Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0054

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta’ applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021

    COM/2017/054 final - 2017/017 (COD)

    Brussell, 3.2.2017

    COM(2017) 54 final

    2017/0017(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta’ applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    {SWD(2017) 30 final}
    {SWD(2017) 31 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) mill-attivitajiet tal-avjazzjoni qed jiżdiedu b’mod sinifikanti. Fin-nuqqas ta’ miżuri oħrajn huwa stmat li sal-2050 l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) mill-avjazzjoni internazzjonali se jiżdiedu kważi b’erba’ darbiet meta mqabbla mal-2010. Bosta studji juru li miżuri tekniċi u operazzjonali biss, inklużi l-istandards dwar is-CO2 għall-inġenji tal-ajru jew l-użu ta’ bijofjuwils sostenibbli, mhumiex biżżejjed biex jitrażżnu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni, u għalhekk hemm il-ħtieġa li jintużaw miżuri bbażati fuq is-suq biex tiġi indirizzata ż-żieda tagħhom. Iż-żieda qawwija fl-emissjonijiet tal-GHG mis-settur tal-avjazzjoni qed tirriskja li tipperikola l-isforzi tal-UE u dawk globali biex jiġi indirizzat b’mod effettiv it-tibdil fil-klima.

    Fl-2008, l-UE kienet minn tal-ewwel li indirizzat l-emissjonijiet tal-GHG mill-avjazzjoni billi inkludiet titjiriet bejn ajrudromi fiż-Żona Ekonomika Ewropea stess (minn hawn ’il quddiem “titjiriet fiż-ŻEE”) u titjiriet bejn ajrudromi fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u ajrudromi f’pajjiżi terzi (“titjiriet mhux fiż-ŻEE”) fl-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS). Dan kien strumentali biex sar ftehim mal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar proċess, li beda fl-2013, għal miżura globali bbażata fuq is-suq li tindirizza l-avjazzjoni internazzjonali. Dan ippermetta wkoll biex l-avjazzjoni tikkontribwixxi għall-objettiv tal-UE dwar il-klima biex sal-2020 jitnaqqsu l-emissjonijiet b'20% meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Sakemm isir il-ftehim fl-ICAO, u biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ miżura globali li tirregola l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali fl-ICAO, l-UE temporanjament naqqset il-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS għat-titjiriet fiż-ŻEE sal-2016, waqt li tistenna r-riżultat tal-ICAO biex tirrevedi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’rabta mat-titjiriet li mhumiex fiż-ŻEE. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe emenda tad-Direttiva dwar l-EU ETS, l-EU ETS awtomatikament tmur lura għall-applikazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni sħiħ tagħha mill-2017.

    F'Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030. Il-qofol tal-qafas ta' politika għall-2030 huwa l-mira vinkolanti li sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra globali domestiċi tal-UE tal-anqas b'40 % taħt il-livelli tal-1990. Sabiex tintlaħaq din il-mira b'mod kosteffikaċi, is-setturi koperti mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (EU ETS) se jkollhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom bi 43% meta mqabbel mal-2005, filwaqt li s-setturi mhux ETS se jkollhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom bi 30% meta mqabbel mal-2005. Dan ippermetta lill-UE sabiex tissottometti l-kontribut tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi, li tikkwalifika bħala impenn mis-setturi ekonomiċi kollha, inklużi l-emissjonijiet tal-avjazzjoni. L-UE hija impenjata li tikkontribwixxi kif xieraq għall-mira dwar il-klima skont il-Ftehim ta’ Pariġi sabiex it-tisħin globali jinżamm ħafna aktar baxx minn 2 gradi Celsius ’il fuq mil-livelli preindustrijali u jintlaħqu l-isforzi biex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 grad Celcius, kif ukoll li jintlaħaq l-għan indikattiv stabbilit mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) biex l-emissjonijiet globali netti tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali ma jaqbżux il-livelli tal-2020 (“żieda newtrali fl-emissjonijiet tal-karbonju” jew CNG 2020).

