Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE4948

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent — sfidi u prijoritajiet (opinjoni esploratorja)

    EESC 2017/04948

    ĠU C 262, 25.7.2018, p. 15–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 262/15


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent — sfidi u prijoritajiet

    (opinjoni esploratorja)

    (2018/C 262/03)

    Relatur:

    Andrej ZORKO (SI-II)

    Korelatur:

    Dimitris DIMITRIADIS (EL-I)

    Konsultazzjoni

    Presidenza Bulgara, 5.9.2017

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Artikolu 30 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-KESE

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    REX

    Adottata fis-sezzjoni

    28.3.2018

    Adottata fil-plenarja

    19.4.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    534

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    189/2/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-fatt li l-integrazzjoni tal-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħhom hija waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Bulgara.

    1.2

    Il-KESE huwa konvint li t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tixrid tal-valuri demokratiċi u tal-istandards legali tagħha lejn ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, huwa fl-interess tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tal-UE. Il-politika ta' tkabbir hija komponent ewlieni tal-istrateġija globali tal-UE u anke pedament tal-istabilità u l-prosperità tal-Ewropa. Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandha tkun waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-UE fil-futur, dment li dawn il-pajjiżi jkomplu fi triqithom lejn l-issodisfar tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-adeżjoni mal-UE (1).

    1.3

    Il-KESE jilqa' s-summit tal-kapijiet tal-istat u l-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent tal-UE li se jsir fis-17 ta' Mejju f'Sofija. F'kooperazzjoni mas-sħab tagħna, u qabel ma jsir is-summit, il-KESE se jorganizza b'mod konġunt il-Konferenza tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent li se ssir fil-15 ta' Mejju f'Sofija. Il-KESE huwa impenjat li jorganizza, qabel kull tali summit, avveniment konġunt mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (2) mill-Balkani tal-Punent u l-UE. Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri tal-UE sabiex fuq bażi regolari jinvolvu lill-kapijiet tal-istat mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fis-summits tal-UE, bħala evidenza li l-UE tqis lil dan ir-reġjun bħala parti mill-futur tagħha.

    1.4

    Il-KESE jittama li s-summit f’Sofija se jikkonferma r-ritmu mġedded għall-impenn tal-UE għar-reġjun u jinkoraġġixxi presidenzi futuri oħrajn biex l-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent tinżamm fil-għoli tal-prijoritajiet tagħhom. It-tkabbir tal-UE biex jinkludi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandu jimxi b'mod parallel mat-tisħiħ tal-proġett politiku tal-UE u l-istituzzjonijiet tagħha.

    1.5

    Fis-summit tal-UE f'Sofija, il-KESE jistieden lill-kapijiet tal-istat sabiex jistabbilixxu l-impenn ċar tagħhom għal appoġġ aktar konsistenti u dirett għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha. Dan għandu jippromovi wkoll aktar appoġġ pubbliku dirett għal midja indipendenti.

    1.6

    Fis-summit tal-UE f'Sofija, il-KESE jħeġġeġ lill-kapijiet tal-istat jassumu rwol proattiv f'tilwim bilaterali billi tiġi promossa kooperazzjoni mmirata kemm mal-OSKE kif ukoll mal-Kunsill tal-Ewropa u billi jiġi appoġġjat ir-rwol tas-soċjetà fis-soluzzjoni ta' dan it-tilwim bilaterali.

    1.7

    Il-KESE huwa konvint ukoll li t-tkabbir effettiv tal-Unjoni Ewropea u l-promozzjoni tal-valuri tagħha fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiżguraw sigurtà u stabbiltà, itejbu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u jżidu l-prosperità, jikkonsolidaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt, jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-persuni u tal-oġġetti, jistimulaw politika ta' investiment u jrawmu l-mobilità.

    1.8

    Il-KESE jemmen li r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-minoranzi huwa ta' importanza kruċjali għall-iżvilupp demokratiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

    1.9

    Il-KESE jemmen ukoll li r-rwol tal-edukazzjoni u ta' midja libera u indipendenti huwa importanti ħafna sabiex jingħeleb it-tilwim tal-passat u jissaħħu l-valuri demokratiċi.

