Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0097

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

    COM/2017/097 final - 2017/043 (COD)

    Brussell, 24.2.2017

    COM(2017) 97 final

    2017/0043(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

    {SWD(2017) 63 final}
    {SWD(2017) 64 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Is-subżona tal-Baħar Adrijatiku (is-subżoni ġeografiċi 17 u 18 tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran) 1 hija waħda importanti fil-Mediterran, u tirrappreżenta madwar terz tal-valur totali tal-ħatt l-art 2 . L-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar (li jgħumu qrib wiċċ l-ilma) huma element importanti tas-sajd fil-Baħar Adrijatiku, u jirrappreżentaw dħul ekonomiku kbir għas-settur tas-sajd f’dak il-baċir tal-baħar. L-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar l-iktar imfittxija u prezzjużi fil-Baħar Adrijatiku huma l-inċova u s-sardin.

    Il-qabdiet mis-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir huma kważi kollha tal-inċova u s-sardin 3 u minn dawn l-iktar prezzjużi huma dawk tal-inċova, li jixprunaw dan it-tip ta’ sajd. Il-maġġoranza ta’ dawn il-qabdiet isiru minn sajjieda Taljani u Kroati fil-parti tat-Tramuntana tal-Baħar Adrijatiku. L-uniku Stat Membru ieħor involut f’dan it-tip ta’ sajd huwa s-Slovenja, li s-sajjieda tiegħu jaqbdu inqas minn 1 % tal-qabdiet totali ta’ dan it-tip ta’ ħut, kif ukoll l-Albanija u l-Montenegro li s-sajjieda tagħhom ukoll jaqbdu parti żgħira biss minn dawn il-qabdiet3.

    Bħalissa, diversi oqfsa legali jirregolaw is-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir fil-Baħar Adrijatiku fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali. Il-Kroazja, l-Italja u s-Slovenja kollha adottaw pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u r-Regolament (KE) Nru 973/2001 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 4 (“ir-Regolament dwar il-Mediterran”), li jkopru l-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża u l-bastimenti tat-tkarkir għall-ħut pelaġiku, li huwa l-irkaptu użat għas-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir. Fil-livell tal-UE, huwa permess ammont limitat ta’ skartar tal-ħut skont pjan ta’ tliet snin għall-iskartar tal-ħut 5 . Fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (il-GFCM) adottat pjan ta’ ġestjoni 6 u miżuri ta’ emerġenza suċċessivi 7 .

    Minkejja dawn il-miżuri ta’ ġestjoni, l-aktar parir xjentifiku riċenti jindika li s-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku għadhom qed jiġu sfruttati żżejjed u li l-istokkijiet ta’ dan it-tip ta’ ħut x’aktarx li se jkomplu jonqsu. Is-sitwazzjoni qiegħda tmur għall-agħar hekk kif qed nitbiegħdu dejjem aktar mil-livelli sostenibbli tas-sajd u għadna ’l bogħod ferm mill-mira li nisfruttaw l-istokkijiet skont ir-rendiment massimu sostenibbli (l-MSY) sa mhux aktar tard mill-2020, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE 8 (“ir-Regolament Bażiku”). Skont l-iktar parir xjentifiku riċenti, il-qabdiet iridu jonqsu b’mod konsiderevoli biex jintlaħqu livelli sostenibbli tas-sajd għaż-żewġ speċijiet 9 .

    Il-qafas ta’ ġestjoni eżistenti huwa bbażat b’mod ewlieni fuq il-limitazzjoni tal-isforz tas-sajd u tal-kapaċità tas-sajd, flimkien ma’ diversi miżuri addizzjonali bħal, pereżempju, l-għeluq ġeotemporali tas-sajd u d-daqsijiet minimi għall-ħatt l-art. Madankollu, il-miżuri eżatti jvarjaw mil-lat ġeografiku (bejn it-tliet Stati Membri u fl-ilmijiet internazzjonali) u nbidlu wkoll diversi drabi f’dawn l-aħħar snin. Pereżempju, il-perjodi ta’ għeluq tas-sajd (perjodi li fihom is-sajd ma jkunx permess) huma differenti fit-tliet Stati Membri tal-Adrijatiku u nbidlu wkoll kull sena f’dawn l-aħħar ħames snin. Dan il-qafas ta’ ġestjoni kumpless li qed jevolvi l-ħin kollu jagħmilha aktar diffiċli biex l-industrija tas-sajd tibqa’ tkun taf ir-regoli fis-seħħ attwalment u, għaldaqstant, biex timplimentahom. Anke l-fatt li jkollok stokk wieħed li jkun ġestit b’regoli differenti fiż-żoni differenti fejn ikun mifrux mhux daqshekk effettiv. Pereżempju, l-għeluq ta’ żona waħda għas-sajd skont ir-regoli nazzjonali ta’ xi Stat Membru partikulari jista’ jwassal sempliċiment biex l-isforz tas-sajd jiċċaqlaq u jibda jsir minn parti oħra tal-Baħar Adrijatiku fejn ikun jinsab l-istokk u fejn ikun permess is-sajd f’dak iż-żmien.

    Mill-evalwazzjonijiet tal-qafas ta’ ġestjoni eżistenti ħareġ li dan mhuwiex effikaċi u li mhuwiex biżżejjed biex jiġi żgurat li l-istokkijiet jibdew jiġu mistada b’mod sostenibbli sal-2020. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) 10 tal-UE ta parir li l-maniġers iqisu l-użu ta’ restrizzjonijiet fuq il-qabdiet (jew fuq il-ħatt l-art) bħala għodda ta’ ġestjoni aktar effettiva għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar 11 12 . Għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar, li jinġabru fi ġlejjeb (li jingħaqdu flimkien fi ġlejjeb kumpatti), ġestjoni abbażi tal-isforz titqies li hija aktar riskjuża. Pereżempju, anke jekk l-isforz jitnaqqas b’20 %, dan mhux bilfors ifisser li se jkun hemm tnaqqis ta’ 20 % fil-qabdiet jew fil-mortalità mis-sajd. Jekk bastiment jiltaqa’ ma ġliba ħut pelaġiku żgħir, dan ikun jista’ jaqbad kwantità kbira minnha f’qasir żmien. Mill-banda l-oħra, jekk jitnaqqsu l-qabdiet, dan ifisser mill-ewwel tnaqqis ekwivalenti fil-mortalità mis-sajd.

    Din il-proposta tindirizza l-problema tal-isfruttament żejjed tal-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar minħabba sajd mhux sostenibbli u governanza li mhijiex effettiva. L-għan ewlieni tal-pjan pluriennali huwa li l-istokkijiet u s-settur tas-sajd jerġgħu lura għal stat b’saħħtu billi jiġi żgurat li s-sajd isir sostenibbli. Dan se jiżgura li s-settur tas-sajd ikun jista’ jibqa’ jiddependi fuq din ir-riżorsa fuq medda twila taż-żmien. Il-pjan pluriennali se jiffaċilita wkoll l-introduzzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art billi jipprovdi l-bażi għal derogi f’ċerti sitwazzjonijiet limitati. It-twaqqif ta’ pjan pluriennali se jippermetti wkoll li tintuża r-reġjonalizzazzjoni, li permezz tagħha l-Istati Membri ta’ madwar il-baċiri tal-baħar ikunu involuti fil-ħolqien u fit-tfassil tar-regoli tal-ġestjoni għall-partijiet interessati. L-idea hi li tiżdied ir-responsabbiltà tal-operaturi tas-settur tas-sajd fil-konfront ta’ dawn ir-regoli u li jiżdied l-infurzar tagħhom u, fl-aħħar mill-aħħar, li dawn isiru iktar effiċjenti. Dan se jħaffef ukoll il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u se jagħmluh aktar effettiv u wieħed li joffri tweġiba għal ċirkustanzi li qed jevolvu, u se jqarrbuh lejn il-partijiet interessati f’każijiet fejn ikunu qed jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ natura teknika ħafna.

    Pjan pluriennali se jkun jinkludi l-mortalitajiet mis-sajd fil-mira mogħtija f’meded għal kull stokk, meta dawn ikunu disponibbli, li se jservu bħala l-bażi għall-iffissar tal-limiti annwali tal-qbid għal dawk l-istokkijiet. Barra minn hekk, il-pjan pluriennali se jkun fih miżuri ta’ salvagwardja li jagħtu qafas biex jerġgħu jiżdiedu l-livelli tal-istokkijiet meta dawn jaqgħu taħt il-limiti bijoloġiċi sikuri.

    Il-pjan pluriennali se japplika għall-bastimenti kollha tas-sajd tal-UE, irrispettivament mill-parteċipazzjoni globali tagħhom fis-sajd fil-Baħar Adrijatiku (fl-ilmijiet tal-UE u fl-ilmijiet internazzjonali). Dan huwa f’konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd (il-PKS) u f’konformità mal-effett tal-bastimenti fuq l-istokkijiet tal-ħut ikkonċernati.

    Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 (“ir-Regolament Bażiku”) huma rilevanti għall-pjan pluriennali:

    L-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Bażiku fihom dispożizzjonijiet dwar l-objettivi tal-pjanijiet pluriennali u l-kontenut tagħhom. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Bażiku, il-pjanijiet pluriennali għandu jkun fihom miri kwantifikabbli. Dawn il-miri għandhom ikunu ssupplimentati b’dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja marbutin ma’ punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni li jiskattawhom.

    Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Bażiku, l-obbligu tal-ħatt l-art ilu japplika sa mill-1 ta’ Jannar 2015 għas-sajd pelaġiku ż-żgħir, jiġifieri għas-sajd għall-kavalli, għall-aringi, għas-sawrell, għall-istokkafixx, għall-pixxitrumbetta, għall-inċova, għall-argentina, għas-sardin u għal-laċċa l-kaħla, isir fejn isir fl-ilmijiet tal-UE. Skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament Bażiku, id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art iridu jkunu speċifikati fil-pjanijiet pluriennali, inklużi d-dettalji li ġejjin:

    (a)dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sajd jew l-ispeċijiet koperti mill-obbligu ta’ ħatt l-art;

    (b)l-ispeċifikazzjoni ta’ eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ ħatt l-art;

    (c)dispożizzjonijiet għal eżenzjonijiet de minimis ta’ mhux aktar minn 5 % tal-qabdiet annwali totali tal-ispeċijiet kollha suġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art, biex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati tal-manipulazzjoni ta’ qabdiet mhux mixtieqa.

    Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, l-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett jistgħu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti għal ċerti miżuri li jridu jiġu adottati, f’każijiet fejn il-Kummissjoni tkun ingħatat is-setgħa li tadotta atti delegati jew atti ta’ implimentazzjoni biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-pjan pluriennali.

    Il-pjan pluriennali fih ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ kontroll maħsubin biex jadattaw għall-kuntest speċifiku tas-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir fil-Baħar Adrijatiku l-miżuri ġenerali ta’ kontroll stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 13 , li jipprevedi l-qafas leġiżlattiv ta’ kontroll, spezzjoni u infurzar biex tkun żgurata l-konformità mar-regoli tal-PKS. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 huma dawn li ġejjin:

    Skont l-Artikolu 9, bastiment tas-sajd li b’kollox ikun twil 12-il metru jew aktar għandu jkollu installat abbord tagħmir li jiffunzjona għalkollox li jippermetti lil dak il-bastiment jiġi awtomatikament rilevat u identifikat permezz tas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti billi jittrażmetti dejta tal-pożizzjoni f’intervalli regolari. Huwa għandu jippermetti wkoll liċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sajd tal-Istat Membru tal-bandiera jieħu d-dettalji tiegħu.

    Skont l-Artikolu 15, il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-UE li b’kollox ikunu twal 12-il metru jew aktar għandhom jużaw ġurnali elettroniċi ta’ abbord u għandhom jibagħtuhom permezz ta’ mezzi elettroniċi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera mill-inqas darba kuljum.

    Skont l-Artikolu 17, il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-UE li b’kollox ikunu twal 12-il metru jew aktar u li huma impenjati f’sajd għal stokkijiet li huma koperti minn pjan pluriennali, u li għandhom l-obbligu li jirreġistraw b’mod elettroniku d-dejta tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom sett ta’ informazzjoni dwar il-bastiment u dwar il-qabdiet mill-inqas erba’ sigħat qabel il-ħin mistenni tal-wasla fil-port.

    Jista’ jkun xieraq li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu adattati għan-natura speċifika ta’ ċertu tip ta’ sajd partikulari permezz ta’ pjan pluriennali.

    F’konformità mal-Artikolu 43, pjan pluriennali jista’ jistabbilixxi limiti massimi li, jekk jinqabżu, il-qabdiet tal-istokkijiet ikunu jridu jinħattu l-art f’portijiet deżinjati.

    It-Taqsima 5 tagħti ħarsa ġenerali lejn id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-pjan pluriennali.

    Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika fil-qasam tal-politika

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-PKS u jidentifika s-sitwazzjonijiet li fihom il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu jadottaw pjanijiet pluriennali.

    Din il-proposta dwar pjan pluriennali għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku ssegwi l-istess approċċ biex tistabbilixxi l-għanijiet, il-miri u s-salvagwardji tal-pjan pluriennali u biex timplimenta l-obbligu tal-ħatt l-art bħal dak segwit fir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 14 li ġie adottat dan l-aħħar.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar 15 jiddeskrivi miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni, jiġifieri r-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-qabdiet, id-daqs minimu tal-malja, id-daqs minimu tal-ħatt l-art, iż-żoni magħluqa u l-istaġuni magħluqa għal ċertu tip ta’ sajd. Bħalissa dan qed jiġi rieżaminat u se jinbidel jekk tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi 16 . Din il-proposta se tippermetti lill-Istati Membri jemendaw il-miżuri tekniċi permezz tal-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni.

    Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    Din il-proposta u l-għanijiet tagħha huma konsistenti mal-politiki tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari mal-politiki ambjentali, bħal dik tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 17 u l-għanijiet tagħha li jintlaħaq status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet marini tal-UE sal-2020.

    2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

    Il-bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Id-dispożizzjonijiet tal-proposta għandhom x’jaqsmu mal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u huma miżuri li jidħlu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Din il-proposta tħares il-prinċipju tas-sussidjarjetà u tissodisfa r-rekwiżiti tiegħu. Kemm l-istokkijiet tal-inċova u tas-sardin u kemm il-bastimenti tas-sajd ikkonċernati jgħaddu b’mod ħieles minn naħa għall-oħra tal-fruntieri internazzjonali, u b’hekk azzjoni fil-livell tal-Istati Membri biss x’aktarx li mhix se tkun effettiva biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. Sabiex il-miżuri jkunu effettivi, dawn għandhom jiġu implimentati b’mod ikkoordinat u għandhom ikunu japplikaw għaż-żona kollha fejn jinsab l-istokk u għall-flotot kollha kkonċernati.

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-miżuri proposti huma konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità billi huma xierqa u meħtieġa, filwaqt li ma hemm l-ebda miżura inqas restrittiva oħra disponibbli biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa tal-politika. B’mod ġenerali, il-partijiet interessati kkonsultati jaqblu li l-qafas leġiżlattiv attwali, li jikkonsisti f’leġiżlazzjoni nazzjonali, fi pjan tal-UE għall-iskartar tal-ħut u f’miżuri adottati mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran, mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-PKS.

    L-għażla tal-istrument

    L-istrument propost huwa Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Huma u jitħejjew din il-proposta u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjaha, saru konsultazzjonijiet f’livelli differenti fosthom mal-partijiet interessati, max-xjenzati, ma’ ċittadini individwali, mal-amministrazzjonijiet pubbliċi u mad-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni.

    Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

    Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati b’mod immirat u b’mod partikulari permezz ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Mediterran (il-MEDAC) 18 , li huwa l-aktar organizzazzjoni rappreżentattiva tal-partijiet interessati fil-qasam tas-sajd fil-Mediterran. Il-MEDAC jirrappreżenta l-partijiet kollha kkonċernati minn din il-proposta. Dawn jinkludu s-settur tas-sajd, inkluż is-sajd fuq skala żgħira, is-settur tal-ipproċessar, it-trejdjunjins u gruppi ta’ interess oħrajn bħall-organizzazzjonijiet ambjentali, il-gruppi tal-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet tas-sajd sportiv jew rikreattiv li jaħdmu fiż-żona tal-Mediterran skont il-PKS.

    Mill-2014 il-MEDAC waqqaf grupp ta’ ħidma ddedikat speċifikament għall-iżvilupp tal-pjan pluriennali għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku. Il-grupp ta’ ħidma ltaqa’ sitt darbiet, u f’dawn il-laqgħat ħadu sehem rappreżentanti tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (id-DĠ Affarijiet Marittimi u Sajd) tal-Kummissjoni, rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, rappreżentanti tal-komunità tar-riċerka xjentifika, rappreżentanti tal-industrija u rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet tas-sajd tal-Istati Membri 19 . F’Marzu tal-2016, il-MEDAC adotta parir dwar il-pjan pluriennali għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana 20 . Xi wħud mill-miżuri li rrakkomanda l-MEDAC iddaħħlu f’din il-proposta, jiġifieri li jiġi estiż l-użu tal-ġurnali elettroniċi ta’ abbord u tas-sistemi elettroniċi sabiex tiġi mmonitorjata l-pożizzjoni tal-bastimenti u li jiddaħħlu l-miżuri meħtieġa biex jiġi implimentat l-obbligu tal-ħatt l-art.

    Fit-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni organizzat ukoll seminar xjentifiku u tekniku dwar is-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir fil-Baħar Adrijatiku li laqqa’ flimkien lix-xjenzati, lill-MEDAC u lill-amministrazzjonijiet tas-sajd tal-Istati Membri. Kien hemm qbil ġenerali li l-inċova u s-sardin huma sfruttati żżejjed u li wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni dwar dan.

    Wara dan is-seminar, fil-21 sal-25 ta’ Settembru 2015 saret sessjoni ta’ ħidma dwar l-implimentazzjoni tar-rendiment massimu sostenibbli (l-MSY) fid-diversi studji tal-każijiet, fosthom għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku. Din is-sessjoni ta’ ħidma ġiet organizzata fil-kuntest ta’ proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni dwar ix-xenarji ta’ ġestjoni għat-tħejjija tal-pjanijiet pluriennali ta’ ġestjoni għall-Mediterran u għall-Baħar l-Iswed. Din il-laqgħa ppermettiet lil atturi differenti (il-Kummissjoni, il-MEDAC, esperti indipendenti u konsulenti li qed iwettqu l-proġett) jiddiskutu u jaqblu dwar il-possibbiltajiet differenti ta’ ġestjoni, il-kriterji u x-xenarji ppjanati biex jintlaħaq l-FMSY fil-kuntest ta’ dan il-proġett.

    Il-partijiet interessati involuti fis-sajd fil-Mediterran (fosthom l-awtoritajiet ta’ tmien Stati Membri, l-istituti tar-riċerka minn tmien Stati Membri, ħames NGOs, rappreżentanti tal-industrija minn tmien Stati Membri, il-MEDAC u l-STECF) ġew ikkonsultati fil-kuntest tal-istudju ta’ evalwazzjoni retrospettiva tar-Regolament dwar il-Mediterran 21 , li kien jinkludi studju ta’ każ speċifiku dwar l-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku. Permezz ta’ din il-konsultazzjoni ngħatat informazzjoni rilevanti dwar id-definizzjoni tal-problema u l-effettività tal-qafas attwali. Fil-maġġoranza kbira tagħhom, il-partijiet interessati qablu li l-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran kienu sfruttati żżejjed b’mod serju, u l-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu f’kull kategorija tal-partijiet interessati stqarrew li s’issa ma kien seħħ l-ebda titjib fl-istat tal-istokk li seta’ jiġi osservat. Problema ewlenija oħra identifikata kienet tinkludi tħassib dwar is-sostenibbiltà soċjoekonomika tas-sajd fil-Mediterran fil-ġejjieni.

