IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 14.3.2017
JOIN(2017) 11 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017JC0011
JOINT COMMUNICATION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Elements for an EU Strategy for Syria
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja
JOIN/2017/011 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 14.3.2017
JOIN(2017) 11 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja
Introduzzjoni
Il-gwerra fis-Sirja, waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji li d-dinja kellha taffaċċja mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, għadu qed ikollha konsegwenzi devastanti u traġiċi għall-poplu tagħha. Il-qerda ta’ Aleppo s-sena li għaddiet kienet l-aktar kapitlu reċenti f’din l-istorja kiebja u sa issa, bla tmiem ta’ dan il-kunflitt. Barra minn hekk, qed ikollha impatt destabilizzanti li kulma jmur qiegħed jikber fuq ir-reġjun tal-madwar, minħabba l-ispostament tal-persuni, il-firxa tat-terroriżmu, u d-differenzi politiċi u settarji aggravati.
It-tir tal-istrateġija tal-UE għas-Sirja, li sejjaħ għaliha l-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2016, huwa li tiddefinixxi kif l-UE jista’ jkollha rwol akbar fil-kontribut tagħha għal soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja fl-ambitu tal-qafas tan-NU li diġà jeżisti u tgħin biex tinbena stabbiltà u tappoġġa r-rikostruzzjoni wara li jintlaħaq ftehim ladarba tinbeda tranżizzjoni politika kredibbli. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) u l-Kummissjoni qegħdin ifittxu li jiksbu approvazzjoni tal-Istrateġija lejlet il-konferenza fi Brussell “Appoġġ għall-Futur fis-Sirja u r-Reġjun” tal-5 ta’ April 2017 bħal kontribut tal-UE għal tnejn minn tliet temi wesgħin ta’ dik il-konferenza: Appoġġ għall-proċess politiku; u appoġġ għar-rikonċiljazzjoni u għall-istabbilizzazzjoni. It-tielet tema tal-konferenza, appoġġ għar-reġjun, hija trattata separatament permezz tal-wegħda ta’ Londra tal-UE u l-implimentazzjoni tal-patti tal-UE mal-Ġordan 1 u mal-Libanu 2 u tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija 3 .
L-istrateġija hija wkoll rieżami tal-aspetti Sirjani tal-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja, l-Iraq u l-ġlieda kontra l-ISIL/Da’esh, riveduta u aġġornata l-aħħar mill-Kunsill f’Mejju 2016 4 . Huwa meħtieġ li jsir rieżami tar-rwol tal-UE u dak li tista’ tagħmel biex tgħin fil-promozzjoni ta’ soluzzjoni politika, abbażi tar-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li tkun taħdem għas-Sirjani kollha, u tħallihom jgħixu fil-libertà u d-dinjità, b’mod sigur u sikur.
Il-kooperazzjoni bilaterali mal-gvern tas-Sirja ġiet sospiża wara r-repressjoni vjolenti min-naħa tar-reġim tal-irvellijiet ċivili fl-2011. Madankollu, l-UE, kompliet tappoġġa lis-Sirjani, permezz ta’ assistenza umanitarja sabiex ikunu salvati l-ħajjiet, kif ukoll għajnuna biex jingħataw servizzi essenzjali u tkun appoġġata s-soċjetà ċivili. Koordinazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE, u l-istrumenti finanzjarji rispettivi tagħhom hija fundamentali għall-implimentazzjoni effettiva ta’ din l-istrateġija.
1. Is-sitwazzjoni fis-Sirja
1.1 Il-kuntest tal-politika u tas-sigurtà
Ir-reazzjoni militari tar-reġim tas-Sirja għall-irvell politiku paċifiku fl-2011 wasslet għal gwerra ċivili mtawla u aggravata minn għadd ta’ involvimenti esterni. Il-kontinwazzjoni tal-gwerra qiegħda toħloq geġwiġija ta’ reġjuni segregati u f’kompetizzjoni bejniethom immexxija minn gruppi armati differenti u qiegħda tagħti lok biex Da'esh jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni.
Minkejja għadd ta’ taħditiet ta’ paċi suċċessivi mmexxija min-NU, il-Komunikat ta’ Ġinevra tal-2012 5 u l-isforzi tal-Grupp Internazzjonali ta’ Appoġġ għas-Sirja u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu, ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn il-partijiet f’kunflitt sabiex il-gwerra tinġieb fi tmiemha. Fir-raba’ rawnd ta’ taħditiet bejn il-partijiet Sirjani f’Ġinevra fi Frar 2017 ġew identifikati tliet kategoriji li fuqhom għandhom jissejsu n-negozjati fil-futur, f’konformità mal-UNSCR 2254 — il-governanza, il-kostituzzjoni, u l-elezzjonijiet — kif ukoll kategorija addizzjonali ad-hoc li b’rabta magħha tista’ tiġi diskussa l-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Sadanittant, ir-reġim tas-Sirja u l-alleati tiegħu adottaw sistematikament approċċ ta’ vjolenza li kompliet tikber fis-Sirja. Dan l-approċċ ġie adottat ukoll minn gruppi estremisti vjolenti u minn elementi tal-oppożizzjoni armata. Dan wassal għal vulnerabilità akbar tal-poplu Sirjan, inġinerija demografika permezz tal-evakwazzjonijiet mġiegħla, u ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali.
Min-naħa tar-reġim ma kien hemm l-ebda tentattiv ta’ djalogu: il-messaġġ jgħid ċar u tond “baxxi rasek jew itlaq.” Approċċ daqstant repressiv qatt ma jista’ jsir il-bażi stabbli għal Sirja magħquda u inklużiva fil-futur.
1.2 Il-kuntest umanitarju
Sitt snin ta’ kunflitt tassew ħallew l-effett negattiv tagħhom fuq il-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. L-istennija tal-ħajja naqset b’20 sena. L-iżvilupp ekonomiku u tal-bniedem fis-Sirja mar lura b’40 sena, u wassal biex għadd ta’ Sirjani jħallu pajjiżhom. L-ekonomija Sirjana sfaxxat fix-xejn u postha ttieħed minn ekonomija bellika, li minnha tibbenefika biss minoranza żgħira. Daqs 13,5 miljun ruħ, 6 kważi tliet kwarti tal-popolazzjoni li għad fadal, 7 jinsabu fi bżonn urġenti ta’ assistenza umanitarja, inklużi aktar minn sitt miljun ruħ li jinsabu spostati internament u aktar minn ħames miljun ruħ f’żoni taħt assedju u diffiċli li jintlaħqu.
