Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0587

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri u dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi

    COM/2017/0587 final

    Brussell, 10.10.2017

    COM(2017) 587 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Dwar il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri u dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi


    1.Introduzzjoni

    L-UE tibbenefika minn l-aktar sistema stretta fid-dinja għall-awtorizzazzjoni u l-kontroll tal-pestiċidi 1 . Minkejja dan, hemm xewqa kbira fis-soċjetà biex nimxu lejn produzzjoni sostenibbli tal-ikel, u biex jitnaqqas jew saħansitra jiġi pprojbit l-użu tal-pestiċidi. F’dan il-kuntest, bħala parti mis-sistemi moderni ta’ produzzjoni, l-agrikoltura sostenibbli hija waħda mill-Għanijiet ta’ Żvilupp tan-NU, u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-pestiċidi hija waħda mill-aktar azzjonijiet importanti li qed jittieħdu mill-UE bħala appoġġ tal-kisba tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli 2 .

    L-Istrateġija Tematika tal-2006 dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi 3 wasslet għal qafas leġiżlattiv ġdid għall-approvazzjoni u l-użu tal-pestiċidi 4 . Dan jinkludi qafas strett għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi mill-Kummissjoni Ewropea u għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mill-Istati Membri, li, jekk jintużaw skont il-kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati, ma għandhom l-ebda effett ta’ ħsara identifikat fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, u l-ebda effett inaċċettabbli fuq l-ambjent 5 . Din is-sistema stretta għat-tqegħid fis-suq wasslet għal tnaqqis approssimattiv ta’ 50 % fin-numru ta’ sustanzi attivi approvati 6 . Il-kontrolli fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-pestiċidi għandhom l-għan li jiżguraw li l-pestiċidi awtorizzati jiġu kkumerċjalizzati u jintużaw skont dawn il-kundizzjonijiet. Il-pjanti ttrattati bil-pestiċidi awtorizzati b’mod konformi mat-tikketta tal-prodott jistgħu jiġu kkumerċjalizzati u jistgħu jittieklu bħala ikel sikur, u r-residwi tal-pestiċidi fuqhom ikunu fil-livelli massimi ta’ residwi (maximum residue levels, MRLs) tal-UE 7 .

    Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi 8 , (id-“Direttiva”), adottata fil-21 ta’ Ottubru 2009 bħala parti minn din l-istrateġija, tipprevedi bosta azzjonijiet biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi fl-UE billi jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u bil-promozzjoni tal-użu tal-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta’ Ħsara (Integrated Pest Management, IPM) u ta’ approċċi jew tekniki alternattivi, bħal pereżempju l-alternattivi għall-pestiċidi li mhumiex kimiċi.

    L-Istati Membri kienu obbligati li jadottaw Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali (National Action Plans, NAPs) biex jimplimentaw id-Direttiva għall-ewwel darba f’Novembru 2012. Dawn il-pjanijiet jenħtieġ li jkollhom objettivi, miri, kejl u skedi ta’ żmien kwantitattivi biex jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi. Ir-Regolament dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jinkludi wkoll numru ta’ dispożizzjonijiet marbuta mad-Direttiva, inkluż l-iffaċilitar tal-approvazzjoni rapida ta’ sustanzi b’riskju baxx u l-użu ta’ dawn il-prodotti skont il-prinċipji tal-IPM.

    Id-Direttiva tidentifika miżuri speċifiċi li l-Istati Membri huma obbligati li jinkludu fil-pjanijiet tagħhom għal implimentazzjoni kif suppost. L-azzjonijiet ewlenin għandhom x’jaqsmu mat-taħriġ tal-utenti, il-konsulenti u d-distributuri, l-ispezzjoni tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, il-projbizzjoni tal-bexx mill-ajru, il-limitazzjoni tal-użu tal-pestiċidi f’żoni sensittivi, u informazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji tal-pestiċidi. Element essenzjali tad-Direttiva huwa l-promozzjoni tal-IPM, li l-prinċipji ġenerali tagħha huma stipulati fl-Anness III tad-Direttiva. Id-dati ta’ skadenza stabbiliti mid-Direttiva għall-implimentazzjoni tal-miżuri kollha msemmija hawn fuq kienu mifruxin tul il-perjodu bejn Novembru 2011 u Novembru 2016. Minn Novembru 2016 (meta l-ispezzjoni tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi saret obbligatorja), l-Istati Membri kienu obbligati li jimplimentaw il-miżuri rilevanti kollha tad-Direttiva.

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta’ ħidma mal-Istati Membri, li jiltaqa’ b’mod regolari biex jiddiskutu dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u biex jiskambjaw l-aħjar prattika.

    Dan ir-rapport jindirizza r-rekwiżiti tar-rappurtar skont iż-żewġ Artikoli 4(3) u 16 tad-Direttiva. L-Artikolu 4(3) jobbliga lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali kkomunikati mill-Istati Membri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u l-Artikolu 16 jobbligaha li tagħti rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

    Dan ir-rapport huwa bbażat fuq erba’ sorsi ta’ informazzjoni;

    ·Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, konkluż fl-2015.

    ·Żewġ sensieli ta’ verifiki fuq il-pestiċidi li twettqu bejn 2012-2014 u 2015–2016 rispettivament. L-ewwel waħda kienet fuq il-kontrolli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti 9 u t-tieni dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-pestiċidi 10 , li kienet tinkludi ċerti aspetti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

    ·Stħarriġ u kwestjonarju 11 mibgħuta fl-2016 lill-Istati Membri kollha biex jinkiseb aġġornament dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni.

    ·Żjarat ta’ ġbir ta’ informazzjoni f’sitt Stati Membri fl-2017 12 speċfikament biex jiġi investigat il-progress ġenerali li sar fl-implimentazzjoi tad-Direttiva. Dawn l-Istati Membri ntgħażlu biex jagħtu kampjun rappreżentattiv ta’ Stati Membri differenti li jkopri diversi reġjuni ġeografiċi. Minbarra r-rapporti tal-missjoni individwali, is-sejbiet ewlenin ta’ dawn is-sitt missjonijiet se jiġu ppubblikati f’rapport ta’ ħarsa ġenerali aktar tard din is-sena, u se jinkludu analiżi aktar fid-dettall tal-kwestjonarju msemmi hawn fuq, inklużi xi eżempji ta’ prattika tajba fl-implimentazzjoni identifikati mill-Istati Membri.

    L-NAPs, ir-rapporti tal-Kummissjoni, inklużi r-rapporti tal-verifiki kif ukoll ir-rapporti ta’ ħarsa ġenerali huma disponibbli fuq il-paġna web tal-Kummissjoni għall-użu sostenibbli tal-pestiċidi fuq https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/sustainable_use_pesticides_en

    2.Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva kien jobbliga lill-Istati Membri biex jadottaw l-ewwel sensiela ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u biex jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sas-26 ta’ Novembru 2012. Jenħtieġ li dawn il-pjanijiet jiġu riveduti mill-inqas kull erba’ snin. Jenħtieġ li dawn jistabbilixxu għanijiet, miri, kejl u skedi ta’ żmien kwantitattivi biex jitnaqqsu r-riskju u l-impatt tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. L-Istati Membri kollha adottaw dawn il-pjanijiet 13 , f’ħafna każijiet b’dewmien sinifikanti. Il-pjanijiet ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni, u tpoġġew fis-sit web tal-Kummissjoni bl-Ingliż 14 .

    Il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali huma l-bażi tal-kontrolli tad-Direttiva mill-Istati Membri , iżda hemm diversità kbira fil-kompletezza u l-kopertura tagħhom. Jeħtieġ li l-Istati Membri jtejbu l-pjanijiet tagħhom b’mod sinifikanti sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet imsemmijin hawn taħt, u biex jistabbilixxu miri aktar preċiżi u li jistgħu jitkejlu aktar.

    L-Istati Membri kellhom punti ta’ tluq differenti għall-iżvilupp tal-NAPs. Sebgħa minnhom kienu diġà żviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni, filwaqt li għall-oħrajn kollha, dan kien l-ewwel pjan. Sa issa, Franza u l-Litwanja biss ippreżentaw NAP rivedut. Il-livell ta’ implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni se jkun aktar ċar ladarba l-Istati Membri kollha jkunu lestew dawn ir-reviżjonijiet u jkunu kkomunikawhom lill-Kummissjoni.

    L-NAPs jirriflettu b’mod pożittiv l-isforzi li għamlu l-Istati Membri fit-tħejjija tagħhom. Madankollu, dawn ivarjaw ħafna f’termini ta’ kif jispjegaw fid-dettall kif eżattament se jimplimentaw il-miżuri skont l-Artikoli 5 sa 15 tad-Direttiva. Fil-maġġoranza tal-każijiet, ma ġewx koperti l-aspetti kollha ta’ dawn l-Artikoli. Il-pjanijiet jittrattaw xi oqsma b’mod komprensiv, pereżempju l-ittestjar tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi u t-taħriġ tal-utenti tal-pestiċidi, iżda bosta minnhom ftit jipprovdu dettall f’oqsma oħrajn, pereżempju fir-rigward tal-bexx mill-ajru, l-informazzjoni lill-pubbliku u l-ġbir tal-informazzjoni dwar il-każijiet ta’ avvelenament.