    Fid-39 Assemblea tagħha ta’ Ottubru 2016, l-ICAO qablet dwar Riżoluzzjoni għal miżura globali bbażata fuq is-suq (GMBM) biex tindirizza ż-żieda fl-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali b’mod globali mill-2021 permezz ta’ sistema ta’ kumpens, bil-ħsieb li twettaq l-għan indikattiv biex l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali jiġu stabbilizzati għal-livelli tal-2020. Matul l-ewwel fażi tal-GMBM (2021-2026), il-parteċipazzjoni fil-GMBM hija espliċitament volontarja. Il-pajjiżi ewlenin kollha tal-avjazzjoni għandhom japplikaw il-GMBM mill-bidu tat-tieni fażi tagħha fl-2027. L-UE u l-Istati Membri tagħha esprimew l-intenzjoni tagħhom li japplikaw il-GMBM matul il-fażi volontarja tagħha. Filwaqt li hemm qbil dwar l-għan indikattiv u n-natura bażika kumpensatorja tal-GMBM, qabel ma tista’ tiġi implimentata l-GMBM fl-2021 għad iridu jiġu żviluppati u miftiehma fl-ICAO għadd ta’ karatteristiċi importanti tal-GMBM li huma importanti għall-effettività tagħha u għall-integrità ambjentali mill-perspettiva tal-klima. Kwalunkwe dewmien fil-ftehim dwar dawn l-elementi jirriskja li jdewwem it-tħaddim tal-GMBM. Dan jirriskja wkoll li jdewwem l-implimentazzjoni mill-Istati fil-leġiżlazzjoni domestika li hija kruċjali peress li t-tħaddim konkret tal-GMBM jibbaża fuq azzjoni nazzjonali u reġjonali bħal din.

    Il-leġiżlazzjoni attwali tirrekjedi li l-Kummissjoni tivvaluta r-riżultat tad-39 Assemblea tal-ICAO u, fid-dawl ta’ dak, tirrevedi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS għal titjiriet lejn u miż-ŻEE. Fin-nuqqas ta’ emenda fil-leġiżlazzjoni attwali, jerġa’ japplika l-kamp ta’ applikazzjoni oriġinali tal-ETS (jiġifieri inklużi titjiriet mhux fiż-ŻEE). Fid-dawl tal-ftehim dwar il-GMBM fl-ICAO, tal-appoġġ tal-UE lejn il-finalizzazzjoni u t-tħaddim f’waqtu tagħha, u tal-intenzjoni tal-UE li timplimenta l-GMBM mill-2021 ’il quddiem, hu meqjus neċessarju li ssir reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-EU ETS.

    Biex jingħata momentum ulterjuri fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar ir-regoli u l-governanza li jifdal u li huma neċessarji għall-implimentazzjoni tal-GMBM, ġie propost li għall-EU ETS jinżamm il-kamp ta’ applikazzjoni mnaqqas (jiġifieri għal titjiriet bejn ajrudromi li jinsabu fiż-ŻEE, kif stipulat fir-Regolament Nru 421/2014) wara l-2016. Ladarba jkun hemm aktar ċarezza dwar in-natura u l-kontenut tal-istrumenti legali adottati mill-ICAO għall-implimentazzjoni tal-GMBM, kif ukoll dwar l-intenzjonijiet tas-sħab internazzjonali tagħna rigward l-implimentazzjoni tal-GMBM, se jsiru valutazzjoni u reviżjoni ulterjuri tal-EU ETS għall-perjodu wara l-2020. Dan se jqis ukoll b’mod xieraq il-konsistenza neċessarja mal-impenn mifrux mas-setturi ekonomiċi kollha li ħadet l-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi u mal-objettiv miftiehem tagħha li sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’40% meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

    Biex ikun hemm ċertezza legali dwar il-konformità mal-ETS fl-2017, huwa importanti li din il-proposta tiġi miftiehma malajr bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u idealment sa tmiem l-2017.

    Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

    B'mod ġenerali, din il-proposta tkompli l-approċċ tad-dispożizzjonijiet ta' politika attwali għas-setturi tal-ETS imniżżlin fid-Direttiva tal-EU ETS filwaqt li tqis b’mod xieraq l-iżviluppi ġodda u ulterjuri fl-ICAO u partikolarment il-ftehim li ntlaħaq dwar il-GMBM. Il-Kunsill Ewropew sejjaħ b’mod espliċitu għall-kontinwazzjoni tal-arkitettura tal-politika attwali għall-EU ETS u ta gwida dwar kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati matul il-perjodu 2021 sal-2030. F’konformità mal-gwida li rċeviet, f’Lulju 2015 il-Kummissjoni Ewropea għamlet proposta leġiżlattiva biex tiġi riveduta l-EU ETS għall-installazzjonijiet stazzjonarji għall-perjodu ta’ wara l-2020. Dik il-proposta ma indirizzatx kwistjonijiet relatati mal-kopertura tal-avjazzjoni fl-EU ETS billi ma kienx ikkunsidrat xieraq li dan isir qabel id-39 Assemblea tal-ICAO f’Ottubru 2016. Issa, b’konsistenza mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, din il-proposta li tindirizza l-emissjonijiet tal-avjazzjoni tkompli l-approċċ lejn emissjonijiet minn titjiriet intra-Ewropej skont l-EU ETS. Il-proposta attwali tikkomplementa r-reviżjoni usa’ tal-ETS kif proposta mill-Kummissjoni f’Lulju 2015 u li hija attwalment fil-proċess ta’ kodeċiżjoni.

    Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    Il-proposta tipprevedi l-implimentazzjoni ta' parti mill-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 bħala element prinċipali fil-kuntest tal-bini ta' Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem. Diġà saru proposti leġiżlattivi komplementari biex jgħinu sabiex jintlaħqu l-miri differenti miftiehma mill-Kunsill Ewropew. Dawn il-proposti għandhom jiffaċilitaw il-kisba tal-miri tal-klima tal-ETS kif ukoll dawk li mhumiex tal-ETS. Barra minn hekk, l-Istrateġija dwar l-avjazzjoni tal-Kummissjoni u l-Istrateġija dwar il-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi jindirizzaw azzjoni li tnaqqas aktar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tat-trasport bħala parti minn sforzi usa' għad-dekarbonizzazzjoni meħudin b’impenn u mwettqa mill-UE, inkluż għall-orizzont 2030.

    2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

    Il-bażi ġuridika

    L-Artikoli 191 sa 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jikkonfermaw u jispeċifikaw il-kompetenzi tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima. Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 192 tat-TFUE.

    Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

    Id-Direttiva tal-EU ETS hija strument ta' politika tal-UE eżistenti li jkompli wara l-2020. Skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-għanijiet tal-proposta li temenda dan l-istrument jistgħu jinkisbu biss permezz ta' proposta mill-Kummissjoni fil-livell tal-UE.

    L-azzjoni fil-livell tal-UE, u fejn possibbli fil-livell globali, hija aktar effikaċi minn azzjoni fil-livell ta’ Stat Membru, minħabba l-effetti transkonfinali tat-tibdil fil-klima u n-natura fil-biċċa l-kbira transnazzjonali tal-avjazzjoni. L-azzjoni fil-livell tal-UE se twettaq bl-aktar mod effettiv il-miri domestiċi u internazzjonali tal-UE dwar il-klima u tiżgura l-implimentazzjoni armonizzata tal-GMBM fl-UE. Permezz ta’ dan, jista’ jiġi ssalvagwardjat il-kontribut adegwat tas-settur tal-avjazzjoni fit-tnaqqis tal-impatti minħabba t-tibdil fil-klima, filwaqt li tkun imħarsa l-kompetittività internazzjonali tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE u jinżammu kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern tal-UE.

    Il-proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-implimentazzjoni tal-miri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-2020 u l-2030 b'mod kosteffettiv, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tiffaċilita l-finalizzazzjoni tar-regoli għall-implimentazzjoni tal-GMBM.

    L-għażla tal-istrument

    Din il-proposta għal Regolament issegwi mir-Regolament (UE) Nru 421/2014, li ġie adottat wara l-Assemblea tal-ICAO tal-2013. Bħal fil-każ tar-Regolament (UE) Nru 421/2014, huwa importanti li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu malajr dwar din il-proposta sabiex tkun fis-seħħ meta jiskadu l-obbligi tal-konformità li jmiss previsti mill-EU ETS f’Marzu u April 2018. Fin-nuqqas ta’ reviżjoni, l-ETS tmur lura għall-kamp ta’ applikazzjoni oriġinali tagħha. B’hekk, din il-proposta għandha tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u tidħol fis-seħħ mhux aktar tard mill-bidu tal-2018, biex tipprovdi ċertezza legali u ċarezza għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru li kieku jkollhom iċedu l-kwoti għall-emissjonijiet sħaħ tagħhom lejn u minn pajjiżi terzi sat-30 ta’April 2018, kif imsemmi fid-Direttiva 2003/87/KE.

    Minħabba li ż-żmien disponibbli huwa limitat, huwa kkunsidrat li l-aħjar mod biex tintlaħaq il-proposta attwali huwa permezz ta’ Regolament. Ir-Regolamenti japplikaw direttament fl-Istati Membri kollha u jorbtu fl-intier tagħhom u b’hekk huma l-aħjar mezz biex tinkiseb l-implimentazzjoni uniformi u f’waqtha tal-emendi qabel l-iskadenzi tal-konformità għas-sena 2017 f’Marzu u April 2018.

