EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0174

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-98 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima u l-71 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar dwar l-adozzjoni tal-emendi tar-Regolament SOLAS II-1/23, ir-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3, il-Kodiċijiet tal-Vapuri ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000, il-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ u l-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL

COM/2017/0174 final - 2017/080 (NLE)

Brussell, 12.4.2017

COM(2017) 174 final

2017/0080(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-98 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima u l-71 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar dwar l-adozzjoni tal-emendi tar-Regolament SOLAS II-1/23, ir-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3, il-Kodiċijiet tal-Vapuri ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000, il-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ u l-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.INTRODUZZJONI

Il-proposta attwali tal-Kummissjoni tikkonċerna l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fit-98 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI (MSC 98) u fil-71 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) (MEPC 71) fir-rigward tal-emendi stabbiliti b’mod individwali fis-subintestaturi li ġejjin.

1.1 Emendi tar-Regolament SOLAS II-1/23

Il-95 u s-96 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI (MSC 95 u MSC 96) approvaw għadd ta’ abbozzi ta’ emendi tar-Regolament SOLAS II-1 dwar ir-regolamenti tas-suddiviżjoni u l-istabbiltà f’kundizzjonijiet ta’ ħsara, li nġabru flimkien u li huma inklużi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2077 tas-17 ta’ Ottubru 2016 1 .

Fl-MSC 97, il-Kumitat qabel li l-adozzjoni tal-abbozz ta’ emendi tal-Kapitolu II-1 tas-SOLAS dwar ir-regolamenti tas-suddiviżjoni u l-istabbiltà f’kundizzjonijiet ta’ ħsara għandha tinżamm sospiża sal-MSC 98, bl-eċċezzjoni tal-adozzjoni tal-abbozz ta’ emendi tar-Regolament SOLAS II-1/3–12 dwar il-Protezzjoni kontra l-ħsejjes. Fir-rigward tal-emendi tar-Regolament II-1/6, dwar il-formula għas-suddiviżjoni tal-indiċi R meħtieġ, l-MSC 97 qabel li kwalunkwe modifika ulterjuri tar-Regolament II-1/6 jenħtieġ li ma tbaxxix il-livell attwali ta’ sikurezza żgurat mid-dispożizzjonijiet tas-SOLAS skont il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2077.

Minkejja d-deċiżjoni li tiġi diferita l-adozzjoni tal-kapitolu II-1 tas-SOLAS, il-Kumitat qabel li jikkunsidra d-dokumenti sottomessi lill-MSC 97 u li jiffinalizza t-testi tal-emendi. Il-Kumitat qabel b’mod ġenerali mal-armonizzazzjoni tat-test fir-Regolamenti II-1/22, 23 u 24 fir-rigward tal-eżistenza ta’ espressjonijiet multpli għal rekwiżiti simili, u l-aġġornament tal-kontroreferenzi eżistenti, mingħajr ma jinbidel il-kontenut tal-emendi approvati preċedentement. L-emendi jistgħu jitqiesu minuri, iżda r-Regolament II-1/23 jikkonċerna rekwiżiti speċjali għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri u ma kienx inkluż fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2077. Ir-Regolament II-1/24 jikkonċerna l-vapuri tal-merkanzija biss.

Dawn il-bidliet huma stabbiliti fl-Anness 1 tad-dokument MSC 97/WP.5. Il-paragrafu 3.17 tar-rapport tal-MSC 97 (MSC 97/22) jindika li l-bidliet huma previsti li jiġu adottati fl-MSC 98, soġġetti għall-modifiki proposti fid-dokumenti MSC 97/3/5 u MSC 97/3/4 u għal titjib editorjali, jekk ikun hemm.

1.2 Emendi tar-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3

L-emendi tar-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3 għandhom l-għan li jiċċaraw ir-rekwiżiti għall-integrità min-nirien tat-twieqi fil-vapuri tal-passiġġieri li jġorru mhux aktar minn 36 passiġġier u vapuri b’għan speċjali b’aktar minn 60 (iżda mhux aktar minn 240) persuna abbord. Vapuri li jġorru aktar minn 36 passiġġier jenħtieġ li jkollhom l-istess livell ta’ sikurezza bħal dawk li jġorru aktar minn 36 passiġġier.

L-emendi tar-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3 huma stipulati fl-Anness 13 tar-rapport tal-MSC 97 (MSC 97/22). Il-paragrafu 9.6 tar-rapport tal-MSC 97 jindika li l-emendi se jiġu adottati fl-MSC 98.