    L-NAPs huma wkoll inkonsistenti fir-rigward tal-istabbiliment ta’ objettivi, miri, kejl u skedi ta’ żmien kwantitattivi għaż-żoni ta’ azzjoni diversi. F’xi oqsma, pereżempju l-ittestjar tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, il-pjanijiet huma eċċellenti u kważi kollha kemm huma jistabbilixxu miri speċifiċi biex tinkiseb konformità sħiħa. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma stabbilixxewx miri u skedi ta’ żmien għall-miżuri biex jipproteġu l-ambjent akkwatiku mill-pestiċidi.

    Barra minn hekk, f’xi 80 % tal-każijiet, il-pjanijiet ta’ azzjoni ma jispeċifikawx kif se titkejjel il-kisba tal-miri jew tal-objettivi. Minħabba n-nuqqas ta’ miri ċari li jistgħu jitkejlu huwa diffiċli li jiġi vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni u li jiġu identifikati oqsma fejn huma meħtieġa aktar azzjonijiet.

    Wieħed u għoxrin Stat Membru 15 rrappurtaw miri għat-tnaqqis tar-riskju, u disa’ 16 Stati Membri rrappurtaw miri għat-tnaqqis fl-użu. Ħames Stati Membri biss stabbilixxew miri li jistgħu jitkejlu, li erbgħa 17 minnhom jimmiraw lejn it-tnaqqis tar-riskju u waħda 18 lejn it-tnaqqis fl-użu. Il-mira ewlenija tal-pjan ta’ azzjoni nazzjonali ta’ Franza hija li jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi b’50 % sal-2025, b’mira inizjali ta’ 25 % fl-2020, u b’hekk li jitnaqqsu r-riskji u l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Nistgħu naraw xi eżempji tajbin ta’ miri għat-tnaqqis tar-riskju fil-Ġermanja, fin-Netherlands 19 , fil-Finlandja u fid-Danimarka, li żviluppaw indikaturi ta’ tnaqqis tar-riskju bbażati fuq il-klassifikazzjoni tal-periklu tal-pestiċidi, fejn il-pestiċidi li għandhom riskju ogħla għandhom ponderazzjoni akbar.

    L-NAPs kollha jinkludu xi miżuri dwar il-promozzjoni tal-IPM, b’mod partikolari sabiex jinkoraġġixxu d-disponibbiltà tal-linji gwida dwar l-IPM, u d-dispożizzjoni dwar it-taħriġ jew id-dimostrazzjoni fl-azjendi agrikoli. Madankollu, il-pjanijiet ma jispeċifikawx kif tista’ titkejjel l-applikazzjoni tal-IPM mill-bdiewa, ma jistabbilixxux miri u ma jindikawx kif se tiġi żgurata l-implimentazzjoni. l-IPM hija l-qofol tad-Direttiva, u l-implimentazzjoni tal-IPM hija l-mezz maħsub biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi fl-agrikoltura sostenibbli, u għalhekk in-nuqqas ta’ passi ċari li jistgħu jiġu vvalutati, mkejla u infurzati huwa qasam sinifikanti fejn hemm bżonn ta’ titjib fir-reviżjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali li qegħdin iwettqu l-Istati Membri bħalissa.

    3.Implimentazzjoni tad-Direttiva

    3.1.Taħriġ u ċertifikazzjoni

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva jeżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu taħriġ u ċertifikazzjoni għall-utenti professjonali, għad-distributuri u għall-konsulenti tal-pestiċidi. L-Artikolu 6 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li d-distributuri jkollhom biżżejjed persunal impjegati magħhom li jkollhom iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 5. Jeżiġi wkoll li l-Istati Membri jirrestrinġu l-bejgħ tal-pestiċidi awtorizzati għall-użu professjonali lill-persuni li jkollhom iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 5. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 jiddikjara li l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-distributuri li jbigħu l-pestiċidi lill-utenti mhux professjonali, jipprovdu informazzjoni ġenerali fir-rigward tar-riskji li joħloq l-użu tal-pestiċidi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

    B’mod globali, hemm livell għoli ta’ konformità fil-qasam tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-utenti professjonali, tad-distributuri u tal-konsulenti. Madankollu ma hemm l-ebda dejta preċiża dwar in-numru totali ta’ operaturi professjonali f’dan il-qasam u għalhekk ma jistax ikun hemm iċ-ċertezza li dawn kollha ġew mħarrġa.

    Sitta u għoxrin 20 pjan ta’ azzjoni nazzjonali jindirizzaw id-dispożizzjoni tat-taħriġ, iżda ħdax minn dawn ma jipprovdux biżżejjed dettall 21 .

    L-implimentazzjoni tar-rekwiżit ta’ taħriġ ġiet ivvalutata waqt il-verifiki tal-Kummissjoni f’19-il Stat Membru fil-perjodu 2012 – 2014 u tul iż-żjarat ta’ ġbir ta’ informazzjoni f’sitt Stati Membri fl-2017 (5 sarulhom żjarat fiż-żewġ każijiet). Tlieta mill-20 Stat Membru li sarulhom iż-żjarat, diġà kellhom sistemi ta’ taħriġ għall-bdiewa qabel l-adozzjoni tad-Direttiva, u wara d-dħul fis-seħħ it-taħriġ ġie estiż għal gruppi oħrajn, bħal pereżempju d-distributuri.

    L-Istati Membri kollha (ħlief il-Lussemburgu) kienu stabbilixxew sistema ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni sad-data ta’ skadenza tas-26 ta’ Novembru 2013, u l-Istati Membri rrappurtaw fit-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju tal-2016 li kienu tħarrġu kważi erba’ miljun operatur professjonali. Kien hemm xi dewmien fit-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi f’sitt Stati Membri 22 . Barra minn hekk, kien hemm tliet Stati Membri li ma taw ebda dejta 23 . Skont stħarriġ dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli 24 , hemm madwar 10 miljun azjenda agrikola fl-Ewropa, li minnhom 0,3 miljun biss huma operaturi fuq skala kbira, li jikkultivaw 50 % tal-erja agrikola utilizzabbli totali. Il-korsijiet ta’ taħriġ tipikament idumu minn jumejn sa erbat ijiem, u dan jiddependi fuq it-tip ta’ operatur u l-għarfien preċedenti, u l-operaturi mħarrġa jirċievu ċertifikat, li huwa obbligatorju għax-xiri tal-pestiċidi għall-użu professjonali.

    Fil-każ tas-sitt Stati Membri li saritilhom żjara mill-Kummissjoni fl-2017, dan l-obbligu huwa inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fl-azjendi agrikoli mill-awtoritajiet kompetenti, u r-rati ta’ konformità kienu ta’ aktar minn 95 % f’ħamsa mis-sitt Stati Membri 25 . Madankollu, fuq il-bażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju, waħda mill-problemi identifikati kienet li s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni ma jkoprux il-konsulenti għall-ġestjoni tal-organiżmi ta’ ħsara f’ħames Stati Membri 26 . Barra minn hekk, in-Netherlands ma titlobx li jiġu ċċertifikati dawk il-konsulenti li mhumiex direttament involuti fil-bejgħ tal-pestiċidi, iżda għandhom l-intenzjoni li jirrevedu l-leġiżlazzjoni nazzjonali biex tkun konformi mad-Direttiva.

    L-Istati Membri kollha għandhom restrizzjonijiet fuq il-bejgħ tal-pestiċidi lill-utenti mhux professjonali, bħal pereżempju il-ġardinara tad-djar. Pereżempju, f’xi Stati Membri, il-pestiċidi maħsuba għall-utenti mhux professjonali ma jistgħux jinxtraw liberament u jridu jinħażnu wara l-bank fil-postijiet tal-bejgħ.

    Il-Kummissjoni organizzat tnax-il kors ta’ Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel (Better Training for Safer Food, BTSF) 27 fl-2015 u l-2016 għall-esperti tal-Istati Membri, li koprew bosta elementi tad-Direttiva, inkluż it-taħriġ tal-operaturi. Il-kors kellu l-mira li jipprovdi fehim konsistenti u ta’ livell ogħli dwar kif għandha tinkiseb l-implimentazzjoni, u pprovda opportunità għall-iskambju ta’ prattika tajba. It-28 Stat Membru kollha pparteċipaw, u tħarrġu xi 338 membru tal-persunal.

    3.2.Avvelenament bil-pestiċidi

    L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu sistemi għall-ġbir ta’ informazzjoni, meta din tkun disponibbli, dwar inċidenti ta’ avvelenament qawwi mill-pestiċidi, kif ukoll dwar żviluppi relatati ma’ avvelenament kroniku, fost gruppi li jistgħu jkunu esposti regolarment għall-pestiċidi, bħall-operaturi, il-ħaddiema agrikoli jew il-persuni li jgħixu qrib iż-żoni ta’ applikazzjoni tal-pestiċidi.

