Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AR4989

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

    COR 2017/04989

    ĠU C 247, 13.7.2018, p. 62–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 247/62


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

    (2018/C 247/10)

    Relatur:

    Luc Van den Brande (BE/PPE), Membru tal-Uffiċċju ta’ Kooperazzjoni Fjamminga-Ewropea

    Dokumenti ta’ referenza:

    COM(2017) 482 final

    SWD(2017) 294 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

    Emenda 1

    Artikolu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Is-suġġett

    Is-suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tas-setgħat tagħha, biex tissottometti kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati (minn hawn ’il quddiem “l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej” jew “inizjattiva”).

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tas-setgħat tagħha, biex tissottometti kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni skont l-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għall-implimentazzjoni tat-Trattati (minn hawn ’il quddiem “l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej” jew “inizjattiva”).

    Raġuni

    Tiżdied referenza għall-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun ċar li “att legali” jfisser mhux biss regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet vinkolanti, iżda wkoll rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet mhux vinkolanti.

    Emenda 2

    Artikolu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Is-suġġett

    Is-suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tas-setgħat tagħha, biex tissottometti kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati (minn hawn ’il quddiem “l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej” jew “inizjattiva”).

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tas-setgħat tagħha, biex tissottometti kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati (minn hawn ’il quddiem “l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej” jew “inizjattiva”).

     

    “L-implimentazzjoni tat-Trattati” għandha tinftiehem ukoll li tfisser li l-Kummissjoni għandha l-għażla, skont l-Artikolu 48 tat-TUE, li tressaq proposti sabiex jiġu emendati t-Trattati.

    Raġuni

    L-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kummissjoni tista’ tressaq proposti lill-Kunsill sabiex jiġu emendati t-Trattati. Peress li l-Kummissjoni għandha l-awtorità li tipproponi tibdil għat-Trattat, l-inizjattivi taċ-ċittadini li jipproponu tibdil bħal dan għandhom jitqiesu wkoll bħala ammissibbli.

    Emenda 3

    Artikolu 4.4

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Informazzjoni u assistenza mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri

    Informazzjoni u assistenza mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri

    Wara li l-Kummissjoni tirreġistra inizjattiva skont l-Artikolu 6, din għandha tipprovdi traduzzjoni tal-kontenut ta’ dik l-inizjattiva fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, għall-pubblikazzjoni tagħha fir-reġistru u l-użu tagħha għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’konformità ma’ dan ir-Regolament . Grupp ta’ organizzaturi jista’, barra minn hekk, jipprovdi traduzzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni tal-Anness għall-pubblikazzjoni tiegħu fir-reġistru u, jekk ikun il-każ , tal-abbozz ta’ att legali msemmi fl-Anness II u ppreżentat skont l-Artikolu 6(2).

    Wara li l-Kummissjoni tirreġistra inizjattiva skont l-Artikolu 6, din għandha tipprovdi traduzzjoni tal-kontenut ta’ dik l-inizjattiva fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, għall-pubblikazzjoni tagħha fir-reġistru u l-użu tagħha għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’konformità ma’ dan ir-Regolament, inklużi traduzzjonijiet tal-Anness għall-pubblikazzjoni tiegħu fir-reġistru u, jekk applikabbli , tal-abbozz ta’ att legali msemmi fl-Anness II u ppreżentat skont l-Artikolu 6(2).

    Raġuni

    Jidher raġonevoli li l-Kummissjoni Ewropea, ladarba tiġi reġistrata inizjattiva, tipprovdi wkoll traduzzjonijiet tad-dokumenti annessi, b’mod partikolari wkoll tal-abbozz tal-att legali meta jkun jagħmel parti mill-inizjattiva.

    Emenda 4

    Artikolu 6

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Reġistrazzjoni

    Reġistrazzjoni

    1.   Id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva jistgħu jinġabru biss wara li l-inizjattiva tkun ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni.

    1.   Id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva jistgħu jinġabru biss wara li l-inizjattiva tkun ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni.

