EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0159

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond ta' Żvilupp Ewropew li jkopri l-perjodu 2014-2015

COM/2017/0159 final

Brussell, 5.4.2017

COM(2017) 159 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond ta' Żvilupp Ewropew li jkopri l-perjodu 2014-2015

{SWD(2017) 123 final}


Ir-rapport jikkonforma mar-rekwiżiti tal-11-il Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) li jinsabu fl-Artikolu 18.4/5/6 tiegħu. 1 Dan hu l-ewwel rapport dovut għall-perjodu kopert mill-11-il FEŻ (2014-20) u jkopri s-snin 2014 u 2015.

Il-11-il FEŻ daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2015 wara r-ratifika tal-Ftehim Intern 2 mit-28 Stat Membru kollha tal-UE. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni bejn l-10 FEŻ, li spiċċa fil-31 ta' Diċembru 2013, u d-dħul fis-seħħ tal-11-il FEŻ kien ġestit bl-użu ta' miżuri tranżitorji (l-hekk imsejħa Faċilità ta' Tranżizzjoni) deċiża mill-Kunsill tal-UE. 3  

Il-FEŻ, għalkemm għandu l-ispeċifiċitajiet tiegħu, huwa parti mill-Istrumenti ta' Finanzjament Estern, u huwa kopert minn irrappurtar ġenerali eżistenti. Is-sorsi ewlenin għall-ewwel Rapport ta' Implimentazzjoni annwali tal-11-il FEŻ huma

ir-Rapporti Annwali tal-Attività tal-2014 u l-2015,

ir-Rapport Annwali tal-2015,

il-kontijiet annwali tal-FEŻ tal-2014 u l-2015,

it-Tieni Rapport dwar Ċerti Riżultati (Lulju 2014 – Ġunju 2015)

u l-annessi rilevanti rispettivi tagħhom. Dawn is-sorsi jsiru pubbliċi mal-adozzjoni tagħhom u jkunu disponibbli fis-sit Europa (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal - DĦP, anness F).

Rapportar ad hoc dwar Nefqiet ta’ Sostenn jiġi pprovdut separatament u bi frekwenza biennali (l-artikolu 6.1, il-Ftehim Intern). Jidher li l-użu tar-riżorsi tal-FEŻ mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u mill-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej (PTEE) huma koperti minn rapportar speċifiku 4 .

Filwaqt li l-enfasi esklussiva tar-rapport suppost li tkun il-11-il FEŻ, l-implimentazzjoni ta' strument tant ambizzjuż, kemm f’termini ta' kopertura u kemm f’termini ta' kamp ta' applikazzjoni, ma tistax tiġi kkunsidrata b'mod iżolat mill-politika tal-iżvilupp u ta' kooperazzjoni internazzjonali tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk, u biex jitfakkar l-isfond tiegħu, li jerġa' jirreferi għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG) u l-Inizjattiva MDG, juri l-interazzjonijiet mal-programmi tematiċi ffinanzjati skont l-Istrumenti Finanzjarji Esterni (eż. l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp – SKŻ u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem – EIDHR) u jidentifika r-rabta mal-prijoritajiet attwali tal-Kummissjoni. Kull meta jkun possibbli, jiġu estratti dejta u/jew eżempji mill-FEŻ.

Huwa importanti li, filwaqt li l-fondi impenjati skont il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sat-28 ta' Frar 2015 tqiesu bħala tal-11-il FEŻ, ir-riżorsi disponibbli kienu limitati u ma jistgħux jitqabblu mal-verżjoni sħiħa tal-11-il FEŻ. L-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ mhix se tilħaq il-veloċità ideali sa tmiem l-2016 u l-istampa tal-implimentazzjoni li jagħti dan l-ewwel rapport annwali għandha għalhekk tqis il-kundizzjonijiet tal-bidu tal-11-il FEŻ.

L-istess raġunament japplika għar-riżultati. Ir-riżultati ppreżentati fid-DĦP akkumpanjanti huma dawk ta' proġetti u programmi li ntemmu bejn l-1 ta' Lulju 2014 u t-30 ta' Ġunju 2015, li huma b'hekk iffinanzjati skont l-għaxar FEŻ. Dawn ġew ikkalkulati skont l-indikaturi definiti fil-Qafas tar-Riżultati tal-UE fl-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali, imnedija mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' Marzu 2015 5 . Fid-dawl tal-prinċipju tal-kontinwità tal-operat, dawn jirrappreżentaw il-linja bażi li l-prestazzjoni tal-11-il FEŻ se tiġi kkalkulata skontha. Barra minn hekk, ta' min jinnota li l-proġetti u l-programmi li l-UE ffinanzjat jew għenet il-finanzjament tagħhom spiss iħallu riżultati li, fin-natura tagħhom stess, mhumiex kwantifikabbli (eż. bini ta' kapaċità).

F'termini ta' effikaċja tal-għajnuna, l-approċċ huwa fih innifsu wieħed globali, kif ippreżentat fl-aħħar Rapport Annwali dwar l-istrumenti tal-UE għall-finanzjament ta' azzjonijiet esterni, li l-aħħar kapitolu ttieħed minnu. Fl-istess ħin, jeżistu oqfsa strateġiċi b'enfasi reġjonali bejn l-UE u l-pajjiżi AKP, jiġifieri l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika (2007), il-Ftehim Ekonomiku u ta' Sħubija UE-CARIFORUM (2008), l-Istrateġija ta' Sħubija Konġunta bejn l-Karibew u l-UE (2012), u s-Sħubija ta' Żvilupp bejn l-UE u l-Paċifiku (2006 u 2012). Rieżami tal-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp imwettaq mis-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp fi tmiem l-2016 6 se jiġi rifless fir-Rapport Annwali ta' Implimentazzjoni tal-11-il FEŻ li jmiss.

Żviluppi maġġuri ġodda mhumiex maqbuda għalkollox fir-rapport minħabba l-perjodu ta' kopertura tiegħu. Ir-rapport annwali li ġej se jqis il-kwistjonijiet u l-prijoritajiet strateġiċi ewlenin il-ġodda. Il-kuntest attwali ġie stabbilit mill-kriżi finanzjarja, il-bidla paradimmatika fil-politika tal-iżvilupp (mill-MDGs għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, SDGs), u l-emerġenza kostanti tal-UE bħala attur globali, bl-atturi tal-UE jaħdmu dejjem iktar flimkien. F'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa meħtieġ rieżami tal-qafas Ewropew għall-politika tal-iżvilupp, fil-qafas tal-Aġenda 2030 u l-SDGs, kif inkorporati fl-Istrateġija Globali tal-UE u fil-proposta reċenti tal-Kummissjoni dwar Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp 7 .

Finalment, il-11-il FEŻ jammonta għal EUR 29,455 biljun (inklużi il-PTEE u esklużi n-nefqiet ta' sostenn) b'impenji li fil-31 ta' Mejju 2015 kienu jlaħħqu l-EUR 4,024 biljun u żborż ta' EUR 1,619 biljun (ara d-DĦP, l-anness A). Jenħtieġ li l-fażi tal-bidu li mxiet bil-mod, imsemmija aktar 'il fuq, tiġi kkunsidrata meta jinqraw dawn iċ-ċifri 8 .