    3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-EU ETS għall-2021-2030, l-evalwazzjoni tad-Direttiva eżistenti tal-ETS kienet parti mill-ħidma ta’ valutazzjoni tal-impatt u kkontribwiet għall-valutazzjoni tal-għażliet politiċi. Ma kien hemm l-ebda evalwazzjoni ex post jew kontrolli tal-idoneità relatati speċifikament mal-EU ETS għall-avjazzjoni għax l-EU ETS għall-avjazzjoni qatt ma ġiet applikata fil-kamp ta’ applikazzjoni sħiħ tagħha kif imfassal inizjalment. L-emendi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS dwar l-avjazzjoni saru fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet estensivi biex jindirizzaw it-tħassib u jqisu l-oppożizzjoni li nħolqot f’rabta mal-miżura hekk kif ġiet imfassla inizjalment, filwaqt li nżamm trattament ekwu għall-operaturi kollha fuq l-istess rotot. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2013 1 li takkumpanja l-proposta tar-Regolament (UE) Nru 421/2014, kif ukoll il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta flimkien mar-Rapporti dwar is-Suq tal-Karbonju ppreparati mill-Kummissjoni u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-ICAO tal-UE sottomessi mill-Kummissjoni lill-ICAO effettivament jevalwaw u jivvalutaw l-effettività u l-funzjonament tad-Direttiva tal-EU ETS dwar l-avjazzjoni, li hija kkunsidrata adegwata fit-termini tar-rapport ta’ evalwazzjoni retrospettiva u l-kontrolli tal-idoneità tad-Direttiva tal-EU ETS dwar l-avjazzjoni.

    Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Bl-għan li tindirizza r-reviżjoni tal-EU ETS wara l-Assemblea tal-ICAO tal-2016, saret konsultazzjoni pubblika onlajn għal 12-il ġimgħa bejn is-7 ta’ Marzu u t-30 ta’ Mejju 2016. Kumplessivament, il-biċċa l-kbira tal-gruppi tal-partijiet ikkonċernati qablu li għandhom jiġu miftiehma miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-avjazzjoni internazzjonali u li l-MBMs huma għodod xierqa biex inaqqsu l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali. Madankollu, kien hemm opinjonijiet differenti dwar il-livell mixtieq ta’ ambizzjoni u dwar il-mekkaniżmi speċifiċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Filwaqt li wħud mill-partijiet ikkonċernati jqisu li l-EU ETS għandha tkompli skont il-kamp ta’ applikazzjoni attwali fiż-ŻEE wara l-2017, xi wħud kienu tal-opinjoni li din għandha terġa’ lura għall-kamp ta’ applikazzjoni sħiħ tagħha (inklużi t-titjiriet lejn u minn pajjiżi terzi). Ħafna minn dawk li wieġbu nnutaw li l-alternattivi għall-EU ETS wara l-2020 għandhom jiddependu fuq il-livell ta’ ambizzjoni, in-natura, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-integrità/l-effettività ambjentali tal-ftehim milħuq fl-Assemblea tal-ICAO tal-2016. Il-Kummissjoni se tkompli tipparteċipa f’kuntatti bilaterali u multilaterali kostruttivi ma’ partijiet ikkonċernati u pajjiżi terzi.

    Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

    Rigward il-projezzjonijiet kumplessivi dwar l-emissjonijiet globali tal-GHG, dan l-istudju għamel użu mill-Emission Gap Report 2015 tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ħames Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC). Ir-rapporti tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ġew użati bħala bażi għall-projezzjonijiet totali tal-UE dwar il-gassijiet serra. L-istudju kien ibbażat fuq dejta rilevanti mir-Rapporti Ambjentali tal-ICAO, speċjalment f’konnessjoni mal-emissjonijiet u l-previżjonijiet tal-emissjonijiet għall-avjazzjoni internazzjonali, kif ukoll il-potenzjal għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għall-avjazzjoni internazzjonali minn miżuri tekniċi u operattivi. Id-dejta dwar iż-żieda prevista tas-settur tal-avjazzjoni stabbilita fir-Rapport Ambjentali tal-ICAO ġiet użata fl-immudellar u l-analiżi ekonometriċi sottostanti.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Fil-Valutazzjoni tal-Impatt ġew ivvalutati alternattivi differenti, kemm għall-perjodu qabel l-2020 kif ukoll il-perjodu mill-2021. Qabel l-2020, il-kontinwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni fiż-ŻEE u ta’ alternattiva li tkopri t-titjiriet kollha li jitilqu miż-ŻEE huma vvalutati u mqabbla mal-linja bażi (il-kamp ta’ applikazzjoni sħiħ). Wara l-2020, l-alternattivi kollha jqisu li l-GMBM se tkopri t-titjiriet lejn u minn pajjiżi terzi. Alternattiva waħda tqis ukoll li l-emissjonijiet fiż-ŻEE huma kkumpensati permezz tal-GMBM, filwaqt li alternattiva oħra żżomm l-obbligi tal-EU ETS għal titjiriet fiż-ŻEE. L-alternattivi intermedji jqisu l-bidliet fl-EU ETS għal titjiriet fiż-ŻEE biex jinstab ċertu grad ta’ allinjament mal-GMBM (bl-EU ETS taħdem skont approċċ kumpensatorju) jew li jiġu kkombinati ż-żewġ sistemi (fejn l-EU ETS tkopri l-emissjonijiet li ma jiġux indirizzati mill-GMBM).

