Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0671

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza

    COM/2017/0671 final

    Brussell, 20.11.2017

    COM(2017) 671 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

    Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza


    Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza

    1.Introduzzjoni

    Il-prinċipju ta’ paga ugwali ilu mnaqqax fit-trattati tal-UE sa mill-1957 u huwa inkorporat fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (“id-Direttiva”). 1 F’konformità mal-Artikoku 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Direttiva tistipula li għall-istess xogħol, jew għal xogħol li lilu jiġi attribwit l-istess valur, id-diskriminazzjoni diretta u indiretta abbażi ta’ sess għar-rigward tal-aspetti u l-kundizzjonijiet kollha ta’ remunerazzjoni jridu jiġu eliminati. Dan il-prinċipju japplika wkoll għas-sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi użati biex tiġi determinata l-paga u ġie inkorporat fis-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri kollha.

    Filwaqt li l-prinċipju ta’ paga ugwali ilu parti integrali mit-Trattati għal kważi 60 sena u minn dak iż-żmien ġie żviluppat aktar fil-liġi tal-UE u l-liġijiet nazzjonali, ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2013 li analizza l-applikazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri 2 kkonkluda li l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet dwar il-paga ugwali fl-Istati Membri hija waħda mill-aktar oqsma problematiċi tad-Direttiva. Ir-Rapport iddikjara li l-ostakli ewlenin quddiem l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga ugwali huma: in-nuqqas ta’ trasparenza fis-sistemi tal-pagi; in-nuqqas ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-kunċett ta’ xogħol ta’ valur ugwali jew minħabba li t-terminu mhuwiex definit jew minħabba li ma hemmx kriterji ta’ valutazzjoni ċari biex jiġu mqabbla impjiegi differenti; kif ukoll hemm ostakoli proċedurali.

    In-nuqqas ta’ implimentazzjoni adegwata tal-prinċipju ta’ paga ugwali jalimenta d-differenzi konsistentement kbar fil-pagi bejn is-sessi, li bħalissa hi ta’ 16.3 % madwar l-UE. 3 Id-diskriminazzjoni fil-pagi bejn is-sessi, jiġifieri li n-nisa jitħallsu anqas mill-irġiel għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali, hija waħda mill-fatturi importanti li jikkontribwixxu għad-diskrepanza globali fil-pagi bejn is-sessi, flimkien ma’ fatturi oħra bħal, pereżempju, is-segregazzjoni professjonali u vertikali. 4  

    F’Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza (“ir-Rakkomandazzjoni”). 5 Hija tipprovdi gwida li għandha l-għan li tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw il-prinċipju ta’ paga ugwali b’mod aktar effettiv sabiex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni fil-pagi u li tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata d-differenza persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa billi tiffoka fuq, iżda ma tkunx esklussivament limitata għal, miżuri li jtejbu t-trasparenza fil-pagi.

    L-Istati Membri ġew mistiedna jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015. 6 Dan ir-rapport huwa bbażat fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq l-informazzjoni pprovduta minnhom. 7 Huwa jinkludi wkoll informazzjoni minn partijiet interessati ewlenin, b’mod partikolari l-Imsieħba Soċjali Ewropej 8 li ġew ikkonsultati dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fuq livell nazzjonali f’Ottubru 2015.

    Barra minn dan, dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni li waslet mingħand entitajiet tal-ugwaljanza nazzjonali stabbiliti taħt din id-Direttiva 9 , kif ukoll fuq informazzjoni pprovduta min-netwerk tal-Kummissjoni ta’ esperti legali fil-qasam tal-ugwaljanza ta’ bejn is-sessi.

    Seminar ta’ tagħlim reċiproku dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, 10 li sar fl-20 u l-21 ta’ Ottubru 2016, ipprovda iżjed għarfien profond dwar l-implimentazzjoni prattika tar-Rakkomandazzjoni u l-impatt tal-miżuri nazzjonali fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-pagi u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, inklużi miżuri dwar it-trasparenza fil-pagi.

    It-tnaqqis tad-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel huwa prijorità importanti għall-Kummissjoni, kif stabbilit fil-pjan ta’ Impenn Strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016–2019. 11 Bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin biex jintlaħaq dan l-objettiv, l-Impenn Strateġiku jsemmi t-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-prinċipju ta’ paga ugwali bit-twettiq ta’ valutazzjoni tad-Direttiva u billi jittieħdu f’konsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, it-titjib tat-trasparenza fil-pagi abbażi ta’ rapport dwar il-miżuri tal-Istati Membri biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni.

    Il-Kummissjoni tinnota li t-trasparenza fil-pagi mhijiex l-unika miżura li tista’ tikkontribwixxi biex tnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Sabiex tiġi affrontata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi mill-angoli kollha possibbli, dan ir-rapport huwa parti minn Pjan ta’ Azzjoni usa’ li fih il-Kummissjoni tikkonverti l-impenn tagħha li tindirizza d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Il-Pjan ta’ Azzjoni jinkludi firxa wiesgħa u koerenti ta’ attivitajiet sabiex tiġi affrontata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, inizjattivi kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi, li jirrinforzaw lil xulxin reċiprokament.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni żżomm għajnejha fuq is-sitwazzjoni ekonomika fl-Istati Membri permezz tal-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew u tappoġġa x-xogħol tal-Istati Membri sabiex tiġi affrontata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, billi tirrakkomanda eventwalment lil xi Stat Membru sabiex jindirizza din il-kwistjoni speċifika jew xi wħud mill-kawżi fl-għeruq tagħha, bħan-nuqqas ta’ investiment f’faċilitajiet tal-kura tat-tfal jew id-diżinċentivi fiskali li ma jħallux lil persuni li huma t-tieni sors ta’ dħul – li l-aktar li jkunu huma nisa – milli jaħdmu jew jaħdmu aktar. Fl-2017, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u l-problemi li jikkontribwixxu għaliha ġew indirizzati f’rapporti speċifiċi għall-pajjiżi ta’ disa’ Stati Membri. 12 F’Mejju 2017, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż b’enfasi fuq l-investiment f’faċilitajiet għall-kura tat-tfal, u d-diżinċentivi fiskali, kif ukoll miżuri oħra li jindirizzaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. 13

    Dan ir-rapport jivvaluta l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri proposti f’din ir-Rakkomandazzjoni u dwar l-effettività tal-applikazzjoni tagħhom.