    2.   Il-grupp ta’ organizzaturi għandhom jissottomettu t-talba għal reġistrazzjoni lill-Kummissjoni permezz tar-reġistru.

    2.   Il-grupp ta’ organizzaturi għandhom jissottomettu t-talba għal reġistrazzjoni lill-Kummissjoni permezz tar-reġistru.

    Meta jippreżenta talba il-grupp ta’ organizzaturi għandu wkoll:

    Meta jippreżenta talba il-grupp ta’ organizzaturi għandu wkoll:

    (a)

    jittrażmetti l-informazzjoni msemmija fl-Anness II, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni;

    (a)

    jittrażmetti l-informazzjoni msemmija fl-Anness II, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni;

    (b)

    fejn huwa magħmul minn aktar minn 7 membri, jindika lil dawk is-seba’ membri biex jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) u (2);

    (b)

    fejn huwa magħmul minn aktar minn 7 membri, jindika lil dawk is-seba’ membri biex jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) u (2);

    (c)

    skont kif ikun il-każ, jindika li entità legali nħolqot, skont l-Artikolu 5(7).

    (c)

    skont kif ikun il-każ, jindika li entità legali nħolqot, skont l-Artikolu 5(7).

    Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 5 u 6, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar it-talba fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni tiegħu.

    Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 5 u 6, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar it-talba fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni tiegħu.

     

    Il-Kummissjoni għandha tressaq it-talba għal reġistrazzjoni lil kumitat indipendenti ta’ seba’ membri, magħmul minn avukati, akkademiċi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Ewropea, li għandu jevalwa l-ammissibbiltà tat-talba għal reġistrazzjoni. Dan jista’ jorganizza seduta mal-grupp ta’ organizzaturi. Il-kumitat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’deċiżjoni motivata, u l-Kummissjoni ser tieħu deċiżjoni fuq dik il-bażi.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra inizjattiva jekk:

    (…)

    3.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra inizjattiva jekk:

    (…)

    Raġuni

    Wieħed mill-punti problematiċi ewlenin tar-regolament il-ġdid għadu l-kunflitt ta’ interess tal-Kummissjoni u l-monopolju tagħha fuq l-istadji kollha tal-proċedura. Huwa għalhekk propost – f’konformità mal-Opinjoni tal-KtR tal-2015 – li d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni għandha tiġi fdata lil kumitat indipendenti ta’ avukati, akkademiċi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Ewropea.

    Emenda 5

    Artikolu 8

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-perjodu ta’ ġbir

    Il-perjodu ta’ ġbir

    1.   Kull dikjarazzjoni ta’ appoġġ għandha tinġabar fi żmien perjodu li ma jaqbiżx it- 12 -il xahar minn data magħżula mill-grupp tal-organizzaturi (il-“perjodu ta’ ġbir”), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(6). Dik id-data m’għandhiex tkun aktar tard minn tliet xhur wara r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva skont l-Artikolu 6.

    1.   Kull dikjarazzjoni ta’ appoġġ għandha tinġabar fi żmien perjodu li ma jaqbiżx it- 18 -il xahar minn data magħżula mill-grupp tal-organizzaturi (il-“perjodu ta’ ġbir”), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(6). Dik id-data m’għandhiex tkun aktar tard minn tliet xhur wara r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva skont l-Artikolu 6.

    Il-grupp ta’ organizzaturi għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-data magħżula mill-inqas 10 ijiem tax-xogħol qabel dik id-data.

    Il-grupp ta’ organizzaturi għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-data magħżula mill-inqas 10 ijiem tax-xogħol qabel dik id-data.

    Fejn il-grupp ta’ organizzaturi jixtieq itemm il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ 12 -il xahar wara l-bidu tal-perjodu ta’ ġbir, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-data li fiha se jispiċċa l-perjodu tal-ġbir.

    Fejn il-grupp ta’ organizzaturi jixtieq itemm il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ 18 -il xahar wara l-bidu tal-perjodu ta’ ġbir, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-data li fiha se jispiċċa l-perjodu tal-ġbir.

