Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0133

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emenda tal-Appendiċi II ta’ dik il-Konvenzjoni

COM/2017/0133 final - 2017/059 (NLE)

Brussell, 21.3.2017

COM(2017) 133 final

2017/0059(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emenda tal-Appendiċi II ta’ dik il-Konvenzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji 1 (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta’ prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti.

L-Artikolu 1 tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni jistipula li l-Partijiet Kontraenti jistgħu japplikaw fil-kummerċ bilaterali ta’ bejniethom dispożizzjonijiet speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Appendiċi I. Dawn id-dispożizzjonijiet speċjali huma stabbiliti fl-Annessi tal-Appendiċi II.

Il-Kumitat Konġunt tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA), li jinvolvi r-Repubblika tal-Moldova u l-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-Istati Parti tas-CEFTA”), permezz tad-Deċiżjoni 3/2015 tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2015 2 , introduċa l-possibbiltà ta’ rifużjoni tad-dazju u ta’ akkumulazzjoni sħiħa fil-kummerċ bejn l-Istati Parti tas-CEFTA. L-Istati Parti tas-CEFTA huma kollha Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni.

Id-Deċiżjoni 3/2015 tal-Kumitat Konġunt tas-CEFTA fiha dispożizzjonijiet li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni u għalhekk teħtieġ emenda tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni. L-ewwel nett, hija tidderoga mill-Artikolu 14 tal-Appendiċi I, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju. It-tieni, hija tidderoga mill-Artikolu 3 tal-Appendiċi I dwar l-akkumulazzjoni minħabba li l-akkumulazzjoni sħiħa mhijiex koperta minn din id-dispożizzjoni.

Id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Deċiżjoni 3/2015 jiżguraw l-implimentazzjoni bla xkiel ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ deroga.

Hija tiżgura wkoll li dawn id-dispożizzjonijiet ta’ deroga ma għandhom l-ebda effett fuq il-kummerċ ma’ Partijiet Kontraenti oħra tal-Konvenzjoni. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 3/2015 jistipula li l-prodotti li jkunu kisbu l-oriġini fi Stat Parti tas-CEFTA permezz tal-applikazzjoni ta’ dawn id-derogi, għandhom jiġu esklużi mill-kumulazzjoni skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Konvenzjoni.

L-Artikolu 4(3) tal-Konvenzjoni jistipula li l-emendi tal-Konvenzjoni u tal-Appendiċi għandhom jiġu adottati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni. Skont l-Artikolu 3(2), il-Kumitat Konġunt għandu jaġixxi b’unanimità.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet politiċi eżistenti fil-qasam tal-politika

Għandu jiġi nnutat li derogi simili huma diġà applikabbli fil-kummerċ bejn ċerti Partijiet Kontraenti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li meta deċiżjoni li jkollha effett legali tkun teħtieġ li tittieħed f’korp imwaqqaf minn ftehim internazzjonali, fuq proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea.

Id-Deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni taqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hi fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni u l-Istati Membri ġew infurmati b’din it-talba waqt il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni tat-28 ta’ Settembru 2016.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Ma hemmx bżonn ta’ rikors għal għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Id-derogi li l-UE għandha tieħu pożizzjoni dwarhom fi ħdan il-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni jikkonċernaw biss il-kummerċ preferenzjali bejn l-Istati Parti tas-CEFTA. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn ta’ valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Mhux applikabbli.

2017/0059 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emenda tal-Appendiċi II ta’ dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji 3 (il-“Konvenzjoni”), li tistabbilixxi regoli dwar l-oriġini ta’ prodotti kkummerċjati fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bejn il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja, kif ukoll ma’ pajjiżi li huma parti mill-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tal-Unjoni, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012.

(2)L-Artikolu 1 tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni jistipula li l-Partijiet Kontraenti jistgħu japplikaw fil-kummerċ bilaterali ta’ bejniethom dispożizzjonijiet speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Appendiċi I ta’ dik il-Konvenzjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet speċjali huma stabbiliti fl-Annessi tal-Appendiċi II.

