Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0270

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (2016/2064(INI))

    ĠU C 331, 18.9.2018, p. 116–124 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 331/116


    P8_TA(2017)0270

    L-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (2016/2064(INI))

    (2018/C 331/17)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, l-Hub Ewropew Konsultattiv tal-Investiment u l-Portal Proġett Ewropew għall-Investiment u jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (1) (ir-Regolament dwar l-FEIS),

    wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni tal-31 ta’ Mejju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-ġestjoni tal-Fond ta' Garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fl-2015 (COM(2016)0353),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “L-Ewropa tinvesti mill-ġdid – Evalwazzjoni tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss” (COM(2016)0359),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali mill-Bank Ewropew tal-Investiment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Operazzjonijiet ta' Finanzjament u Investiment tal-Grupp tal-BEI għall-2015 taħt l-FEIS (2),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2016)0297), ‘L-Evalwazzjoni tal-funzjonament tal-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiċi (FEIS) mill-Bank Ewropew tal-Investiment (3), lill-verifika ad-hoc tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1017 minn Ernst and Young (4) u l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (5),

    wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 dwar l-estensjoni tat-tul tal-Fond Ewropew għall-Strateġika Investimenti kif ukoll l-introduzzjoni ta 'titjib teknika ma' dik Fond u l-Hub Konsultattiv Ewropew tal-Investiment (COM(2016)0597),

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat fil-wieħed u għoxrin sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li saret f'Pariġi, fi Franza f'Diċembru 2015,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (6),

    wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (7),

    wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja, u l-Anness 3 għaliha,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0200/2017),

    1.

    Jinnota d-distakk kbir fl-investiment fl-Ewropa, li l-Kummissjoni tistma li huwa ta' EUR 200-300 biljun fis-sena; jenfasizza b'mod partikulari, f'dan il-kuntest, il-ħtiġijiet fl-Ewropa għal finanzjament b'riskju għoli, b'mod partikolari fl-oqsma ta' finanzjament tal-SMEs, R&Ż, l-ICT u l-infrastruttura tat-trasport, tal-komunikazzjoni u tal-enerġija, li huma neċessarji biex isostnu l-iżvilupp ekonomiku inklużiv; huwa mħasseb għall-fatt li l-aktar data riċenti dwar il-kontijiet nazzjonali ma tindika l-ebda żieda f'daqqa fl-investiment minn meta tnieda l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), u dan wassal għal tħassib li, jekk ma jsirx tibdil, se jibqa' jkun hemm tkabbir imrażżan u r-rati għolja ta' qgħad se jibqgħu, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet il-ġodda; jenfasizza li l-għeluq ta' dan id-distakk fl-investiment billi jinħoloq ambjent li jwassal għall-investiment f'ċerti oqsma strateġiċi huwa kruċjali għall-għoti tal-ħajja mill-ġdid lit-tkabbir, il-ġlieda kontra l-qgħad, il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' industrija b'saħħitha, sostenibbli u kompetittiva u l-kisba tal-objettivi ta' politika tal-UE fit-tul;

    2.

    Jenfasizza r-rwol tal-FEIS biex jgħin biex jissolvew diffikultajiet u jitneħħew l-ostakli għall-finanzjament kif ukoll biex jiġu implimentati investimenti strateġiċi, trasformattivi u produttivi li jipprovdu livell għoli ta' valur miżjud għall-ekonomija, l-ambjent u s-soċjetà, li jirriforma u jimmodernizza l-ekonomiji tal-Istati Membri, biex joħloq it-tkabbir u l-impjiegi li għalihom il-finanzjament tas-suq ma jkunx inkiseb minkejja l-vijabilità ekonomika, u li jinkoraġġixxi l-investiment privat fir-reġjuni kollha tal-UE;

    3.

    Ifakkar ir-rwol tal-Parlament kif ipprovdut fir-regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-FEIS; jirrikonoxxi, madankollu, li għadu kmieni wisq biex tiġi finalizzata valutazzjoni komprensiva bbażata fuq l-evidenza tal-funzjonament tal-FEIS u l-impatt tiegħu fuq l-ekonomija tal-UE, iżda huwa tal-opinjoni li evalwazzjoni preliminari bbażata fuq data komprensiva dwar il-proġetti magħżula u rrifjutati u d-deċiżjonijiet relatati hija kruċjali sabiex jiġu identifikati l-oqsma possibbli ta' titjib għal FEIS 2.0 u wara; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti b'valutazzjoni komprensiva malli l-informazzjoni ssir disponibbli;

    Addizzjonalità

    4.

    Ifakkar li l-għan tal-FEIS huwa li tiġi żgurata l-addizzjonalità billi jgħin biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali, billi jappoġġja operazzjonijiet li ma setgħux jitwettqu, jew mhux sal-istess punt, taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni jew permezz ta' sorsi privati mingħajr l-involviment tal-FEIS; jinnota, madankollu, li hemm il-ħtieġa għal aktar kjarifika tal-kunċett ta' addizzjonalità;

    5.

    Ifakkar li l-proġetti appoġġjati mill-FEIS, filwaqt li kellhom l-għan li joħolqu x-xogħol, t-tkabbir sostenibbli, il-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali b'mod konsistenti mal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-FEIS, jitqiesu li jipprovdu addizzjonalità jekk ikollhom riskju korrispondenti għall-attivitajiet speċjali tal-BEI, kif definit fl-Artikolu 16 tal-Istatut tal-BEI u fil-linji gwida dwar il-politika tar-riskju tal-kreditu tal-BEI; ifakkar li l-proġetti appoġġjati mill-FEIS għandhom ġeneralment ikollhom profil tar-riskju ogħla minn proġetti appoġġjati mill-operazzjonijiet normali tal-BEI; jissottolinja li l-proġetti tal-BEI li għandhom riskju aktar baxx mir-riskju minimu taħt attivitajiet speċjali tal-BEI jistgħu jiġu appoġġjati wkoll mill-FEIS anke jekk l-użu tal-garanzija tal-UE huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-addizzjonalità;

    6.