1.3 Emendi tal-Kodiċijiet tal-Vapuri ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000

L-emendi tal-Kodiċijiet tal-Vapuri ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000 (il-Kodiċijiet HSC) jipprovdu kjarifika fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafi minn 8.10.1.4 sa 8.10.1.6 tal-Kodiċijiet tal-1994 u l-2000 dwar l-eżenzjoni mill-ġarr ta’ dgħajjes tas-salvataġġ għall-vapuri ta’ veloċità għolja b’tul inqas minn 20 m u 30 m, rispettivament. Vapur ta’ veloċità għolja b’tul inqas minn 30 m (Kodiċi HSC tal-2000) u 20 m (Kodiċi HSC tal-1994) jista’ jiġi eżentat milli jġorr dgħajsa tas-salvataġġ, sakemm ir-rekwiżiti tal-paragrafu 8.10.1.6 fiż-żewġ Kodiċijiet huma sodisfatti, inkluż l-element il-ġdid li għandu jkun possibbli li kull persuna li ma tistax tieħu ħsieb tagħha nnifisha tiġi rkuprata mill-ilma f’pożizzjoni tal-ġisem orizzontali jew kważi orizzontali.

L-emendi tal-Kodiċi tal-1994 u l-2000 huma stabbiliti fl-Annessi 15 u 16 tar-rapport tal-MSC 97 (MSC 97/22/Add.1). Il-Paragrafu 8.25 tar-rapport tal-MSC 97 (MSC 97/22) jindika li dawn l-emendi huma previsti li jiġu adottati fl-MSC 98.

1.4 Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ u tal-Anness tar-Riżoluzzjoni MSC.81(70) 2

Il-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ (LSA) jipprovdi rekwiżiti internazzjonali għat-tagħmir għas-salvataġġ koperti mill-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, inkluż tagħmir personali għas-salvataġġ, għajnuniet viżwali, vapuri għas-sopravivenza, dgħajjes tas-salvataġġ, apparat għall-varar u l-imbarkazzjoni u sistemi ta’ evakwazzjoni marittima, tagħmir għat-tfigħ tal-ħbula; u sistemi tal-allarm ġenerali u tal-indirizz pubbliku.

L-emendi tal-paragrafi 6.1.1.5 u 6.1.1.6 tal-Kodiċi LSA u l-paragrafu 8.1.1 tal-parti 1 tal-Anness tar-Riżoluzzjoni MSC.81(70) jipprovdu konsistenza għat-testijiet statiċi u t-tagħbijiet ta’ prova tagħhom li t-tagħmir għall-varar, inkluż il-membri strutturali u l-vinċijiet tiegħu, irid jirreżisti. L-MSC 97 approva l-fehma tat-tielet sessjoni tas-Sottokumitat tas-Sistemi u t-Tagħmir tal-Vapuri (SSE 3) li l-emendi inkwistjoni jenħtieġ li jiġu ttrattati bħala korrezzjonijiet minuri.

Dawn l-emendi huma stipulati fl-Anness 17 tar-rapport MSC 97 (MSC 97/22/Add.1) u fl-Anness 1 tad-dokument tal-OMI, MSC 98/3/1. Il-Paragrafi 8.34 u 8.35 tar-rapport tal-MSC 97 (MSC 97/22) jindikaw li l-emendi huma previsti li jiġu adottati fl-MSC 98.

1. 5 Emendi tal-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL

Il-proposta tal-Unjoni għall-MEPC 67 (MEPC 67/12/7) kienet tinkludi emendi tal-Appendiċi V eżistenti tal-Anness VI tal-MARPOL, li jipprovdi t-test standard tan-nota ta’ kunsinna tal-bunker. L-emenda kienet se tippermetti l-bunkering taż-żejt kombustibbli b’kontenut ta’ kubrit ogħla minn dak stipulat fir-Regolamenti 14.1 u 14.4 tal-Anness VI tal-MARPOL, minn vapuri li jkollhom metodi ekwivalenti abbord (b’mod partikolari sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost (EGCS)), approvati skont ir-Regolament 4 tal-Anness VI tal-MARPOL — Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fin-nota ta’ kunsinna tal-bunker (BDN).