    1.10

    Il-KESE jinnota li l-proċess tal-adeżjoni mal-UE jibqa' motivazzjoni ewlenija għal riformi fil-pajjiż tal-Balkani tal-Punent. Il-KESE jirrimarka n-nuqqas ta’ attenzjoni li ngħataw l-effetti soċjali u ekonomiċi tar-riformi li saru, meta wieħed jikkunsidra d-differenza ewlenija fis-sigurtà soċjali u ekonomika tal-persuni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-kandidati għas-sħubija. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li tkun ivvalutata l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali waqt l-evalwazzjoni tal-issodisfar tal-kriterji tas-sħubija fl-UE.

    1.11

    Il-KESE jikkunsidra li l-kwistjonijiet tal-infrastruttura, tat-trasport u tal-enerġija għandhom ikunu tal-ogħla prijorità fin-negozjati mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Il-KESE jemmen ukoll li l-ħolqien ta' soċjetà diġitali u l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu ta' benefiċċju kemm għas-settur pubbliku kif ukoll dak privat. L-UE tista' u għandha tikkontribwixxi għat-titjib tal-infrastruttura u l-introduzzjoni ta' netwerk tal-broadband f'dawn il-pajjiżi, li f'xi każijiet huma ferm inqas mill-medja tal-UE.

    1.12

    Il-KESE jipproponi li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkunsidraw li jkollhom djalogu soċjali u ċivili funzjonali fil-livell nazzjonali bħala wieħed mill-kriterji għas-sħubija fl-UE.

    1.13

    L-UE għandha tfassal pjan direzzjonali speċifiku għal negozjati mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, bi skeda ta' żmien preċiża u impenji konkreti għal kull pajjiż tal-Balkani tal-Punent. Jeħtieġ ukoll li titfassal strateġija ta’ komunikazzjoni għall-Istati Membri tal-UE, li tkun tenfasizza l-benefiċċji tal-politika ta’ tkabbir tal-UE għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżgurar tal-paċi, l-istabilità, il-prosperità u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

    1.14

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi u l-ugwaljanza bejn is-sessi fost l-ogħla prijoritajiet fin-negozjati ta' adeżjoni tal-UE mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

    1.15

    Il-KESE jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għall-Balkani tal-Pununet “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent” (3), ippubblikata fis-6 ta' Frar 2018, u s-sitt inizjattivi ewlenin tagħha li jvarjaw mit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, ir-rinfurzar tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u l-migrazzjoni permezz ta' timijiet ta' investigazzjoni konġunta, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, it-tkabbir tal-Unjoni tal-Enerġija fl-UE għall-Balkani tal-Punent, it-tnaqqis fit-tariffi tar-roaming u l-implimentazzjoni tal-broadband fir-reġjun.

    1.16

    Il-KESE jesprimi r-rieda tiegħu biex jinvolvi ruħu mas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent sabiex jikkontribwixxi biex tittieħed azzjoni konkreta fl-oqsma tal-istat tad-dritt, is-sigurtà u l-migrazzjoni, l-iżvilupp soċjoekonomiku, il-konnettività, l-aġenda diġitali u r-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajba mal-ġirien, kif stabbilit fil-Pjan ta' Azzjoni f'Appoġġ tat-Trasformazzjoni tal-Balkani tal-Punent għall-2018-2020.

    1.17

    Il-KESE huwa konvint li l-Kummissjoni tista' tiżviluppa programmi speċifiċi li jippermettu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiksbu konverġenza soċjali aktar malajr. Progress irregolari u kajman fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet huwa b'mod ċar fattur importanti li jikkontribwixxi għall-progress kajman tal-integrazzjoni tagħhom mal-UE b'mod ġenerali. Hemm ħtieġa urġenti għal impetu ġdid għall-Ewropizzazzjoni.

    1.18

    Is-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, għandhom ikunu involuti b'mod sinifikanti fil-proċess sħiħ tal-integrazzjoni tal-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Huwa meħtieġ li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili permezz ta' appoġġ tekniku u ekonomiku, billi jkun faċilitat l-aċċess tagħhom għal sorsi ta' finanzjament Ewropej (il-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment, BERŻ, eċċ.), u billi jiġu infurmati fil-ħin u b'mod dettaljat dwar il-proċess tan-negozjati tal-adeżjoni.