    Jinnota li, filwaqt li l-proġetti kollha approvati taħt il-FEIS huma preżentati bħala “attivitajiet speċjali”, evalwazzjoni indipendenti sabet li xi proġetti setgħu ġew iffinanzjati mingħajr l-użu tal-garanzija tal-UE;

    7.

    Jitlob lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-BEI u mal-istrutturi ta' governanza tal-FEIS, biex tfassal inventarju tal-finanzjament kollu tal-BEI appoġġjat mill-UE li jaqa' taħt il-kriterji tal-addizzjonalità u biex tipprovdi spjegazzjonijiet ċari u komprensivi tal-evidenza li l-proġetti ma setgħux twettqu permezz ta' modi oħra;

    8.

    Jinnota li jista' jkun hemm kontradizzjoni bejn l-għanijiet kwalitattivi u kwantitattivi tal-FEIS fis-sens li, biex tintlaħaq il-mira tal-investiment privat attirat, il-BEI jista' jiffinanzja proġetti anqas riskjużi fejn l-interess tal-investituri diġà jkun jeżisti; iħeġġeġ lill-BEI u l-istrutturi ta' governanza tal-FEIS jimplimentaw addizzjonalità reali kif definit fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-FEIS u biex jiġi żgurat li l-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet subottimali jiġu indirizzati bis-sħiħ;

    9.

    Jistieden lill-BEI jiżgura t-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni ta' fondi u mal-oriġini ta' kwalunkwe kontribuzzjoni minn entitajiet pubbliċi, privati u minn partijiet terzi, u biex jipprovdi data konkreta, inkluż fuq proġetti speċifiċi u fuq investituri barranin, u jenfasizza r-rekwiżiti ta' rappurtar lill-Parlament fir-Regolament dwar il-FEIS; itenni l-fatt li l-kontributuri kollha futuri potenzjali ta' pajjiżi terzi jridu jissodisfaw ir-regoli kollha tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, il-liġi tax-xogħol u r-regolamenti ambjentali u jistenna li l-kriterji soċjali u ambjentali applikabbli għall-proġetti tal-BEI jiġu rispettati bis-sħiħ fid-deċiżjonijiet ta' ffinanzjar ta' proġetti tal-FEIS;

    It-tabella ta' valutazzjoni u l-għażla tal-proġett

    10.

    Jinnota li, kif previst fir-Regolament, qabel ma jintgħażel proġett għall-appoġġ mill-FEIS, irid jgħaddi minn proċessi ta' diliġenza dovuta u ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istrutturi ta' governanza kemm tal-BEI kif ukoll tal-FEIS; josserva li l-promoturi tal-proġetti esprimew xewqa għal rispons mgħaġġel u trasparenza msaħħa fir-rigward kemm tal-kriterji tal-għażla kif ukoll tal-ammont u t-tip/segment ta' appoġġ possibbli tal-FEIS; isejjaħ għal aktar ċarezza sabiex tkompli tħeġġeġ lill-promoturi tal-proġetti biex japplikaw għal appoġġ tal-FEIS, inkluż billi t-tabella ta' valutazzjoni tkun disponibbli għall-applikanti għal finanzjament mill-FEIS; jitlob li l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet isir aktar trasparenti fir-rigward tal-kriterji tal-għażla u l-appoġġ finanzjarju u biex jitħaffef, filwaqt li jkompli jiżgura diliġenza dovuta robusta sabiex jiġu protetti r-riżorsi tal-UE; jissottolinja li sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess ta' evalwazzjoni, b'mod partikolari għall-pjattaformi ta' investiment, jenħtieġ li tiġi inkoraġġita diliġenza dovuta konġunta minn naħa tal-BEI u tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs), jew delega mill-BEI għall-NPBs;

    11.

    Iqis li l-kriterji li skonthom jiġu valutati l-proġetti u l-kontropartijiet eliġibbli jenħtieġ li jiġu ċċarati aktar; jitlob aktar informazzjoni mill-korpi governattivi tal-FEIS dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa fuq il-proġetti kollha approvati taħt il-FEIS kif xieraq, b'mod partikolari fir-rigward tal-addizzjonalità tagħhom u l-kontribut tagħhom għat-tkabbir sostenibbli u kapaċità tagħhom tal-ħolqien tal-impjiegi, kif definit fir-regolament; jitlob, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kontropartijiet eliġibbli, għal regoli stretti dwar il-governanza korporattiva għal dawn it-tipi ta' entità biex isiru sħab tal-FEIS aċċettabbli fir-rigward tal-prinċipji tal-UE u l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

    12.

    Ifakkar li t-tabella ta' valutazzjoni hija għodda biex il-Kumitat tal-Investiment (IC) jipprijoritizza l-użu tal-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet li jivviżwalizzaw punteġġi u valur miżjud ogħla, u li għandha tintuża mill-Kumitat tal-Investiment kif xieraq; għandu l-ħsieb li jevalwa jekk it-tabella ta' valutazzjoni u l-indikaturi tagħha humiex jiġu kkonsultati, applikati u wżati b'mod xieraq; jitlob li l-kriterji tal-għażla tal-proġetti jiġu applikati kif suppost u li dan il-proċess isir aktar trasparenti; ifakkar li, skont l-anness għar-regolament attwali, il-Kumitat ta' Investiment irid jassenja importanza ugwali għal kull pilastru tat-tabella ta' valutazzjoni meta jipprijoritizza l-proġetti, irrispettivament minn jekk il-pilastru individwali jrendix punteġġ numeriku jew jekk huwiex kompost minn indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi mingħajr punteġġ; jiddispjaċih li l-Pilastru 3, rilevanti għall-aspetti tekniċi tal-proġetti, fit-tabelli ta' valutazzjoni attwali huwa mogħti l-istess mportanza daqs il-Pilastri 1 u 2, li jirrigwardaw r-riżultati mixtieqa l-aktar importanti; jikkritika l-fatt li l-BEI nnifsu jammetti li l-esperti tal-Kumitat tal-Investiment jagħmlu użu biss mir-raba' pilastru għal finijiet ta' informazzjoni, iżda mhux għat-teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob li t-tabelli ta' valutazzjoni, bl-esklużjoni ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva, isiru pubbliċi wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni finali dwar proġett;

    13.