Peress li l-għadd ta’ vapuri mgħammra bl-EGCS qiegħed dejjem jikber, l-emendi proposti mill-Unjoni ġew meqjusa bħala meħtieġa biex it-test standard tan-nota ta’ kunsinna tal-bunker ikun konformi mal-fatt li l-vapuri jistgħu jkomplu jużaw karburanti b’kontenut ogħla ta’ kubrit anke wara d-dħul fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2015 tar-rekwiżiti għall-kontenut tal-kubrit ta’ 0.10 % f’żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-kubrit ((S)ECAs).

L-MEPC 67 qabel li l-emendi huma meħtieġa iżda sostna li jenħtieġ li jsiru diskussjonijiet ulterjuri. Għalhekk, is-sottomissjoni tal-UE ġiet diferita  għat-tieni sessjoni tas-Sottokumitat għall-Prevenzjoni u r-Rispons għat-Tniġġis (PPR 2).

Il-PPR 2 kellu dibattitu estensiv fil-grupp ta’ ħidma relatat iżda ma rnexxilux isib qbil dwar il-forma eżatta tat-test emendat. Wara l-PPR 2, proposta tal-Unjoni għall-PPR 3 (PPR 3/10) inkudiet, fejn kien possibbli,il-fehmiet espressi fil-PPR 2. Il-proposta kkonċernat l-inserzjoni ta’ kjarifiki addizzjonali fl-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL, biex wara n-notifika tax-xerrej, il-fornitur jitħalla jiddikjara fin-Nota ta’ Kunsinna tal-Bunker (BDN), li l-karburant hu maħsub biex jintuża minn vapur li jissodisfa r-rekwiżiti għall-kubrit permezz ta’ mezzi ekwivalenti.

Dawn l-emendi huma stipulati fl-Anness 7 tal-MEPC 70/18/Add.1. Il-Paragrafu 5.9 tar-rapport tal-MEPC 70 (MEPC 70/18) jindika li l-emendi huma previsti li jiġu adottati fil-MEPC 71.

2.ADOZZJONI TAL-EMENDI TAL-OMI

2.1Adozzjoni tal-emendi

L-emendi stipulati fil-punti minn 1.1 sa 1.4 hawn fuq, ġew approvati waqt is-97 sessjoni tal-laqgħa tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima li saret bejn il-21 u l-25 ta’ Novembru 2016 u għandhom jitressqu għall-adozzjoni fit-98 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima bejn is-7 u s-16 ta’ Ġunju 2017. L-emendi stipulati fil-punt 1.5 hawn fuq, ġew approvati waqt is-70 sessjoni tal-laqgħa tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar li saret bejn l-24 u t-28 ta’ Ottubru 2016 u għandhom jitressqu għall-adozzjoni fil-71 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar bejn it-3 u s-7 ta’ Lulju 2017.

2.2Aċċettazzjoni

Ladarba jkunu approvati u adottati miż-żewġ Kumitati, l-emendi stabbiliti fil-punti 1.1 sa 1.5 hawn fuq, jiġu kkomunikati għall-aċċettazzjoni lill-Partijiet Kontraenti rispettivi.

3.LEĠIŻLAZZJONI RILEVANTI TAL-UE U KOMPETENZA TAL-UE

3.1 Emendi tar-Regolament SOLAS II-1/23

Ir-Regolament SOLAS II-1 jirregola l-kostruzzjoni tal-istruttura, is-suddiviżjoni u l-istabbiltà, il-makkinarju u l-installazzjonijiet elettriċi. L-emendi tar-Regolament SOLAS II-1/23 li għandhom jiġu adottati fl-MSC 98 ikopru l-vapuri tal-passiġġieri. L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri, jistabbilixxi li vapuri tal-passiġġieri ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.

Għaldaqstant, l-emendi tar-Regolament SOLAS II-1/23 jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.

3.2Emendi tar-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3

L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE japplika l-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata, għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A. Barra minn hekk, il-Parti B.10.4 tal-Kapitolu II-2 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE, tistipula li għal vapuri tal-passiġġieri li jġorru anqas minn 36 passiġġier, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-integrità fir-rigward tan-nirien tat-twieqi li jiffaċċjaw żoni tal-imbarkazzjoni miftuħa jew magħluqa tad-dgħajjes tas-salvataġġ u taċ-ċattri tas-salvataġġ u għall-integrità fir-rigward ta’ reżistenza min-nirien li jkunu jinsabu taħt tali żoni f’tali pożizzjoni li l-falliment tagħhom waqt nirien itellef il-varar ta’, jew l-imbarkazzjoni fid-dgħajjes tas-salvataġġ jew taċ-ċattri tas-salvataġġ.