KUNTEST U GĦANIJIET KUMPLESSIVI

Instab qbil dwar tmien MDGs 9 waqt is-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2000 mill-komunità tad-donaturi, li tinkludi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, bl-għan aħħari li sal-2015 jinqered il-faqar. L-UE ilha impenjata li tgħin biex jintlaħqu l-MDGs mill-bidu nett tagħhom u kienet fuq quddiem biex tintegrahom fil-politika u l-prattika tal-iżvilupp tagħha. Flimkien, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-kontributuri ewlenin għall-MDGs f’termini finanzjarji, peress li dawn jipprovdu madwar nofs l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) minn wara l-2000. Barra minn hekk, l-UE għandha rwol fil-koordinament tal-azzjonijiet tad-diversi donaturi. Grazzi għad-dimensjoni sopranazzjonali tagħha, hija tista' tiffissa għanijiet konġunti ambizzjużi u toffri soluzzjonijiet komprensivi għall-isfidi tal-iżvilupp globali. L-UE għandha preżenza dinjija f'iktar minn 130 pajjiż, kompetenza wiesgħa u kredibbiltà unika dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-osservazzjoni elettorali, il-governanza u s-soluzzjoni tal-kriżijiet. Finalment, l-UE għandha l-piż kritiku biex twieġeb l-isfidi globali. L-attivitajiet ta' żvilupp tal-UE huma kkoordinati mal-isforzi tagħha f’oqsma oħrajn, bħall-għajnuna umanitarja, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà u l-politika kummerċjali. F'termini ta' żvilupp uman, l-UE għadha impenjata li tonfoq tal-inqas 20 % tal-għajnuna tagħha f'servizzi soċjali bażiċi, b'enfasi fuq is-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, tul il-qafas finanzjarju 2014–2020.

Biex jitħaffef il-progress lejn l-MDGs, fl-2010 l-Kummissjoni Ewropea stabbiliet pjan ta' azzjoni bi 12-il punt 10 . Fl-2011, meta ħafna pajjiżi kienu għadhom lura f'ħafna għanijiet, l-UE ħolqot Inizjattiva MDG ġdida 11 , fejn ipprovdiet finanzjament ibbażat fuq il-ħtiġijiet u fuq il-prestazzjoni, b'valur ta' EUR 1 biljun. EUR 700 miljun minnhom għandhom fil-mira l-MDGs li għadhom l-iktar lura (il-ġuħ, is-saħħa tal-ommijiet, il-mortalità tat-tfal u l-ilma u l-miżuri sanitarji), filwaqt li EUR 300 miljun għandhom fil-mira pajjiżi b’rekord pożittiv fl-implimentazzjoni tal-għajnuna. S’issa, l-inizjattiva MDG qed tiffinanzja 70 proġett f’46 pajjiż 12 . Barra minn hekk, fl-2012, l-UE u l-Istati Membri tagħha bdew jaħdmu fuq programm ambizzjuż ta' bdil maħsub biex iżid l-impatt tal-iżvilupp terġa' iktar u jtejjeb ir-riżultati fl-MDGs, billi jiffoka strateġikament fuq il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn (fosthom pajjiżi fraġli) u fuq setturi prijoritarji. Dawn il-prijoritajiet, li huma stipulati fl-Aġenda għall-Bidla 13 , issa qed jiġu implimentati skont l-istrumenti tal-Azzjoni Esterna l-ġodda għall-perjodu 2014–2020.

Dan hu rifless partikolarment fl-istrumenti l-ġodda ta' Azzjoni Esterna għall-perjodu 2014-2020 (eż. l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp il-ġdid u r-Regolament li jimplimenta l-11-il FEŻ jirreferu espliċitament għall-MDGs bħala l-indikaturi ewlenin għall-kejl tal-ksib tal-għanijiet ta' dawn l-istrumenti). B'mod partikolari, ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-11-il FEŻ (ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322) 14 , isemmu lill-MDGs espressament bħala indikaturi rilevanti għall-kejl tal-progress fil-ksib tal-għanijiet tal-11-il FEŻ 15 , li huma marbuta fundamentalment mal-għanijiet tal-għaxar FEŻ u bbażati fuq dawk tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou, kif iddikjarat fl-Artikolu 1. L-għan ewlieni għandu jkun it-tnaqqis tal-faqar, u fit-terminu t-twil il-qerda tiegħu. Barra minn hekk, fl-istess ħin, il-11-il FEŻ għandu: irawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli u inklużiv; jikkonsolida u jsostni d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali; u jimplimenta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha. Kif indikat fir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni, wara tmiem l-era tal-MDG fl-2015, il-11-il FEŻ se jkejjel il-progress fl-ilħuq tal-għanijiet imsemmija fuq permezz ta' indikaturi oħrajn maqbula fil-livell internazzjonali mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, jiġifieri l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs).

ENFASI FUQ IL-PRIJORITAJIET TAL-KUMMISSJONI

Il-politika tal-iżvilupp tal-UE u l-ħidma tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' din il-politika huma stabbiliti sew fuq żewġ prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni tal-President Juncker: "L-UE bħala Attur Globali Aktar b’Saħħtu" u "Lejn Politika Ġdida dwar il-Migrazzjoni". Barra minn hekk jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal "Spinta Ġdida għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment" u "Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li Tħares 'il Quddiem".

L-UE bħala Attur Globali Aktar b’Saħħtu fir-reġjun tal-AKP

L-UE trid taqdi r-rwol tagħha billi tirreaġixxi b'mod effikaċi għall-isfidi globali, tipproġetta l-valuri tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u l-prosperità fid-dinja.

Prijorità ewlenija tal-UE hija li tibni soċjetajiet paċifiċi u teqred il-faqar f'pajjiżi fraġli u affettwati mill-kunflitti. L-UE tappoġġa lill-pajjiżi sħab madwar id-dinja fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-paċi dejjiema, jippromwovu l-istabbiltà politika tagħhom u jibnu soċjetajiet u infrastrutturi mill-ġdid wara sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Il-prijoritajiet tal-UE f'dan il-qasam huma li tippromwovi governanza tajba, tistabbilixxi l-istat tad-dritt, tiġġieled il-kriminalità u ssaħħaħ l-infurzar tal-liġi.