    Raġuni

    Il-ġbir ta’ miljun firma huwa pjuttost biċċa xogħol kbira, u jeħtieġ ammont kbir ta’ pubbliċità u sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini. Sabiex jintlaħaq l-għan aħħari fi żmien sena, il-grupp ta’ organizzaturi jrid ikun organizzat tajjeb ħafna. Huwa importanti li tiġi evitata sitwazzjoni fejn huma biss organizzazzjonijiet kbar mhux governattivi organizzati b’mod transnazzjonali li jkunu jistgħu jniedu l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej. Għalhekk aħna nipproponu li l-perjodu ta’ ġbir jiżdied għal 18-il xahar, li jkun anqas ta’ deterrent għal organizzaturi potenzjali tal-inizjattiva.

    Emenda 6

    Artikolu 14

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Pubblikazzjoni u smigħ pubbliku

    Pubblikazzjoni u smigħ pubbliku

    1.   (…)

    1.   (…)

    2.   Fi żmien tliet xhur wara l-preżentazzjoni tal-inizjattiva, il-grupp ta’ organizzaturi għandu jingħata l-opportunità li jippreżenta l-inizjattiva waqt smigħ pubbliku.

    2.   Fi żmien tliet xhur wara l-preżentazzjoni tal-inizjattiva, il-grupp ta’ organizzaturi għandu jingħata l-opportunità li jippreżenta l-inizjattiva waqt smigħ pubbliku.

    Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew għandhom jorganizzaw is-smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew. Rappreżentanti tal-istituzzjonijiet l-oħra u l-korpi konsultattivi tal-Unjoni, kif ukoll partijiet interessati, għandhom jingħataw l-opportunità li jieħdu sehem fis-smigħ.

    Il-Parlament Ewropew għandu jorganizza s-smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew. Rappreżentanti tal-istituzzjonijiet l-oħra u l-korpi konsultattivi tal-Unjoni, il-Parlamenti Nazzjonali, kif ukoll partijiet interessati, għandhom jingħataw l-opportunità li jieħdu sehem fis-smigħ.

    Il- Kummissjoni u l- Parlament Ewropew għandhom jiżguraw rappreżentazzjoni bilanċjata tal-interessi pubbliċi u privati rilevanti.

    Il-Parlament Ewropew għandu jiżgura rappreżentazzjoni bilanċjata tal-interessi rilevanti fis-smigħ .

    3.   Il-Kummissjoni għandha tkun rappreżentata fis-seduta f’livell xieraq.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tkun rappreżentata fis-seduta f’livell xieraq.

     

    4.    Wara s-seduta, il-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea dwar kif tirrispondi l-ECI inkwistjoni

    Raġuni

    L-aħjar post għal grupp ta’ organizzaturi biex jispjega l-inizjattiva tiegħu huwa l-Parlament Ewropew, u għaldaqstant, ikun loġiku li l-Parlament Ewropew jieħu responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni ta’ dan is-smigħ. Ma hemm assolutament l-ebda raġuni istituzzjonali biex il-Kummissjoni tkun involuta fl-organizzazzjoni. Dan għandu jagħti wkoll lill-organizzaturi aktar fiduċja li l-proċess ser ikun trasparenti u indipendenti. Li l-Parlamenti nazzjonali jiġu assoċjati ma’ dan il-proċess għandu jżid l-opportunitajiet ta’ ħolqien ta’ dibattitu Ewropew.

    Huwa importanti li l-Parlament Ewropew jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-inizjattiva wara s-smigħ.

    Emenda 7

    Żid Artikolu ġdid wara l-Artikolu 15

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

     

    L-inizjattivi li ma jiksbux iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 12(5), iżda li jiġbru 75 % tal-firem meħtieġa fi żmien il-perjodu ta’ ġbir, għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għall-finijiet ta’ informazzjoni.