    2.L-implimentazzjoni ta’ miżuri dwar it-trasparenza fil-pagi fl-Istati Membri

    It-trasparenza fil-pagi hija strumentali fl-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga ugwali fil-prattika. Dan jixkef il-posibbiltà ta’ xi xaqliba abbażi tal-ġeneru, jew xi diskriminazzjoni, fl-istrutturi tal-pagi ta’ kumpanija jew industrija. Dan jista’ jippermetti lill-impjegati, lil min iħaddem jew lill-imsieħba soċjali biex jieħdu azzjoni xierqa. Għarfien ta’ livelli differenti ta’ pagi fi ħdan kumpanija waħda jista’ jagħmilha iżjed faċli għall-individwi li jikkontestaw diskriminazzjoni fil-paga miġjuba quddiem il-qrati nazzjonali.

    Din ir-Rakkomandazzjoni tressaq sett ta’ miżuri speċifiċi biex jgħinu lill-Istati Membri u partijiet interessati oħra fit-tfassil ta’ approċċ imfassal b’mod speċifiku għat-titjib tat-trasparenza fil-pagi. L-erba’ miżuri ewlenin proposti relatati mat-trasparenza fil-pagi huma: id-dritt tal-individwi li jitolbu aktar informazzjoni dwar il-livell tal-pagi; ir-rappurtar fil-livell ta’ kumpanija; awditi tal-pagi; u paga ugwali indirizzata fin-negozjar kollettiv. 14 L-Istati Membri huma mħeġġa biex jimplimentaw il-miżuri l-aktar xierqa għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom u jenħtieġ li jinkludu mill-inqas waħda minn dawn il-miżuri ewlenin.

    Minkejja l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni, huma biss ħdax-il Stat Membru li bħalissa għandhom leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza fil-pagi 15 . Fost dawn l-Istati Membri, sitta biss minnhom jew adottaw miżuri ġodda ta’ trasparenza fil-pagi jew tejbu l-miżuri eżistenti wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni. 16 Il-biċċa l-kbira minnhom inkludew waħda mill-erba’ miżuri ewlenin tar-Rakkomandazzjoni dwar it-trasparenza fil-pagi. Ħamsa minnhom 17 daħħlu aktar minn waħda mill-miżuri ewlenin, bi Stat Membru wieħed biss 18 li naqqax l-erba’ miżuri kollha fil-qafas legali nazzjonali tiegħu. Fi tliet Stati Membri, 19 qegħdin jitħejjew miżuri ġodda dwar it-trasparenza fil-pagi, bi wħud minnhom fl-istadji inzjali ta’ negozjar u oħrajn li waslu biex jiġu adottati mill-parlamenti nazzjonali.

    2.1.Id-dritt tal-impjegati li jiksbu informazzjoni dwar il-livelli tal-pagi

    Meta l-impjegati jkunu jistgħu jitolbu aktar informazzjoni dwar il-livell tal-pagi għal kategoriji ta’ impjegati li jagħmlu l-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali, maqsuma skont il-ġeneru, inklużi komponenti kumplimentari jew varjabbli bħalma huma pagamenti mhux fi flus u bonusijiet, 20 il-politika dwar il-pagi ta’ kumpanija jew organizzazzjoni ssir aktar trasparenti 21 . Tali informazzjoni hija siewja għal min iħaddem, għat-trejdjunjins u għall-ħaddiema, u tgħinhom jidentifikaw differenzi mhux spjegati bejn il-pagi għall-irġiel u n-nisa u biex dawn jiġu riżolti permezz tad-djalogu. Dan jagħmilha wkoll aktar faċli għall-impjegati biex ipoġġu l-livelli tas-salarju tagħhom f’perspettiva fi ħdan il-kategorija tagħhom stess u bi tqabbil ma’ kategoriji simili. F’każi ta’ diskriminazzjoni, dan itejjeb il-prospetti ta’ suċċess ta’ azzjoni legali quddiem il-qrati nazzjonali u konsegwentament ikollu effett dissważiv.

    Dritt għal informazzjoni dwar il-pagi għal impjegati individwali

    F’każi ta’ allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni fil-paga, fi tliet Stati Membri min iħaddem huwa obbligat jipprovdi informazzjoni fuq il-paga lill-impjegat. Fil-Finlandja u fl-Irlanda, l-individwi għandhom tali dritt għall-informazzjoni, iżda min iħaddem irid ikollu l-kunsens tal-individwi li dwaru tiġi żvelata d-data dwar il-paga. Fl-Irlanda, id-dritt ta’ informazzjoni jista’ jintalab abbażi ta’ kwestjonarju standardizzat li fih l-ilmentatur jiddikjara li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ paga ugwali.

    Fil-Ġermanja, liġi reċenti 22 daħħlet id-dritt individwali għall-informazzjoni għall-impjegati ta’ kumpaniji b’iktar minn 200 impjegat.

    Fl-Estonja u l-Portugall, għalkemm hemm drittijiet nazzjonali għall-informazzjoni għall-impjegati, li jobbligaw lil min iħaddem jinforma lill-impjegati dwar il-kundizzjonijiet ewlenin tal-kuntratt ta’ impjieg tagħhom, inkluż l-ammont ta’ paga, l-informazzjoni dwar pagi li tista’ tinkiseb hija limitata għar-remunerazzjoni tal-individwu stess.

