EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0658

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra

COM/2017/0658 final

Brussell, 8.11.2017

COM(2017) 658 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL


Valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra


1.Introduzzjoni

Dan ir-Rapport jippreżenta r-riżultati tal-valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1222/2009 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra (ir-“Regolament dwar it-tikkettar tat-tajers”). Kif meħtieġ mill-Artikolu 14 tar-Regolament, ir-reviżjoni tiffoka fuq:

·l-effettività tat-tikketta f’termini tas-sensibilizzazzjoni tal-utent aħħari, b’mod partikolari jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) kinux effettivi daqs dawk tal-Artikolu 4(1)(a) fil-kontribut għall-għanijiet tar-Regolament;

·l-informazzjoni dwar il-parametri tat-tajers li tingħata mid-distributuri (negozjanti) u mill-fornituri tal-vetturi lill-utenti aħħari;

·jekk l-iskema tat-tikkettar għandhiex tiġi estiża biex tinkludi t-tajers ittredjati mill-ġdid;

·jekk għandhomx jiġu introdotti parametri ġodda għat-tajers, bħall-għadd tal-kilometri.

Ġew indirizzati wkoll xi kwistjonijiet rilevanti oħra. Dawn jinkludu l-possibbiltà li tiġi addattata l-klassifikazzjoni tal-qabda tat-tajers li jkunu maħsubin primarjament biex f’kundizzjonijiet ta’ silġ u/jew ta’ borra jagħtu prestazzjoni aqwa minn dik ta’ tajer normali, skont l-Artikolu 11(b) tar-Regolament; il-possibbiltà li tiġi stabbilita bażi ta’ dejta għar-reġistrazzjoni; u l-ħtieġa li jiġu msaħħa l-attivatiajiet ta’ sorveljanza tas-suq.

Sar studju speċifiku 2 b’appoġġ għar-revizjoni tar-Regolament.

2.Leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar tat-tajers

Ir-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers ġie adottat bħala parti mill-isforzi għall-promozzjoni tal-mobbiltà sostenibbli.

Ir-Regolament ikopri tajers għall-vetturi tal-passiġġieri (tajers C1 3 ), tajers għall-vetturi kummerċjali ħfief (tajers C2) u tajers għall-vetturi heavy-duty (tajers C3). It-tajers ittredjati mill-ġdid, it-tajers bl-iskontri u t-tajers għal għadd ta’ applikazzjonijiet speċifiċi, pereżempju t-tajers tat-tlielaq u l-ispare tyres, huma eżenti.

Ir-Regolament jinkludi tliet parametri ta’ prestazzjoni interrelatati: l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil (abbażi tar-reżistenza għat-tidwir), il-qabda fuq l-imxarrab u l-istorbju estern tat-tidwir. Ir-Regolament jiddefinixxi klassijiet għat-tliet parametri kollha.

L-effiċjenza tat-tajers fl-użu tal-fjuwil hija ddefinita f’termini tal-Koefiċċjent tar-Reżistenza għat-Tidwir (RRC). L-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil tintwera fuq it-tikketta fuq skala ta’ kuluri minn A sa G, fejn l-aħjar klassi ta’ effiċjenza fl-użu tal-fjuwil (il-klassi A) tkun dik bl-aktar RRC baxx.

Il-prestazzjoni tas-sikurezza tat-tajers tiġi deskritta mill-qabda fuq l-imxarrab, jiġifieri l-kapaċità tat-tajer li jibbrejkja fuq toroq imxarrba. Il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab tiġi ddeterminata abbażi tal-indiċi tal-qabda fuq l-imxarrab skont skala A-G, fejn l-aħjar klassijiet ikunu dawk bl-ogħla valuri tal-indiċi tal-qabda fuq l-imxarrab.

L-istorbju estern tat-tidwir jirreferi għall-ħoss tat-tajers kif jinstema’ minn persuna fil-viċin, jiġifieri barra l-vettura. Dan jitkejjel f’decibels (dB). Il-klassi tal-istorbju estern tat-tidwir tiġi indikata fuq it-tikketta permezz ta’ “mewġiet ta’ ħoss” (minn waħda sa tlieta).

Il-livell tal-prestazzjoni għal dawn it-tliet parametri, fuq it-tikketta, jiġi ddikjarat mill-manifatturi mingħajr il-verifika minn xi parti terza.

Għat-tajers C1 u C2, il-klassijiet jintwerew fuq tikketta jew fuq stiker (tikketta bi spazju fejn jintwera l-isem tad-ditta). Għat-tliet tipi ta’ tajers kollha, l-informazzjoni dwar il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab, il-klassi tal-istorbju estern tat-tidwir u l-valur tal-istorbju mkejjel tingħata fil-materjal promozzjonali tekniku, kif ukoll fis-siti web tal-fornituri.

L-għan ewlieni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers huwa li t-trasport bit-triq isir aktar effiċjenti mil-lat ekonomiku u ambjentali, kif ukoll aktar sikur, billi jippromwovi t-tajers sikuri u effiċjenti fl-użu tal-fjuwil li jkollhom livell baxx ta’ storbju estern tat-tidwir. Għan ieħor tar-Regolament huwa li jipprovdi aktar informazzjoni lill-konsumaturi, permezz ta’ tikketta standard, sabiex jgħinhom meta jiġu biex jixtru. L-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil hija rilevanti ħafna għat-tħassib tal-UE fir-rigward tas-sikurezza tal-forniment tal-enerġija tagħha, id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni tal-enerġija u l-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.

Peress li s-settur tat-trasport jirrappreżenta terz tal-konsum tal-enerġija tal-UE, iż-żieda tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil fit-trasport bit-triq hija element importanti sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Minħabba r-reżistenza tagħhom għat-tidwir, it-tajers jirrappreżentaw 20-30 % tal-konsum tal-fjuwil mill-vettura. Għalhekk, it-tnaqqis tar-reżistenza għat-tidwir huwa importanti biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassjiet b’effett serra. Jekk il-prestazzjoni tal-qabda fuq l-imxarrab tat-tajers tkun aħjar, iseħħu inqas aċċidenti u jonqos in-numru ta’ nies li jinqatlu jew jindarbu. L-istorbju mit-toroq qed jikkawża t-tieni fattur ambjentali l-aktar perikoluż wara l-materja partikolata. Jekk fl-UE jintużaw biss tajers tal-aħjar klassi tal-istorbju estern tat-tidwir, l-impatti fuq is-saħħa relatati mal-istorbju jistgħu jonqsu.

