Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0056

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Valutazzjoni tal-2016 dwar il-progress li sar fl-Istati Membri fl-2014 lejn il-miri nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE kif meħtieġ skont l-Artikolu 24 (3) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE

COM/2017/056 final

Brussell, 1.2.2017

COM(2017) 56 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Valutazzjoni tal-2016 dwar il-progress li sar fl-Istati Membri fl-2014 lejn il-miri nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE kif meħtieġ skont l-Artikolu 24 (3) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE


Werrej

1.    Introduzzjoni    

2.    Progress lejn l-ilħiq tal-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE għall-2020    

3.    Miri nazzjonali    

4.    Xejriet tal-konsum tal-enerġija u valutazzjoni ta’ miżuri nazzjonali skont is-settur    

4.1.    L-industrija    

4.2.    Is-settur residenzjali    

4.3.    Is-settur tas-servizzi    

4.4.    Is-settur pubbliku    

4.5.    Is-settur tat-trasport    

4.6.    Is-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana    

4.7.    L-istatus tat-traspożizzjoni tal-EED    

5.    Konklużjoni    



1.Introduzzjoni

Iż-żieda fl-effiċjenza fl-enerġija hija importanti ħafna sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, it-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija u l-prinċipju “l-effiċjenza fl-enerġija tiġi l-ewwel” huma wieħed mill-ħames għanijiet ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija. Fl-2015, l-Istati Membri kkonfermaw il-ħtieġa imperattiva li sal-2020 jilħqu l-objettiv ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % 1 . Il-politiki dwar l-effiċjenza fl-enerġija jwasslu għal iffrankar tal-ispejjeż għall-konsumaturi, minbarra l-benefiċċji fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività, is-sostenibbiltà tal-ekonomija Ewropea u l-ħolqien tal-impjiegi. F’Novembru 2016, il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet li ssaħħaħ dan il-qasam kruċjali tal-politika lil hinn mill-2020, billi timmira għal objettiv vinkolanti rigward l-effiċjenza fl-enerġija tal-UE ta’ 30 % għall-2030 2 .

Dan ir-rapport tal-2016 jipprovdi valutazzjoni tal-progress li sar sal-2014 lejn l-ilħiq tal-objettiv tal-effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % għall-2020 u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (EED). Jinkludi wkoll bosta rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri 3 . Huwa bbażat primarjament fuq ir-Rapporti Annwali tal-Istati Membri tal-2016 u l-iktar data riċenti għall-2014 mill-Eurostat, u msejjes fuq ir-Rapport ta’ Progress dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2015 4 .

Ir-riżultati ewlenin tar-rapport huma dawn:

L-UE għamlet progress konsiderevoli matul l-aħħar snin. Fl-2014, il-konsum tal-enerġija primarja tagħha kien biss 1.6 % ogħla mill-objettiv għall-konsum tal-enerġija primarja tagħha tal-2020. Il-konsum finali tal-enerġija kien saħansitra 2.2 % iktar baxx mill-objettiv tal-2020 5 . Madankollu, il-konsum tal-enerġija primarja żdied b’madwar 1.5 % u l-konsum finali tal-enerġija żdied b’madwar 2 % fl-2015 meta mqabbel mal-livelli tal-2014 6 . (Dan seħħ minħabba li l-2014 kienet sena eċċezzjonalment sħuna. Iċ-ċifri tal-2015 huma riverżjoni għat-tendenza.)

L-Istati Membri huma impenjati jimplimentaw politiki ambizzjużi ta’ effiċjenza fl-enerġija u żiedu b’mod konsiderevoli l-isforzi tagħhom fis-snin riċenti fl-oqsma kollha 7 .

L-analiżi tad-dekompożizzjoni mwettqa għall-UE-28 turi li t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja mill-2005 sal-2014 kien primarjament dovut għal titjib fl-intensità tal-enerġija 8 . It-tnaqqis fl-ekonomija, il-bidliet fit-taħlita tal-fjuwil u l-bidliet strutturali kellhom rwol komparattivament minuri.

Huma meħtieġa sfozi kontinwi biex jiġi renovat il-bini eżistenti sabiex tiġi ffrankata l-enerġija u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija tal-konsumaturi. Għal din ir-raġuni, hemm bżonn li l-kundizzjonjiet ta’ finanzjament għall-investimenti tal-effiċjenza fl-enerġija fl-Istati Membri jitjiebu ulterjorment. It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) jista’ jkollhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward billi jipprovdu lill-konsumaturi b’sett ta’ għodod sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tagħhom u biex il-konsum tal-enerġija jiġi ġestit b’mod intelliġenti.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom jagħmlu titjib ulterjuri fl-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tat-trasport sabiex jiġu sfruttati l-potenzjali tal-iffrankar tal-enerġija li jifdal.

Il-Kummissjoni hija ottimista li l-mira tal-konsum tal-enerġija primarja ta’ 20 % se tintlaħaq jekk l-Istati Membri jżommu mal-impenji tagħhom u jkomplu jimplimentaw il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-programmi ta’ suċċess relatati mal-effiċjenza fl-enerġija.

2.Progress lejn l-ilħiq tal-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE għall-2020

Il-konsum finali tal-enerġija 9 fl-UE naqas bi 11 % minn 1191 Mtoe fl-2005 għal 1062 Mtoe fl-2014, inqas mill-mira ta’ konsum finali tal-enerġija ta’ 1086 Mtoe għall-2020. Mill-2005 ’l hawn il-konsum finali assolut tal-enerġija naqas fl-Istati Membri kollha ħlief fil-Litwanja, Malta u l-Polonja 10 .

Fl-2014, it-trasport kien responsabbli għall-akbar porzjon (33 %) ta’ konsum finali totali tal-enerġija, segwit mill-industrija (26 %), is-settur residenzjali (25 %), is-settur tas-servizzi (13 %) u setturi oħrajn (3 %).

Il-konsum tal-enerġija primarja 11 fl-UE naqas bi 12 % minn 1712 Mtoe fl-2005 għal 1507 Mtoe fl-2014. Il-livell tal-konsum xorta waħda għadu ftit ogħla mill-mira tal-konsum tal-enerġija primarja għall-2020 ta’ 1483 Mtoe.