    Jirrikonoxxi li jista' jieħu xi ftit tas-snin biex jitħejjew proġetti innovattivi ġodda u li l-BEI huwa taħt pressjoni biex jintlaħaq l-għan ta' EUR 315-il biljun u għalhekk ma kellu ebda għażla ħlief li jniedi immedjatament attivitajiet tal-FEIS; huwa mħasseb, madankollu, li l-BEI, fl-implimentazzjoni tal-FEIS, irrikorriet b'mod eċċessiv għall-proġetti eżistenti tiegħu, li fil-parti l-kbira tagħhom kienu proġetti ta' riskju aktar baxx, u għaldaqsant naqqas il-finanzjament konvenzjonali tiegħu stess; jibża' li l-FEIS ma jipprovdix finanzjament komplementari għal proġetti innovattivi ta' riskju għoli; jissottolinja li għalkemm proġett jikkwalifika bħala attività speċjali, dan mhux neċessarjament jimplika li huwa riskjuż; madankollu l-klassifikazzjoni bħala attività speċjali tista' tirriżulta wkoll mill-fatt li l-finanzjament tagħha ġie strutturat b'mod artifiċjalment riskjuż, li jimplika li proġetti ta' riskju baxx ħafna jistgħu faċilment jispiċċaw ukoll bħala proġetti ta' riskju għoli; jenfasizza li l-kriterji tal-proġett m'għandhomx jiddgħajfu għall-fini li tintlaħaq il-mira politika ta' EUR 315 biljun f'investimenti mobilizzati;

    14.

    Jitlob li l-BEI jipprovdi stima tal-kapaċità tas-self annwali potenzjali tiegħu fuq terminu medju, filwaqt li jqis il-FEIS u l-iżviluppi regolatorji possibbli u biex ikompli bis-self tiegħu b'rati ta' EUR 70-75 biljun fis-sena, bl-użu ta' profitti, ħlasijiet lura mill-programmi eċċ., u juża l-FEIS bħala għodda komplementari; jinnota li dan ikun ifisser li l-volum tan-negozju tal-BEI jilħaq tal-anqas total ta' EUR 90 biljun, mhux ta' EUR 75 biljun;

    15.

    Iqis li hu importanti li jkun diskuss jekk l-effett ta' lieva previst ta' 15 huwiex xieraq sabiex l-FEIS ikun jista' jappoġġa proġetti ta' kwalità għolja b'riskju ogħla, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni f'dan is-sens; ifakkar li dan l-effett ta' lieva ta' 15 huwa bbażat fuq il-portafoll u jirrifletti l-esperjenza ta' finanzjament tal-BEI bil-għan li jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq; jitlob li ssir valutazzjoni tal-għanijiet pubbliċi li għandhom jinkisbu permezz tal-FEIS bħala komplement għar-rekwiżit tal-volum; jissuġġerixxi li għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-miri tal-Unjoni kif stabbiliti fil-Konferenza ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21); jistieden lill-BEI jiżvela l-effett ta' lieva miksub sa issa, flimkien mal-metodu tal-kalkolu sottostanti;

    16.

    Jindika li proġetti ta' skala żgħira spiss jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jiksbu l-finanzjament li jeħtieġu; jinnota bi tħassib li proġetti żgħar jiġu skoraġġiti milli japplikaw għall-finanzjament tal-FEIS, jew anke jiġu ddikjarati ineliġibbli għal dak il-finanzjament, abbażi tad-daqs tagħhom; jindika l-impatt sinifikanti li proġett żgħir jista' madankollu jkollu fuq skala nazzjonali jew reġjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi intensifikata l-assistenza teknika disponibbli miċ-Ċentru ta' Konsulenza Ewropew għall-Investiment (EIAH), li huwa strumentali fl-għoti ta' pariri u ta' akkumpanjament lill-promoturi ta' proġetti fuq skala żgħira fl-istrutturar u r-raggruppament tal-proġetti permezz ta' pjattaformi ta' investiment jew ftehimiet qafas; jitlob lill-Bord ta' Tmexxija jinvestiga din il-kwistjoni u jressaq proposti biex tiġi kkoreġuta din is-sitwazzjoni;

    Diversifikazzjoni settorjali

    17.

    Jenfasizza li l-FEIS huwa strument immexxi mid-domanda, li jenħtieġ, madankollu, li jkun iggwidat mill-objettivi politiċi stabbiliti fir-Regolament u definiti mill-Bord ta' Tmexxija; jitlob li jkun hemm aktar ilħuq u għoti ta' informazzjoni lil setturi li għandhom domanda mhux sodisfatta għall-investiment imma ma kinux kapaċi jagħmlu użu sħiħ mill-FEIS; jinnota f'dan ir-rigward li, fuq livell makroekonomiku tal-UE, jenħtieġ li jittieħdu aktar miżuri biex jagħtu spinta lid-domanda għall-investiment;

    18.

    Jilqa' l-fatt li s-setturi kollha definiti fir-Regolament dwar il-FEIS ġew koperti mill-finanzjament tal-FEIS; jindika, madankollu, li ċerti setturi huma sottorappreżentati, b'mod partikolari s-setturi tal-infrastruttura soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni, li għalihom ġie ddedikat biss 4 % tal-finanzjament approvat tal-FEIS; jinnota li dan jista' jkun minħabba diversi raġunijiet, pereżempju li xi setturi setgħu sofrew minn nuqqas ta' esperjenza u għarfien tekniku ta' kif wieħed għandu jaċċessa l-FEIS, jew li huma diġà kienu joffru opportunitajiet ta' investiment aħjar f'termini ta' proġetti bankabbli fi stadju ta' żvilupp avvanzat meta nbeda l-FEIS; jistieden f'dan l-isfond lill-BEI jiddiskuti kif jista' jtejjeb id-diversifikazzjoni settorjali, filwaqt li jorbotha mal-għanijiet stabbiliti fir-regolament kif ukoll il-kwistjoni ta' jekk l-appoġġ għall-FEIS jenħtieġx li jiġi estiż lil setturi oħra;

    19.