3.L-ambitu tal-analiżi

Fl-analiżi ġie studjat jekk, mill-applikazzjoni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers, għadx fadal potenzjal ta’ titjib tal-parametri tal-prestazzjoni tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, tal-qabda fuq l-imxarrab u tal-istorbju estern tat-tidwir.

L-istudju kopra d-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni u tal-infurzar tar-Regolament fl-UE mid-data tal-applikazzjoni tiegħu f’Novembru 2012. L-investigazzjoni kienet tinkludi wkoll ir-rekwiżiti tal-akkwist pubbliku inklużi fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika 2012/27/UE 4 u li jirreferu għar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers.

L-analiżi qieset, bħala sors ta’ ispirazzjoni, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar it-Tikkettar Enerġetiku 2010/30/UE 5 kif riveduta mir-Regolament dwar it-Tikkettar Enerġetiku (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

L-investigazzjoni qieset ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar l-Approvazzjoni tat-Tip (KE) 661/2009 7 għat-tajers. Dan huwa mfassal biex jeskludi mis-suq dawk il-prodotti li jkollhom l-aktar prestazzjoni baxxa f’dawk il-parametri (ir-reżistenza għat-tidwir, il-qabda fuq l-imxarrab u l-istorbju estern tat-tidwir).

B’mod partikolari, l-analiżi ffokat fuq dawn il-kwistjonijiet:

1.kemm tjiebet il-prestazzjoni medja tas-suq minn meta r-Regolament beda japplika;

2.l-effettività tat-tikketta f’termini tas-sensibilizzazzjoni tal-utent aħħari u tat-titjib tal-effiċjenza enerġetika, tal-qabda fuq l-imxarrab u tal-impatt tal-istorbju;

3.iċ-ċarezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni dwar il-parametri li tingħata mill-fornituri u mid-distributuri tal-vetturi lill-utenti aħħarin; it-titjib fl-informazzjoni ta’ qabel il-bejgħ, inkluż il-viżibbiltà tat-tikketta;

4.l-eżenzjoni ta’ ċerti tipi ta’ tajers (tajers ittredjati mill-ġdid u tajers bl-iskontri) mill-iskema tat-tikkettar;

5.in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ parametri oħra tat-tajers, bħall-għadd tal-kilometri u t-therriq;

6.in-nuqqas ta’ inklużjoni tas-sistema tal-klassifikazzjoni tal-qabda tat-tajers għat-tajers iddisinjati primarjament biex f’kundizzjonijiet ta’ silġ u/jew ta’ borra jagħtu prestazzjoni aqwa;

7.il-ħolqien ta’ bażi tad-dejta għar-reġistrazzjoni;

8.is-sorveljanza tas-suq u l-infurzar.

4.Riżultati

4.1. L-iżvilupp tas-suq

Ir-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers ilu japplika minn Novembru 2012. Fir-rigward tal-“effiċjenza fl-użu tal-fjuwil” u tal-“qabda fuq l-imxarrab”, bejn l-2013 u l-2015 is-suq indika xejra pożittiva lejn prestazzjoni aqwa tat-tajers, parti minnha minħabba l-impatt tat-tikketta. Madankollu, din ix-xejra kienet tinħass inqas fir-rigward tal-“istorbju estern tat-tidwir”.

Bejn l-2013 u l-2015, kemm il-medja tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil kif ukoll dik tal-qabda fuq l-imxarrab tjiebu għat-tipi tat-tajers kollha.

Għall-klassijiet tal-aħjar effiċjenza enerġetika (A u B), il-penetrazzjoni tas-suq għadha baxxa ħafna (<1 % għat-tipi tat-tajers kollha) Dan jindika li għad fadal potenzjal kbir għal titjib.

Fir-rigward tal-qabda fuq l-imxarrab, il-proporzjon tas-suq tal-klassi B huwa għoli għat-tipi tat-tajers kollha (aktar minn 40 %) u sodisfaċenti għall-klassi A (madwar 15 %).

Fir-rigward tal-istorbju estern tat-tidwir, ma kien hemm ebda titjib bejn l-2013 u l-2015, l-aktar minħabba li l-industrija tat aktar importanza għat-titjib tal-parametri l-oħra. Dan minħabba li l-istorbju estern tat-tidwir huwa meqjus bħala l-inqas parametru importanti għall-utenti aħħarin, kif intwera mill-istħarriġ imwettaq bħala parti mill-istudju b’appoġġ għar-revizjoni.

Barra minn hekk, inqas minn 0.5 % tat-tajers li jitqiegħdu fis-suq jingħataw it-tikketta A kemm għall-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil kif ukoll għall-qbid fuq l-imxarrab minħabba l-ispejjeż ogħla u l-kompromess tekniku bejn iż-żewġ parametri.

L-impatt tal-iskema tat-tikkettar sal-2020 ġie stmat li jkun ta’ 35 PJ 8 (jew 0.8 Mtoe 9 ) kull sena bi ffrankar korrispondenti fl-emissjonijiet ta’ CO2 ta’ 2.5 Mton kull sena 10 .

4.2.Is-sensibilizzazzjoni tal-utenti u l-fehim tat-tikketta

L-istħarriġ fost il-konsumaturi li twettaq bħala parti mill-istudju b’appoġġ għar-reviżjoni wera li aktar minn nofs is-sidien tal-vetturi ma kinux jafu bit-tikketta tat-tajers.

Barra minn hekk, l-utenti aħħarin ta’ tajers C2 u C3 u xi utenti aħħarin ta’ tajers C1 rari jixtru t-tajers direttament, peress li jiksbuhom bħala parti minn kuntratti ta’ kiri jew ta’ ftehim dwar flotot ta’ vetturi.

Il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni jistgħu jinkludu referenza għall-kalkulatur tal-iffrankar tal-fjuwil fis-sit web tal-Kummissjoni tal-UE 11 li jippermetti lill-utenti aħħarin jikkalkulaw l-iffrankar potenzjali ta’ fjuwil tagħhom skont it-tip ta’ tajer.