    Il-Valutazzjoni tal-Impatt uriet li l-kontinwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni attwali fiż-ŻEE tal-EU ETS tkun l-aktar alternattiva adegwata biex jiġi indirizzat il-perjodu 2017-2020 u biex jitwassal il-kontribut mistenni mill-avjazzjoni għall-objettiv tal-klima tal-2020. Din tkun milqugħa wkoll minn pajjiżi terzi u tipprovdi momentum lill-ICAO biex jiġu finalizzati r-regoli pendenti neċessarji għall-implimentazzjoni tal-GMBM; u dan ikun fattibbli b'kost amministrattiv baxx ħafna peress li s-sistema tinsab fis-seħħ u hemm konformità sħiħa minn kulħadd. L-azzjoni ta’ mitigazzjoni globali fuq l-emissjonijiet tas-settur tkun massimizzata billi tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni attwali tal-GMBM mill-2021, kif mistenni.

    Il-valutazzjoni tal-impatt analizzat ukoll alternattivi differenti għax-xenarji ta’ wara l-2020, li wrew jekk u kif dawn jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar il-klima tal-2030. Madankollu, minħabba l-inċertezzi li għadhom jaffettwaw l-implimentazzjoni konkreta tal-GMBM, huwa meqjus li għadu kmieni wisq biex f’dan l-istadju tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġim ta’ wara l-2020, iżda fl-istess ħin tkun lesta għar-reviżjoni tas-sitwazzjoni fi żmien xieraq, jiġifieri qabel ma tibda topera l-GMBM.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Sabiex jitnaqqsu l-kompiti amministrattivi għall-iżgħar operaturi tal-inġenji tal-ajru, l-eżenzjoni għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali li jipproduċu inqas minn 1000 tunnellata ta’ CO2 fis-sena għandhom ikomplu japplikaw għal għaxar snin oħra.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din tikkontribwixxi għall-għan ta' livell għoli ta' protezzjoni ambjentali skont il-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    B’reazzjoni għall-progress miksub mid-39 Assemblea tal-ICAO u biex jiġi promoss momentum ulterjuri lejn l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ GMBM li tindirizza l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali mill-2021, ġie propost li jsiru emendi għall-attivitajiet tal-avjazzjoni koperti mill-EU ETS. Qed jiġi propost li l-approċċ attwali għall-applikazzjoni tal-EU ETS stabbilit fir-Regolament Nru 421/2014 jiġi estiż lil hinn mill-2016 sakemm ikun hemm ċarezza biżżejjed dwar in-natura u l-kontenut tal-istrumenti legali adottati mill-ICAO għall-implimentazzjoni tal-GMBM biex tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea sabiex twettaq valutazzjonijiet ulterjuri u tirrevedi l-EU ETS għall-perjodu ta’ wara l-2020. Abbażi ta’ dan l-approċċ, l-allokazzjoni lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru mill-2017 għandha tkun l-istess bħall-2016. Dawn l-arranġamenti huma mistennija li japplikaw diġà għall-allokazzjoni tal-2017. B’hekk, l-implimentazzjoni tal-EU ETS f’dik is-sena, sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda, għandha tkun, sa fejn hu possibbli, konsistenti magħha u f’konformità mar-riżultat finali mistenni tal-proċess ta’ kodeċiżjoni.

    Din il-proposta għandha l-għan li tkompli l-impatt ambjentali attwali li huwa pożittiv ħafna tal-EU ETS, li jikkontribwixxi għal madwar 17-il miljun tunnellata ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 fis-sena. Dan ifisser li l-avjazzjoni, fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea, tikkontribwixxi għall-isforzi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet domestiċi, bħal kwalunkwe settur ekonomiku ieħor. Filwaqt li tiżgura li l-UE se tkompli tikseb tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni permezz tal-EU ETS, b’konformità mal-għanijiet tal-klima tal-UE, il-proposta tipprovdi impetu fil-ħidma tal-ICAO dwar it-tħaddim attwali tal-GMBM biex jiġi massimizzat ir-riżulatat tal-mitigazzjoni globali. Il-klawżola ta’ reviżjoni tagħti sinjal pożittiv dwar l-intenzjoni tal-UE li tapplika l-GMBM.

    L-Artikolu 1 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE

    Il-proposta temenda l-Artikolu 28a tad-Direttiva, iżżid żewġ Artikoli oħra (28b u 28c) u temenda l-Anness I tagħha.