    Raġuni

    L-esperjenza tal-imgħoddi wriet li xi inizjattivi li ma setgħux jiksbu l-għadd meħtieġ ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ kienu madankollu innovattivi għall-politika Ewropea. Għalhekk ikun ta’ dispjaċir li jintilef il-messaġġ politiku ta’ inizjattivi bħal dawn. Il-Parlament Ewropew jista’ jiddeċiedi, fuq il-bażi tar-rilevanza politika u soċjali ta’ inizjattivi bħal dawn, li jiżviluppa inizjattivi tiegħu stess.

    Emenda 8

    Artikolu 24

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Rieżami

    Rieżami

    Il-Kummissjoni għandha tirrevedi perijodikament il-funzjonament tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mhux aktar tard minn ħames snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.

    Il-Kummissjoni għandha tirrevedi perijodikament il-funzjonament tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mhux aktar tard minn tliet snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.

    Raġuni

    Huwa importanti li jiġi evalwat il-funzjonament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej f’intervalli regolari, mhux biss fir-rigward tal-proċeduri, iżda wkoll tal-impatt politiku tagħha u l-involviment reali taċ-ċittadini fil-politika. Tenħtieġ reviżjoni f’waqtha sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni korrettiva, u għalhekk ikun aktar adegwat intervall ta’ tliet snin. Jekk dan ir-Regolament il-ġdid ifalli jkun ifisser it-tmiem tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    Fit-13 ta’ Ottubru 2015, il-Kumitat tar-Reġjuni adotta Opinjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (1). L-Opinjoni ġiet suġġerita mir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 211/2011. Minħabba l-volum sinifikanti u t-tip tal-kontributi riċevuti matul il-proċedura li għaddejja bħalissa, il-KtR appella għal reviżjoni tar-regolament imsemmi hawn fuq.

    2.

    L-Ewropej jinsabu fil-qofol tal-proġett Ewropew. Id-demokrazija parteċipattiva Ewropea għandha tinftiehem bħala li tinkoraġġixxi liċ-ċittadini Ewropej biex ikunu involuti fil-politika Ewropea u jfasslu l-ġejjieni tal-Ewropa. It-Trattat (Artikolu 10(3)) jagħti lil kull ċittadin id-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.

    3.

    L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija dritt taċ-ċittadini Ewropej. Din tista’ tgħin biex ikun hemm rispons għad-defiċit demokratiku perċepit tal-Unjoni Ewropea kif ukoll biex jitnaqqas id-distakk bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-istituzzjonijiet Ewropej u dawk li jfasslu l-politika Ewropea. Minħabba l-kriżi ekonomika u ta’ fiduċja li għadha għaddejja fl-UE, huwa kruċjali li jiġu pprovduti l-opportunitajiet għal djalogu miftuħ bejn iċ-ċittadini tal-UE biex jiġi evitat li jsiru dejjem iżjed diżillużi bil-kunċett ta’ integrazzjoni Ewropea. Huwa partikolarment importanti li tinbena jew terġa’ tinkiseb il-fiduċja ta’ dawk iż-żgħażagħ Ewropej li setgħu tilfu l-fiduċja fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. Billi jiġi offrut id-dritt għal inizjattiva leġislattiva, l-IĊE bħala strument transnazzjonali, tipprovdi opportunità biex jinvolvu ruħhom mal-aġenda politika tal-UE u għandha l-għan li tħeġġeġ dibattitu madwar l-Ewropa dwar kwistjonijiet ta’ tħassib għaċ-ċittadini Ewropej.

    4.

    Skont l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-istituzzjonijiet tal-UE huma meħtieġa jinformaw liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, u jagħtuhom l-opportunità li jwasslu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Unjoni. L-istess artikolu jinkludi mandat espliċitu biex il-Kummissjoni Ewropea tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati sabiex tassigura li l-azzjonijiet tal-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti; il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra bis-serjetá r-rekwiżit bażiku tal-“obbligu ta’ rendikont” bħala prerekwiżit għad-demokrazija u l-governanza tajba f’konformità mal-ispirtu tat-Trattati.

    5.