    Barra minn hekk, bejn it-22 ta’ Mejju 2015 u l-11 ta’ Settembru 2015 saret konsultazzjoni pubblika wiesgħa u bbażata fuq l-internet dwar is-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana 22 . B’kollox waslu 15-il kumment iddettaljat mingħand l-Istati Membri, il-MEDAC, ir-rappreżentanti tal-industrija, l-NGOs u ċ-ċittadini privati. Il-konklużjonijiet ewlenin kienu dawn li ġejjin:

    Ħafna mill-kontributuri qablu li hemm bżonn ta’ pjan pluriennali tal-UE minħabba li l-qafas legali attwali ma jqisx l-ispeċifiċitajiet tas-sajd f’dan ir-reġjun u ma jimplimentax bis-sħiħ il-PKS, b’mod partikulari l-prinċipju tar-reġjonalizzazzjoni.

    Hu meqjus li l-qafas attwali huwa kumpless wisq.

    L-intervent tal-UE għandu jkun limitat għall-orjentament tal-għanijiet u għall-istabbiliment tagħhom.

    Għandhom jitqiesu l-interazzjonijiet bejn is-sajd u l-fatturi ambjentali.

    Il-miżuri għandhom jikkonċernaw biss lill-ispeċijiet fil-mira.

    Il-miżuri tekniċi u l-miżuri addizzjonali dwar l-obbligu ta’ ħatt l-art għandhom jiġu adottati permezz tar-reġjonalizzazzjoni u mhux jiġu ffissati fil-pjan pluriennali.

    Il-miżuri tekniċi għandhom jiffukaw fuq l-għeluq ġeotemporali tas-sajd iktar milli fuq iż-żidiet fis-selettività abbażi tad-daqs tal-malja tax-xbieki.

    Il-pjan pluriennali għandu jkollu approċċ adattabbli u għandu jkun fi proporzjon mas-sehem tal-qabdiet mill-flotot differenti kkonċernati.

    Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Minbarra x-xogħol ta’ konsultazzjoni pubblika deskritt hawn fuq u l-istudju ta’ evalwazzjoni retrospettiva deskritt fit-taqsima li jmiss, din il-proposta tissejjes fuq diversi studji ewlenin.

    Fl-2014, il-Kummissjoni tat kuntratt għal studju dwar għarfien akbar tal-aspetti soċjoekonomiċi ewlenin marbutin mat-tipi ta’ sajd l-iktar importanti li jsiru fil-Baħar Adrijatiku, intitolat “Improved knowledge of the main socio-economic aspects related to the most important fisheries in the Adriatic Sea”. L-għan tal-istudju kien li jidentifika t-tipi ta’ sajd ewlenin li jsiru fil-Baħar Adrijatiku, li jiddeskrivi l-istat tal-valutazzjonijiet tal-istokkijiet u l-pariri xjentifiċi għall-istokkijiet rilevanti u li jipprovdi informazzjoni soċjoekonomika dwar it-tipi ta’ sajd differenti li jsiru mis-sajjieda tal-pajjiżi li jmissu mal-Baħar Adrijatiku. Dan l-istudju tlesta fl-2015 23 .

    Studju ieħor tnieda mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fl-2014 biex jivvaluta x-xenarji speċifiċi ta’ ġestjoni għall-pjanijiet pluriennali skont l-għanijiet tal-PKS 24 . Dan l-istudju ppreveda erba’ studji tal-każijiet, u wieħed minnhom kellu x’jaqsam mas-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir fil-Baħar Adrijatiku. L-istudju mbagħad uża l-immudellar bijoekonomiku sabiex jivvaluta l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tax-xenarji differenti fuq is-segmenti differenti tal-flotta.

    L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Studju dwar l-evalwazzjoni retrospettiva tar-Regolament dwar il-Mediterran21 sab li, minkejja li qed jiġu implimentati bosta miżuri skont dan ir-Regolament, ir-Regolament dwar il-Mediterran jidher li mhux qed jilħaq il-biċċa l-kbira tal-għanijiet tiegħu fir-reġjun tal-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana jew li r-riżultati dwar l-effettività tiegħu mhumiex konklużivi minħabba li ma hemmx biżżejjed evidenza ta’ sostenn. Pereżempju, l-awtoritajiet nazzjonali kollha li ġew ikkonsultati fil-kuntest ta’ dan l-istudju ftit li xejn innutaw tnaqqis fl-isforzi tas-sajd fir-reġjun tal-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana jew ma nnutaw l-ebda tnaqqis f’dawn l-isforzi u r-Regolament dwar il-Mediterran kellu impatt limitat fuq l-għadd ta’ bastimenti fl-Italja u fil-Kroazja u fuq l-impjiegi fihom.

    L-STECF analizza l-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali li l-Istati Membri adottaw skont ir-Regolament dwar il-Mediterran 25 abbażi ta’ studju apposta 26 . L-STECF ikkonkluda li bil-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali eżistenti t-tnaqqis fil-qabdiet mhux biżżejjed biex jintlaħqu livelli sostenibbli tas-sajd sal-2020. Għalhekk, l-STECF iqis li, sakemm ma jinbidlux il-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali, x’aktarx li l-għanijiet tal-PKS mhux se jintlaħqu.

    Għall-miżuri internazzjonali implimentati skont il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (il-GFCM), fl-2015 il-GFCM għamlet valutazzjoni bijoekonomika tal-miżuri ta’ ġestjoni għas-sajd għall-inċova u għas-sardin fil-Baħar Adrijatiku 27 . Is-simulazzjonijiet juru li l-mortalitajiet attwali mis-sajd 28 huma għoljin wisq, inkluż fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza li adottat il-GFCM. Jekk jitkomplew, l-istokkijiet tas-sardin u tal-inċova se jibqgħu me jkunux f’limiti bijoloġiċi sikuri jew saħansitra jikkrollaw bejn l-2020 u l-2030.

    Il-valutazzjoni tal-impatt

    Il-valutazzjoni tal-impatt għall-pjan pluriennali għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku saret fil-kuntest tal-PKS il-ġdida u tal-abbozzar mill-ġdid tar-regolamenti dwar il-miżuri tekniċi. Għalhekk, il-valutazzjonijiet tal-impatt li ġejjin huma rilevanti għal din il-proposta:

    ir-riforma tal-PKS 29 ;

    l-impatti tal-introduzzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art 30 , 31 ;

    id-dimensjonijiet soċjoekonomiċi tal-PKS 32 ;

    l-iżvilupp ta’ regolament ġdid dwar il-miżuri tekniċi 33 .

    Barra minn hekk, saret valutazzjoni tal-impatt dwar din il-proposta legali biex jiġi stabbilit pjan pluriennali għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar u għas-sajd tagħhom fil-Baħar Adrijatiku.

    L-għażliet tal-politika li tqiesu f’din il-valutazzjoni tal-impatt kienu dawn li ġejjin:

    l-Għażla 0: l-użu ta’ strumenti mhux leġiżlattivi jew ta’ “liġijiet mhux vinkolanti” (għażla li ma damitx ma ngħatat ’il ġenb);

    l-Għażla 1: iż-żamma tal-istatus quo (li huwa x-xenarju ta’ referenza li miegħu tqabblu l-għażliet l-oħrajn);

    l-Għażla 2: it-tfassil ta’ Regolament tal-UE għall-ġestjoni tas-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir bil-għan li jkun hemm sajd sostenibbli ta’ dawn l-istokkijiet jew sal-2018 jew sal-2020 (żewġ għażliet sekondarji). Qed jiġi propost mekkaniżmu ġdid ta’ ġestjoni fil-kuntest tal-Għażla 2 li jiffoka fuq il-produzzjoni tas-sajd billi jistabbilixxi limiti tal-qbid. Dan l-approċċ ġie ttestjat b’suċċess f’ilmijiet oħrajn tal-UE u wassal għal titjib fl-istat tal-istokkijiet;

    l-Għażla 3: it-tentattiv biex jiġi emendat il-qafas attwali ta’ ġestjoni (il-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali), li jista’ jwassal għall-aħjar xenarju jew għall-agħar wieħed possibbli skont jekk jirnexxix jew le.

    L-għażla ppreferuta kienet l-Għażla 2 — Regolament tal-UE għall-ġestjoni tas-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir — li hija l-unika waħda li nstabet li tagħti riżultati għall-għanijiet kollha. B’mod ġenerali, ir-riżultat mistenni tal-Għażla 2 se jkun status imtejjeb ta’ konservazzjoni tal-inċova u s-sardin, li fl-aħħar mill-aħħar se jwassal għal settur tas-sajd li jiddependi minn din ir-riżorsa li jkun aktar b’saħħtu u sostenibbli, li jkun joffri salarji aħjar għas-sajjieda individwali u iktar profittabbiltà b’mod ġenerali meta mqabbel mal-istatus quo.

    It-tranżizzjoni għal dan l-istat aktar sostenibbli tas-sajd x’aktarx li se tkun teħtieġ tnaqqis fis-settur tas-sajd, inkluż fil-livell tal-impjiegi u fid-dħul ġenerali għas-settur. Hekk kif jonqsu l-qabdiet, il-prezzijiet x’aktarx jiżdiedu mal-ewwel bejgħ u dan jista’ jagħmel tajjeb, sa ċertu punt, għad-dħul imnaqqas tas-settur tas-sajd minħabba t-tnaqqis fil-qabdiet. Jista’ jkun li l-operaturi tas-settur tal-ipproċessar (b’mod partikulari fil-Kroazja u fl-Italja) ikollhom iżidu l-importazzjonijiet tagħhom minn pajjiżi oħrajn. Hemm miżuri u strumenti finanzjarji speċifiċi disponibbli biex jgħinu lis-setturi kkonċernati matul dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

    Fl-Għażla 2, l-2020 bħala d-data fil-mira biex jinkiseb sajd sostenibbli hija ppreferuta mill-2018 f’termini tal-aċċettabbiltà tagħha min-naħa tal-partijiet interessati, li fil-maġġoranza l-kbira tagħhom esprimew preferenza għall-2020. Din hija wkoll l-iktar data realistika meta wieħed iqis iż-żmien li fih probabbilment se jidħol fis-seħħ il-pjan pluriennali tal-UE.