L-adozzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fl-2015 – is-suċċessuri tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju – u l-adozzjoni tal-Aġenda "Nittrasformaw id-dinja tagħna: L-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli" stabbilew qafas ġdid għal azzjoni globali għall-qerda tal-faqar u l-ksib ta' żvilupp sostenibbli sal-2030. L-UE ntrabtet li timplimenta bis-sħiħ l-Aġenda 2030 tul il-firxa ta' politiki kemm interni kif ukoll esterni. Il-kamp ta’ applikazzjoni, l-ambizzjoni u l-universalità ta' din l-Aġenda l-ġdida – li l-UE kellha rwol ewlieni u influwenti fiha sa mill-bidu tagħha – jirrappreżentaw kisba reali fi żmien ġeneralment diffiċli għall-multilateraliżmu. L-2015 kienet ukoll is-sena li matulha, in-negozjati internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp wasslu għall-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa. F'Addis, l-UE kienet strumentali biex tiġi żgurata l-adozzjoni ta' ftehim multilaterali fejn il-partijiet kollha qablu dwar il-Mezzi ta' Implimentazzjoni tal-aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015. L-UE ppreżentat kontribuzzjonijiet importanti inkluż dwar l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) b'impenn kollettiv ambizzjuż li tintlaħaq il-mira tan-NU ta' 0,7 % fil-qafas tal-aġenda 2030 il-ġdida.

Matul l-2015, il-Kummissjoni Ewropea flimkien mas-SEAE nediet ukoll konsultazzjoni wiesgħa dwar is-sħubija futura tal-UE mal-pajjiżi AKP biex ikomplu jżidu mal-proposta ta' politika futura tul l-2016. Inħolqot Task Force ddedikata għal dik il-fini. Din it-Task Force, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, wettqet sensiela ta' diskussjonijiet madwar il-mejda ma' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati u abbozzat Dokument ta' Diskussjoni Konġunt (06/10/2015 JOIN(2015) 33 final) dwar din il-kwistjoni. Il-konsultazzjoni pubblika ngħalqet fil-bidu tal-2016 u sussegwentement sar disponibbli rapport dwar l-eżitu. Il-konsultazzjoni se tipprovdi materjal prezzjuż li, flimkien ma' riflessjonijiet interni u analiżi fil-fond tal-għadd kbir ta' evalwazzjonijiet eżistenti, se tkun ta' gwida għall-passi li jmiss tal-proċess 16 . B'mod parallel, saru laqgħat regolari fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex jgħinu biex tiġi definita l-pożizzjoni Ewropea dwar il-ħafna aspetti differenti tal-kwistjoni. Se ssir proposta għal qafas għal wara Cotonou fl-2017 permezz ta’ Komunikazzjoni. Din se tkun ibbażata fuq evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt ta' dokumenti ta’ ħidma tal-persunal.

Il-Fondi Fiduċjarji (TFs) huma għodod ta' żvilupp li jiġbru flimkien ir-riżorsi minn donaturi differenti sabiex ikun jista' jkun hemm reazzjoni tal-UE malajr, flessibbli u kollettiva għad-dimensjonijiet differenti ta' sitwazzjoni ta' emerġenza. Ġew introdotti żewġ tipi ta' TFs fil-11-il Regolament Finanzjarju tal-FEŻ (l-Artikolu 42), ibbażati fuq ir-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Baġit tal-UE 17 :

TFs ta' Emerġenza u ta' Wara Emerġenza biex jindirizzaw kull tip ta’ kriżi, billi jippermettu lill-Kummissjoni tal-UE tiddeċiedi u tapplika proċeduri ta' għotjiet rapidi u biex jiġu ddelegati kompiti ta' implimentazzjoni jekk jitqies li jkunu iktar effikaċi,

TFs tematiċi biex jindirizzaw l-isfidi globali, billi jippermettu lill-Kummissjoni timplimenta direttament l-attivitajiet meħtieġa skont il-proċeduri standard tagħha.

L-UE kompliet l-impenn proattiv tagħha fuq il-bordijiet u l-kumitati tal-inizjattivi globali, jiġifieri l-Fond Globali għall-Ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja (GFTAM), l-Alleanza Globali tat-Tilqim (GAVI), u s-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni (GPE) 18 . Dawn l-inizjattivi globali jiffukaw fuq l-indirizzar ta' sfidi ewlenin għal ħafna pajjiżi sħab fl-isforzi tagħhom li jilħqu l-MDGs u l-SDGs tas-saħħa u l-edukazzjoni, bħal dawk relatati mat-tliet mardiet fil-każ tal-GFTAM u l-iżgurar ta' ekwità ta' aċċess u titjib fl-eżiti tat-tagħlim fil-każ tal-GPE. Permezz tal-parteċipazzjoni proattiva tagħha fuq il-bordijiet tal-Fond Globali, il-GAVI u l-GPE, l-UE kellha rwol strumentali fit-titjib tal-governanza, sorveljanza prammatika u allokazzjoni u programmazzjoni iktar effikaċi tar-riżorsi lejn il-pajjiżi foqra. Is-sħubija f'bord f'dawn l-inizjattivi tat leħen sinifikattiv lill-UE fid-dibattitu internazzjonali dwar il-politika tas-saħħa u tal-edukazzjoni, filwaqt li pprovdiet ukoll pjattaforma biex tappoġġa l-progress fl-effikaċja tal-għajnuna u l-iżvilupp u s-sens ta' sjieda tal-pajjiż. L-UE kienet proattiva ħafna f'pajjiżi ta' appoġġ affettwati mill-kriżi epidemika tal-Ebola.



Reazzjoni għall-kriżi tal-Ebola

B'reazzjoni għall-kriżi tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika fl-2014, il-Kummissjoni mmobilizzat madwar EUR 210 miljun f'assistenza għall-iżvilupp u għall-irkupru bikri biex jiġu kkonsenjati fl-2014 u fl-2015. Il-finanzjament kellu l-għan li jappoġġa l-istabbiltà makroekonomika u s-setturi tas-saħħa fl-iktar pajjiżi affettwati, u li jsaħħaħ kemm il-pajjiżi l-oħra fir-reġjun ikunu lesti għall-Ebola. Minbarra dan, il-kontribuzzjonijiet għall-għajnuna umanitarja u EUR 138,4 miljun għar-riċerka dwar trattament, dijanjostiċi u tilqim, il-kontribuzzjoni totali tal-Kummissjoni Ewropea ammontat għal EUR 414-il miljun. Il-finanzjament ġenerali mill-UE, inkluż il-baġit tal-UE u l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri kien ta’ aktar minn EUR 1,2 biljun. Ammont addizzjonali ta' iktar minn EUR 100 miljun ġie ffinanzjat mill-industrija fil-kuntest tal-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi.

Ġew allokati EUR 210 miljun għall-iżvilupp u l-irkupru bikri biex ikunu appoġġati l-għanijiet li ġejjin: EUR 122 miljun għall-appoġġ tal-istabbiltà makroekonomika u s-servizzi tas-saħħa fl-iktar pajjiżi affettwati; EUR 5 miljun għall-missjoni tal-Unjoni Afrikana "Appoġġ għat-Tifqigħa tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika (ASEOWA)"; EUR 8 miljun għal laboratorji mobbli u taħriġ ta' ħaddiema tas-saħħa fil-Guinea, in-Niġerja u l-Liberja; EUR 28 miljun għall-kura tas-saħħa, is-sigurtà alimentari, l-ilma u s-sanitazzjoni u r-reżiljenza tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli; EUR 20 miljun għat-tisħiħ tas-servizzi tas-saħħa fil-Forestrija tal-Guinea; u EUR 27,5 miljun għall-preparazzjoni fis-saħħa, sensibilizzazzjoni u l-prevenzjoni tal-vjolenza f'pajjiżi ġirien affettwati u f'riskju.