    Dritt għal informazzjoni dwar il-pagi għal ċerti korpi

    F’xi Stati Membri, ir-rappreżentanti tal-impjegati u t-trejdjunjins għandhom id-dritt li jaċċessaw l-informazzjoni dwar il-paga u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ grupp ta’ impjegati, jew ta’ impjegat individwali bil-kunsens tagħhom. 23

    F’bosta Stati Membri, 24 hemm korpi ta’ ugwaljanza li huma intitolati li jitolbu informazzjoni dwar il-pagi, f’każijiet fejn ikun hemm allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-paga.

    Miżuri oħra relatati

    F’ċerti Stati Membri, il-paga minima legali trid tiġi indikata meta jiġu reklamati impjiegi. 25  

    Fir-Renju Unit, huwa kontra l-liġi li min iħaddem ma jħallix lill-impjegati tiegħu — permezz ta’ xi klawżoli kuntrattwali jew ta’ penali — jiżvelaw jew li jippruvaw jiżvelaw il-paga tagħhom lil ħaddieħor, jekk l-iskop ta’ dan l-iżvelar ikun biex tiġi stabbilita diskriminazzjoni fil-pagi bejn il-ġeneri.

    2.2.Rappurtar dwar il-paga fil-livell tal-kumpaniji

    Ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miżuri li jiżguraw li min iħaddem, f’kumpaniji u organizzazzjonijiet li jkollhom mill-inqas 50 impjegat, jinforma regolarment lill-impjegati, lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lill-imsieħba soċjali bir-remunerazzjoni medja skont il-kategorija ta’ impjegat jew pożizzjoni, imqassma skont il-ġeneru. 26 Rappurtar bħal dan itejjeb it-trasparenza tal-pagi u jikkostitwixxi bażi affidabbli għal diskussjonijiet dwar miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ pagi ugwali.

    F’xi Stati Membri, dawk li jħaddmu huma obbligati li jipprovdu regolarment rapport bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kumpanija jew organizzazzjoni tagħhom, inklużi dettalji dwar il-pagi. 27 Pereżempju, fid-Danimarka, min iħaddem mill-inqas 35 impjegat irid kull sena jiġbor statistika dwar il-pagi, imqassma skont il-ġeneru, għal gruppi ta’ mill-anqas 10 persuni minn kull ġeneru, li jkollhom l-istess pożizzjoni. Din l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-impjegati permezz tar-rappreżentanti tagħhom.

    Fi Franza, il-kumpaniji jridu jipprovdu data dwar paga ugwali lir-rappreżentanti tal-persunal f’rapporti annwali, b’mod partikolari fir-“rapport dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri” li huwa obbligatorju għal kumpaniji li jħaddmu mill-anqas 300 impjegat, u fir-“rapport dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpanija”, li huwa obbligatorju għal kumpaniji li jħaddmu mill-anqas 50 impjegat. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu ċ-ċifri tal-pagi mqassma skont il-ġeneru u skont il-kategorija professjonali.

    Fil-Belġju, kull sentejn il-kumpaniji għandhom iħejju rapporti dwar id-differenzi fil-pagi fil-livell tal-kumpaniji. Kumpaniji li jħaddmu mill-anqas 50 impjegat għandhom iwettqu analiżi dettaljata tal-istruttura tal-pagi tal-kumpanija tagħhom kull sentejn, skont il-ġeneru kif ukoll l-istatus, il-pożizzjoni, l-anzjanità u l-livell ta’ kwalifika jew l-edukazzjoni. Barra minn hekk, il-Belġju jobbliga lill-kumpaniji biex iħejju analiżi abbażi tal-ġeneru f’diversi sezzjonijiet tar-rapporti soċjali annwali tagħhom. Fl-Italja, il-kumpaniji b’aktar minn 100 impjegat għandhom jirrapportaw informazzjoni relatata mal-ugwaljanza tas-sessi, b’referenza espliċita għal-livelli tal-pagi, kull sentejn.

    Fil-Ġermanja, liġi reċenti daħħlet regola ġenerali ta’ obbligu tar-rappurtar għal kumpaniji kbar b’rabta mal-avvanz fil-karriera tan-nisa u l-paga ugwali. Fir-Renju Unit, dawk li jħaddmu 250 impjegat jew iktar għandhom jippubblikaw ċerta informazzjoni dwar id-differenzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, b’mod partikolari r-rata ta’ paga fis-siegħa, il-bonusijiet u d-distribuzzjoni ġenerali tal-paga 28 . Fil-Litwanja, liġi li daħlet fl-2017 tobbliga lill-kumpaniji b’aktar minn 20 impjegat li kull sena jipprovdu lill-kunsilli tax-xogħol u lit-trejdjunjins b’data anonima dwar il-paga medja tal-impjegati tagħhom, bl-esklużjoni tal-maniġers, skont il-grupp professjonali u l-ġeneru. Barra minn hekk, il-kumpaniji b’aktar minn 50 impjegat għandhom iħejju rapport dwar ir-remunerazzjoni li jispeċifika r-remunerazzjoni tal-impjegati skont il-kategorija u skont il-pożizzjoni u l-kwalifiki tagħhom, u għandhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-impjegati.