    L-ebda parti interessata kkonsultata ma semmiet il-liġijiet mhux vinkolanti (l-Għażla 0) bħala għażla fattibbli. Waqt il-konsultazzjoni pubblika, parti interessata waħda biss wieġbet li l-qafas attwali (jiġifieri l-Għażla 1) huwa biżżejjed. Dawk kollha li wieġbu, minbarra parteċipant wieħed, ħassew li l-emendar tal-qafas attwali (jiġifieri l-Għażla 3) ma kienx se jkun biżżejjed. Il-MEDAC (li huwa magħmul minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-industrija), l-NGOs, l-awtoritajiet pubbliċi, l-istituti xjentifiċi, u l-Italja, il-Kroazja u s-Slovenja jappoġġaw l-iżvilupp ta’ pjan pluriennali (jiġifieri l-Għażla 2), u jippreferu ħafna l-għażla sekondarja tal-“2020”.

    L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

    Din il-proposta mhijiex inizjattiva li tidħol fil-Programm dwar l-idoneità tar-regolamentazzjoni. Madankollu, hija se tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni Ewropea. Il-pjan pluriennali se jipprovdi strument uniku li jkun fih id-dispożizzjonijiet kollha marbutin mal-ġestjoni ta’ dan it-tip ta’ sajd fil-livell tal-UE, filwaqt li s-sistema attwali tikkonsisti f’dispożizzjonijiet fi tliet pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali eżistenti li huma adottati permezz ta’ tliet regolamenti nazzjonali separati minbarra l-pjan tal-UE għall-iskartar tal-ħut.

    Il-qafas attwali ta’ ġestjoni huwa kumpless u, barra minn hekk, jinbidel il-ħin kollu. Għalhekk, is-simplifikazzjoni u l-fatt li jkun hemm iktar stabbiltà u trasparenza se jtejbu b’mod sinifikanti s-sitwazzjoni attwali.

    Il-pjan pluriennali se jipprevedi wkoll sistema ta’ ġestjoni li tkun aktar sempliċi u aktar trasparenti minn dik li hemm dal-ħin f’termini tal-implimentazzjoni tal-parir xjentifiku f’miżuri konkreti ta’ ġestjoni. Ix-xjenzati se jagħtu l-parir xjentifiku tagħhom kull sena, fosthom dwar x’limiti tal-qbid għandu jkun hemm għal kull stokk sabiex ikunu żgurati livelli sostenibbli tas-sajd. Meta jkollok sistema ta’ kontroll tal-produzzjoni, it-tnaqqis meħtieġ fil-mortalità mis-sajd ifisser mill-ewwel tnaqqis fil-qabdiet, iżda dan mhuwiex il-każ meta jkollok kontroll tad-dħul (jiġifieri kontroll ibbażat fuq il-ġestjoni tal-isforz jew tal-kapaċità). Dan il-pjan pluriennali se jżid ukoll l-istabbiltà u l-prevedibbiltà tar-riżorsi disponibbli għas-settur tas-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir.

    Il-PKS hija politika mmirata b’mod speċifiku biex tittratta l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (l-SMEs), li huma n-norma fis-settur tas-sajd, aktar milli l-eċċezzjoni. Fis-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir li jseħħ fil-Baħar Adrijatiku, kważi l-impriżi kollha tas-sajd u l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji fis-settur tal-ipproċessar huma mikrointrapriżi jew SMEs. Għalhekk m’hemm l-ebda raġuni għaliex dawn għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta abbażi tad-daqs tagħhom għax inkella l-biċċa l-kbira tas-settur ikun eskluż u din il-proposta tispiċċa ma tkunx tagħmel sens. Għaldaqstant, il-pjan pluriennali tal-UE se jkun japplika għan-negozji kollha, inklużi l-SMEs u l-mikrointrapriżi. Għalhekk x’aktarx li l-impatti kollha deskritti hawn fuq se jkunu japplikaw għall-intrapriżi kollha fi gradi differenti, skont kif l-Istati Membri jiddeċiedu li jallokaw it-tnaqqis meħtieġ fis-sajd għas-segmenti differenti tal-flotta.

    Id-drittijiet fundamentali

    Din il-proposta hi għalkollox konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 34 u b’mod partikulari mal-Artikolu 37 tagħha li jipprevedi li livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u t-titjib fil-kwalità tal-ambjent għandhom jiġu integrati fil-politika tal-Unjoni Ewropea u li dawn għandhom jiġu żgurati skont il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli.

    4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

    Il-monitoraġġ ta’ xi ftit mill-effetti tal-miżuri ta’ ġestjoni jsir bħala parti mix-xogħol ta’ rutina assoċjat mal-implimentazzjoni tal-PKS. L-Istati Membri diġà jiġbru d-dejta meħtieġa biex jiġu mmonitorjati l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-pjan pluriennali fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġbir tad-dejta 35 . Barra minn hekk, l-STECF iwettaq ukoll valutazzjoni regolari tal-istat tal-inċova u tas-sardin u tal-prestazzjoni soċjoekonomika kemm tas-settur tas-sajd kif ukoll ta’ dak tal-ipproċessar. L-impatti tal-pjan pluriennali fuq is-swieq se jiġi mmonitorjat kull sentejn permezz tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura 36 . Għalhekk, hemm dejta ta’ referenza disponibbli u hemm ukoll proċess fis-seħħ biex jiġu mmonitorjati l-għanijiet operattivi msemmijin hawn fuq, kif ukoll l-impatti soċjoekonomiċi tal-pjan pluriennali.

    Il-pjan pluriennali jipprevedi li titwettaq evalwazzjoni perjodika tal-impatt tiegħu fuq l-istokkijiet ikkonċernati abbażi ta’ parir xjentifiku. Huwa kruċjali li jiġi identifikat perjodu xieraq għal din l-evalwazzjoni: perjodu li jippermetti l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri reġjonalizzati u li jippermetti li dawn il-miżuri juru l-impatt tagħhom fuq l-istokkijiet u fuq is-sajd. Iż-żmien tal-evalwazzjoni għandu jqis ukoll id-dewmien li jeżisti bejn il-ġbir tad-dejta bijoloġika u soċjoekonomika u l-metodu ta’ ħidma tal-korpi xjentifiċi li jivvalutaw dik id-dejta. L-STECF irrakkomanda li, biex jiġu vvalutati l-pjanijiet pluriennali, għandhom jintużaw l-ekwivalenti ta’ tliet snin ta’ dejta dwar l-impatti. L-STECF issuġġerixxa wkoll li hemm bżonn ta’ ħames snin minn meta jiġi implimentat il-pjan biex jinkiseb l-ekwivalenti ta’ tliet snin ta’ dejta disponibbli 37 . Għalhekk, il-pjan pluriennali għandu jiġi evalwat kull ħames snin.

    F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-evalwazzjoni perjodika tal-impatt tal-pjan pluriennali ma żżommx lil-leġiżlaturi milli jemendaw il-pjan jekk ikun hemm xi żviluppi xjentifiċi, politiċi jew soċjoekonomiċi ġodda.

    Spjegazzjoni ddettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    F’konformità mal-ambizzjoni ġenerali tal-PKS dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u filwaqt li jitqiesu l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jistabbilixxu l-prinċipji u l-objettivi tal-pjanijiet pluriennali u l-kontenut tagħhom rispettivament, l-elementi prinċipali tal-pjan huma dawn li ġejjin:

    il-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan pluriennali għandu fil-mira tiegħu l-istokkijiet pelaġiċi żgħar, u b’mod aktar speċifiku l-inċova, is-sardin, il-kavalli u s-sawrell, u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet fil-Baħar Adrijatiku;

    l-għan tal-pjan pluriennali huwa li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-PKS, u b’mod partikulari li jintlaħaq u jinżamm ir-rendiment massimu sostenibbli (l-MSY) għall-istokkijiet ikkonċernati, li s-settur tas-sajd isir sostenibbli u li huwa jipprovdi qafas ta’ ġestjoni effettiv. Il-pjan pluriennali jikkontribwixxi wkoll biex ikun jista’ jiġi implimentat l-obbligu tal-ħatt l-art;

    il-miri proposti huma mogħtija bħala meded tal-mortalità mis-sajd madwar l-FMSY kif irrakkomandat mill-STECF bi skadenza tal-2020 l-aktar tard. Dawn il-meded tal-FMSY jippermettu ġestjoni bbażata fuq ir-rendiment massimu sostenibbli għall-istokkijiet ikkonċernati u jipprovdu lil dan is-settur b’livell għoli ta’ prevedibbiltà. Ġew inklużi miri għall-inċova u għas-sardin u l-meded irrakkomandahom l-STECF9. Dawn il-meded jippermettu ġestjoni bbażata fuq l-MSY għal dawn l-istokkijiet, u jidhru li jippermettu adattamenti f’każ li jkun hemm xi bidliet fil-pariri xjentifiċi, filwaqt li fl-istess ħin iżommu livell għoli ta’ prevedibbiltà. F’każijiet fejn ikun hemm dejta disponibbli dwar l-istokkijiet tal-ħut, dawn il-punti ta’ referenza għandhom jingħataw bħala bijomassa ta’ stokk riproduttiv;

    il-punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni, mogħtija f’tunnellati ta’ bijomassa ta’ stokk riproduttiv jew bħala l-abbundanza f’ċifri u inklużi fil-pjan pluriennali, jistabbilihom l-STECF;