    1.19

    Il-KESE jħeġġeġ lis-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jaħdmu flimkien mill-qrib matul il-proċess ta' integrazzjoni mal-UE, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak reġjonali.

    2.   Is-sitwazzjoni politika

    2.1

    Il-Balkani tal-Punent għadu reġjun politikament instabbli, iżda huwa wkoll reġjun ta’ tkabbir b’potenzjal konsiderevoli.

    2.2

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jintensifikaw l-isforzi ta' komunikazzjoni tagħhom biex jispjegaw il-benefiċċji u l-isfidi tal-politika tat-tkabbir liċ-ċittadini Ewropej, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu sieħeb mill-qrib u jwasslu l-messaġġi f'dan il-proċess (4).

    2.3

    Huwa estremament importanti li l-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent tibqa’ prijorità għall-UE fil-futur – mhux biss matul il-Presidenza Bulgara – u li l-UE tikkontribwixxi b’mod attiv għall-istabilità u l-paċi fil-Balkani tal-Punent u toffri l-perspettiva ta’ adeżjoni fl-organizzazzjonijiet Ewro-Atlantiċi. Dawn is-sħubiji jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-istabilità fir-reġjun billi jiggarantixxu s-sigurtà u l-prosperità tiegħu, u joffru l-prospett għan-nazzjonijiet biex jerġgħu jingħaqdu f'Ewropa mingħajr fruntieri.

    2.4

    Il-KESE jilqa' t-tħabbir tas-summit tal-UE f'Sofija bil-parteċipazzjoni tal-mexxejja mill-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, iżda jemmen li s-summit għandu jagħti wkoll rwol aktar attiv lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE.

    2.5

    Il-KESE jilqa' l-aġenda “Berlin Process Plus” (5) li tħabbret riċentement, li tipprovdi fondi speċjali għall-iżvilupp ta' negozju, taħriġ vokazzjonali, infrastruttura, u teknoloġija, u proġetti inklużi konnessjonijiet tat-trasport bejn il-pajjiżi l-inqas konnessi tar-reġjun. Dan il-“Marshall Plan” huwa mistenni li jaċċellera unjoni doganali u suq komuni fil-Balkani. Madankollu, din il-kooperazzjoni reġjonali m'għandhiex tikkawża dewmien fil-proċess tat-tkabbir jew titqies bħala s-sostituzzjoni tiegħu.

    2.6

    Il-KESE jinnota li fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, hemm ix-xewqa u r-rieda għal riformi li jkunu jinvolvu l-integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea, iżda jirrimarka li s-suċċess jibqa' jiddependi fuq il-punt sa fejn l-istituzzjonijiet tal-istat huma kapaċi jimplimentawhom u jinfurzawhom b'mod effettiv, kif ukoll il-livell miksub ta' responsabbiltà tal-proċess mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-popolazzjoni b'mod ġenerali. Pjan direzzjonali speċifiku għan-negozjati ta' adeżjoni tal-UE bi skeda ta' żmien preċiża u impenji tanġibbli għal kull pajjiż tal-Balkani tal-Punent jista' jimmotiva lil dawn il-pajjiżi sabiex jimplimentaw b'mod aktar mgħaġġel riformi neċessarji.

    2.7

    Il-KESE jenfasizza li żviluppa rabtiet tajbin ħafna ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà fil-Balkani tal-Punent u li huwa konxju ħafna tas-sitwazzjoni f'dawn il-pajjiżi. Il-KESE huwa konvint li l-Kumitati Konsultattivi Konġunti (JCCs) tas-soċjetà ċivili għandhom jippruvaw jimlew l-“ispazji l-vojta” li mhumiex koperti minn korpi oħra fil-proċess ta' negozjati u għandhom jiffukaw fuq numru magħżul ta' oqsma. F'dan ir-rigward, il-KESE jitlob li jkun hemm skambju aħjar ta' informazzjoni bejn il-JCCs u l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-KESE jitlob li jkun hemm tisħiħ tar-rwol ta' dawn il-JCCs (6).