Mill-2005 ’l hawn il-konsum assolut tal-enerġija primarja naqas fl-Istati Membri kollha ħlief fl-Estonja, il-Finlandja u l-Polonja. L-Estonja esperjenzat l-ikbar żieda annwali (2.6 %) filwaqt li l-konsum tal-enerġija primarja tal-Finlandja baqa’ ġeneralment stabbli fil-perjodu bejn l-2005 u l-2014. It-tnaqqis annwali fil-Greċja, il-Litwanja u r-Renju Unit kien sostanzjali 12 .

3.Miri nazzjonali

Fl-2013, l-Istati Membri stabbilixxew il-miri indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 13 . Fl-2014, il-konsum finali tal-enerġija ta’ 17-il Stat Membru diġà kien taħt il-mira indikattiva tal-enerġija finali tagħhom għall-2020 14 . Bl-istess mod, fl-2014 19-il Stat Membru kisbu livell ta’ konsum tal-enerġija primarja inqas mill-mira indikattiva tal-enerġija primarja tagħhom għall-2020 15 .

L-Istati Membri l-oħrajn għadhom xi ftit il-bogħod milli jilħqu l-miri indikattivi nazzjonali tagħhom espressi f’konsum tal-enerġija finali u/jew primarja għall-2020.

4.Xejriet tal-konsum tal-enerġija u valutazzjoni ta’ miżuri nazzjonali skont is-settur

Il-maġġoranza tal-Istati Membri naqqsu l-konsum tal-enerġija primarja u l-konsum finali tagħhom bejn l-2005 u l-2014 b’rata li, jekk tinżamm kostanti, tkun suffiċjenti għalihom sabiex sal-2020 jilħqu l-miri tal-konsum tal-enerġija primarja u tal-konsum finali tal-enerġija. Fil-konsum tal-enerġija primarja, l-eċċezzjonijiet għal dan huma l-Estonja, Malta u l-Iżvezja. Fil-konsum finali tal-enerġija, l-eċċezzjonijiet huma l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Litwanja, Malta u s-Slovakkja 16 .

L-ikbar tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja mill-2013 sal-2014 kien fil-Belġju (8 %), id-Danimarka (7 %) u r-Renju Unit (7 %). In-Netherlands kellu l-ikbar tnaqqis (8 %) fil-konsum finali tal-enerġija, segwiti minn Franza (7 %) u l-Belġju (6 %). Fin-Netherlands u l-Lussemburgu biss il-konsum finali tal-enerġija naqas fis-setturi kollha. L-ikbar żieda fil-konsum finali tal-enerġija ġiet osservata f’Malta (3 %), il-Bulgarija (3 %) u l-Litwanja (2 %) 17 .

L-ewwel analiżi tad-dekompożizzjoni saret biex jiġi eżaminat l-impatt tal-ixprunaturi differenti fuq ix-xejriet storiċi fil-konsum tal-enerġija primarja fil-livell tal-UE matul l-aħħar deċennju (2005-2014), abbażi tad-data tal-EUROSTAT. L-analiżi vvalutat il-kontribuzzjoni relattiva tal-attività ekonomika 18 , l-istruttura 19 , it-taħlita enerġetika 20 u l-intensità tal-enerġija għat-tnaqqis ġenerali fil-konsum tal-enerġija primarja matul dan il-perjodu (206 Mtoe). B’mod partikolari, l-effett tal-attività wassal għal żieda ta’ 123 Mtoe fil-konsum tal-enerġija. Madankollu, dan kien ikkumpensat bi tnaqqis ta’ kważi tliet darbiet (-353 Mtoe) minħabba titjib sinifikanti fl-intensità tal-enerġija 21 .

Min-naħa l-oħra, l-impatt tal-bidliet strutturali u fit-taħlita enerġetika għall-UE-28 huwa negliġibbli. L-effett strutturali ammonta għal +25 Mtoe. Dan jista’ jiġi attribwit għat-tkabbir relattiv ta’ ekonomiji nazzjonali aktar intensivi fl-enerġija meta mqabbla ma’ dawk li huma inqas intensivi fl-enerġija. Kien hemm effett negattiv żgħir ħafna tat-taħlita enerġetika (-0.5 Mtoe) li jissuġġerixxi bidla żgħira lejn il-fjuwils aktar nodfa. Dan jissuġġerixxi li fl-aħħar deċennju sar titjib sinifikanti fl-effiċjenza fl-enerġija.

Figura 1: Id-dekompożizzjoni tal-bidliet fil-bidla tal-konsum tal-enerġija primarja tal-UE 28 għall-2005-2014 bl-użu tal-approċċ ta’ Logarithmic Mean Divisia Index addittiv (LMDI)

Sors: Analiżi tal-JRC

L-ewwel analiżi tad-dekompożizzjoni tal-konsum finali tal-enerġija saret fil-livell tal-Istati Membri għall-perjodu bejn l-2005 u l-2014 għas-setturi produttivi tal-ekonomija 22 . Ir-riżultati preliminari juru effetti negattivi tal-attività fil-Greċja, il-Kroazja, l-Italja u l-Portugall. Dan wassal għal konsum finali tal-enerġija aktar baxx, li jirrifletti t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’dawn il-pajjiżi. L-effett strutturali kien negattiv fil-maġġoranza tal-Istati Membri, li jindika attività miżjuda f’setturi inqas intensivi fl-enerġija. L-Estonja, il-Polonja, l-Ungerija u l-Awstrija biss esperjenzaw bidla żgħira lejn setturi aktar intensivi fl-enerġija. Dan wassal għal konsum tal-enerġija ogħla f’dan il-perjodu milli kien ikun il-każ f’sitwazzjoni oħra.

Effetti negattivi tal-intensità fl-enerġija li jirriflettu titjib fl-intensità tal-enerġija ġew irreġistrati fl-Istati Membri kollha ħlief fil-Latvja u Ċipru. Titjib sinifikanti fl-intensità tal-enerġija, li rriżulta fi tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, sar fil-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u s-Slovakkja 23 . Il-Kummissjoni tqis li l-politika pubblika kienet xprunatur ewlieni għat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija. Dan l-aħħar din is-sejba ġiet ikkonfermata mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija u mill-analiżi tad-dekompożizzjoni ta’ Odyssee-Mure 24 .