Il-ksur kważi fuq bażi ta’ kuljum tal-liġi umanitarja internazzjonali, bħall-attakki ma jaqtgħu xejn apposta fuq l-infrastruttura ċivili, inklużi s-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-ilma, il-faċilitajiet mediċi u l-iskejjel, wassal għal skarsezzi gravi tas-servizzi essenzjali. Fl-istess waqt, l-aċċess u t-twassil tal-assistenza umanitarja kienu mxekkla bil-bosta minn żieda fil-politiċizzazzjoni tal-għajnuna.
1.3 Is-sitwazzjoni attwali tal-assistenza tal-UE f’Jannar 2017
Minn mindu faqqgħet il-gwerra fl-2011, l-UE b’mod kollettiv (l-UE u l-Istati Membri) immobilizzat aktar minn EUR 9,4 biljun b’reazzjoni għall-kriżi fis-Sirja, kemm fis-Sirja kif ukoll fir-reġjun tal-madwar, u b’hekk saret l-akbar donatur.
Fis-Sirja, l-UE mmobilizzat aktar minn EUR 900 miljun. Aktar minn EUR 600 miljun minnhom intużaw biex jipprovdu assistenza umanitarja. Dan il-finanzjament indirizza l-ħtiġijiet tal-persuni fis-“Sirja kollha kemm hi” u ta prijorità lill-operazzjonijiet multisettorjali li jsalvaw il-ħajjiet, b’mod partikolari f’żoni taħt assedju, sors ta’ tilwim u mhux moqdija biżżejjed.
L-assistenza umanitarja tal-UE twasslet għand miljuni ta’ persuni fil-bżonn fis-Sirja u f’pajjiżi ġirien li jilqgħu lir-refuġjati. Fis-Sirja, l-assistenza tagħna ppermettiet lis-sieħeb tagħna jipprovdi ikel, appoġġ emerġenti għas-saħħa, kenn, ilma tajjeb għax-xorb u oġġetti għall-iġjene lil miljuni ta’ persuni, b’mod partikolari lil dawn l-aktar fil-bżonn u appoġġat il-kampanja ta’ tilqim kontra l-poljo tal-Unicef għal 2,7 miljun tifel u tifla. Minkejja li f’din il-Komunikazzjoni, il-lenti tinsab fuq is-Sirja internament, l-UE mmobilizzat ukoll appoġġ sostanzjali għall-pajjiżi ġirien li jilqgħu lir-refuġjati (it-Turkija, il-Ġordan, il-Libanu) u li fihom, aktar minn 1,15-il miljun refuġjat Sirjan fir-reġjun ingħataw assistenza għal saħħithom u medika li salvat il-ħajjiet kif ukoll protezzjoni u appoġġ psikosoċjali.
L-UE provdiet ukoll EUR 327 miljun f’assistenza mhux umanitarja permezz ta’ diversi strumenti: L-Istrument Ewropew tal-Viċinat 8 iffinanzja azzjonijiet fis-Sirja f’bosta setturi, bħall-edukazzjoni, l-appoġġ għall-għajxien, il-governanza lokali, l-appoġġ għas-saħħa u għas-soċjetà ċivili.
Dan il-finanzjament għandu t-tir li jżomm il-kapital uman Sirjan, jiffaċilita l-aċċess tal-poplu għas-servizzi bażiċi u jtejjeb il-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet ċivili lokali. Fl-ambitu tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi 9 u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, 10 l-UE qiegħda tappoġġa lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lis-soċjetà ċivili tas-Sirja. L-Istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp 11 ukoll jappoġġa proġetti fis-Sirja biex tiżdied is-sigurtà alimentari tal-poplu Sirjan.
L-UE ħolqot Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, b’baġit totali ta’ EUR 3 biljun għall-perjodu 2016-2017, biex tappoġġa l-perspettivi soċjoekonomiċi, edukattivi u tal-għajxien fuq terminu itwal tar-refuġjati fit-Turkija.
L-UE ħolqot ukoll Fond Fiduċjarju Reġjonali b’reazzjoni għall-kriżi fis-Sirja 12 li jinkludi EUR 932 miljun f’kontribuzzjonijiet minn 22 Stat Membru u t-Turkija. Dan huwa apparti l-finanzjament dirett mill-baġit tal-UE, li ntuża sa issa fir-reġjun, sabiex jgħin lis-Sirjani u lill-komunitajiet ospitanti f’pajjiżi ġirien.
Il-finanzjament mill-UE kkontribwixxa għat-titjib ta’ ħajjet ir-refuġjati, b’mod partikolari fis-settur ta-edukazzjoni. Pereżempju, 663 000 refuġjat Sirjan u tfal u żgħażagħ fil-komunità ospitanti fit-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan jingħataw aċċess għal servizzi ta’ protezzjoni, kura psikosoċjali u edukazzjoni primarja ta’ kwalità. Fis-settur tal-edukazzjoni għolja, il-proġett “HOPES” qed joffri boroż ta’ studju, konsulenza dwar l-edukazzjoni u taħriġ fil-lingwi lil madwar 250 000 refuġjat Sirjan u żgħażagħ fil-komunità ospitanti fil-Ġordan, il-Libanu, l-Eġittu, l-Iraq u t-Turkija. Fit-Turkija, l-interventi fil-qasam tal-edukazzjoni jinkludu l-bini ta’ 70 skola ġdida u t-tagħmir għalihom.
2. Riskji u theddid għall-interessi ewlenin tal-UE jekk il-gwerra tibqa’ għaddejja
Il-kontinwazzjoni tal-gwerra fis-Sirja tista’ twassal għal diviżjoni tal-pajjiż skont linji settarji li tista’ tixpruna aktar l-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu, jew inkella għal impożizzjoni tal-kontroll militari mir-reġim fuq il-pajjiż kollu kemm hu. Iż-żewġ sitwazzjonijiet se jwasslu għal instabbiltà kontinwa b’konsegwenzi problematiċi usa’ fuq livell reġjonali u globali, inkluż it-tnaqqir tal-kapaċità tal-qafas istituzzjonali u legali internazzjonali li jsolvi tilwim ieħor.