    Bosta Stati Membri għandhom xi obbligu aktar estensiv għal min iħaddem li b’mod regolari jivvaluta l-prattiki tal-pagi u d-differenzi fil-pagi fil-kuntest usa’ tal-konformità tagħhom ma’ obbligu li jfasslu pjan ta’ azzjoni għal pagi ugwali. 29 Tali obbligi jinkludu r-rappurtar mill-kumpaniji dwar ir-remunerazzjoni medja ta’ kategoriji differenti ta’ impjegati jew pożizzjonijiet iżda jmorru lil hinn mir-rappurtar billi jitlobu wkoll analiżi aktar profonda tal-istrutturi tal-pagi kif ukoll azzjoni ta’ segwitu biex jiġu indirizzati inugwaljanzi fil-pagi. Tali miżuri nazzjonali huma diskussi f’aktar dettall fit-taqsima dwar l-awditu tal-pagi ta’ dan ir-rapport.

    Bosta Stati Membri għandhom obbligi ta’ rappurtar li japplikaw esklussivament għas-settur pubbliku. 30  

    F’żewġ Stati Membri, 31 qegħdin isiru diskussjonijiet dwar miżuri leġiżlattivi ġodda li jipprovdu għal obbligi ta’ rappurtar mill-kumpaniji.

    2.3.Awditi tal-pagi fil-livell tal-kumpanija

    Ir-Rakkomandazzjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-awditi tal-pagi jitwettqu f’kumpaniji u organizzazzjonijiet b’mill-inqas 250 impjegat. Jenħtieġ li dawn l-awditi jinkludu analiżi tal-proporzjon tan-nisa u l-irġiel f’kull kategorija ta’ impjegati jew pożizzjoni, analiżi tas-sistema ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol użata u informazzjoni ddettaljata dwar il-pagi u d-differenzjali tal-pagi abbażi tal-ġeneru. Huma għandhom ikunu disponibbli għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u għall-imsieħba soċjali fuq talba. 32 Bl-awditi tal-pagi jista’ jsir eħfef li ssir l-analiżi tal-aspetti marbutin mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rigward tal-paga, biex jintlaħqu konklużjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali, u biex jiġu identifikati għażliet possibbli biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati. Dawn jistgħu jkunu l-bażi ta’ diskussjoni bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema dwar kif għandha tkun eliminata d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi.

    Ir-rapporti dwar il-pagi ta’ spiss jintużaw bħala bażi għal analiżi aktar bir-reqqa li tmur ferm lil hinn milli tipprovdi ċifri statistiċi u tibni fuq informazzjoni fattwali dwar l-istrutturi tal-pagi. Bħala tali, ir-rapporti dwar il-pagi jistgħu jkunu ta’ kontribut għal azzjonijiet ta’ segwitu, bħalma huma pjanijiet ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi identifikati fil-pagi bejn il-ġeneri.

    Pereżempju, fi Franza, persuni privati li jimpjegaw iktar minn 50 impjegat huma obbligati jipproduċu rapporti annwali li fihom għandhom jinkludu ċifri maqsumin skont il-ġeneru u skont il-kategorija okkupazzjonali li jirrigwardaw il-paga reali. Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura, tkun trid issir analiżi tas-sitwazzjoni tan-nisa u l-irġiel għal kull kategorija professjonali fil-kumpanija fejn jidħlu sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi u d-differenzjali tal-pagi. Il-ftehimiet kollettivi u l-pjanijiet ta’ azzjoni unilaterali jridu jistabbilixxu miri ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll miżuri speċifiċi biex dawn jintlaħqu.

    Fl-Iżvezja, dawk li jħaddmu mill-anqas 25 impjegat huma obbligati li jwettqu stħarriġ dwar il-pagi kull tliet snin, li jivvalutaw il-prattiki tal-pagi u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fil-kumpanija. Abbażi ta’ dan, huma għandhom ifasslu pjan ta’ azzjoni biex jirrimedjaw u jimpedixxu differenzi inġusti bejn is-sessi fejn jidħlu pagi u kundizzjonijiet oħra tal-impjieg. Fil-Finlandja, kumpaniji bi 30 impjegat jew iktar għandhom jippreparaw pjani ta’ ugwaljanza, inkluż stħarriġ dwar il-pagi bil-għan li jiġi stabbilit jekk ikunx hemm differenzi fil-pagi abbażi ta’ ġeneru fuq il-post tax-xogħol; il-pjan ta’ ugwaljanza għandu jipprovdi suġġerimenti dwar kif jistgħu jitneħħew differenzi mhux ġustifikati. Fil-Ġermanja, il-kumpaniji b’aktar minn 500 impjegat ikollhom iwettqu awditi tal-pagi.

    Fir-Renju Unit, il-qrati industrijali jistgħu jordnaw lil min iħaddem biex iwettaq awditi dwar pagi ugwali f’każijiet fejn xi individwu jressaq b’suċċess rikors quddiem tribunal rigward il-liġijiet dwar paga ugwali.

    Fid-Danimarka, min iħaddem għandu l-għażla li jistabbilixxi b’mod voluntarju analiżi dwar l-ugwaljanza fil-pagi jew li jagħmel rapporti dwar l-istatistika dwar il-pagi.

    Fl-Estonja u fl-Italja qegħdin isiru diskussjonijiet dwar miżuri ġodda f’dan il-qasam. Pereżempju, fl-Estonja, il-gvern għandu l-ħsieb li jipproponi l-introduzzjoni ta’ obbligu legali biex isiru awditi tal-pagi minn żmien għal żmien fis-settur pubbliku u biex jitħejjew pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, abbażi tar-riżultati.

    2.4.Il-paga ugwali, inkluż l-awditi tal-paga, isiru parti mill-proċess tan-negozjar kollettiv

    L-inkoraġġiment jew l-obbligu biex l-imsieħba soċjali jiddiskutu l-pagi ugwali fin-negozjar kollettiv huwa mod ieħor kif tiżdied it-trasparenza fil-pagi u kif jiġu indirizzati d-differenzi bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Ir-Rakkomandazzjoni għalhekk tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kwistjoni ta’ paga ugwali, inkluż l-awditi tal-paga, tkun diskussa fil-livell xieraq waqt in-negozjar kollettiv. 33  

    L-inklużjoni ta’ paga ugwali fil-ftehim kollettiv huwa appoġġat bis-sħiħ mit-trejnunjons. 34  

    Ħames Stati Membri 35 għandhom miżuri leġiżlattivi biex jiżguraw li l-kwistjoni ta’ paga ugwali tkun parti mill-proċess tan-negozjar kollettiv.