    Ifakkar li l-COP21 dwar il-klima approvat mill-UE teħtieġ bidla radikali lejn l-investiment sostenibbli li l-FEIS għandu jappoġġa bis-sħiħ; jenfasizza li l-investimenti tal-FEIS għandhom ikunu kompatibbli ma' dan l-impenn; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rappurtaġġ dwar it-tibdil fil-klima;

    20.

    Jinnota l-ħtieġa li jiżdied il-perċentwal tar-riżorsi allokati għal proġetti fit-tul bħan-netwerks tat-telekomunikazzjoni jew għal proġetti li jinvolvu grad relattivament għoli ta' riskju tipikament assoċjat ma' teknoloġiji ġodda emerġenti aktar avvanzati; jinnota li l-investiment fl-infrastruttura tal-broadband u l-5G, iċ-ċibersigurtà, id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tradizzjonali, il-mikroelettronika u l-informatika ta' prestazzjoni għolja (HPC) jista' jnaqqas aktar id-distakk diġitali;

    21.

    Jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' limiti tal-konċentrazzjoni fil-fażi inizjali ta' eskalazzjoni; ifakkar li s-settur tat-trasport għamel l-akbar kontribut lill-fond tal-FEIS, b'EUR 2,2 biljun minn EUR 8 biljun, li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tat-total tal-fond ta' garanzija; jinnota bi tħassib li s-settur tat-trasport irċieva biss madwar 13 % tal-investiment kollu li ġie mobilizzat u magħmul disponibbli s'issa taħt it-tieqa tal-infrastruttura u l-innovazzjoni tal-FEIS, perċentwal li huwa 'l bogħod mil-limitu ta' 30 % stabbilit għal kull wieħed mis-setturi speċifiċi; jistieden lill-Kumitat tal-Investiment jagħti attenzjoni partikolari lill-proġetti tas-settur tat-trasport, peress li dawn għadhom ftit li xejn rappreżentati fil-portafoll tal-investiment, u t-trasport jaqdi rwol sinifikanti fit-tkabbir ekonomiku u fis-sikurezza tal-konsumatur;

    Governanza

    22.

    Josserva li l-istrutturi ta' governanza tal-FEIS ġew implimentati bis-sħiħ fi ħdan il-BEI; iqis li, bil-għan li jittejbu l-effiċjenza u l-obbligu ta' rendikont tal-FEIS, jenħtieġ li jiġu diskussi l-opzjonijiet biex l-istruttura ta' governanza tal-FEIS issir kompletament separata minn dik tal-BEI;

    23.

    Ifakkar li d-Direttur Maniġerjali huwa responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum tal-FEIS, it-tħejjija u kif jiġu preseduti l-laqgħat tal-Kumitat ta' Investiment u għar-rappreżentanza esterna; ifakkar li d-Direttur Maniġerjali huwa assistit mid-Deputat Direttur Maniġerjali; jiddispjaċih għall-fatt li, fil-prattika, ir-rwoli rispettivi, b'mod speċjali dawk tad-Deputat Direttur Maniġerjali, ma ġewx identifikati b'mod ċar; jistieden lill-BEI jirrifletti dwar id-deskrizzjoni tal-kompiti tad-Direttur Maniġerjali u d-Deputat Direttur Maniġerjali b'mod aktar ċar sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; iqis li huwa importanti li d-Direttur Maniġerjali, assistit mid-Deputat Direttur Maniġerjali, ikompli jistabbilixxi l-aġenda tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Investiment; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li d-Direttur Maniġerjali jenħtieġ li jfassal proċeduri għall-indirizzar ta' kunflitti ta' interess potenzjali fi ħdan il-Kumitat ta' Investiment, jirrapporta lill-Bord ta' Tmexxija, u jipproponi sanzjonijiet għal ksur kif ukoll il-mezzi biex dawn jiġu implimentati; jemmen li l-awtorità tad-Direttur Maniġerjali u d-Deputat Direttur Maniġerjali fit-twettiq ta' dawn il-kompiti tissaħħaħ jekk igawdu awtonomija aktar qawwija fil-konfront tal-BEI; għaldaqstant jistieden lill-BEI jesplora l-opzjonijiet biex tiżdied l-indipendenza tad-Direttur Maniġerjali u d-Deputat Direttur Maniġerjali;

    24.

    Ifakkar li l-esperti tal-Kumitat ta' Investiment huma responsabbli għall-għażla tal-proġetti tal-FEIS, l-għoti tal-garanzija tal-UE u għall-approvazzjoni ta' operazzjonijiet bi pjattaformi ta' investiment u l-NPBs jew istituzzjonijiet; ikompli jfakkar li dawn huma indipendenti; huwa mħasseb, għaldaqstant, dwar kunflitti ta' interess dokumentati min-naħa tal-membri tal-IC, li għandhom, fiċ-ċirkostanzi kollha, ikunu evitati fil-futur;

    25.

    Iqis li l-għażla tal-proġetti mhijiex trasparenti biżżejjed; jenfasizza li l-BEI għandu jagħmel titjib f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvelar ta' informazzjoni dwar il-proġetti li huwa japprova taħt il-FEIS, b'ġustifikazzjoni xierqa ta' addizzjonalità u t-tabella ta' valutazzjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-proġetti fil-kisba tal-objettivi tal-FEIS, b'enfasi partikolari fuq l-impatt mistenni tal-operazzjonijiet tal-FEIS fuq id-distakk fl-investiment fl-Unjoni;

    26.

    Jistieden lill-BEI jirrifletti dwar il-modi kif tista' tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kumitat ta' Investiment, permezz tad-Direttur Maniġerjali u l-Bord ta' Tmexxija; iqis li huwa importanti li d-Direttur Maniġerjali jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija, li jippermetti lid-Direttur Maniġerjali jinforma lill-Bord ta' Tmexxija dwar l-attivitajiet fil-futur;

    27.