(3)Il-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) li huma Stati Parti tiegħu r-Repubblika tal-Moldova u l-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem “l-Istati Parti tas-CEFTA”), adotta d-Deċiżjoni 3/2015 fis-26 ta’ Novembru 2015, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni.

(4)Id-Deċiżjoni 3/2015 għandha l-għan li tiffaċilita l-kummerċ fost l-Istati Parti tas-CEFTA billi ttaffi l-kundizzjonijiet għall-akkumulazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni dwar l-akkumulazzjoni ta’ oriġini u billi tneħħi l-projbizzjoni tat-teħid lura tad-dazji doganali, jew eżenzjoni minnhom, stipulata fl-Artikolu 14 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ deroga japplikaw biss għall-finijiet biex tiġi determinata l-oriġini ta’ prodotti fil-kummerċ bejn l-Istati Parti tas-CEFTA.

(5)Dawk id-dispożizzjonijiet speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Appendici I għandhom jiġu stabbiliti f’anness ġdid dwar il-kummerċ, kopert mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali li jinvolvi r-Repubblika tal-Moldova u l-parteċipanti tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tal-Unjoni, li għandu jiġi mdaħħal fl-Appendiċi II. L-Appendiċi II tal-Konvenzjoni għandu jiġi emendat skont dan.

(6)Għaldaqstant il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li se tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini Pan-Ewro-Mediterranji, rigward l-emenda tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu dwar bidliet żgħar fl-abbozz tad-Deċiżjoni mingħajr ebda deċiżjoni oħra tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

Top

Brussell, 21.3.2017

COM(2017) 133 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emenda tal-Appendiċi II ta' dik il-Konvenzjoni


DOKUMENT MEHMUŻ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-KONVENZJONI REĠJONALI dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

Nru

ta’

li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji bl-introduzzjoni ta’ possibbiltà ta’ rifużjoni tad-dazju u ta’ akkumulazzjoni sħiħa fil-kummerċ kopert mill-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) li jinvolvi r-Repubblika tal-Moldova u l-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea

Il-Kumitat Konġunt,

Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji 1 , minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”,

Billi:

(1)L-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni jistipula li l-Appendiċi II jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali li huma applikabbli bejn ċerti Partijiet Kontraenti u li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Appendiċi I.

(2)L-Artikolu 1 tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni jistipula li fil-kummerċ bilaterali ta’ bejniethom, il-Partijiet Kontraenti jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Appendiċi I u li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu stipulati fl-annessi tal-Appendiċi II.

(3)Ir-Repubblika tas-Serbja li qed tippresiedi s-sottokumitat tas-CEFTA dwar id-Dwana u r-regoli tal-oriġini fil-qafas tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) li jinvolvi r-Repubblika tal-Moldova u l-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Istati Parti tas-CEFTA”) għarrfet lis-segretarjat tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni dwar id-Deċiżjoni 3/2015 tas-26 ta’ Novembru 2016 tal-Kumitat Konġunt tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali l-introduzzjoni tal-possibilità ta’ rifużjoni tad-dazju u ta’ akkumulazzjoni sħiħa fil-kummerċ bejn ir-Repubblika ta’ Moldova u l-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tas-CEFTA.

(4)L-Artikolu 4(3)(a) tal-Konvenzjoni jistipula li l-Kumitat Konġunt b’unanimità għandu jadotta l-emendi tal-Konvenzjoni, inklużi emendi tal-Appendiċi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, li fih derogi għad-dispożizzjonijiet tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, huwa emendat u kkumplimentat bl-Annessi XIII, G u H fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, li jinsabu fl-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Annessi XIII, G u H fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, li jinsabu fl-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni, jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju u akkumulazzjoni sħiħa fil-kummerċ bejn l-Istati Parti tas-CEFTA.