Ir-riperkussjonijiet ta’ kull waħda minn dawn l-opzjonijiet, jiġifieri l-kunflitt kontinwu jew ħakma awtokratika kontinwa, li huma l-alternattivi għal tranżizzjoni politika nnegozjata, ikunu kontra l-interessi tal-poplu Sirjan, tar-reġjun u tal-UE. Dawn ikunu jinkludu:
telf ta’ ħajjiet, u turufnament akbar fost il-bnedmin, inkluż minħabba assedji, li jwasslu għal aktar spostament tal-popolazzjoni, b’mod partikolari flussi kbar ta’ refuġjati fir-reġjun tal-madwar u lejn l-Ewropa;
vjolenza kontinwa, radikalizzazzjoni ta’ gruppi armati u l-firxa tal-estremiżmu vjolenti;
il-firxa ta’ attivitajiet kriminali li jirriżultaw minn ekonomija bellika, inkluż it-traffikar tal-armi u tal-bnedmin;
majnar ekonomiku kontinwu b’negozji u opportunitajiet ekonomiċi li kulma jmur jonqsu;
l-ikkonsolidar tad-differenzi settarji, li jagħmel l-isforzi favur proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali aktar diffiċli;
instabbiltà akbar fil-pajjiżi ġirien, inkluż xkiel tal-istabbilizzazzjoni tal-Iraq ta’ wara Da'esh, u impatt dirett ulterjuri fuq il-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija; u
aktar qerda tal-wirt kulturali, inklużi siti ta’ Wirt Dinji, u traffikar ta’ beni kulturali.
3. Għanijiet strateġiċi tal-UE
L-għanijiet strateġiċi tal-UE dwar is-Sirja huma allinjati mal-interessi u l-valuri ewlenin tagħha u jimxu fuq il-passi tal-Istrateġija Globali għall-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE u l-Politika Ewropea tal-Viċinat:
Sirja waħda — pajjiż magħqud u integrali territorjalment għaċ-ċittadini Sirjani kollha.
Sirja demokratika — gvern leġittimu u sistema politika pluralistika fir-rigward tal-istat tad-dritt u d-drittijiet individwali abbażi ta’ ċittadinanza ugwali.
Sirja diversa u inklużiva — pajjiż multikulturali li fih il-gruppi etniċi u reliġjużi kollha jħossu li l-identitajiet tagħhom huma protetti u li għandhom l-istess aċċess għall-gvern.
Sirja b’saħħitha u sigura — stat effettiv b’istituzzjonijiet li jiffunzjonaw, b’lenti fuq is-sigurtà u s-servizzi taċ-ċittadini, armata nazzjonali waħda u forzi tal-pulizija u tas-sigurtà b’obbligu ta’ rendikont.
Sirja stabbli — sistema politika stabbli u ekonomija b’saħħitha, li tipprovdi edukazzjoni u kura tas-saħħa kif suppost lill-poplu tagħha, kif ukoll li tiġbed lejha l-investiment barrani, iżżomm relazzjonijiet tajba mal-ġirien kollha tagħha u integrata fi ħdan il-komunità internazzjonali bħala sieħeb kostruttiv.
Billi dawn l-għanijiet strateġiċi qegħdin jinkisbu, dan se jagħti lok għar-ritorn volontarju, dinjituż u sikur tar-refuġjati u persuni spostati internament.
4. L-objettivi tal-UE
Sabiex dawn l-għanijiet strateġiċi jinkisbu, l-objettivi tal-UE għas-Sirja huma:
It-tmiem tal-gwerra permezz ta’ proċess ta’ tranżizzjoni politika nnegozjat mill-partijiet involuti fil-kunflitt bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja u atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin.
Tippromwovi tranżizzjoni sinifikattiva u inklużiva fis-Sirja permezz ta’ appoġġ għat-tisħiħ tal-oppożizzjoni politika, f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Komunikat ta’ Ġinevra.
Tippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni billi ssaħħaħ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tas-Sirja.
Tippromwovi proċess nazzjonali ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali bbażat fuq sforzi biex tkun ikkonsolidata l-paċi u li jikkumbatti l-estremiżmu vjolenti u s-settarjaniżmu, inkluż approċċ għall-ġustizzja tranżizzjonali li għandu jinkludi r-responsabbiltà għal delitti tal-gwerra.
Issalva l-ħajjiet billi tindirizza l-ħtiġijiet umanitarji tal-aktar Sirjani vulnerabbli b’mod f’waqtu, effettiv, effiċjenti u bbażat fuq prinċipji sodi.
Tappoġġa r-reżiljenza tal-poplu Sirjan, kif ukoll tal-istituzzjonijiet u tas-soċjetà Sirjana.
Dawn l-objettivi huma diskussi f’aktar dettall fit-Taqsima 5.
5. Il-linji ta’ azzjoni prinċipali fis-Sirja għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-UE
5.1. It-tmiem tal-gwerra permezz ta’ proċess ta’ tranżizzjoni politika nnegozjat mill-partijiet fil-kunflitt bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tan-NU u atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin
Kull soluzzjoni dejjiema għall-gwerra trid tkun iċċentrata fuq l-issodisfar tal-ħtiġijiet u tal-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Sirjan, filwaqt li tippermetti li jinfetaħ l-ispazju politiku u ċiviku għal gruppi li qabel kienu esklużi u riforma demokratika u ġenwina tal-istituzzjonijiet tal-Istat. L-UE, minħabba l-interess li għandha fi tranżizzjoni politika nnegozjata, se tagħti s-sehem komplut tagħha filwaqt li tuża l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħha.
L-UE se tkompli tassisti b’mod dirett it-taħditiet innegozjati minn-NU f’Ġinevra, inkluża assistenza f’diskussjonijiet tekniċi li jistgħu jmexxu ’l quddiem in-negozjati politiċi biex tintemm il-gwerra u jiddefinixxu l-parametri ta’ korp tranżizzjonali ta’ tmexxija f’konformità mal-UNSCR 2254 u mal-Komunikat ta’ Ġinevra. L-UE tilqa’ l-passi meħuda mir-Russja, it-Turkija u l-Iran b’sostenn għall-waqfien mill-ġlied, kif approvat mill-UNSCR 2336, u bħala mezz ta’ tħejjija għal taħditiet bejn il-partijiet Sirjani f’Ġinevra.