    Jipproponi d-diskussjoni ta' mezzi ta' titjib tat-trasparenza tal-istrutturi ta' governanza tal-FEIS għall-Parlament u ż-żieda ta' membru sħiħ ieħor fil-Bord ta' Tmexxija maħtur mill-Parlament; iħeġġeġ lill-korpi governattivi tal-FEIS jikkondividu informazzjoni mal-Parlament fuq bażi proattiva;

    Banek Promozzjonali Nazzjonali

    28.

    Ifakkar li, b'riżultat tal-kompetenzi tagħhom, il-Banek Promozzjonali Nazzjonali huma essenzjali għas-suċċess tal-FEIS, billi huma qrib tas-swieq lokali, kif ukoll familjari magħhom; jikkonstata li sa issa s-sinerġiji għadhom ma ġewx sfruttati sal-punt meħtieġ; josserva r-riskju li l-istituzzjonijiet lokali jiġu eliminati mill-BEI u jistieden lill-BEI itejjeb il-ħila tiegħu li jiġbor sħab nazzjonali u subnazzjonali; jitlob lill-BEI jappoġġja t-tisħiħ ta' strutturi bankarji pubbliċi eżistenti, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat b'mod attiv l-iskambju ta' prattiki tajba u l-għarfien tas-suq fost dawn l-istituzzjonijiet; iqis, għal dak l-għan, li l-NPBs għandhom jimmiraw biex jidħlu fi ftehimiet ta' kollaborazzjoni mal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI); jirrikonoxxi li l-FEIS u l-BEI huma dejjem aktar lesti jieħdu segmenti minuri/subordinati mal-Banek Promozzjonali Nazzjonali u jħeġġiġhom ikomplu jagħmlu dan; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jiddiskutu jekk ikunx utli li l-kompetenzi tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali jiġu inkorporati fil-Bord ta' Tmexxija;

    Pjattaformi ta' investiment

    29.

    Ifakkar li strumenti diversifikati b'fokus ġeografiku jew tematiku jenħtieġ li jsiru possibbli permezz ta' għajnuna għal proġetti ta' finanzjament u raggruppati u fondi minn sorsi differenti; jinnota bi tħassib li l-ewwel pjattaforma ta' investiment ġiet stabbilita biss fit-tielet kwart tal-2016 u li d-dewmien biex isir dan qed ifixkel l-opportunità li proġetti fuq skala żgħira jibbenefikaw mill-FEIS kif ukoll l-iżvilupp ta' proġetti transfruntiera; jenfasizza l-bżonn li jiġu ssimplifikati r-regoli għall-istabbiliment ta' pjattaformi ta' investiment; jitlob li l-BEI u ċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) jippromwovu l-użu ta' pjattaformi ta' investiment bħala mezz biex tintlaħaq d-diversifikazzjoni tal-investimenti ġeografiċi u tematiċi;

    30.

    Iħeġġeġ lill-korpi governattivi tal-FEIS jagħtu aktar attenzjoni lill-pjattaformi ta' investiment bil-għan li jiġu massimizzati l-benefiċċji li dawn tal-aħħar jistgħu jiksbu biex jiġu megħluba l-ostakoli għall-investimenti, b'mod speċjali fi Stati Membri bi swieq finanzjarji anqas żviluppati; jistieden lill-BEI jipprovdi lill-partijiet ikkonċernati, inklużi korpi nazzjonali, lokali u reġjonali, aktar informazzjoni dwar il-pjattaformi u l-kundizzjonijiet u l-kriterji li jirregolaw l-istabbiliment tagħhom; jirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-identifikazzjoni ta' proġetti strateġiċi u billi jħeġġu l-parteċipazzjoni;

    31.

    Jipproponi diskussjoni dwar mezzi addizzjonali tal-promozzjoni ta' pjattaformi ta' investiment, bħall-prijoritizzazzjoni tal-approvazzjoni ta' proġetti ppreżentati permezz ta' pjattaforma, l-ippuljar ta' proġetti iżgħar u kuntratti ta' gruppi u l-istabbiliment ta' mekkaniżmi għall-finanzjament ta' raggruppamenti ta' kuntratti; jemmen li jenħtieġ li jiġu promossi b'mod partikolari l-pjattaformi transnazzjonali, minħabba li ħafna proġetti tal-enerġija u diġitali għandhom dimensjoni transnazzjonali;

    Strumenti finanzjarji

    32.

    Ifakkar li l-BEI żviluppa strumenti finanzjarji ġodda għall-finijiet tal-FEIS sabiex jipprovdi prodotti mfassla apposta għal finanzjament ta' riskju għoli; iħeġġeġ lill-BEI iżid aktar il-valur miżjud tiegħu billi jiffoka fuq prodotti finanzjarji aktar riskjużi bħal finanzjament subordinat u strumenti tas-suq kapitali; jesprimi tħassib dwar il-kritika tal-promoturi tal-proġetti li l-istrumenti finanzjarji provduti mhumiex kompatibbli mal-ħtiġijiet tal-prodotti tagħhom (ta' spiss proġetti ta' riskju għoli jeħtieġu flus bil-quddiem biex jagħtu imbuttatura lill-investimenti, u mhux f'ammonti iżgħar fuq bażi annwali) u dwar investituri li jenfasizzaw li attwalment mhumiex f'pożizzjoni li jipparteċipaw fil-finanzjament tal-FEIS minħabba nuqqas ta' strumenti ta' ekwità privati xierqa; jistieden lill-BEI jeżamina dan f'kooperazzjoni mal-promoturi tal-proġetti u l-investituri; barra minn hekk jistieden lill-BEI jesplora kif l-iżvilupp ta' bonds ħodor jista' jimmassimizza l-potenzjal tal-FEIS fil-finanzjament ta' proġetti li għandhom benefiċċji pożittivi għall-ambjent u/jew il-klima;

    Diversifikazzjoni ġeografika

    33.