    Artikolu 28a

    Qed jiġi emendat l-Artikolu 28a tad-Direttiva tal-EU ETS dwar id-derogi li japplikaw qabel l-implimentazzjoni ta’ ftehim internazzjonali li japplika miżura waħda globali bbażata fuq is-suq. Abbażi tal-istess approċċ li jinsab fir-Regolament (UE) Nru 421/2014 għall-perjodu 2013-2016, wara l-2016 l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-EU ETS għat-titjiriet lejn u minn reġjuni ultraperiferiċi u pajjiżi terzi hija derogata, filwaqt li t-titjiriet bejn ajrudromi fiż-ŻEE jibqgħu koperti bis-sħiħ. Billi l-kamp ta’ applikazzjoni jibqa’ l-istess bħal dak tal-2016, l-ammont ta’ allokazzjoni bla ħlas li jirċievu l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jibqa’ l-istess bħal dak tal-2016, jiġifieri proporzjonat għall-attività fiż-ŻEE, u l-fatturi lineari ta’ tnaqqis li japplikaw għas-setturi kollha skont id-Direttiva tal-EU ETS għandhom japplikaw, iżda biss mill-2021 ’il quddiem. L-allokazzjoni mir-riżerva speċjali għandha tiġi ttrattata bl-istess mod u b’hekk il-ħruġ tagħha għandu jiġi aġġustat skont il-kamp ta’ applikazzjoni fiż-ŻEE. L-ammonti li għandhom jiġu rkantati għandhom jibqgħu l-istess bħal dawk tal-2016 ukoll. Is-sistema se tapplika għal titjiriet ma’ pajjiżi li magħhom jintlaħaq ftehim bilaterali li jgħaqqad is-sistemi ta’ limitu u skambju f’konformità mat-termini ta’ dan il-ftehim biss.

    Artikolu 28b

    L-Artikolu 28b ġdid fid-Direttiva tal-EU ETS huwa introdott għall-preparazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021. Dan jirrekjedi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar żviluppi internazzjonali ta’ rilevanza għall-implimentazzjoni tal-GMBM, kif ukoll dwar l-azzjonijiet meħuda minn pajjiżi terzi biex jimplimentaw il-GMBM. B’hekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra metodi biex timplimenta l-istrumenti rilevanti tal-ICAO fid-dritt tal-Unjoni permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva tal-EU ETS. Dan jista’ jiġi akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi kif xieraq.

    Artikolu 28c

    Barra minn hekk, biex tipprepara għall-implimentazzjoni tal-GMBM, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jipprovdu għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika xierqa tal-emissjonijiet applikabbli għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bl-għan li tiġi implimentata l-miżura globali bbażata fuq is-suq li qed tiġi żviluppata fl-ICAO.

    Anness I

    L-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE qed jemenda billi jestendi l-eżenzjoni għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali li jipproduċu inqas minn 1 000 tunnellata ta’ CO2 fis-sena mill-2020 sal-2030. Din instabet li hija miżura effettiva, li tnaqqas b’mod konsiderevoli l-isforz amministrattiv meħtieġ biex tiġi implimentata l-EU ETS, filwaqt li tkompli tikseb tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet permezz tal-EU ETS. L-eżenzjoni naqqset l-għadd ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru rregolati mill-Istati Membri b’madwar 2200 li jirrappreżentaw biss 0.2% tal-emissjonijiet.

    2017/0017 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta’ applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 3 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

    Billi:

    (1)Fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li saret f’Pariġi mit-30 ta’ Novembru sat-12 ta’ Diċembru 2015, ġie adottat ftehim internazzjonali biex jissaħħaħ ir-rispons globali għat-tibdil fil-klima. Il-Ftehim ta’ Pariġi, fost l-oħrajn, jistabbilixxi mira fit-tul li tikkonforma mal-għan biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm ħafna aktar baxxa minn 2°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sa 1,5°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Il-Ftehim ta’ Pariġi ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2016/1841. Il-Ftehim ta’ Pariġi daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016. Sabiex tintlaħaq il-mira tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-partijiet se jħejju, jikkomunikaw u jżommu l-kontributi suċċessivi determinati fil-livell nazzjonali.

    (2)L-objettivi ambjentali tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 191 tat-Trattat huma l-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-protezzjoni tas-saħħa umana: u l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali biex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

    (3)Il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014 stabbilixxa mira vinkolanti sabiex sal-2030 ikun hemm tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha ta’ mill-inqas 40 % meta mqabbel mal-1990. Il-laqgħa tal-Kunsill tas-6 ta’ Marzu 2015 approvat formalment dan il-kontribut tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha bħala l-Kontribut Maħsub Determinat fil-Livell Nazzjonali tagħhom skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Il-konklużjonijiet ta’ Ottubru 2014 tal-Kunsill Ewropew ipprevedew li l-mira għandha tintlaħaq b’mod kollettiv mill-Unjoni bl-aktar mod kosteffikaċi possibbli, bit-tnaqqis fis-setturi tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) u mhux tal-ETS li jammonta għal 43 % u 30 % rispettivament sal-2030 meta mqabbel mal-2005. Is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu biex jinkiseb dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet.