    Filwaqt li l-Istati Membri ġeneralment ikollhom sistemi biex jiġbru l-informazzjoni dwar l-avvelenament akut mill-pestiċidi, kien hemm dubju dwar l-akkuratezza ta’ din id-dejta u l-użu tagħha. Is-sistemi għall-ġbir ta’ informazzjoni bħal din dwar l-avvelenament kroniku mhumiex implimentati bis-sħiħ.

    Tmintax-il NAP jiddeskrivu s-sistemi għall-ġbir tal-informazzjoni dwar l-inċidenti ta’ avvelenament kroniku mill-pestiċidi fl-Istat Membru tagħhom, filwaqt li erbgħa biss jindirizzaw il-problema tal-ġbir tad-dejta dwar l-avvelenament kroniku. Il-pjanijiet l-oħra ma jagħtux dettalji speċifiċi f’dan il-qasam.

    Dan is-suġġett ma ġiex indirizzat waqt il-verifiki tal-Kummissjoni fid-19-il Stat Membru fil-perjodu 2012 – 2014 u l-informazzjoni disponibbli ttieħdet mill-kwestjonarju tal-2016 li ntbagħat lill-Istati Membri, u mill-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni lil sitt Stati Membri fl-2017.

    Fuq il-bażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-2016, ħames Stati Membri biss ma ġabrux informazzjoni speċifika dwar l-inċidenti ta’ avvelenament akut mill-pestiċidi. In-numru ta’ każijiet irrappurtati ta’ avvelenament akut li jinvolvu l-pestiċidi jvarja ħafna bejn l-Istati Membri, u l-awtoritajiet kellhom id-dubji dwar l-akkuratezza tad-dejta. Pereżempju, fl-Iżvezja, id-dejta rreġistrata tirreferi għan-numru ta’ mistoqsijiet aktar milli għan-numru ta’ każijiet ta’ avvelenament. Għaxar Stati Membri 28 għandhom sistema apposta għall-ġbir tal- informazzjoni dwar l-avvelenament kroniku. Fl-17-il Stat Membru li fadal, l-avvelenament kroniku ma jiġix immonitorjat b’mod sistematiku. L-Istati Membri enfasizzaw li l-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-iżviluppi fl-avvelenament kroniku huwa sfida kbira minħabba li huwa diffiċli ħafna li jsir kollegament bejn is-sintomi kliniċi u l-esponiment għall-pestiċidi li seta’ ġara bosta snin qabel ma ħarġu s-sintomi.

    Sabiex l-informazzjoni tkun tista’ titqabbel aħjar, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tiżviluppa dokument ta’ gwida strateġika dwar il-monitoraġġ u l-istħarriġ tal-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tiffinalizza dan id-dokument ta’ gwida sal-aħħar tal-2017. Barra minn hekk, se jitqies l-istabbiliment ta’ sistemi għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar suspett ta’ avvelenament mill-pestiċidi skont l-Artikolu 24(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 2017/625.

    3.3.Tagħmir għall-Applikazzjoni tal-Pestiċidi

    L-Artikolu 8 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, jiġifieri l-bexxiexa tal-għelieqi jew tal-ġonna tas-siġar tal-frott, jiġi spezzjonat regolarment, u li sas-26 ta’ Novembru 2016, it-tagħmir kollu li jkun qed jintuża jkun ġie ttestjat mill-inqas darba. Huma obbligati wkoll jistabbilixxu sistemi ta’ ċertifikati biex ikunu jistgħu jiġu vverifikati l-ispezzjonijiet.

    B’mod ġenerali l-Istati Membri kellhom sistemi stabbiliti kif meħtieġ, iżda għadu mhuwiex magħruf kollox dwar ir-rata globali tal-konformità li tvarja ħafna bejn l-Istati Membri. Bħalissa l-Kummissjoni qed tivvaluta l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni minn Novembru 2016 sal-lum.

    Tnejn u għoxrin 29 NAPs kellhom l-objettiv li jiżguraw li t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi jiġi ttestjat kif meħtieġ mid-Direttiva. Ħmistax-il pjan indikaw li diġà kienet qed titħaddem xi tip ta’ skema ta’ ttestjar tal-bexxiexa qabel l-adozzjoni tad-Direttiva.

    Biex jgħin lill-Istati Membri f’dan il-qasam, kif previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva, fl-2015 ġie ppubblikat standard armonizzat ġdid għall-ittestjar tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi EN ISO 16122 30 . Dan l-istandard ikopri l-bexxiexa bid-driegħ orizzontali, il-bexxiexa tal-uċuħ tar-raba’ għas-siġar jew l-arbuxelli, u l-bexxiexa fissi u semi-mobbli. Jikkjarifika r-rekwiżiti essenzjali għas-saħħa u s-sikurezza u għall-ambjent li jridu jiġu eżaminati fl-ispezzjoni. Dan l-istandard armonizzat għandu jiffaċilita l-isforzi tal-Istati Membri biex jirrikonoxxu ċ-ċertifikati mogħtija fi Stati Membri oħra kif meħtieġ skont l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva.

    Il-kwestjonarju tal-2016 juri li sitta u għoxrin Stat Membru kienu stabbilixxew sistemi ta’ spezzjoni, u madwar 900 000 bexxiexa kienu ġew spezzjonati sad-data ta’ skadenza tas-26 ta’ Novembru 2016. Malta u Ċipru biss kienu għadhom ma bdewx dawn l-ispezzjonijiet. L-Istati Membri ma għandhom l-edba dejta affidabbli dwar in-numru totali ta’ bexxiexa li qegħdin jintużaw, iżda fuq il-bażi tal-istimi tagħhom stess, jidher li sa 50 % tal-bexxiexa fl-UE ma ġewx ittestjati sad-data ta’ skadenza. Min-numru stmat ta’ bexxiexa mhux ittestjati sad-data ta’ skadenza 95 % jinsabu fil-Latvja u fil-Greċja u 70 % fl-Italja. Il-Belġju, in-Netherlands u l-Finlandja rrappurtaw ittestjar ta’ kważi 100 %.

    Il-Kummissjoni organizzat sitt korsijiet ta’ Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel (BTSF) fl-2015 u fl-2016 dwar it-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, b’102 spetturi minn 25 Stat Membru, u sitt korsijiet oħra se jiġu organizzati fl-2017 u fl-2018. Dan se jgħin biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq u b’hekk jiġi ffaċilitat l-ittestjar aktar uniformi mill-Istati Membri.

    3.4.Bexx mill-ajru

    L-Artikolu 9 tad-Direttiva jipprojbixxi l-bexx mill-ajru tal-pestiċidi, għajr b’deroga.

    Il-bexx mill-ajru huwa pprojbit u d-derogi jingħataw taħt kundizzjonijiet stretti biss. Iż-żona mbexxa tkun baxxa, tinżel ’l isfel u tkun ikkontrollata b’mod effikaċi.

     

    L-Istati Membri kollha pprojbixxew il-bexx mill-ajru skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk ma kienx iddikjarat b’mod espliċitu fil-pjan ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom. Filwaqt li l-għoti ta’ derogi f’każijiet speċjali huwa legalment possibbli f’21 Stat Membru 31 , effettivament, fl-2014 u l-2015 kienu biss14-il Stat Membru li taw id-derogi 32 . Skont dawn id-derogi, il-pestiċidi ġew applikati fuq 1,1 miljun ettaru, li minnhom 70 % kienu artijiet agrikoli u 30 % foresti, li jkopru 0,2 % u 0,1 % tal-erja rispettiva totali.

    Fl-2015, kważi 95 % tal-bexx mill-ajru rrappurtat sar minn żewġ Stati Membri biss; Spanja, bi 339 000 ettaru, u l-Ungerija, bi 88 000 ettaru, li rrappreżentaw 0,7 % u 0,9 %, rispettivament, tal-erja ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri.

    Illustrazzjoni 1: It-tnaqqis tal-applikazzjoni tal-pestiċidi mill-ajru f’żewġ Stati Membri

    Il-Kummissjoni eżaminat dan is-suġġett waqt verifiki fi 11-il Stat Membru fl-2015-2016 u fil-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni f’sitt Stati Membri fl-2017. Fil-każijiet kollha fejn ingħataw derogi, il-bexx mill-ajru twettaq taħt il-kundizzjonijiet stretti għad-derogi kif speċifikat mid-Direttiva. Fl-aħħar nett, iż-żoni ttrattati bid-deroga naqsu b’mod sinifikanti fis-snin reċenti kif jidher fil-graffs hawn fuq.

    Madankollu l-Kummissjoni se tkompli tivvaluta kif l-Istati Membri jivvalutaw it-talbiet għad-derogi, inkluż permezz ta’ verifiki, sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet stretti għal dawn id-derogi jiġu rispettati u kkontrollati kif xieraq.

    3.5.Informazzjoni u Sensibilizzazzjoni

    L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali u biex jippromwovu u jiffaċilitaw il-programmi ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni u biex jippromwovu d-disponibbiltà ta’ informazzjoni preċiża u bilanċjata fir-rigward tal-pestiċidi għall-pubbliku ġenerali. L-Artikolu 10 jiddikjara li fil-pjanijiet tagħhom l-Istati Membri jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet sabiex jiġu infurmati l-persuni li jistgħu jkunu esposti għad-deriva sprejjata.

