Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0017

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2017 dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon (2017/2510(RSP))

    ĠU C 252, 18.7.2018, p. 26–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 252/26


    P8_TA(2017)0017

    Kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2017 dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon (2017/2510(RSP))

    (2018/C 252/03)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-RDK dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż,

    wara li kkunsidra l-ftehimiet politiċi li ntlaħqu fir-RDK fit-18 ta' Ottubru 2016 u fil-31 ta' Diċembru 2016,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Diċembru 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-falliment tat-tentattiv għall-ilħiq ta' ftehim fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Novembru 2016 mill-kelliem tal-VP/RGħ dwar l-isforzi politiċi kurrenti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 u tas-17 ta' Ottubru 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE tat-2 ta' Awwissu 2016 u tal-24 ta' Awwissu 2016 dwar il-proċess elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo wara t-tnedija tad-djalogu nazzjonali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2293(2016) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet fuq ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti, u r-riżoluzzjoni 2277(2016), li ġeddet il-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tal-Organizzazzjoni tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO),

    wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Lulju 2016 u tal-21 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, ippubblikat fis-27 ta' Lulju 2015, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tal-Organizzazzjoni tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun,

    wara li kkunsidra l-istqarrijiet konġunti għall-istampa tas-16 ta' Frar 2016 u tal-5 ta' Ġunju 2016 mill-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija dwar il-ħtieġa ta' djalogu politiku inklussiv fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-impenn tagħhom li jappoġġjaw atturi Kongoliżi fl-isforzi tagħhom għall-konsolidament tad-demokrazija fil-pajjiż,

    wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun, li ġie ffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

    wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea (MOE),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fl-24 ta' Settembru 2016 mill-VP/RGħ u mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, wara li l-Qorti Kostituzzjonali Gaboniża ħabbret ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni presidenzjali,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Gabon maħruġa mill-kelliem għall-VP/RGħ fil-11 ta' Settembru 2016,

    wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa mill-Unjoni Afrikana fl-1 ta' Settembru 2016 li tikkundanna l-vjolenza tal-kunflitt postelettorali fil-Gabon u tappella għar-riżoluzzjoni paċifika tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014, li ġie adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-22 ta' Ġunju 2015,

    wara li kkunsidra l-Programm Nazzjonali Indikattiv tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020, li jagħti prijorità lit-tisħiħ tad-demokrazija, tal-governanza u tal-istat tad-dritt,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-18 ta' Mejju 2011 dwar l-isfidi għall-futur tad-demokrazija u r-rispett tal-ordni kostituzzjonali fil-pajjiżi tal-AKP u tal-UE, u tas-27 ta' Novembru 2013 dwar ir-rispett tal-istat tad-dritt u r-rwol ta' ġudikatura imparzjali u indipendenti,

    wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil iffirmat bejn ir-Repubblika Gaboniża u l-Unjoni Ewropea dwar il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE (MOE),

    wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kongoliża u dik Gaboniża,

    wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

    wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prinċipji li Jirregolaw l-Elezzjonijiet Demokratiċi fl-Afrika (2002),

    wara li kkunsidra l-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-istat tad-dritt, l-obbligu li jingħata rendikont, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma elementi essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija li tiffunzjona; billi dawn l-elementi ġew ikkontestati f'xi pajjiżi tal-Afrika Sub-Saħarjana, b'mod partikolari fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon, u b'hekk għarrqu lil dawn il-pajjiżi f'perjodu twil ta' instabbiltà politika u vjolenza;

    B.

    billi aktar reċentement, Ali Bongo, li spiċċa mill-kariga ta' President tal-Gabon wara li kien ilu fil-poter mill-mewt ta' missieru Omar Bongo fl-2009, ġie ddikjarat rebbieħ tal-elezzjoni presidenzjali tal-2016; billi l-osservaturi internazzjonali, u b'mod partikolari l-MOE tal-UE, identifikaw anomaliji ċari fil-ġbir tar-riżultati;

    C.

    billi Jean Ping, l-avversarju ewlieni tiegħu, immedjatament ikkontesta u kkundanna dan ir-riżultat; billi tressaq rikors, li jallega li seħħew irregolaritajiet elettorali u li jitlob li l-voti jerġgħu jingħaddu, quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, liema Qorti eventwalment ikkonfermat ir-riżultat; billi, madankollu, l-eżami tal-appell ma warrabx id-dubji kollha dwar l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali;

