Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE5168

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri” (COM(2017) 648 final — 2017/0290 (COD))

    EESC 2017/05168

    ĠU C 262, 25.7.2018, p. 52–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 262/52


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri”

    (COM(2017) 648 final — 2017/0290 (COD))

    (2018/C 262/09)

    Relatur:

    Stefan BACK

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 29.11.2017

    Kunsill Ewropew, 4.12.2017

    Bażi legali

    Artikolu 91(1) tat-TFUE

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    5.4.2018

    Adottata fil-plenarja

    19.4.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    534

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    159/1/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva biex tiġi aġġornata d-Direttiva 92/106/KEE (“id-Direttiva”) biex tagħmel il-kunċett tat-trasport ikkombinat aktar effiċjenti u attraenti u tagħmel it-trasport aktar sostenibbli skont l-għanijiet stabbiliti fil-White Paper tal-2011 dwar il-politika tat-trasport u l-impenji meħuda taħt il-Ftehim ta’ Pariġi.

    1.2

    Il-KESE huwa favur li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għall-operazzjonijiet domestiċi biex jonqos aktar it-trasport bit-triq.

    1.3

    Il-KESE jieħu nota b’mod favorevoli wkoll tal-isforzi biex tiġi ssemplifikata d-Direttiva biex il-kunċett isir aktar attraenti u tittejjeb iċ-ċertezza tad-dritt.

    1.4

    Il-KESE jsib partikolarment utli s-semplifikazzjoni tad-delimitazzjoni tal-partijiet tat-trasport bit-triq, inkluża l-għażla tal-flessibilità miftuħa għall-Istati Membri li tippermetti l-adattament għall-kundizzjonijiet lokali. Minkejja dan, il-KESE jindika li l-limitu ta’ 20 % tad-distanza bejn il-punti tat-tagħbija inizjali u tal-ħatt finali jista’ jwassal għal distanzi fit-trasport bit-triq ferm itwal mil-limitu ta’ 300 kilometru li lil hinn minnu l-White Paper tal-2011 dwar it-trasport tiffavorixxi bidla modali suċċessiva ’l bogħod mit-trasport bit-triq.

    1.5

    Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva f’kull Stat Membru u biex jiġi ffaċilitat l-ippjanar tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat, il-KESE jissuġġerixxi obbligu fuq kull Stat Membru biex jagħmel l-informazzjoni pertinenti kollha rigward l-implimentazzjoni tad-Direttiva disponibbli fuq sit web iddedikat.

    1.6

    Il-KESE japprova l-kjarifika u s-semplifikazzjoni pprovduti mill-enumerazzjoni eżawrjenti tad-dokumentazzjoni li għandha tkun disponibbli għall-kontroll tal-konformità kif ukoll mid-dispożizzjoni li dawk id-dokumenti jistgħu jiġu prodotti f’forma elettronika. Il-KESE jissuġġerixxi li kull fejn applikabbli, kwalunkwe deċiżjoni nazzjonali li tawtorizza parti tat-triq itwal għandha tkun ukoll parti mid-dokumenti li jridu jiġu prodotti.

    1.7

    Il-KESE japprezza l-obbligu propost fuq l-Istati Membri rigward l-investiment f’terminals tat-trasbord u b’mod partikolari l-obbligu li jiġu kkoordinati l-investimenti mal-Istati Membri tal-viċinat. Il-KESE madankollu jiddubita jekk l-objettiv ta’ distanza massima ta’ 150 kilometru minn kwalunkwe post fl-UE għall-eqreb terminal huwiex realistiku, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni f’żoni b’densità tal-popolazzjoni baxxa u b’netwerks ferrovjarji u tal-port skarsi u għalhekk jissuġġerixxi li għandha tingħata għażla ċara ta’ flessibilità.

    1.8

    Fl-opinjoni tal-KESE, sabiex tiżdied iċ-ċertezza u jitħaffu l-effetti tal-inċentivi għal dan it-trasport, il-miżuri ta’ sostenn għat-trasport ikkombinat għandhom jitqiesu kompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, sakemm is-sostenn ikun inqas minn limitu definit minn qabel.