Għaldaqstant, l-emendi tar-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3 jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.

3.3 Emendi tal-Kodiċijiet tal-Vapuri ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000

L-Artikolu 6(2)(a) (i) tad-Direttiva 2009/45/KE japplika s-SOLAS, kif emendata, għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(4)(a) ta’ dik id-Direttiva jistipula li vapuri ta’ veloċità għolja għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament X/2 u X/3 tas-SOLAS, li jirreferu għall-konformità mal-Kodiċijiet tal-Vapuri ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000. Bl-istess mod, il-konformità mal-Kodiċi tal-Vapuri ta’ Veloċità Għolja hija stabbilita fl-Artikolu 6(4)(b) u (c). L-Artikolu 2(c) ta’ dik id-Direttiva jistabbilixxi li r-referenzi għall-Kodiċijiet tal-Vapuri ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000 jikkonċernaw il-Kodiċijiet fil-verżjoni aġġornata tagħhom. B’riżultat ta’ dan, kull emenda ta’ dawn il-Kodiċijiet se jkollha impatt dirett fuq l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Għaldaqstant, l-emendi tal-Kodiċijiet tal-Vapuri ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000, li għandhom x’jaqsmu mal-arranġamenti għat-tifi tan-nar fi spazji tal-makkinarju, jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.

3.4Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja u tal-Anness tar-Riżoluzzjoni MSC.81(70)

It-tagħmir għall-varar u vinċijiet huma inklużi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/306 tas-6 ta’ Frar 2017 li jindika r-rekwiżiti għad-disinn, il-kostruzzjoni u l-prestazzjoni u l-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar. F’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi LSA u r-Riżoluzzjoni MSC.81(70) hemm referenza fir-rigward tal-partiti MED/1.21, 1.23, 1.24 u 1.25 f’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħmir għall-varar, kif ukoll oġġetti MED/1.41a, 1.41b, 1.41c, 1.41d, 1.41e fir-rigward tal-vinċijiet. Dan it-tagħmir għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE.

Għaldaqstant, l-emendi tal-Kodiċi LSA u tal-Anness tar-Riżoluzzjoni MSC.81(70) jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/KE u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/306.

3.5Emendi tal-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL

Ir-rekwiżiti tal-Anness VI tal-MARPOL, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-SOx, huma implimentati fil-liġi tal-UE fid-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi. L-Artikolu 6(9) (b) u (c), kif ukoll 13(2) (a) ta’ din id-Direttiva jirreferu għall-BDN bħala mekkaniżmu prinċipali biex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva. Il-mezzi ekwivalenti ta’ konformità huma meqjusa bħala metodi ta’ tnaqqis alternattivi, kif definit fl-Artikolu 2(o) tad-Direttiva 2016/802/UE, u jistgħu jintużaw diment li l-vapuri li jużaw il-metodu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet jiksbu kontinwament it-tnaqqis fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit li jkun mill-anqas ekwivalenti għat-tnaqqis li jinkiseb bl-użu tal-karburanti tal-baħar li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Għaldaqstant, l-emendi tal-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/802/UE.

3.6Sommarju

Fid-dawl tar-rabta bejn l-emendi proposti u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE kif stabbiliti hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-adozzjoni tal-emendi msemmija hawn fuq, mistennija fl-MSC 98 u fl-MEPC 71, taqa’ taħt il-kompetenza esterna esklussiva tal-UE, li l-Unjoni kisbet permezz tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE, sakemm l-adozzjoni tat-tibdil għall-istrumenti internazzjonali kkonċernati taffettwa r-regoli komuni jew tibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

B’konsistenza ma’ ġurisprudenza kkonsolidata b’mod tajjeb, anke jekk l-Unjoni mhijiex membru tal-OMI u lanqas ma hi parti kontraenti għall-istrumenti internazzjonali kkonċernati, l-Istati Membri mhumiex awtorizzati li jassumu obbligi li x’aktarx jaffettwaw ir-regoli tal-UE promulgati biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati, sakemm dawn ma jkunux awtorizzati li jagħmlu dan permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.

4.Konklużjoni

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea għall-emendi msemmija fil-Paragrafi minn 1.1 sa 1.5 ta’ hawn fuq, li għandhom jiġu adottati fit-98 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u fil-71 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima rispettivament.    