    Sabiex jiġi żgurat li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tkun tista’ ssir parti li tirnexxi fin-nisġa demokratika tal-UE, huwa ta’ importanza fundamentali li l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jirnexxu jwasslu għal dibattiti ta’ politika ġenwini u jirċievu aktar segwitu politiku sostanzjali mill-istituzzjonijiet tal-UE.

    6.

    L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej mhijiex sostitut għad-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li wassal għal progress fl-approfondiment tal-Unjoni u li għandu jkompli. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija mezz addizzjonali għall-fehim reċiproku bejn iċ-ċittadini u tipprovdi dimensjoni transnazzjonali għad-dibattiti tal-UE, li hija ta’ benefiċċju għas-sistema istituzzjonali tal-UE inġenerali, inkluż il-Kummissjoni Ewropea stess; l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għalhekk għandha l-potenzjal li tkun eżempju tajjeb ħafna ta’ “demokrazija f’azzjoni”.

    7.

    L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej toffri l-opportunità għaċ-ċittadini Ewropej biex jipparteċipaw fil-proċess Ewropew ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u jinfluwenzaw l-aġenda politika Ewropea. Madankollu, jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa inizjattivi addizzjonali biex issaħħaħ id-djalogu ċivili u tqarreb lin-nies mal-politiki Ewropej. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha tiġi kkunsidrata bħala wieħed mill-istrumenti biex jinkisbu l-għanijiet ta’ demokrazija parteċipattiva, iżda m’għandux ikun mistenni li din l-inizjattiva ser tiżgura awtomatikament l-involviment pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet Ewropew.

    8.

    Għandha tingħata attenzjoni lill-possibilitajiet previsti fit-Trattat rigward id-demokrazija parteċipattiva u b’mod partikolari d-djalogu ċivili vertikali (2). Bil-għan li jinżamm “djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili” (Artikolu 11(2) tat-TFUE), il-Kummissjoni Ewropea għandha tniedi “skema ta’ djalogu” fejn l-istituzzjonijiet Ewropej jiffukaw fuq li jipprovdu kwalità aktar milli jikkonċentraw fuq proċeduri. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej mhijiex strument ta’ kodeċiżjoni tal-ħidma: din trid titqies bħala pilastru fundamentali tad-demokrazija parteċipattiva ddedikata għad-deliberazzjoni, il-kollaborazzjoni, il-kooperazzjoni u t-tfassil konġunt u bħala tieqa ta’ opportunità biex il-Kummissjoni Ewropea tiġi kkonfrontata bi tħassib serju, sabiex tinħoloq sensibilizzazzjoni u jiġi ġġenerat fehim reċiproku.

    9.

    L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija l-espressjoni tad-demokrazija parteċipattiva li tikkomplementa l-idea ta’ demokrazija rappreżentattiva; hija ssaħħaħ l-għadd ta’ drittijiet relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-dibattitu pubbliku dwar il-politika Ewropea; għandha ssaħħaħ is-sjieda tal-Unjoni taċ-ċittadini u l-identifikazzjoni tagħhom magħha.

    10.

    Għandhom jissaħħu l-istrumenti ta’ parteċipazzjoni legali u politiċi tagħna sabiex naslu għal arkitettura ta’ governanza mġedda abbażi tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli. Il-governanza f’diversi livelli hija essenzjalment imsejsa fuq diversi kanali u għalhekk tippermetti ċittadinanza Ewropea aktar “attiva”. L-isfida hija li tipprovdi sistema ta’ rappreżentazzjoni tal-interessi innovattivi fejn in-nies iħossuhom rappreżentati fuq bażi ugwali fl-identitajiet differenti tagħhom.

    11.

    Spazju pubbliku Ewropew għal dibattitu bejn iċ-ċittadini u ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet huwa importanti għal-leġittimità u r-responsabbiltà tal-UE. Id-defiċit demokratiku jista’ jiġi eliminat biss jekk tinħoloq sfera pubblika Ewropea li tinkorpora l-proċess demokratiku.