    Jilqa' l-fatt li sal-aħħar tal-2016, kull wieħed mit-28 pajjiż kien irċieva finanzjament tal-FEIS; jinnota bi tħassib, madankollu, li mit-30 ta' Ġunju 2016, l-UE-15 kienu rċevew 91 % filwaqt li l-UE-13 kienu rċevew biss 9 % tal-appoġġ tal-FEIS; jiddispjaċih li l-appoġġ tal-FEIS kien ta' benefiċċju prinċipalment għal numru limitat ta' pajjiżi fejn il-marġnijiet ta' investiment diġà huma taħt il-medja tal-UE; jinnota li fil-pajjiżi benefiċjarji, spiss ikun hemm distribuzzjoni ġeografika inugwali ta' proġetti ffinanzjati mill-FEIS; iqis li hemm riskju ta' konċentrazzjoni territorjali u jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni akbar lil reġjuni inqas żviluppati madwar it-28 Stat Membru kollha kemm huma; jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jipprovdi aktar assistenza teknika lil dawn il-pajjiżi u reġjuni li bbenefikaw anqas mill-FEIS;

    34.

    Jirrikonoxxi li l-PDG u n-numru ta' proġetti approvati huma marbuta ma' xulxin; jirrikonoxxi li Stati Membri akbar jistgħu jieħdu vantaġġ minn swieq kapitali aktar żviluppati u għalhekk huma aktar probabbli li jibbenefikaw minn strument immexxi mis-suq bħall-FEIS; jissottolinja li appoġġ tal-FEIS aktar baxx fl-UE-13 jista' jkun attribwibbli għal fatturi oħra, bħad-daqs żgħir tal-proġetti, il-pożizzjoni ġeografika periferali ta' reġjun partikolari u kompetizzjoni mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE); madankollu, josserva bi tħassib il-benefiċċju sproporzjonat għal ċerti pajjiżi u jissottolinja l-ħtieġa li tkompli tiġi diversifikata d-distribuzzjoni ġeografika, b'mod speċjali f'setturi kruċjali bħall-modernizzar u t-titjib tal-produttività u s-sostenibbiltà tal-ekonomiji, b'attenzjoni ewlenija fuq l-iżvilupp teknoloġiku; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga u tieħu nota tar-raġunijiet għad-distribuzzjoni ġeografika attwali;

    Iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH)

    35.

    Jagħti l-akbar importanza għat-tħaddim tal-EIAH; iqis li l-missjoni tiegħu li jaġixxi bħala punt tad-dħul uniku għal assistenza konsultattiva u teknika komprensiva matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-proġett twieġeb fil-parti l-kbira tagħha għall-ħtieġa dejjem akbar għall-appoġġ tal-assistenza teknika fost l-awtoritajiet u promoturi tal-proġetti;

    36.

    Jinsab kuntent li l-EIAH ilu jiffunzjona minn Settembru 2015, u għaddej minn fażi ta' implimentazzjoni mgħaġġla; jirrikonoxxi li, minħabba l-perjodu limitat tal-eżistenza tiegħu u n-nuqqas ta' persunal fl-istadju inizjali, mhux is-servizzi tal-EIAH kollha ġew żviluppati b'mod sħiħ u li l-attività ffukat b'mod predominanti fuq il-provvista ta' appoġġ għall-iżvilupp u l-istrutturar tal-proġetti, il-konsulenza politika, u l-iskrinjar tal-proġetti; jenfasizza l-ħtieġa li l-EIAH jirrekluta esperti minn oqsma differenti fi sforz biex jiġu mmirati aħjar il-pariri, il-komunikazzjoni u l-appoġġ tiegħu, lejn setturi li ma jużawx il-massimu tal-FEIS;

    37.

    Jinsab konvint li l-EIAH għandu l-potenzjal li jkollu rwol strumentali fl-indirizzar ta' ħafna min-nuqqasijiet tal-implimentazzjoni tal-FEIS; jemmen b'mod qawwi li, sabiex isir dan, jeħtieġ li tiġi adottata pożizzjoni aktar proattiva fil-provvista ta' assistenza f'oqsma bħall-istabbiliment ta' pjattaformi ta' investiment, anke fid-dawl tal-importanza ta' dawn tal-aħħar fil-finanzjament ta' proġetti iżgħar; jenfasizza wkoll ir-rwol tal-EIAH fil-provvista ta' pariri billi jikkombina sorsi oħra ta' finanzjament tal-Unjoni mal-FEIS;

    38.

    Iqis, b'mod simili, li l-EIAH jista' jikkontribwixxi b'mod attiv lejn id-diversifikazzjoni ġeografika u settorjali, mhux biss billi jkopri r-reġjuni kollha u aktar setturi fil-provvista tas-servizzi tiegħu, iżda anke billi jassisti lill-BEI fit-tnedija tal-operazzjonijiet; jemmen li l-EIAH jista' jkollu rwol importanti fil-kontribuzzjoni għall-objettiv ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

    39.

    Ifakkar li r-Regolament dwar l-FEIS jagħti mandat lill-EIAH għall-effett ta' lieva ta' għarfien lokali bil-għan li jiġi faċilitat l-appoġġ tal-FEIS madwar l-Unjoni; jemmen li hemm bżonn ta' titjib sinifikanti f'dan il-qasam, b'mod partikolari aktar kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet nazzjonali xierqa; jagħti importanza kbira lill-provvista ta' servizzi fil-livell lokali, anke sabiex jitqiesu sitwazzjonijiet speċifiċi u ħtiġijiet lokali, b'mod speċjali f'pajjiżi li m'għandhomx Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NPIs) jew Banek Promozzjonali Nazzjonali b'esperjenza; iqis li r-rabtiet ma' fornituri lokali oħra għandhom jissaħħu biex dan jiġi kkunsidrat;

    40.

    Jistenna li l-EIAH jikkonkludi l-proċessi ta' reklutaġġ tiegħu u jilħaq il-livelli kompluti ta' persunal tiegħu mingħajr dewmien; jesprimi dubji, madankollu, li l-kapaċità tal-persunal ipprovduta tkun suffiċjenti biex l-EIAH jipprovdi s-servizzi ta' konsulenza meħtieġa u biex ikun jista' jlaħħaq mal-volum tax-xogħol, kif ukoll mandat usa';

    41.