    2.8

    Il-korruzzjoni, l-impatt tal-kriminalità organizzata, id-dgħufija ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-istat u tal-istat tad-dritt, u d-diskriminazzjoni kontra gruppi ta’ minoranza jirrappreżentaw ukoll problemi ewlenin u kontinwi kemm għall-parteċipazzjoni kif ukoll għall-integrazzjoni.

    2.9

    Il-Kriterji ta' Copenhagen huma r-regoli li jiddefinixxu jekk pajjiż huwiex eliġibbli biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea (7). Il-kriterji jirrikjedu li stat jobbliga lill-istituzzjonijiet jiggarantixxu governanza demokratika u l-istat tad-dritt, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, ikollhom ekonomija tas-suq li tiffunzjona u jaċċettaw l-obbligi u l-missjoni tal-UE.

    2.10

    Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent ma jistgħux jissieħbu fl-UE kollha f'daqqa. Il-KESE jilqa’ l-fatt li s-Serbja u l-Montenegro bħalissa huma minn ta’ quddiem fil-proċess ta’ integrazzjoni. Jesprimi wkoll l-aspettattiva li l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Albanija jibdew negozjati mal-UE kemm jista' jkun malajr. Jilqa' l-fatt li l-Bożnija-Ħerzegovina ppreżentat it-tweġibiet tal-kwestjonarju tal-Kummissjoni u li attwalment il-Kummissjoni qed tivvaluta l-possibilità li tagħtiha l-istatus ta' kandidat tal-UE.

    2.11

    Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għadhom qed jiġu affettwati mill-impatti negattivi ta' gwerer u kunflitti, mill-mibegħda razzjali, mid-disinji rredentisti, u kunflitti ffriżati li jistgħu jerġgħu jinqalgħu. Huwa meħtieġ li tiġi mħeġġa bil-qawwa s-soluzzjoni tal-aktar kwistjonijiet bilaterali urġenti qabel l-adeżjoni tagħhom mal-UE, għalkemm l-enfasi fuq is-soluzzjonijiet tal-kwistjonijiet pendenti kollha tista' ttawwal dan il-proċess.

    2.12

    Il-KESE jemmen ukoll li s-soċjetà ċivili tista' taqdi rwol importanti billi tgħaqqad flimkien il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ minn pajjiżi differenti u tiftaħ djalogu pubbliku fuq numru ta' kwistjonijiet li huma kruċjali għar-reġjun. L-iżvilupp ekonomiku, it-titjib tal-istandards tal-għajxien, u l-impjieg u s-sigurtà soċjali jwasslu għal koeżistenza reġjonali paċifika.

    2.13

    Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jistgħu jistabbilixxu kunsilli nazzjonali għall-integrazzjoni Ewropea li jlaqqgħu flimkien l-awtoritajiet politiċi ta' livell għoli u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ewlenin fuq bażi regolari bil-għan li jagħmlu l-proċess ta' integrazzjoni tal-UE aktar trasparenti u jippubbliċizzawh b'mod aktar mifrux (8).

    2.14

    Il-KESE diġà identifika r-rwol tas-soċjetà ċivili matul il-proċess ta' adeżjoni u indika b'mod ċar ħafna li l-impenn tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' adeżjoni huwa magħmul minn: (1) involviment dirett fin-negozjati reali (jiġifieri skrinjar, tħejjija ta' pożizzjonijiet nazzjonali, progress ta' superviżjoni); (2) djalogu soċjali u ċivili relatat mal-formulazzjoni tal-politika u l-armonizzazzjoni leġislattiva mal-acquis; (3) parteċipazzjoni fl-ipprogrammar tal-finanzjament qabel l-adeżjoni; (4) monitoraġġ indipendenti tal-progress u l-effetti soċjali tal-proċessi ta' riforma. Il-prestazzjoni ta' dawn ir-rwoli titlob appoġġ finanzjarju adatt, permezz ta' finanzjament mill-gvern nazzjonali u dak ta' qabel l-adeżjoni tal-UE (9).