    1.9

    Il-KESE għandu dubji dwar l-utilità tad-dispożizzjoni proposta fl-Artikolu 1(2) it-tieni paragrafu li jfittex li jeskludi ċerti partijiet tat-trasport fuq passaġġ fuq l-ilma intern u marittimu milli jitqiesu għall-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat. Il-KESE jqis li din il-proposta mhijiex ċara u suxxettibbli għal interpretazzjonijiet diverġenti u anke jiddubita l-utilità tagħha peress li l-ebda kriterju tal-għażla simili, ibbażat b’mod ċar fuq l-idea tal-esklużjoni tal-għażliet li ma jeħtiġux inkoraġġiment, ma tqies neċessarju fir-rigward tat-trasport ferrovjarju.

    1.10

    Il-KESE jsibha diffiċli wkoll biex jifhem għaliex l-hekk imsejħa “eżenzjoni ta’ kabotaġġ” fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tibqa’ mhux mibdula. Bħala kwistjoni ta’ politika tat-trasport, il-KESE, dwar dan il-punt, l-ewwel jirreferi għall-proposti li huma attwalment pendenti fir-rigward tal-aċċess għas-suq fit-trasport internazzjonali bit-triq tal-merkanzija fir-rigward tal-kabotaġġ u d-dibattitu attwali dwar l-aċċess għas-suq u l-kompetizzjoni, inklużi l-aspetti soċjali. Il-KESE jindika wkoll il-prinċipju ġenerali li l-provvista ta’ servizz f’pajjiż għajr dak fejn il-fornitur ta’ servizz huwa stabbilit għandha ssir fuq bażi temporanja. Fl-Opinjoni tal-KESE, m’hemm xejn x’jipprevjeni dispożizzjoni li tistipula li l-partijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fil-qafas ta’ operazzjoni tat-trasport ikkombinat huma operazzjonijiet tat-trasport separati, ħlief meta l-operazzjoni kollha tat-trasport titwettaq bi trakk wieħed jew b’kombinazzjoni ta’ vetturi waħda inkluż it-trattur u li r-Regolament (KE) 1072/2009 japplika għall-operazzjonijiet kollha. L-Artikolu 4 tad-Direttiva għandu jiġi emendat biex jirrifletti dan.

    1.11

    Il-KESE jsibha sorprendenti li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 2 tad-Direttiva li tirrikjedi lill-Istati Membri jilliberalizzaw l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat imsemmija fl-Artikolu 1 mis-sistemi kollha ta’ kwoti u mis-sistemi ta’ awtorizzazzjoni sal-1 ta’ Lulju 1993 mhijiex inkluża fil-proposti biex tiġi emendata d-Direttiva. Kif inhi bħalissa u fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni estiż tad-Direttiva, dan l-Artikolu jista’ jiġi interpretat li għandu effett usa’ milli hu probabbilment maħsub, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għas-suq. Il-KESE għalhekk jissuġġerixxi li dan l-Artikolu jinkiteb mill-ġdid jew jitħassar.

    1.12

    Il-KESE jinnota li l-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva tibqa’ ma ssemmix l-applikabbiltà fuq it-trasport ikkombinat tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. Il-KESE jassumi li din id-Direttiva se tapplika wkoll fir-rigward tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat u li din tapplika wkoll fir-rigward tal-lex specialis proposta dwar l-istazzjonar fit-trasport bit-triq propost mill-Kummissjoni (COM(2017) 278).

    1.13

    Il-KESE jenfasizza wkoll il-potenzjal sinifikanti tad-diġitalizzazzjoni għall-faċilitazzjoni u l-promozzjoni tat-trasport ikkombinat. Ftit eżempji ta’ perkorsi possibbli ġew imsemmija hawn fuq. Il-potenzjal għall-iżvilupp f’dan il-qasam huwa konsiderevoli għat-trasport inġenerali, inkluż għat-trasport ikkombinat.

    1.14

    Il-KESE jirrakkomanda li l-possibbiltà ta’ soluzzjoni li tikkonċerna l-ispejjeż tat-trasport, simili għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006, għandha wkoll tiġi eżaminata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Ċipru u Malta.

    2.   Sfond

    2.1

    Fit-8 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat it-tieni parti tal-pakkett ta’ mobilità tagħha mmexxi mill-komunikazzjoni prinċipali “It-twettiq ta’ mobilità b’emissjonijiet baxxi” (COM(2017) 675).

    2.2

    It-tieni parti tal-pakkett tinkludi dawn il-proposti li ġejjin:

    Proposta għal standards ġodda dwar is-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet għal wara l-2020 bi proposta għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) 715/2007 bi standards ta’ emissjonijiet imsaħħa.