Billi l-gwerra Sirjana bħalissa hija kkaratterizzata sa ċertu punt minn involviment militari dirett ta’ għadd ta’ atturi reġjonali u globali, l-UE nediet, b’koordinazzjoni sħiħa man-NU, inizjattiva biex tiżviluppa djalogu politiku ma’ atturi ewlenin mir-reġjun sabiex tkun identifikata bażi komuni għall-fażi militari finali fis-Sirja u l-kundizzjonijiet għall-proċess ta’ rikonċiljazzjoni u rikostruzzjoni. Din il-ħidma għandha l-għan li tikkontribwixxi ulterjorment għal ftehim fil-proċess ta’ paċi bejn il-partijiet Sirjani.
Il-paċi ma tistax tinkiseb billi jkun hemm involviment mal-partijiet ikkonċernati Sirjani fil-livell makro biss. Tirrikjedi, l-ewwel u qabel kollox, sforz kollettiv li jkollu fil-mira diretta tiegħu l-komunitajiet, il-popolazzjoni milquta mill-gwerra u s-soċjetà ċivili tas-Sirja, li għandhom jieħdu sehem fil-proċess li permezz tiegħu jissawru l-arranġamenti tranżizzjonali u l-ġejjieni tas-sistema politika tas-Sirja. L-Inizjattiva ta’ Appoġġ għall-Proċess ta’ Paċi fis-Sirja tal-UE 13 qiegħda tiżviluppa pjattaforma konkreta biex tappoġġa l-proċess ta’ paċi u l-waqfien mill-ġlied, isaħħaħ il-partiti fl-oppożizzjoni u tikkontribwixxi għad-djalogu mas-soċjetà ċivili. L-UE se tibqa’ tappoġġa l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja biex jinkludi lis-soċjetà ċivili f’ħidmietu permezz tal-Kamra tal-Appoġġ tas-Soċjetà Ċivili u l-Bord ta’ Konsulenza tan-Nisa.
L-UE se żżomm il-miżuri restrittivi tagħha kontra individwi u entitajiet Sirjani li jappoġġaw lir-reġim sakemm idum għaddejja r-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili. Il- miżuri li għandhom fil-mira tagħhom ċerti setturi tal-ekonomija Sirjana se jinżammu wkoll sakemm ikun hemm bżonn. Is-sanzjonijiet li jeżistu attwalment se jiġu estiżi ulterjorment skont il-bżonn. Minn żmien għal żmien, l-UE se twettaq rieżami tal-impatt tas-sanzjonijiet u se tikkunsidra regolarment l-opzjonijiet biex trażżan kull konsegwenza mhux intenzjonata.
5.2. Tippromwovi tranżizzjoni sinifikattiva u inklużiva fis-Sirja permezz ta’ appoġġ għat-tisħiħ tal-oppożizzjoni politika, f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Komunikat ta’ Ġinevra
Tranżizzjoni komprensiva u vijabbli fis-Sirja ma tistax tinkiseb mingħajr ir-rappreżentanza u r-responsabbilizzazzjoni tal-gruppi politiċi Sirjani prinċipali kollha.
L-oppożizzjoni Sirjana, kemm fis-Sirja kif ukoll lil hinn minnha, teħtieġ appoġġ bħala forċina għall-isforzi tagħha biex tittrasforma lilha nnifisha fi pjattaforma politika b’saħħitha u sostenibbli li tkun kapaċi tipprovdi alternattiva demokratika u li taqdi rwol sinifikanti fil-fażijiet tat-tranżizzjoni u ta’ wara t-tranżizzjoni fis-Sirja. L-UE se tkompli tibni fuq il-ħidma tagħha li diġà teżisti biex tappoġġa lill-gruppi politiċi l-kbar fl-oppożizzjoni tul il-proċess tan-negozjati, kif ukoll biex tgħinhom jiżviluppaw u jadattaw ulterjorment il-viżjoni tagħhom rigward it-tranżizzjoni u l-ġejjieni tal-Istat u s-soċjetà tas-Sirja.
L-UE se tkompli tinvesti fl-unifikazzjoni tal-oppożizzjoni Sirjana bis-saħħa tal-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-Kumitat Għoli tan-Negozjati, kif ukoll taż-żewġ komponenti politiċi prinċipali tagħha, il-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana u l-Korp Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni.
L-UE se tappoġġa l-espansjoni tal-pjattaforma tal-oppożizzjoni għal negozjati permezz tad-djalogu ma’ gruppi oħra fl-oppożizzjoni Sirjana li ma kinux rappreżentati fil-proċess ta’ Ġinevra. Barra minn hekk, l-UE qiegħda tħeġġeġ id-djalogu bejn il-gruppi fl-oppożizzjoni u l-partijiet interessati Sirjani, bħal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mexxejja reliġjużi u tat-tribujiet, il-komunità tan-negozju u l-assoċjazzjonijiet tan-nisa, bl-għan li l-fehmiet tagħhom jiġu inkorporati fil-pjattaforma politika.
L-UE se tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni u l-involviment tal-oppożizzjoni politika Sirjana flimkien mal-gruppi armati moderati bl-għan li jissaħħaħ is-sehem tagħhom fil-waqfien mill-ġlied u fit-tħejjijiet għal tranżizzjoni politika fil-ġejjieni.
5.3. Tippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni billi ssaħħaħ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tas-Sirja
L-UE se tkompli tipprovdi appoġġ kunsiderevoli lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Sirjana, li jikkondividu l-valuri tal-ħidma favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni. Is-soċjetà ċivili Sirjana se tkun teħtieġ li taqdi rwol prominenti f’Sirja ta’ wara l-kunflitt, inkluż li tagħti għajnuna lill-pajjiż biex jirrikonċilja mal-avvenimenti tal-imgħoddi, tagħti lok għal sforzi biex iseħħu rikonċiljazzjoni lokali u nazzjonali u djalogu bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet, u li tikkontribwixxi għall-monitoraġġ ta’ kull ftehim politiku.