    2.15

    Il-KESE jinnota wkoll li l-interess tal-UE biex il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiġu integrati b’mod effettiv fl-UE naqas, minħabba prijoritajiet politiċi oħrajn u n-nuqqas ta’ strateġija Ewropea tat-tkabbir, iżda wkoll minħabba approċċi ta’ politika differenti mill-Istati Membri. F’dawn l-aħħar snin, minħabba diżappunti fl-aspettattivi, l-Ewroxettiċiżmu żdied fl-istati tal-Balkani tal-Punent. Dan dgħajjef l-impatt tal-kriterji tal-adeżjoni u naqqas r-ritmu tar-riformi. Dan jista' jiġi nnutat b'mod partikolari f'termini tal-iżgurar tal-istat tad-dritt, il-libertà tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni.

    2.16

    Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent qed iwettqu riformi, iżda b'passi ferm differenti. Għandu jsir ferm aktar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni rampanti, il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus. L-indipendenza ġudizzjarja hija wkoll kruċjali għal demokrazija b'saħħitha.

    2.17

    Il-KESE jqis hemm il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jappoġġja bis-sħiħ inizjattiva għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-Balkani tal-Punent (WBCTi) (10).

    2.18

    Il-KESE jemmen li l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-UE u l-aġenziji rilevanti tagħha (bħall-Europol) għandu jiġi estiż ulterjorment sabiex jitħaffef il-proċess ta’ tkabbir. Din il-miżura hija partikolarment urġenti f’oqsma bħas-sigurtà u l-migrazzjoni.

    3.   L-istabbiltà u l-prosperità ekonomiċi

    3.1

    L-ekonomiji fil-Balkani tal-Punent qed ikomplu jikbru, filwaqt li huwa mistenni li fl-2017 it-tkabbir reali tal-PDG jespandi b'2,6 %. Dan huwa mistenni li jiżdied għal 3 % fl-2018, xprunat mill-konsum u l-investiment privat, kif ukoll minn irkupru gradwali ta' kreditu, rimessi u proġetti ewlenin tal-infrastruttura. Meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-1995, il-livelli ta' għajxien żdiedu b'mod konsiderevoli fis-sitt stati kollha tal-Balkani tal-Punent. Minkejja dan, is-sitt pajjiżi xorta waħda għadhom fost l-aktar pajjiżi foqra fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-konverġenza ekonomika tal-istati tal-Balkani tal-Punent tilfet il-momentum mill-kriżi u għadha lura fir-rigward tal-konverġenza murija minn Stati Membri Ewropej tal-Lvant Ċentrali u tax-Xlokk ġodda.

    3.2

    Il-proċess ta’ konverġenza ekonomika fil-Balkani tal-Punent huwa estremament twil. Għalhekk huwa imperattiv li jinħoloq ambjent li jiffaċilita/iħaffef l-investiment barrani, u li jiġu adottati riformi ekonomiċi xierqa, li se jżidu l-kompetittività u joħolqu impjiegi ta' kwalità għolja.

    3.3

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar f’termini ta’ integrazzjoni ekonomika tal-Balkani tal-Punent, hekk kif il-mexxejja tar-reġjun wiegħdu li japprofondixxu r-rabtiet u jaħdmu flimkien lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea, u jappella għal involviment akbar min-naħa tas-sħab soċjali u OSĊ oħrajn fit-tfassil ta’ programmi ta’ riforma ekonomika (ERPs), kif ukoll konklużjonijiet konġunti b’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż fir-reġjun (11).

    3.4

    Il-KESE huwa konvint li l-pajjiżi kandidati jeħtieġu inċentivi akbar għal riformi. B'mod partikolari, jeħtieġ li tiġi mħeġġa kooperazzjoni reġjonali eqreb sabiex jiġi ffaċilitat l-issodisfar tal-kriterji għas-sħubija tal-UE.

    3.5

    Il-KESE jemmen li huwa meħtieġ li jkunu sfruttati l-influssi ġodda’ ta’ IDB lejn setturi tal-manifattura permezz tal-appoġġ tal-katini ta’ forniment lokali u t-titjib tal-ħiliet u l-kapaċità teknoloġika tal-SMEs.