    Fil-Belġju, ftehimiet transindustrijali, iffirmati mill-maniġment u mir-rappreżentanti tal-impjegati kull sentejn, għandhom jinkludu miżuri mmirati biex inaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, prinċipalment billi s-sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi ssir newtrali fejn jidħol ġeneru. Fil-livell settorjali, il-liġi tagħmilha wkoll obbligatorja li jiġu nnegozjati miżuri li jkollhom l-għan li titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa matul in-negozjar kollettiv. Fi Franza, il-kumpaniji għandhom jinkludu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fin-negozjati kollettivi. L-individwi privati li jimpjegaw huma obbligati li jinnegozjaw miri ta’ pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa fil-livell ta’ fergħa kull tliet snin u fil-livell ta’ kumpanija kull sena. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri tiġi sorveljata mill-Uffiċjal Nazzjonali dwar in-Negozjar Kollettiv (CNNC). Il-liġi Żvediża tistipula li min iħaddem u l-impjegati għandhom jikkoperaw sabiex jipprevjenu u jindirizzaw id-differenzi fil-paga. Sa mill-2007, meta l-partijiet soċjali fil-livell federali nnegozjaw oqfsa speċifiċi tal-pagi għan-nisa, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa kienet kwistjoni kruċjali matul kull sessjoni ta’ negozjar.

    Tliet Stati Membri oħra 36 jipprovdu għal miżuri volontarji li jħeġġu l-inklużjoni ta’ pagi ugwali fil-ftehim kollettiv. Dawn il-miżuri jinkludu l-pubblikazzjoni ta’ linji gwida għan-negozjar kollettiv u l-provvediment ta’ taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri lill-imsieħba soċjali.

    3.L-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra dwar paga ugwali pprovduti fir-rakkomandazzjoni

    Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi għal diversi miżuri oħra li wkoll jikkontribwixxu biex titjieb l-ugwaljanza fil-pagi lil hinn mill-qasam strett ta’ aktar trasparenza fil-pagi 37 . Din it-taqsima tipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni, kif inhi llum, ta’ wħud minn dawn il-miżuri fl-Istati Membri.

    Statistiċi aħjar

    Ir-Rakkomandazzjoni tinkoraġġixxi l-Istati Membri biex itejbu d-disponibbiltà ta’ data aġġornata dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa billi l-Eurostat tiġi pprovduta bi statistika annwali u f’waqtha.

    Diversi Stati Membri rrapportaw li l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tagħhom jipprovdu data komprensiva dwar id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fuq bażi annwali. 38 Fi Spanja, l-obbligu li tiġi pprovduta statistika mqassma skont il-ġeneru hija prevista mil-liġi 39 għall-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Daniża tinkludi regoli dwar l-istatistika tal-pagi, imqassma skont il-ġeneru, applikabbli għall-kumpaniji 40 .

    Id-definizzjoni tal-kunċett ta’xogħol ta’ valur ugwali

    Ir-Rakkomandazzjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiċċaraw il-kunċett ta’ “xogħol ta’ valur ugwali” fil-leġiżlazzjoni tagħhom.

    Bosta Stati Membri 41 diġà jipprovdu definizzjoni tal-kunċett ta’ “xogħol ta’ valur ugwali” fil-leġiżlazzjoni tagħhom, bl-indikazzjoni ta’ qafas analitiku jew tal-aktar kriterji importanti biex jitqabbel il-valur ta’ impjiegi differenti. Fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-każijiet, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ paga ugwali, 42 il-leġiżlazzjoni telenka l-ħiliet, l-isforz, ir-responsabbiltà u l-kundizzjonijiet tax-xogħol bħala l-fatturi ewlenin għall-evalwazzjoni tal-valur tax-xogħol.

    Żewġ Stati Membri infurmaw dwar il-pjanijiet tagħhom li jintroduċu definizzjoni espliċita ta’ “xogħol ta’ valur ugwali” fil-leġiżlazzjoni tagħhom. 43

    Sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol

    Ir-Rakkomandazzjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta’ sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol li jkunu newtrali fir-rigward tal-ġeneru.

    F’xi Stati Membri, il-leġiżlazzjoni tipprovdi b’mod espliċitu għal rekwiżit li s-sistemi tal-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-impjiegi użati biex tiġi ddeterminata l-paga għandhom ikunu newtrali fir-rigward tal-ġeneru. 44 Xi Stati Membri stabbilew għodod prattiċi, bħal gwidi u listi ta’ evalwazzjoni għal evalwazzjoni tal-impjiegi ħielsa minn kull preġudizzju fejn jidħol ġeneru, u programmi ta’ taħriġ għal min iħaddem; dawn għandhom l-għan li jappoġġjaw l-implimentazzjoni mill-kumpaniji ta’ sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward tal-ġeneru. 45  

    Monitoraġġ u infurzar

    Ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali tkun sorveljata b’mod konsistenti u li r-rimedji kollha disponibbli biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fil-pagi jiġu infurzati.

