EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0313

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2016

COM/2017/0313 final

Brussell, 12.6.2017

COM(2017) 313 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2016


I. Introduzzjoni

Kif previst mit-Trattat ta’ Lisbona 1 , l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE (EUAV) fl-2014 2 . L-għan huwa li tissaħħaħ l-abbiltà tal-UE biex tipprovdi għajnuna umanitarja abbażi tal-bżonnijiet u biex issaħħaħ il-kapaċità u r-reżiljenza ta’ komunitajiet vulnerabbli jew affettwati mid-diżastri f’pajjiżi li mhumiex fl-UE. Fl-istess ħin, l-inizjattiva tippermetti liċ-ċittadini Ewropej biex juru solidarjetà man-nies fil-bżonn billi jipparteċipaw f’azzjonijiet umanitarji f’dawn il-pajjiżi. 

L-Artikolu 27 tar- Regolament (UE) Nru 375/2014 jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapporti annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

L-inizjattiva bdiet l-operazzjonijiet fl-2016 meta l-ewwel voluntiera ġew imħarrġa u skjerati barra l-UE. Dan huwa t-tielet rapport annwali li jiddeskrivi l-attivitajiet ewlenin u l-kisbiet fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-EUAV 3 .

Ir-rapport huwa bbażat fuq id-dejta miġbura u analizzata skont qafas għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet taħt l-inizjattiva. Il-qafas kien stabbilit u miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA- Education, Audio-visual and Culture Agency), li hija responsabbli għall-ġestjoni tal-maġġoranza tal-operazzjonijiet tal-inizjattiva.

II. Objettivi u prijoritajiet

L-attivitajiet kienu bbażati fuq il-programm ta’ ħidma annwali tal-2016 għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-EUAV adottata mill-Kummissjoni 4 skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 375/2014 u l-Artikolu 84(2) tar-Regolament Finanzjarju 5 . EUR 16 885 000  twarrbu fil-baġit biex tiġi implimentata l-inizjattiva, li kellha l-għan li tgħin:

·fit-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġestjoni tar-riskji marbuta mad-diżastri f'pajjiżi vulnerabbli, fraġli jew milquta minn diżastri u kriżijiet minsija;

·fl-għażla, it-taħriġ u l-iskjerament ta’ voluntiera;

·fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet li jospitaw voluntiera f’pajjiżi li mhumiex fl-UE u tipprovdi assistenza teknika lil organizzazzjonijiet ibbażati fl-Istati Membri tal-UE li jibagħtu lill-voluntiera f’pajjiżi oħra;

·fiċ-ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet li jibagħtuhom u jospitawhom;

·fl-istabbiliment tal-pjattaforma ta’ Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u attivitajiet varji ta’ komunikazzjoni;

·fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ taħriġ għal voluntiera kandidati, iffinanzjat taħt il-programm ta’ ħidma tal-2015.

III. Azzjonijiet implimentati fl-2016

L-azzjonijiet ippreżentati fit-taqsimiet 1-5 hawn isfel huma ddelegati u implimentati mill-EACEA f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni 6 .

L-EACEA hija responsabbli għas-sejħiet għal proposti, sejħiet għall-offerti, il-ġestjoni tal-kuntratti u l-implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet korrispondenti tal-baġit f’konfomità mal-programmi ta’ ħidma annwali addotati mill-Kummissjoni. F’termini tal-ġestjoni ta’ operazzjonijiet, il-Kummissjoni tibqa’ direttament responsabbli biex tistabbilixxi n-netwerk tal-imsieħba u tal-voluntiera, il-pjattaforma onlajn u l-komunikazzjonijiet.

1.Ċertifikazzjoni

L-organizzazzjonijiet kollha li jixtiequ jibagħtu jew jospitaw voluntieri taħt l-inizjattiva tal-EUAV iridu jiġu ċċertifikati 7 . Iċ-ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet mittenti u ospitanti bdiet fl-2015 u kompliet matul l-2016. Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni jivverifika li l-istandards għoljin u l-proċeduri effiċjenti ta’ ġestjoni tal-voluntiera li huma stabbiliti għall-protezzjoni u l-ġestjoni ta’ volontiera waqt l-iskjerament tagħhom taħt l-inizjattiva tal-EUAV jistgħu jiġu mwettqa u milħuqa bis-sħiħ mill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha 8 .