    Il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva 2009/33/KE dwar il-Vetturi Nodfa biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet li jippromovu l-akkwist pubbliku ta’ dawn il-vetturi.

    Il-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 92/106/KEE dwar it-trasport ikkombinat biex tkompli tippromwovi dan it-trasport bil-għan li tinkoraġġixxi kunċetti tat-trasport li jnaqqsu t-trasport bit-triq.

    Il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) 1073/2009 dwar l-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank sabiex dan is-suq jinfetaħ aktar u b’hekk jiġi promoss it-trasport pubbliku orħos bix-xarabank sabiex jitnaqqas l-ivvjaġġar bil-karozza.

    Il-pakkett fih ukoll pjan ta’ azzjoni dwar infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi sabiex tingħata spinta lill-investiment fil-kostruzzjoni ta’ din l-infrastruttura, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-mobilità transfruntiera fl-UE bl-użu ta’ dawn il-fjuwils.

    2.3

    Il-pakkett jinkludi kombinazzjoni ta’ miżuri orjentati lejn il-provvista u lejn id-domanda biex iqiegħdu lill-Ewropa fit-triq lejn il-mobilità b’emissjonijiet baxxi u jsaħħu l-kompetittività tal-ekosistema Ewropea tal-karozzi u tal-mobilità. Għandu l-għan li jipprovdi aktar ċertezza tal-politika u regolatorja u joħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

    2.4

    Il-proposta koperta f’din l-Opinjoni temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri (id-Direttiva) (COM(2017)648) (il-proposta). Il-proposta fiha dawn l-elementi prinċipali li ġejjin:

    It-trasport ikkombinat m’għandux għalfejn ikun aktar transfruntier fin-natura tiegħu. Il-Kummissjoni tistma li hemm potenzjal konsiderevoli għat-trasport ikkombinat domestiku fl-Istati Membri.

    Ir-rekwiżit tad-distanza minima għat-trasport mhux bit-triq jiġi eliminat. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni ġdida tipprevedi li t-trasport bil-baħar jew fuq passaġġ fuq l-ilma intern ma jistax jitqies jekk ma jkunx hemm alternattiva.

    Kull unità tat-tagħbija li tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-ISO6346 jew ENI 13044 jew vettura fit-triq li tiġi ttrasportata bil-ferrovija, fuq passaġġ fuq l-ilma intern jew bil-baħar tista’ tintuża fit-trasport ikkombinat.

    Ir-regola attwali dwar il-limitazzjoni tat-trasport bit-triq hija modifikata biex tipprovdi li l-ewwel u/jew l-aħħar parti tat-trasport bit-triq fl-UE tista’ tkun massimu ta’ linja diretta ta’ 150 km jew 20 % tad-distanza f’linja dritta bejn l-ewwel punt tat-tagħbija u l-aħħar punt tal-ħatt. Din il-limitazzjoni la tapplika għal trasportaturi tat-tagħbija vojta u lanqas għat-trasport lejn jew mill-punt tal-ġbir jew tat-twassil.

    L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw distanzi itwal milli indikat fil-punt preċedenti biex jagħmluha possibbli li jintlaħaq l-eqreb terminal b’tagħmir u kapaċità adegwati.

    Biex it-trasport bit-triq jiġi aċċettat bħala parti minn operazzjoni ta’ trasport ikkombinat, l-operatur għandu juri li t-trasport huwa parti minn operazzjoni ta’ trasport ikkombinat. Il-proposta tindika liema informazzjoni għandha tingħata rigward l-operazzjoni tat-trasport inġenerali u b’rispett għall-partijiet differenti tagħha. Ma tistax tintalab informazzjoni addizzjonali. L-informazzjoni tista’ tingħata permezz ta’ dokumenti tat-trasport differenti inkluż f’forma elettronika. Għandu jkun possibbli li l-informazzjoni tiġi prodotta waqt spezzjoni mal-ġenb tat-triq.

    Id-devjazzjonijiet debitament ġustifikati mir-rotta ppjanata għandhom jiġu aċċettati.

    L-Istati Membri huma obbligati jwettqu l-miżuri meħtieġa biex jappoġġjaw l-investimenti meħtieġa fit-terminals tat-tagħbija mill-ġdid, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri mal-fruntiera.

    Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità waħda jew aktar biex tkun responsabbli mill-implimentazzjoni tad-Direttiva u biex isservi bħala punt ta’ kuntatt għal kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni.

    Il-proposta tirrikjedi ukoll li l-Istati Membri jikkonformaw mad-dmir tar-rapportar fir-rigward tal-iżvilupp tat-trasport ikkombinat.

    L-eżenzjoni attwali mir-regoli dwar il-kabotaġġ tibqa’ valida fir-rigward tal-operazzjonijiet tat-trasport bit-triq (partijiet tat-triq), ta’ parti minn operazzjoni tat-trasport transfruntier bejn l-Istati Membri, li sseħħ totalment fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-Kummissjoni tiġġustifika din l-eżenzjoni billi tiddikjara li l-konsultazzjonijiet li saru wrew li din id-dispożizzjoni tgħin biex tagħmel is-soluzzjonijiet tat-trasport ikkombinat aktar attraenti. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża 2/84 (Il-Kummissjoni vs L-Italja) li hija tal-fehma li t-trasport ikkombinat għandu jitqies bħala operazzjoni waħda ta’ trasport internazzjonali interkonness.

    Fir-raġunjiet mogħtija għall-proposta, il-Kummissjoni tindika wkoll li r-regoli dwar l-impjieg tal-ħaddiema se japplikaw għat-trasport ikkombinat nazzjonali, bħalma japplikaw għall-kabotaġġ. Madankollu ma saret l-ebda dikjarazzjoni ċara fir-rigward tar-regoli dwar l-impjieg tal-ħaddiema u l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat internazzjonali.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva biex tiġi aġġornata d-Direttiva dwar it-trasport ikkombinat bħala mod kif il-kunċett tat-trasport ikkombinat isir aktar effiċjenti u attraenti. Dan se jagħmel it-trasport aktar sostenibbli, inaqqas it-trasport bit-triq u l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, u jikkontribwixxi kemm għall-objettivi stabbiliti fil-White Paper tal-2011 dwar il-politika tat-trasport kif ukoll għall-konformità mal-impenji tal-UE u tal-Istati Membri tagħha taħt il-Ftehim ta’ Pariġi.

    3.2

    Il-KESE japprova l-pass biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, billi jiġu inklużi l-operazzjonijiet domestiċi bil-potenzjal li bħalissa mhuwiex sfruttat biex jiġi żviluppat it-trasport ikkombinat u b’hekk jitnaqqas it-trasport bit-triq.

    3.3

    Il-KESE jinnota b’mod favorevoli wkoll is-semplifikazzjoni tal-qafas regolatorju għat-trasport ikkombinat, maħsub biex jagħmel il-kunċett aktar aċċessibbli u jtejjeb iċ-ċertezza tad-dritt, li t-tnejn għandhom jagħmlu dan il-kunċett aktar attraenti.

    3.4

    F’dan il-kuntest, it-titjib fiċ-ċarezza tal-kriterji li jiddeskrivu d-delimitazzjoni tal-partijiet tat-trasport bit-triq huwa partikolarment utli: il-kriterji huma sempliċi, ċari u jidhru li ma jħallu l-ebda lok għal interpretazzjonijiet diverġenti. Minkejja dan, il-KESE jikkonkludi li l-limitu ta’ 20 % tad-distanza f’linja dritta bejn il-punti tat-tagħbija inizjali u tal-ħatt finali jista’ jwassal għal distanzi fit-trasport bit-triq li jaqbżu l-limitu ta’ 300 kilometru li lil hinn minnu l-White Paper tal-2011 dwar it-trasport tiffavorixxi bidla modali ’l bogħod mit-toroq, b’mod partikolari f’reġjuni b’netwerks skarsi jew distanzi twal bejn it-terminals. Madankollu, il-KESE jqis li l-interess ġenerali biex il-kunċett tat-trasport ikkombinat isir interessanti għall-utenti u l-valur miżjud ta’ definizzjoni ċara u sempliċi jieħdu prijorità, u għalhekk japprova s-soluzzjoni proposta.

    3.5

    Il-KESE japprezza wkoll l-element ta’ flessibilità mogħti lill-Istati Membri biex jestendu l-partijiet tat-trasport bit-triq kif meħtieġ biex jagħmluha possibbli li b’mod ġeografiku jintlaħaq l-eqreb terminal tat-trasport li jkollu l-kapaċità operazzjonali meħtieġa għat-tagħbija jew il-ħatt f’termini ta’ tagħmir tat-trasbord, kapaċità tat-terminal u servizzi ta’ merkanzija bil-ferrovija xierqa.