Artikolu 3

L-Anness għandu jifforma parti integrali minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha mill-Kumitat Konġunt.

Id-data tal-applikazzjoni għandha tkun …

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kumitat Konġunt

   Il-President



Anness I

Anness XIII tal-Appendiċi II

Il-kummerċ kopert mill-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) li jinvolvi r-Repubblika tal-Moldova u l-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea

Artikolu 1

Esklużjonijiet minn akkumulazzjoni ta’ oriġini

Il-prodotti li jkunu kisbu l-oriġini tagħhom permezz tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet maħsubin f’dan l-Anness għandhom jiġu esklużi mill-akkumulazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3 tal-Appendiċi I.

Artikolu 2

Akkumulazzjoni tal-oriġini

Bl-għan li jiġi implimentat l-Artikolu 2(1)(b) tal-Appendiċi I, ħidma jew ipproċessar imwettqin fir-Repubblika tal-Moldova jew mill-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa bħala “l-Istati Parti tas-CEFTA”, għandhom jitqiesu li twettqu fi kwalunkwe Stat Parti tas- CEFTA meta l-prodotti miksubin tkun saritilhom ħidma jew ipproċessar sussegwenti fil-Parti kkonċernata. Fil-każ fejn, skont din id-dispożizzjoni, il-prodotti oriġinarji li jinkisbu f’żewġ Partijiet ikkonċernati jew aktar, għandhom jitqiesu li joriġinaw fi Stat Parti tas-CEFTA kkonċernat fil-każ biss li x-xogħol jew l-ipproċessar ikun imur lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 6 tal-Appendiċi I.

Artikolu 3

Provi tal-Oriġini

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(4) u (5) tal-Appendiċi I, l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Parti tas-CEFTA għandhom joħorġu ċertifikat tal-moviment EUR.1 jekk il-prodotti kkonċernati jkunu jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fi Stat Parti tas-CEFTA, b’applikazzjoni tal-akkumulazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan l-Anness, u jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħrajn tal-Appendiċi I.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21 (2) u (3) tal-Appendiċi I, dikjarazzjoni ta’ oriġini tista’ ssir jekk il-prodotti kkonċernati jkunu jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fi Stat Parti tas-CEFTA, b’applikazzjoni tal-akkumulazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan l-Anness, u jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħrajn tal-Appendiċi I.

Artikolu 4

Dikjarazzjonijiet tal-fornitur

1. Meta jinħareġ ċertifikat ta’ moviment EUR.1, jew issir dikjarazzjoni ta’ oriġini fi Stat Parti tas-CEFTA għal prodotti oriġinarji, li fil-manifattura tagħhom ikunu ntużaw oġġetti li jkunu ġejjin minn Stati Parti tas-CEFTA oħra li tkun saritilhom ħidma jew ipproċessar f’dawn l-Istati Parti mingħajr ma jkunu kisbu status oriġinarju preferenzjali, tiġi meqjusa d-dikjarazzjoni tal-fornitur mogħtija fir-rigward ta’ dawn il-prodotti skont dan l-Artikolu.

2. Id-dikjarazzjoni tal-fornitur imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha sservi bħala evidenza tal-ħidma jew l-ipproċessar li jkunu saru fl-Istati Parti tas-CEFTA fuq l-oġġetti kkonċernati bil-għan li jiġi determinat jekk il-prodotti li fil-manifattura tagħhom ikunu ntużaw dawn l-oġġetti jkunux jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fl-Istati Parti tas-CEFTA u jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti l-oħra tal-Appendiċi I.

3. Ħlief fil-każijiet previsti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, id-dikjarazzjoni separata tal-fornitur għandha titfassal mill-fornitur għal kull konsenja ta’ oġġetti fil-forma preskritta fl-Anness G ta’ dan l-appendiċi, fuq karta mehmuża mal-fattura, man-nota tal-konsenja jew ma’ kwalunkwe dokument kummerċjali ieħor li jiddeskrivi l-oġġetti kkonċernati f’biżżejjed dettall sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati.