L-għan tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, li ġiet ippubblikata f’Jannar 2015, kien li tinħoloq lista ta’ 100 organizzazzjoni mittenti u ospitanti ċċertifikati, li xtaqu jipparteċipaw fl-inizjattiva tal-EUAV. Sal-aħħar tal-2016, 82 organizzazzjoni ġew iċċertifikati - 23 organizzazzjoni mittenti u 59 organizzazzjoni ospitanti 9 . Applikazzjoni waħda ġiet irrifjutata. L-evalwazzjoni ta’ disa’ applikazzjonijiet oħra li ġew sottomessi fl-2016 se tiġi ffinalizzata fl-2017.

L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni se jibqgħu jiġu aċċettati sat-30 ta’ Settembru 2020. Il-proċess għalhekk se jiġi ssorveljat u mtejjeb regolarment abbażi tal-esperjenza maqsuma bejn il-partijiet interessati. Bħala segwitu għad-djalogu mal-parteċipanti fl-inizjattiva tal-EUAV u r-rispons regolari tagħhom, il-proċess ġie ssimplifikat u l-formoli elettroniċi għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet saru iktar faċli għall-utenti, ċari u disponibbli bi tliet lingwi (l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ispanjol).

2.Assistenza teknika / Bini ta' kapaċità

L-inizjattiva tal-EUAV tipprovdi opportunitajiet għal bini ta' kapaċità għall-organizzazzjonijiet ospitanti u assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet mittenti 10 . L-objettiv huwa li jissaħħu l-abbiltajiet tal-organizzazzjonijiet li għandhom l-intenzjoni li jipparteċipaw fl-inizjattiva u li tiġi żgurata l-osservanza tal-istandards u l-proċeduri stabbiliti għall-inizjattiva tal-EUAV. Sejħa għal proposti (EACEA/27/2016)  ġiet ippubblikata fit-30 ta’ April 2016 11 li tipprovdi baġit totali ta’ EUR 7 960 000 għall-kofinanzjament ta’ proġetti għal bini ta’ kapaċità għal organizzazzjonijiet ospitanti u assistenza teknika għal organizzazzjonijiet mittenti f’oqsma differenti bħalma huma:

·il-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri

·il-ġestjoni tal-volontarjat

·l-abbiltà għall-kisba ta’ ċertifikazzjoni

·l-għodod u l-metodi ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet

·il-bini ta’ sħubiji

·attivitajiet ta’ komunikazzjoni.

Sal-4 ta’ Lulju 2016 (id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet), ġew sottomessi tmien applikazzjonijiet. Ħames proġetti (tlieta għal assistenza teknika u tnejn għal bini ta’ kapaċitajiet) b’total ta’ 39 imsieħba għall-implimentazzjoni ntgħażlu għall-kofinanzjar b’għotja totali tal-UE ta’ EUR 2 845 689 12 .

Il-proġetti ta’ assistenza teknika għal organizzazzjonijiet ibbażati fl-UE jiffukaw fuq it-tisħiħ u t-titjib ta’ dawn il-proċeduri tal-organizzazzjonijiet, il-prattiki għall-ġestjoni ta’ voluntiera u l-abbiltà li jiġu ċċertifikati. Il-bini ta’ sħubiji u alleanzi fost l-organizzazzjonijiet huwa qasam ċar ta’ prijorità li l-organizzazzjonijiet jixtiequ jiżviluppaw.

Oqsma oħra li l-organizzazzjonijiet għandhom l-intenzjoni li jsaħħu jinkludu l-issettjar ta’ standards li jirregolaw il-ġestjoni ta’ sħubijiet, il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, il-ġestjoni tal-programmi u l-iżvilupp tal-volontarjat lokali. Il-proġetti li jiżviluppaw il-ħiliet u l-kapaċitajiet ta’ organizzazzjonijiet ibbażati f’pajjiżi li mhumiex fl-UE huma ffukati wkoll fuq il-bini ta’ sħubiji u alleanzi. Permezz tal-bini ta’ sħubiji mill-qrib matul il-proġetti, l-imsieħba jistgħu jniedu proġetti konġunti ġodda taħt l-inizjattiva tal-EUAV, b’mod partikolari, attivitajiet ta’ skjerament. Huma se jaġixxu bħala ambaxxaturi fi ħdan in-netwerks rispettivi tagħhom u se jgħinu fit-titjib tal-aħjar prattiki skont l-istandards tal-UE.