    Jenfasizza li l-EIAH jeħtieġ li jsaħħaħ il-profil tas-servizzi tiegħu, itejjeb il-komunikazzjoni u jżid is-sensibilizzazzjoni u l-fehim dwar l-attivitajiet tiegħu fost il-partijiet ikkonċernati tal-EIAH; iqis li jenħtieġ li jintużaw il-mezzi kollha ta' komunikazzjoni rilevanti biex jinkiseb dan l-għan, inkluż fil-livell nazzjonali u lokali;

    Il-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (EIPP)

    42.

    Jiddispjaċih li l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (EIPP) tnieda biss mill-Kummissjoni fl-1 ta' Ġunju 2016, kważi sena wara l-adozzjoni tar-Regolament dwar l-FEIS; jinnota li issa l-portal qiegħed jopera, b'139 proġett attwalment murija, iżda jqis li dan għadu 'l bogħod ħafna mill-potenzjal mistenni meta ġie adottat l-ewwel regolament dwar l-FEIS;

    43.

    Iqis li l-EIPP jipprovdi pjattaforma faċli għall-utent sabiex il-promoturi tal-proġetti jagħtu spinta lill-viżibbiltà tal-proġetti ta' investiment tagħhom b'mod trasparenti; jemmen, madankollu, li l-element fundamentali għas-suċċess tal-portal huwa li tiżdied il-viżibbiltà tiegħu stess b'mod sinifikanti, sabiex jikseb rikonoxximent komuni bħala għodda utli, affidabbli u effiċjenti kemm fost l-investituri kif ukoll il-promoturi tal-proġetti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem b'mod attiv f'din id-direzzjoni permezz ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni sodi;

    44.

    Jinnota li l-kostijiet relatati mal-istabbiliment u l-iżvilupp, il-ġestjoni, l-appoġġ u l-manutenzjoni, u l-ospitar tal-EIPP huma attwalment koperti mill-baġit tal-UE, fi ħdan l-allokazzjoni annwali ta' EUR 20 miljun prevvista għall-EIAH; ifakkar, madankollu, li t-tariffi imposti fuq promoturi tal-proġetti privati li jirreġistraw il-proġett tagħhom fuq il-portal għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern għall-EIPP u fil-futur se jkunu s-sors prinċipali ta' finanzjament tiegħu;

    Garanzija

    45.

    Ifakkar li l-Unjoni tipprovdi garanzija irrevokabbli u mingħajr kundizzjoni għall-BEI għall-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment taħt l-FEIS; jinsab konvint li l-Garanzija tal-UE ppermettiet lill-BEI jieħu riskju ogħla għat-Tieqa ta' Infrastruttura u Investiment (IIW) u ppermettiet li jittejjeb u jiġi kkonċentrat fil-fażi inizjali tiegħu l-finanzjament ta' SMEs, kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja taħt COSME u InnovFin appoġġjat mit-Tieqa għall-SMEs (SMEW); jemmen li l-limitu minimu ta' EUR 25 miljun, li jidher li jintuża mill-BEI għall-operazzjonijiet ta' self normali tiegħu, ma għandux ikun applikabbli għall-FEIS, bil-għan li jiżdied il-finanzjament ta' proġetti iżgħar u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-SMEs u benefiċjarji potenzjali oħra;

    46.

    Jenfasizza li, minħabba teħid qawwi ħafna li jirrifletti d-domanda għolja tas-suq, it-Tieqa għall-SMEs kompliet tissaħħaħ permezz ta' EUR 50 miljun mill-Portafoll tad-Dejn tal-IIW taħt il-qafas leġiżlattiv eżistenti; jilqa' l-fatt li, minħabba l-flessibbiltà tar-Regolament dwar l-FEIS, ingħata finanzjament addizzjonali għall-benefiċċju tal-SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja; beħsiebu jimmonitorja mill-qrib l-allokazzjoni tal-garanzija taħt iż-żewġ twieqi; jinnota wkoll li, mit-30 ta' Ġunju 2016, l-operazzjonijiet iffirmati skont l-IIW laħqu biss 9 % tal-volum totali fil-mira;

    47.

    Ifakkar li l-Fond ta' Garanzija tal-UE huwa ffinanzjat b'mod predominanti mill-baġit tal-UE; iqis l-evalwazzjonijiet rilevanti kollha li jissuġġerixxu li r-rata ta' proviżjonament attwali tal-Fond ta' Garanzija ta' 50 % tidher li hi kawta u prudenti f'termini tal-kopertura ta' telf potenzjali u li l-baġit tal-Unjoni jkun diġà protett b'rata ta' mira aġġustata ta' 35 %; għandu l-intenzjoni jeżamina jekk proposti għal rata ta' mira aktar baxxa jkollhomx riperkussjonijiet fuq il-kwalità u n-natura tal-proġettti magħżula; jenfasizza li, sa issa, ma kien hemm l-ebda talba b'riżultat ta' inadempjenzi tal-operazzjonijiet tal-BEI jew l-FEI;

    Finanzjament futur, kapaċità tal-fond

    48.

    Jinnota li l-Kummissjoni pproponiet estensjoni tal-FEIS, f'termini kemm ta' dewmien kif ukoll ta' kapaċità finanzjarja, u li din ikollha impatt fuq il-baġit tal-UE; jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jressaq proposti finanzjarji alternattivi;

    49.

    Ifakkar li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkontribwixxu għall-FEIS sabiex titwessa' l-kapaċità tiegħu, biex b'hekk ikun jista' jappoġġja aktar investimenti ta' riskju ogħla; jiddispjaċih li minkejja li dan l-investiment jitqies bħala miżura ta' darba fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (8) u l-Artkolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (9), l-Istati Membri ma ħadux din l-inizjattiva; jitlob informazzjoni mill-BEI u l-Kummissjoni dwar jekk sadanittant sarux sforzi biex jikkonvinċu lill-Istati Membri li għandhom jikkontribwixxu għall-FEIS, u jekk ikunux jistgħu jattiraw investituri oħra; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jżidu l-isforzi tagħhom f'din id-direzzjoni;

    Komplementarjetajiet ma' sorsi ta' finanzjament oħra tal-UE

    50.