B’mod partikolari, l-UE se tappoġġa l-aggregazzjoni tas-soċjetà ċivili Sirjana fi pjattaformi koerenti li jistgħu jippromwovu aħjar l-objettivi tagħhom u jagħtu leħen lil firxa wiesgħa kemm jista’ jkun tas-soċjetà Sirjana. Se taħdem sabiex issaħħaħ il-kapaċità tas-soċjetà ċivili li tinvolvi ruħha flimkien mal-pubbliku, filwaqt li tesprimi t-tħassib taċ-ċittadini Sirjani. Se jibqa’ jingħata appoġġ għall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, żgħażagħ u minoranzi, li jippromwovu aġenda għas-sehem tagħhom f’Sirja inklużiva u demokratika.
L-appoġġ għal-libertà tal-espressjoni għandu jinkludi l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ mezzi tax-xandir dinamiċi, liberi u indipendenti u t-tħeġġiġ ta’ kanali għal komunikazzjoni miftuħa u tolleranti, inkluża l-komunikazzjoni permezz tal-midja soċjali.
5.4. Tippromwovi proċess nazzjonali ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali bbażat fuq sforzi biex tkun ikkonsolidata l-paċi u li jikkumbatti l-estremiżmu vjolenti u s-settarjaniżmu, inkluż approċċ għall-ġustizzja tranżizzjonali li għandu jinkludi r-responsabbiltà għal delitti tal-gwerra.
Matul u wara l-kunflitt, l-UE se tibqa’ tappoġġa l-inizjattivi li jirrigwardaw il-ġustizzja tranżizzjonali sabiex tgħin biex tkun iggarantita r-responsabbiltà għal delitti tal-gwerra, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali. Dan jinkludi l-użu kkonfermat tal-armi kimiċi, kif ukoll l-appoġġ għall-investigazzjoni tad-delitti tal-gwerra, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali. Dawn l-isforzi se jsiru flimkien mal-appoġġ għat-tisħiħ tal-għajnuna psikosoċjali u r-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż kollu.
Dwar l-isforzi sabiex tkun ikkonsolidata l-paċi, l-UE se tassisti lill-komponenti differenti tas-soċjetà Sirjana biex ikunu ta’ appoġġ għal koeżistenza paċifika u għal reżiljenza tal-komunità bħala prerekwiżit biex tinbena Sirja demokratika fil-ġejjieni. Se jkun jenħtieġ li l-mira tal-isforzi ta’ medjazzjoni tkun magħżula bir-reqqa biex tissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tal-komunitajiet lokali u l-kuntest li qiegħed jevolvi tal-kunflitt.
L-UE se tappoġġa l-ħidma dwar l-identifikazzjoni ta’ persuni nieqsa jew li għebu u se tipprovdi appoġġ lill-familji tagħhom permezz tal-konsulenza kemm ġuridika kif ukoll ta’ natura oħra, u billi tiddefendi d-drittijiet tagħhom.
5.5. Issalva l-ħajjiet billi tindirizza l-ħtiġijiet umanitarji tal-aktar Sirjani vulnerabbli b’mod f’waqtu, effettiv, effiċjenti u bbażat fuq prinċipji sodi
It-twassil tal-għajnuna umanitarja fis-Sirja sar dejjem aktar problematiku. L-approvazzjoni jew iċ-ċaħda tal-aċċess umanitarju saret tattika tal-gwerra li tintuża mill-partijiet kollha fil-kunflitt għall-iskopijiet tagħhom stess. L-UE se tissokta bl-involviment prattiku tagħha mal-Gvern tas-Sirja u l-gruppi fl-oppożizzjoni biex tafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jkun hemm konformità mal-prinċipji umanitarji bażiċi min-naħa tal-partijiet kollha fil-kunflitt u l-ħtieġa li tkun evitata l-interferenza politika fit-twassil tal-għajnuna umanitarja. Fil-konfront tat-twassil tal-għajnuna bis-saħħa tas-sħab tagħha, l-UE se jkollha approċċ nondiskriminatorju bbażat fuq prinċipji sodi u fuq il-ħtiġijiet.
Ir-rispons umanitarju tal-UE se jkompli jkopri żewġ tipi ta’ xenarji — rispons f’emerġenza tal-ewwel linja u rispons ta’ wara l-emerġenza — permezz ta’ approċċ integrat ta’ ħames setturi ewlenin ta’ intervent: l-ikel; is-saħħa; il-kenn u l-oġġetti mhux tal-ikel; l-ilma, is-sanitazzjoni u l-iġjene (WASH – water, sanitation and hygiene); u l-protezzjoni. Permezz tar-rispons f’emerġenza tal-ewwel linja, l-UE u s-sħab umanitarji tagħha se jagħtu prijorità liż-żoni fejn il-popolazzjoni ċivili ma għandhiex aċċess għall-assistenza umanitarja, jew għandha biss aċċess limitat. L-UE tappoġġa l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza, sabiex tilqa’ minn qabel u twieġeb b’mod effettiv għal kull deterjorament tal-qagħda umanitarja.
L-UE se tkompli wkoll tipprovdi assistenza maħsuba biex tkun ta’ sostenn għall-ħajja tas-Sirjani l-aktar vulnerabbli f’sitwazzjonijiet ta’ wara l-emerġenza, bħall-ispostament fit-tul jew in-nuqqas imtawwal ta’ servizzi bażiċi. L-UE se ssaħħaħ ulterjorment il-kumplimentarjetà bejn l-għajnuna umanitarja, ir-reżiljenza u l-appoġġ għall-għajxien.
L-UE, bħala parti mid-diplomazija umanitarja tagħha, se tkompli tesiġi li l-partijiet kollha fil-kunflitt jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, jippermettu l-aċċess umanitarju u jipprovdu rispons umanitarju f’konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali u l-prinċipji tar-responsabbiltà. L-UE se tkompli tagħti l-appoġġ tagħha għal approċċ b’saħħtu ta’ “Sirja kollha kemm hi” bħala l-aqwa mezz biex ikunu indirizzati restrizzjonijiet fl-aċċess u biex titwassal l-assistenza għand il-popolazzjonijiet fil-bżonn miċ-ċentri kollha ta’ għajnuna, inklużi kemm l-operazzjonijiet translinja kif ukoll dawk transfruntiera b’mod konsistenti, effettiv u bbażat fuq prinċipji sodi.