Studju tal-każ: Il-proġett “More and Better EU Aid Volunteers” huwa mmexxi minn GVC (l-Italja) u huwa implimentat minn tmien organizzazzjonijiet imsieħba minn tmien pajjiżi differenti: Spanja, il-Portugall, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, is-Slovenja, l-Ungerija u assoċjat wieħed mill-Italja. Il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet mittenti preżenti u tal-futur biex iwettqu attivitajiet ta’ Għajnuna Umanitarja, jipparteċipaw fl-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, u jifhmu u japplikaw l-istandards u l-proċeduri meħtieġa biex isiru organizzazzjoni mittenti.

Studju tal-każ: Il-proġett Bini ta’ Kapaċità għal Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE bl-isem "Reinforcement and Sustainability in Humanitarian Volunteering Management" (HVM) għandu l-għan li jsaħħaħ l-imsieħba mill-Balkani, il-Kawkasu u l-Magreb fl-oqsma differenti marbuta mal-ġestjoni ta’ volontarjat umanitarju.

Flimkien ma’ 10 proġetti magħżula għall-finanzjament fl-2015 u li jinvolvu 88 imsieħba, issa hemm total ta’ 15-il proġett li qed joperaw fl-2016. Erbgħa u erbgħin (44) organizzazzjoni (fil-kuntest ta’ proġetti ta’ assistenza teknika) u 85 organizzazzjoni fil-kuntest ta’ proġetti ta’ bini ta' kapaċità) huma involuti f’dawn il-proġetti biex isaħħu l-ġestjoni u s-sistemi operattivi tagħhom, u biex jaħdmu flimkien biex jimplimentaw l-aħjar prassi fit-twassil tal-għajnuna umanitarja u l-ġestjoni tal-volontarjat. 

Mir-rebbiegħa tal-2017, l-ewwel proġetti li bdew attivitajiet fl-2015 se jlestu l-attivitajiet tagħhom. Il-proġetti qed jipprogressaw skont il-programmi ta’ ħidma ġenerali tagħhom mingħajr ebda dewmien sinifikanti rrapportat.

Organizzazzjonijiet involuti fil-:

Bini ta’ Kapaċità

Bini ta’ Kapaċità u Assistenza Teknika (pajjiżi tal-UE) jew Bini ta’ Kapaċità u Skjerament (pajjiżi li mhumiex fl-UE)

Assistenza Teknika biss

Skjerament biss

3.Skjerament

L-iskjerament tal-voluntiera huwa wieħed mill-attivitajiet ewlenin taħt l-inizjattiva tal-EUAV. L-objettiv huwa li jintgħażlu, jiġu mħejjija u skjerati voluntiera żgħażagħ u anzjani biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li tipprovdi għajnuna umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet u li tissaħħaħ il-kapaċità u r-reżiljenza ta’ komunitajiet vulnerabbli jew affettwati minn diżastri f’pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Żewġ proġetti ta’ skjerament magħżula għall-finanzjament skont is-sejħa għal proposti tal-2015 kienu qed joperaw fl-2016. Dawn kienu mmexxija minn gruppi ta’ organizzazzjonijiet mittenti u ospitanti 13 . Taħt dawn il-proġetti ntgħażlu u tħarrġu 44 voluntiera, bl-ewwel skjeramenti li bdew f’Diċembru 2016. Il-voluntiera tal-Għajnuna tal-UE qed jipparteċipaw fi proġetti fi 13-il pajjiż barra mill-UE: fl-Angola, il-Bolivja, il-Kambodja, l-Ekwador, il-Ħaiti, il-Ġordan, il-Libanu, il-Malawi, in-Nikaragwa, is-Senegal, Sierra Leone, it-Tuneżija u t-Turkija. Dawn il-voluntiera għandhom profili differenti u qed jaħdmu f’oqsma diversi. Pereżempju, huma jappoġġjaw l-organizzazzjoni ospitanti tagħhom fil-ġestjoni tal-proġetti, is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, il-komunikazzjoni, il-loġistika, ir-reżiljenza urbana, kwistjonijiet ta’ ġeneru u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.