    Jinnota li s-sensibilizzazzjoni tat-trikkib u l-kompetizzjoni bejn l-FEIS u strumenti finanzjarji tal-baġit tal-UE min-naħa tal-Kummissjoni u l-BEI wasslet għall-adozzjoni ta' linji gwida li jirrakkomandaw il-kombinazzjoni tal-finanzjament tal-FEIS u tal-Fond SIE; jenfasizza li kwalunkwe taħlita ta' finanzjament permezz ta' Fondi FEIS u SIE m'għandha bl-ebda mod tkun ta' detriment għal-livell u l-orjentazzjoni ta' għoti tal-finanzjament permezz tal-Fond ESI; jindika, madankollu, id-differenzi persistenti fil-kriterji ta' eliġibbiltà, ir-regolamenti, il-perjodu ta' żmien għar-rapportar u l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li jfixlu l-użu kombinat; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni bdiet tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-proposta tagħha għal reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju u jittama li din ir-reviżjoni titwettaq f'waqtha sabiex tiġi ssimplifikata l-kombinazzjoni tal-finanzjament u jiġu evitati l-kompetizzjoni u t-trikkib; jemmen li jinħtieġu aktar sforzi u li t-tieni u t-tielet pilastri tal-pjan ta' investiment huma kruċjali għal dan il-għan;

    51.

    Jissuġġerixxi li jenħtieġ li l-Kummissjoni, fir-rapporti regolari tagħha, telenka l-proġetti li jibbenefikaw mit-taħlit tal-għotjiet tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa mal-FEIS;

    52.

    Jinnota li l-proġetti ta' infrastruttura tat-trasport ta' sħubija pubblika-privata (PPP) normalment għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta' min juża jħallas sabiex jitnaqqas il-piż impost fuq il-baġits pubbliċi u fuq il-kontribwenti tat-taxxa għall-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura; jinnota li huwa importanti li jiġu kkoordinati tipi varji ta' finanzjament tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-objettivi tal-politika tal-UE dwar it-trasport jintlaħqu madwar l-UE kollha, u li m'għandhomx jiġu promossi fondi tat-tip PPP b'detriment tal-Fondi Strutturali;

    Tassazzjoni

    53.

    Jinsab ferm imħasseb għall-fatt li, f'xi każijiet, il-BEI kien qed jagħmel pressjoni permezz tal-FEIS biex jiġu appoġġjati proġetti li ġew strutturati permezz ta' ditti f'rifuġji fiskali; iħeġġeġ lill-BEI u l-FEI biex iżommu lura milli jagħmlu użu minn jew jinvolvu ruħhom fl-istrutturi tal-evitar tat-taxxa, b'mod partikolari skemi tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, jew prattiki li ma jikkonformawx ma' prinċipji ta' governanza tajba tal-UE dwar it-tassazzjoni, kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni; jinsisti li l-ebda proġett jew promotur ma jista' jkun dipendenti fuq persuna jew kumpanija f'pajjiż inkluż fil-lista komuni tal-UE prospettiva ta' ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx;

    Komunikazzjoni u viżibilità

    54.

    Josserva li ħafna promoturi tal-proġetti mhumiex konxji mill-eżistenza tal-FEIS, jew għandhom stampa mhux ċara biżżejjed ta' x'jista' joffri l-FEIS, il-kriterji ta' eliġibbiltà speċifiċi u l-passi konkreti li għandhom jieħdu meta japplikaw għall-finanzjament; jissottolinja li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi, inkluż appoġġ tekniku mmirat fl-Istati Membri li bbenefikaw anqas mill-FEIS, fil-lingwa tal-UE rispettiva tagħhom, għas-sensibilizzazzjoni ta' x'inhu l-FEIS, liema prodotti u servizzi speċifiċi jista' joffri u tar-rwoli tal-pjattaformi ta' investiment u l-Banek Promozzjonali Nazzjonali;

    55.

    Jitlob li l-materjal ta' informazzjoni kollu u l-materjal li jifforma parti mill-proċedura ta' finanzjament jiġi tradott fil-lingwi kollha tal-Istati Membri, sabiex jiġu ffaċilitati l-informazzjoni u l-aċċess fil-livell lokali;

    56.

    Jesprimi tħassib li l-appoġġ dirett mogħti lill-intermedjarji finanzjarji, li min-naħa tagħhom huma responsabbli għall-allokazzjoni tal-finanzjament, jista' jwassal għal sitwazzjonijiet fejn il-benefiċjarju finali mhuwiex konxju li qed jibbenefika mill-finanzjament tal-FEIS u jitlob soluzzjonijiet biex tittejjeb il-viżibbiltà tal-FEIS; jistieden, għalhekk, lill-BEI jinkludi fil-kuntratti tal-FEIS, klawżola speċifika li tagħmilha ċara lill-promotur tal-proġetti li l-finanzjament li jirċievi sar possibbli mill-baġit tal-FEIS/UE;

    Estensjoni

    57.

    Jirrikonoxxi li l-FEIS waħdu – u fuq skala limitata – probabbliment ma jkunx jista' jagħlaq id-distakk fl-investiment fl-Ewropa, iżda li madankollu jikkostitwixxi pilastru ċentrali tal-pjan ta' investiment tal-UE u jindika id-determinazzjoni tal-UE li tindirizza din il-kwistjoni; jitlob li jsiru aktar proposti dwar kif tingħata spinta b'mod permanenti lill-investiment fl-Ewropa;

    o

    o o

    58.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

    (2)  http://www.eib.org/attachments/strategies/efsi_2015_report_ep_council_en.pdf

    (3)  http://www.eib.org/attachments/ev/ev_evaluation_efsi_en.pdf, Settembru 2016

    (4)  Rapport tal-14 ta' Novembru 2016, https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/ey-report-on-efsi_en.pdf

    (5)  ĠU C 465, 13.12.2016, p. 1.

    (6)  ĠU C 268, 14.8.2015, p. 27.

    (7)  ĠU C 195, 12.6.2015, p. 41

    (8)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (9)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.


    Top