Kwistjoni oħra ta’ sensibilizzazzjoni tikkonċerna r-rekwiżiti tal-akkwist pubbliku inklużi fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika 2012/27/UE, għalkemm dan ma ġiex indikat b’mod speċifiku fl-istħarriġ. Sabiex jippromwovu t-tajers b’effiċjenza enerġetika, huwa importanti li l-Istati Membri jiżguraw li l-amministrazzjonijiet ċentrali tagħhom ikunu konxji tal-ħtieġa li jixtru tajers tal-ogħla klassi ta’ effiċjenza enerġetika. Jeħtieġ li dawn jinkludu wkoll dan l-aspett fl-offerti tagħhom għall-kuntratti ta’ servizzi skont ir-rekwiżit imsemmi fl-Anness III tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika 2012/27/UE.

L-istħarriġ wera wkoll il-progress kontinwu fis-sensibilizzazzjoni tal-utent u fil-fehim tat-tikketta.

B’mod ġenerali, il-konsumaturi jifhmu t-tikketta tat-tajer sew. Meta ntwerew it-tikketta, il-konsumaturi kienu kapaċi jifhmu l-informazzjoni indikata, minkejja li ma kinux familjari magħha minn qabel. Ir-rispondenti kklassifikaw il-pittogramma dwar l-istorbju estern tat-tidwir bħala l-inqas faċli biex jifhmuha (rata ta’ fehim ta’ 60%), filwaqt li dik dwar il-qabda fuq l-imxarrab ġiet ikklassifikata l-iżjed faċli biex tinftiehem (81%) u l-parametru tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil ġie kklassifikat bejn dawn it-tnejn (73%).

L-istħarriġ wera li l-iżjed ħaġa importanti għall-konsumaturi meta jixtru t-tajers hija s-sikurezza. Għalhekk, il-maġġoranza tal-konsumaturi huma tal-fehma li l-iktar parametru importanti tat-tikkettar huwa dak tal-qabda fuq l-imxarrab. Anki meta jitqiesu parametri li ma jinsabux fuq it-tikketta (bħall-prezz u l-marka), il-qabda fuq l-imxarrab jibqa’ l-iktar parametru importanti, u warajh jiġi l-prezz.

L-industrija, in-negozjanti u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jirrakkomandaw li jiġu organizzati kampanji ta’ promozzjoni tat-tikketta biex jiżdied l-għarfien dwarha mal-konsumaturi u biex tiġi spjegata t-tifsira tagħha. Il-gruppi fil-mira għandhom ikunu l-utenti aħħarin tat-tajers C1, C2 u C3. Iżda l-iktar importanti huma l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li għandhom fil-mira l-utenti aħħarin tat-tajers C1, billi dawn jirrappreżentaw l-akbar proporzjon ta’ bejgħ tat-tajers.

Il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni jistgħu jiġu organizzati f’livell nazzjonali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkella fil-livell tal-UE mill-Kummissjoni, jew fiż-żewġ livelli li huma. Ikun ta’ vantaġġ jekk fil-kampanja jiddaħħlu l-fornituri u d-distributuri tat-tajers biex l-utenti aħħarin jintlaħqu b’mod aktar effettiv. Għadd ta’ Stati Membri diġà ffaċilitaw il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar it-tikketta tat-tajers, jew għandhom ħsieb li jagħmlu hekk. U jeħtieġ li jitqiesu l-esperjenzi u r-rakkomandazzjonijiet li ttieħdu minn dawn il-kampanji.

4.3. Il-preċiżjoni tal-informazzjoni, it-titjib tal-informazzjoni li tingħata qabel il-bejgħ

B’mod ġenerali, il-konsumaturi huma tal-fehma li t-tikketta hija utli u ċara. Għadd kbir ta’ konsumaturi jafdaw ħafna, jew jafdaw mhux ħażin l-informazzjoni li hemm fuq it-tikketta. Ħafna konsumaturi indikaw li kieku jkun hemm aktar kontroll fuq is-suq u aktar sanzjonijiet fuq nuqqasijiet ta’ konformità, il-fiduċja tagħhom tiżdied. Dan jaqbel ukoll mar-risposti kemm tal-fornituri tat-tajers, kif ukoll tal-assoċjazzjonijiet tan-negozjanti, li wkoll talbu li jkun hemm aktar sorveljanza tas-suq.

Dwar il-preċiżjoni tal-informazzjoni, jeħtieġ li ngħidu li diversi organizzazzjonijiet tal-konsumaturi esprimew xi tħassib dwar it-tikketta tat-tajers tal-UE. Dawn stqarru li t-tikketta tal-UE teżaġera l-prestazzjoni tat-tajers u li l-valuri huma differenti minn dawk tat-testijiet li jagħmlu huma. Iżda ma speċifikawx jekk din id-differenza tapplikax għat-tliet parametri kollha jew għal wieħed jew tnejn biss. Huma kkritikaw ukoll il-fatt li t-tikketta tat-tajers tal-UE tiġi dderivata minn proċess ta’ “awtodikjarazzjoni”, u għaldaqstant ma għandhiex ċertifikazzjoni minn parti terza.

Barra minn hekk, ħafna konsumaturi jitolbu aktar informazzjoni fil-forma ta’ ttestjar indipendenti min-naħa tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jew tal-awtoritajiet, jew fil-forma ta’ bażi tad-dejta pubblika li tkun turi d-dejta tat-tajers tal-iskema tat-tikkettar.

Il-maġġoranza tal-konsumaturi jixtru t-tajers mill-ħwienet tat-tajers jew mingħand il-ħwienet tax-xogħol tal-karrozzi, iżda madwar terz minnhom biss intwerew it-tajers qabel l-iżjed xirja riċenti tagħhom. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq (MSAs) li jwettqu l-ispezzjonijiet fuq il-ħwienet osservaw li ftit huma l-mudelli tat-tajers għall-wirja fil-punti tal-bejgħ, filwaqt li l-kumplament jinżammu fl-istokk. Dan jissuġġerixxi li ħafna drabi l-konsumaturi ma jarawx it-tajers qabel ma jixtruhom, u għaldaqstant lanqas ma jaraw it-tikketti. U billi l-prestazzjoni tat-tajers tmajna huma u jiqdiemu, anki meta dawn ikunu għadhom fuq l-ixkaffa, tista’ tiġi kkunsidrata l-idea li l-konsumatur jiġi infurmat dwar id-data tal-manifattura, pereżempju fuq l-iskeda informattiva dwar il-prodott, li tista’ tagħti wkoll l-indikazzjonijiet dwar id-degradazzjoni medja tal-prestazzjoni li wieħed jista’ jistenna.