    3.6

    L-enerġija u t-trasport għandhom ikunu fattur għall-żvilupp u l-interkonnettività tar-reġjun. Dan jiżgura li ċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom jingħataw idea ċara tal-benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-adeżjoni mal-UE. Pereżempju l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija huma fatturi li jiġġeneraw attivitajiet għall-intrapriżi u fil-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi kif ukoll impjiegi tradizzjonali.

    3.7

    Il-KESE jappoġġja t-Trattat tal-Komunità tat-Trasport iffirmat mill-UE u mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fit-12 ta’ Lulju 2017 u jħeġġeġ lill-partijiet biex jiżvilappawha ulterjorment. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom jikkonċentraw l-investimenti tagħhom fuq il-konnessjoni bejn in-Netwerk Ewlieni TEN-T tal-UE u l-infrastruttura tal-Balkani tal-Punent. Għaldaqstant issa hemm il-ħtieġa għal programm komuni, flimkien mal-identifikazzjoni tal-fondi disponibbli u d-definizzjoni ta’ skeda ta’ żmien komuni.

    3.8

    It-titjib tal-infrastruttura se jnaqqas l-ispejjeż tat-trasport u l-enerġija u se jiffaċilita investimenti kbar fiż-żona. Barra minn hekk, il-promozzjoni tat-titjib diġitali tal-Balkani tal-Punent se jikkontribwixxi għal żvilupp fin-negozju, żieda fil-produttività u titjib fil-kwalità tal-ħajja.

    3.9

    Il-KESE jemmen ukoll li l-investiment f’approċċi kumplimentari għall-politiki ekonomiċi tradizzjonali (l-ekonomija ċirkolari, l-ekonomija soċjali, l-integrazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs)) jistgħu jiżguraw it-tkabbir globali u l-impjieg.

    3.10

    Il-KESE josserva li fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, l-istat għad għandu rwol importanti b'mod esaġerat, filwaqt li s-settur privat huwa iżgħar minn dak tas-seba' ekonomiji tranżitorji żgħar tal-Ewropa (12).

    3.11

    Il-KESE jemmen li l-istat jeħtieġ li jsir fornitur aktar effiċjenti u affidabbli tas-servizzi pubbliċi u jiżgura ambjent favorevoli għall-intrapriżi privati.

    3.12

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jiffurmaw il-maġġoranza tan-negozji, jistgħu jsiru l-ixprunaturi tat-tkabbir ekonomiku fis-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent. Sabiex dan jinkiseb, jeħtieġ li titnaqqas il-burokrazija, l-amministrazzjoni pubblika ssir aktar trasparenti, il-korruzzjoni tiġi miġġielda u hemm bżonn ukoll ta' ġudikatura kompletament indipendenti.

    3.13

    Il-KESE jappoġġja l-konklużjonijiet tar-6 Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent u jesprimi tħassib profond dwar l-ispazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili f’għadd dejjem jiżdied ta’ pajjiżi fil-Balkani tal-Punent. Huwa jinnota li l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw lilhom infushom biex jippromovu l-ispazju għas-soċjetà ċivili u jsaħħu l-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet tal-OSĊ biex isaħħu leħinhom fil-proċess ta’ żvilupp u jagħmlu progress fid-djalogu politiku, soċjali u ekonomiku.

    3.14

    Il-KESE jirrimarka li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu involuti b'mod sinifikanti fil-proċess tar-riforma leġislattiva, pubblika, soċjali u ekonomika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent. Jeħtieġ li l-kapaċitajiet tagħhom jiġu msaħħa permezz ta’ appoġġ tekniku u finanzjarju, billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal sorsi ta' finanzjament tal-UE, u billi jiġu informati fil-ħin u b'mod dettaljat dwar il-proċess tal-adeżjoni.