4.1.L-industrija

Il-konsum finali tal-enerġija tal-industrija naqas f’termini assoluti minn 328 Mtoe fl-2005 sa 275 Mtoe fl-2014 (16 %).

Fl-2014, tlettax-il Stat Membru rreġistraw tnaqqis fil-konsum finali tal-enerġija industrijali meta mqabbla mal-livelli tal-2013. Il-pajjiżi bl-ikbar tkabbir fil-konsum tal-enerġija industrijali kienu Ċipru (19 %), il-Greċja (9 %) u l-Ungerija (6 %). Ir-raġunijiet ewlenin li taw xi Stati Membri għat-tkabbir bejn l-2013 u l-2014 kienu ż-żieda fil-valur miżjud industrijali u l-konsum miżjud tal-fabbriki tas-siment u l-fabbriki li jipproduċu l-laqx tal-injam.

F’termini ta’ intensità tal-enerġija finali tal-industrija, hemm differenza sinifikanti bejn l-iktar Stat Membru intensiv fl-enerġija, il-Bulgarija, u l-inqas intensivi fl-enerġija, id-Danimarka u l-Irlanda. Filwaqt li din hija influwenzata mis-sehem tal-industriji intensivi fl-enerġija, l-intensità tal-enerġija fl-industrija naqset fil-maġġoranza tal-Istati Membri fl-2014 meta mqabbla mal-2005, bl-eċċezzjonijiet ta’ Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija u l-Latvja. Ma kien hemm kważi ebda titjib ulterjuri fl-intensità tal-enerġija fl-Awstrija u fil-Finlandja 25 .

4.2.Is-settur residenzjali

Il-konsum finali assolut tal-enerġija tas-settur residenzjali naqas bi 15 % minn 309 Mtoe fl-2005 għal 263 Mtoe fl-2014 minħabba bosta raġunijiet li jinkludu l-effiċjenza akbar fl-enerġija tal-apparat u t-titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija tal-istokk tal-bini wara l-implimentazzjoni gradwali tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u tal-istandards minimi tal-ekodisinn. Barra minn hekk, l-informazzjoni li ngħatat lill-konsumaturi permezz ta’ ċertifikati ta’ prestazzjoni tal-enerġija u l-kejl tal-konsum tal-enerġija ikkontribwixxiet għal din ix-xejra pożittiva billi din tat sett ta’ għodod siewja lill-konsumaturi biex itejbu l-għarfien tagħhom dwar il-konsum tal-enerġija.

Ebda mill-Istati Membri ma rrapportaw żieda fil-konsum finali tal-enerġija tas-settur residenzjali bejn l-2013 u l-2014. Tnaqqis sinifikanti ta’ 20 % ġie nnutat fin-Netherlands, segwit mill-Belġju bi 18 %.

B’differenza mis-soltu, l-2014 kienet sena sħuna li wasslet għal domanda iktar baxxa għat-tisħin 26 . Madankollu, minkejja li l-2014 kienet sena aktar sħuna mis-sena 2013, id-data dwar il-konsum tal-enerġija residenzjali korretta għall-klima tiżvela xejriet ta’ konsum li qed jogħla fl-2014, meta mqabbel mal-2013, fi 17-il Stat Membru. Waħda mir-raġunijiet għal dan tista’ tkun li l-korrezzjonijiet tal-klima ma jqisux il-jiem tal-grad tat-tkessiħ. Għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati fl-analiżi tal-futur, b’mod partikolari t-tkessiħ li se jkollu rwol dejjem akbar fil-ħtiġijiet tal-enerġija fil-pajjiżi tan-Nofsinhar.

Il-konsum finali tal-enerġija per capita korrett għall-klima wkoll naqas fuq medja annwali ta’ 0.7 % bejn l-2015 u l-2014. L-ikbar titjib sar fil-Belġju, l-Irlanda u r-Renju Unit f’dan il-perjodu 27 . Il-konsum tal-enerġija għal kull metru kwadru wkoll tjieb fl-Istati Membri kollha bejn l-2005 u l-2014. L-ikbar tnaqqis ġie osservat f’Ċipru, il-Latvja u l-Portugall 28 .

4.3.Is-settur tas-servizzi

Fis-settur tas-servizzi, il-konsum finali tal-enerġija naqas bi 2 % minn 144 Mtoe fl-2005 għal 141 Mtoe fl-2014. Dan it-tnaqqis notevoli ta’ 6 % fl-2014, meta mqabbel mal-2013, jista’ jiġi parzjalment spjegat mix-xitwa moderata tal-2014 peress li t-tisħin fis-settur tas-servizzi huwa stmat li ammonta għal 62 % tal-konsum finali tal-enerġija 29 .

Il-pajjiżi kollha esperjenzaw konsum tal-enerġija assolut imnaqqas jew stabbli fis-settur tas-servizzi tagħhom fl-2014, meta mqabbel mal-2013, ħlief l-Estonja, il-Latvja, Malta, il-Portugall u l-Iżvezja. Ix-xejriet li jindikaw żieda jew stabbilità ġew spjegati minn Ċipru u Malta minħabba żieda kbira fit-turiżmu u l-varjazzjonijiet klimatiċi b’konsum tal-enerġija ogħla għat-tisħin, il-ventilazzjoni u l-arja kundizzjonata. Il-Latvja rabtet iż-żieda fil-konsum maż-żieda fil-valur miżjud gross tas-servizzi, filwaqt li l-Portugall semma ż-żieda fis-sigħat tax-xogħol tas-settur pubbliku bħala raġuni possibbli.

L-intensità finali tal-enerġija 30 fis-settur tas-servizzi tjiebet fuq bażi annwali b’medja ta’ 1 % fil-perjodu bejn l-2005 u l-2014. L-ikbar titjib sar fl-Ungerija, fl-Irlanda u fis-Slovakkja matul dan il-perjodu. Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja u l-Italja kollha rreġistraw intensità tal-enerġija finali stabbli jew tiżdied f’dan il-perjodu 31 . Dawn l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq is-settur tas-servizzi sabiex iżidu l-effiċjenza fl-enerġija. Dan għandu jgħin fit-titjib tal-kompetittività ta’ dan is-settur, li mistennija tikber fil-futur.