    is-salvagwardji u l-miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni huma marbutin mal-punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni. Meta, skont il-pariri xjentifiċi, xi wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati jkun taħt dak il-punt, il-qabdiet permissibbli għal dak l-istokk għandhom jitnaqqsu. Ma’ din il-miżura jistgħu jittieħdu oħrajn, meta dan ikun meħtieġ, bħal, pereżempju, miżuri tekniċi jew miżuri ta’ emerġenza tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri. Xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jiġu adottati permezz tar-reġjonalizzazzjoni;

    dispożizzjonijiet marbutin mal-obbligu tal-ħatt l-art li jridu jiġu adottati skont ir-reġjonalizzazzjoni huma meħtieġa biex jittawwal il-perjodu tal-eżenzjonijiet mill-obbligu tal-ħatt l-art għal speċijiet li għalihom l-evidenza xjentifika turi rati għoljin ta’ sopravvivenza u l-perjodu tal-eżenzjonijiet de minimis (u/jew biex dawn l-eżenzjonijiet jiġu emendati), f’konformità mal-iżvilupp tal-pariri xjentifiċi. Bħalissa t-tali eżenzjonijiet, adottati skont il-pjan għall-iskartar tal-ħut fil-Baħar Mediterran5, huma validi għal tliet snin;

    il-pjan pluriennali jistabbilixxi kooperazzjoni reġjonali fost l-Istati Membri b’rabta mal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet għall-obbligu tal-ħatt l-art u ta’ miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni, inklużi miżuri tekniċi, għal ċerti stokkijiet;

    qed jingħataw dispożizzjonijiet ta’ kontroll dwar is-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, in-notifiki minn qabel, il-ġurnali elettroniċi ta’ abbord u l-portijiet deżinjati. Għan-notifiki minn qabel, jeħtieġ li r-regoli ġenerali mogħtija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet tal-Baħar Adrijatiku u tas-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir li jsir fih. Għall-ġurnali elettroniċi ta’ abbord u s-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, id-dispożizzjonijiet inklużi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 qed jiġu estiżi biex ikopru l-bastimenti kollha ta’ aktar minn tmien metri sabiex jittejjeb il-kontroll tas-sajd kopert mill-pjan pluriennali. Għall-portijiet deżinjati, din il-proposta tipprovdi limitu massimu li, jekk jinqabeż, l-inċova u s-sardin ikollhom jinħattu biss f’portijiet b’kontrolli mtejbin;

    evalwazzjoni perjodika tal-pjan pluriennali abbażi ta’ parir xjentifiku: il-pjan għandu jiġi evalwat kull ħames snin. Fil-bidu dan il-perjodu jippermetti li jiġi implimentat bis-sħiħ l-obbligu tal-ħatt l-art u li jiġu adottati u implimentati miżuri reġjonalizzati u li dawn jibda jkollhom impatt fuq l-istokkijiet u fuq is-sajd. Dan huwa wkoll il-perjodu minimu meħtieġ mill-korpi xjentifiċi37.

    2017/0043 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 38 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja 39 ,

    Billi:

    (1)Jenħtieġ li l-politika komuni tas-sajd (il-PKS) tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent marin, għall-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet kollha sfruttati b’mod kummerċjali, u b’mod partikulari għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 .

    (2)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 jistabbilixxi r-regoli tal-PKS f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. L-għanijiet tal-PKS huma, fost l-oħrajn, li jkun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu sostenibbli fit-tul mil-lat ambjentali, li jiġi applikat l-approċċ ta’ prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd u li jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd.

    (3)Il-pariri xjentifiċi tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) u tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (l-SAC tal-GFCM) indikaw li l-isfruttament tal-istokkijiet tas-sardin u tal-inċova fil-Baħar Adrijatiku jaqbeż il-livelli meħtieġa biex jinkiseb ir-rendiment massimu sostenibbli (l-MSY).

    (4)Minkejja li l-istokkijiet tas-sardin u tal-inċova fil-Baħar Adrijatiku huma ġestiti kemm skont pjan ta’ ġestjoni internazzjonali fil-kuntest tal-GFCM u kemm skont pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali adottati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 42 , huma għadhom qed jiġu sfruttati żżejjed u l-miżuri attwali ta’ ġestjoni qed jitqiesu li mhumiex biżżejjed biex jinkiseb l-MSY sal-2020. L-Istati Membri u l-partijiet interessati esprimew appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni għal dawn iż-żewġ stokkijiet fil-livell tal-UE.

    (5)Il-miżuri attwali ta’ ġestjoni għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku għandhom x’jaqsmu mal-aċċess għall-ilmijiet, mal-kontroll tal-isforz tas-sajd u ma’ miżuri tekniċi li jirregolaw l-użu tal-irkaptu. Il-pariri xjentifiċi indikaw li l-kontroll tal-qabdiet huwa l-iktar mezz xieraq biex tiġi adattata l-mortalità mis-sajd u li dan se jkun għodda ta’ ġestjoni aktar effettiva għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar 43 .

    (6)Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, iridu jiġu adottati għadd ta’ miżuri ta’ konservazzjoni bħalma huma l-pjanijiet pluriennali, il-miżuri tekniċi, l-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd u l-allokazzjoni tagħhom, skont kif ikun xieraq, fi kwalunkwe kombinament.

    (7)Skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjanijiet pluriennali għandhom ikunu ibbażati fuq pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi u għandhom ikunu jinkludu objettivi, miri kwantifikabbli bi skedi taż-żmien ċari, punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni u salvagwardji.

    (8)L-għan tal-pjan pluriennali għandu jkun li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, u b’mod speċjali biex jintlaħaq u jinżamm l-MSY għall-istokkijiet ikkonċernati, biex is-settur tas-sajd isir sostenibbli u biex jipprovdi qafas ta’ ġestjoni effettiv.

    (9)Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 daħħal l-obbligu tal-ħatt l-art, inkluż għall-qabdiet kollha ta’ speċijiet li huma suġġetti għal daqsijiet minimi kif iddefinit fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1392/2014 44 stabbilixxa pjan ta’ tliet snin għall-iskartar tal-ħut li jipprevedi eżenzjoni de minimis mill-obbligu tal-ħatt l-art għall-inċova, is-sardin, il-kavalli u s-sawrell fil-Baħar Adrijatiku. Sabiex jiġi implimentat l-obbligu tal-ħatt l-art, huwa xieraq li tiġi estiża l-validità tal-miżuri stabbiliti fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1392/2014 billi d-dispożizzjonijiet rispettivi tiegħu jiddaħħlu fil-pjan pluriennali.

    (10)F’konformità mal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, minbarra d-deskrittur relatat mas-sajd mogħti fid-Direttiva 2008/56/KE, id-deskritturi kwalitattivi 1, 4 u 6 mogħtija fl-Anness I tad-Direttiva wkoll għandhom jitqiesu fil-qafas tal-ġestjoni tas-sajd.

    (11)Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti b’mod konsistenti mal-miri stabbiliti fil-pjanijiet pluriennali.

    (12)Huwa xieraq li l-mortalità mis-sajd fil-mira (F) li tikkorrispondi mal-għan li jintlaħaq u jinżamm l-MSY tiġi stabbilita bħala meded ta’ valuri li huma konsistenti mal-kisba tar-rendiment massimu sostenibbli (FMSY). Dawk il-meded, ibbażati fuq pariri xjentifiċi, huma meħtieġa sabiex tiġi pprovduta l-flessibbiltà biex jitqiesu l-iżviluppi fil-pariri xjentifiċi, sabiex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art u sabiex jitqiesu l-karatteristiċi tas-sajd imħallat. Il-meded tal-FMSY ikkalkulahom il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) u huma mfasslin biex jagħtu tnaqqis ta’ mhux aktar minn 5 % fir-rendiment fit-tul meta mqabbel mal-MSY 45 . Barra minn hekk, il-limitu massimu tal-medda huwa limitat, hekk li l-probabbiltà li l-istokk jaqa’ taħt il-Blim mhijiex ta’ iktar minn 5 %.

    (13)Għall-għanijiet tal-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd, irid ikun hemm limitu massimu għall-meded tal-FMSY fil-każ ta’ użu normali u limitu ogħla f’ċerti każijiet, dejjem jekk l-istokk ikkonċernat jitqies li jkun fi stat tajjeb. Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd ikunu jistgħu jiġu ffissati sal-limitu ogħla biss jekk, abbażi tal-parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika, dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament b’rabta mas-sajd imħallat jew jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi evitat id-dannu lil xi stokk ikkawżat mid-dinamika tal-istokk tal-ispeċi jew mid-dinamika ta’ bejn l-istokkijiet ta’ speċijiet differenti, jew sabiex jiġu llimitati l-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd minn sena għall-oħra.

    (14)F’każijiet fejn ma jkunux disponibbli l-miri marbutin mal-MSY, jenħtieġ li japplika l-approċċ ta’ prekawzjoni.

    (15)Għall-istokkijiet li għalihom ikunu disponibbli dawn il-miri, u għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja, jeħtieġ li jiġu stabbiliti punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni mogħtija bħala MSY Btrigger u Blim għall-istokkijiet tal-inċova u tas-sardin. Jekk l-istokkijiet jaqgħu taħt l-MSY Btrigger, il-mortalità mis-sajd għandha titnaqqas iktar mill-FMSY.