    3.5.1

    Il-KESE jinnota li jidher li se jitħalla f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk din l-awtorizzazzjoni għandhiex tingħata permezz ta’ dispożizzjoni applikabbli b’mod ġenerali jew fuq bażi ta’ każ b’każ. Il-KESE jenfasizza l-importanza tat-trasparenza, u għalhekk iqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar din il-kwistjoni kif ukoll, fejn applikabbli, id-deċiżjonijiet f’każijiet speċifiċi għandhom ikunu disponibbli fuq sit web iddedikat, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9a ġdid imsemmi fl-Artikolu 1(7) tal-proposta.

    3.6

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-ippjanar tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat u l-kunċett isir aktar attraenti, il-KESE jissuġġerixxi li l-informazzjoni pertinenti kollha rigward l-implimentazzjoni tad-Direttiva f’kull Stat Membru għandha tkun disponibbli fuq sit web iddedikat f’kull Stat Membru u li d-dispożizzjoni għal dan il-għan tiġi introdotta fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9a tal-proposta.

    3.7

    Il-KESE japprova l-kjarifika fl-Artikolu 3 tal-proposta rigward id-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti għall-finijiet tal-kontrolli fuq il-konformità, il-projbizzjoni fuq it-talba għal aktar dokumentazzjoni u l-għażla li d-dokumenti meħtieġa jiġu pprovduti f’forma elettronika. Din id-dispożizzjoni tiffaċilita u ttejjeb iċ-ċertezza tad-dritt. Minkejja dan, il-KESE jistaqsi jekk il-kopja tad-deċiżjoni meħuda għandhiex tkun disponibbli wkoll, f’każijiet fejn parti tat-triq itwal tkun ġiet awtorizzata minn Stat Membru skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1(3) u meta din l-awtorizzazzjoni tkun fil-forma ta’ deċiżjoni ddedikata.

    3.8

    Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon l-enfasi fuq l-investiment fit-terminals tat-trasbord u l-obbligu li jiġu kkoordinati dawn l-investimenti mal-Istati Membri tal-viċinat u mal-Kummissjoni biex jiżguraw distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata u suffiċjenti, b’mod partikolari fin-netwerk TEN-T, u biex tingħata prijorità biex jiġi żgurat li l-ebda post fl-UE ma jkun aktar minn 150 km ’il bogħod minn terminal bħal dan. Il-KESE jiddubita madankollu jekk dan l-għan huwiex realistiku f’żoni b’densità tal-popolazzjoni baxxa u b’netwerk ferrovjarju u tal-portijiet skars.

    3.9

    Is-sostenn għat-trasport ikkombinat jeħtieġ li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea u jeħtieġ li jiġi awtorizzat skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat qabel ma jingħataw il-fondi. Minħabba l-proċeduri twal, il-benefiċjarju tal-għajnuna ta’ spiss jirċievi l-għajnuna wara tliet snin minn meta l-awtorità pubblika nazzjonali tiddeċiedi dwar l-għajnuna u xi kultant, meta jkun hemm bżonn li jiġu modifikati l-iskemi, il-benefiċjarju jirriskja li jitlef il-benefiċċji kollha. Sabiex tonqos l-inċertezza u jitħaffef il-proċess, il-KESE iqis li għajnuna inqas minn ċertu limitu, pereżempju 35 % tal-ispejjeż totali, għandha tkun awtomatikament meqjusa konformi mat-Trattat u tiġi eżentata min-notifika.

    3.10

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-possibbiltajiet offruti biex jiġi żviluppat aktar it-trasport ikkombinat permezz tad-diġitalizzazzjoni. Il-proposta tieħu dan il-pass billi tippermetti l-użu ta’ dokumenti elettroniċi u l-ħolqien ta’ siti web iddedikati fl-Istati Membri kollha.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1

