li jikkonċernaw lil persuna b’mod dirett u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni 6 .

    Il-Kumitat żied jgħid li r-Regolament ta’ Århus ma jistgħax jikkumpensa għal dawn in-nuqqasijiet minħabba li jikser il-Konvenzjoni bl-istess mod fil-punti li ġejjin:

    il-mekkaniżmu ta’ rieżami ta’ Aarhus barra mill-NGOs għandu japplika wkoll għall-membri tal-pubbliku;

    ir-rieżami għandu jinkludi atti ġenerali u mhux biss atti ta’ portata individwali;

    hemm bżonn li kull att amministrattiv li sempliċement “jirrelata” mal-ambjent ikun jista’ jiġi kkontestat, u mhux biss l-atti “skont” il-liġi ambjentali;

    atti li ma għandhomx effetti legalment vinkolanti u esterni għandhom ukoll ikunu suxxettibbli għal rieżami 7 .

    Il-Kumitat ikkunsidra wkoll li fil-ġurisprudenza tagħhom il-Qrati tal-UE ma ħadu l-ebda direzzjoni ġdida biex tiġi żgurata l-konformità mal-Konvenzjoni 8 .

    Fl-aħħar nett, il-Kumitat irrakkomanda li l-ġurisprudenza tal-QtĠ jenħtieġ li tieħu kont b’mod sħiħ tal-Konvenzjoni jew, alternattivament, li l-UE jenħtieġ li temenda r-Regolament ta’ Århus jew tadotta leġiżlazzjoni ġdida 9 .

    (2)Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sejbiet

    Kif imfakkar hawn fuq, il-korpi tal-Konvenzjoni Aarhus ġew mgħarrfa permezz tad-dikjarazzjoni tal-UE bil-karatteristiċi partikolari tal-ordni ġuridika tal-Unjoni.

    Madankollu, id-Dikjarazzjoni tal-UE ma ttiħditx inkunsiderazzjoni fis-sejbiet.

    In-natura speċifika tas-sistema tal-istħarriġ ġudizzjarju hija tabilħaqq imfassla bir-reqqa fit-Trattati tal-UE, b’tali mod li kull ċittadin tal-Unjoni għandu aċċess għall-ġustizzja. Aċċess għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri tal-UE mhuwiex limitat għal azzjonijiet diretti li jridu jiġu ppreżentati quddiem il-Qrati tal-Unjoni, iżda jista’ jseħħ ukoll quddiem qorti nazzjonali, li tista’ – u f’ċerti ċirkustanzi, għandha – tqajjem kwistjoni ta’ legalità quddiem il-QtĠ, li tista’ tiddikjara li att jew miżura tal-UE huma invalidi.

    B’mod partikolari, fir-rigward tal-azzjonijiet imressqa quddiem il-Qrati tal-UE minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra l-miżuri tal-UE adottati skont l-liġi ambjentali, l-Artikolu 263(4) TFUE, jipprevedi li dawn jistgħu (iressqu) "[…] tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta' implimentazzjoni.”

    Il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-dispożizzjoni u l-predeċessuri tagħha ġew interpretati mill-QtĠ fil-ġurisprudenza tagħha, fejn fi Plaumann 10 il-każ storiku dwar l-interpretazzjoni tat-test “individwalment ikkonċernat”, il-QtĠ ddeċidiet li “persuni għajr dawk li għalihom tkun indirizzata deċiżjoni jistgħu biss jiddikjaraw li huma individwalment ikkonċernati jekk dik id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi fejn huma jiġu trattati b’mod differenti mill-persuni l-oħra kollha, u minħabba dawn il-fatturi tiddistingwihom b’mod individwali bħalma tiddistingwi lill-persuna indirizzata”. Tul iż-żminijiet, il-QtĠ, il-każ “Plaumann” kompliet tiżviluppah, tapplikah u tadattah għal ċirkostanzi legali jew fattwali partikolari, irrispettivament ukoll min-natura tal-applikant 11 .

    Biż-żieda ta’ din il-frażi finali fil-paragrafu 4 (“[…] kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta' implimentazzjoni”) it-Trattat ta’ Lisbona wessa’ r-regoli dwar il-locus standi f’azzjonijiet għal annullament imressqa minn partijiet privati. Meta japplikaw dawn il-kundizzjonijiet, m’hemmx bżonn li l-applikant juri li huwa jew hija huma individwalment ikkonċernati mill-att ikkontestat.