    Din id-dispożizzjoni tintuża b’mod komprensiv f’xi Stati Membri u f’xi żoni, iżda għad fadal il-potenzjal biex tinxtered il-prattika tajba u biex dawn il-prattiki jintużaw b’mod aktar wiesa’ sabiex jiġu infurmati l-pubbliku u l-partijiet ikkonċernati.

    L-NAPs kollha jinkludu miżuri ppjanati biex jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku. Ir-Rumanija u Spanja biss jistabbilixxu miri ċari f’dan il-qasam.

    L-istrument ewlieni li jintuża mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-provvista ta’ informazzjoni preċiża u bilanċjata dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi lill-pubbliku ġenerali huwa permezz tas-siti web tagħhom. Dawn is-siti web nazzjonali huma kkumplimentati permezz ta’ sit web apposta tal-Kummissjoni li bħalissa qed jinbidel f’portal web b’links għas-siti web kollha tal-Istati Membri u b’sorsi oħrajn ta’ informazzjoni. Dan se jipprovdi mezz biex l-informazzjoni dwar firxa ta’ suġġetti, inkluż materjal ta’ gwida dwar l-IPM u s-sistemi ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet, tkun tista’ tiġi kondiviża fl-Istati Membri stess jew bejniethom.

    Fit-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju tal-2016, sitt Stati Membri 33 infurmaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet nazzjonali li skonthom il-bdiewa jridu jinfurmaw lill-ġirien tagħhom u lir-residenti lokali qabel ma jużaw il-pestiċidi, mill-inqas fuq talba tagħhom. Pereżempju, fl-Iżvezja u fin-Netherlands, l-operaturi li għandhom l-intenzjoni li jużaw il-pestiċidi f’żoni li għandu aċċess għalihom il-pubbliku ġenerali, iridu jpoġġu sinjal li jkun fih informazzjoni dettaljata, mill-inqas ġimgħa qabel l-applikazzjoni tal-pestiċidi. Matul il-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni fl-2017, l-Istati Membri pprovdew eżempji ta’ kampanji ta’ informazzjoni mmirati, inklużi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex jinfurmaw lill-ġardinara tad-djar dwar ir-riskji tal-pestiċidi fid-Danimarka, fil-Polonja u fl-Iżvezja, u kompetizzjonijiet dwar ir-riskji tal-pestiċidi għat-tfal tal-iskola fil-Polonja u fl-Italja.

    3.6.L-AMBJENT AKKWATIKU U L-ILMA TAX-XORB

    L-Artikolu 11 tad-Direttiva jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu l-ambjent akkwatiku u l-provvisti tal-ilma tax-xorb mill-impatt tal-pestiċidi.

    L-Istati Membri ħadu firxa ta’ miżuri biex jipproteġu l-ambjent akkwatiku mill-użu tal-pestiċidi, iżda fin-nuqqas ta’ miri li jistgħu jitkejlu fil-maġġoranza tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, huwa diffiċli li jiġi vvalutat il-progress li nkiseb. 

    Sebgħa u għoxrin pjan ta’ azzjoni nazzjonali jinkludu dettall konsiderevoli f’dan il-qasam. Franza biss ħallietu barra. Il-firxa ta’ azzjonijiet tkopri bosta oqsma. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-pestiċidi, il-miżuri jinkludu l-użu tat-teknoloġiji għat-tnaqqis tad-deriva sprejjata u projbizzjoni fuq il-mili tal-bexxiexa mill-kanali tal-ilma. Hemm inċentivi finanzjarji disponibbli, u dawn anki għall-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ li jkunu viċin il-kanali tal-ilma fl-iskemi agro-ambjentali, għotjiet kapitali għax-xiri ta’ żennuni b’inqas deriva, u l-bini ta’ sodod bijoloġiċi biex jinġabar l-ilma li jaqa’ mill-ħasil tal-bexxiexa. Madankollu, dawn il-miżuri jkopru żona limitata ħafna tat-territorju fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Miżuri oħrajn jirrigwardaw l-edukazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien. L-Istati Membri għandhom firxa ta’ miżuri stabbiliti f’dan il-qasam kif deskritti hawn fuq, iżda l-miri u l-iskedi ta’ żmien stabbiliti jirreferu jew għall-kisba tal-azzjonijiet, pereżempju ż-żoni ta’ biċċiet ta’ art ta’ lqugħ ħdejn il-kanali tal-ilma, jew, f’xi Stati Membri, il-kisba ta’ standards ta’ kwalità tal-ilma eżistenti taħt leġiżlazzjoni oħra.

    Kif inhu enfasizzat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-agrikoltura u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma fl-Ewropa 34 , id-Direttiva dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi hija strument importanti biex jintlaħqu l-objettivi ta’ status tajjeb tal-ilma skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 2000/60/KE 35 . Madankollu, il-miri u l-iskedi ta’ żmien tal-Istati Membri biex jipproteġu l-ambjent akkwatiku mhux dejjem huma marbuta b’mod espliċitu mal-objettivi ambjentali tad-Direttiva 2000/60/KE. L-Istati Membri implimentaw programmi ta’ monitoraġġ ambjentali skont id-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva 2006/118/KE 36 għall-Ilma ta’ taħt l-Art, id-Direttiva 2008/105/KE 37 dwar l-Istandards ta’ Kwalità Ambjentali fl-Ilma tal-Wiċċ u skont id-Direttiva 1998/83/KE għall-ilma tax-xorb 38 . Il-programmi ta’ monitoraġġ, u l-miri u l-indikaturi relatati, iridu jkopru bosta kompartimenti, inklużi l-bijota u/jew is-sediment, biex ikopru b’mod xieraq ir-riskju maħluq minn komposti li jistgħu jibbijoakkumulaw. Ir-riżultati mill-monitoraġġ tal-ilma juru li l-pestiċidi minn sorsi differenti jikkontribwixxu għal status ħażin tal-korpi tal-ilma f’16-il Stat Membru, u dan jaffettwa l-20 % tal-ilma ta’ taħt l-art u s-16 % tax-xmajjar u l-korpi tal-ilma tranżizzjonali li huma kklassifikati li għandhom status kimiku ħażin skont ir-Rapport tal-EEA Nru 8/2012 “European waters - assessment of status and pressures” 39 , 40 .

    Fit-tweġiba tagħhom tal-kwestjonarju tal-2016, l-Istati Membri rrappurtaw lill-Kummissjoni li aktar minn miljun kampjun tal-ilma ġew ittestjati għar-residwi tal-pestiċidi fl-2014 u l-2015 flimkien. Dan jista’ jitqabbel mal-84 000 kampjun tal-ikel uffiċjali li ġew analizzati għar-residwi tal-pestiċidi fl-2015. Il-kampjuni tal-ilma ttieħdu mill-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tax-xorb. Il-maġġoranza tal-kampjuni ttieħdu mill-ilma tax-xorb, fejn ir-riżultati indikaw rata’ ta’ konformità għolja (99 %) mal-limitu legali tal-UE stabbilit fid-Direttiva 1998/83/KE. Madankollu, jittieħdu kampjuni wara kull trattament neċessarju għat-tneħħija tal-pestiċidi.

    Il-firxa ta’ pestiċidi analizzati fil-programmi ta’ monitoraġġ ambjentali kienet tvarja bejn l-Istati Membri li saritilhom żjara fl-2017 u kienet tvarja anki ġol-istess Stati Membri. Il-Ġermanja, in-Netherlands u d-Danimarka kienu stabbilixxew miri ċari fir-rigward tal-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, u dan jgħin lill-awtoritajiet biex jivvalutaw u juru l-progress li sar. F’bosta reġjuni tal-Italja ġew immonitorjati wkoll sustanzi oħra minbarra s-sustanzi prijoritarji elenkati fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Madankollu, fil-Polonja l-lista ta’ pestiċidi mmonitorjati kienet tinkludi s-sustanzi prijoritarji tal-UE biss. Fil-Ġermanja u fid-Danimarka, is-sejbiet ta’ pestiċidi fl-ilma ta’ taħt l-art l-aktar kienu pestiċidi persistenti li ma għadhomx awtorizzati, ikkumerċjalizzati jew jintużaw fl-UE.

    3.7.IT-TNAQQIS TAL-UŻU TAL-PESTIĊIDI F’ŻONI SPEĊIFIĊI

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-użu tal-pestiċidi jkun minimizzat jew ipprojbit f’ċerti żoni speċifiċi. Dawn jinkludu ż-żoni li jintużaw mill-pubbliku ġenerali jew minn gruppi vulnerabbli, iż-żoni protetti u ż-żoni li ġew ittrattati dan l-aħħar li jintużaw mill-ħaddiema agrikoli. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa għall-ġestjoni tar-riskji u l-użu tal-pestiċidi b’riskju baxx u l-miżuri dwar il-kontroll bijoloġiku għandhom jitqiesu qabel kollox.

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-miżuri estensivi stabbiliti mill-Istati Membri għat-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi f’żoni speċifiċi, u l-effett pożittiv li kiseb dan it-tnaqqis, iżda tinnota wkoll in-nuqqas ta’ miri li jistgħu jitkejlu fil-maġġoranza tal-Istati Membri.