Dawn il-prattiki ma jikkonformawx mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament, fejn skont dan, id-distributuri jridu jagħtu l-informazzjoni lill-utenti aħħarin dwar il-parametri tal-prestazzjoni fuq it-tikketta meta t-tajers li jkunu għall-bejgħ ma jkunux murija lill-utent aħħari. Għalhekk ta’ min wieħed jikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet jitwessgħu u jiġu ċċarati biex ikun aċċertat li l-informazzjoni ta’ fuq it-tikketta tingħata qabel il-bejgħ.

Jenħtieġ li l-fornituri u d-distributuri tat-tajers jiġu obbligati li jipprovdu l-informazzjoni ta’ fuq it-tikketti tat-tajers għal dawk it-tipi ta’ tajers li jkunu se jitwaħħlu mal-vettura. Dan irid jinkludi sitwazzjonijiet meta l-utent aħħari ma jingħatax għażla fost tajers differenti li jistgħu jitwaħħlu ma’ vettura li tkun għall-bejgħ. Pereżempju, din l-informazzjoni tista’ tkun inkluża mal-materjal promozzjonali tekniku li jingħata l-utent aħħari.

Fil-punt tal-bejgħ, it-tikketti tat-tajers jistgħu jintwerew jew bħala tabella stampata li titpoġġa viċin it-tajer, jew bħala stiker fuq it-tajer. Il-maġġoranza tal-konsumaturi huma tal-fehma li l-istiker fuq it-tajer hija l-iżjed li tidher ċar. Madankollu, ir-rilevanza ta’ kif tintwera t-tikketta tiddgħajjef mill-fatt li l-maġġoranza tat-tajers ma jitpoġġewx għall-wiri.

Il-proporzjon ta’ xiri tat-tajers minn fuq l-internet qed jiżdied, skont ma juri l-istħarriġ. Għaldaqstant qed isir dejjem aktar importanti li jintwerew it-tikketta u l-informazzjoni rilevanti meta t-tajers jinbiegħu online.

4.4. In-nuqqas ta’ kopertura ta’ ċerti tipi ta’ tajers (tajers ittredjati mill-ġdid u tajers bl-iskontri)

It-tajers ittredjati mill-ġdid

L-ittredjar mill-ġdid tat-tajers huwa proċess li jintuża biex itawwal il-ħajja tat-tajers użati. Meta tajer jiġi ttredjat mill-ġdid, it-tred il-mikul jinbidel b’wieħed ġdid. Dan it-tibdil jista’ jibqa’ jsir kemm-il darba tibqa’ tajba l-integrità tal-qoxra tat-tajer. L-ittreddjar mill-ġdid jiswa għall-iffrankar kemm tal-enerġija kif ukoll tal-materjal.

Il-prestazzjoni tat-tajers ittredjati mill-ġdid hija ddeterminata mill-kombinazzjoni tal-qoxra, tat-tred, u tal-proċess li jintuża għall-ittredjar mill-ġdid. L-ikbar sfida għall-inklużjoni tat-tajers ittredjati mill-ġdid fl-iskema tat-tikkettar hija l-ħtieġa li jiġu stabbiliti t-tliet parametri tal-prestazzjoni għat-tikkettar (l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, il-qabda fuq l-imxarrab u istorbju estern tat-tidwir) għal kull kombinazzjoni. Billi t-tajers ittredjati mill-ġdid jiġu prodotti f’sensieli żgħar, l-ispiża tal-ittestjar ta’ kull kombinazzjoni tirrendi n-negozju tal-ittredjar mill-ġdid mhux fattibbli mil-lat ekonomiku, partikolarment għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju.

Il-metodi tal-kejl u l-għodod għall-kalkolu tal-parametri tal-prestazzjoni għat-tikketta għat-tajers C3 ttredjati mill-ġdid qed jiġu żviluppati.

Jeħtieġ li ssir valutazzjoni dettaljata ta’ dawn il-metodi u l-għodod qabel ma nikkunsidraw jekk it-tajers C3 ttredjati għandhomx jiddaħħlu mill-ġdid fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers. Ix-xogħol ta’ valutazzjoni għandu jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bħall-industrija tat-tajers, il-kumpaniji tal-ittredjar mill-ġdid, l-MSAs u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti.

It-tajers bl-iskontri

L-iżjed li jintużaw it-tajers bl-iskontri huwa fil-Finlandja, fl-Iżvizzera, u fin-Norveġja, fejn jagħmlu 12% tas-suq tat-tajers (imqabbel ma’ 0.25% fil-bqija tal-UE). L-użu tat-tajers bl-iskontri huwa pprojbit f’ħafna mill-Istati Membri, u fil-biċċa l-kbira tal-oħrajn, l-użu tagħhom huwa ristrett għax-xhur tax-xitwa. Dan il-proporzjon żgħir tas-suq jillimita l-potenzjal tal-iffrankar tal-fjuwil u ma jiġġustifikax li dawn it-tajers jiddaħħlu fl-iskema tat-tikkettar tat-tajers. Barra minn hekk, l-iktar kwistjoni importanti ambjentali li tirriżulta mill-użu tat-tajers bl-iskontri hija t-tniġġiż bil-partikoli hekk kif it-tajers jitmermru bl-użu. Minħabba f’hekk il-pajjiżi Nordiċi rregolaw id-disinn ta’ dawn it-tajers biex l-impatt tagħhom jiġi llimitat.

Bl-istandards tat-testijiet attwali, mhuwiex possibbli li jiġu ttestjati r-reżistenza għat-tidwir u l-qabda fuq l-imxarrab. Kemm fit-test tar-reżistenza għat-tidwir, kif ukoll fit-test tal-qabda fuq l-imxarrab, il-ħruxija tal-wiċċ permessa hija limitata (kemm jekk it-test isir fuq it-triq, kif ukoll jekk isir fuq magna tat-tidwir tat-tajers). Jekk jintużaw l-iskontri fuq dawn l-uċuħ għat-test, l-uċuħ tant jitħassru li ma jibqgħux jikkonformaw mal-istandards tat-testijiet.