    Il-leġiżlatur sekondarju tal-Unjoni ma jistgħax jemenda r-regoli previsti fl-Artikolu 263(4) TFUE u jrid jirrispetta l-ġurisprudenza żviluppata mill-ġudikatura tal-Unjoni li tiddetermina l-interpretazzjoni korretta tat-Trattat. Lanqas ma l-Konvenzjoni Aarhus tista’ tippermetti xi tip ta’ deroga mill-Artikolu 263(4) TFUE 12 .

    Minbarra li wessa’ l-aċċess dirett għall-Qrati tal-UE skont l-Artikolu 263(4) TFUE, it-Trattat ta’ Lisbona ta relevanza partikolari lir-rwol tal-qrati nazzjonali fl-Artikolu 19(1) TUE, it-tieni sentenza, skont liema “L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”. F’dan ir-rigward, is-sistema ta’ deċiżjonijiet preliminari tal-QtĠ hija l-element ċentrali tal-ordni ġuridiku tal-UE, kif indikat mill-QtĠ fl-Opinjoni 2/13 tagħha dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem 13 .

    Dan huwa partikolarment rilevanti fil-liġi ambjentali tal-UE, li, kif ġie ssottolinjat mill-QtĠ fl-2015 f’żewġ sentenzi fl-Awla Manja dwar ir-rilevanza tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fl-ordni ġuridiku tal-UE, fl-istat attwali tad-dritt tal-UE, il-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi li jikkonċernaw il-liġi ambjentali jaqgħu “primarjament” fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Istati Membri 14 .

    Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-sejbiet tal-Kumitat la jirrikonoxxu l-irwol ċentrali tal-qrati nazzjonali bħala l-qrati ordinarji tal-liġi tal-UE, 15 u lanqas ma jirrikonoxxu s-sistema ta’ deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE bħala mezz validu ta’ rimedju.

    Għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kumitat iddeċieda fis-sejbiet, l-ordni ġuridiku tal-UE joffri sistema kompluta ta’ mezzi ta’ rimedju 16 . Tabilħaqq, individwi li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ ammissibilità tal-Artikolu 263(4) TFUE, saħansitra fil-forma aktar wiesgħa tat-Trattat ta’ Lisbona, xorta għandhom aċċess effettiv għall-ġustizzja u għall-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tagħhom kontra l-miżuri tal-liġi tal-UE. Huma jkollhom il-possibbiltà, skont il-każ, jew li jindirizzaw il-qrati nazzjonali billi jitolbuhom jagħmlu referenza lill-QtĠ għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità kif stipulat fl-Artikolu 267 tat-TFUE, jew inkella biex indirettament jinvokaw l-invalidità ta’ atti ta’ applikazzjoni ġenerali quddiem il-qrati tal-UE skont l-Artikolu 277 TFUE.

    Fir-rigward tar-rieżami amministrattiv, l-ewwel nett, il-Kumitat staqsa lill-UE biex tagħmel rieżami ta’ atti ta’ portata ġenerali fi kwistjonijiet ambjentali. Madankollu, ma hemm l-ebda rekwiżit skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li dawn l-atti jridu jgħaddu minn rieżami amministrattiv, u lanqas ma huwa ċar kemm u safejn huwa sensibbli li dan ir-rieżami jsir għal din il-kategorija partikolari ta’ atti.

    It-tieni nett, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jistax jiġi interpretat fis-sens li qed jintalab rieżami amministrattiv ta’ atti mhux vinkolanti mingħajr effetti esterni. Miżuri li għandhom biss effetti legali interni fi ħdan l-amministrazzjoni u li ma jagħtu l-ebda drittijiet jew obbligi lil partijiet terzi ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv li xi persuna.

    F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li l-Awla Manja tal-Qorti fl-2015 kienet tal-fehma li r-Regolament ta’ Aarhus, li jikkonċerna biss lill-istituzzjonijiet tal-UE u li huwa wieħed biss mir-rimedji disponibbli għall-individwi biex tkun żgurata l-konformità mal-liġi ambjentali tal-UE, ma kienx maħsub sabiex jimplementa l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali, għax, fl-istat attwali tad-dritt tal-UE, dawn jaqgħu primarjament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istati Membri. Peress li r-Regolament ta’ Aarhus, bħala kwistjoni tal-liġi tal-UE, ma kienx maħsub biex jimplementa l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, konformità ma’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi żgurata, fi ħdan l-ordni ġuridiku tal-UE, permezz ta’ mezzi oħra apparti milli bl-emendar tar-Regolament ta’ Aarhus, kif madankollu ssuġġerixxa l-Kumitat fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

    (3)L-implikazzjonijiet tas-sejbiet

    Il-Kumitat irrakkomanda li l-Laqgħa tal-Partijiet tadotta d-direzzjonijiet li l-QtĠ għandha ssegwi meta tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

    Madankollu, skont il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali, mhuwiex possibbli li s-sejbiet tal-Kumitat jiġu implimentati permezz tal-ġurisprudenza tal-QtĠ, minħabba li l-Qrati huma indipendenti fil-funzjoni ġudizzjarja tagħhom.