    (16)Jenħtieġ li jiġu implimentati iktar miżuri ta’ salvagwardja jekk id-daqs tal-istokk jaqa’ taħt il-punt ta’ referenza ta’Blim. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ salvagwardja jkunu jinkludu t-tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd u miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni meta l-parir xjentifiku jkun jindika li xi stokk ikun mhedded. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jkollhom magħhom miżuri oħrajn, skont kif ikun xieraq, bħal miżuri tal-Kummissjoni meħudin skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew miżuri tal-Istati Membri meħudin skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (17)Għall-istokkijiet li għalihom ma jkunux disponibbli l-punti ta’ referenza, jenħtieġ li japplika l-approċċ ta’ prekawzjoni. Fil-każ speċifiku tal-istokkijiet li jinqabdu bħala qabdiet aċċessorji, jekk ma jkunx hemm parir xjentifiku dwar il-livelli minimi tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv għat-tali stokkijiet, jenħtieġ li jiġu adottati miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni meta l-parir xjentifiku jkun jindika li hemm bżonn ta’ miżuri ta’ rimedju.

    (18)Sabiex ikun jista’ jiġi implimentat l-obbligu ta’ ħatt l-art stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-pjan jipprevedi miżuri addizzjonali ta’ ġestjoni. Jenħtieġ li t-tali miżuri jiġu stabbiliti permezz ta’ atti delegati.

    (19)Jenħtieġ li tiġi stabbilita l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti min-naħa ta’ Stati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett, kif inhu meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (20)Jenħtieġ li l-pjan jipprevedi wkoll l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri tekniċi ta’ akkumpanjament, permezz ta’ atti delegati, sabiex dawn jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni tal-ħut li għadu qed jikber jew biex titjieb is-selettività.

    (21)Bil-għan li tiġi żgurata konformità sħiħa mal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu adottati miżuri speċifiċi ta’ kontroll biex jikkumplimentaw dawk previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 46 .

    (22)Filwaqt li jiġi rrikonoxxut li t-tendenza għall-bastimenti li jistadu għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku hi li huma jagħmlu vjaġġi qosra tas-sajd, jenħtieġ li l-użu tan-notifiki minn qabel kif inhu meħtieġ skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 jiġi adattat sabiex in-notifiki minn qabel jintbagħtu mill-inqas siegħa u nofs qabel il-ħin mistenni tal-wasla fil-port. Madankollu, meta jitqies l-effett limitat ta’ vjaġġi tas-sajd li jinvolvu kwantitajiet żgħar ħafna ta’ ħut fuq l-istokkijiet ikkonċernati, huwa xieraq li jiġi stabbilit limitu massimu għat-tali notifiki minn qabel meta dawn il-bastimenti jżommu abbord mill-inqas tunnellata ta’ inċova jew ta’ sardin.

    (23)Filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-għodod elettroniċi ta’ kontroll jiżguraw kontroll aħjar u iżjed f’waqtu tas-sajd, b’mod partikulari tad-distribuzzjoni ġeografika tal-attivitajiet tas-sajd u tal-isfruttament tal-istokkijiet, jenħtieġ li l-użu ta’ sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti u ta’ ġurnal elettroniku ta’ abbord, hekk kif inhu meħtieġ skont l-Artikoli 9 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 rispettivament, jiġi estiż għall-bastimenti kollha tas-sajd li b’kollox ikunu twal tmien metri.

    (24)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti massimi għall-qabdiet tal-inċova u tas-sardin li, jekk jaqbiżhom, bastiment tas-sajd għandu jħott l-art il-qabdiet f’port deżinjat jew f’post viċin il-kosta skont l-Artikolu 43 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009. Barra minn hekk, meta jkunu qed jagħżlu dawk il-portijiet jew dawk il-postijiet viċin il-kosta, jeħtieġ li l-Istati Membri japplikaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 43(5) ta’ dak ir-Regolament b’tali mod li jiġi żgurat kontroll effettiv.

    (25)Sabiex ikun hemm adattament f’waqtu u b’mod proporzjonat għall-progress tekniku u xjentifiku u biex tiġi żgurata l-flessibbiltà u tiġi permessa l-evoluzzjoni ta’ ċerti miżuri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b’rabta mas-supplimentar ta’ dan ir-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri ta’ rimedju għall-konservazzjoni tal-kavalli u tas-sawrell, mal-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art u ma’ miżuri tekniċi. Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet ix-xierqa matul il-ħidma tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet twettaqhom skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

    (26)Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet biex il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni perjodika tal-adegwatezza u tal-effettività tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li t-tali valutazzjoni ssegwi evalwazzjoni perjodika tal-pjan li tkun ibbażata fuq il-parir xjentifiku u li din tissejjes fuqha. Jenħtieġ li l-pjan jiġi evalwat kull ħames snin. Dan il-perjodu jippermetti li jiġi implimentat bis-sħiħ l-obbligu tal-ħatt l-art u li jiġu adottati u implimentati miżuri reġjonalizzati u li dawn jibda jkollhom impatt fuq l-istokkijiet u fuq is-sajd. Dan huwa wkoll il-perjodu minimu meħtieġ mill-korpi xjentifiċi.  

    (27)Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, qabel ma ġie abbozzat il-pjan, ġie evalwat l-impatt ekonomiku u soċjali probabbli tiegħu 47 ,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku.

    2.Dan ir-Regolament għandu japplika għall-istokkijiet tal-inċova (Engraulis encrasicolus) u tas-sardin (Sardina pilchardus) fil-Baħar Adrijatiku (“l-istokkijiet ikkonċernati”) u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet. Huwa għandu japplika wkoll għall-qabdiet aċċessorji tal-kavalli (Scomber spp.) u tas-sawrell (Trachurus spp.) fil-Baħar Adrijatiku li jinqabdu waqt is-sajd għal wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati jew għat-tnejn li huma.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 u dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006.

    2.Barra minn hekk, għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)“il-Baħar Adrijatiku” tfisser is-subżoni ġeografiċi 17 u 18 tal-GFCM;

    (b)“subżona ġeografika tal-GFCM” tfisser subżona ġeografika tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (il-GFCM), kif iddefinita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 48 ;

    (c)“stokkijiet pelaġiċi żgħar” tfisser l-istokkijiet imniżżlin fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe kombinament tagħhom;

    (d)“medda tal-FMSY” tfisser medda ta’ valuri fejn, f’sitwazzjonijiet ta’ sajd imħallat u bi qbil mal-parir xjentifiku, il-livelli kollha ta’ mortalità mis-sajd fil-limiti xjentifikament indikati ta’ dik il-medda jwasslu għal rendiment massimu sostenibbli (MSY) fit-tul bil-kundizzjonijiet ambjentali medji eżistenti mingħajr ma jaffettwaw b’mod sinifikanti l-proċess ta’ riproduzzjoni tal-istokkijiet ikkonċernati;

    (e)“MSY Btrigger” tfisser il-punt ta’ referenza tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv li taħtu għandha tittieħed azzjoni speċifika u xierqa ta’ ġestjoni sabiex ikun żgurat li r-rati tal-isfruttament flimkien mal-varjazzjonijiet naturali jerġgħu jżidu l-istokkijiet għal-livelli ’l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu MSY fit-tul;

    (f)“opportunità tas-sajd” tfisser dritt legali kkwantifikat għas-sajd, mogħti f’termini tal-qabdiet u/jew tal-isforz tas-sajd.

    Artikolu 3

    Għanijiet

    1.Il-pjan pluriennali għandu jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd imniżżlin fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b’mod partikulari billi japplika l-approċċ ta’ prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jimmira li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jerġa’ jżid il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom f’livelli ’l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY.

    2.Il-pjan pluriennali għandu jipprovdi qafas ta’ ġestjoni effettiv, sempliċi u stabbli għall-isfruttament tal-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku.

    3.Il-pjan pluriennali għandu jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-qbid skartat billi jevita l-qabdiet mhux mixtieqa u jnaqqashom kemm jista’ jkun u għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li huma suġġetti għalih u li għalihom japplika dan ir-Regolament.

    4.Il-pjan pluriennali għandu jimplimenta l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiżgura li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Huwa għandu jkun koerenti mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u b’mod partikulari mal-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb sal-2020 kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE.

    5.B’mod partikulari, il-pjan pluriennali għandu jimmira:

    (a)li jiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet deskritti fid-deskrittur 3 stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE; u

    (b)li jikkontribwixxi sabiex jiġu ssodisfati d-deskritturi rilevanti l-oħrajn stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE b’mod proporzjonat mar-rwol li s-sajd għandu fl-issodisfar tagħhom.

    KAPITOLU II
    MIRI, SALVAGWARDJI U MIŻURI SPEĊIFIĊI

    Artikolu 4

    Miri għall-inċova u għas-sardin

    1.Il-mortalità mis-sajd fil-mira għandha tintlaħaq mill-aktar fis possibbli u fuq bażi progressiva u inkrimentali sal-2020 għall-istokkijiet ikkonċernati u, wara dak iż-żmien, għandha tinżamm fil-meded stabbiliti fl-Anness I u f’konformità mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

    2.L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jikkonformaw mal-meded tal-mortalità mis-sajd fil-mira stabbiliti fil-kolonna A tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    3.Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-opportunitajiet tas-sajd jistgħu jiġu ffissati f’livelli li jikkorrispondu għal livelli aktar baxxi ta’ mortalità mis-sajd minn dawk stabbiliti fil-kolonna A tal-Anness I.

    4.Minkejja l-paragrafi 2 u 3, l-opportunitajiet tas-sajd għal xi stokk partikulari jistgħu jiġu ffissati skont il-meded tal-mortalità mis-sajd stabbiliti fil-kolonna B tal-Anness I, dejjem jekk l-istokk ikkonċernat ikun f’livell ogħla mil-livell minimu tal-punt ta’ referenza tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv stabbilit fil-kolonna A tal-Anness II:

    (a)jekk, abbażi tal-parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika, dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ tas-sajd imħallat;

    (b)jekk, abbażi tal-parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika, dan ikun meħtieġ biex jiġi evitat dannu serju lil xi stokk ikkawżat mid-dinamika tal-istokk tal-ispeċi jew mid-dinamika ta’ bejn l-istokkijiet ta’ speċijiet differenti; jew

    (c)sabiex il-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd bejn snin konsekuttivi jiġu llimitati għal mhux aktar minn 20 %.