    (4)L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ilhom mill-1997 jagħmlu sforzi biex imexxu ftehim internazzjonali biex jitnaqqsu l-impatti tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni u għandhom leġiżlazzjoni li ilha stabbilita mill-2008 biex jiġu limitati l-impatti tat-tibdil tal-klima minn attivitajiet tal-avjazzjoni permezz tas-sistema tan-negozjar tal-emissjonijiet (EU ETS) li ilha topera mill-2005. Biex ikun hemm progress fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), l-Unjoni għal darbtejn adottat derogi marbutin biż-żmien mal-EU ETS biex jiġu limitati l-obbligi tal-konformità tal-emissjonijiet minn titjiriet bejn ajrudromi li jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), bi trattament ugwali fuq ir-rotot tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru kull fejn ikunu bbażati. Ir-Regolament (UE) Nru 421/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-aktar deroga reċenti mill-EU ETS, jillimita l-obbligi ta’ konformità għal titjiriet fiż-ŻEE bejn l-2013 u l-2016, u jipprevedi bidliet potenzjali fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema rigward l-attività lejn u minn ajrudromi li jinsabu barra miż-ŻEE mill-1 ta’ Jannar 2017 ’il quddiem wara r-reviżjoni stabbilita f’dak ir-Regolament.

    (5)Fid-dawl tar-riżoluzzjoni adottata fid-39 Assemblea tal-ICAO f’Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021 biex jiġu kumpensati l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali 'il fuq mil-livelli tal-2020, huwa meqjus xieraq li d-deroga eżistenti tkompli sakemm isir aktar progress relatat mat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq. F’dan ir-rigward, l-adozzjoni tal-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati mill-ICAO biex jikkomplementaw dik ir-Riżoluzzjoni u jippermettu l-implimentazzjoni tas-sistema globali hija ppjanata għall-2018. Madankollu, it-tħaddim konkret se jeħtieġ azzjoni mill-partijiet tal-ICAO fil-livell domestiku. Barra minn hekk, l-arranġamenti ta' governanza jridu jiġu żviluppati mill-ICAO, inkluża sistema ta’ reġistru. F’dan il-kuntest, id-deroga attwali tal-obbligi tal-EU ETS għal titjiriet lejn u minn pajjiżi terzi għandha tiġi estiża, soġġetta għar-reviżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tal-ICAO, sabiex jiġi promoss momentum fl-ICAO u jiġi ffaċilitat it-tħaddim tal-iskema tal-ICAO. Minħabba l-estensjoni tad-deroga, l-ammont tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati u maħruġin bla ħlas, inkluż mir-riżerva speċjali, għandu jkun l-istess bħal dak li jikkorrispondi għall-2016 u għandu jkun proporzjonat għat-tnaqqis tal-obbligu ta’ restituzzjoni.

    (6)Billi l-karatterstiċi ewlenin tal-miżura globali bbażata fuq is-suq għad iridu jiġu żviluppati u billi l-implimentazzjoni tiddependi fuq il-leġiżlazzjoni domestika mill-Istati u r-reġjuni, huwa kkunsidrat xieraq li ssir reviżjoni ladarba jkun hemm ċarezza dwar in-natura u l-kontenut ta’ dawn l-istrumenti legali qabel il-bidu tal-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-ICAO, u għandu jiġi sottomess rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Ir-rapport għadu jikkunsidra kwalunkwe standard jew strumenti oħrajn adottati permezz tal-ICAO, l-azzjonijiet meħuda minn pajjiżi terzi biex jimplimentaw il-miżura globali bbażata fuq is-suq biex tiġi applikata għall-emissjonijiet mill-2021 u żviluppi internazzjonali rilevanti oħrajn (eż. ir-regoli skont l-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar is-swieq tal-karbonju u l-kontabilità). Dak ir-rapport għandu jikkunsidra kif għandhom jiġu implimentati dawn l-istrumenti fid-dritt tal-Unjoni permezz ta’ reviżjoni tal-EU ETS. Għandu jikkunsidra wkoll ir-regoli li japplikaw għat-titjiriet fiż-ŻEE kif xieraq. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta xierqa lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li tkun konsistenti mal-assigurazzjoni tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha sal-2030.