2017/0080 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-98 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima u l-71 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar dwar l-adozzjoni tal-emendi tar-Regolament SOLAS II-1/23, ir-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3, il-Kodiċijiet tal-Vapuri ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000, il-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ u l-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Jenħtieġ li l-azzjoni mill-Unjoni Ewropea fis-settur tat-trasport marittimu jkollha l-għan li ttejjeb is-sikurezza marittima u tipproteġi l-ambjent tal-baħar.

(2) Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) li ltaqa’ fis-97 sessjoni tiegħu, approva l-emendi tar-Regolament II-1/23 u r-Regolament II-2/9.4.3 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), tal-Kodiċijiet Internazzjonali tal-Vapuri ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000, u tal-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir tas-Salvataġġ (Kodiċi LSA) u għall-Anness tar-Riżoluzzjoni MSC.81(70). Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fit-98 sessjoni tal-MSC, li se ssir f’Ġunju 2017 (MSC98).

(3)Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-OMI, li ltaqa’ fis-70 sessjoni tiegħu, approva l-emendi tal-Appendiċi V tal-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL) biex vapuri li jissodisfaw ir-rekwiżiti permezz ta’ mezzi ekwivalenti, jitħallew ikollhom Nota ta’ Kunsinna tal-Bunker (BDN) li tiddikjara li ż-żejt kombustibbli huwa fornut skont in-notifika tax-xerrej li ż-żejt kombustibbli huwa intenzjonat għall-użu flimkien mal-mezzi ekwivalenti ta’ konformità. Dawn l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fil-71 sessjoni tal-MEPC, li għandha ssir f’Lulju 2017 (MEPC 71).

(4)L-MSC tal-OMI, li ltaqa’ fil-95 u s-96 sessjonijiet tiegħu, approva għadd ta’ abbozzi ta’ emendi tar-Regolament SOLAS II-1 dwar ir-regolamenti tas-suddiviżjoni u l-istabbiltà f’kundizzjonijiet ta’ ħsara, li nġabru flimkien u li ġew inklużi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2077 tas-17 ta’ Ottubru 2016 3 .

(5)L-MSC tal-IMO, li ltaqa’ fis-97 sessjoni tiegħu, qabel li jżomm sospiża sat-98 sessjoni tal-MSC l-adozzjoni ta’ ħafna mill-abbozzi tal-emendi tal-Kapitolu II-1 tas-SOLAS dwar ir-regolamenti tas-suddiviżjoni u l-istabbiltà f’kundizzjonijiet ta’ ħsara, u fir-rigward tal-emendi tar-Regolament II-1/6 dwar il-formula għall-indiċi ta’ suddiviżjoni R meħtieġ, qabel li kwalunkwe modifika ulterjuri tar-Regolament II-1/6 jenħtieġ li ma tbaxxix il-livell attwali ta’ sikurezza.

(6)Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fl-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2077 tibqa’ applikabbli.

(7)L-MSC tal-OMI li ltaqa’ fis-97 sessjoni tiegħu, qabel li l-adozzjoni tal-emendi tal-Kapitolu II-1 tas-SOLAS tiġi diferita għat-98 sessjoni tal-MSC. Il-Kumitat ġeneralment qabel mal-armonizzazzjoni tat-test fir-Regolamenti II-1/22, 23 u 24 fir-rigward tal-eżistenza ta’ espressjonijiet multipli għal rekwiżiti simili, u l-aġġornament ta’ kontroreferenzi eżistenti mingħajr ma jinbidel il-kontenut tal-emendi approvati preċedentement. Ir-Regolament II-1/23 jikkonċerna rekwiżiti simili għal vapuri ro-ro tal-passiġġieri u mhuwiex kopert mill-pożizzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2077. Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 tapplika għall-vapuri tal-passiġġieri u l-vapuri tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja li jitħaddmu għal vjaġġi domestiċi. L-Artikolu 6(2)(a)(i) ta’ dik id-Direttiva jipprevedi li vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.