    F’diversi Stati Membri, l-ispettorati tax-xogħol fil-livell reġjonali jew federali jżommu għajnejhom fuq id-diskriminazzjoni fil-pagi 46 . Bħala parti mill-amministrazzjoni nazzjonali, dawn l-ispettorati huma responsabbli għat-twettiq ta’ dawn l-ispezzjonijiet biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni. F’xi pajjiżi, l-ispettorati tax-xogħol jistgħu jimponu pieni amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ pagi ugwali. 47  

    Fil-Belġju, kumpanija b’mill-inqas 50 impjegat tista’ taħtar membru minn fost l-impjegati tagħha biex ikun medjatur li jagħti pariri dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjan li jkollu l-għan li jiżviluppa fil-kumpanija struttura tal-pagi newtrali fir-rigward tal-ġeneru, kif ukoll dwar rimedji possibbli biex ikunu indirizzati allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni fil-pagi bejn il-ġeneri.

    Żewġ Stati Membri rrappurtaw l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet speċifiċi li jiskoraġġixxu d-diskriminazzjoni. B’mod partikolari, Franza timponi piena ta’ massimu ta’ 1 % tas-salarji totali għal kumpaniji b’aktar minn ħamsin impjegat jekk ikun hemm ksur tal-obbligi ta’ paga ugwali. Fin-Netherlands, il-kumpaniji li jipprattikaw diskriminazzjoni huma esklużi minn proċeduri ta’ akkwist pubbliku u l-kuntratti eżistenti tagħhom mal-gvern jistgħu jiġu tterminati.

    Korpi ta’ ugwaljanza

    Skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/54/KE, 48 il-korpi ta’ ugwaljanza kollha jipprovdu assistenza indipendenti lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi. Madankollu, il-kompiti u s-setgħat tal-korpi ta’ ugwaljanza jvarjaw ħafna bejn Stat Membru u ieħor. Huwa biss f’xi wħud mill-Istati Membri 49 li r-rwol tal-korpi ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri jinkludi r-rappreżentazzjoni/l-għoti ta’ għajnuna lill-individwi f’tali pretensjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali. Fi wħud mill-Istati Membri, 50 li l-korpi ta’ ugwaljanza jkollhom kompetenzi wisgħin li jisimgħu u jiddeċiedu dwar ilmenti ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru. Jekk il-korpi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jeżerċitaw aktar mill-poter li għandhom biex jipprovdu assistenza indipendenti lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, ikun aktar faċli għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni li jkollhom aċċess għall-ġustizzja, u l-effettività tal-qafas legali għall-pagi ugwali jkun żgurat.

    Ir-Rakkomandazzjoni għalhekk tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw li s-setgħat u l-mandati tal-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza tagħhom ikopru kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni fil-pagi bejn il-ġeneri, inklużi obbligi ta’ trasparenza. Barra minn hekk, fejn applikabbli, l-Istati Membri huma mitluba li jagħtu lill-korpi għall-ugwaljanza d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-pagi u l-awditi tal-pagi.

    F’xi Stati Membri, 51 il-mandat tal-korp tal-ugwaljanza jkopri wkoll l-obbligi ta’ trasparenza ta’ min iħaddem, relatati mad-diskriminazzjoni fil-pagi bejn il-ġeneri, b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar il-pagi u l-awditi tal-pagi.

    4.L-applikazzjoni prattika u l-impatt tal-miżuri ta’ trasparenza fil-pagi fil-livell nazzjonali

    Ma hemm l-ebda analiżi ekonomika dettaljata disponibbli dwar l-impatt preċiż tal-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ trasparenza fil-pagi fil-livell nazzjonali. Għalhekk huwa diffiċli li tiġi pprovduta data kwantifikabbli tal-impatti ta’ kull miżura konkreta.

    Madankollu, ir-riċerka mwettqa fil-livell nazzjonali turi relazzjoni bejn tali miżuri u t-titjib tas-sitwazzjoni ġenerali fejn jidħlu paga ugwali u opportunitajiet ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjiegi b’mod ġenerali. Xi eżempji li ispiraw ir-Rakkomandazzjoni tal-2014 juru xi ftit minn dawn l-impatti: 52  

    Eżempju wieħed marbut mal-kwistjoni tad-dritt tal-impjegati għall-informazzjoni dwar il-pagi huwa tal-Portugall fejn fl-2009 ddaħħal l-obbligu li min iħaddem jipprovdi lill-impjegati informazzjoni dwar is-salarji medji għal kull kategorija ta’ ħaddiema. Il-partijiet interessati jqisu dan bħala raġuni sinifikanti għad-diskrepanza relattivament żgħira bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa f’dak il-pajjiż.

    Il-leġiżlazzjoni Żvediża dwar it-trattament ugwali daħħlet obbligu li min iħaddem, b’mod regolari, joħroġ rapport dwar is-sitwazzjoni fil-pagi, li tkun tinkludi analiżi tal-prattiki fejn jidħlu l-pagi u d-differenzi fil-pagi bejn il-ġeneri. Studju nazzjonali li sar fl-2011 jistqarr li, mill-miżuri differenti introdotti mill-gvern, l-obbligu tas-sorveljanza fuq il-pagi kellu l-akbar effett fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-pagi. Barra minn hekk, analiżi li saret mill-Ombudsman għall-Ugwaljanza tikkonkludi li bejn l-2006 u l-2008, madwar 6 000 persuna rċevew aġġustamenti tal-pagi b’segwitu ta’ dan l-obbligu.

    Franza hija eżempju fejn il-paga ugwali qiegħda tiġi inkluża fin-negozjar kollettiv: il-leġiżlazzjoni li ddaħħlet fl-2006 tobbliga lil min iħaddem u lit-trejdunjons biex darba f’sena, jiddiskutu l-kwistjoni tad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa matul in-negozjati tal-ftehim kollettiv fil-livell tal-kumpaniji kif ukoll fil-livell tas-setturi. Bħala riżultat tal-introduzzjoni ta’ dan l-obbligu, il-proporzjon ta’ ftehimiet kollettivi li jindirizzaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa żdied b’mod sostanzjali (minn 3 % fl-2007 għal 10 % fl-2010). Barra minn hekk, ħafna minn dawn il-ftehimiet kollettivi jinkludu mhux biss dijanjożi qasira tas-sitwazzjoni, iżda jippreżentaw ukoll indikaturi speċifiċi u lista ta’ miżuri biex tiġi eliminata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.