4.4.Is-settur pubbliku

L-Artikolu 5 tal-EED jirrikjedi li l-Istati Membri jirrinnovaw 3% tal-erja totali tas-superfiċje ta’ bini msaħħan u mkessaħ li l-gvern ċentrali jkollu sjieda tiegħu u li jkun jokkupah hu li ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi għall-prestazzjoni tal-enerġija tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija. L-alternattiva hija li jintużaw miżuri oħrajn biex jinkiseb iffrankar ekwivalenti. Sabiex jiġu implimentati r-rekwiżiti tal-Artikolu 5, 18-il Stat Membru se jadottaw miżuri alternattivi, jiġifieri miżuri li joħolqu inċentivi sabiex l-okkupanti jbiddlu l-imġiba tagħhom. L-Istati Membri l-oħrajn għażlu l-approċċ standard li jirrinnovaw 3 % mill-erja totali tas-superfiċje.

Abbażi tar-Rapporti Annwali tal-2016, l-Istati Membri li ddeċidew li jimplimentaw l-approċċ standard irrapportaw li fl-2014 ġew rinnovati madwar 1 245 000 m² tal-istokk tal-bini eliġibbli u fl-2015 ġew rinnovati 995 000 m². L-Istati Membri li adottaw dan l-approċċ alternattiv ikkomunikaw lill-Kummissjoni l-iffrankar enerġetiku għas-snin 2014 u 2015, madankollu, hemm xi inċertezzi fir-rigward tar-rapportar (pereżempju, l-unitajiet magħżula jew id-data nieqsa). L-investigazzjonijiet preliminari jappoġġjaw il-konklużjoni li l-approċċ alternattiv adottat fl-Awstrija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Irlanda, in-Netherlands, il-Polonja, l-Iżvezja u r-Renju Unit iġġeneraw l-iffrankar enerġetiku annwali meħtieġ għall-perjodu bejn l-2014 u l-2015. Il-Kroazja, il-Finlandja u l-Iżvezja rrapportaw kisbiet ogħla milli mistenni. Fil-każ tal-approċċ standard, l-Istati Membri li jiddikjaraw li ssodisfaw r-rekwiżiti ta’ rinovazzjoni fl-2014 u l-2015 huma l-Estonja, Spanja, l-Ungerija, l-Italja u l-Latvja. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

4.5.Is-settur tat-trasport

Il-konsum finali assolut tal-enerġija fit-trasport 32 tal-UE-28 naqas b’4 % minn 369 Mtoe fl-2005 għal 353 Mtoe fl-2014. Fl-2014, 13-il Stat Membru żiedu l-konsum tal-enerġija tagħhom f’dan is-settur meta mqabbel mal-livelli tal-2015 33 . Il-konsum żied b’mod konsiderevoli (b’aktar minn 20 % mill-2005) fil-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja. B’kuntrast, fl-2014 il-konsum naqas b’21 % fil-Greċja u b’20 % fi Spanja meta mqabbel mal-livelli tal-2005.

Il-konsum finali tal-enerġija fit-trasport tal-UE-28 żdied b’1 % mill-2013 għall-2014, b’20 Stat Membru jirrapportaw żieda meta mqabbel mal-2013. Dan jirrappreżenta bidla sinifikanti mis-sena preċedenti, meta xejra ta’ titjib ġiet osservata biss fi 11-il Stat Membru. Il-pajjiżi bl-ikbar żieda jinkludu l-Bulgarija (11 %), l-Ungerija (12 %) u l-Litwanja (11 %). It-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija ġie kkwotat bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għaż-żieda fil-konsum tal-enerġija fit-trasport. Raġunijiet oħrajn jinkludu ż-żieda fin-numru ta’ vetturi u fit-traffiku tal-merkanzija jew tal-passiġġieri. F’Malta, iż-żieda sinifikanti fil-wasliet tat-turisti kienet assoċjata mal-konsum miżjud tal-enerġija fit-trasport tal-avjazzjoni u tal-karozzi.

Fl-2014 is-sehem tat-trasport kollettiv tal-passiġġieri kien fuq medda ta’ 11 % fil-Portugall sa 35 % fl-Ungerija 34 . Fil-livell tal-UE, is-sehem kollettiv tat-trasport tal-passiġġieri baqa’ stabbli, madwar 18 % fl-2014 meta mqabbel mal-2005. L-ikbar żieda fl-2014 meta mqabbel mal-2005 ġiet irrappurtata fil-Belġju u fir-Repubblika Ċeka. F’termini ta’ trasport tal-merkanzija, is-sehem modali tat-trasport bit-triq naqas bi ftit minn 76 % għal 75 % tat-trasport tal-merkanzija intern totali bejn l-2005 u l-2014. Fil-livell nazzjonali, is-sehem tal-ferroviji u tat-trasport tal-merkanzija b’navigazzjoni interna kien fuq medda ta’ bejn 0 % f’Ċipru u f’Malta għal 81 % fil-Latvja fl-2014. Ir-Rumanija u l-Bulgarija rrappurtaw l-ikbar żieda tal-ishma tagħhom fl-2014 meta mqabbel mal-2005.

4.6.Is-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana

Flimkien mal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet, il-politiki mmirati dwar l-effiċjenza fl-enerġija jistgħu jżidu l-effiċjenza fis-settur tal-enerġija, pereżempju billi jippromwovu t-tisħin u l-elettriku prodotti mill-ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku (CHP) b’effiċjenza għolja, it-tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti kif ukoll l-enerġiji rinovabbli u l-iskjerar ulterjuri tal-għodod tal-ICT u softwer dedikat sabiex jiġu integrati aħjar is-sorsi tal-enerġija varjabbli. Is-settur tat-tisħin u t-tkessiħ għandu rwol kruċjali f’dan ir-rigward 35 .

It-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja matul dawn l-aħħar snin kien dovut għal tnaqqis fil-konsum finali tal-enerġija u bidla strutturali fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. B’mod partikolari, il-bidliet strutturali mill-ġenerazzjoni tal-enerġija termali lejn aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli saru fis-snin riċenti. B’sehem ta’ 16 % fil-konsum finali gross tal-enerġija fl-2014, l-UE u l-maġġoranza tal-Istati Membri jinsabu fit-triq it-tajba u anke ’l fuq mit-trajettorji indikattivi tagħhom f’termini ta’ użu tal-enerġija rinnovabbli. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinovabbli (RES-E) tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja 36 .