    Artikolu 5

    Salvagwardji

    1.Il-punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni mogħtija bħala livelli minimi u livelli ta’ limitu tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kapaċità riproduttiva sħiħa tal-istokkijiet ikkonċernati huma stabbiliti fl-Anness II.

    2.Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta’ kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati tkun taħt il-livell minimu tal-punt ta’ referenza tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv stabbilit fil-kolonna A tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati l-miżuri kollha ta’ rimedju x-xierqa biex ikun żgurat li l-istokk ikkonċernat jerġa’ jitla’ malajr għal livelli li jkunu ’l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY. B’mod partikulari, b’deroga mill-Artikolu 4(2) u (4) ta’ dan ir-Regolament, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet ikkonċernati għandhom jiġu ffissati f’livell li jkun konsistenti ma’ mortalità mis-sajd li tkun tnaqqset iktar mill-medda stabbilita fil-kolonna A tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa ta’ dak l-istokk.

    3.Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta’ kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati tkun taħt il-limitu tal-punt ta’ referenza tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv (Blim) kif stabbilit fil-kolonna B tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament, għandhom jittieħdu iktar miżuri ta’ rimedju biex ikun żgurat li l-istokk ikkonċernat jerġa’ jitla’ malajr għal livelli li jkunu ’l fuq minn dak li jista’ jipproduċi l-MSY. B’mod partikulari, b’deroga mill-Artikolu 4(2) u (4), dawk il-miżuri ta’ rimedju jistgħu jinkludu s-sospensjoni tas-sajd li jkollu fil-mira lill-istokk ikkonċernat u t-tnaqqis ix-xieraq tal-opportunitajiet tas-sajd.

    Artikolu 6

    Miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni

    Meta l-parir xjentifiku jindika li hemm bżonn ta’ azzjoni ta’ rimedju biex tkun żgurata l-konservazzjoni tal-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar imsemmijin fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ tal-inċova u tas-sardin, meta l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn l-istokkijiet għal sena partikulari tkun taħt il-punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni stabbiliti fil-kolonna A tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 b’rabta mal-affarijiet li ġejjin:

    (a)il-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd, b’mod partikulari d-daqs tal-malja, il-bini tal-irkaptu, id-daqs tal-irkaptu jew l-użu ta’ tagħmir tas-selettività sabiex tkun żgurata s-selettività jew sabiex din tittejjeb;

    (b)l-użu tal-irkaptu tas-sajd u l-fond li fih jintuża l-irkaptu sabiex tkun żgurata s-selettività jew sabiex din tittejjeb;

    (c)il-projbizzjoni tas-sajd f’żoni speċifiċi jew il-limitazzjoni tas-sajd fihom sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv u l-ħut li għadu qed jikber jew il-ħut ta’ daqs li jkun inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni jew biex jiġu protetti l-ispeċijiet tal-ħut li ma jkunux fil-mira;

    (d)il-projbizzjoni tas-sajd jew tal-użu ta’ ċertu tip ta’ rkaptu f’ċerti perjodi taż-żmien jew il-limitazzjoni tagħhom f’dawn il-perjodi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv jew il-ħut ta’ daqs li jkun inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni jew biex jiġu protetti l-ispeċijiet tal-ħut li ma jkunux fil-mira;

    (e)id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni sabiex tkun żgurata l-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar; u

    (f)karatteristiċi oħrajn marbutin mas-selettività.

    KAPITOLU III
    DISPOŻIZZJONIJIET MARBUTIN MAL-OBBLIGU TAL-ĦATT L-ART

    Artikolu 7

    Dispożizzjonijiet marbutin mal-obbligu tal-ħatt l-art għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar li jinqabdu fil-Baħar Adrijatiku

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar l-affarijiet li ġejjin:

    (a)l-eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art għal speċijiet li għalihom l-evidenza xjentifika turi rati għoljin ta’ sopravvivenza, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-irkaptu, il-prattiki tas-sajd u l-ekosistema, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art; u

    (b)l-eżenzjonijiet de minimis sabiex ikun jista’ jiġi implimentat l-obbligu ta’ ħatt l-art; it-tali eżenzjonijiet de minimis għandhom jiġu previsti għall-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 15(5)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għandhom ikunu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih;

    (c)id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-dokumentazzjoni tal-qabdiet, b’mod partikulari għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art; u

    (d)l-iffissar tad-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni sabiex tkun żgurata l-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar.

    KAPITOLU IV
    REĠJONALIZZAZZJONI

    Artikolu 8

    Kooperazzjoni reġjonali

    1.L-Artikolu 18(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għall-miżuri msemmijin fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament.

    2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett jistgħu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għall-ewwel darba mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mbagħad tnax-il xahar wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan pluriennali skont l-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament. Huma jistgħu jippreżentaw it-tali rakkomandazzjonijiet ukoll meta jqisu li jkun hemm bżonnhom, b’mod partikulari f’każ li jkun hemm tibdil f’daqqa tas-sitwazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament. Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti dwar miżuri li jikkonċernaw sena kalendarja partikulari għandhom jiġu ppreżentati sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju tas-sena ta’ qabel.

    3.Is-setgħat mogħtija skont l-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr ħsara għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dispożizzjonijiet oħrajn tal-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk mogħtija skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    KAPITOLU V
    KONTROLL U INFURZAR

    Artikolu 9

    Rabta mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009

    Il-miżuri ta’ kontroll previsti f’dan il-Kapitolu għandhom japplikaw flimkien ma’ dawk previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, ħlief fejn hu previst mod ieħor f’dan il-Kapitolu.

    Artikolu 10

    Notifika minn qabel

    1.B’deroga mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, in-notifika minn qabel imsemmija f’dak l-Artikolu għandha ssir mill-inqas siegħa u nofs qabel il-ħin mistenni tal-wasla fil-port. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kostali jistgħu, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, jagħtu permess għal dħul qabel fil-port.

    2.L-obbligu ta’ notifika minn qabel għandu japplika għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jżommu abbord mill-inqas tunnellata ta’ inċova jew tunnellata ta’ sardin.

    Artikolu 11

    Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti

    1.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 għandha tiġi estiża għall-bastimenti tas-sajd li b’kollox ikunu twal tmien metri jew aktar u li jkunu impenjati fis-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir fil-Baħar Adrijatiku.

    2.L-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 ma għandhiex tapplika għall-bastimenti impenjati fis-sajd għall-ħut pelaġiku ż-żgħir fil-Baħar Adrijatiku skont dan ir-Regolament, irrispettivament mit-tul tagħhom.

    Artikolu 12
    Ikkompletar elettroniku u trażmissjoni elettronika tal-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd

    1.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-obbligu li jinżamm ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd f’format elettroniku u li dan jintbagħat permezz ta’ mezzi elettroniċi mill-inqas darba kuljum lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera, stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, għandu jiġi estiż għall-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li b’kollox ikunu twal tmien metri jew aktar u li jkunu impenjati fis-sajd għall-inċova jew għas-sardin.

    2.L-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 ma għandhiex tapplika għall-kaptani ta’ bastimenti li jkunu impenjati fis-sajd għall-inċova jew għas-sardin, irrispettivament mit-tul ta’ dawn il-bastimenti.

    Artikolu 13

    Portijiet deżinjati

    Il-limiti massimi li japplikaw għall-piż ħaj tal-ispeċijiet tal-istokkijiet rispettivi li huma suġġetti għall-pjan pluriennali li, jekk jaqbiżhom, bastiment tas-sajd għandu jħott l-art il-qabdiet tiegħu f’port deżinjat jew f’post viċin il-kosta kif stabbilit fl-Artikolu 43 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 għandhom ikunu dawn li ġejjin:

    (a)2 000 kg ta’ inċova;

    (b)2 000 kg ta’ sardin.

    KAPITOLU VI
    RIEŻAMI

    Artikolu 14

    Evalwazzjoni tal-pjan pluriennali

    Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u kull ħames snin wara dak iż-żmien, il-Kummissjoni għandha tiżgura evalwazzjoni tal-impatt tal-pjan pluriennali fuq l-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    KAPITOLU VII
    DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

    Artikolu 15

    Eżerċizzju tad-delega

    1.Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmijin fl-Artikoli 6 u 7 għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport b’rabta mad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi taż-żmien tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għat-tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel ma jintemm kull perjodu.

    3.Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jirrevokaw id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 6 u 7 fi kwalunkwe ħin. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.

    4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti maħturin minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

    5.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin dwaru.