Sejħa għal proposti (EACEA/14/2016) ġiet ippubblikata fis-17 ta’ Marzu 2016 14 , b’baġit totali ta’ EUR 8 400 000 għall-kofinanzjament ta' proġetti għal skjerament ta’ voluntiera tal-għajnuna tal-UE, inkluż xogħol ta’ apprendistat għal professjonisti żgħażagħ u bini ta’ kapaċità u / jew assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-inizjattiva. Is-sejħa għal proposti kellha żewġ fażijiet b’żewġ dati ta’ skadenza (is-17 ta’ Mejju u l-1 ta’ Settembru 2016). Erba’ proġetti li kienu jinvolvu 71 imsieħba kienu magħżula għall-kofinanzjament b’għotja totali tal-UE ta’ EUR 4 920 356 15 . Taħt dawn il-proġetti, fl-2017 u fl-2018 se jiġu skjerati 162 voluntiera lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Skjerament ta’ Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2016

Pajjiżi msieħba tal-UE

Pajjiżi ta’ Skjerament

4.Evalwaturi esterni

Il-programm ta’ ħidma annwali tal-2016 jipprovdi finanzjament biex jappoġġja l-ġestjoni ta’ sejħiet għal proposti għal ċertifikazzjoni, skjerament, assistenza teknika u bini ta’ kapaċità. L-applikazzjonijiet kollha eliġibbli riċevuti huma soġġetti għal evalwazzjoni esterna indipendenti li tgħin fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar jekk iċ-ċertifikazzjoni għandhiex tingħata jew tiġi rrifjutata jew dwar l-għażla ta’ proġetti għall-finanzjament.

 

Kull sena jiġi stabbilit grupp ta’ esperti fejn ta’ mill-inqas 35 % minnu jikkonsisti minn evalwaturi ġodda. Kull evalwatur huwa magħżul skont evalwazzjoni tal-curriculum vitae li tqis:

·il-livell u l-qasam ta’ studju tagħhom

·l-esperjenza professjonali fil-qasam tal-għajnuna umanitarja

·xogħol preċedenti bħala evalwatur

·lingwi mitkellma.

L-esperti kollha tal-grupp jiġu infurmati dwar il-programm, il-proċess tal-evalwazzjoni u l-għodod tal-evalwazzjoni u jiġu ggwidati matul il-proċess permezz ta’ Gwida Esperta. 68 applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni, skjerament, bini ta’ kapaċità, u proġetti ta’ assistenza teknika ġew evalwati minn 18-il espert.

L-EACEA għandha sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess sabiex tistabbilixxi bażi ta’ dejta ta’ evalwaturi b’livell għoli ta’ għarfien ta’ programmi tal-EACEA. Tali bażi ta’ dejta tgħin biex jinħoloq grupp ta’ esperti annwali iktar malajr.

5.Programm ta' Taħriġ

F’Mejju 2016, ġie iffirmat kuntratt biex jingħata taħriġ lil kandidati voluntiera tal-għajnuna tal-UE, ma’ konsorzju li kien jikkonsisti minn ICF Consulting Services Ltd (ICF), MDF Training and Consultancy BV (MDF), ma’ Punto.sud, Gesellschaft fur Organisation, Planung und Ausbildung mbH Consulting (GOPA), ma’ B&S Europe, l-Austrian Study Centre for Peace and Conflict Resolution (ASPR) u ma’ Scuola Superiore Sant’Anna (SSSUP). F’Ottubru u f’Novembru/Diċembru ġew imħarrġa 97 voluntiera kandidati f’Piża. L-għadd ta’ voluntiera kandidati mħarrġa kien ogħla min-numru ppjanat ta’ voluntiera li kellhom jiġu skjerati sabiex jiġu ġestiti l-kandidati li possibbilment jirtiraw u l-voluntiera kandidati li, wara l-valutazzjoni tat-taħriġ tqiesu bħala mhux tajbin għal skjerament, u biex tiġi żgurata t-tnedija f’waqtha u ta’ suċċess tal-proġetti ta’ skjerament. 