    D.

    billi l-President Kongoliż Joseph Kabila, li ilu fil-poter mill-2001, ippospona l-elezzjoni u baqa' fil-poter lil hinn mit-tmiem tal-mandat kostituzzjonali tiegħu; billi dan il-fatt ikkawża tensjoni politika, kunflitti u vjolenza bħal qatt qabel fil-pajjiż kollu;

    E.

    billi, madankollu, il-vjolenza kompliet tiħrax wara d-data ta' skadenza tal-mandat tal-President Kabila, biex b'hekk wasslet għall-imwiet ta' mill-inqas 40 ruħ fi ġlied bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà; billi, skont in-NU, 107 persuni ndarbu jew ġew maltrattati, filwaqt li tal-anqas 460 ruħ sfaw arrestati;

    F.

    billi fit-18 ta' Ottubru 2016 ġie ffirmat ftehim bejn il-President Kabila u parti mill-oppożizzjoni, liema ftehim jipposponi l-elezzjoni presidenzjali għal April 2018; billi wara xhur ta' negozjati, il-partijiet fil-ftehim tat-18 ta' Ottubru 2016 laħqu ftehim politiku globali u inklussiv fil-31 ta' Diċembru 2016; billi dan il-ftehim jipprevedi l-ewwel trasferiment paċifiku tal-poter fil-pajjiż mill-1960 'il hawn, l-istallazzjoni ta' gvern tranżizzjonali ta' unità nazzjonali, l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet qabel tmiem l-2017, u r-riżenja tal-President Kabila;

    G.

    billi, fiż-żewġ pajjiżi, faqqgħu fit-toroq dimostrazzjonijiet li ġew repressi bi vjolenza, hekk li ħallew għadd ta' persuni mejta; billi l-awtoritajiet wettqu azzjonijiet repressivi fuq il-membri tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili li jopponu 'l min għandu l-poter f'idejh; billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem jirrapportaw il-ħin kollu dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, arresti u detenzjonijiet arbitrarji u proċessi politikament motivati;

    H.

    billi kien hemm deterjorament serju fir-rigward tal-libertà tal-midja, li hija mxekkla minn theddidiet u attakki kontinwi kontra l-ġurnalisti; billi l-awtoritajiet għalqu kumpaniji tal-midja u stazzjonijiet tar-radju, u billi restrizzjonijiet ġew imposti fuq l-internet u n-netwerks soċjali;

    I.

    billi waħda mill-karatteristiċi tad-demokraziji hija r-rispett tal-Kostituzzjoni, li fuqha jissejsu l-istat, l-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt; billi elezzjonijiet paċifiċi, liberi u ġusti f'dawn il-pajjiżi kienu jikkontribwixxu bil-kbir biex tiġi indirizzata l-isfida tal-progress demokratiku u tal-alternanza tal-poter li qed iħabbat wiċċu magħha r-reġjun tal-Afrika Ċentrali;

    J.

    billi l-Programm Nazzjonali Indikattiv tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020 jagħti prijorità lit-tisħiħ tad-demokrazija, tal-governanza u tal-istat tad-dritt, billi kemm l-UE kif ukoll is-sħab Afrikani għandhom interess komuni qawwi fl-iżvilupp kontinwu tad-demokrazija u fl-istabbiliment ta' kostituzzjonaliżmu li jiffunzjona sewwa;

    1.

    Jiddeplora l-imwiet li seħħew fid-dimostrazzjonijiet matul dawn l-aħħar xhur fiż-żewġ pajjiżi, u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi u lill-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-Gabon;

    2.

    Huwa profondament imħasseb dwar is-sitwazzjoni dejjem aktar instabbli fiż-żewġ pajjiżi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet, u fuq kollox lill-presidenti, biex jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jeżerċitaw il-kompitu tagħhom li jiggvernaw bir-rispett l-aktar strett tal-istat tad-dritt;

    3.

    Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza kollha mwettqa fil-Gabon u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-atti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, l-intimidazzjoni politika ta' membri tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni, kif ukoll l-atti ta' ksur tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni mwettqa fil-kuntest tal-elezzjonijiet presidenzjali; jitlob li r-restrizzjonijiet kollha fuq il-midja jitneħħew u li d-detenuti politiċi kollha jinħelsu;

    Il-Gabon

    4.

    Iqis li r-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni presidenzjali mhumiex trasparenti u huma dubjużi ferm, hekk li jqajmu dubji dwar il-leġittimità tal-President Bongo; jiddeplora l-fatt li l-proċedura ta' appell li wasslet biex Ali Bongo jiġi ddikjarat rebbieħ tal-elezzjoni tmexxiet b'mod xejn trasparenti, u li l-Qorti Kostituzzjonali naqset milli tqis debitament l-irregolaritajiet osservati f'xi provinċji, b'mod partikolari fl-Haut-Ogooué, il-fewdu ta' Ali Bongo; jiddispjaċih li l-Qorti Kostituzzjonali rrifjutat li jerġa' jsir l-għadd tal-voti u li jsir tqabbil tal-poloz tal-vot, qabel ma dawn sfaw meqruda;

    5.

    Huwa mħasseb profondament dwar il-kriżi politika fil-Gabon u l-vjolenza li qed isseħħ bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà wara l-proklamazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali tal-2016;

    6.

    Jikkundanna bil-qawwa l-intimidazzjoni u t-theddidiet kontra l-MOE tal-Unjoni Ewropea u l-attakki li jikkontestaw in-newtralità u t-trasparenza tagħha; jiddispjaċih profondament għall-fatt li, minkejja li l-Memorandum ta' Qbil iffirmat mal-Gvern Gaboniż, il-MOE tal-UE ngħatat biss aċċess limitat għas-sessjonijiet tal-għadd tal-voti ċentralizzati fil-kummissjonijiet elettorali lokali (LECs) u fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali (CENAP), u li dan żamm lill-MOE tal-UE milli tosserva partijiet ewlenin tal-proċess tal-elezzjoni presidenzjali;

    7.

    Jinnota t-tnedija prevista ta' djalogu nazzjonali, kif propost minn Ali Bongo,; isemma' r-riservi tiegħu rigward il-kredibbiltà u r-rilevanza ta' dawn il-proċessi; jirrimarka li l-protagonist ewlieni tal-oppożizzjoni, Jean Ping, qed jirrifjuta li jieħu sehem u huwa nieda u kkonkluda djalogu nazzjonali tiegħu stess;

    8.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gabon biex iwettaq riforma eżawrjenti u f'waqtha tal-qafas elettorali, fil-qies tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-MOE tal-UE bil-għan li jtejbu dan il-qafas u jagħmluh għalkollox trasparenti u kredibbli; jenfasizza li l-awtoritajiet Gaboniżi jeħtiġilhom jiggarantixxu kooperazzjoni sħiħa u sinċiera mal-partijiet interessati rilevanti, nazzjonali u internazzjonali, biex jiżguraw li l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss ikunu trasparenti u ġusti u li jseħħu f'ambjent liberu, demokratiku, inklussiv u paċifiku;

    9.

    Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u oġġettiva dwar il-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet u dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li kull min jinstab responsabbli jitressaq quddiem il-ġustizzja; jitlob, barra minn hekk, li l-UE, f'kollaborazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni ġenerali fil-Gabon u tirrapporta l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jieħu nota tat-talbiet għal inkjesta preliminari fil-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar il-vjolenza li seħħet wara l-elezzjoni;

    10.

    Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jibda proċess ta' konsultazzjoni skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou malli jkun hemm nuqqas ta' progress fid-djalogu politiku intensifikat; jitlob li l-Kunsill, jekk ma jkun jista' jintlaħaq l-ebda qbil fi ħdan il-proċess ta' konsultazzjoni, jikkunsidra li jimponi sanzjonijiet immirati fuq dawk responsabbli għall-vjolenza postelettorali u għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u għall-imminar tal-proċess demokratiku fil-pajjiż;

    Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

    11.