    U f’dak li għandu x’jaqsam mar-Regolament ta’ Aarhus, il-Kumitat ikkunsidra li l-kriterji dwar min jista’ jitlob rieżami u x’jista’ jiġi rieżaminat (il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u ratione materiae) huma stretti wisq. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni kif mitlub mill-Kumitat tirriżulta f’mekkaniżmu ta’ rieżami ġudizzjarju – u fl-aħħar mill-aħħar aċċess għall-QtĠ – imwessa’ għal firxa enormi ta’ litiganti potenzjali, fir-rigward ta’ atti li ma għandhom l-ebda effett legali u għal oqsma li jmorru lil hinn mill-ambitu tal-ambjent. 

    Tabilħaqq, jekk ir-Regolament Aarhus jiġi modifikat biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rieżami amministrattiv, din is-soluzzjoni tkabbar b’mod sinifikanti l-aċċess għall-qrati tal-UE, kif definit fit-TFUE u fil-ġurisprudenza kkonsolidata. Miżuri li ma jistgħux jiġu kkontestati skont l-Artikolu 263(4), bħal pereżempju deċiżjonijiet indirizzati lill-Istati Membri li jagħtuhom għażla għal allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, isiru s-suġġett ta’ proċedura ta’ rieżami amministrattiv. B’konsegwenza ta’ dan, id-deċiżjoni meħuda b’reazzjoni għal rikjesta għal rieżami amministrattiv tiġi kkuntestata b’azzjoni ta’ annullament skont l-Artikolu 263(4) TFUE, fejn applikant ikun jista’ jqajjem ukoll kwistjonijiet ta’ legalità dwar il-miżuri tal-UE kkuntestati b’rikjesta għal rieżami amministrattiv, hekk kif diġà ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali 17 .

    Bl-istess mod, il-kunċett ta’ att amministrattiv li jkollu “portata individwali” (li hija l-kundizzjoni biex jinbeda r-rieżami amministrattiv skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus) ġie interpretat mill-Qorti Ġenerali billi dan huwa kunċett mhux daqstant differenti minn dak ta’ att kuntestabbli skont l-Artikolu 263(4) TFUE 18 . U huwa għalhekk li t-twessigħ tal-kategorija ta’ atti li jistgħu jkunu suġġetti għal rieżami amministrattiv imbagħad jirrendihom indirettament kuntestabbli skont l-Artikolu 263(4) TFUE.

    Fis-sustanza, permezz tal-emendi għal-leġislazzjoni sekondarja, il-qrati tal-UE se jingħataw ġurisdizzjoni f’kategorija kompletament ġdida ta’ każijiet li fihom l-atti sottostanti li huma soġġetti għal rieżami amministrattiv ma jkunux kuntestabbli skont l-Artikolu 263(4) TFUE. Ir-riskju huwa li emendi ta’ dan it-tip joħolqu żbilanċ sinifikanti fis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja kif prevista mit-Trattati.

    3.Passi ulterjuri fil-proċedura ta’ Aarhus

    Is-sejbiet tal-Kumitat ser jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni waqt is-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li se ssir mill-11 sal-14 ta’ Settembru f’Budva, il-Montenegro, li permezz tagħha dawn jiksbu l-istatus ta’ interpretazzjoni uffiċjali tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u għalhekk huma vinkolanti għall-Partijiet Kontraenti u għall-Korpi tal-Konvenzjoni.

    Id-deċiżjonijiet waqt il-Laqgħa tal-Partijiet ġeneralment jittieħdu b’kunsens. Jekk jiġu eżawriti l-isforzi kollha sabiex jintlaħaq kunsens, id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet sostantivi jittieħdu b’vot ta’ maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-Partijiet preżenti, li jistgħu jivvotaw 19 .

    4.Konklużjonijiet

    Is-sejbiet tal-Kumitat jikkontestaw il-prinċipji kostituzzjonali tad-dritt tal-UE li tant huma fundamentali li huwa legalment impossibbli għall-UE li ssegwi u tikkonforma mas-sejbiet.