    Il-KESE jinnota li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-proposta jeskludi mill-kunċett tat-trasport ikkombinat kwalunkwe trasport fuq passaġġ fuq l-ilma intern jew marittimu li għalih ma jkunx hemm alternattiva ta’ trasport bit-triq ekwivalenti jew li ma jistax jiġi evitat b’operazzjoni tat-trasport kummerċjalment vijabbli. Din id-dispożizzjoni tidher li hija marbuta mal-eliminazzjoni tar-rekwiżit ta’ distanza minima għat-trasport fuq passaġġ fuq l-ilma intern u marittimu u twettaq id-dikjarazzjoni fil-premessa (9) tal-preambolu li “Għaldaqstant, hu utli li dik id-distanza minima titneħħa u tibqa’ l-esklużjoni ta’ ċerti operazzjonijiet bħal dawk li jinkludu t-trasport tal-baħar fond jew il-qasmiet qosra bil-vapuri.” Il-KESE għandu dubji kemm dwar is-sustanza kif ukoll dwar il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    4.1.1

    Jidher li wieħed mill-effetti tar-rekwiżit tal-100 km fuq it-trasport fuq passaġġ fuq l-ilma intern u marittimu, kif inhi d-Direttiva bħalissa, huwa li jeskludi t-trasport bil-vapuri fuq distanzi qosra u t-trasport marittimu fil-baħar miftuħ, kif distint mit-trasport marittimu fuq distanzi qosra. Dan isegwi mill-fatt li r-rekwiżit tal-100 km japplika għat-trasport imwettaq fl-UE. Il-proposta li saret fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 hija maħsuba b’mod ċar li jkollha l-istess effett.

    4.1.2

    Jidher madankollu li d-dispożizzjoni li issa ġiet proposta x’aktarx li toħloq inċertezza dwar meta tapplika, possibbilment sal-punt li toħloq ostaklu regolatorju għall-implimentazzjoni tal-proġetti tat-trasport ikkombinat.

    Għalhekk, il-kriterju ta’ “l-ebda alternattiva tat-trasport ekwivalenti” iħalli miftuħa l-mistoqsija jekk l-ekwivalenza għandhiex tiġi vvalutata skont iż-żmien meħtieġ, it-tul f’kilometri jew l-ispiża. Bl-istess mod, il-kriterju li “ma jistax jiġi evitat b’operazzjoni tat-trasport kummerċjalment vijabbli” jħalli skop wiesa’ għall-interpretazzjoni.

    4.1.3

    Il-KESE għalhekk jiddubita l-utilità tad-dispożizzjoni proposta, b’mod partikolari billi l-ebda kriterju tal-għażla simili, ibbażat b’mod ċar fuq l-idea tal-esklużjoni tal-għażliet li ma jeħtiġux inkoraġġiment, ma ġew meqjusa neċessarji fir-rigward tat-trasport ferrovjarju.

    4.2

    Il-KESE jsibha diffiċli wkoll biex jifhem għaliex l-hekk imsejħa “eżenzjoni ta’ kabotaġġ” fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tibqa’ mhux mibdula. Bħala kwistjoni ta’ politika tat-trasport, il-KESE hawnhekk jirreferi l-ewwel għall-proposti pendenti rigward l-aċċess għas-suq fit-trasport internazzjonali bit-triq tal-merkanzija fir-rigward tal-kabotaġġ u l-enfasi attwali fuq l-aċċess għas-suq u l-kompetizzjoni, inklużi l-aspetti soċjali. Il-KESE jżomm f’moħħu wkoll il-prinċipju ġenerali li l-provvista ta’ servizz f’pajjiż għajr dak fejn il-fornitur ta’ servizz huwa stabbilit għandha titwettaq fuq bażi temporanja.

    4.2.1

    Il-KESE jieħu nota taż-żewġ argumenti invokati mill-Kummissjoni favur is-soluzzjoni magħżula. Wieħed huwa li t-tweġibiet mogħtija min-negozji matul il-konsultazzjonijiet juru li s-soluzzjoni attwali tidher li qed tagħmel it-trasport ikkombinat attraenti. L-ieħor huwa li l-operazzjoni tat-trasport ikkombinat, skont id-definizzjoni prevista mid-Direttiva fil-formulazzjoni attwali tagħha, għandha tidher bħala operazzjoni tat-trasport internazzjonali unika. Bħala appoġġ għal dan l-argument, il-Kummissjoni tinvoka l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, speċifikament il-kawża 2/84 (Il-Kummissjoni vs L-Italja).