(8)L-emendi tar-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3 għandhom l-għan li jiċċaraw ir-rekwiżiti għall-integrità min-nirien tat-twieqi fil-vapuri tal-passiġġieri li jġorru mhux aktar minn 36 passiġġier u vapuri b’għan speċjali b’aktar minn 60 (iżda mhux aktar minn 240) persuna abbord. Vapuri li jġorru aktar minn 36 passiġġier jenħtieġ li jiżguraw l-istess livell ta’ sikurezza bħal dawk li jġorru aktar minn 36 passiġġier. Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tapplika għall-vapuri tal-passiġġieri u l-vapuri tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja li jitħaddmu għal vjaġġi domestiċi. L-Artikolu 6(2)(a)(i) ta’ dik id-Direttiva jipprevedi li vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata. Il-Parti B.10.4 tal-Kapitolu II-2 tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva, tistipula li għal vapuri tal-passiġġieri li jġorru anqas minn 36 passiġġier, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-integrità fir-rigward tan-nirien tat-twieqi li jiffaċċjaw żoni tal-imbarkazzjoni miftuħa jew magħluqa tad-dgħajjes tas-salvataġġ u taċ-ċattri tas-salvataġġ u għall-integrità fir-rigward ta’ reżistenza min-nirien li jkunu jinsabu taħt tali żoni f’tali pożizzjoni li l-falliment tagħhom waqt nirien itellef il-varar ta’, jew l-imbarkazzjoni fid-dgħajjes tas-salvataġġ jew taċ-ċattri tas-salvataġġ.

(9)L-emendi tal-Kodiċijiet HSC tal-1994 u l-2000 jipprovdu kjarifika fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafi mill-8.10.1.4 sa 8.10.1.6 tal-Kodiċijiet dwar l-eżenzjoni mill-ġarr ta’ dgħajjes tas-salvataġġ għall-vapuri ta’ veloċità għolja b’tul ta’ inqas minn 20 m u 30 m, rispettivament. Vapur ta’ veloċità għolja b’tul inqas minn 30 m għall-finijiet tal-Kodiċi HSC tal-2000, jew 20 m għall-finijiet tal-Kodiċi HSC tal-1994, jista’ jiġi eżentat milli jġorr dgħajsa tas-salvataġġ, sakemm ir-rekwiżiti tal-paragrafu 8.10.1.6 fiż-żewġ Kodiċijiet huma sodisfatti, inkluż l-element il-ġdid li għandu jkun possibbli li kull persuna li ma tistax tieħu ħsieb tagħha nnifisha tiġi rkuprata mill-ilma f’pożizzjoni tal-ġisem orizzontali jew kważi orizzontali. Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tapplika għall-vapuri tal-passiġġieri u l-vapuri tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja li jitħaddmu għal vjaġġi domestiċi. L-Artikolu 6(2)(a)(i) ta’ dik id-Direttiva jipprevedi li vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.

(10)Il-Kodiċi LSA jipprovdi rekwiżiti internazzjonali għat-tagħmir tas-salvataġġ li huma koperti mill-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata. L-emendi tal-paragrafi 6.1.1.5 u 6.1.1.6 tal-Kodiċi LSA u l-paragrafu 8.1.1 tal-parti 1 tal-Anness tar-Riżoluzzjoni MSC.81(70) jiżguraw konsistenza mat-testijiet statiċi u t-tagħbijiet ta' prova tagħhom li t-tagħmir għall-varar, inkluż il-membri strutturali u l-vinċijiet tiegħu, irid jirreżisti, u jenħtieġ li jiġu trattati bħala korrezzjonijiet minuri. It-tagħmir għall-varar u l-vinċijiet huma elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/306 5 , li jirreferi għall-Kodiċi LSA u r-Riżoluzzjoni MSC.81(70) fir-rigward tal-partiti MED/1.21, 1.23, 1.24 u 1.25 f’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħmir għall-varar, kif ukoll oġġetti MED/1.41a, 1.41b, 1.41c, 1.41d, 1.41e fir-rigward tal-vinċijiet. Għaldaqstant, huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