    Fl-NAPs tagħhom, 26 Stat Membru 41 jiddeskrivu miżuri biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-użu tal-pestiċidi fiż-żoni pubbliċi, iżda l-maġġoranza tagħhom ma stabbilixxewx miri speċifiċi għat-tnaqqis tal-użu għaż-żoni pubbliċi. Madankollu, ġew innotati xi prattiki tajbin, bħal pereżempju fid-Danimarka, li għandha mira globali għat-tnaqqis tal-użu, u barra minn hekk, qed tistabbilixxi kwoti tal-pestiċidi għal kull korsa tal-golf. F’żoni pubbliċi oħra, l-għan huwa li jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi bil-mod il-mod. L-NAPs tal-Latvja, ta’ Malta, ta’ Spanja u tal-Italja biss fihom miżuri speċifiċi li jindirizzaw iż-żoni li ġew ittrattati dan l-aħħar fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħaddiema agrikoli.

    Fit-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju tal-2016, 26 Stat Membru 42 rrappurtaw li kienu pprojbixxu jew ikkontrollaw l-użu tal-pestiċidi fiż-żoni protetti (kif iddefinit fid-Direttiva 2000/60/KE), u ż-żoni ta’ konservazzjoni (kif iddefinit fid-Direttivi 79/409/KEE 43 u 92/43/KEE 44 ). Matul il-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-2017, il-Kummissjoni rat eżempji ta’ restrizzjonijiet applikati fl-Istati Membri: Il-Polonja tipprojbixxi l-użu tal-pestiċidi ta’ ħsara, tossiċi jew tossiċi ħafna fiż-żoni pubbliċi bħal pereżempju fil-postijiet fejn jilagħbu t-tfal, fl-iskejjel primarji u fil-kindergartens, mingħajr il-possibbiltà ta’ derogi. L-Istati Membri l-oħra pprojbixxu l-pestiċidi li fihom il-glifosat fiż-żoni mhux agrikoli (pereżempju l-Italja), jew fil-parks nazzjonali u r-riżervi naturali (pereżempju l-Ġermanja). Fil-Ġermanja, fi żmien sentejn, ingħataw biss 17-il deroga għall-użu tal-pestiċidi fiż-żoni pubbliċi. Id-Danimarka rrappurtat li l-użu tal-pestiċidi fiż-żoni pubbliċi tnaqqas b’90 % mill-1995.

    3.8.L-IMMANIĠĠJAR U L-ĦAŻNA TAL-PESTIĊIDI

    L-Artikolu 13 tad-Direttiva jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-immaniġġjar u l-ħażna tal-pestiċidi u t-trattament tal-imballaġġi tagħhom u tal-fdalijiet tagħhom ma jkunux ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

    Jeżistu sistemi għall-kontroll tal-immaniġġjar u l-ħażna tal-pestiċidi fi kważi l-Istati Membri kollha, iżda l-effikaċja tagħhom mhux dejjem tista’ tiġi vvalutata minħabba n-nuqqas ta’ miri li jistgħu jitkejlu.

    Ġeneralment l-NAPs jindirizzaw din il-kwistjoni iżda l-pjan Taljan biss jindirizza speċifikament ir-rekwiżiti kollha tad-Direttiva, jiġifieri l-ħażna, l-immaniġġjar, id-dilwizzjoni u t-taħlit tal-pestiċidi qabel l-applikazzjoni, l-immaniġġjar tal-imballaġġi, ir-rimi tal-fdalijiet u tat-taħlitiet li jibqgħu fit-tankijiet u t-tindif tat-tagħmir. L-inizjattivi fir-rigward tar-rimi tal-kontenituri tal-pestiċidi vojta jissemmew fi 18-il pjan, u għalhekk din hija l-aktar azzjoni komuni proposta f’dan il-qasam. Disa’ pjanijiet jirreferu għall-istandards tal-ħżin. Azzjonijiet oħra deskritti fil-pjanijiet jinkludu standards tal-ħżin riveduti, it-tindif tat-tagħmir għall-applikazzjoni, u r-rimi sikur tal-pestiċidi/fdalijiet qodma mhux irreġistrati.

    L-implimentazzjoin ta’ dawn ir-rekwiżiti kienet ġiet ivvalutata mill-verifiki tal-Kummissjoni f’19-il Stati Membru fil-perjodu 2012 – 2014. Fi żmien il-verifiki, 15-il Stat Membru kienu adottaw miżuri fir-rigward tal-immaniġġjar u l-ħażna tal-pestiċidi, inklużi l-irkupru u r-rimi tal-imballaġġ u l-fdalijiet tagħhom. Il-ġbir, it-trasport u r-rimi sikur tal-imballaġġ u l-fdalijiet kienu qed jitwettqu minn kumpaniji approvati, f’erba’ Stati Membri b’kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-industrija tal-pestiċidi. Flimkien mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-immaniġġjar u l-ħażna sikuri tal-pestiċidi, l-Istati Membri wettqu spezzjonijiet tal-faċilitajiet tal-ħżin.

    Għall-kwestjonarju tal-2016, 25 Stat Membru 45 wieġbu li kienu stabbilixxew sistemi għall-ġbir u r-rimi sikur tal-kontenituri votja u tal-imballaġġi tal-PPP. F’21 Stati Membru, dawn is-sistemi huma estiżi għall-ġbir u r-rimi sikur tal-pestiċidi obsoleti u skaduti u tal-fdalijiet tagħhom. Ħmistax-il Stat Membru stabbilixxew sistemi ta’ approvazzjoni għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-pestiċidi għand il-manifatturi u d-distributuri.

    3.9.Il-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta’ Ħsara

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi definizzjoni tal-Ġestjoni Integrata ta’ Organiżmi ta’ Ħsara (Integrated Pest Management, IPM) u l-Artikolu 14(4) jeżiġi li fl-NAPs tagħhom l-Istati Membri jiddeskrivu kif jiżguraw li jiġu implimentati l-prinċipji ġenerali tal-IPM mill-utenti professjonali kollha sal-1 ta’ Jannar 2014. Barra minn hekk, l-Artikolu 55 tar-Regolament 1107/2009 jistipula li l-użu xieraq tal-pestiċidi jirrikjedi wkoll il-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, u b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-IPM.



    X’inhi l-IPM?

    ·Flimkien mal-promozzjoi tal-agrikoltura organika, l-IPM hija waħda mill-istrumenti għall-ġestjoni tal-organiżmi ta’ ħsara b’użu baxx ta’ pestiċidi;

    ·L-IPM tinvolvi approċċ integrat għall-prevenzjoni u/jew l-eliminazzjoni tal-organiżmi li huma ta’ ħsara għall-pjanti permezz tal-użu tal-informazzjoni, l-istrumenti u l-metodi għall-protezzjoni tal-pjanti kollha disponibbli;

    ·L-IPM għandha l-għan li żżomm l-użu tal-pestiċidi u forom oħra ta’ intervent biss f’livelli li huma ġustifikati ekonomikament u ekoloġikament u li jnaqqsu jew jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent;

    ·Il-metodi sostenibbli bijoloġiċi, fiżiċi u mhux kimiċi oħrajn iridu jkunu ppreferuti fuq metodi kimiċi jekk huma jipprovdu kontroll sodisfaċenti tal-organiżmi ta’ ħsara.

    L-Istati Membri jridu jiżviluppaw kriterji ddefiniti b’mod ċar sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw b’mod sistematiku jekk it-tmien prinċipji tal-IPM ġewx implimentati, u jekk dan ma jkunx il-każ jieħdu l-miżuri ta’ infurzar xierqa. It-tali strumenti jistgħu jikkonfermaw li l-eżitu maħsub tal-IPM kif speċifikat fid-Direttiva, jiġifieri tnaqqis tad-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi, huwiex jinkiseb.

    It-tmien prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta’ ħsara huma speċifikati fl-Anness III tad-Direttiva. Madankollu mhuwiex iddefinit b’mod espliċitu kif dawn il-prinċipji jridu jiġu applikati fil-prattika. It-tmien prinċipji tal-IPM huma implimentati b’modi diversi mill-utenti professjonali tal-pestiċidi madwar l-UE, u dan huwa parzjalment minħabba d-diversità tal-agrikoltura tal-UE f’termini ta’ klima, l-għelejjel imkabbra u t-tekniki ta’ produzzjoni u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-Istati Membri jkomplu jappoġġaw lill-agrikoltura organika bħala sistema b’użu baxx ta’ pestiċidi, u n-numru ta’ azjendi agrikoli organiċi kompla jiżdied. Iż-żona organika fl-UE kienet tkopri 6,2 % taż-żona agrikola totali fl-2015.

    Fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, l-Istati Membri kollha jindikaw li qegħdin jieħdu firxa wiesgħa ta’ miżuri komprensivi biex jippromwovu l-implimentazzjoni tal-IPM. F’24 Stat Membru 46 , hemm sistemi ffinanzjati pubblikament għat-tbassir, għat-twissija u għad-dijanjożi bikrija għall-kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara u l-mard, u stabbilixxew limiti ekonomiċi għall-organiżmi ta’ ħsara sinifikanti, biex jgħinu lill-bdiewa bit-teħid tad-deċiżjonijiet. Hemm strumenti tal-IT disponibbli għal dan l-iskop fuq is-siti web uffiċjali. Tnax-il Stat Membru stabbilixxew netwerks ta’ azjendi agrikoli ta’ dimostrazzjoni tal-IPM biex jiġu żviluppati u mxerrda t-tekniki tal-IPM għall-kundizzjonijiet klimatiċi lokali u l-għelejjel mkabbra. Barra minn hekk, l-utenti professjonali għandhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ linji gwida tal-IPM, imfassla mis-servizzi uffiċjali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gruppi professjonali. L-Istati Membri huma obbligati li jinkludu l-prinċipji ġenerali tal-IPM fis-sistemi konsultattivi għall-azjendi agrikoli tagħhom skont l-Artikolu 12(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 47 . L-Istati Membri enfasizzaw li s-servizzi konsultattivi uffiċjali, li ma għandhomx interess kummerċjali, huma importanti ħafna għall-implimentazzjoni tal-IPM.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkofinanzjaw in-netwerk ENDURE 48 , li jiġbor flimkien ir-riċerka, it-tagħlim u t-trasferiment tal-għarfien fil-qasam agrikolu b’interess speċjali fl-IPM. Il-Kummissjoni appoġġat, taħt is-seba’ programm qafas tal-Unjoni Ewropea, il-proġett C-IPM 49 , biex toħloq forum għar-riċerka tal-IPM u l-iżvilupp tal-prijoritajiet, biex toħloq rabta bejn l-inizjattivi tar-riċerka eżistenti, u biex tipproponi riċerka ġdida. Numru kbir ta’ proġetti ta’ riċerka oħrajn ġew iffinanzjati mill-Kummissjoni 50 . Ġew organizzati żewġ sessjonijiet ta’ ħidma UE IPM fl-2014 u fl-2016 fil-Ġermanja, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Ġermaniżi. Permezz tal-programm “Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel”, il-Kummissjoni se torganizza sensiela ta’ korsijiet ta’ taħriġ mill-2018 ’il quddiem għall-esperti tal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tal-IPM.

    L-Istati Membri ma biddlux il-prinċipji tal-IPM f’kriterji preskrittivi u li jistgħu jiġu vvalutati. Huma jaraw l-IPM biss bħala strument ta’ edukazzjoni għall-bdiewa, u ma għandhomx metodi biex jivvalutaw il-konformità mal-prinċipji tal-IPM. L-Istati Membri jieħdu firxa ta’ miżuri biex jippromwovu l-użu tal-IPM, iżda dan mhux bilfors ifisser li t-tekniki rilevanti tal-IPM qegħdin jiġu implimentati effettivament mill-utenti. Il-bdiewa huma operaturi ekonomiċi, u għalkemm it-tekniki tal-IPM huma sostenibbli minn perspettiva fit-tul, l-IPM tista’ tfisser ukoll riskju ekonomiku akbar fi żmien qasir. Pereżempju, it-tkabbir tal-qamħirrum jew il-qamħ f’monokulturi jista’ jitqies preferibbli għal raġunijiet ekonomiċi. Madankollu, ma’ dan l-approċċ fuq żmien qasir għall-ġestjoni tal-art hemm riskju konsiderevoli ta’ spiża fuq żmien twil, pereżempju minħabba l-popolazzjonijiet dejjem jiżdiedu ta’ organiżmi ta’ ħsara jew ħaxix ħażin fil-monokultura. Fl-aħħar mill-aħħar, il-monokultura tista’ tikkawża t-telf tal-bijodiversità, l-erożjoni tal-ħamrija u anki d-deżertifikazzjoni. Bħala eżempju ta’ approċċ fuq żmien qasir, ir-Rumanija tat awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza għall-użu tan-neonikotinojdi bħala trattament għaż-żerriegħa f’żona mhux definita ta’ qamħirrum, mingħajr ma investigat il-potenzjal tan-newba bħala alternattiva.

    Matul il-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni fl-Istati Membri fl-2017, il-Kummissjoni identifikat eżempji ta’ kif l-implimentazzjoni tal-IPM kienet qiegħda tiġi vvalutata. F’bosta każijiet, din kienet ibbażata fuq l-awtoevalwazzjoni mill-bdiewa u dan il-fatt wera li l-prattiki tal-IPM kienu implimentati b’mod aktar wiesa’ fil-produzzjoni tal-ħaxix, fis-serer u fl-imxietel aktar milli fir-raba’. Barra minn hekk, il-verifika tal-implimentazzjoni tal-IPM titwettaq għal skemi volontarji u għal ċertifikazzjoni privata għal standards ta’ Prattika Agrikola Tajba.

    Fis-sitt Stati Membri kollha li saritilhom żjara, l-awtoritajiet iddikjaraw li fil-fehma tagħhom, xi tekniki tal-IPM jistgħu jiġu adottati fuq bażi aktar wiesgħa, bħal pereżempju n-newba, l-għażla xierqa taż-żerriegħa u tal-materjal tat-taħwil u l-użu ta’ tekniki xierqa ta’ kultivazzjoni. Stħarriġ fid-Danimarka kkonferma din l-opinjoni billi wera li għalkemm il-bdiewa kienu aktar konxji dwar it-tekniki tal-IPM, il-livell tal-implimentazzjoin ta’ dawn it-tekniki żdied biss b’mod marġinali. Analiżi mwettqa min-Netherlands uriet li l-prinċipji tal-IPM huma implimentati mill-bdiewa b’mod ġenerali, iżda l-ebda waħda mill-prinċipji tal-IPM ma tintuża sal-potenzjal sħiħ tagħha.

    L-Istati Membri semmew id-disponibbiltà insuffiċjenti ta’ pestiċidi b’riskju baxx u pestiċidi mhux kimiċi bħala ostaklu għal aktar żvilupp fl-IPM. L-inċentivi għar-reġistrazzjoni tal-prodotti b’riskju baxx u prodotti mhux kimiċi jissemmew, iżda fi ftit pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali biss. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni u l-promozzjoni tal-pestiċidi b’riskju baxx u pestiċidi mhux kimiċi hija miżura oħra importanti li tappoġġa l-ġestjoni tal-organiżmi ta’ ħsara b’użu baxx ta’ pestiċidi. Fi tliet Stati Membri 51 , il-proporzjon ta’ sustanzi attivi mhux kimiċi fil-pestiċidi, meta mqabbla mas-sustanzi attivi kollha fil-pestiċidi awtorizzati, kien għoli b’aktar minn 10 % fl-2015.

    3.10.L-indikaturi tar-riskji

    Biex jitkejjel il-progress li nkiseb fit-tnaqqis tar-riskji u tal-impatti negattivi mill-użu tal-pestiċidi għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, l-Artikolu 15 tad-Direttiva jitlob li jiġu stabbiliti indikaturi tar-riskji armonizzati. Jistipula wkoll li l-Istati Membri għandhom ikomplu jużaw l-indikaturi nazzjonali eżistenti jew jadottaw oħrajn kif xieraq.

    Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati membri li se tibda diskussjonijiet biex tara jekk jistax jintlaħaq kunsens dwar l-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riskji armonizzati, mingħajr mi jiġu sostiwiti l-indikaturi nazzjonali kumplimentari.

    Sa issa, il-Kummissjoni għadha ma stabbilixxietx indikaturi tar-riskji armonizzati għall-UE kollha. Il-Kummissjoni dan l-aħħar identifikat ċerti nuqqasijiet dwar id-disponibbiltà u l-kwalità tal-istatistika dwar il-pestiċidi 52 , li ħafna minnhom ma jistgħux jintużaw bħalissa minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità u l-limitazzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni, iżda l-esperjenza miksuba tindika li l-kejl tar-riskju huwa kumpless, u meta wieħed iqis id-dejta disponibbli fil-livell tal-UE, din ma tistax tinkiseb sempliċiment billi jsir riferiment għall-bejgħ globali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Dan għaliex ir-riskji mill-pestiċidi jvarjaw skont firxa ta’ fatturi, b’mod partikolari s-sustanzi attivi kostitwenti, iżda wkoll skont kif jintużaw il-pestiċidi.

    Fin-nuqqas ta’ indikaturi armonizzati tar-riskji, l-Istati Membri qegħdin ikomplu jużaw l-indikaturi tar-riskji eżistenti tagħhom, kif deskritt f’xi pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali. Id-Danimarka pereżempju żviluppat “Indikatur tat-Tagħbija tal-Pestiċidi”, li jikkalkula t-tagħbija potenzjali ambjentali u fuq is-saħħa tal-bniedem ta’ pestiċidi individwali fis-suq fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni tossikoloġika tagħhom.

    3.11.Il-prodotti b’riskju baxx

    L-Artikolu 14 tad-Direttiva jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu l-ġestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara b’użu baxx ta’ pestiċidi, filwaqt li, fejn ikun possibbli, tingħata prijorità lil metodi mhux kimiċi, sabiex l-utenti professjonali tal-pestiċidi jaqilbu għal prodotti u prattiki bl-aktar riskju baxx għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

    Il-Kummissjoni qiegħda tieħu miżuri biex taċċellera d-disponibbiltà tal-pestiċidi b’riskju baxx.