4. Fil-każijiet fejn fornitur jipprovdi regolarment lill-klijent partikolari b’oġġetti li l-ħidma jew ipproċessar li jkun saritilhom fl-Istati Parti tas-CEFTA huma mistennija li jibqgħu kostanti għal perjodi konsiderevoli ta’ żmien, dan jista’ jipprovdi dikjarazzjoni waħda tal-fornitur sabiex tkopri konsenji sussegwenti ta’ dawk l-oġġetti (minn issa ’l quddiem imsejħa bħala “dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil”).

Dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil normalment tista’ tkun valida għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena mid-data tat-tfassil tad-dikjarazzjoni. L-awtorità doganali tal-Istat Parti tas-CEFTA fejn titfassal id-dikjarazzjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jintużaw perjodi itwal.

Id-dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil għandha titfassal mill-fornitur fil-forma preskritta fl-Anness H ta’ dan l-Appendiċi u għandha tiddeskrivi l-oġġetti kkonċernati f’biżżejjed dettall sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati. Din tiġi pprovduta lill-klijent ikkonċernat qabel ma jiġi fornit bl-ewwel konsenja ta’ oġġetti koperti b’din id-dikjarazzjoni jew flimkien mal-ewwel konsenja tiegħu.

Il-fornitur għandu jinforma lill-klijent tiegħu immedjatament jekk id-dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil ma tkunx aktar applikabbli għall-oġġetti fornuti.

5. Id-dikjarazzjoni tal-fornitur imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ttajpjata jew stampata bl-Ingliż, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-Istat Parti tas-CEFTA kkonċernat fejn titfassal id-dikjarazzjoni, u għandu jkollha fuqha l-firma oriġinali magħmula bil-miktub mill-fornitur. Id-dikjarazzjoni tista’ ssir ukoll bil-miktub; f'dan il-każ, għandha tinkiteb bil-linka f’karattri stampati.

6. Il-fornitur li jfassal id-dikjarazzjoni għandu jkun lest li fuq talba tal-awtoritajiet doganali tal-pajjiż fejn issir id-dikjarazzjoni, fi kwalunkwe waqt, jippreżenta d-dokumenti kollha xierqa li jagħtu prova li t-tagħrif mogħti f’dik id-dikjarazzjoni jkun korrett.

Artikolu 5

Dokumenti ta’ sostenn

Id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur li jipprovaw il-ħidma jew l-ipproċessar li jkunu twettqu fl-Istati Parti tas-CEFTA fuq il-materjali użati, għandhom jitqiesu bħala dokument imsemmi fl-Artikoli 16(3) u 21(5) tal-Appendiċi I u fl-Artikolu 4(6) ta’ dan l-Anness użat biex jipprova li l-prodotti koperti minn ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew minn dikjarazzjoni ta’ oriġini jkunu jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fi Stat Parti tas-CEFTA u li jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħrajn tal-Appendiċi I.

Artikolu 6

Żamma tad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur

Il-fornitur li jfassal dikjarazzjoni tal-fornitur għandu jżomm, għal mill-anqas tliet snin, kopji tad-dikjarazzjoni u tal-fatturi kollha, tan-noti tal-konsenja jew ta’ kwalunkwe dokumenti kummerċjali oħrajn li magħhom tkun annessa dik id-dikjarazzjoni, kif ukoll id-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 4(6) ta’ dan l-Anness.

Il-fornitur li jfassal dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil għandu jżomm, għal mill-anqas tliet snin, kopji tad-dikjarazzjoni u tal-fatturi kollha, tan-noti tal-konsenja jew kwalunkwe dokumenti kummerċjali oħrajn li jkollhom x’jaqsmu mal-oġġetti koperti b’dik id-dikjarazzjoni mibgħuta lill-klijent ikkonċernat, kif ukoll id-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 4(6) ta’ dan l-Anness. Il-perjodu għandu jibda mid-data tal-iskadenza tal-validità tad-dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil.