Il-programm ta’ taħriġ ta’ Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE huwa bbażat fuq qafas ta’ kompetenza stipulat fir-Regolament ta' Delega 1398/2014. Qed jitwassal permezz ta’ approċċ ta’ tagħlim konġunt ibbażat fuq:

·20 siegħa ta’ tagħlim onlajn bħala parti minn perjodu ta’ tagħlim introduttorju;

·9 sa 12-il ġurnata ta’ moduli fil-klassi wiċċ imb' wiċċ magħmula minn moduli ta’ taħriġ obbligatorji u volontarji;

·eżerċizzju bbażat fuq xenarji fil-qasam 16 .

It-taħriġ kien jinkludi l-moduli obbligatorji 1-7 kif ukoll il-moduli volontarji 8, 9 u 12. Ir-rispons mill-voluntiera mħarrġin kien pożittiv ħafna b’punteġġ ta’ evalwazzjoni ta’ 8.5 minn 10. Rispons dettaljat mogħti minn voluntiera u ħarrieġa fuq kull modulu ta’ taħriġ se jippermetti għal iżjed raffinar ta’ wħud mill-moduli sabiex kontinwament tittejjeb din il-parti importanti tal-inizjattiva tal-EUAV.

6.Miżuri ta' Appoġġ

L-ammont impenjat fl-2016 għal miżuri ta’ appoġġ immirati lejn l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni fost il-benefiċjarji potenzjali u l-iżvilupp tal-pjattaforma tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE kien ta' EUR 417 015.

Permezz ta’ dawn l-azzjonijiet, il-parteċipanti rilevanti kienu infurmati dwar opportunitajiet biex jiġu involuti fl-inizjattiva, u l-pjattaforma u l-bażi ta’ dejta tal-inizjattiva, l-iskema tal-volontarjat onlajn u n-netwerk tal-imsieħba/volontarji għall-inizjattiva tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE ġew żviluppati aktar.

Il-Kummissjoni kompliet tiġbor il-kontribut dwar l-inizjattiva mill-partijiet interessati: Pereżempju, f’Jannar 2016, għamlet diskussjoni madwar mejda dwar il-proċess tal-applikazzjoni. L-organizzazzjonijiet involuti pprovdew rispons dwar l-isfidi li ltaqgħu magħhom meta applikaw għaċ-ċertifikazzjoni jew meta daħħlu proposti għal skjerament, bini ta’ kapaċità u assistenza teknika. Saru suġġerimenti dwar soluzzjonijiet possibbli u titjib għal parteċipazzjoni effettiva u bla xkiel.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat avvenimenti ta’ informazzjoni għal organizzazzjonijiet dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli taħt l-inizjattiva tal-EUAV. Ġew organiżżati żewġ "Ġranet ta' Info" dwar l-iskjerament, is-sejħa għal proposti u ċ-ċertifikazzjoni għall-organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti u dwar il-bini ta’ kapaċità u l-assistenza teknika fil-5 ta’ April u l-1 ta’ Ġunju 2016 fil-bini ta’ DG ECHO. Iż-żewġ avvenimenti xxandru fuq l-internet u b’hekk ippermettew lil dawk l-organizzazzjonijiet mhux preżenti li jsegwu l-preżentazzjonijiet b’mod remot u jistaqsu mistoqsijiet.

Fil-5 ta’ Diċembru 2016, fil-Jum Internazzjonali tal-Voluntiera, il-Kummissjoni organizzat sessjoni ta’ informazzjoni fejn tat aġġornamenti dwar l-aħħar żviluppi rigward il-voluntiera tal-għajnuna tal-UE u fejn inkoraġġiet lill-organizzazzjonijiet biex jinvolvu ruħhom. Minbarra li jiġbru informazzjoni, l-organizzazzjonijiet kellhom l-opportunità li joħolqu netwerks u jiffaċilitaw sħubiji futuri.

Il-firxa tal-inizjattiva twessgħet permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’bosta avvenimenti kbar, bħas-Summit Umanitarju Dinji (Istanbul, Mejju 2016), l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ fil-Parlament Ewropew (Strasburgu, Mejju 2016), il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp (Brussell, Ġunju 2016), u l-Konferenza u l-Esibizzjoni tal-AidEx (Brussell, Novembru 2016). Il-Kummissjoni żaret ħafna Stati Membri, attendiet konferenzi u għamlet laqgħat bilaterali ma’ organizzazzjonijiet biex tinforma u tinkoraġġixxi lil imsieħba potenzjali biex jipparteċipaw fl-inizjattiva tal-EUAV.