Ir-reazzjoni tal-UE kompliet tul l-2015 (finanzjament ta' EUR 660 miljun imwiegħed għall-iżvilupp). Appoġġ addizzjonali tal-baġit tħallas lil-Liberja (EUR 31 miljun) u lil Sierra Leone (EUR 43 miljun) biex itaffi l-impatt ekonomiku tal-epidemija u jipprovdi lill-pajjiżi b'fondi prezzjużi għall-istabbilizzazzjoni tal-baġit tal-istat – pereżempju biex jitħallsu s-salarji u jkunu koperti spejjeż rikorrenti oħrajn. Ġew varati għadd ta’ proġetti strateġiċi taħt il-programm AWARE (A West Africa Response to Ebola) li jorbot l-għajnuna umanitarja mal-iżvilupp, eż. it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, ir-reżiljenza tal-għajxien fil-Guinea u l-aċċess għall-ilma fl-iskejjel fil-Liberja. Ġew imnedija wkoll l-ewwel programmi ta’ rkupru fil-Guinea (is-saħħa) u fil-Liberja (l-edukazzjoni u l-enerġija). Sa tmiem l-2015, it-tliet pajjiżi milquta kienu kollha fit-triq li jiġu ddikjarati ħielsa mill-Ebola.

Il-Fond Fiduċjarju Bêkou tal-UE

Il-Fond Fiduċjarju Bêkou tal-UE nħoloq f'Lulju 2014 b'mandat li jappoġġa r-reżiljenza u li jgħaqqad l-għajnuna, l-irkupru u l-iżvilupp fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (CAR) fil-perjodu ta' wara kriżi bla preċedenti fl-2013/2014. Il-fond illum huwa mogħni b'EUR 136 miljun. Il-FEŻ ikkontribwixxa għad-dotazzjoni tal-Fond Fiduċjarju Bêkou b'EUR 44 miljun. Madankollu, il-kontribuzzjonijiet ma għandhom l-ebda allokazzjoni speċifika, peress li l-Fond, fin-natura tiegħu, jiġbor il-fondi mingħajr allokazzjoni. It-tifqigħa ta' vjolenza ta' Settembru u Ottubru 2015 ma wasslitx għal dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-proġetti – u l-attivitajiet għaddejjin kollha ssoktaw wara ftit ġimgħat ta' sospensjoni. Sa mill-ħolqien tiegħu, il-Fond adotta, vara u implimenta b'suċċess sensiela ta' proġetti li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet urġenti tal-popolazzjonijiet fis-setturi tal-ġeneri, tas-saħħa, tar-riabilitazzjoni urbana, tas-sigurtà alimentari u tar-refuġjati.

Sal-lum, iktar minn 500 000 ċittadin tas-CARqed jibbenefikaw direttament mill-proġetti ffinanzjati minn Bêkou. Riżultati oħrajn: kważi nofs miljun persuna kienu assistiti taħt programm tas-saħħa bażika (tilqim, ħlas assistit, eċċ.), 10 000 bidwi rċevew 200 tunnellata ta' żerriegħa, kważi 1 000 mara tħarrġu (inkluż kontra l-vjolenza abbażi ta' sess), eċċ. Il-Fond żgura viżibilità għolja għall-UE fis-CAR minkejja kuntest fraġli ħafna, nuqqas ta' interess mill-komunità tad-donaturi u tifqigħat addizzjonali ta' vjolenza.

Fis-settur tas-"sessi", il-programm implimentat tejjeb kemm il-kundizzjonijiet soċjali u kemm dawk ekonomiċi tan-nisa Ċentru-Afrikani permezz ta’ taħriġ, appoġġ mediku u psikoloġiku kif ukoll għajnuna finanzjarja. Xi riżultati miksuba fl-2015:

- 990 mara tħarrġu (inkluż kontra l-vjolenza abbażi ta' sess) 

- 45 NGO lokali assoċjati għall-implimentazzjoni tal-proġett

- 1 780 persuna bbenefikaw minn taħriġ ekonomiku 

Proġett ieħor implimentat fis-settur tas-"saħħa", li sar f'Bangui u ħamest ibliet oħrajn madwar il-pajjiż, kellu l-għan li jiżgura l-aċċess għal servizzi tas-saħħa bażiċi lil miljun ruħ f'kuntest fejn il-parti l-kbira tal-istrutturi u s-servizzi tas-saħħa ġew interrotti wara l-kriżi tal-2013. Xi riżultati miksuba fl-2015:

- L-iżgurar ta' aċċess għas-servizzi bażiċi tas-saħħa f'6 ibliet madwar il-pajjiż 

- 450 000 benefiċjarju dirett (tilqim, ħlas assistit, eċċ.) 

- Riorganizzazzjoni tad-"distrett tas-saħħa" li tiżgura effetti fit-tul tal-proġett

Il-programm implimentat taħt is-settur tar-"riabilitazzjoni urbana" jinvolvi r-rikostruzzjoni taż-żoni fqar u suxxettibbli għall-vjolenża ta' Bangui permezz ta' ħidma intensiva fix-xogħol (HIMO) li tippermetti, fost affarijiet oħra, ir-riabilitazzjoni ta’ infrastrutturi pubbliċi. Xi riżultati miksuba fl-2015:

- 1 100 ħaddiem impjegat u mħarreġ waqt ix-xogħlijiet

- 800 persuna miktuba fi programm ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni ta' kunflitti.

Il-programm tas-"sigurtà alimentari" għandu l-għan li jappoġġa s-sigurtà alimentari u tan-nutriment abbażi ta' tliet komponenti: a) It-tisħiħ ta' reżiljenza alimentari fil-livell komunitarju; b) ir-riorganizzazzjoni tan-netwerk “transumanza”; c) it-twaqqif tal-produzzjoni alimentari lokali u tat-trobbijiet tal-bhejjem żgħar madwar Bangui. Fl-2015 inkisbu r-riżultati li ġejjin:

- 10 000 bidwi rċevew 200 tunnellata żerriegħa 

- tqassmu 28 121 għodda u 200 tunnellata żerriegħa (RDK bl-FAO)

- tlaqqmu 30 000 baqra (tilqim kontra mard)

Faċilità għall-Paċi fl-Afrika - Il-Mekkaniżmu ta' Rispons Bikri (ERM)

Madwar l-Afrika, għad hemm kunflitti li qed joħolqu tbatija umana. Il-kunflitti huma fost il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni u impediment maġġuri għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Huwa għalhekk li l-appoġġ għall-paċi u s-sigurtà huwa fil-qalba tal-istrateġija tal-UE għall-kontinent. L-UE temmen li l-isforzi ta' paċi u sigurtà għandhom jitmexxew mill-Afrikani biex jirnexxu. L-UE għalhekk stabbiliet il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA) fl-2004 biex tappoġġa dawn l-isforzi. Sa mill-bidu, il-FPA ffinanzjat operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi f'żoni milquta minn kunflitti, bħal Darfur. Madankollu, kien jonqosha mekkaniżmu li jippermetti lill-Unjoni Afrikana tindirizza l-kunflitti qabel ma jfaqqgħu. Il-Mekkaniżmu ta' Rispons Bikri (ERM) ġie stabbilit fl-2009 biex jgħin jipprevjeni kriżijiet politiċi u ta’ sigurtà milli jiddeġeneraw f'kunflitt apert. Huwa mekkaniżmu ta' emerġenza li kapaċi jġib aċċess għal fondi għall-Unjoni Afrikana f'inqas minn 10 ijiem biex tkun tista' tappoġġa mill-ewwel il-medjazzjoni, il-bini ta’ fiduċja jew kwalunkwe attività oħra li tipprevjeni li żieda fit-tensjonijiet f’żoni problematiċi tinbidel f'sitwazzjonijiet li jaffettwaw il-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-popolazzjoni.