Artikolu 7

Kooperazzjoni amministrattiva

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 31 u 32 tal-Appendiċi I, sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dan l-Anness, l-Istati Parti tas-CEFTA għandhom jgħinu lil xulxin, permezz tal-amministrazzjonijiet doganali kompetenti, biex jivverifikaw l-awtentiċità taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1, tad-dikjarazzjonijiet ta’ oriġini jew tad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur u tal-korrettezza tat-tagħrif mogħti f’dawn id-dokumenti.

Artikolu 8

Verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur

1. Il-verifiki sussegwenti tad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur jew tad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur għal terminu twil jistgħu jitwettqu fuq bażi każwali jew kull meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat Parti fejn ikunu tqiesu tali dikjarazzjonijiet sabiex jinħareġ ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew sabiex titfassal dikjarazzjoni ta’ oriġini, ikollhom dubji raġonevoli fir-rigward tal-awtentiċità tad-dokument jew tal-korrettezza tat-tagħrif mogħti f’dan id-dokument.

2. Għall-għanijiet tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet doganali tal-Istat Parti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jirritornaw id-dikjarazzjoni tal-fornitur jew id-dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil ta’ żmien u l-fatturi, in-noti tal-konsenja jew dokumenti kummerċjali oħrajn li jikkonċernaw oġġetti koperti mit-tali dikjarazzjoni, lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Parti fejn tkun tfasslet id-dikjarazzjoni, filwaqt li meta jkun xieraq, jagħtu r-raġunijiet ta’ sustanza jew ta’ forma tat-talba għall-verifika.

Bħala sostenn tat-talba għal verifika sussegwenti, għandhom jibagħtu kwalunkwe dokumenti u tagħrif miksuba li jissuġġerixxu li t-tagħrif mogħti fid-dikjarazzjoni tal-fornitur jew fid-dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil huwa skorrett.

3. Il-verifika għandha titwettaq mill-awtoritajiet doganali tal-Istat Parti fejn tkun tfasslet id-dikjarazzjoni tal-fornitur jew id-dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil. Għal dan il-għan, huma għandu jkollhom id-dritt li jsejħu għal kwalunkwe evidenza u jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet tal-fornitur jew kwalunkwe kontroll ieħor meqjus xieraq.

4. L-awtorità doganali li titlob il-verifika għandha tkun informata bir-riżultati ta’ din il-verifika malajr kemm jista’ jkun. Dawn ir-riżultati għandhom jindikaw b’mod ċar jekk it-tagħrif mogħti fid-dikjarazzjoni tal-fornitur jew fid-dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil huwiex korrett u jippermettulha tiddetermina jekk u sa liema punt tista’ titqies tali dikjarazzjoni sabiex jinħareġ ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew sabiex titfassal dikjarazzjoni ta’ oriġini.

Artikolu 9

Penali

Il-penali għandhom jiġu imposti fuq kwalunkwe persuna li tfassal, jew tikkawża t-tfassil, ta’ dokument li jkun fih tagħrif skorrett bil-għan li jinkiseb trattament preferenzjali għall-prodotti.

Artikolu 10

Projbizzjoni ta’ rifużjoni jew eżenzjoni ta’ dazji doganali

Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 14 tal-Appendiċi I ma għandhiex tapplika fil-kummerċ bilaterali bejn l-Istati Parti tas-CEFTA.

ANNESS II

Anness G tal-Appendiċi II

Id-dikjarazzjoni tal-fornitur għal oġġetti li tkun saritilhom ħidma jew ipproċessar fl-Istati Parti tas-CEFTA mingħajr ma jkunu kisbu status ta’ oriġini preferenzjali

Id-dikjarazzjoni tal-fornitur, li t-test tagħha qed jingħata hawn taħt, trid issir skont in-noti f’qiegħ il-paġna. Madankollu, in-noti f’qiegħ il-paġna ma għandhomx jiġu riprodotti.