    4.   Stabbiltà soċjali – qgħad – emigrazzjoni

    4.1

    Mill-kriżi ekonomika, il-konverġenza tad-dħul u b'mod partikolari dik soċjali bejn il-pajjiżi l-aktar fqar u l-aktar sinjuri fl-UE qed tonqos u f'ċerti każijiet marret lura. Dan qed jimmina l-ambizzjonijiet proprji tal-UE u qed iqajjem dubju dwar l-attraenza tagħha għall-membri futuri. Il-faqar, il-livell għoli ta' qgħad, l-ekonomija informali, il-pagi baxxi, il-korruzzjoni, l-abbużi, l-emigrazzjoni ta' ħaddiema tas-sengħa, id-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi u l-eżodu ta' mħuħ qed jaffettwaw lill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent.

    4.2

    Għalkemm il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent juru konverġenza lejn livelli tal-UE28, il-pass tagħhom huwa pjuttost kajman u għadu lura mir-reġjun tal-UE. Id-data turi li l-konverġenza sħiħa mal-istandards ta' għajxien tal-UE tista' ddum sa 40 sena.

    4.3

    Il-konverġenza tal-pagi għadha ma ġietx stabbilita fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. F'xi pajjiżi, saħansitra żdiedet id-differenza fil-pagi mal-UE, li taffettwa s-sigurtà ekonomika u soċjali tal-persuni fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ma esperjenzaw l-ebda żieda fil-pagi reali mill-kriżi. Għalkemm fl-istati kollha tal-Balkani tal-Punent jeżistu pagi minimi statutorji, fil-maġġoranza tal-każijiet dawn ma jkoprux livell minimu ta' għajxien għall-familji.

    4.4

    Il-KESE jinnota wkoll li bħala riżultat tal-livell għoli ta’ qgħad, il-migrazzjoni tal-ħaddiema mis-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent għadha kwistjoni dominanti. Huwa stmat li kwart tal-popolazzjoni fis-sitt stati kollha tal-Balkani tal-Punent marret tgħix barra mill-pajjiż. Anki jekk rimessi minn ħaddiema migranti huma sors importanti ta’ dħul u jikkontribwixxu għall-ekonomija domestika fuq żmien qasir, il-migrazzjoni tal-massa u t-telf ta’ popolazzjoni għandhom konsegwenzi severi fit-tul għall-potenzjal tal-iżvilupp ekonomiku f’dawn il-pajjiżi (13).

    4.5

    Bl-eċċezzjoni tal-Montenegro, fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, iż-żgħażagħ u n-nisa b'livell baxx ta' ħiliet kienu l-aktar affettwati mit-tnaqqis fil-livelli ta' impjieg. Huwa kruċjali wkoll li fl-2015, bħala medja, aktar minn 70 % tal-persuni qiegħda fis-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent damu bla xogħol għal aktar minn sena (14).

    4.6

    Il-KESE huwa konvint li l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom jagħtu aktar attenzjoni lill-kwalità tal-ħajja u tas-sigurtà soċjali taċ-ċittadini ta’ dawn l-istati. Il-KESE jissuġġerixxi li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-possibbiltà li jiġu applikati l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali waqt il-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet għas-sħubija fl-UE. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tiżviluppa programmi speċifiċi li jippermettu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jiksbu konverġenza soċjali aktar malajr.

    4.7

    Il-KESE jesprimi wkoll l-aspettattiva li hemm il-ħtieġa li tissaħħaħ aktar il-kompetittività u li jittejbu r-riformi strutturali fis-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent sabiex jissaħħaħ is-suq tal-ħaddiema u titnaqqas l-emigrazzjoni. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu ġenwinament ikkonsultati meta jiġu żviluppati riformi strutturali (15).

    4.8

    Il-KESE jenfasizza li x-xejriet tas-suq tax-xogħol fir-reġjun juru rati għoljin ta' inattività fost in-nisa, u jħeġġeġ lill-gvernijiet jipprovdu appoġġ biex jiżguraw il-kisba ta' livelli ogħla ta' impjieg għan-nisa. Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tinkludi l-ugwaljanza bejn is-sessi fost l-ogħla prijoritajiet fin-negozjati ta’ adeżjoni tal-UE mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

    4.9

    Il-KESE huwa konvint li r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi u tal-kultura tagħhom huwa fundamentali għall-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili demokratika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent.