    Dawn l-eżempji konkreti tal-implimentazzjoni f’konformità ma’ tlieta mill-erba’ miżuri ewlenin ta’ trasparenza ssuġġeriti fir-Rakkomandazzjoni u l-impatti tagħhom juru li l-miżuri taħt ir-Rakkomandazzjoni għandhom il-potenzjal li jkunu ta’ kontribut għal tnaqqis ġenerali fid-diskriminazzjoni fil-pagi kif ukoll fid-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.

    5.Il-konklużjonijiet u l-progress li jrid isir

    Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi l-ewwel sett ta’ strumenti ta’ miżuri speċifiċi ta’ trasparenza fil-pagi li jimmiraw biex jiġu indirizzati inugwaljanzi fil-pagi u d-differenza persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Hija tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jintroduċu mill-anqas waħda minn dawn il-miżuri li jsaħħu t-trasparenza biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-pagi. Huwa strument legali mhux vinkolanti li ma jimponi l-ebda obbligu formali fuq l-Istati Membri.

    L-analiżi tat-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri u minn partijiet interessati oħra juri li għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qegħdin iħaddmu xi miżuri mmirati lejn iż-żieda tat-trasparenza fil-pagi, f’terz tal-Istati Membri miżuri bħal dawn huma kompletament nieqsa.

    Barra minn hekk, huma biss grupp żgħir ta’ Stati Membri li użaw din l-opportunità tar-Rakkomandazzjoni biex jirrevedu s-sistemi legali nazzjonali tagħhom biex isaħħu l-prinċipju ta’ paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz tal-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ trasparenza fil-pagi, kif issuġġerit fir-Rakkomandazzjoni jew b’xi mod ieħor.

    L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija waħda mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iżda għadha mhix realtà fuq il-post tax-xogħol. In-nisa fl-UE jaqilgħu kważi 16 % inqas fis-siegħa mill-irġiel, fis-setturi ekonomiċi kollha. Din id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel baqgħet stabbli f’dawn l-aħħar ħames snin u bir-ritmu attwali mhix se tgħib qabel il-bidu tal-millennju li jmiss. Studju tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneru jenfasizza li paga inugwali hija ta’ dannu mhux biss għan-nisa iżda hija kost għas-soċjetà b’mod ġenerali. Hemm rabta qawwija bejn id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, il-faqar fost it-tfal u n-nuqqas ta’ ħiliet. Barra minn hekk, meta l-ħiliet tan-nisa fis-soċjetà ma jkunux qegħdin jintużaw bis-sħiħ, dan ukoll ikun ta’ dannu għall-ekonomija b’mod ġenerali 53 .

    Illum, minkejja l-prinċipju ta’ pagi ugwali, id-diskriminazzjoni għadha mifruxa fuq il-postijiet tax-xogħol: jista’ jkun li mara titħallas anqas minn raġel għall-istess xogħol eżatt, u xogħol li tipikament isir min-nisa jitħallas anqas minn xogħol tipikament magħmul mill-irġiel, anki meta dan ikun ta’ valur ugwali. Is-segretezza madwar il-livelli tal-pagi tagħmilha diffiċli biex jiġu identifikati każi ta’ diskriminazzjoni. Anki jekk il-biċċa l-kbira tal-Ewropej (69%) huma konxji mill-eżistenza ta’ differenza fil-pagi bejn is-sessi fl-ekonomija, l-impjegati ma jaħsbux li tali diskrepanza teżisti fi ħdan il-kumpanija tagħhom stess, u 26% biss tal-Ewropej huma konxji tal-garanzija legali ta’ paga ndaqs għal xogħol indaqs. Terz tal-impjegati ma jkunux jafu l-pagi tal-kollegi tagħhom, u din iċ-ċifra hija saħansitra iktar baxxa għan-nisa. Studju riċenti juri li l-Ewropej jappoġġjaw aktar trasparenza fuq ix-xogħol: kważi żewġ terzi tal-persuni jkunu favur il-pubblikazzjoni tal-pagi medji li wieħed jista’ jaqla’ fl-organizzazzjoni jew il-kumpanija li fiha jaħdmu, skont il-ġeneru u t-tip ta’ xogħol. 54  

    Sabiex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u l-prinċipju ta’ paga ugwali jsir realtà, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-konformità tal-Istati Membri mal-prinċipju ta’ paga ugwali, inkluż billi tinforza miżuri fejn ikun meħtieġ u fil-kuntest tal-eżerċizzju annwali tas-Semestru Ewropew.

    Madankollu, in-nuqqas ta’ progress li jidher fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-pagi, kif ukoll id-diskrepanza persistenti fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel u s-segwitu limitat għar-Rakkomandazzjoni jindikaw li possibbilment hemm il-ħtieġa ta’ aktar miżuri mmirati fil-livell tal-UE. Li t-trasparenza fil-pagi ssir realtà tagħti liċ-ċittadini l-għodda biex ikunu konxji ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni li jistgħu jsofru u ttejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali fil-prattika.

    (1)

       ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23-36.

    (2)

         COM(2013) 861 finali.

    (3)

       Eurostat, 2015

    (4)

         Id-differenza fil-paga bejn is-sessi hi kkawżata minn diversi fatturi kumplessi, bħalma huma d-diskriminazzjoni, is-segregazzjoni professjonali u vertikali, livell baxx ta’ rappreżentanza tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, it-tradizzjonijiet u l-isterjotipi kif ukoll tqassim mhux indaqs tar-responsabbiltajiet tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel.