    Jiddeplora l-fatt li l-Gvern Kongoliż naqas milli jorganizza l-elezzjoni presidenzjali fi żmien l-iskadenza kostituzzjonali; itenni s-sejħa tiegħu biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa ħalli jinħoloq ambjent li jwassal għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u kredibbli mhux aktar tard minn Diċembru 2017, f'konformità sħiħa mal-Kostituzzjoni Kongoliża u mal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

    12.

    Iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha biex jinvolvu ruħhom fi djalogu paċifiku u kostruttiv, jipprevjenu kwalunkwe deterjorament tal-kriżi politika kurrenti u joqogħdu lura milli jwettqu aktar vjolenza u provokazzjonijiet;

    13.

    Jilqa' l-isforzi tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO) biex issawwar kunsens usa' dwar tranżizzjoni politika; jieħu nota tal-ftehim li ntlaħaq lejn tmiem Diċembru 2016 li jiċħad it-tielet mandat lill-President Kabila u li jitlob li l-elezzjoni ssir qabel tmiem l-2017; ifakkar lill-partijiet kollha dwar l-impenn tagħhom fil-konfront ta' dan il-ftehim, u għalhekk iħeġġiġhom japplikawh fil-komponenti kollha tiegħu u jistabbilixxu mill-aktar fis kalendarju konkret għall-elezzjonijiet li jmiss; ifakkarhom fil-konsegwenzi gravi li jkun hemm kemm-il darba ma jirnexxilhomx iwasslu għal eżitu ta' suċċess;

    14.

    Iħeġġeġ lill-Gvern Kongoliż biex jindirizza minnufih il-kwistjonijiet miftuħa relatati mal-istabbiliment tas-sekwenza tal-kalendarju elettorali, il-baġit tiegħu u l-aġġornament tar-reġistru elettorali bil-għan li elezzjonijiet liberi, ġusti u trasparenti jkunu jistgħu jsiru; ifakkar li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti għandha tkun istituzzjoni imparzjali u inklussiva mogħnija b'riżorsi suffiċjenti li jippermettu proċess trasparenti u komprensiv;

    15.

    Jitlob li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-organizzazzjoni tal-proċess elettorali; u jitlob li l-atturi internazzjonali kollha jagħtu lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo l-appoġġ politiku, finanzjarju, tekniku u loġistiku kollu meħtieġ biex l-elezzjonijiet isiru sa Diċembru 2017; jitlob trasparenza rigward kull appoġġ finanzjarju mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha għall-elezzjonijiet Kongoliżi;

    16.

    Iħeġġeġ li ssir investigazzjoni sħiħa, eżawrjenti u trasparenti dwar l-atti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li allegatament seħħew waqt il-protesti sabiex dawk responsabbli jiġu identifikati u jkollhom jagħtu rendikont ta' għemilhom;

    17.

    Jilqa' l-adozzjoni tas-sanzjonijiet immirati tal-UE, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, kontra dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti u għall-imminar tal-proċess demokratiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jitlob li l-Kunsill jikkunsidra li jestendi dawn il-miżuri restrittivi jekk iseħħu każijiet ulterjuri ta' vjolenza, kif jipprevedi l-Ftehim ta' Cotonou;

    o

    o o

    18.

    Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex jinvestiga l-atti ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew dan l-aħħar fiż-żewġ pajjiżi;

    19.

    Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi u Gaboniżi biex jirratifikaw il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza mill-aktar fis possibbli;

    20.

    Jitlob li d-Delegazzjoni tal-UE tuża l-għodod u l-istrumenti kollha xierqa biex tappoġġja lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-movimenti favur id-demokrazija, u tibda djalogu politiku msaħħaħ mal-awtoritajiet, kif jipprevedi l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou;

    21.

    Jitlob, barra minn hekk, li l-UE u l-pajjiżi tal-AKP, f'kollaborazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, jibqgħu jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni ġenerali fiż-żewġ pajjiżi;

    22.

    Jenfasizza li s-sitwazzjoni fil-Gabon u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tikkostitwixxi theddida serja għall-istabbiltà tar-reġjun tal-Afrika Ċentrali kollu kemm hu; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Unjoni Afrikana fir-rwol kruċjali tagħha fil-prevenzjoni ta' kriżi politika fir-reġjun u ta' kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar;

    23.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Presidenti, lill-Prim Ministri u lill-Parlamenti tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-Gabon, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

    Top