5.6. Tappoġġa r-reżiljenza tal-poplu Sirjan, kif ukoll tal-istituzzjonijiet u tas-soċjetà Sirjana, f’konformità mal-approċċ ta’ Sirja kollha kemm hi
L-iżviluppar tar-reżiljenza tal-poplu Sirjan skont l-approċċ ta’ “Sirja kollha kemm hi” jirrikjedi l-għoti ta’ għajnuna lill-popolazzjonijiet milquta fil-pajjiż kollu. Dan qiegħed isir dejjem aktar problematiku minħabba n-nuqqas ta’ aċċess u ta’ sigurtà, u l-kapaċità tas-sħab eżekuttivi li jaħdmu f’ambjent ta’ kunflitt. Dan l-approċċ jirrikjedi valutazzjoni prudenti, li tqis il-kunflitt u monitoraġġ ta’ fejn u kif tista’ titwassal l-assistenza tal-UE. Għaldaqstant, l-UE ħadet miżuri biex trażżan ir-riskji politiċi u ta’ natura oħra konsegwenza tal-ħidma fis-Sirja u saħħet il-preżenza tagħha fir-reġjun.
L-UE se tkompli tappoġġa r-reżiljenza tal-popolazzjoni ċivili Sirjana. Se jinxteħet dawl partikolari fuq il-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ approċċi msejsa fuq il-komunità li jkollhom appartenenza lokali biex ikun iġġenerat id-dħul u jitrawwem sens ta’ awtonomizzazzjoni. L-UE se tkompli wkoll tiffoka fuq l-għoti tal-edukazzjoni, inklużi edukazzjoni bażika u għolja, l-iżvilupp tal-ħiliet, it-taħriġ vokazzjonali u s-servizzi ta’ appoġġ psikosoċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ Sirjani, kif ukoll azzjonijiet speċifiċi li jippromwovu aċċess ugwali għall-edukazzjoni fost il-bniet. Bis-saħħa ta’ dan, ikunu jistgħu jkomplu jattendu l-iskola u jistudjaw, u b’hekk tagħtihom prospettiva ta’ ġejjieni aħjar u tattrezzahom bil-ħiliet neċessarji biex jikkontribwixxu għar-rikostruzzjoni tas-Sirja. Dan iqawwi wkoll qalb in-nies, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, biex jibqgħu fis-Sirja ta’ wara l-kunflitt jew biex jerġgħu lura fiha, u joħolqilhom alternattivi għas-sehem fi gruppi estremisti armati jew vjolenti jew għall-influwenza tagħhom.
L-UE se xxammar il-kmiem biex tevita li l-amministrazzjoni tal-Istat tas-Sirja tisfaxxa. Biex Stat jiffunzjona, huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-istrutturi tal-governanza jkunu kkollegati fil-livelli kollha fil-pajjiż kollu. L-UE se testendi l-appoġġ li ilha tipprovdi lill-istrutturi ta’ governanza ċivili lokali f’żoni kkontrollati mill-oppożizzjoni, bħall-kunsilli lokali u entitajiet amministrattivi oħra, sabiex ittejjeb it-trasparenza, is-sehem u r-responsabbiltà tagħhom fl-għoti tas-servizzi u biex ma tħallix li strutturi ċivili jkunu kkontrollati mill-militar. L-UE se twettaq koordinazzjoni mill-qrib ma’ donaturi u partijiet ikkonċernati Sirjani oħra, inkluż il-Gvern Interim Sirjan 14 biex tiżgura approċċi armonizzati u komplementari f’setturi differenti u minn settur għall-ieħor.
Skont l-approċċ ta’ “Sirja kollha kemm hi”, l-UE se tibqa’ tipprovdi appoġġ għar-reżiljenza fil-pajjiż kollu. Dan l-appoġġ għandu l-għan li:
(i) jippreserva l-forniment tas-servizzi u l-kapital uman tas-Sirja, u b’hekk iwitti t-triq għall-irpiljar ta’ wara l-kunflitt; u
(ii) jipprovdi l-mezzi biex in-nies jibqgħu f’darhom b’mod dinjituż jew sabiex il-persuni spostati internament jirċievu servizzi bażiċi, u b’hekk jitnaqqsu l-flussi migratorji.
Dan l-approċċ ta’ “Sirja kollha kemm hi” għandu jkun segwit bl-għan li jitħejja l-ambjent għall-irpiljar ta’ wara l-kunflitt u għar-riforma tal-Istat wara li jintlaħaq ftehim, li fih l-istituzzjonijiet lokali fil-pajjiż kollu jkunu mistennija li jaqdu rwol ewlieni ta’ stabbilizzazzjoni.
6. Involviment tal-UE fl-ippjanar minn qabel għar-rikostruzzjoni u t-tranżizzjoni
6.1 Ippjanar għal Wara li jintlaħaq Ftehim
L-UE wriet biċ-ċar li mhux se tkun tista’ tassisti fir-rikostruzzjoni tal-pajjiż sakemm ma tinbediex tranżizzjoni politika komprensiva, ġenwina u inklużiva. L-involviment tal-UE fir-rikostruzzjoni huwa għaldaqstant marbut ma’ soluzzjoni politika għall-kunflitt abbażi tal-UNSCR 2254 u l-Komunikat ta’ Ġinevra. Barra minn hekk, dawk il-protagonisti esterni li inċitaw il-kunflitt għandhom jassumu responsabbiltà speċjali fir-rigward tal-ispejjeż li tinvolvi r-rikostruzzjoni. Madankollu, sabiex kollox ikun lest għal azzjoni rapida u effettiva fil-mument propizju, it-tħejjijiet iridu jibdew isiru minn qabel. Il-ħtiġijiet ta’ investiment se jkunu sostanzjali ferm u se jkun meħtieġ sforz globali.