    (5)

       C(2014) 1405 finali

    (6)

       F’konformità mat-Taqsima 18 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    (7)

         26 Stat Membru (AT, BE, BG, CZ, CY, DK, EE, FI, FR, DE, EL, HR, HU, IT, LV, LT, LU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SI, ES, SE) ipprovdew informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni.

    (8)

         Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), iċ-Ċentru Ewropew ta’ Min Iħaddem u tal-Intrapriżi li jipprovdu Servizzi Pubbliċi (CEEP), il-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej (BusinessEurope), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME). F’Ġunju 2016 ġie organizzat workshop tekniku biex tkompli d-diskussjoni dwar il-kummenti tagħhom u l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti fir-Rakkomandazzjoni.

    (9)

         Kif miġbura min-Netwerk Ewropew ta’ Korpi ta’ Ugwaljanza (Equinet).

    (10)

         http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/other-institutions/good-practices/index_en.htm

    (11)

         http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/documents/160111_strategic_engagement_en.pdf

    (12)

         DE, EE, IE, ES, IT, AT, PL, RO, SK.

    (13)

         B’mod partikolari fl-Estonja.

    (14)

         Ir-Rakkomandazzjoni tistipula li l-iżvelar ta’ kull informazzjoni li tinkludi data personali skont dawn il-miżuri jenħtieġ li tiġi pprovduta skont il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari dawk li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE. Mill-25 ta’ Mejju 'l quddiem, id-data se tibda tiġi protetta abbażi tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

    (15)

         AT, BE, DE, DK, FI, FR, IE, IT, LT, SE u UK.

    (16)

         Eż. DE, FR, FI, LT, UK, SE.

    (17)

         AT, BE, FI, FR, SE.

    (18)

         L-Iżvezja.

    (19)

         IE, IT, NL.

    (20)

         Taqsima 3 tar-Rakkomandazzjoni.

    (21)

         Fejn l-informazzjoni pprovduta, tinvolvi l-iżvelar ta’ data personali, hija għandha tiġi pprovduta skont il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data

    (22)

         Il-liġi dwar il-promozzjoni tat-trasparenza fir-rigward tal-istrutturi tal-pagi, adottata fit-30 ta’ Marzu 2017.

    (23)

         Eż. f’FI jew SE wara lment dwar paga ugwali minn xi impjegat.

    (24)

       Eż. AT, EE, FI, NL, SE.

    (25)

       Eż. fl-Awstrija.

    (26)

         Taqsima 4 tar-Rakkomandazzjoni.

    (27)

       Eż. AT, BE, DE, DK, FR, IT, UK.

    (28)

         L-Att dwar l-Ugwaljanza 2010 (Informazzjoni dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri) Regolamenti 2017.

    (29)

         AT, BE, ES, FI, FR, SE.

    (30)

         Eż. HU, FR, UK.

    (31)

         IE, IT.

    (32)

         Taqsima 5 tar-Rakkomandazzjoni.

    (33)

         Taqsima 6 tar-Rakkomandazzjoni.

    (34)

         Kif ipprovdut bir-Riżoluzzjoni tal-2015 tal-ETUC, “In-negozjar kollettiv – l-istrument qawwi tagħna biex titnaqqas id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel”.

    (35)

         BE, DE, FI, FR SE.

    (36)

         AT, CY, PT.

    (37)

         Taqsimiet 7 – 17 tar-Rakkomandazzjoni.

    (38)

         Eż. CZ, DK, EE, ES, FR, NL, PL, RO, SK.

    (39)

         L-Artikolu 20 tal-Liġi Organika Nru 3/2007 tat-22 ta’ Marzu 2007 dwar l-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel jipprovdi li l-perspettiva tal-ġeneru għandha tiġi integrata b’mod effettiv fl-istatistika u fl-istudji

    (40)

    L-Att dwar il-Paga Ugwali (Taqsima 5a) fih regoli dwar l-istatistika dwar il-pagi, imqassma skont il-ġeneru. L-Att jobbliga lill-kumpaniji li jħaddmu mill-anqas 35 impjegat, li fl-istess ħin ikollhom minn tal-inqas għaxar persuni minn kull ġeneru impjegati fl-istess funzjoni professjonali, li jew kull sena jħejju statistika dwar il-pagi mqassma skont is-sess jew inkella li jaqblu mal-impjegati biex jitħejja rapport, mill-anqas kull tliet snin, dwar l-ugwaljanza fil-paga.

    (41)

         Eż. CY CZ, DE, FR, HR, HU, IE, PL, PT, RO, SK, SE u UK.

    (42)

       Ara l-Kawżi C-237/85, C-262/88, C-400/93, C-381/99, C-333/97, C-471/08, C-194/08. Ara wkoll il-Premessa 9 tad-Direttiva 2006/54/KE

    (43)

         AT, LT.

    (44)

         Eż. AT, BE, CY, IT, LT, PT, SI.

    (45)

         Eż. BE, CY, EE, ES, FR, NL, SE.

    (46)

         Eż. CY, CZ, ES, FR, LV, PL.

    (47)

         Dan huwa l-każ, pereżempju, fil-Latvja.

    (48)

         L-Artikolu 20-2.

    (49)

       Eż. AT, FI, SE.

    (50)

         Eż. BE, FR, NL.

    (51)

         Eż. EE, FI, SE.

    (52)

         Ara wkoll il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja r-Rakkomandazzjon (SWD(2014) 59 finali).

    (53)

    EIGE (2017), Economic Benefits of Gender Equality in the European Union. How closing the gender gaps in labour market activity and pay leads to economic growth, li jinkiseb minn: http://eige.europa.eu/rdc/eige-publications .

    (54)

    Ewrobarometru 465.

    Top