4.5. L-għadd tal-kilometri u t-therriq tat-tajers

L-għadd tal-kilometri

L-impatt ambjentali u l-impatt ekonomiku taż-żieda fl-għadd ta’ kilometri li jservi tajer jiddependu biss fuq kemm dan jaffettwa r-reżistenza għat-tidwir. Jekk jinkiseb għadd ta’ kilometri ikbar a skapitu ta’ iktar reżistenza għat-tidwir, x’aktarx li l-impatti jkunu negattivi minħabba żieda fil-konsum tal-fjuwil meta jintużaw it-tajers. Barra minn hekk jeżisti wkoll ir-riskju li l-qabda fuq l-imxarrabb tiddgħajjef.

L-għadd tal-kilometri huwa parametru importanti għall-utenti aħħarin, iżda mhuwiex fattibbli li dan jiddaħħal fil-preżent billi ma jeżistix metodu tal-ittestjar standardizzat affidabbli, preċiż u riproduċibbli biex jiġi identifikat l-għadd tal-kilometri li jistgħu jagħmlu t-tajers. Għad irid jiġi żviluppat dan il-metodu biex jipprovdi din l-informazzjoni importanti lill-konsumaturi, madankollu huwa magħruf li l-għadd tal-kilometri mkejjel permezz ta’ metodu tal-ittestjar standardizzat jista’ jvarja b’mod sinifikanti mill-għadd tal-kilometri li realment josservaw il-konsumaturi fis-sitwazzjoni vera. Jekk jiġri hekk, hemm ir-riskju li l-konsumaturi ma jibqgħux jafdaw fit-tikketta.

Filwaqt li l-għadd tal-kilometri huwa marbut direttament mal-ħsara għat-tred li tiġi bl-użu (u li tista’ tiddependi mill-pressjoni tat-tajers, mit-tip ta’ wiċċ tat-triq, mit-tagħbija u mill-istil tas-sewqan), it-tajers jiddegradaw bl-età wkoll, jew minħabba l-esponiment għad-dawl tax-xemx (UV), għas-sħana, għax-xita, eċċ. Għaldaqstant, id-durabbiltà tat-tajers tiddependi wkoll mill-esponiment għall-klima ta’ fejn jintużaw, u mis-severità tagħha, li madankollu huwa veru wkoll għal parametri oħrajn li huma rrappurtati fuq it-tikketta, bħall-ekonomija fl-użu tal-fuwil.

Għalhekk, jenħtieġ li l-konsumaturi jitgħarrfu dwar il-kawżi potenzjali ta’ dawn il-varjazzjonijiet u dwar kif wieħed jista’ jnaqqashom (aktar kontroll tal-infiħ, l-istil tas-sewqan, eċċ.) biex tinżamm il-fiduċja fit-tikketta.

L-istandards tal-klassifikazzjoni uniformi tal-kwalità tat-tajers (Uniform Tyre Quality Grading - UTQG) huma l-uniku metodu tal-ittestjar standardizzat, u dan japplika biss għat-tajers C1. B’dan il-metodu ta’ ttestjar it-tajers iridu jintużaw fuq total ta’ 7 200 mil (11 600 km), u għalhekk huwa għali ħafna (tista’ titqies metodoloġija ta’ ttestjar f’laboratorju, li tkun iżjed ekonomika). L-għadd tal-kilometri mkejla jvarjaw mill-għadd tal-kilometri li josservaw fir-realtà l-utenti aħħarin, għaliex fatturi esterni bħall-pressjoni tat-tajers, il-wiċċ tat-triq, it-tagħbija u l-istil tas-sewqan jista’ jkollhom influwenza kbira fuq kemm jittieklu t-tajers u fuq l-għadd tal-kilometri li jagħmlu.

L-industrija u l-MSAs kollha jaqblu li mhuwiex possibbli li l-għadd tal-kilometri jitkejjel bil-preċiżjoni li jeħtieġ it-tikkettar, u l-MSAs mhumiex tal-fehma li huwa possibbli li ssir sorveljanza tas-suq għal dan ir-rekwiżit. Barra minn hekk, l-industrija tat-tajers, l-MSAs u l-organizzazzjonijiet tat-tajers kollha jaqblu li jekk l-għadd tal-kilometri jiddaħħal bħala parametru fl-iskema tat-tikkettar tat-tajers, dan jiġi jiswa ħafna u ma jgħinx lill-konsumaturi jagħżlu l-aħjar tajers. Madankollu, din il-kwistjoni, li hija marbuta strettament mat-tmermir tat-tajers tista’ tiġi studjata aktar fid-dettall fir-reviżjoni li ġejja tar-Regolament.

It-therriq tat-tajers

It-therriq tat-tajers, li huwa t-tneħħija ta’ materjal mit-tajer meta dan jiġi f’kuntatt mal-wiċċ tat-triq, huwa marbut mal-għadd tal-kilometri tat-tajers. Il-materjal mherri, imsemmi partikoli mit-therriq tat-tajers mat-triq (Tyre Road Wear Particles - TRWP), jikkontribwixxi għat-tniġġiż tal-arja bil-partikulati. Billi sorsi oħrajn tat-tniġġiż, bħall-emissjonijiet mill-vetturi, qegħdin jiġu rregolati, l-importanza relattiva tat-TRWP x’aktarx se tiżdied. Iżda l-kontribut tat-TRWP għat-tniġġiż tal-arja u għat-tniġġiż tal-ibħra bil-mikroplastik għadu mhux magħruf sew, u għadu ma ġiex żviluppat metodu standardizzat tal-kejl tiegħu. Għadd ta’ studji riċenti jindikaw li t-tajers huma sors potenzjalment importanti tat-tniġġiż tal-ibħra bil-mikroplastik 12 .

Bħal fil-każ tal-għadd tal-kilometri, it-therriq tat-tajers jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq fatturi esterni (jiġifieri l-pressjoni tat-tajers, il-wiċċ tat-triq, it-tagħbija, l-istil ta’ sewqan, eċċ.). Ma hemmx garanziji li l-iskema tat-tikkettar tat-tajers hija xierqa biex jiġu rregolati l-emissjonijiet tat-TRWP. Madankollu, din il-kwistjoni tista’ tiġi studjata aktar fid-dettall fir-reviżjoni li ġejja tar-Regolament. Din jenħtieġ li tqis it-tħassib li qed jikber dwar it-tniġġiż tal-arja u l-mikroplastik fl-ibħra u l-konsegwenzi ta’ dawn għall-ambejnt u għas-saħħa tal-bniedem.