    (7)Sabiex jiġu adottati atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali biex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi ta’ att leġiżlattiv li mhumiex essenzjali, is-setgħa għall-adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet applikabbli għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bl-għan li tiġi implimentata l-miżura globali bbażata fuq is-suq li qed tiġi żviluppata fl-ICAO. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru b'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. B'mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fil-preparazzjoni ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw il-preparazzjoni ta' atti delegati.

    (8)Biex jiġu ssemplifikati u jitnaqqsu l-kompiti amministrattivi għall-iżgħar operaturi tal-inġenji tal-ajru, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali li jipproduċu inqas minn 1000 tunnellata CO2 fis-sena għandhom ikomplu jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87/KE għal għaxar snin oħra, li matulhom għandhom jiġu elaborati miżuri biex fil-futur l-operaturi kollha jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet.

    (9)Huwa essenzjali li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-awtoritajiet nazzjonali fid-dawl tal-iskadenza ta' restituzzjoni tat-30 ta' April 2018 kif speċifikat fid-Direttiva 2003/87/KE. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (10)Għalhekk, id-Direttiva 2003/87/KE għandha tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2003/87/KE hija emendata kif ġej:

    (1)l-Artikolu 28a, huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    i.il-punti (a) u (b) qed jinbidlu b'dan li ġej:

    (a)l-emissjonijiet kollha minn titijiriet minn u lejn l-ajrudromu li jinsabu f’pajjiżi li mhumiex fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) f’kull sena kalendarja mill-1 ta' Jannar 2013, soġġett għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b”.

    (b)l-emissjonijiet kollha minn titijiriet bejn ajrudromu li jinsab f'reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u ajrudromu li jinsab f'reġjun ieħor taż-ŻEE f'kull sena kalendarja mill-1 ta' Jannar 2013, soġġett għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b”.

    ii.il-punt (c) huwa mħassar.

    (b)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    i.l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    “Mill-1 ta’ Jannar 2017, permezz ta’ deroga mill-Artikoli 3d sa 3f u sakemm l-emendi sussegwenti għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b jidħlu fis-seħħ, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jinħarġulhom, kull sena, l-għadd ta' kwoti li jikkorrispondu għas-sena 2016. Mill-2021 ’il quddiem dak l-għadd ta’ kwoti għandu jkun soġġett għall-applikazzjoni tal-fattur lineari fl-Artikolu 9.”

    ii.it-tielet subparagrafu huwa mħassar.

    (c)il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

    “4. B'deroga mill-Artikolu 3d(3), l-għadd ta' kwoti li jridu jiġu rkantati minn kull Stat Membru mill-1 ta' Jannar 2013 għandu jiġi mnaqqas biex jikkorrispondi għas-sehem tiegħu ta' emissjonijiet attribwiti għall-avjazzjoni minn titjiriet li mhumiex soġġetti għad-derogi previsti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”;

    (d)il-paragrafu 7 jinbidel b'dan li ġej:

    “Il-paragrafu 1 għandu japplika għall-pajjiżi li magħhom intlaħaq ftehim skont l-Artikolu 25 jew 25a skont it-termini ta’ dan il-ftehim biss”.

    (2)Jiddaħħlu l-Artikoli 28b u 28c li ġejjin:

    "Artikolu 28b

    Ir-rapportar mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq

    1.Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istandards tal-ICAO rilevanti jew strumenti legali oħra kif ukoll dwar il-miżuri domestiċi meħuda minn pajjiżi terzi għall-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq, li għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-2021, u dwar żviluppi internazzjonali rilevanti oħra.

    2.Ir-rapport għandu jikkunsidra modi biex dawk l-istrumenti tal-ICAO jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni permezz ta’ reviżjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jikkunsidra wkoll ir-regoli li japplikaw fir-rigward tat-titjiriet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kif xieraq.

    3.Ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat, kif xieraq, minn proposti għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill biex jemendaw, iħassru, jestendu jew jissostitwixxu d-derogi previsti fl-Artikolu 28a, konsistenti mal-impenn għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha tal-UE għall-2030.

    Artikolu 28c

    Id-dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika għall-finijiet tal-miżura globali bbażata fuq is-suq

    1.Il-Kummissjoni għandha tadotta d-dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika xierqa tal-emissjonijiet biex tiġi implimentata l-miżura globali bbażata fuq is-suq li qed tiġi żviluppata mill-ICAO. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-istess prinċipji bħal tar-Regolament imsemmi fl-Artikolu 14(1) u għandhom jiżguraw li r-rapporti sottomessi jkunu verifikati skont l-Artikolu 15.

    2.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat skont l-Artikolu [23].”

    (3)Fil-punt (k) tal-Anness I, is-sena “2020” tinbidel b’“2030”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1) SWD(2013) 430 final.
    (2) ĠU C , , p.
    (3) ĠU C , , p.
    Top