    6.Att delegat adottat skont l-Artikoli 6 u 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jqajmu oġġezzjoni għalih fi żmien xahrejn minn meta dak l-att jiġi mgħarraf lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    KAPITOLU VIII
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 16

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1) http://www.fao.org/3/a-ax817e.pdf .
    (2) Id-dokument tal-2016 tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran dwar il-qagħda tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed imsejjaħ “The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries” .
    (3) Id-dejta tal-istatistika tal-FAO dwar il-produzzjoni tal-qabdiet, li tniżżlet fl-10 ta’ Mejju 2016.
    (4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u r-Regolament (KE) Nru 973/2001 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6).
    (5) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1392/2014 tal-20 ta’ Ottubru 2014 li jistabbilixxi pjan ta’ rimi għal ċertu sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir fil-Baħar Mediterran (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 21).
    (6) Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/37/2013/1 dwar pjan pluriennali ta’ ġestjoni għas-sajd għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fis-subżona ġeografika 17 tal-GFCM (il-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana) u dwar miżuri tranżitorji ta’ konservazzjoni għas-sajd għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fis-subżona ġeografika 18 (il-Baħar Adrijatiku tan-Nofsinhar).
    (7) Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/38/2014/1 li temenda r-Rakkomandazzjoni GFCM/37/2013/1 u dwar miżuri ta’ prekawzjoni u ta’ emerġenza għall-2015 għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fis-subżona ġeografika 17 tal-GFCM, ir-Rakkomandazzjoni GFCM/39/2015/1 li tistabbilixxi iktar miżuri ta’ prekawzjoni u ta’ emerġenza fl-2016 għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku (is-subżoni ġeografiċi 17 u 18), u r-Rakkomandazzjoni GFCM/40/2016/3 li tistabbilixxi iktar miżuri ta’ emerġenza fl-2017 u fl-2018 għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku (is-subżoni ġeografiċi 17 u 18) kollha jinsabu fis-sit web li ġej: http://www.fao.org/gfcm/decisions/en/.
    (8) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
    (9) Id-dokument tal-2015 tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd dwar l-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku u l-valutazzjonijiet tal-Mediterran imsejjaħ “ STECF (2015) – Small pelagic stocks in the Adriatic Sea. Mediterranean assessments part 1 (STECF-15-14) ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu bin-numru EUR 27492 EN, JRC 97707, li fih 52 paġna.
    (10) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/629/KE tas-26 ta’ Awwissu 2005 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd [traduzzjoni mhix uffiċjali].
    (11) Id-dokument tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd dwar il-valutazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Mediterran imsejjaħ “ Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF) Assessment of Mediterranean Sea stocks - part 2 (STECF-11-14) .
    (12) Ir-rapport tal-2016 tal-51 Laqgħa Plenarja tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd imsejjaħ “ Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF) – 51st Plenary Meeting Report (PLEN-16-01) ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu bin-numru EUR 27917 EN, JRC 101442, li fih 95 paġna.
    (13)

        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

    (14) Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).
    (15)

       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).

    (16) COM(2016) 134 final - 2016/0074(COD).
    (17) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
    (18) http://www.med-ac.eu/ .
    (19) Dawn saru fit-8 ta’ Ottubru 2014 fi Split (fil-Kroazja), fl-20 ta’ Novembru 2014 f’Ruma (fl-Italja), fil-11 ta’ Marzu 2015 f’Ruma (fl-Italja), fit-23 ta’ April 2015 f’Marseille (fi Franza), fil-11 ta’ Ġunju 2015 f’Madrid (fi Spanja) u fis-17 ta’ Frar 2016 f’Ruma (fl-Italja).
    (20) Id-dokument ippubblikat mill-MEDAC fl-2016 imsejjaħ “MEDAC Advice on LTMP for Small Pelagics in GSA 17 (Northern Adriatic)” tal-11 ta’ Marzu 2016 (Prot. 94/2016).
    (21) Ir-rapport finali ta’ Wakeford et al. tal-2016 imsejjaħ “retrospective evaluation study of the Mediterranean Sea Regulation. Final report” ippubblikat f’Lulju tal-2016, li jinsab fis-sit elettroniku li ġej: https://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies_mt .
    (22)

        http://ec.europa.eu/dgs/maritimeaffairs_fisheries/consultations/northern-adriatic-multiannual/index_mt.htm - Din il-konsultazzjoni pubblika kienet tkopri biss il-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana minħabba li din hija ż-żona fejn isir il-biċċa l-kbira tas-sajd għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar u minħabba li fil-bidu l-Kummissjoni kienet qed tikkunsidra li tressaq proposta għal pjan pluriennali għall-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana qabel ma ddeċidiet li twessa’ kemm kemm il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex dan ikun ikopri l-Baħar Adrijatiku kollu. Ġie deċiż li l-kamp ta’ applikazzjoni jitwessa’ b’dan il-mod sabiex tkun koperta ż-żona kollha fejn jinsab l-istokk u sabiex jiġu evitati l-ispejjeż sproporzjonati li jkun hemm bżonn biex jiġi żviluppat pjan pluriennali separat għall-Baħar Adrijatiku tan-Nofsinhar biss fil-ġejjieni minħabba li dan is-sajd huwa wieħed minimu (6 % mill-inċova u s-sardin li nqabdu fil-Baħar Adrijatiku fl-2013 inħattew l-art fil-Baħar Adrijatiku tan-Nofsinhar, u ħafna minn dawn fil-verità nqabdu fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana. Is-sehem ta’ ħatt l-art fil-Baħar Adrijatiku tan-Nofsinhar ilu jonqos b’mod kostanti mill-2008).

    (23) L-istudju ta’ Lembo et al. tal-2015 imsejjaħ “Improved knowledge of the main socio-economic aspects related to the most important fisheries in the Adriatic Sea (SEDAF)”, li sar skont il-kuntratt speċifiku numru 10 li ngħata fil-kuntest tal-Kuntratt qafas tal-MAREA u li jinsab fis-sit elettroniku li ġej: https://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies_mt .
    (24) L-istudju ta’ Spedicato et al. tal-2016 imsejjaħ “Study on the evaluation of specific management scenarios for the preparation of multi-annual management plans in the Mediterranean and the Black Sea”, li sar skont is-sejħa bir-referenza MARE/2014/27 u li jinsab fis-sit elettroniku li ġej: https://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies_mt .
    (25) Ara r-rapport tad-49 Laqgħa Plenarja tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd li saret bejn is-6 u l-10 ta’ Lulju 2015 f’Varese, imsejjaħ “ Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries – 49th plenary meeting report (PLEN-15-02) ”.
    (26) Ir-rapport rivedut tat-8 ta Awwissu 2014 tal-kompitu numru 4 - parir xjentifiku ad hoc biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd, li sar skont il-kuntratt speċifiku numru 9 tal-kuntratt qafas dwar l-evalwazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-Mediterran u l-pariri dwarhom, il-MAREA, imsejjaħ “Scientific advice on the conformity of management plans with the requirements of the Common Fisheries Policy in the Mediterranean Sea” (jiġifieri parir xjentifiku dwar il-konformità tal-pjanijiet ta ġestjoni mar-rekwiżiti tal-politika komuni tas-sajd fil-Baħar Mediterran).
    (27) Ir-rapport tal-2016 tal-GFCM tas-sessjoni ta’ ħidma dwar il-valutazzjoni bijoekonomika tal-miżuri ta’ ġestjoni (WKMSE) li saret bejn l-1 u t-3 ta’ Frar 2016 .
    (28) Ikkalkulati billi tqieset il-medja tal-mortalità mis-sajd għall-2012, l-2013 u l-2014.
    (29) https://ec.europa.eu/fisheries/reform/impact_assessments_mt .
    (30) Ir-rapport tal-45 Laqgħa Plenarja tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (PLEN-14-01).
    (31) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/540360/IPOL_STU(2015)540360_EN.pdf .
    (32) https://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies/socio_economic_dimension_mt .
    (33) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni msejjaħ “ Commission Staff Working Document Impact Assessment Accompanying the document Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on the conservation of fishery resources and the protection of marine ecosystems through technical measures, amending Council Regulations (EC No 1967/2006, (EC) No1098/2007, (EC) No 1224/2009 and Regulations (EU) No 1343/2011 and (EU) No 1380/2013 of the European Parliament and of the Council, and repealing Council Regulations (EC) No 894/97, (EC) No 850/98, (EC) No 2549/2000, (EC) No 254/2002, (EC) No 812/2004 and (EC) No 2187/2005 ” bir-referenza SWD/2016/057 final - 2016/074 (COD).
    (34) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2012/C 326/02) (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391).
    (35) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1).
    (36) https://ec.europa.eu/fisheries/cfp/market/market_observatory_mt .
    (37) Rapport tal-Grupp ta’ Studju tal-STECF dwar l-evalwazzjoni tal-pjanijiet pluriennali dwar is-sajd imsejjaħ “ Report of the STECF Study Group on the Evaluation of Fishery Multi-Annual Plans (SGMOS 09-02) ”.
    (38)

       ĠU C […], […], p. […].

    (39) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-... (li għadha ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-... (li għadha ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea).
    (40) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)(ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
    (41) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
    (42) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u r-Regolament (KE) Nru 973/2001 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (“ir-Regolament dwar il-Mediterran”) (ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6).
    (43) Id-dokument tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd dwar il-valutazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Mediterran imsejjaħ “ Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF) Assessment of Mediterranean Sea stocks - part 2 (STECF-11-14) .
    (44) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1392/2014 tal-20 ta’ Ottubru 2014 li jistabbilixxi pjan ta’ rimi għal ċertu sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir fil-Baħar Mediterran (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 21).
    (45) Id-dokument tal-2015 tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd dwar l-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku u l-valutazzjonijiet tal-Mediterran imsejjaħ “ Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF) – Small pelagic stocks in the Adriatic Sea. Mediterranean assessments part 1 (STECF-15-14) ” ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu bin-numru EUR 27492 EN, JRC 97707, li fih 52 paġna. [The second part of this reference seems to be mistaken. OPOCE, please check.]
    (46) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
    (47) Il-valutazzjoni tal-impatt… [inkludi r-referenza meta din tiġi ppubblikata].
    (48) Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).
    Top

    Brussell, 24.2.2017

    COM(2017) 97 final

    ANNESSI

    tal-

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

    {SWD(2017) 63 final}
    {SWD(2017) 64 final}


    ANNESS I

    Il-mortalità mis-sajd fil-mira

    (kif imsemmi fl-Artikolu 4)

    Stokk

    Medda tal-mortalità mis-sajd fil-mira li tippermetti li jinkiseb ir-rendiment massimu sostenibbli (FMSY)

    Kolonna A

    Kolonna B

    Inċova

    Bejn 0,23 u 0,30

    Bejn 0,30 u 0,364

    Sardin

    Bejn 0,065 u 0,08

    Bejn 0,08 u 0,11



    ANNESS II

    Il-punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni

    (kif imsemmi fl-Artikolu 5)

    Stokk

    Il-livell minimu tal-punt ta’ referenza tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv (f’tunnellati) (MSY Btrigger)

    Il-limitu tal-punt ta’ referenza tal-bijomassa (f’tunnellati) (Blim)

    Kolonna A

    Kolonna B

    Inċova

    139 000

    69 500

    Sardin

    180 000

    36 000

    Top