Fl-2015, l-ERM iffinanzjat 9 azzjonijiet għal ammont totali ta’ EUR 7 miljun li kienu strumentali jew fil-prevenzjoni jew fil-mitigazzjoni tal-kunflitt f'bosta reġjuni Afrikani. Fis-Sudan t’Isfel, fejn faqqgħet gwerra ċivili f'Diċembru 2014, l-ERM iffinanzja d-djalogu li rriżulta fi ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn il-Gvern u l-oppożizzjoni, u b'hekk tjiebet is-sitwazzjoni ta' mijiet ta’ eluf ta' persuni spustati mill-gwerra. L-ERM ikkontribwixxa wkoll għall-konsolidazzjoni tal-paċi bejn is-Sudan ta’ Fuq u t’Isfel billi appoġġa n-negozjati dwar tilwim mhux solvut dwar kwistjonijiet bħad-demarkazzjoni tal-fruntieri u t-tqassim tal-ġid.

Fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, l-ERM għen biex jinstab mod biex tintemm il-vjolenza, bil-finanzjament ta' sforzi ta' medjazzjoni li rriżultaw fi klima favorevoli biex isiru l-elezzjonijiet fi Frar 2016. Fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, fejn il-popolazzjoni li tgħix fiż-żoni tal-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo għaddiet mill-agħar diżastri umanitarji magħmula mill-bniedem tul l-aħħar żewġ deċennji, l-ERM għen biex jirritorna u jippromwovi l-fiduċja bejn ir-RDK u l-ġirien tagħha permezz ta' appoġġ għal mekkaniżmu ta' verifika konġunt tal-ftehimiet li daħlu għalihom, sabiex tinġieb l-istabbiltà fir-reġjun. Anke fil-Burundi, fejn is-sitwazzjoni politika ddeterjorat malajr fi tmiem l-2015, finanzjament fil-pront tal-ERM għen biex jiskoraġġixxi iktar vjolenza miż-żewġ naħat, li min-naħa tagħha ppermetta lill-AU biex tistazzjona osservaturi tad-Drittijiet tal-Bniedem u uffiċjali tas-sigurtà u billi ffinanzjat il-bidu rapidu ta' djalogu Inter-Burundi b'medjazzjoni mill-Uganda.

L-ERM ġie evalwat esternament fl-2015 u nstab li kien mekkaniżmu partikolarment rilevanti u utli li kapaċi jimmobilizza l-fondi malajr u jappoġġa l-isforzi relatati mal-kriżijiet ta' natura preventiva u medjatorja. Fid-dawl tal-prestazzjoni tal-istrument, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid ir-riżorsi tal-ERM għal EUR 15-il miljun sa nofs l-2018.



Lejn Politika Ġdida dwar il-Migrazzjoni 19  

L-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-migrazzjoni tistabbilixxi reazzjoni Ewropea, li tgħaqqad il-politiki interni u dawk esterni, bl-aqwa użu tal-aġenziji u l-għodod tal-UE, u bl-involviment tal-atturi kollha: il-pajjiżi u l-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u s-sħab nazzjonali minn barra l-UE.

Iddaħħlu fis-seħħ strumenti innovattivi ġodda flimkien ma’ mekkaniżmi eżistenti biex jindirizzaw il-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari filwaqt li tiġi żgurata reazzjoni globali, preżenza u valur miżjud tal-UE.

Il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika

Il-Kummissjoni Ewropea tat kontribuzzjoni konkreta u importanti biex tissodisfa l-impenji tal-UE biex jiġu indirizzati l-migrazzjoni irregolari u l-ispostamenti sfurzati, u b'mod partikolari dawk fil-Pjan ta’ Azzjoni adottat fis-Summit tal-Belt Valletta bejn l-UE u l-Afrika ta' Novembru 2015. Kif qal il-President Juncker fis-Summit: "Dan il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika, stabbiliti fi żmien rekord, juri għal darba oħra l-impenn tal-UE biex tilqa' malajr l-isfidi l-kbar li qed niffaċċaw fir-reġjun." Id-DEVCO ħadem intensament ma' donaturi Ewropej oħrajn, pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet reġjonali, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE, biex jiġi stabbilit malajr, f'Novembru 2015, il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika.

Il-ħolqien ta' Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika pprovda pjattaforma għall-UE biex iżżid ir-reazzjoni kollettiva tagħha biex tindirizza l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari u ċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni , u b'mod partikolari dawk fil-Pjan ta’ Azzjoni adottat fis-Summit tal-Belt Valletta bejn l-UE u l-Afrika f'Novembru 2015. Il-Pjan ta' Azzjoni ġie ffirmat fis-Summit mit-28 Kap ta' Stat li kkontribwew għall-Fond Fiduċjarju tal-UE ta' EUR 1,8 biljun u dan jappoġġa xi wħud mill-aktar pajjiżi fraġli u vulnerabbli madwar l-Afrika (fi 3 reġjuni: is-Saħel u l-Lag Chad, il-Qarn tal-Afrika, l-Afrika ta' Fuq u l-pajjiżi ġirien), ħaġa li ssaħħaħ il-kooperazzjoni għall-iżvilupp li għaddejja fil-kontinent.

L-erba' prijoritajiet ewlenin skont il-Fond Fiduċjarju tal-UE jikkomplementaw l-aġenda ta' migrazzjoni tal-UE u se jsaħħu l-isforzi biex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni u jappoġġaw l-istabbiltà u t-tkabbir fl-Afrika: it-tisħiħ tal-iżvilupp ekonomiku; it-tisħiħ tar-reżiljenza; l-iżgurar ta' ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni; u t-tisħiħ tal-governanza, l-istabbiltà u s-sigurtà.

Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika wera l-kapaċità tiegħu li jaħdem bħala strument flessibbli ta' reazzjoni għal kriżi, f'inqas minn xahrejn minn meta ġie stabbilit: l-ewwel kumitat operattiv għall-Qarn tal-Afrika tlaqqa' fi tmiem l-2015 u l-ewwel kumitat operattiv għar-reġjun tas-Saħel u l-Lag Chad fil-bidu tal-2016, u pprovdew 'il fuq minn EUR 350 miljun fi proġetti għaż-żewġ reġjuni. Il-programmi qed jitħejjew malajr biex jibdew jaħdmu fuq il-post u l-operazzjonijiet se jkomplu u se jiġu intensifikati fl-2016 inkluż bil-konklużjoni ta' Patti dwar il-Migrazzjoni ma' pajjiżi rilevanti fil-mira 20 .

Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li Tħares 'il Quddiem

Fl-2015, il-komunità internazzjonali adottat żewġ ftehimiet ewlenin li se jiddefinixxu xogħolna fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali għas-snin li ġejjin. Is-17-il mira tal-aġenda ta' żvilupp sostenibbli globali tal-2030 il-ġdida jenfasizzaw impenn lejn bilanċ fl-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Wieħed mill-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli adottati (SDG13) jiffoka fuq it-tibdil fil-klima. Il-Ftehim ta’ Pariġi (COP21) huwa l-ewwel ftehim klimatiku globali li huwa legalment vinkolanti li jkopri l-pajjiżi kollha bi ftehim importanti bejn l-UE u l-AKP li jwitti t-triq għal ftehim finali. Skont il-qafas tal-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta' Pariġi hemm bżonn li jissaħħaħ l-għarfien tar-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tal-faqar, l-iżvilupp u s-sostenibbiltà għal trasformazzjoni globali lejn dinja b'emissjonijiet baxxi u li tkun reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Il-pajjiżi żviluppati qablu li sal-2020 jipprovdu USD 100 biljun fis-sena biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sakemm fl-2025 jiġi stabbilit għan kollettiv ġdid. L-UE diġà impenjat ruħha li tagħti sehemha, billi tiddedika tal-anqas 20 % tal-baġit tagħha għall-2014-2020 għal azzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima. Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha rwol essenzjali fl-appoġġ għal dan il-proċess, b'mod partikolari fl-iktar pajjiżi fqar u vulnerabbli. L-ODA se tkompli tkun wieħed mis-sorsi ewlenin tal-finanzjament għall-klima, u l-UE se żżid l-isforzi tagħha biex tintegra t-tibdil fil-klima fl-istrateġiji tagħha (skrinjar tal-programmi u l-proġetti kollha biex jintegraw it-tibdil fil-klima, inkluż is-sigurtà alimentari, l-agrikoltura u s-setturi tas-saħħa).

L-UE hija impenjata wkoll bis-sħiħ għall-SDG 7, li għandu l-għan li jiżgura l-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd. Djalogu politiku msaħħaħ bejn l-UE, l-Istati Membri, il-pajjiżi sħab u donaturi internazzjonali oħrajn irriżulta fl-iffirmar ta’ dikjarazzjonijiet konġunti dwar l-enerġija sostenibbli 21 . L-UE għandha rwol ewlieni fil-livell globali permezz tal-preżenza attiva tagħha fil-fora internazzjonali u billi tibni sħubijiet strateġiċi bħas-Sħubija tal-Enerġija bejn l-Afrika u l-UE (AEEP) jew l-inizjattiva Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd. L-Inizjattiva tal-Afrika għal Enerġija Rinnovabbli ġiet varata waqt COP21, flimkien mal-estensjoni tal-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki tal-UE biex tinkludi l-Afrika sub-Saħarjana. Għal darba oħra, permezz ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, pajjiżi sħab irċevew assistenza finanzjarja biex jaċċessaw servizzi tal-enerġija moderni, affordabbli u affidabbli u b'hekk ikkontribwew għal tkabbir ekonomiku inklussiv. F'dan il-qasam partikolari, l-approċċ magħżul mill-UE huwa li tgħin biex tingħata spinta lill-investiment permezz tal-qafas ta’ finanzjament imħallat bl-għan ta' massimizzazzjoni tal-ingranaġġ finanzjarju tar-riżorsi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE. Skont il-FEŻ, 26 reġjun u pajjiż sħab għażlu l-enerġija bħala settur fokali għall-kooperazzjoni tagħhom mal-UE (10% tal-baġit tal-2014-20). Qed titwettaq valutazzjoni dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' enerġija sostenibbli.

Ir-Reġjun tal-Paċifiku

Permezz tal-appoġġ tal-UE, l-Università tal-Paċifiku ta’ Isfel (USP) kompliet tipprovdi taħriġ formali u informali u tat boroż ta’ studju lil xjenzati u negozjaturi tat-tibdil fil-klima. Total ta' 174 student minn 14-il pajjiż tal-AKP iggradwaw permezz ta' programmi ta' Masters, programmi postgradwatorji u programmi ta' PhD u ħafna minn dawk il-gradwati suċċessivament ingħaqdu mal-awtoritajiet kompetenti fi ħdan il-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet reġjonali. Dan l-investiment ma kkontribwiex biss għall-ħolqien ta’ fiduċja, imma diġà ħalla l-frott permezz tal-formazzjoni ta' koalizzjoni ambizzjuża f'livell għoli mal-pajjiżi Paċifiċi tal-AKP, li kkontribwiet għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi fil-COP 21. It-taħriġ addizzjonali ta' iktar minn 2 000 abitant tal-gżejjer Paċifiċi f'attivitajiet ta' adattament fuq il-post fil-livell komunitarju u l-finalizzazzjoni ta' valutazzjonijiet ta' vulnerabilità għal 44 komunità, flimkien mal-bini ta' kapaċità u appoġġ dirett għall-aktar komunitajiet affettwati (eż. teknoloġiji ta' ġbir tal-ilma tax-xita) fi Gżejjer Żgħar iddikjarati, bena bażi tajba għal kooperazzjoni futura tal-UE dwar it-tibdil fil-klima fir-reġjun Paċifiku.

Approċċ strateġiku tal-UE għall-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa fl-Afrika

Taħt l-inizjattiva emblematika tal-UE, Bijodiversità għall-Ħajja (B4Life), inħolqot Faċilità għall-Kriżi tal-Ħajja Selvaġġa fl-Afrika biex jiġi indirizzat it-tħassib dejjem jiżdied tal-kaċċa illegali għall-ħajja selvaġġa u t-telfien tal-bijodiversità u jiġi definit approċċ strateġiku għall-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa Afrikana. Sar ukoll l-istudju "Larger than Elephants". Dan jiddeskrivi l-iskala tal-kriżi li qed tiffaċċa l-Afrika u niesha, jidentifika t-tagħlimiet meħuda sal-lum mill-programmi ta' konservazzjoni u jistabbilixxi oqsma prijoritarji għal azzjoni futura. L-istudju huwa eżempju tal-approċċ ikkoordinat il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa l-kooperazzjoni u tipprovdi elementi għal approċċ strateġiku tal-UE għall-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa fl-Afrika. Issa qed jiġu żviluppati studji strateġiċi simili għall-Ażja u l-Amerika Latina.

Spinta ġdida għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment

Lil hinn mill-Ewropa, hemm opportunitajiet addizzjonali ġejjin mill-politika tal-iżvilupp u strumenti għad-dispożizzjoni tagħha biex tistimula primarjament l-investiment, toħloq attivitajiet ekonomiċi, u għalhekk it-tkabbir u l-impjiegi f'pajjiżi sħab filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm effetti ekonomiċi pożittivi fl-Ewropa.