DIKJARAZZJONI TAL-FORNITUR

għal oġġetti li tkun saritilhom ħidma jew ipproċessar fl-Istati Parti tas-CEFTA mingħajr ma jkunu kisbu status ta’ oriġini preferenzjali

Jiena, is-sottoskritt, fornitur tal-oġġetti koperti bid-dokument mehmuż, niddikjara li:

1. Dawn il-materjali li ġejjin li ma joriġinawx fl-Istati Parti tas-CEFTA ġew użati fl-Istati Parti tas-CEFTA sabiex jiġu prodotti dawn l-oġġeti:

Deskrizzjoni tal-

oġġetti forniti ( 2 )

Deskrizzjoni tal-

materjali mhux oriġinarji

użati

Intestatura tal-

materjali mhux oriġinarji

użati( 3 )

Valur tal-

materjali mhux oriġinarji

użati ( 4 ) 

Valur totali

2. Il-materjali l-oħra kollha użati fl-Istati Parti tas-CEFTA sabiex jiġu prodotti dawn l-oġġetti joriġinaw fl-Istati Parti tas-CEFTA.

3. L-oġġetti li ġejjin saritilhom ħidma jew ipproċessar barra minn Stat Parti tas-CEFTA skont l-Artikolu 11 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Euro-Mediterranji u kisbu hemmhekk il-valur miżjud totali li ġej:

Deskrizzjoni tal-oġġetti fornuti

………………………………………….

………………………………………….

………………………………………….

………………………………………….

Valur miżjud totali miksub barra

l-Istati Parti tas-CEFTA 5

………………………………………….

………………………………………….

………………………………………….

………………………………………….

………………………………………….

(Post u data )

………………………………………….

………………………………………….

………………………………………….

(Indirizz u firma tal-fornitur; barra minn hekk, l-isem tal-persuna li ttiffirma d-dikjarazzjoni għandu jkun indikat b’mod ċar)

ANNESS III


ANNEX H tal-Appendiċi II 

Id-dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil għal oġġetti li tkun saritilhom ħidma jew ipproċessar fl-Istati Parti tas-CEFTA mingħajr ma jkunu kisbu status ta’ oriġini preferenzjali

Id-dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil, li t-test tagħha qed jingħata hawn taħt, trid issir skont in-noti f’qiegħ il-paġna. Madankollu, in-noti f’qiegħ il-paġna ma għandhomx jiġu riprodotti.

DIKJARAZZJONI TAl-FORNITUR GĦAL TERMINU TWIL

għal oġġetti li tkun saritilhom ħidma jew ipproċessar fl-Istati Parti tas-CEFTA mingħajr ma jkunu kisbu status ta’ oriġini preferenzjali

Jiena, is-sottoskritt, fornitur tal-oġġetti koperti b’dan id-dokument, li jiġu fornuti b’mod regolari lil ……………………………………… 6 , niddikjara li:

1. Dawn il-materjali li ġejjin li ma joriġinawx fl-Istati Parti tas-CEFTA ġew użati fl-Istati Parti tas-CEFTA sabiex jiġu prodotti dawn l-oġġeti:

Deskrizzjoni tal-

oġġetti forniti( 7 )

Deskrizzjoni tal-

materjali mhux oriġinarji

użati

Intestatura tal-

materjali mhux oriġinarji

użati( 8 )

Valur tal-

materjali mhux oriġinarji

użati( 9 ) 

Valur totali

2. Il-materjali l-oħra kollha użati fl-Istati Parti tas-CEFTA sabiex jiġu prodotti dawn l-oġġetti joriġinaw fl-Istati Parti tas-CEFTA.

3. L-oġġetti li ġejjin saritilhom ħidma jew ipproċessar barra mill-Istati Parti tas-CEFTA skont l-Artikolu 11 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Euro-Mediterranji u kisbu hemmhekk il-valur miżjud totali li ġej:

Deskrizzjoni tal-oġġetti fornuti

ll-valur miżjud totali miksub barra mill-Istati Parti tas-CEFTA 10

Din id-dikjarazzjoni hija valida għall-konsenji kollha sussegwenti ta’ dawn l-oġġetti mibgħutin minn………………………………………………………………

lil……………………………………………………………….. 11 ..