L-UE se tkompli tinvolvi ruħha u tikkontribwixxi għall-eżerċizzju ta’ ppjanar għal wara li jintlaħaq ftehim imwettaq mit-Task Force Interaġenzjali tan-NU li se tidħol fil-kif tal-interventi multisettorjali li se jkunu meħtieġa fl-ewwel sitt xhur wara li jintlaħaq ftehim ta’ paċi sabiex ikunu ta’ appoġġ għall-proċess politiku u għall-istrutturi tal-gvern ta’ tranżizzjoni. Tinsab għaddejja wkoll ħidma biex il-valutazzjonijiet konġunti bejn l-UE u n-NU li diġà jeżistu bħalissa tad-dannu u tal-ħtiġijiet, jiġu estiżi f’għadd ta’ bliet Sirjani u biex jiġi aċċertat li fl-isforzi tar-rikostruzzjoni jkunu indirizzati l-ħtiġijiet tal-poplu. L-UE se tagħmel tentattivi biex tintegra sforzi paralleli simili min-naħa tal-Bank Dinji. Din il-ħidma se tħejji l-bażi u tnaqqas iż-żmien li jkun meħtieġ biex wara li jintlaħaq ftehim tkun tista’ ssir Valutazzjoni konġunta dwar l-Irpiljar u l-Konsolidazzjoni tal-Paċi bejn l-UE, il-Bank Dinji u n-Nazzjonijiet Uniti, biex tkun ta’ forċina għall-irpiljar u l-pjanijiet ta’ rikostruzzjoni fuq terminu itwal tal-istrutturi tal-gvern ta’ tranżizzjoni.
L-UE diġà ħadet impenn biex iżżid il-koordinazzjoni tad-donaturi ewlenin u l-Istati Membri tal-UE fis-Sirja. F’dan ir-rigward, l-UE diġà ospitat disa’ laqgħat ta’ donaturi ewlenin minn Ottubru 2012 ’l hawn sabiex ittejjeb il-koordinazzjoni internazzjonali tal-għajnuna mhux umanitarja għall-irpiljar, ir-reżiljenza u l-iżvilupp u għall-ippjanar bil-quddiem għar-rispons għall-kriżi fis-Sirja. Bħala tħejjija għall-fażi ta’ wara li jintlaħaq ftehim, l-UE se timpenja ruħha mal-pajjiżi ġirien tas-Sirja, mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali Għarab u partijiet terzi oħra rilevanti biex tiddiskuti flimkien magħhom modi li bihom il-pajjiżi ġirien tas-Sirja u l-protagonisti reġjonali jistgħu jikkontribwixxu għar-rikostruzzjoni tas-Sirja, kif ukoll kif jista’ jingħata appoġġ għal ritorn sikur, volontarju u dinjituż tar-refuġjati u tal-persuni spostati internament.
6.2 Ir-rwol tal-UE fir-rikostruzzjoni tas-Sirja
Ladarba jingħata bidu għal tranżizzjoni politika ġenwina f’konformità mal-UNSCR 2254 u l-Komunikat ta’ Ġinevra, l-UE tista’ tibda tieħu passi favur ir-rikostruzzjoni. Passi bħal dawn se jittieħdu bil-mod il-mod, u se jittieħdu biss b’rispons għal progress konkret u li jista’ jitkejjel.
It-tneħħija tal-miżuri restrittivi: l-UE tista’ tirrevedi l-miżuri restrittivi attwali kontra s-Sirja sabiex tappoġġa r-rikostruzzjoni u l-irpiljar mill-aktar fis.
L-issoktar tal-kooperazzjoni:: l-UE tista’ tissokta bir-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni bilaterali mal-Gvern tas-Sirja u timmobilizza l-istrumenti xierqa skont il-Politika tal-Viċinat tal-UE u programmi oħra biex tagħti spinta lill-ekonomija u tindirizza l-isfidi tal-governanza u tar-responsabbiltà.
Il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament: hekk kif tinbeda tranżizzjoni politika ġenwina u komprensiva, l-UE tkun lesta li tikkontribwixxi għar-rikostruzzjoni tas-Sirja, kif ukoll li timmobilizza u tattira l-finanzjament minn donaturi internazzjonali oħra. Il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’rispons għall-Kriżi fis-Sirja għandu jaqdi rwol importanti fl-akkomunament u fid-direzzjonar tal-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri kif ukoll ta’ kontributuri oħrajn.
L-UE, mingħajr ma tippreġudika l-eżiti tal-konsultazzjonijiet mal-kontropartijiet Sirjani ta’ wara l-ftehim li se jkun jeħtiġilhom jiddefinixxu l-prijoritajiet tagħhom stess fir-rigward tar-rikostruzzjoni, tista’ tipprovdi appoġġ fis-setturi li ġejjin:
Is-sigurtà: il-ħtieġa għas-sigurtà se tkun fundamentali fl-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe ftehim politiku. Fil-fażi li taħbat eżatt wara l-ftehim, l-UE tista’ tiffinanzja t-tneħħija tal-mini u ta’ munizzjon li ma jkunx għadu sploda u tappoġġa l-mekkaniżmi lokali jew internazzjonali għas-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-waqfien tal-ostilitajiet. Tranżizzjoni fis-Sirja tista’ tirnexxi biss jekk issir riforma tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà biex isiru aktar rendikontabbli u kkonċentrati fuq is-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini. Dan se jkun jeħtieġ sorveljanza ċivili fil-livell lokali u nazzjonali. L-UE tista’ tappoġġa r-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà u d-demilitarizzazzjoni, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ eks ġellieda fil-ħajja ċivili jew fis-servizzi tas-sigurtà riformati. L-UE tista’ tiffinanzja aspetti oħra rilevanti, inklużi l-qerda ta’ aġenti kimiċi u l-intraċċar u l-qerda ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir.