L-Aġenda għall-Bidla tenfasizza l-appoġġ għal tkabbir inklużiv u ħolqien tax-xogħol bħala prijorità ewlenija għall-kooperazzjoni esterna tal-UE. Bit-tnaqqis tal-faqar, it-titjib ta' ambjent favorevoli għas-settur privat fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp flimkien ma' kontribuzzjoni għal xogħol deċenti, u kontribuzzjoni għall-ġestjoni finanzjarja pubblika, il-governanza tajba, u l-istat tad-dritt, l-isforzi bilaterali, multilaterali u globali tal-UE għall-iżvilupp jistgħu jagħtu kontribuzzjoni pożittiva għat-tkabbir sostenibbli fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Tul it-terminu medju, l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jista' jżid id-daqs tas-swieq esterni tal-UE, jiġġenera l-prosperità u l-opportunitajiet għal impjiegi u tkabbir fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp stess.

It-tisħiħ tas-sħubija strateġika mal-Afrika hija waħda mill-prijoritajiet politiċi tal-UE. Is-Sħubija UE-Afrika tippromwovi relazzjoni bejn partijiet fl-istess livell u hija bbażata fuq interessi komuni u valuri komuni. Filwaqt li tappoġġa l-integrazzjoni Afrikana, l-UE għandha l-għan ukoll li tagħti spinta lit-tkabbir inklużiv u sostenibbli u li tikkontribwixxi għal soċjetajiet prosperi u paċifiċi. Prosperità sostenibbli u paċi fl-Afrika huma ta' benefiċċju għall-Ewropa wkoll billi jikkontribwixxu għall-indirizzar ta' sfidi reċiproċi bħat-tibdil fil-klima u l-iżbilanċi demografiċi, billi joffru opportunitajiet ekonomiċi, kummerċjali u ta' investiment ġodda għaż-żewġ naħat, u billi jnaqqsu t-theddid għas-sigurtà reċiproku. F'dan ir-rigward, ġie adottat l-appoġġ tal-UE għat-twaqqif ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana (CFTA) iffinanzjata permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għall-Unjoni Afrikana. L-UE involviet ukoll iktar lis-Settur Privat Ewropew u Afrikan permezz ta' avveniment ta' Livell Għoli dwar il-"Katalizzazzjoni tal-involviment u r-riżorsi tas-settur privat għall-iżvilupp: il-perspettivi tal-UE u tal-Afrika", fil-qafas tat-tielet Konferenza tan-NU dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (Addis Ababa, il-15 ta' Lulju 2015), organizzata konġuntement mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana. L-organizzazzjonijiet tas-settur privat involuti fi proġetti infrastrutturali kbar u fl-estrazzjoni fl-Afrika nġabru flimkien ukoll fil-kuntest ta' Sessjoni ta' Ħidma ta' Livell Għoli UE-UA dwar il-bżonnijiet infrastrutturali tas-Settur Minerali fl-Afrika (Brussell, Marzu 2015).

Il-Kummissjoni waqqfet żewġ inizjattivi biex tattira l-investimenti fis-setturi tal-enerġija sostenibbli (ElectriFI) u tal-agrikoltura (AgriFI), biex jintnaqqas id-distakk bejn l-istrutturar u l-finanzjament ta' investimenti ġodda. Dawn il-mekkaniżmi ta' sostenn se jkunu strumentali għall-istimolu tas-settur privat, l-immobilizzar tal-finanzjaturi u biex iwasslu għal impatt katalitiku fuq it-tkabbir ekonomiku. Fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp spiss ikun hemm nuqqas ta’ aċċess għal kapital inizjali, kif ukoll għal kapital għat-terminu t-twil, parzjalment minħabba n-nuqqas ta' rieda mis-settur bankarju li huwa avvers għar-riskji.

EFFIKAĊJA TAL-GĦAJNUNA: IS-SITWAZZJONI ATTWALI

Is-Sħubija Globali għal Kooperazzjoni għall-Iżvilupp Effikaċi (GPEDC) 22 hija l-qafas ewlieni għall-aġenda tal-effikaċja tal-għajnuna u l-iżvilupp u hija bbażata fuq erba’ impenji/oqsma ewlenin: Sjieda ta' pajjiż demokratiku; trasparenza u responsabbiltà reċiproka; enfasi fuq ir-riżultati; sħubijiet ta' żvilupp inklużivi. L-UE hija impenjata bis-sħiħ fil-proċess permezz ta’ żewġ inizjattivi ta’ politika ewlenin: trasparenza/responsabbiltà reċiproka u programmazzjoni konġunta.

Il-Programmazzjoni Konġunta tgħin fir-reazzjoni għat-talbiet dejjem jiżdiedu tal-pajjiżi sħab għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni tal-għajnuna u l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet imposti fuq l-istituzzjonijiet tagħhom. Hija ttejjeb ukoll it-trasparenza, il-prevedibbiltà, il-koordinament, u tnaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż għall-atturi kollha involuti.

F'dan il-kuntest, filwaqt li dan ir-Rapport kien qed jiġi abbozzat, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati f'Mejju 2016 dwar It-Tisħiħ tal-Programmazzjoni Konġunta taw impetu ġdid lill-impenji għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni tal-għajnuna u ż-żieda għall-effikaċja tal-iżvilupp. Il-Konklużjonijiet jienfasizzaw li l-Programmazzjoni Konġunta tista' tikkontribwixxi għaż-żieda fil-kapaċità tal-Unjoni Ewropea biex ikollha rwol ewlieni u biex tappoġġa lis-sħab fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Aġenda ta' Azzjoni ta’ Addis Ababa. Barra minn hekk, isostnu li jenħtieġ li l-Programmazzjoni Konġunta ssir, meta jkun rilevanti, fil-qafas ta' forom usa' ta' involviment politiku 23 , bħal fil-konnessjoni mad-Djalogi ta' Livell Għoli dwar il-Migrazzjoni.

Mill-2012 'il quddiem, fi 30 pajjiż ta' kooperazzjoni, is-sħab tal-iżvilupp laħqu l-istadju ta' analiżi konġunta 24 ; f'25 minnhom huma żviluppaw strateġija konġunta, b'xi wħud minnhom ikunu għadhom fi stadju ta' abbozz u li jiġu riveduti 25 .