Jiena nintrabat li ninforma…………………………………………….(1) immedjatament jekk din id-dikjarazzjoni ma tkunx aktar valida.

……………………………………………………….

(Post u data)

………………………………………………………..

………………………………………………………..

………………………………………………………..

(Indirizz u firma tal-fornitur; barra minn hekk, l-isem tal-persuna li ttiffirma d-dikjarazzjoni għandu jkun indikat b’mod ċar)

(1) ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.
(2) Meta l-fattura, in-nota tal-konsenja jew dokument kummerċjali ieħor li magħhom tkun mehmuża d-dikjarazzjoni jirreferu għal tipi differenti ta’ oġġetti, jew għal oġġetti li ma jinkorporawx daqstant materjali mhux oriġinarji, il-fornitur għandu jagħmel distinzjoni ċara bejniethom.
Eżempju:
Id-dokument jirriferi għal mudelli differenti ta’ mutur elettriku tal-intestatura 8501 li jkunu se jintużaw fil-manifattura ta’ magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ tal-intestatura 8450. In-natura u l-valur tal-materjali mhux oriġinarji użati fil-manifattura ta’ dawn il-muturi jvarjaw minn mudell għal ieħor. Għalhekk, trid issir distinzjoni bejn il-mudelli fl-ewwel kolonna u l-indikazzjonijiet fil-kolonni l-oħra għandhom jiġu pprovduti separatament għal kull wieħed mill-mudelli sabiex ikun possibbli li l-manifattur tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ jagħmel valutazzjoni korretta tal-istatus oriġinarju tal-prodotti tiegħu skont il-mudell ta’ mutur elettriku li juża.
(3) L-indikazzjonijiet mitluba f’dawn il-kolonni għandhom jingħataw biss jekk ikun hemm bżonn.Eżempji:Ir-regola għall-ilbies tal-ex Kapitolu 62 tgħid li jista’ jintuża ħajt mhux oriġinarju. Jekk manifattur ta’ tali lbies fis-Serbja juża drapp li huwa importat mill-Montenegro li jkun inkiseb hemm minn insiġ ta’ ħajt mhux oriġinarju, ikun biżżejjed għall-fornitur tal-Montenegro li fid-dikjarazzjoni tiegħu jiddeskrivi l-materjal mhux oriġinarju użat bħala ħajt, mingħajr il-ħtieġa li jindika l-intestatura u l-valur ta’ dan il-ħajt.Produttur ta’ ħadid tal-intestatura 7217 li jkun ipproduċieh minn vireg tal-ħadid mhux oriġinarji fit-tieni kolonna għandu jindika “vireg tal-ħadid”. Fejn dawn il-vireg se jintużaw fil-produzzjoni ta’ magna, li għaliha r-regola tinkludi limitazzjoni għall-materjal kollu mhux oriġinarju użat sa ċertu valur perċentwali, il-valur tal-vireg mhux oriġinarji jeħtieġ li jiġi indikat fit-tielet kolonna.
(4) “Valur tal-materjali” ifisser il-valur doganali fil-waqt tal-importazzjoni tal-materjali mhux oriġinarji użati, jew, jekk dan ma jkunx magħruf u ma jistax ikun aċċertat, l-ewwel prezz aċċertat imħallas għall-materjali f’wieħed mill-Istati Parti tas-CEFTA; Il-valur eżatt għal kull materjal mhux oriġinarju użat irid jingħata għal kull unità tal-oġġetti speċifikati fl-ewwel kolonna.
(5) “Il-valur miżjud totali” ifisser l-ispejjeż kollha akkumulati barra mill-Istati Parti tas-CEFTA, inkluż il-valur tal-materjali kollha miżjuda hemmhekk. Il-valur miżjud totali preċiż miksub lil hinn mill-Istati Parti tas-CEFTA jrid jingħata għal kull unità tal-oġġetti speċifikati fl-ewwel kolonna.