Il-kontenut kimiku tal-materjal tat-tajers, li huwa element importanti fl-effetti tat-TRWP fuq is-saħħa, diġà huwa rregolat permezz tar-Regolament REACH 13 .

Barra minn hekk, huwa rilevanti li ngħidu li din il-kwistjoni tista’ tiġi studjata wkoll fil-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip għat-tajers 14 .

4.6. Il-qabda fil-borra u l-qabda fuq is-silġ

Fl-iskema tat-tikkettar tat-tajers, l-indiċi tal-qabda fuq l-imxarrab tintuża bħala kejl tas-sikurezza. Iżda dan iġib miegħu r-riskju li l-konsumaturi li jixtru t-tajers għall-kundizzjonijiet xitwin jitqarrqu għaliex it-tajers li huma maħsubin biex ikollhom prestazzjoni aqwa fil-borra u fuq is-silġ ta’ spiss ikollhom qabda aktar dgħajfa fuq l-imxarrab mit-tajers standard tas-sajf 15 . Jekk tiddaħħal il-prestazzjoni fil-borra u fuq is-silġ fl-iskema tat-tikkettar, dan ikun jindirizza tħassib dwar is-sikurezza u jipprovdi informazzjoni aktar sħiħa lill-konsumaturi li fl-aħħar mill-aħħar twassal għal aktar fiduċja fit-tikketta, speċjalment fir-reġjuni Nordiċi. F’dan il-kuntest jista’ jitqies ukoll li l-konsumatur jiġi infurmat ukoll dwar l-importanza tal-età tat-tajer, billi l-prestazzjoni tat-tajers f’temperaturi baxxi tonqos ħafna biż-żmien.

It-terminu “tajer għall-borra” huwa ddefinit fir-Regolament (KE) 661/2009 u fir-Regolament 117 tal-UNECE bħala “tajer li d-disinn tal-irfis, il-kompożizzjoni jew l-istruttura tiegħu huma primarjament iddisinjati li jwettqu f’kundizzjonijiet ta’ silġ prestazzjoni aħjar minn dik ta’ tajer normali f’dak li għandu x’jaqsam mal-bidu jew iż-żamma tas-sewqan tal-vettura”. Dawn it-tajers jista’ jkollhom il-marka “M+S” fuq it-tikketta, din hija awtodikjarazzjoni tal-manifattur għat-tajers li suppost għandhom prestazzjoni tajba aktar mill-oħrajn meta jintużaw fit-tajn u/jew fil-borra. Iżda fil-preżent mhumiex meħtieġa aktar rekwiżiti jew testijiet tal-prestazzjoni tat-tajers biex dawn jingħataw il-marka “M+S” .

It-terminu “tajer għall-borra fonda” huwa ddefinit ukoll fir-Regolament 117 tal-UNECE bħala “tajer għall-borra li d-disinn fil-kompożizzjoni tal-parti tat-tajer li tmiss l-art, il-kompost fil-kompożizzjoni tal-parti tat-tajer li tmiss l-art jew l-istruttura tiegħu huwa primarjament iddisinjat sabiex jintuża f’kundizzjonijiet ta’ borra fonda” u li jissodisfa ċerti rekwiżiti biex ikollu fuqu l-marka 3-PMSF (3 Peak Mountain Snow Flake) mal-ġenb tiegħu. Dawn it-tajers huma magħrufin ukoll bħala “tajers tax-xitwa” u l-użu tagħhom huwa obbligatorju f’diversi Stati Membri fil-kundizzjonijiet xitwin.

Iż-żewġ termini “tajer għall-borra” u “tajer għall-borra fonda” japplikaw għat-tipi kollha ta’ tajers C1, C2 u C3 indaqs. Kategorija oħra ta’ tajers għall-kundizzjonijiet xitwin hija “tajers għax-xitwa Nordika”, li huma tajers mingħajr skontri maħsubin għall-użu fuq is-silġ u f’kundizzjonijiet ta’ silġ imxarrab. Fil-preżent ma hemmx definizzjoni legali tat-tajers għax-xitwa Nordika, iżda standard tal-ISO għal test tal-prestazzjoni fuq is-silġ li hu simili għat-test tal-prestazzjoni li jintuża għat-tajers għall-borra fonda qed jitħejja bħalissa u huwa mistenni li jitlesta fl-2017. It-test tal-prestazzjoni fuq is-silġ japplika biss għat-tajers tat-tip C1.

Għall-prestazzjoni tal-qabda fil-borra, it-test u l-marka tat-3-PMSF huma l-aħjar soluzzjoni għaliex dawn diġà jintużaw ħafna mill-industrija tat-tajers u b’hekk ikunu jinvolvu spejjeż tal-implimentazzjoni baxxi. Din l-informazzjoni addizzjonali tikkompensa għall-grad normalment fjakk, tan-nofs tal-klassifika tal-qabda fuq l-imxarrab fuq it-tikketta tal-UE.

Għat-“tajers tax-xitwa Nordika” (jiġifieri tajers għal kundizzjonijiet bis-silġ), l-istandard tal-ISO mistenni, flimkien ma’ valur ta’ limitu u pittogramma korrispondenti, jista’ wkoll ikun soluzzjoni utli. Dan it-tip ta’ tajers ħafna drabi fuq it-tikketta jkollhom il-valuri l-iżjed baxxi tal-qabda fuq l-imxarrab.

Fiż-żewġ każijiet (tajers għall-użu fil-borra u tajers għall-użu fuq is-silġ), jekk se jkun hemm informazzjoni addizzjonali fuq it-tikketta, din trid tapplika biss għat-tajers li jiġu ċċertifikati minn parti terza wara li jiġu ttestjati bil-proċedura standard tat-testijiet. Dan huwa meħtieġ biex tinżamm u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fit-tikketta.