    12.

    Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika dwar id-demokrazija parteċipattiva fil-livell Ewropew, kif espressi fl-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta’ Ottubru 2015, jibqgħu fis-seħħ b’mod sħiħ.

    Ir-Regolament il-ġdid dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

    13.

    Fl-Opinjoni tiegħu tal-2015, il-Kumitat tar-Reġjuni qal li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fil-forma attwali tagħha mhux se tippromovi d-demokrazija parteċipattiva, peress li l-proċedura u d-diversi regoli joħolqu wisq restrizzjonijiet amministrattivi u tekniċi, ostakoli u tfixkil li jistgħu jiskuraġġixxu liċ-ċittadini milli jieħdu sehem fil-proċess demokratiku Ewropew. Barra minn hekk, l-inizjattiva taċ-ċittadini attwali ma kinitx tippermetti li ċ-ċittadini jinfluwenzaw l-aġenda politika Ewropea u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi.

    14.

    F’konformità mal-fehmiet diġà espressi mill-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Ombudsman Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni jqis li r-regolament il-ġdid huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba biex jittejjbu l-proċeduri tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

    Titjib proċedurali u amministrattiv fir-Regolament il-ġdid

    15.

    Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ b’sodisfazzjon it-titjib proċedurali u amministrattiv li ġej fir-Regolament il-ġdid propost mill-Kummissjoni:

    Iċ-ċittadini li jniedu inizjattiva huma individwi (organizzaturi) iżda minn hemm ’il quddiem jistgħu joħolqu entità b’personalità ġuridika b’tali mod li jillimitaw ir-responsabbiltà kriminali tal-organizzaturi minħabba frodi u negliġenza serja.

    Il-perjodu permess għall-ġbir tal-firem għadu ta’ 12-il xahar, iżda l-organizzaturi tal-inizjattiva jingħataw perjodu ieħor ta’ tliet xhur wara r-reġistrazzjoni biex jiddeċiedu dwar id-data tal-bidu tal-perjodu ta’ ġbir.

    Kwalunkwe persuna ta’ età akbar minn 16 tista’ tiffirma dikjarazzjoni ta’ appoġġ.

    Id-data personali li għandha tiġi ppreżentata minn kull min jiffirma dikjarazzjoni ta’ appoġġ ġiet issemplifikata. Ser ikun possibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE biex jagħtu l-appoġġ tagħhom abbażi tan-nazzjonalità tagħhom, irrispettivament mill-post ta’ residenza tagħhom. Il-Kummissjoni tipproponi għażla bejn żewġ formoli ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ. (attwalment l-Istati Membri jużaw 13-il formola differenti).

    Titjib fil-proċedura tar-reġistrazzjoni, inkluża l-possibilità li wieħed jirreġistra inizjattivi parzjalment minflok ma tiġi miċħuda l-inizjattiva kollha kemm hi fuq il-bażi ta’ ammissibbiltà, bil-Kummissjoni tirreġistra biss il-parti ammissibbli.

    Ser titwaqqaf pjattaforma ta’ kollaborazzjoni onlajn għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, li tipprovdi forum għal diskussjoni, pariri u appoġġ għall-organizzaturi.

    Ser tinħoloq u titħaddem sistema ċentrali ta’ ġbir onlajn mill-Kummissjoni sabiex tissemplifika l-ġbir u l-ġbir f’katalogi tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ kif ukoll sabiex dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu ċċekkjati mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni ser tiżviluppaha u torganizzaha b’mod permanenti u toffriha mingħajr ħlas.

    Wara r-reġistrazzjoni ta’ Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, il-Kummissjoni ser tipprovdi traduzzjoni fil-lingwi kollha tal-UE u tinforma lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE dwar Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ġdida.

    Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ għal organizzaturi (potenzjali) ta’ Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (l-Istati Membri huma mitluba joħolqu punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej).

    Il-Kummissjoni se tipprovdi aktar sensibilizzazzjoni u attivitajiet ta’ komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

    Għad m’hemmx approċċ politiku

    16.