    Meta s-sustanzi jiġu identifikati bħala ta’ riskju baxx, jistgħu jiġu applikati l-inċentivi rilevanti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Dawn jinkludu perjodu itwal ta’ approvazzjoni ta’ 15-il sena (minflok il-perjodu standard ta’ 10 snin), perjodu itwal ta’ protezzjoni tad-dejta u proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-PPP b’riskju baxx aċċellerata (120 jum minflok sena).

    Sabiex iżżid id-disponibbiltà tas-sustanzi b’riskju baxx, il-Kummissjoni tat prijorità lill-valutazzjoni tas-sustanzi attivi b’riskju baxx potenzjali fil-programm ta’ reviżjoni li għaddej bħalissa 53 . Bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1432, il-Kummissjoni ċċarat il-kriterji eżistenti għall-identifikazzjoni u l-approvazzjoni tas-sustanzi b’riskju baxx 54 . Bħalissa 10 sustanzi biss huma approvati bħala sustanzi b’riskju baxx minn total ta’ kważi 500. Madankollu, huwa stmat li fost is-sustanzi li diġà huma approvati skont id-Direttiva 91/414/KEE, aktar minn 70 x’aktarx li jikkonformaw mal-kriterji ta’ riskju baxx li għadhom kif ġew adottati. Fit-tliet snin li ġejjin, dawn is-sustanzi se jerġgħu jiġu vvalutati għat-tiġdid tal-approvazzjoni tagħhom u dan potenzjalment se jirriżulta f’żieda tan-numru totali ta’ sustanzi attivi b’riskju baxx.

    Minbarra l-prodotti b’riskju baxx, ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi għas-sustanzi bażiċi. Dawn huma sustanzi bħall-komposti tal-ikel li jintużaw tipikament għal skopijiet oħra għajr il-protezzjoni tal-pjanti pereżempju l-ħall. Dawn ikunu l-aktar ta’ oriġini bijoloġika/naturali, u ta’ spiss jintużaw fil-biedja organika. Bħalissa hemm 15-il sustanza bażika approvata u l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma involuti b’mod attiv fl-estensjoni tal-firxa approvata ta’ dawn is-sustanzi. L-hekk imsejħa “aġenti tal-bijokontroll”, bħal pereżempju l-insetti benefiċjali jew in-nematodi, jistgħu jintużaw bħala tekniki alternattivi għall-ġestjoni tal-organiżmi ta’ ħsara u ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    Illustrazzjoni 2: Żieda fin-numri ta’ sustanzi alternattivi approvati mill-UE

    Fl-aħħar nett, permezz tal-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tkompli tappoġġa firxa wiesgħa ta’ riċerka dwar il-protezzjoni tal-pjanti biex tidentifika prodotti b’riskju baxx u tekniki għall-kontroll bijoloġiku 55 .

    4.Konklużjonijiet

    Ilhom jeżistu leġiżlazzjoni sostanzjali u miżuri ta’ appoġġ għal aktar minn 20 sena fl-Unjoni Ewropea. Dawn tfasslu biex ikun hemm użu sikur, inqas użu, u użu preċiż tal-pestiċidi fl-agrikultura. Id-Direttiva toffri l-potenzjal biex jitnaqqsu ħafna r-riskji li ġejjin mill-użu tal-pestiċidi. Madankollu, sakemm tiġi implimentata b’mod aktar rigoruż mill-Istati Membri, dan it-titjib huwa limitat, u ċertament mhuwiex biżżejjed biex jinkiseb it-titjib li għalih tfasslet id-Direttiva, jiġifieri t-titjib ambjentali u t-titjib fis-saħħa. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali b’miri ċari li jistgħu jitkejlu jistgħu jippermettu lill-Istati Membri juru liċ-ċittadini li qegħdin jimplimentaw id-Direttiva kif suppost, u li saħansitra qed imorru lil hinn minnha biex jipproponu metodi alternattivi biex inaqqsu r-riskji mill-pestiċidi.

    4.1 Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali u l-Implimentazzjoni tad-Direttiva

    L-NAPs huma l-mezzi li bihom l-Istati Membri jistabbilixxu miri u azzjonijiet għall-kisba tal-objettiva tad-Direttiva, u jistgħu jitqiesu bħala pass sinifikanti lejn l-użu sostenibbli tal-pestiċidi. Bħalissa l-Istati Membri qegħdin jaħdmu fuq ir-reviżjoni tal-ewwel pjanijiet tagħhom u s-sitwazzjoni tal-istat ta’ implimentazzjoni se tkun ċara biss meta jkunu ġew riveduti l-pjanijiet.

    Minkejja dan il-progress sostanzjali, dan ir-rapport jidentifika li hemm diskrepanzi sinifikanti f’bosta oqsma tal-pjanijiet, pereżempju fir-rigward tal-bexx mill-ajru, l-informazzjoni lill-pubbliku, il-ġbir tal-informazzjoni fir-rigward tal-każijiet ta’ avvelenament u l-miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent akkwatiku. Il-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta’ Ħsara hija element fundamentali tad-Direttiva, u għalhekk il-fatt li l-Istati Membri għadhom ma stabbilixxewx miri ċari u żguraw l-implimentazzjoni tagħhom, inklużi miri għall-użu aktar wiesa’ tat-tekniki għall-ġestjoni tal-art bħal pereżempju n-newba, huwa kawża ta’ tħassib partikolari. L-Istati Membri jridu jtejbu l-kwalità tal-pjanijiet tagħhom, l-aktar billi jistabbilixxu miri u indikaturi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu għal strateġija fit-tul għat-tnaqqis tar-riskji u l-impatti mill-użu tal-pestiċidi. Jenħtieġ li dan it-titjib jiġi inkluż fil-pjanijiet ta’ azzjoni riveduti, għax dan jippermetti lill-Istati Membri jimmonitorjaw kontinwament il-progress fl-implimentazzjoni u jadattaw l-istrateġija kif meħtieġ.

    Il-Kummissjoni kitbet lil dawk l-Istati Membri fejn innotat xi nuqqasijiet fil-pjanijiet jew fl-implimentazzjoni tagħhom, biex tfakkarhom fl-obbligi tagħhom u fl-importanza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Fuq il-bażi tas-sensiela ta’ sitt żjarat ta’ ġbir ta’ informazzjoni fl-Istati Membri fl-2017, il-Kummissjoni se tkompli tevalwa l-NAPs u timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri permezz tal-verifiki tagħha, ta’ azzjonijiet oħrajn u ta’ attivitajiet ta’ segwitu, biex tiżgura li qed jinkisbu l-objettivi tad-Direttiva. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tqis li tieħu azzjoni għal ksur.

    4.2 Attivitajiet tal-Kummissjoni li jappoġġaw lill-Istati Membri

    Fir-rapport tiegħu lill-Kunsill, il-Grupp ta’ Esperti dwar il-protezzjoni sostenibbli tal-pjanti, stabbilit taħt il-Presidenza Netherlandiża, ippreżenta pjan ta’ implimentazzjoni biex tiżdied id-disponibbiltà tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’riskju baxx u biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta’ ħsara fl-Istati Membri 56 . Il-Kunsill approva dan il-pjan f’Ġunju 2016. Waħda mill-azzjonijiet kumplimentari proposta kienet li jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa s-sit web eżistenti dwar id-Direttiva f’portal web li jkollu link għall-informazzjoni rilevanti disponibbli bħalissa fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Il-ħidma fuq dan l-iżvilupp tinsab fi stadju avvanzat sew. Ir-rapport globali tal-Kummissjoni li jmiss dwar is-sensiela ta’ missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva se jiġi ppubblikat fuq dan is-sit ukoll.

    Ġeneralment l-Istati Membri għandhom sistemi biex jiġbru l-informazzjoni dwar l-inċidenti ta’ avvelenament akut mill-pestiċidi, iżda jridu jtejbu l-akkuratezza tad-dejta li jirċievu. Is-sistemi għall-ġbir ta’ informazzjoni bħal din dwar il-każijiet ta’ avvelenament kroniku mhumiex żviluppati bis-sħiħ. Huwa essenzjali li l-Istati Membri jiżviluppaw u jżommu sistema ta’ sorveljanza li tiffunzjona dwar l-avvelenament mill-pestiċidi fuq il-post tax-xogħol bħala bażi għall-interventi preventivi xierqa. Il-Kummissjoni se tiffinalizza gwida dwar il-monitoraġġ u l-istħarriġ tal-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent sa tmiem l-2017 u se teżamina flimkien mal-Istati Membri kif jistgħu jiġu żviluppati aktar dawn is-sistemi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tqis ukoll l-istabbiliment ta’ sistemi għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar suspett ta’ avvelenament mill-pestiċidi skont l-Artikolu 24(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 2017/625.