    Fl-andament tal-proċedura ta’ konformità, l-UE talbet lill-Kumitat għal seduta oħra biex tkompli tispjega l-qafas istituzzjonali tal-Unjoni. Madankollu, il-Kumitat ċaħadha din it-talba. M’hemmx mezzi għal appell kontra s-sejbiet tal-Kumitat. L-uniku mezz biex l-UE tissalvagwardja bis-sħiħ l-ispeċifiċitajiet istituzzjonali tagħha u l-awtonomija tal-ordni ġuridiku tal-UE, m’għandha l-ebda għażla ħlief li titfa’ vot negattiv fuq l-approvazzjoni ta’ dawn is-sejbiet fil-Laqgħa tal-Partijiet.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-UE jenħtieġ li tirrifjuta s-sejbiet fil-każ ACCC/C/2008/32 fil-Laqgħa tal-Partijiet li ġejja.

    Il-pożizzjoni tal-UE dwar din il-kwistjoni ma ċċekkinx l-impenn tal-UE għall-prinċipji u l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

    Għall-kuntrarju ta’ sejbiet dwar il-konformità preċedenti, dan il-każ speċifiku jirrikjedi deċiżjoni mill-Kunsill fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 218(9) TFUE.

    2017/0151 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus f’dak li għandu x’jaqsam mal-kawża ta’ konformità ACCC/C/2008/32

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Fis-17 ta’ Frar 2005, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”) 20 ġiet approvata, f’isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE 21 .

    (2)Fir-rigward tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-UE, l-obbligi tal-Konvenzjoni ġew implimentati, notevolment permezz tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (“ir-Regolament Aarhus”) 22 .

    (3)Skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (il-“Kumitat”) ġie stabbilit u għandu l-kompetenza li jeżamina l-konformità tal-Partijiet mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

    (4)Fis-17 ta’ Marzu 2017, l-Unjoni rċeviet is-sejbiet fil-każ ACCC/C/2008/32 rigward l-aċċess għall-ġustizzja fil-livell tal-UE 23 . Il-Kumitat iddeċieda li "il-Parti kkonċernata tonqos milli tikkonforma mal-Artikolu 9, il-paragrafi 3 u 4, tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja mill-membri tal-pubbliku minħabba li la r-Regolament Aarhus u lanqas il-ġurisprudenza tal-QtĠ ma timplimenta jew tikkonforma mal-obbligi previsti f’dawk il-paragrafi.”(traduzzjoni mhux uffiċjali) (Paragrafu 123 tas-Sejbiet tal-Kumitat).

    (5)Il-korpi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ġew mgħarrfa bid-Dikjarazzjoni li l-UE kienet għamlet mal-firma u fejn tenniet waqt l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni li “[f]il -kuntest istituzzjonali u ġuridiku tal-Komunità [...] l-istituzzjonijiet Komunitarji ser japplikaw il-Konvenzjoni fi ħdan il-qafas tar-regoli eżistenti u futuri tagħhom dwar l-aċċess għad-dokumenti u regoli rilevanti oħra tal-liġi Komunitarja fil-qasam kopert mill-Konvenzjoni.”

    (6)Is-sejbiet la jirrikonoxxu l-irwol ċentrali tal-qrati nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u lanqas ma jirrikonoxxu s-sistema tal-UE tad-deċiżjonijiet preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala mezzi validi ta’ rimedju 24 .

    (7)Il-konklużjonijiet jirrakkomandaw Laqgħa tal-Partijiet biex jiddeċiedu dwar l-azzjoni li hija f’kunflitt ċar mal-prinċipji fundamentali tal-ordni ġuridiku tal-UE u tas-sistema tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Is-sejbiet ma jirrikonoxxux l-ordni ġuridiku speċjali tal-UE.