Ġew prodotti materjal ta’ informazzjoni li jinkoraġġixxu lil organizzazzjonijiet potenzjali u voluntiera biex jinvolvu ruħhom, u f’Novembru 2016, xi avvenimenti, bħat-taħriġ ta’ voluntiera kandidati tal-għajnuna tal-UE f’Piża, fl-Italja, taw opportunitajiet biex jinġabru xhieda u materjal ta’ komunikazzjoni ieħor mill-voluntiera.

L-għodda ewlenija li tippermetti l-ħidma tan-netwerk tal-imsieħba u tal-voluntiera 17 hija l-pjattaforma tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. 18 Ġiet żviluppata mill-Kummissjoni u tnediet fis-sajf tal-2016. Gradwalment ġew introdotti fatturi u għodod differenti, eż, spazju għal diskussjonijiet, proġetti individwali, pożizzjonijiet vakanti, profili tal-volontiera, spazju fejn jistgħu jinteraġġixxu proġetti individwali eċċ. Il-pjattaforma sservi primarjament bħala ambjent ta’ ħidma għal proġetti magħżula, u għal organizzazzjonijiet u voluntiera ċċertifikati. Madanakollu, toffri ħafna opportunitajiet għall-ħolqien ta’ netwerks għall-parteċipanti u għal dawk li huma interessati li jipparteċipaw fil-futur. Il-karatteristiċi futuri se jinkludu notifiki awtomatiċi u stħarriġ dwar is-sodisfazzjon.

IV. Il-konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem

L-implimentazzjoni fl-2016 tal-inizjattiva tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE kienet ikkaratterizzata minn:

·il-bidu tal-ewwel għaxar proġetti dwar il-bini ta’ kapaċità u l-assistenza teknika u l-iskjerament tal-ewwel żewġ proġetti li wasslu għall-ewwel voluntiera tal-għajnuna tal-UE;

·il-pubblikazzjoni tal-ewwel postijiet vakanti għall-voluntiera;

·l-implimentazzjoni tal-ewwel taħriġ ta’ voluntiera u l-programm tat-taħriġ;

·il-proċess taċ-ċertifikazzjoni li kien qed isir li rriżulta fiċ-ċertifikazzjoni ta’ 82 organizzazzjoni mittenti u ospitanti;

·it-tnedija tal-pjattaforma tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

Minkejja l-implimentazzjoni iktar bil-mod milli mistenni tal-opportunitajiet tal-programmi, l-organizzazzjonijiet qed isiru iktar familjari u kunfidenti mal-inizjattiva u l-implimentazzjoni tagħha qed titjieb, b’ħafna organizzazzjonijiet li diġà qed jimplimentaw proġetti u jippjanaw iktar attivitajiet fil-futur.

Fl-2017 l-inizjattiva se tkompli tipprovdi opportunitajiet sabiex iktar organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti jkunu jistgħu jibbenifikaw minn bini ta’ kapaċità u proġetti ta’ assistenza teknika, u sabiex iktar voluntiera jkunu jistgħu jiġu skjerati f’pajjiżi li mhumiex fl-UE. Iċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti se tkompli fuq bażi rikorrenti u l-pjattaforma tal-Volontiera tal-Għajnuna tal-UE se tinżamm u se tibqa’ tiġi żviluppata. Barra minn hekk, l-ewwel opportunitajiet ta’ volontarjat onlajn huma mistennija jiġu ppubblikati fis-sajf tal-2017.

L-inizjattiva tal-EUAV se tiġi promossa iktar permezz ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni. Kampanja attiva ta' kuntatt se jkollha l-għan li ttejjeb ir-rata ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti mill-2016 u se żżid in-numru ta’ proġetti ffinanzjati. In-netwerking se jikkontribwixxi għall-bini ta’ sħubiji u se jżid in-numru ta’ organizzazzjonijiet involuti fl-inizjattiva. Fi Frar 2017 sar workshop ta’ netwerking tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fejn il-parteċipanti tal-EUAV kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ organizzazzjonijiet, jinteraġixxu, jaqsmu esperjenzi u jibnu sħubiji ġodda.