    4.10

    Il-KESE jemmen li r-rwol tal-edukazzjoni fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, inkluż l-aċċess ugwali għal sistemi edukattivi, huwa kruċjali f’termini ta’ promozzjoni tal-valuri Ewropej, fit-trawwim tat-tolleranza lejn il-minoranzi, fil-ġlieda kontra l-preġudizzji, u fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali.

    4.11

    Barra minn hekk, il-KESE jemmen li “l-aġenda ta’ koeżjoni soċjali” għandha ssib soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ħiliet u n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet billi ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi edukattivi. Appoġġ finanzjarju mtejjeb għall-programmi ta’ edukazzjoni vokazzjonali jgħin fl-indirizzar tal-ispariġġ fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol u jnaqqas il-livelli għoljin ta’ qgħad.

    4.12

    Il-KESE jilqa' l-inizjattivi minn istituzzjonijiet edukattivi u kulturali statali, l-akkademja jew minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar ir-rikonċiljazzjoni, relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, u approċċ kritiku lejn il-passat.

    Brussell, id-19 ta’ April 2018

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Il-prinċipji bażiċi tal-istrateġija tal-UE lejn il-Balkani tal-Punent ġew stabbiliti mill-Kummissjoni fis-6 ta' Frar 2018 fil-Komunikazzjoni tagħha “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent”, COM(2018) 65 final.

    (2)  Skont it-terminoloġija stabbilita tal-KESE, il-kunċetti “soċjetà ċivili” u “organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili” f'din l-opinjoni jinkludu s-sħab soċjali (jiġifieri lill-impjegaturi u t-trade unions) u kwalunkwe attur mhux statali ieħor.

    (3)  COM(2018) 65 final, 6.2.2018.

    (4)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 31.

    (5)  http://shtetiweb.org/berlin-process/.

    (6)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 31.

    (7)  https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/policy/glossary/terms/accession-criteria_en.

    (8)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 31.

    (9)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 31.

    (10)  http://wbcti.wb-iisg.com/, https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/ipa_ii_2016_039-858.13_mc_pcve.pdf.

    (11)  Dikjarazzjoni finali mis-6 Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent.

    (12)  Grupp tal-Bank Dinji, The Western Balkans: Revving up the Engines of Growth and Prosperity (Il-Balkani tal-Punent: Iż-Żieda fl-Ixprunaturi tat-Tkabbir u l-Prosperità), 2017.

    (13)  “Fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, il-qgħad huwa ogħla b'mod sinifikanti mill-medja tal-UE28 b'xi titjib matul l-aħħar ftit snin. B'mod partikolari, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Montenegro jsofru minn livell għoli ta’ qgħad b'mod persistenti, iżda anke r-rata attwali tal-qgħad ta' 13,5 % fis-Serbja, l-aqwa fir-reġjun wara titjib riċenti, hija wisq għolja meta mqabbla mal-Istati Membri tal-UE. Minkejja l-livell għoli ta’ qgħad b’mod xokkanti, fit-12-il xahar li spiċċaw f'Ġunju 2017, inħolqu madwar 230 000 impjieg fir-reġjun (żieda ta' 3,8 %); aktar min-nofs inħolqu fis-settur privat. Bħala riżultat, il-qgħad (f'termini ta' għadd ta' impjiegi, iżda mhux f’sigħat tax-xogħol) reġa' lura għal-livelli ta' qabel l-2008 fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent bl-eċċezzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina”, Grupp tal-Bank Dinji, Rapport Ekonomiku Regolari tal-Balkani tal-Punent, Nru 12, Ħarifa 2017.

    (14)  Grupp tal-Bank Dinji, Western Balkans Labor Market Trends 2017 (Tendenzi tas-Suq tax-Xogħol tal-Balkani tal-Punent 2017).

    (15)  Kif deskritt fl-Opinjoni tal-KESE dwar L-Istrateġija tal-UE dwar it-Tkabbir (ĠU C 133, 14.4.2016, p. 31) u fid-dikjarazzjoni aħħarija tas-sitt Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent tal-KESE li sar f'Sarajevo bejn l-10 u l-11 ta' Lulju 2017.


    Top