    Minkejja l-proposti u l-miżuri t’hawn fuq inklużi fir-Regolament il-ġdid biex jitjiebu l-proċedura tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u jitneħħew ħafna ostakli, l-impressjoni għadha waħda ta’ pożizzjoni mhux miftuħa biżżejjed u wisq prudenti min-naħa tal-Kummissjoni. Dan huwa partikolarment evidenti fl-aspetti aktar politiċi tal-inizjattiva taċ-ċittadini:

    Id-demokrazija parteċipattiva hija partikolarment importanti biex terġa’ tinkiseb jew titjieb il-fiduċja fil-proġett Ewropew. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha għalhekk titqies bħala strument transkonfinali li jippermetti liċ-ċittadini biex jieħdu sehem fil-proċess demokratiku Ewropew u biex tingħatalhom vuċi fit-tfassil tal-politika tal-UE: spazju pubbliku Ewropew għd-dibattitu bejn iċ-ċittadini u dawk li jfasslu l-politika. Ir-regolament il-ġdid ma jipprovdix bażi xierqa għal dan.

    Dan il-kunflitt ta’ interess min-naħa tal-Kummissjoni qiegħed jagħmel ħsara serja għall-effettività tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fit-trawwim tal-parteċipazzjoni u l-fiduċja: b’mod parallel, hija għandha tkun fornitur ewlieni tal-informazzjoni u struttura ta’ appoġġ għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, tkun l-ewwel “destinatarju” għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, u tiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni u l-ammissibbiltà tal-inizjattivi.

    Ir-regolament il-ġdid ma jagħmel xejn biex isolvi l-kunflitt ta’ interess tal-Kummissjoni, jiġifieri li hija: (1) il-fornitur ċentrali ta’ informazzjoni, (2) l-istruttura ta’ appoġġ għal inizjattivi taċ-ċittadini, (3) l-awtorità li l-organizzaturi għandhom jirrappurtaw lilha u għandhom jirreġistraw magħha, (4) l-awtorità li tiddetermina jekk inizjattiva tistax tiġi reġistrata, u (5) il-korp li għandu jsegwi fuq Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess. In-nuqqas li tinstab soluzzjoni għal dan il-kunflitt ta’ interess għadu jkun ta’ ħsara għall-effettività u l-leġittimità tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Għaldaqstant il-KtR ippropona fl-Opinjoni tiegħu tal-2015 li jitwaqqaf kumitat ad hoc imparzjali magħmul minn esperti, akkademiċi u avukati biex jinvestiga kriterji ta’ ammissibilità bħal tip ta’ “kunsill tal-għorrief” jew “Rappreżentanza taċ-Ċittadini Ewropej”.

    Il-Kummissjoni tillimita l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej għal kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Kummissjoni fejn att legali tal-Unjoni jista’ jkun meħtieġ fil-qafas tat-Trattati. Il-Kummissjoni taqbad mal-approċċ legalistiku u ma tipprovdix biżżejjed ċarezza skont kriterji li għandhom jiġu definiti. Dan jista’ jagħti lok għal valutazzjonijiet arbitrarji u riskji, li joħonqu kwalunkwe dibattitu politiku miftuħ u trasparenti.

    Bl-istess mod il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda proposta li tindirizza x-xewqa li taċċetta inizjattivi taċ-ċittadini li jipproponu emenda għat-Trattati tal-UE.

    Kien ikun xieraq li ssir referenza għad-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini u għall-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-kriterji tal-eliġibbiltà.

    Ċerti inizjattivi taċ-ċittadini ġew ippreżentati dwar kwistjonijiet importanti, iżda ma laħqux il-miljun firma jew jintlaħaq il-livell minimu meħtieġ f’ċerti pajjiżi. Tali Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej bħalissa qegħdin sempliċiment jitwarrbu f’kexxun. Madankollu, f’każijiet fejn inġabar għadd sinifikanti ta’ firem, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa tipi xierqa ta’ rispons sabiex ma jintilifx il-messaġġ politiku potenzjali u l-mobilizzazzjoni assoċjata.