Il-ġenerazzjoni tas-sħana mill-impjanti CHP naqset fi kważi l-Istati Membri kollha fl-2014 meta mqabbel mal-2013 37 . Din ix-xejra negattiva għat-tisħin iġġenerat mill-impjanti tas-CHP tista’ wkoll tiġi osservata f’14-il Stat Membru fil-perjodu bejn l-2005 u l-2014.

Il-proporzjon ta’ output/input tal-ġenerazzjoni tal-enerġija termali 38 naqas fi 17-il Stat Membru fl-2014 meta mqabbel mal-2013. L-istess japplika għal 13-il Stat Membru li naqqsu l-proporzjon tagħhom ta’ output/input fl-2014 meta mqabbel mal-2005. Jista’ jkun hemm bosta raġunijiet għal dan, pereżempju, il-bidla lejn tipi oħra ta’ fjuwils.

Skema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet li tiffunzjona sew, b’Riżerva tal-Istabbilità tas-Suq kif ukoll politiki mmirati dwar l-effiċjenza fl-enerġija jistgħu jipprovdu inċentiv addizzjonali biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tal-enerġija. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom isegwu mill-qrib l-implimentazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-potenzjali tal-effiċjenza fil-ġenerazzjoni u n-netwerks ta’ trażmissjoni/distribuzzjoni skont l-Artikolu 15 tal-EED u l-valutazzjonijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji għal CHP effiċjenti u t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali meħtieġa skont l-Artikolu 14 tal-EED.

4.7.L-istatus tat-traspożizzjoni tal-EED

L-EED għadha ma ġietx trasposta bis-sħiħ f’xi Stati Membri. B’riżultat ta’ dan, dawn il-pajjiżi ma jistgħux jiksbu bis-sħiħ il-benefiċċji ta’ din id-Direttiva. Il-kontribuzzjoni tal-EED għall-ilħuq tal-miri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-2030, l-iżvilupp xieraq tas-swieq tal-effiċjenza fl-enerġija u l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u l-atturi tas-suq jistgħu jinkisbu biss ladarba d-Direttiva tkun ġiet trasposta bis-sħiħ u b’mod effettiv.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tkompli timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-EED. Hija għalqet 22 minn 27 proċediment ta’ ksur li inizjalment infetħu minħabba notifika nieqsa jew parzjali mill-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni nazzjonali meħtieġa biex jiġu trasposti kull wieħed mir-rekwiżiti tal-EED. Il-Kummissjoni għadha f’kuntatt ma’ xi Stati Membri dwar l-implimentazzjoni korretta tal-Artikolu 7 tal-EED. Fl-2017, se tniedi djalogu mal-Istati Membri kollha biex jivverifikaw il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva, fi kliem ieħor li l-obbligi u r-rekwiżiti kollha tal-EED jiġu riflessi b’mod korrett fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

L-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 39 turi li l-Istati Membri għamlu progress tajjeb lejn l-ilħuq tal-objettiv ta’ ffrankar kumulattiv għall-2020 40 . Fil-fatt, inkiseb iffrankar enerġetiku ta’ 12 Mtoe mill-UE-28 fl-2014, li jammonta għal 5 % tas-somma tar-rekwiżiti tal-iffrankar totali rrapportat mill-Istati Membri. Barra minn hekk, l-iffrankar irrapportat minn tmien Stati Membri – Franza, l-Ungerija, l-Italja, Malta, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit – laħaq jew qabeż l-iffrankar annwali mistenni għall-2014 41 .

Skont l-Artikolu 7, fl-2014, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Portugall, u s-Slovenja rrapportaw li kisbu tal-inqas 50 % mill-iffrankar annwali tagħhom mistenni għal dik is-sena. Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Lussemburgu u l-Iżvezja kisbu inqas minn 50 % tal-iffrankar tagħhom mistenni għall-2014. Fis-snin li ġejjin se jkunu meħtieġa sforzi addizzjonali f’dawn l-Istati Membri biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kumulattivi ġenerali tal-iffrankar sal-2020.

Il-Latvja u l-Lussemburgu ma rrappurtaw ebda ffrankar taħt l-Iskema tal-Obbligu tal-Effiċjenza Enerġetika (EEOS) fl-2014 peress li ma kien għad hemm ebda skema fis-seħħ. Inizjalment, il-Greċja rrapportat biss miżuri alternattivi, iżda issa beħsiebha tistabbilixxi EEOS sa mill-1 ta’ Jannar 2017 42 . Il-Litwanja u l-Estonja ħabbru riċentament 43 li m’għadhomx bl-intenzjoni jistabbilixxu EEOS. B’mod ġenerali, tmien Stati Membri 44 rrapportaw aġġornamenti għall-miżuri tagħhom fir-Rapporti Annwali tagħhom għall-2016. Ir-Repubblika Ċeka aġġornat ir-rekwiżit tal-iffrankar tagħha.

5.Konklużjoni

Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni dwar Enerġija Nadifa Għall-Ewropej Kollha 45 , l-effiċjenza fl-enerġija għandha tkun l-ewwel sors ta’ enerġija billi din ikollha rwol ewlieni fit-tħaffif għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u t-tisħiħ tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-UE. L-effiċjenza fl-enerġija tiffranka l-flus u saret mudell kummerċjali sostenibbli. Il-maġġoranza tal-Istati Membri rrikonoxxew il-benefiċċji multipli tal-effiċjenza fl-enerġija u impenjaw ruħhom mhux biss biex jilħqu objettivi ambizzjużi fl-effiċjenza fl-enerġija għall-2020, iżda poġġew fis-seħħ ukoll ħafna programmi u miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija.

Dawn l-isforzi kellhom impatti profondi: analiżi tad-dekompożizzjoni mill-JRC uriet li l-konsum tal-enerġija primarja tal-UE-28 naqset b’206 Mtoe bejn l-2005 u l-2014 primarjament minħabba titjib fl-intensità enerġetika 46 . Fi kliem ieħor, il-konsum tal-enerġija primarja kien ikun 23 % ogħla fl-2014 mingħajr it-titjib fl-intensità enerġetika li sar mill-2005 ’l hawn. Dan il-livell tal-iffrankar enerġetiku naqqas il-kontijiet tal-enerġija tal-konsumatur u huwa stmat li fl-2014 naqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’madwar 800 miljun tunnellata ta’ CO2.