Fil-livell tal-pajjiżi, is-sħab tal-iżvilupp fl-Etjopja jirrapportaw progress fil-koordinament fi tliet oqsma/raggruppamenti strateġiċi i) il-ħolqien tax-xogħol, ii) ir-riżorsi naturali u iii) il-governanza. "Azzjonijiet konġunti" (oqfsa ta' koordinazzjoni mal-UE kollha u iktar li jiffukaw fuq l-implimentazzjoni) qed jiġu żviluppati fis-settur Ekoloġiku, tan-Nutrizzjoni u tas-Saħħa. Fil-Kenja, fl-2015 ġiet adottata "Strateġija ta’ Kooperazzjoni Konġunta tal-UE b'Sostenn għall-Pjan tat-Terminu Medju tal-Kenja għall-2014-2017" minn 10 sħab tal-iżvilupp tal-UE, u ġiet ippreżentata konġuntement mal-Ministru tal-Finanzi. Hija għandha ammont indikattiv ta’ EUR 3 biljun (self/għotjiet) li jridu jiġu allokati mid-donaturi tal-UE bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan għat-Terminu Medju II u Viżjoni 2030 għall-perjodu 2013-2017. Fl-Uganda, ġiet iffirmata strateġija konġunta simili f'Marzu 2015 minn 11-il sieħeb tal-iżvilupp tal-UE u n-Norveġja. It-tliet strateġiji l-ġodda huma allinjati mal-programmi ta' żvilupp nazzjonali rispettivi, iżidu t-trasparenza u l-fiduċja reċiproka 26 .

Il-ħidma lejn is-sostituzzjoni ta' dokumenti ta' programmazzjoni pluriennali tal-Kummissjoni bi programm indikattiv pluriennali konġunt għadha għaddejja, bl-Ażja fuq quddiem (il-Laos) u b'pajjiżi li jistgħu potenzjalment isegwu, fosthom minn pajjiżi AKP bħar-Repubblika Ċentru Afrikana u s-Senegal.

(1) ĠU L 58, 3.3.2015, p. 1: Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ.
(2) ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1: Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-UE skont il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-TFUE.
(3) ĠU L 335, p. 48: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ tranżizzjoni tal-ġestjoni tal-FEŻ mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ tal-11-il FEŻ.
(4) http://www.eib.org/projects/regions/acp/funding-and-financial-instruments/investment-facility/index.htm?lang=en  u COM (2016)79 final, Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja pprovduta lill-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
(5) Staff Working Document Launching the EU International Cooperation and Development Results Framework, SWD(2015)80 final.
(6) http://effectivecooperation.org/monitoring-country-progress/explore-monitoring-data/  
(7) https://europa.eu/globalstrategy/sites/globalstrategy/files/about/eugs_review_web_7.pdf  ; http://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/communication-proposal-new-consensus-development- 20161122_en.pdf
(8) Fil-mument tal-finalizzazzjoni ta' dan ir-rapport tul l-2016, l-impenji kienu rduppjaw u l-pagamenti żdiedu bin-nofs meta mqabbla maċ-ċifri ta' hawn fuq.
(9) Għal ħarsa ġenerali tal-MDGi u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEŻ għall-indikaturi speċifiċi, ara l-SWD, l-anness E.
(10) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-11-1063_en.htm?locale=en  )
(11) http://ec.europa.eu/europeaid/node/1369  
(12) Il-pajjiżi b'tal-inqas proġett wieħed tal-Inizjattiva MDG kienu: Il-Burkina Faso, il-Malawi, ir-Rwanda, il-Mozambique, il-Ghana, it-Tanzanija, iż-Żambja, il-Kongo (RDK), il-Liberja, l-Uganda, iċ-Chad, in-Namibja, in-Niġer, il-Kosta tal-Avorju, is-Somalja, Sierra Leone, il-Ġamajka, Madagascar, il-Haiti, il-Burundi, it-Togo, il-Botswana, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Mauritania, Timor Leste, Cape Verde, Mauritius, iż-Żimbabwe, il-Guinea, Samoa, il-Gambja, is-Swaziland, Kiribati, il-Djibouti, il-Guinea-Bissau, São Tomé u Príncipe, Comoros, il-Gżejjer Solomon, Tonga, il-Gżejjer Marshall, Saint Lucia, Antigua u Barbuda, Niue, Grenada, il-Gżejjer Cook, Tuvalu.
(13) http://ec.europa.eu/europeaid/node/1365  
(14) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32015R0322&from=EN  
(15) https://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/edf-bridging-facility-impl-regulation-2014-157_en.pdf L-għanijiet huma l-istess għall-Faċilità ta’ Tranżizzjoni:  
(16) https://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/joint-communication-renewed-partnership-acp-20161122_en.pdf Ara l-Komunikazzjoni Konġunta dwar sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika tal-Karibew u tal-Paċifiku (22.11.2016):
(17) Mill-adozzjoni tar-regolament finanzjarju 'l hawn, l-UE stabbiliet 2 Fondi fiduċjarji totalment jew parzjalment iffinanzjati mill-11-il FEŻ: il-Fond Fiduċjarju ta' Bêkou fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika.
(18) L-inizjattivi globali huma ffinanzjati wkoll bl-użu ta' riżorsi FEŻ Intra AKP.
(19) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni COM(2016) 385 tas-7.6.2016, ma taqax fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport.
(20) Għall-bidu l-Etjopja, il-Mali, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal.
(21) Tul il-perjodu 2014-15, l-Uganda, Sierra Leone, il-Kenja, in-Niġerja, il-Kamerun, is-Senegal, Madagascar, il-Benin, il-Mikroneżja, Tonga, Palau, Nauru, Niue, ir-Rwanda, it-Togo, il-Kosta tal-Avorju, Cape Verde, il-Liberja kienu fost il-pajjiżi firmatarji.
(22)

Il-Kummissjoni rrappreżentat il-kostitwenza tal-UE fil-Kumitat ta' Tmexxija (SC) tal-GPEDC, billi kienet waħda mit-tliet rappreżentanti tas-sħab donaturi fl-SC, li ltaqa’ fl-2014 f’Abuja (fi Frar) u fi New York (f'Lulju). L-ewwel Laqgħa ta’ Livell Għoli tal-GPEDC saret f'April 2014.

(23) https://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/communication-next-steps-sustainable-europe-20161122_en.pdf Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna u anke aktar tard tul l-2016, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli:
(24) Fost it-30, bħalissa huma inklużi l-pajjiżi AKP li ġejjin: Il-Burkina Faso, il-Burundi, iċ-Chad, Comoros, il-Kosta tal-Avorju, l-Etjopja, il-Ghana, il-Kenja, il-Malawi, il-Mali, il-Mozambique, in-Namibja, in-Niġer, ir-Rwanda, is-Senegal, is-Sudan t'Isfel, it-Togo, l-Uganda u l-Benin (abbozz).
(25) Fost il-25, bħalissa huma inklużi l-pajjiżi AKP li ġejjin: Il-Burundi, iċ-Chad, Comoros, l-Etjopja, il-Ghana, il-Kenja, il-Mali, in-Namibja, ir-Rwanda, is-Senegal, is-Sudan t'Isfel, it-Togo, l-Uganda flimkien mal-Benin, il-Burkina Faso, il-Kosta tal-Avorju, in-Niġer bħala abbozzi.
(26) Fil-mument tal-kitba ta' dan ir-Rapport, l-UE, Franza, il-Ġermanja u l-gvern tat-Togo ffirmaw ftehim ta' Programmazzjoni Konġunta li mistennija twassal għal EUR 715-il miljun. L-istrateġija se tippermetti iktar prevedibbiltà u trasparenza fuq il-finanzjament mill-UE bi sjieda aħjar mill-pajjiż sieħeb.
Top