    Il-Kummissjoni għandha tispjega l-għażliet politiċi tagħha lill-pubbliku b’mod dettaljat u trasparenti fit-tweġiba formali tagħha lil Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li kisbet iktar minn miljun firma. Għandu jiġi żgurat segwitu politiku b’saħħtu.

    Il-Parlament Ewropew għandu rwol essenzjali x’jaqdi biex jibda dibattitu politiku mal-pubbliku ġenerali, pereżempju permezz tas-smigħ pubbliku li huma previsti. Il-Parlament għandu wkoll jaġixxi bħala garanti tas-segwitu politiku għal Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess u l-internalizzazzjoni tal-messaġġ politiku ta’ Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li ma jkunux laħqu l-għadd meħtieġ ta’ firem.

    Għandhom jitqiesu b’mod serju l-possibbiltajiet għal segwitu aktar strutturat u fit-tul għas-seduti tal-Parlament Ewropew billi jinħolqu l-opportunitajiet għaċ-ċittadini biex tiġi riveduta l-azzjoni li ttieħdet b’rispons għal Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li tkun irnexxiet u biex jitkompla d-dibattitu dwar is-suġġett. It-tieni seduta formali organizzata mill-PE u li tinvolvi wkoll lill-proponenti tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, wara l-pubblikazzjoni tar-reazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u li toħloq spazju għal aktar dibattitu bejn il-partijiet interessati kollha, għandha tiġi esplorata.

    Żieda fis-sensibilizzazzjoni ġenerali u l-għarfien dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

    17.

    L-għarfien pubbliku dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej huwa importanti. Għal dan il-għan, il-kampanji ta’ reklamar u promozzjoni għandhom ikunu organizzati bil-għan li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tingħata profil ogħla fil-midja u fost il-pubbliku.

    18.

    L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tista’ tkun għodda effettiva għal parteċipazzjoni demokratika. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għalhekk għandhom jimmassimizzaw l-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħhom fir-rigward ta’ dan l-istrument sabiex jinformaw bl-eżistenza tiegħu lil kemm jista’ jkun Ewropej u jħeġġu parteċipazzjoni attiva fih.

    Il-kontribut tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

    19.

    Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tappoġġa rappreżentanti eletti lokali u reġjonali biex ikunu fuq quddiem fiż-żieda fl-isforzi biex iċ-ċittadini jkunu mgħarrfin dwar l-istrument tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

    20.

    L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tipprovdi liċ-ċittadini Ewropej bi strument li jippermettilhom li jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess tat-tfassil tal-politika Ewropea. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jirrikonoxxi r-rwol u r-responsabilitajiet tiegħu stess u f’dan il-kuntest jenfasizza d-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu (3) dwar l-involviment tal-KtR fl-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej. Itenni l-impenn tiegħu biex jappoġġja lill-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jaqgħu fil-kompetenza politika tal-KtR u li huma meqjusa bħala politikament rilevanti, billi pereżempju: jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-iskrinjar tagħha ta’ Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej proposti mill-perspettiva tar-rilevanza lokali/reġjonali tagħhom u s-sussidjarjetà; l-ospitar ta’ avvenimenti relatati mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej; appoġġ għal azzjoni ta’ komunikazzjoni deċentralizzata dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej; fejn xieraq, tfassil ta’ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej; parteċipazzjoni attiva fis-seduti tal-PE u s-segwitu politiku; appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess u fejn xieraq il-leġislazzjoni bi tweġiba għalihom.

    Brussell, it-23 ta’ Marzu 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    (1)  ĠU C 423, 17.12.2015, p. 1.

    (2)  Reaching out to EU citizens – A new opportunity “About us, with us, for us”, rapport minn Luc Van den Brande, Konsulent speċjali lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, Ottubru 2017.

    (3)  Il-144 laqgħa tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni, 10 ta’ April 2013, punt 8 – CDR1335-2013_11_00_TRA_NB-item 8.


    Top