(11)L-emendi tal-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL jikkonċernaw iż-żieda ta’ kjarifiki addizzjonali biex jippermettu l-vapuri li jissodisfaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-kontenut ta’ kubrit fil-karburant fiż-żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-kubrit ((S)ECAs) permezz ta’ mezzi ekwivalenti sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost (EGCS)), biex wara n-notifika tax-xerrej, fin-Nota ta’ Kunsinna tal-Bunker (BDN), il-fornitur jitħalla jiddikkjara li l-karburant kien intenzjonat għall-użu minn vapur li jissodisfa r-rekwiżiti tal-kubrit permezz ta’ mezzi ekwivalenti. . Peress li l-għadd ta’ vapuri mgħammra bl-EGCS qiegħed dejjem jikber, l-emendi huma meħtieġa biex it-test standard tal-BDN ikun konformi mal-fatt li l-vapuri jistgħu jkomplu jużaw karburanti b’kontenut ogħla ta’ kubrit anke wara d-dħul fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2015 tar-rekwiżiti għall-kontenut ta’ kubrit ta’ 0.10 % fis-(S)ECAs. Ir-rekwiżiti tal-Anness VI tal-MARPOL, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-SOx, huma implimentati fil-liġi tal-UE fid-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 . L-Artikolu 6(9)(b) u (c), kif ukoll 13(2)(a) ta’ din id-Direttiva jirreferu għall-BDN bħala mekkaniżmu prinċipali biex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva. Il-mezzi ekwivalenti ta’ konformità huma meqjusa bħala metodi ta’ tnaqqis alternattivi, kif definit fl-Artikolu 2(o) tad-Direttiva (UE) 2016/802, u jistgħu jintużaw diment li l-vapuri li jużaw il-metodu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet jiksbu kontinwament it-tnaqqis fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit li jkun mill-anqas ekwivalenti għat-tnaqqis li jinkiseb bl-użu ta’ karburanti tal-baħar li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

(12)L-Unjoni la hija Membru tal-OMI u lanqas hija parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċi kkonċernati. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni u jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b’dawn l-emendi.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fis-98 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandha tkun waħda li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi li ġejjin:

(a)Ir-Regolament SOLAS II-1/23 kif stabbilit fl-Anness 1 tad-dokument tal-OMI, MSC 97/WP.5, soġġett għall-modifiki proposti fid-dokumenti tal-OMI, MSC 97/3/5 u MSC 97/3/4;

(b)Ir-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3 kif stipulat fl-Anness 13 tad-Dokument tal-OMI, MSC 97/22;

(c)Il-Kodiċijiet HSC tal-1994 u l-2000 kif stipulat fl-Annessi 15 u 16 tad-dokument tal-OMI, MSC 97/22/Add.1;

(d)Il-Kodiċi LSA u l-Anness tar-Riżoluzzjoni MSC.81(70) kif stipulat fl-Anness 17 tad-dokument tal-OMI, MSC 97/22/Add.1, u fl-Anness 1 tad-Dokument tal-OMI, MSC 98/3/1.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-71 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi tal-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL, kif stipulat fl-Anness 7 għad-dokument tal-OMI, MEPC 70/18/Add.1.

Artikolu 3

1.Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fl-Artikoli 1 u 2 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-OMI, billi jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

2.Jista’ jsir qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjoni msemmija fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma jkun hemm għalfejn li tiġi emendata l-pożizzjoni.

Artikolu 4

L-Istati Membri huma hawnhekk awtorizzati jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Il-President

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2077 tas-17 ta’ Ottubru 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) matul is-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u fis-97 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, dwar l-adozzjoni ta’ emendi tal-Anness VI tal-MARPOL, ir-Regolamenti SOLAS II-1, ir-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37, ir-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10, ir-Regolament SOLAS II-1/3-12, il-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-STCW, il-Kodiċi tas-Sistemi ta’ Sikurezza kontra n-Nirien u l-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ tal-2011, ĠU L 320, 26.11.2016, p.36.

(2) Rakkomandazzjoni riveduta dwar l-ittestjar tat-tagħmir għas-salvataġġ.
(3)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2077 tas-17 ta’ Ottubru 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) matul is-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u fis-97 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, dwar l-adozzjoni ta’ emendi tal-Anness VI tal-MARPOL, ir-Regolamenti SOLAS II-1, ir-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37, ir-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10, ir-Regolament SOLAS II-1/3-12, il-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-STCW, il-Kodiċi tas-Sistemi ta’ Sikurezza kontra n-Nirien u l-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ tal-2011, ĠU L 320, 26.11.2016, p.36.

(4) Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/306 tas-6 ta’ Frar 2017 li jindika rekwiżiti għad-disinn, il-kostruzzjoni u l-prestazzjoni u l-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar, ĠU L 48, 24.02.2017, p. 1.
(6) Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2017 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE, ĠU L 256, 28.08.2014, p. 146.
(7) Id-Direttiva 2016/802/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (kodifikazzjoni), ĠU L132, 21.5.2016, p. 58.
Top