Bħalissa qed issir evalwazzjoni interim tal-inizjattiva minn evalwaturi indipendenti, kif meħtieġ mir-Regolament 375/2014.

F'konformità mal-programm ta’ ħidma għall-2017 19 , wieħed mill-objettivi ewlenin se jkun li jikkontribwixxi lejn it-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġestjoni tar-riskji marbuta mad-diżastri f'pajjiżi vulnerabbli, fraġli jew milquta minn diżastri u kriżijiet minsija, inklużi azzjonijiet fl-istadji sussegwenti taċ-ċiklu ta’ ġestjoni tad-diżastri:

·il-prevenzjoni tad-diżastri

·it-tħejjija

·it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri

·l-irkupru minn diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem

·it-twissija minn kmieni.

L-iskjerament ta’ Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE f’pajjiżi li mhumiex fl-UE sabiex jiġu appoġġjati komunitajiet lokali biex dawn ikunu jistgħu jtejbu r-reżiljenza u l-kapaċitajiet tagħhom biex jimmaniġġjaw id-diżastri se jkompli juri l-impenn politiku qawwi tal-Kummissjoni fit-tisħiħ tar-reżiljenza f’dawn il-pajjiżi. Dawn l-attivitajiet se jikkontribwixxu:

·għall-bini ta’ soċjetajiet iżjed ippreparati, iżjed inklużivi u iżjed stabbli

·għat-titjib ta’ servizzi u opportunitajiet

·għat-tnaqqis ta’ riskji

·għat-tnaqqis fit-tbatija u telf.

Aktar informazzjoni dwar l-inizjattiva tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE ssibha fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/echo/what/humanitarian-aid/eu-aid-volunteers_en  

(1)  L-Artikolu 214(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: "Sabiex jiġi stabbilit qafas għal kontribuzzjonijiet konġunti minn żgħażagħ Ewropej għall-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tal-Unjoni, għandu jkun stabbilit Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli u l-proċeduri għall-funzjonament ta' dan il-korp.
(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (“l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”)(ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1398/2014 tal-24 ta' Ottubru 2014 li jistabbilixxi standards u proċeduri dwar il-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE (ĠU L 373, 31.12.2014, p. 8). Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2014 tal-20 ta’ Novembru 2014 li jistabilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew tal-Għajnuna Umanitarja ( “l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”) (ĠU L 334, 21.11.2014, p. 52).
(3)  Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2014, COM(2015)335 tat-13.07.2015 u r-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2015, COM(2016)436 tat-30.06.2016
(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015)9058 tal-15.12.2015 dwar l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-2016 u l-finanzjament għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.
(5)   Ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012  tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002. (ĠU L 298, 26.10.2012)
(6)

 Id-diviżjoni tal-kompiti bejn il-Kummissjoni u l-EACEA hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 9189 tat-18.12.2013 li tiddelega setgħat lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura bil-ħsieb li twettaq ħidmiet marbuta mal-implimentazzjoni ta’ programmi tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, l-awdjoviżiv u l-kultura li jinkludu, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni u l-allokazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ). 

(7) L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 375/2014; L-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1398/2014.
(8) https://eacea.ec.europa.eu/sites/eacea-site/files/certification-call-announcement-012115.pdf   
(9) http://eacea.ec.europa.eu/eu-aid-volunteers/selection-results/selection-results-certification-mechanism-for-sending-and-hosting-organisations_en
(10) L-Artikolu 10 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 375/2014
(11) ĠU C 155, 30.4.2016, p. 6.
(12) https://eacea.ec.europa.eu/sites/eacea-site/files/selection_results_2016_0.pdf   
(13)

 Il-lista sħiħa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti għal kull proġett: https://eacea.ec.europa.eu/sites/eacea-site/files/deployment.pdf

(14) ĠU C 101, 17.3.2016, p. 6.
(15) https://eacea.ec.europa.eu/sites/eacea-site/files/selection_results_euav_deployment_2016_2.pdf   
(16)  L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1244/2014
(17)  L-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 375/2014
(18) https://webgate.ec.europa.eu/echo/eu-aid-volunteers_en  
(19) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016)8989 tal-6.1.2017 dwar l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-2017 tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.
Top