(6) Isem u indirizz tal-klijent.
(7) Meta l-fattura, in-noti tal-konsenja jew dokument kummerċjali ieħor li magħhom tkun mehmuża d-dikjarazzjoni jirreferu għal tipi differenti ta’ oġġetti, jew għal oġġetti li ma jinkorporawx daqstant materjali mhux oriġinarji, il-fornitur għandu jagħmel distinzjoni ċara bejniethom. Eżempju: Id-dokument jirriferi għal mudelli differenti ta’ mutur elettriku tal-intestatura 8501 li jkunu se jintużaw fil-manifattura ta’ magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ tal-intestatura 8450. In-natura u l-valur tal-materjali mhux oriġinarji użati fil-manifattura ta’ dawn il-muturi jvarjaw minn mudell għal ieħor. Għalhekk, trid issir distinzjoni bejn il-mudelli fl-ewwel kolonna u l-indikazzjonijiet fil-kolonni l-oħra għandhom jiġu pprovduti separatament għal kull wieħed mill-mudelli sabiex ikun possibbli li l-manifattur tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ jagħmel valutazzjoni korretta tal-istatus oriġinarju tal-prodotti tiegħu skont il-mudell ta’ mutur elettriku li juża.
(8) L-indikazzjonijiet mitluba f’dawn il-kolonni għandhom jingħataw biss jekk ikun hemm bżonn.Eżempji:Ir-regola għall-ilbies tal-ex Kapitolu 62 tgħid li jista’ jintuża ħajt mhux oriġinarju. Jekk manifattur ta’ tali lbies fis-Serbja juża drapp li huwa importat mill-Montenegro li jkun inkiseb hemm minn insiġ ta’ ħajt mhux oriġinarju, ikun biżżejjed għall-fornitur tal-Montenegro li fid-dikjarazzjoni tiegħu jiddeskrivi l-materjal mhux oriġinarju użat bħala ħajt, mingħajr il-ħtieġa li jindika l-intestatura u l-valur ta’ dan il-ħajt. Produttur ta’ ħadid tal-intestatura 7217 li jkun ipproduċieh minn vireg tal-ħadid mhux oriġinarji fit-tieni kolonna għandu jindika “vireg tal-ħadid”. Fejn dawn il-vireg se jintużaw fil-produzzjoni ta’ magna, li għaliha r-regola tinkludi limitazzjoni għall-materjal kollu mhux oriġinarju użat sa ċertu valur perċentwali, il-valur tal-vireg mhux oriġinarji jeħtieġ li jiġi indikat fit-tielet kolonna.
(9) “Valur tal-materjali” ifisser il-valur doganali fil-waqt tal-importazzjoni tal-materjali mhux oriġinarji użati, jew, jekk dan ma jkunx magħruf u ma jistax ikun aċċertat, l-ewwel prezz aċċertat imħallas għall-materjali f’wieħed mill-Istati Parti tas-CEFTA;
Il-valur eżatt għal kull materjal mhux oriġinarju użat irid jingħata għal kull unità tal-oġġetti speċifikati fl-ewwel kolonna.
(10) “Il-valur miżjud totali” ifisser l-ispejjeż kollha akkumulati barra mill-Istati Parti tas-CEFTA, inkluż il-valur tal-materjali kollha miżjuda hemmhekk. Il-valur miżjud totali preċiż miksub barra mill-Istati Parti tas-CEFTA jrid jingħata għal kull unità tal-oġġetti speċifikati fl-ewwel kolonna.
(11) Daħħal id-dati. Il-perjodu ta’ validità tad-dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil ma għandux normalment jaqbeż it-12-il xahar, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż fejn titfassal id-dikjarazzjoni tal-fornitur għal terminu twil.
Top