Sabiex jiġu sfruttati ulterjorment l-investimenti privati u pubbliċi fl-effiċjenza fl-enerġija, fl-2016 il-Kummissjoni ppreżentat l-inizjattiva tagħha Aċċellerazzjoni tal-enerġija nadifa fil-bini 47 . Din tiffoka fuq l-isfidi u l-opportunitajiet li jirrappreżentaw l-investimenti fil-bini b’enerġija sostenibbli għas-settur tal-kostruzzjoni u tinkludi wkoll l-inizjattiva Smart finance for smart buildings (Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti). Din l-aħħar inizjattiva għandha tappoġġja l-użu aktar effettiv tal-finanzi pubbliċi, l-iżvilupp ta’ pipelines għall-proġetti li jkunu bankabbli u bbażati fuq l-aggregazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ assistenza, u t-tneħħija tar-riskji tal-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija għall-promoturi, il-finanzjaturi u l-investituri tal-proġetti. Flimkien ma’ dawn l-inizjattivi, il-Kummissjoni adottat ukoll strateġija ddedikata għall-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fl-enerġija nadifa 48 . Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija komprensiva għat-tliet ingranaġġi politiċi ewlenin li l-UE tista’ tuża sabiex issaħħaħ l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa u tiffoka l-finanzjament tal-Orizzont2020 tagħha fuq id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE bħala waħda mill-erba’ prijoritajiet. Il-Kummissjoni immedjatament se ddaħħal l-inizjattivi kollha fis-seħħ. L-impatt dirett ta’ dawn l-inizjattivi għandu jgħin sabiex tingħalaq id-diskrepanza fil-konfront tal-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija fi żmien qasir.

L-UE diġà kisbet tnaqqis konsiderevoli fil-konsum tal-enerġija u naqqset il-konsum finali tal-enerġija tagħha għal valur iżgħar minn dak tal-mira tal-2020. Anke biż-żieda żgħira fil-konsum tal-enerġija primarja fl-2015, meta mqabbel mal-2014, il-Kummissjoni hija ottimista li l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-mira tagħha. Dan minħabba li l-konsum tal-enerġija primarja fl-2014 kien biss ta’ 1.6 % ogħla mill-mira tal-konsum assolut tal-enerġija primarja għall-2020.

Bħal fir-Rapport dwar il-Progress tal-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2015, l-indikaturi tal-prestazzjoni f’dan ir-rapport juru varjazzjonijiet bejn l-Istati Membri fil-perjodu bejn l-2005 u l-2014. Madankollu, il-maġġoranza tal-indikaturi fil-livell tal-UE tjiebu.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri tejbu l-intensità finali tal-enerġija tagħhom fl-industrija u fis-settur tas-servizzi, u dan huwa inkoraġġanti.

Kif turi l-analiżi, il-maġġoranza tal-Istati Membri naqqsu, bħala medja, il-konsum tal-enerġija għal kull metru kwadru fis-settur residenzjali fil-perjodu bejn l-2005 u l-2014. Madankollu, il-konsum finali tal-enerġija korrett għall-klima per capita żdied għal ħafna Stati Membri. Kif enfasizzat fil-pakkett 49  Enerġija Nadifa Għall-Ewropej Kollha, l-Istati Membri għandhom ikomplu jiffukaw fuq ir-renovazzjoni tal-bini eżistenti. Dan jgħin lill-unitajiet domestiċi biex jiksbu l-istess livelli jew livelli aħjar ta’ kumdità b’inqas flus. L-ICT se jkollhom rwol kruċjali f’dan ir-rigward billi jagħtu lill-konsumaturi għodod siewja biex itejbu l-għarfien tagħhom dwar il-konsum tal-enerġija, u dan jippermettilhom il-ġestjoni intelliġenti fil-ħin reali tal-apparati li jikkonsmaw l-enerġija filwaqt li jevitaw il-konsum tal-enerġija mhux meħtieġ. Barra minn hekk, huma meħtieġa miżuri aktar iffukati biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku b’mod effettiv.

Is-settur tat-trasport kien l-uniku wieħed li ra żieda fil-konsum finali tal-enerġija fl-2014 meta mqabbel mal-2013, b’20 Stat Membru li rrapportaw żieda fil-paragun mal-2013 u 13-il Stat Membru esperjenzaw żieda meta mqabbel mal-2005. L-Istati Membri kollha għandhom jibbażaw fuq l-eżempji pożittivi minn Stati Membri oħrajn sabiex ireġġgħu lura x-xejra ta’ titjib. L-ivvjaġġar attiv (l-użu tar-roti u l-mixi), l-użu akbar tat-trasport kollettiv tal-passiġġieri u modi aktar sostenibbli għat-trasport tal-merkanzija (jiġifieri l-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni) għandhom jiġu inkoraġġiti, kif ukoll l-użu ta’ enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi għat-trasport, vetturi/bastimenti effiċjenti u l-iskjerar tal-infrastruttura relatata, pereżempju bl-installazzjoni ta’ punti ta’ ċċarġjar għall-vetturi elettriċi kif propost mill-Kummissjoni 50 .

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib il-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħiq tal-miri nazzjonali indikattivi tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-implimentazzjoni tal-EED. Għandha taġġorna wkoll il-valutazzjoni tagħha bħala parti mill-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar din il-valutazzjoni.



It-tabella 1: Indikaturi tal-ħarsa ġenerali

Sors: Eurostat, DĠ ECFIN, Odyssee-Mure

* Is-simbolu “+” jintuża jekk l-Istati Membri naqqsu l-konsum primarju u finali tal-enerġija tagħhom bejn l-2005 u l-2014 b’rata li hija ogħla mir-rata ta’ tnaqqis li tkun meħtieġa fil-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2020 biex jilħqu l-miri ta’ konsum primarju u finali tal-enerġija tagħhom sal-2020. Is-simbolu “-” intuża fil-każijiet li jifdal.

It-tabella 2: Indikaturi tal-ħarsa ġenerali

Sors: Eurostat

(1)

L-objettiv tal-2020 huwa li jitnaqqas il-konsum finali tal-enerġija tal-UE għal inqas minn 1086 Mtoe, u l-konsum tal-enerġija primarja tagħha għal inqas minn 1483 Mtoe. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014, EUCO 169/14.