    4.2.2

    Fl-opinjoni tal-KESE, l-argument ibbażat fuq il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa sempliċement ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti kienet marbuta bl-għażla tal-leġislatur biex tiddefinixxi t-trasport ikkombinat b’mod li jippermetti li jidher bħala operazzjoni waħda jew vjaġġ wieħed. Għalhekk hija biss kwistjoni ta’ jekk il-leġislatur jiddeċidix li jara l-operazzjoni tat-trasport ikkombinat bħala operazzjoni sħiħa jew bħala numru ta’ operazzjonijiet differenti mwettqa fil-qafas tal-kunċett tat-trasport. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jindika li meta ġiet adottata d-Direttiva, il-leġislatur ħass li kien meħtieġ li jipprevedi aċċess għas-suq liberu għat-trasportaturi “rigward il-parti inizjali u/jew finali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li tifforma parti integrali mill-operazzjoni tat-trasport ikkombinat u li tista’ tinkludi jew ma tinkludix il-qsim ta’ fruntiera”.

    4.2.3

    Fl-opinjoni tal-KESE, m’hemm xejn x’jipprevjeni dispożizzjoni li tistipula li l-partijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fil-qafas ta’ operazzjoni tat-trasport ikkombinat huma operazzjonijiet tat-trasport separati u li r-Regolament (KE) 1072/2009 japplika għall-operazzjonijiet kollha tat-trasport bit-triq. L-Artikolu 4 tad-Direttiva għandu jiġi emendat biex jirrifletti dan.

    4.3

    F’dan il-kuntest, wieħed jinnota b’sorpriża wkoll li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 2 tad-Direttiva li titlob lill-Istati Membri jilliberalizzaw l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat imsemmija fl-Artikolu 1 mis-sistemi kollha ta’ kwoti u mis-sistemi ta’ awtorizzazzjoni sal-1 ta’ Lulju 1993 mhijiex inkluża fil-proposta, b’mod partikolari meta jitqies il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva se jiġi estiż biex ikopri t-trasport ikkombinat nazzjonali.

    4.3.1

    Bl-estensjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex ikopri l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat nazzjonali, din id-dispożizzjoni se tapplika wkoll għal dawn l-operazzjonijiet. Il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni hija pjuttost wiesgħa u tista’ tiġi interpretata li qed teżenta t-trasport ikkombinat mir-regoli dwar l-ammissjoni għall-professjoni fir-Regolament (KE) 1071/2009 u mir-restrizzjonijiet kollha fuq l-aċċess għas-suq sa fejn huwa kkonċernat it-trasport ikkombinat.

    4.3.2

    Il-KESE jassumi li dawn l-effetti mhumiex maħsuba u għalhekk jissuġġerixxi li jew jitħassar dan l-Artikolu jew jinkiteb mod ieħor sabiex ikun ċar li d-dispensa mis-sistemi tal-kwoti u tal-awtorizzazzjonijiet tapplika mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-aċċess għall-professjoni jew l-aċċess għas-suq, fir-rigward ta’ kull mod involut.

    4.4

    Il-KESE jinnota wkoll li l-proposta ma ssemmi xejn dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva dwar l-impjieg tal-ħaddiema għall-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat, bl-eċċezzjoni ta’ referenza fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-applikabbiltà tal-lex specialis proposta dwar l-impjieg tal-ħaddiema fit-trasport bit-triq. Dan ikun ifisser li r-regoli dwar l-impjieg tal-ħaddiema skont id-Direttiva 96/71/KE jkunu japplikaw għat-trasport bit-triq fil-kuntest tat-trasport ikkombinat nazzjonali.

    4.4.1

    Il-KESE jassumi li r-regoli dwar l-impjieg tal-ħaddiema japplikaw ukoll għal kwalunkwe impjieg fil-qafas ta’ operazzjoni tat-trasport ikkombinat li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71/KE u fil-lex specialis proposta, meta u jekk tiġi approvata.

    4.5

    Il-KESE jieħu nota tat-tħassib fuq il-kost ta’ konnessjonijiet bil-baħar fuq gżejjer periferiċi bħal Ċipru u Malta u r-rilevanza f’dan ir-rigward tas-sistema ta’ appoġġ stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 biex jiġu kompensati l-ispejjeż tat-trasport fir-rigward tal-agrikoltura fuq ċerti gżejjer iżgħar tal-Eġew, kif imqajma mill-KESE. Il-KESE jissuġġerixxi li l-possibbiltà ta’ soluzzjoni simili għal Ċipru u Malta għandha wkoll tiġi eżaminata mill-Kummissjoni.

    Brussell, id-19 ta’ April 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    Top