Il-governanza, ir-riformi u t-twassil tas-servizzi: Fil-fażi li taħbat eżatt wara l-ftehim, l-UE tista’ tappoġġa lill-poplu biex jaħsad il-frott tal-paċi billi treġġa’ lura b’ħeffa t-twassil tas-servizzi bażiċi fil-livell lokali (l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ilma, l-elettriku, it-tindif mit-terrapien, l-immaniġġjar tal-iskart, eċċ.), speċjalment f’żoni li jkunu qed jilqgħu għadd kbir ta’ persuni li sfaw spostati jew li ġew lura. Fuq terminu itwal, l-UE tista’ tappoġġa r-riforma ta’ wara l-kunflitt fl-istituzzjonijiet tal-Istat, inklużi sforzi biex ma jibqgħux jeżistu aktar prattiċi jew amministrazzjonijiet differenti, tissaħħaħ il-koerenza tat-twassil tas-servizzi u jerġgħu jingħaqdu flimkien il-komunitajiet mifruda. L-UE tista’ tagħti l-appoġġ tagħha fit-tfassil ta’ kostituzzjoni ġdida u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, b’mod partikolari billi tassisti fil-ġestjoni tal-elezzjonijiet u permezz ta’ missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE. Tista’ wkoll iżżid l-appoġġ tagħha fir-rigward tat-twassil tas-servizzi permezz tal-istituzzjonijiet statali u lokali, u b’hekk issaħħaħ il-leġittimità tal-istituzzjonijiet statali u lokali riformati u rendikontabbli fis-Sirja kollha. L-UE tista’ tappoġġa lis-Sirja fil-ġlieda kontra r-reati finanzjarji permezz tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force għal Azzjoni Finanzjarja (FATF).
Il-koeżjoni soċjali, il-konsolidazzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni: fil-fażi li taħbat eżatt wara l-ftehim, l-UE tista’ tkun ta’ appoġġ għall-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni inklużivi fil-livell lokali biex il-ftehim ta’ paċi jkun rinfurzat u jkun evitat li jerġa’ jfeġġ il-kunflitt. Tista’ wkoll tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet ta’ tranżizzjoni fit-trattament tal-aktar kwistjonijiet urġenti (eks detenuti u persuni nieqsa, riżoluzzjoni ta’ tilwimiet dwar proprjetà u artijiet, eċċ.), filwaqt li taħdem mill-qrib mas-soċjetà ċivili. L-UE hija lesta wkoll li taqdi rwol fit-tħejjija u fl-appoġġ għar-ritorn sikur, volontarju u dinjituż lura lejn djarhom tar-refuġjati u tal-persuni spostati internament, u l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà Sirjana. Fuq terminu twil, dan se jkun jirrikjedi, fost affarijiet oħra, mekkaniżmu ta’ ġustizzja tranżizzjonali msejjes fuq id-drittijiet u b’attenzjoni mixħuta fuq il-vittmi, kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri għall-ixprunar tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u lokali, bħad-djalogu nazzjonali, flimkien ma’ riforma ġudizzjarja estensiva.
Il-kapital uman: l-UE tista’ tibni fuq l-inizjattivi li diġà jeżistu biex tiżviluppa u tippreserva l-kapital uman li se jkun jenħtieġ għar-rikostruzzjoni tas-Sirja. Għal dan l-għan, jistgħu jiġu mmobilizzati strumenti rilevanti tal-politika settorjali tal-UE, bħall-Programm Orizzont 2020.
L-irpiljar ekonomiku: fil-fażi li taħbat eżatt wara l-ftehim, l-UE tista’ żżid l-appoġġ tagħha għall-għajxien tal-popolazzjoni, b’mod partikolari għal persuni l-aktar vulnerabbli, għaż-żgħażagħ, u għall-persuni li sfaw spostati. Fuq terminu itwal, il-paċi u r-rikostruzzjoni tas-Sirja se jkunu jistgħu jinkisbu biss bis-saħħa ta’ rilanċ tal-ekonomija Sirjana, li minħabba sitt snin ta’ gwerra ġarrbet danni kbar. Il-ħolqien tal-impjiegi u tal-opportunitajiet ta’ negozju għas-Sirjani kollha (b’mod partikolari r-refuġjati li jerġgħu lura, il-persuni li sfaw spostati, il-komunitajiet milquta mill-gwerra u l-eks ġellieda), inklużi dawk li jirriżultaw mill-proċess ta’ rikostruzzjoni, se jkunu importanti għall-irkupru ekonomiku. Sabiex l-effettività tal-appoġġ internazzjonali tinħass kemm jista’ jkun, se jkun essenzjali li l-komunità internazzjonali tiġbed ħabel wieħed u tagħmel dan b’mod koordinat mija fil-mija. F’dan il-kuntest, malli l-kundizzjonijiet ikunu jippermettu u skont ir-rekwiżiti, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jista’ jieħu f’idejh it-tmun tal-isforz għal stabbilizzazzjoni makoroekonomika, fl-istess waqt li jingħata self mill-Bank Dinji u pariri dwar il-politiki ta’ riforma strutturali u settorjali. F’xenarju ta’ wara l-kunflitt, is-Sirja tista’ tibbenefika minn assistenza makrofinanzjarja tal-UE, dment li jkunu jeżistu kemm programm ta’ żborż tal-FMI kif ukoll il-prekundizzjonijiet rilevanti jiġifieri r-rispett għall-mekkaniżmi demokratiċi, inkluża sistema parlamentari b’aktar minn partit wieħed, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. F’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) jistgħu jisfruttaw l-għarfien espert tagħhom fir-rigward tal-finanzjament tal-infrastruttura u l-iżvilupp tas-settur privat, inkluż appoġġ għall-imprendituri fuq skala żgħira permezz ta’ mikrokreditu.
http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12384-2016-ADD-1/mt/pdf (Ara l-Anness)
http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-3001-2016-INIT/mt/pdf (Ara l-Anness)
https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/frit_factsheet.pdf
http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52015JC0002&from=EN
http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/05/23-fac-syria-iraq-daesh-conclusions/
.
http://www.un.org/News/dh/infocus/Syria/FinalCommuniqueActionGroupforSyria.pdf
http://www.unocha.org/syria
http://www.worldometers.info/world-population/syria-population/
http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/HTML/?uri=CELEX:32014R0232&from=mt
http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32014R0230&from=LVN
http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32014R0235&from=MT
http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32014R0233&fromMT
https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/20161220-eutf-syria_0.pdf
Il-fond tal-UE għas-Sirja stabbilit mill-Istrument li jikkontribwixxi għall-Paċi u l-Istabbiltà.
Il-Gvern Interim Sirjan issawwar fl-2013 mill-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana u qed jaħdem biex jistabbilixxi strutturi ta’ governanza lokali funzjonali fis-Sirja f’żoni kkontrollati mill-oppożizzjoni li jkunu jistgħu jipprovdu s-servizzi lill-popolazzjoni.