(2)

COM(2016) 860 final.

(3)

L-Artikolu 24(3) tal-EED

(4)

COM(2015) 574 final. L-indikatur “Sħana minn impjanti tat-tisħin distrettwali” m’għadux inkluż f’dan ir-rapport peress li d-data rilevanti mill-Eurostat tinkludi s-sħana kollha prodotta. B’riżultat ta’ dan, l-indikatur mhux se jibqa’ jintuża sakemm data speċifika tkun disponibbli mill-ġbir tad-data skont l-Artikolu 24(6) tal-EED.

(5)

Id-data tal-Eurostat ġiet estratta għall-indikaturi kollha ta’ dan ir-rapport bejn il-31.8.2016 u l-20.10.2016.

(6)

Analiżi ddettaljata tad-data tal-2015 għandha titwettaq fir-Rapport ta’ Progress dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2017.

(7)

Il-miri kkomunikati tal-Istati Membri jirrappreżentaw sa 17.7 % tat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja fl-2020 meta mqabbla mal-projezzjonijiet ta’ bażi tal-2007. Madankollu, għall-konsum finali tal-enerġija, il-miri tal-Istati Membri jirrappreżentaw sa 20.6 % tat-tnaqqis fil-konsum finali tal-enerġija fl-2020 meta mqabbla mal-projezzjonijiet ta’ bażi tal-2007.

(8)

Il-proporzjon tal-konsum nazzjonali tal-enerġija primarja mal-PDG nazzjonali. Dan l-effett ta’ intensità tal-enerġija jammonta għall-bidliet fil-konsum totali tal-enerġija minħabba t-titjib teknoloġiku u fatturi oħrajn tal-effiċjenza fl-enerġija. Filwaqt li bidla f’dan l-effett ta’ intensità ma tistax tiġi attribwita b’mod esklussiv lill-effiċjenza fl-enerġija, analiżi oħra tad-dekompożizzjoni mwettqa minn Odyssee-Mure kkonfermat li l-effiċjenza fl-enerġija kienet l-ixprunatur ewlieni għat-tnaqqis fil-konsum primarju u finali tal-enerġija mill-2005 u l-2014 (ara l-Anness 5 tal-SWD(2016)405).

(9)

Il-konsum finali tal-enerġija huwa l-enerġija fornuta lill-industrija, lit-trasport, lill-unitajiet domestiċi, lis-servizzi u lill-agrikoltura, bl-esklużjoni tal-konsenji lis-settur tat-trasformazzjoni tal-enerġija u lill-industriji tal-enerġija nfushom.

(10)

Ara wkoll l-SWD on the 2016 Monitoring progress towards the Energy Union objectives - Key indicators u http://iet.jrc.ec.europa.eu/energyefficiency/node/9145.

(11)

Minbarra l-konsum finali tal-enerġija, il-konsum tal-enerġija primarja jinkludi t-telf ta’ ġenerazzjoni/trasformazzjoni, il-konsum tas-settur tat-trasformazzjoni tal-enerġija u t-telf tan-netwerk.

(12)

Idem nota 10 f’qiegħ il-paġna.

(13)

L-Istati Membri diġà stabbilixxew miri għalihom infushom li għandhom livelli ta’ ambizzjoni differenti, fil-maġġoranza tal-każijiet bl-għan li sal-2020 inaqqsu l-konsum assolut tal-enerġija. Madankollu, fil-każ tal-Kroazja, Ċipru, il-Finlandja, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u r-Rumanija l-mira tippermetti żieda fil-konsum finali tal-enerġija. Dan huwa previst li jkun ogħla mit-tkabbir imbassar tal-PDG mill-2014 sal-2020. Għall-Kroazja, il-Finlandja, il-Greċja u r-Rumanija, il-miri indikattivi tal-konsum tal-enerġija primarja għall-2020 jippermettu żieda fil-konsum tal-enerġija primarja b’rata ogħla mit-tkabbir medju tal-PDG tagħhom mistenni mill-2014 sal-2020. Is-somma tal-miri nazzjonali (tnaqqis ta’ 17.6 % fil-konsum tal-enerġija primarja meta mqabbel mal-previżjonijiet) ma tilħaqx il-mira ta’ 20 % fil-livell tal-UE. Ara COM(2015) 574.

(14)

Ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Ċipru, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Finlandja.

(15)

L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Ċipru, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Finlandja.

(16)

Peress li hija disponibbli biss id-data tal-2014, dan it-tqabbil ma jistax iqis l-impatt ta’ miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija implimentati reċentament fuq l-ilħiq tal-obbligi l-ġodda skont l-EED, u lanqas l-impatt ta’ xi wħud mill-miżuri li ġew adottati reċentament skont id-Direttivi dwar l-Ekodisinn, dwar it-Tikkettar tal-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija. Dan it-tqabbil ma jagħmilhiex possibbli li ssir valutazzjoni konklużiva dwar jekk l-Istati Membri humiex fit-triq it-tajba biex jilħqu l-miri indikattivi tagħhom tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020. Dan minħabba li l-effetti futuri, pożittivi jew negattivi, ta’ bidliet fl-ekonomija, bidliet fil-prezzijiet tal-enerġija, il-bdil tal-fjuwil jew varjazzjonijiet klimatiċi ma jistgħux jiġu previsti għall-perjodu bejn l-2015 u l-2020.

(17)

Idem nota 10 f’qiegħ il-paġna.

(18)

Il-PDG, indikatur tal-ġid tal-UE-28, jieħu kont tal-bidliet fil-konsum tal-enerġija minħabba bidla fl-attività ekonomika. L-effett tal-attività huwa pożittiv jekk il-konsum tal-enerġija jiżdied minħabba d-domanda addizzjonali għall-enerġija kkawżata mill-attività ekonomika miżjuda.

(19)

Il-proporzjon tal-PDG ta’ kull Stat Membru għall-PDG totali tal-UE-28. Dan jammonta għall-bidliet fil-konsum tal-enerġija li kienu jiġu osservati minħabba bidla fl-importanza relattiva tal-pajjiżi b’intensitajiet ta’ enerġija differenti. L-effett strutturali huwa pożittiv jekk jiżdied il-PDG tal-pajjiżi b’ekonomiji li jkunu relattivament għoljin fl-intensità fl-enerġija.