4.7.Bażi tad-dejta tar-reġistrazzjoni

L-istudju b’appoġġ għar-reviżjoni investiga kemm jixraq li titwaqqaf bażi tad-dejta tar-reġistrazzjoni fil-livell tal-UE għat-tikketti tat-tajers u għad-dokumentazzjoni teknika relatata, biex jitjieb l-infurzar. Permezz tal-analiżi nstab li din il-bażi tad-dejta tista’ tkun utli biex tipprovdi l-informazzjoni dwar is-suq għad-deċiżjonijiet ta’ politika u biex tiffaċilita s-sorveljanza tas-suq, u tista’ sservi bħala għodda għall-informazzjoni tal-konsumaturi. Tista’ wkoll tkun strument tajjeb biex tinkiseb aktar trasparenza dwar il-metodi u l-kundizzjonijiet tal-ittestjar li jużaw il-fornituri, li skont uħud mill-MSAs fil-preżent hija nieqsa. Għall-utenti aħħarin, bażi tad-dejta tar-reġistrazzjoni tista’ tipprovdi l-informazzjoni dwar il-parametri tat-tikkettar għal qabel ix-xiri.

Kwalunkwe bażi tad-dejta li titwaqqaf ikollha tikkumplimenta l-bażi tad-dejta tas-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS) 16 li tkopri l-prodotti fiċ-ċirkolazzjoni fl-UE li mhumiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti, kif ukoll tikkumplimenta l-bażi tad-dejta li se tiġi stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2017/1369 dwar it-Tikkettar tal-Enerġija rivedut. Il-konsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ bażi tad-dejta għat-tajers tgawdi mill-esperjenza tal-bażi tad-dejta dwar it-tikkettar tal-enerġija li se titwaqqaf.

4.8. Is-sorveljanza tas-suq u l-infurzar

L-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, liema Stati huma responsabbli mit-twettiq tas-sorveljanza. L-iktar tip ta’ sorveljanza tas-suq komuni huwa fil-forma ta’ spezzjonijiet fil-“post tal-bejgħ”. Xi awtoritajiet spezzjonaw id-dokumentazzjoni teknika, iżda għadd żgħir ħafna ta’ awtoritajiet wettqu t-testijiet fil-laboratorju biex jivverifikaw il-valuri tat-tikketti. Skont l-MSAs, l-ikbar diffikultajiet biex isiru t-testijiet fuq it-tajers fil-laboratorju huma l-ispejjeż kbar u l-fatt li hemm għadd żgħir wisq ta’ faċilitajiet tal-ittestjar akkreditati.

Il-livell baxx ta’ sorveljanza tas-suq idgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi u ta l-impressjoni lill-bejjiegħa li t-tikkettar tat-tajers huwa priorità baxxa għall-awtoritajiet.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri jaraw l-azzjoni konġunta u kofinanzjata tal-programm tat-testijiet għat-tikkettar tat-tajers 17 tal-UE bħala opportunità biex jibdew jagħmlu t-testijiet fil-laboratorju fuq it-tajers. L-għan tal-azzjoni konġunta huwa kemm biex tinkiseb aktar dejta mit-testijiet, kif ukoll biex jiġu żviluppati l-aħjar prattiki għall-ittestjar tas-sorveljanza tas-suq.

Xi testijiet fuq it-tajers imwettqa mill-MSAs urew li r-riżultati jistgħu jkunu differenti minn dawk tal-valuri tat-tikketti, anki meta ġie ttestjat l-istess mudell ta’ tajer fuq korsi tat-testijiet akkreditati u f’laboratorji differenti, mingħajr ma seta’ jiġi identifikat eżattament jekk il-kwistjoni kinitx l-istess għat-tliet parametri li huma jew għal xi wħud minnhom biss. Din l-istess kwistjoni ġiet irrappurtata minn ħafna megezins tal-karrozzi u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li wettqu t-testijiet. Mingħajr ma jistgħu jikkwantifikaw ir-raġunijiet diversi, l-MSAs jemmnu li parti kbira minn din il-kwistjoni tista’ tkun minħabba:

·il-metodu tal-kejl stess (b’mod partikolari għall-qabda fuq l-imxarrab);

·il-kundizzjonijiet differenti li fihom twettqu t-testijiet;

·l-applikazzjoni mhux korretta tal-metodi tal-ittestjar; u

·nuqqas ta’ trasparenza fil-kundizzjonijiet li ntużaw għat-testijiet u biex jiġu kkalkulati l-valuri tat-tikketti.

L-esperjenza li nkisbet mill-industrija u mill-MSAs s’issa fuq l-istandards tal-qabda fuq l-imxarrab turi opportunità biex tittejjeb iktar il-preċiżjoni tal-metodu tal-ittestjar. Dan pereżempju jista’ jinkiseb permezz ta’ rieżami tas-sett tal-firxa tal-kundizzjonijiet tal-ittestjar u/jew rieżami tal-formuli matematiċi li jippermettu li r-riżultati jiġu jaqblu meta t-testijiet jitwettqu f’kundizzjonijiet differenti, pereżempju minħabba postijiet differenti fejn isiru t-testijiet, jew żminijiet differenti fis-sena. Dan huwa aspett importanti li jrid jiġi indirizzat fil-futur meta wieħed iqis li s-sikurezza hija l-iktar ħaġa importanti għall-konsumaturi meta jkunu qegħdin jixtru t-tajers. Il-qagħda hija inqas sensittiva rigward it-testijiet tal-istorbju u tar-reżistenza għat-tidwir. Biex titkejjel ir-reżistenza għat-tidwir tat-tajers (li tagħti indikazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil), twaqqaf netwerk ta’ “laboratorji ta’ referenza” 18 biex tittejjeb kemm jista’ jkun il-preċiżjoni u r-reproduċibbiltà tar-riżultati permezz ta’ proċedura li tallinja l-magni tal-ittestjar.

Ir-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers stess ma jinkludix dispożizzjonijiet dettaljati dwar is-sorveljanza tas-suq u l-infurzar. Flok hekk, ir-Regolament jirreferi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 765/2008 19 , li jinkludi r-regoli ġenerali tas-sorveljanza tas-suq u l-kontrolli fuq il-prodotti li jidħlu fis-suq tal-UE. Dan huwa differenti mill-każ tar-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija, ir-Regolament (UE) 2017/1369, li fih dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar is-sorveljanza tas-suq, barra minn dawk li hemm fir-Regolament (KE) 765/2008. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija jeħtieġ li jkun fihom deskrizzjoni dettaljata tal-kontenut u tad-dokumentazzjoni teknika li jridu jitolbu l-MSAs biex iwettqu s-sorveljanza tas-suq.