    Ladarba din id-Direttiva tkun ġiet implimentata fl-Istati Membri kollha u l-obbligi li japplikaw direttament għall-bdiewa jkunu ġew identifikati, il-Kummissjoni se tindirizza d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 57 , li tistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-partijiet rilevanti tad-Direttiva fis-sistema tal-kundizzjonalità. Barra minn hekk, sadanittant, il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-konformità mat-tmien prinċipji tal-IPM, filwaqt li tqis id-diversità tal-agrikoltura tal-UE u l-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

    Sabiex jitkejjel il-progress miksub fit-tnaqqis tar-riskji u tal-impatti negattivi mill-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, il-Kummissjoni se tibda taħdem mal-Istati Membri fit-tieni nofs tal-2017 biex tilħaq kunsens magħhom dwar l-iżvilupp ta’ indikaturi armonizzati tar-riskju.

    Barra minn hekk il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex ixxerred l-eżempji ta’ prattika tajba fl-implimentazzjoni permezz ta’ Gruppi ta’ Ħidma u taħriġ. Il-prijorità tagħha se jkun il-programm ta’ Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri fil-fehim u fl-implimentazzjoni tagħhom tal-prinċipji tal-użu sostenibbli.

    Wara l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali riveduti, u bl-informazzjoni aġġornata li jkollha, il-Kummissjoni se tipproduċi rapport ieħor li jippermetti valutazzjoni aktar komprensiva tal-istat ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva.

    (1)

    F’dan ir-rapport, it-terminu “pestiċidi” jirreferi għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-erbiċidi, il-fungiċidi u l-insettiċidi li jintużaw għall-protezzjoni tal-pjanti.

    (2)

    http://ec.europa.eu/europeaid/file/50450/download_en?token=KLkUmH5y  

    (3)

    COM/2006/0372 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi. 

    (4)

    Il-pestiċidi huma ddefiniti mid-Direttiva 2009/128/KE (Artikolu 3) bħala li jinkludu l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew il-prodotti bijoċidali. Bħalissa d-Direttiva tapplika għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti biss (Artikolu 2). It-terminu pestiċidi jintuża ħafna f’dan ir-rapport peress li jintuża b’mod aktar komuni, iżda r-rapport ma jindirizzax il-prodotti bijoċidali.

    (5)

     Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE, ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1-50

    (6)

      http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=homepage&language=EN

    (7)

    Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1-16

    (8)

    Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71–86.

    (9)

      http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=79

    (10)

    http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=109

    (11)

    L-informazzjoni u d-dejta pprovduta bħala tweġiba għal dan l-istħarriġ ma kinux sħaħ u r-riżultati jeħtieġu aktar esplorazzjoni mal-Istati Membri. Ir-Renju Unit ma weġibx għall-kwestjonarju, iżda pprovda informazzjoni dwar uħud mis-suġġetti aktar tard. Kien hemm nuqqasijiet fid-dejta fit-tweġibiet tal-Bulgarija, tar-Rumanija, tal-Greċja, ta’ Franza u tal-Portugall.

    (12)

    Il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Italja, id-Danimarka, il-Polonja, l-Iżvezja

    (13)

    Id-Direttiva ma tistipulax format għall-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali u għal din ir-raġuni, il-pjanijiet ikkomunikati lill-Kummissjoni ma jistgħux jitqabblu kompletament. F’xi każijiet, ma fihomx il-miżuri nazzjonali kollha li qed jittieħdu għall-implimentazzjoni tad-Direttiva. L-ambitu tal-valutazzjoni tal-pjanijiet mill-Kummissjoni kien limitat għall-pjanijiet biss u kull miżura li ma kinitx inkluża f’dawn il-pjanijiet ma setgħetx titqies.

    (14)

      https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/sustainable_use_pesticides_en

    (15)

    Spanja, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, il-Belġju, l-Iżvezja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Latvja, l-Italja, il-Portugall, il-Kroazja, l-Awstrija, id-Danimarka, il-Litwanja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Irlanda u Franza.

    (16)

    Il-Lussemburgu, is-Slovenja, Ċipru, il-Belġju, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Ġermanja u Franza

    (17)

    Il-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja u l-Ġermanja

    (18)

    Franza

    (19)

    Fin-Netherlands, dawn ma kinux inklużi fl-NAP.

    (20)

    Il-pjanijiet tal-Belġju u tad-Danimarka ma għandhomx referenza jew objettivi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi.

    (21)

    L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, n-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja.

    (22)

    L-Italja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Litwanja, is-Slovakkja u Malta.

    (23)

    Il-Bulgarija, l-Ungerija u r-Rumanija

    (24)

      http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Farm_structure_survey_2013_-_main_results#Agricultural_holdings  

    (25)

    Id-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, il-Polonja, l-Iżvezja

    (26)

    Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Iżvezja u r-Renju Unit

    (27)

      https://ec.europa.eu/food/safety/btsf_en  

    (28)

    Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Litwanja, in-Netherlands, is-Slovakkja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Ġermanja, Franza u l-Bulgarija

    (29)

    Il-pjanijiet tad-Danimarka u tal-Iżvezja ma kellhomx dan l-objettiv

    (30)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi , ĠU C 196, 12.6.2009, p. 4–5

    (31)

    Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

    (32)

    Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja, ir-Renju Unit. Il-Greċja ma pprovdietx informazzjoni dwar il-bexx mill-ajru, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka u Franza ma pprovdewx dejta dwar iż-żona trattata.

    (33)

    Spanja, il-Kroazja, l-Iżvezja, in-Netherlands, l-Ungerija, Malta

    (34)

     SWD(2017) 153 final:, https://circabc.europa.eu/sd/a/abff972e-203a-4b4e-b42e-a0f291d3fdf9/SWD_2017_EN_V4_P1_885057.pdf

    (35)

    Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1 - 73

    (36)

    Id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament, ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19–31

    (37)

     Id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84-97

    (38)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, ĠU L 330, 05.12.1998, p. 32 - 54

    (39)

      https://www.eea.europa.eu/publications/european-waters-assessment-2012

    (40)

    Huwa probabbli li dawn iċ-ċifri jissottovalutaw il-proporzjon tal-korpi tal-ilma tax-xmajjar u dawk tranżizzjonali li qegħdin f’riskju minħabba l-pestiċidi. Minħabba l-mod kif sar l-ewwel rappurtar tal-pjanijiet tal-Ġestjoni tal-Baċini tax-Xmajjar, ma kienx possibbli dak iż-żmien li jiġi ddeterminat b’mod preċiż il-proporzjon tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ fejn ħolqu riskju l-pestiċidi li ġew identifikati bħala sustanzi speċifiċi li jniġġsu. Bħalissa għaddejja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-tieni Pjan tal-Ġestjoni tal-Baċini tax-Xmajjar (2016-2021), u ċ-ċifri aġġornati se jkunu disponibbli tul l-2018.

    (41)

    Il-pjanijiet tar-Rumanija u tal-Portugall ma jsemmu l-ebda miżura ta’ dan it-tip

    (42)

    L-Irlanda u r-Renju Unit ma tawx tweġiba

    (43)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1–18

    (44)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7–50

           

    (45)

    Fil-Greċja, ma hemm l-ebda sistema għall-ġbir ta’ pakketti u kontenituri vojta, u l-Bulgarija u

    r-Renju Unit ma tawx tweġiba

    (46)

    Ir-Renju Unit ma tax tweġiba, u ma kien hemm l-ebda sistema ffinanzjata pubblikament fin-Netherlands,

    Ċipru u Malta

    (47)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549–607.

    (48)

      http://www.endure-network.eu/endure  

    (49)

      http://c-ipm.org/  

    (50)

    Is-seba’ programm qafas: CO-FREE, TEAMPEST, BIOCOMES, SharCo, DROPSA, Fruit Breedomics, EU-Berry, INNOVINE, MARS EUPHOROS, VALORAM, PRATIQUE, ISEFOR, QBOL, Q-Detect, TESTA; Orizzont 2020: EUCLID, EMPHASIS, BLOSTER: http://cordis.europa.eu/projects/home_en.html

    (51)

    L-Awstrija, l-Italja u l-Iżvezja    

    (52)

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi, COM(2017) 109 final

    (53)

     Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2016 dwar l-istabbiliment ta’ programm ta’ ħidma għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi li jiskadu fl-2019, fl-2020 u fl-2021 skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU C 357, 29.09.2016, p. 9-11

    (54)

     Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1432 tas-7 ta’ Awwissu 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fir-rigward tal-kriterji għall-approvazzjoni ta' sustanzi attivi b'riskju baxx, ĠU L 2015, 8.8.2017, p  59–62.

    (55)

    Pereżempju, il-proġetti li ġejjin tas-Seba’ Programm Qafas:

    AGROCOS (http://cordis.europa.eu/project/rcn/94701_en.html),

    PURE ( http://cordis.europa.eu/project/rcn/98869_en.html ),

    CO-FREE ( http://cordis.europa.eu/project/rcn/101750_en.html ),

    BIOCOMES ( http://cordis.europa.eu/project/rcn/111189_en.html ),

    Prolarix (http://cordis.europa.eu/project/rcn/110948_en.html).

    (56)

      http://www.consilium.europa.eu/register/en/content/out/?&typ=ENTRY&i=ADV&DOC_ID=ST-10041-2016-ADD-1

    (57)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, ĠU L 347/549; 20.12.2010, p. 59

    Top