(20)

Il-proporzjon tal-konsum nazzjonali tal-enerġija primarja ta’ kull tip ta’ fjuwil għall-konsum nazzjonali tal-enerġija primarja tat-tipi kollha ta’ fjuwils flimkien. Dan jammonta għall-bidliet fil-konsum tal-enerġija minħabba bidliet fit-taħlita enerġetika tal-ekonomija, jiġifieri l-impatt tal-kompożizzjoni tat-taħlita enerġetika. L-effett tat-taħlita enerġetika huwa negattiv jekk ikun hemm bidla lejn fjuwils aktar nodfa.

(21)

Dawn huma r-riżultati preliminari tal-ewwel analiżi tad-dekompożizzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Il-metodoloġija għadha qed tiġi żviluppata u se tiġi diskussa ulterjorment mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati.

(22)

Ġew ikkunsidrati s-setturi li ġejjin: L-industrija, il-kostruzzjoni, is-servizzi, l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd.

(23)

Dawn huma r-riżultati preliminari tal-ewwel analiżi tad-dekompożizzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Il-metodoloġija għadha qed tiġi żviluppata u se tiġi diskussa ulterjorment mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati.

(24)

  https://www.iea.org/eemr16/files/medium-term-energy-efficiency-2016_WEB.PDF u l-Anness 5 tal-SWD(2016)405.

(25)

Idem nota 10 f’qiegħ il-paġna.

(26)

Fl-2014 kien hemm medja ta’ 2 809 tijiem tal-grad ta’ tisħin (HDD) fil-livell tal-UE-28 meta mqabbla mal-medja ta’ 3 218 HDD fl-2013 u l-medja ta’ 3 143 HDD fil-perjodu ta’ referenza 1990-2014 [sors tad-data: Eurostat, Ċentru Konġunt għar-Riċerka (Unità IES/MARS)]. Il-fattur tal-korrezzjoni tal-klima ġie kkalkulat bħala l-proporzjon tal-jiem tal-grad tat-tisħin f’sena partikolari fuq il-medja tal-jiem tal-grad tat-tisħin fil-perjodu bejn l-1990 u l-2014. Il-fattur tal-korrezzjoni ġie applikat fuq il-konsum ġenerali tal-enerġija tas-settur residenzjali. Jekk id-data diżaggregata dwar il-konsum tal-użu finali tkun disponibbli fil-Eurostat, il-korrezzjoni tal-klima tiġi applikata għad-data tal-konsum tas-sħana biss.

(27)

L-indikaturi fl-SWD on the 2016 Monitoring progress towards the Energy Union objectives - Key indicators mhumiex ikkoreġuti għall-klima.

(28)

 Ara l-bażi ta’ data Odyssee-Mure: http://www.indicators.odyssee-mure.eu/online-indicators.html .

(29)

 COM (2016)51 final.

(30)

Huwa meħtieġ indikatur li jispeċifika kemm hija meħtieġa enerġija sabiex jiġu prodotti l-valuri miżjuda tas-settur tas-servizzi f’sena partikolari.

(31)

Idem nota 10 f’qiegħ il-paġna.

(32)

 Bl-inklużjoni tat-trasport bil-pipeline, kuntrarju għall-approċċ meħud f’COM(2015) 574 final billi l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 ma jeskludux it-trasport bil-pipeline.

(33)

Il-paragun bejn l-Istati Membri għandu jsir b’kawtela minħabba li l-konsum finali tal-enerġija huwa bbażat fuq il-fjuwils mibjugħa minflok fuq il-fjuwils użati fit-territorju ta’ pajjiż. Għalhekk jiġu involuti fatturi oħrajn minbarra l-effiċjenza fl-enerġija, pereżempju il-grad sa fejn Stat Membru jkun “pajjiż fi tranżitu” għat-trasport bit-triq jew ċentru tal-avjazzjoni.

(34)

 L-indikatur tat-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija mqabbel ma’ COM(2015) 574 final. L-attività tat-trasport issa hija aġġustata għat-territorjalità (Sors: https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/pocketbook2016.pdf ).

(35)

COM (2016)51 final.

(36)

Ara r-Rapport dwar il-Progress tal-2016 dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

(37)

 Hawnhekk intuża sett ieħor tad-data f'paragun mal-COM(2015) 574 u SWD(2015) 245. Għal dan ir-rapport, intużat id-data tas-CHP irrapportata taħt l-Artikolu 24(6) (EED): http://ec.europa.eu/eurostat/web/energy/data . Kien hemm żieda biss fil-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, Malta, il-Portugall u r-Renju Unit.

(38)

Il-miżuri bħall-proporzjon tal-output tat-trasformazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija termali għall-input tal-fjuwil.

(39)

L-Artikolu 7 jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu Skemi tal-Obbligu tal-Effiċjenza Enerġetika biex jiksbu ffrankar annwali għall-użu finali ġdid ta’ 1,5 %, jew jadottaw miżuri alternattivi bl-istess riżultat.

(40)

Is-somma tar-rekwiżiti tal-iffrankar kumulattiv għall-użu finali rrapportati mill-Istati Membri hija ta’ 230 Mtoe, li għandha tinkiseb sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(41)

Ebda qsim annwali tal-iffrankar mistenni għall-miżuri tal-politika ma ġie rrapportat għal-Latvja, il-Finlandja, il-Litwanja u l-Polonja. Għall-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka u Spanja, l-iffrankar annwali mistenni fl-2014 ġie rrapportat għal uħud mill-miżuri ta’ politika biss.

(42)

L-iskema tal-obbligi għalhekk se tkun parti mill-pakkett tal-politika tal-Artikolu 7 tal-Greċja flimkien mal-miżuri alternattivi.

(43)

Fid-djalogu strutturat bħala parti mill-proċess pilota tal-UE.

(44)

L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, Malta, Spanja u r-Renju Unit.

(45)

COM (2016)860 final.

(46)

Ara l-kapitolu 4.

(47)

Anness I għall-COM(2016)860 final.

(48)

COM (2016)763 final.

(49)

COM (2016)860 final.

(50)

Ibid.

Top