Minkejja li d-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar huma inqas dettaljati fir-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers, b’mod ġenerali l-MSAs ma jirrappurtawx nuqqas ta’ setgħa li jwettqu l-ispezzjonijiet u japplikaw is-sanzjonijiet dwar l-iskema tat-tikkettar tat-tajers.

L-MSAs u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jagħtu iżjed każ tal-ispejjeż tal-ittestjar, ta’ metodi tal-ittestjar li mhumiex ċari, u ta’ riżultati tat-testijiet li mhumiex preċiżi.

5.Konklużjonijiet

L-istudju b’appoġġ għar-reviżjoni enfasizza l-potenzjal li jeżisti biex il-leġiżlazzjoni attwali tiġi ssimplifikata u ssir aktar effikaċi. B’mod partikolari, hemm potenzjal kbir li jsir aktar iffrankar ta’ fjuwil, u l-aspetti dwar is-sikurezza fit-triq u l-istorbju tat-tidwir ukoll jistgħu jittejbu iżjed. .

L-istudju b’appoġġ għar-reviżjoni - u l-intervisti li saru għalih ma’ fornituri u distributuri (negozjanti) tat-tajers, mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u ma’ NGOs ambjentalisti - wera għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jtejbu r-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu.

Hemm lok għal aktar ċarezza, preċiżjoni, affidabbiltà u rappreżentatività fit-tikketta u għal infurzar aħjar min-naħa tal-Istati Membri. Pereżempju dan jista’ jsir billi jiġu rfinuti t-testijiet tal-kejl, billi tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq u billi jitqiesu alternattivi oħrajn.

Fost l-utenti aħħarin hemm nuqqas ta’ għarfien u hemm ħafna aspetti oħrajn li jistgħu jwasslu għal iffrankar kbir ta’ enerġija filwaqt li jevitaw żieda sproporzjonata fl-ispejjeż u fil-kumplessità tal-iskema.

L-impatt potenzjali huwa kbir. Jekk jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġew identifikati f’dan ir-rapport, is-suq jista’ jevolvi aktar fid-direzzjoni ta’ tajers bi prestazzjoni aħjar. Kieku sal-2030 it-tipi kollha tat-tajers kellhom iwasslu għal effiċjenza fl-użu tal-fjuwil tal-klassi B (minflok għall-klassi C, kif inhu previst fil-preżent), l-iffrankar potenzjali tal-fjuwils jista’ jasal sal-livell ta’ 256 PJ (jew 6.1 Mtoe) fis-sena fl-2030, li jfissru ffrankar ta’ emissjonijiet ta’ 18.6 Mton CO2 fis-sena.

Il-Kummissjoni se tkompli tinvestiga l-kwistjonijiet li ġew indirizzati f’dan ir-rapport u meta jasal iż-żmien għandha mnejn tipproponi Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers rivedut.

(1)

  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 46 .

(2)

  Studju ta’ reviżjoni dwar ir-Regolament (KE) Nru 1222/2009 dwar it-tikkettar tat-tajers (Viegand Maagøe A/S, March 2016)

(3)

 Tajers C1, C2, C3 huma termini legali ddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 661/2009. Dawn jirreferu għal tajers iddisinjati primarjament għall-vetturi tal-passiġġieri, għall-vetturi kummerċjali ħfief, u għall-vetturi heavy-duty.

(4)

L-Artikolu 6 u l-Anness III.

(5)

Id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1).

(6)

Ir-Regolament (UE) 2017/1369 (ĠU L 198, 28.7.2017, p.1).

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1).

(8)

PJ jew Peta Joule : 1015 Joule.

(9)

Mtoe: Miljuni ta’ tunnellati ekwivalenti ta’ żejt.

(10)

Abbażi tal-mudell għall-kalkolu tal-istokk żviluppat għall-istudju b’appoġġ għar-reviżjoni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers.

(11)

. Kalkulatur : L-iffrankar huwa bbażat fuq il-prestazzjoni tal-effiċjenza enerġetika tat-tajer u fuq in-numru ta’ kilometri li jista’ jinstaq is-sett tat-tajers.

(12)

 Studju dwar it-tniġġiż ewlieni bil-mikroplastik , p. 31 u studju dwar is-sorsi tal-iskart fil-baħar p. 365.

(13)

 Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(14)

 Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1).

(15)

 It-terminu “Tajer tas-sajf” ma jikkorrispondix ma’ definizzjoni legali ta’ prodott speċifiku. Dan jirreferi għal tajer normali li preferibbilment jintuża f’kundizzjonijiet xitwin li ma jkunux severi. Għall-informazzjoni, jeżistu t-“tajers ta’ kull staġun” liema terminu wkoll ma jikkorrispondix ma’ definizzjoni legali, u dawn it-tajers jistgħu jintużaw kemm f’kundizzjonijiet sajfin, kif ukoll f’kundizzjonijiet xitwin skont id-dikjarazzjoni tal-manifattur. Dawn normalment ikunu mmarkati “M+S” iżda mhux neċessarjament jikkorrispondu maċ-ċertifikazzjoni approvata 3-PMSF (3 Peak Mountain Snow Flake) bħat-“tajer għall-borra fonda” li hu ddefinit legalment. Dawn it-termini differenti kollha dwar it-tajers (“tajers tas-sajf” u “tajers ta’ kull staġun”) jikkorrispondu mad-dikjarazzjoni tal-manifattur mingħajr aktar rekwiżiti jew testijiet tal-prestazzjoni tat-tajers.

(16)

Din hija bażi tad-dejta madwar l-UE kollha, proprjetà tal-Kummissjoni Ewropea, għall-arkivjar tal-informazzjoni u għat-taqsim tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar kwistjonijiet b’rabta ma’ attivitajiet ta’ infurzar.

(17)

Il-proġett tas-Sorveljanza tas-Suq tal-Kummissjoni Ewropea MSTyr15, iffinanzjat mill-Orrizzont 2020 biex isaħħaħ l-infurzar tar-Regolament (KE) 1222/2009 dwar it-tikkettar tat-tajers permezz ta’ awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq aktar effettivi (taħriġ, linji gwida eċċ.). Ara www.mstyr15.eu .

(18)

Il-komunikazzjoni 2012/C 86/03  tal-Kummissjoni

(19)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

Top