    (8)L-UE tkompli tappoġġja bis-sħiħ l-objettivi importanti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

    (9)Is-sejbiet se jiġu ppreżentati fis-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li se ssir f’Settembru 2017 f’Budva, il-Montenegro u permezz ta’ dan jiksbu status ta’ interpretazzjoni uffiċjali tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u għalhekk isiru vinkonlanti għall-Partijiet Kontraenti u l-korpi tal-Konvenzjoni.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni waqt is-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus f’dak li għandu x’jaqsam mal-kawża dwar il-konformità ACCC/C/2008/32 hija kif ġej:

    vot negattiv dwar l-approvazzjoni tas-sejbiet.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) Kif ippubblikata fuq il-websajt tal-UNECE, ara http://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/pp/documents/cep43e.pdf
    (2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1.
    (3) Id-dikjarazzjoni tal-UE hija ppubblikata fuq il-websajt tal-UNECE taħt l-intestatura “Dikjarazzjonijiet u Riżervi”, ara  https://treaties.un.org/Pages/ViewDetails.aspx?src=IND&mtdsg_no=XXVII-13&chapter=27&clang=_en
    (4) ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13;
    (5) http://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/pp/compliance/C2008-32/Findings/C32_EU_Findings_as_adopted_advance_unedited_version.pdf
    (6) Ara l-paragrafi 60-84 tas-sejbiet.
    (7) Ara l-paragrafi 85-121 tas-sejbiet.
    (8) Ara l-paragrafi 122-123 u 81-83 tas-sejbiet.
    (9) Ara l-paragrafi 124-126 tas-sejbiet.
    (10) Il-Każ 25/62, Plaumann v Commission, ECLI:EU:C:1963:17.
    (11) Ara, pereżempju, il-Każ C-456/13 P, T & L Sugars Ltd u Sidul Acúcares v il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2015:284, paragrafu 63; il-Każ C-583/11 P, Inuit Tapiriit Kanatami a.o. v il-Parlament u l-Kunsill, ECLI:EU:C:2013:625, paragrafu 72; u C-274/12 P, Telefónica v il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2013:852, paragrafu 46.
    (12) Ara pereżempju l-Każ T-600/15, PAN Europe aos v il-Kummissjoni Ewropea, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “l-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni, fosthom il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma jipprevalux fuq id-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod li ma jistax jiġi aċċettat li ssir deroga mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE abbażi tal-imsemmija konvenzjoni.” (Paragrafu 56 tad-Digriet; ECLI:EU:T:2016:601).
    (13) Ara b’mod partikolari paragrafu 198 tal-Opinjoni 2/13.
    (14) Il-Kawżi magħquda C-401/12 P sa C-403/12 P, Il-Kunsill u l-Kummissjoni v Vereniging Milieudefensie aos EU:C:2015:4, paragrafu 60; Il-Kawżi magħquda C-404/12 P u C-405/12 P, Il-Kunsill u l-Kummissjoni v Stichting Natuur en Milieu aos, EU:C:2015:5, paragrafu 52.
    (15) Opinjoni 1/09, Creation of a Unified Patent Litigation System (Il-Ħolqien ta’ Sistema Unifikata ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim fil-Qasam tal-Privattivi), EU:C:2011:123, paragrafu 80.
    (16) Ara, pereżempju, il-Każ C-50/00 P, Unión de Pequeños Agricultores v il-Kunsill, ECLI:EU:C:2002:462, paragrafu 40; jew il-Kawżi Magħquda T-236/04 u T-241/04 EEB aos v il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2005:426, paragrafu 66.
    (17) Il-Kawża T-177/13, Test BioTech eV aos v il-Kummissjoni, EU:T:2016:736, paragrafu 56, it-tieni sentenza.
    (18) Ara pereżempju l-Kawżi T-19/13, Frank Bold Society v il-Kummissjoni, EU:T:2015:520, paragrafi 38 u 44-45; u T-565/14, European Environmental Bureau v il-Kummissjoni, EU:T:2015:559, paragrafi 40-49.
    (19) Id-Deċiżjoni I/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura (b’mod partikolari r-Regola 35 dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet), ara http://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/pp/documents/mop1/ece.mp.pp.2.add.2.e.pdf
    (20) http://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/pp/documents/cep43e.pdf
    (21) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta' Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1).
    (22) ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13;
    (23) http://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/pp/compliance/C2008-32/Findings/C32_EU_Findings_as_adopted_advance_unedited_version.pdf
    (24) Ara b’mod partikolari l-paragrafu 58 tas-sejbiet: “Filwaqt li s-sistema ta’ rieżami ġudizzjarju fil-qrati nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, inkluż il-possibbiltà li tintalab deċiżjoni preliminari, hija element sinifikanti għall-iżgurar tal-applikazzjoni konsistenti u l-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri tagħha, din ma tistax tkun il-bażi għaċ-ċaħda b’mod inġenerali lill-membri tal-pubbliku tal-aċċess għall-qorti tal-UE biex jikkontestaw id-deċiżjonijiet, l-atti u l-omissjonijiet minn istituzzjonijiet u korpi tal-UE”.
    Top