Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE0759

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri” (COM(2017) 677 final — 2017/0305 (NLE))

EESC 2017/00759

ĠU C 237, 6.7.2018, p. 57–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri”

(COM(2017) 677 final — 2017/0305 (NLE))

(2018/C 237/10)

Relatur: Michael McLOUGHLIN

Konsultazzjoni

Konsultazzjoni mitluba mill-Kunsill: 1.12.2017

Bażi legali

Artikoli 29(1) u 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2017

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

23.2.2018

Adottata fil-plenarja

15.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

159/43/15

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa' l-abbozz ta' linji gwida għall-impjieg u l-allinjament tagħhom mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kumitat jemmen li jista' jsir aktar fil-linji gwida sabiex verament tinżamm il-wegħda tal-Pilastru.

1.2.

Jeħtieġ li l-linji gwida għall-impjieg jikkontribwixxu lejn bilanċ aħjar bejn ir-regoli makroekonomiċi u Ewropa Soċjali konsistenti mar-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa fl-2015 (1). Il-KESE jemmen li ż-żmien li fih għandha tiġi indirizzata l-konverġenza bejn is-sitwazzjoni makroekonomika u dik soċjali huwa meta jkun hemm sinjali ta' rkupru.

1.3.

Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal pakkett adatt ta' investiment soċjali bħala parti minn programm Ewropew ta' tkabbir u ta' investiment li jammonta għal 2 % tal-PDG (2).

1.4.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn ħafna mis-sejbiet tar-Rapport Konġunt tal-2018 dwar l-Impjieg (3) li juru li l-irkupru tal-impjieg mhuwiex uniformi fost l-Istati Membri, ir-reġjuni u gruppi ta' nies tal-UE.

1.5.

Il-KESE jappoġġja enfasi msaħħa fuq l-impatt u t-twettiq fil-Pilastru u l-linji gwida għall-impjiegi assistiti mit-tabella ta' valutazzjoni soċjali u miżuri oħra fejn ikun meħtieġ. L-impatt relatat ma’ dawn il-kwistjonijiet għandu jkun parti mill-proċess ta’ ppjanar u ta’ diskussjonijiet bejn l-Istati Membri u l-UE fl-allokazzjoni tal-fondi tal-UE.

1.6.

Id-dispożizzjonijiet tal-linja gwida 5 għandhom jiċċaraw li mhuwiex dejjem il-każ li forom innovattivi ta’ xogħol iwasslu għal każwalizzazzjoni akbar tax-xogħol anke jekk xi drabi dan jista’ jiġi preżunt. Miżuri li jappoġġaw tranżizzjonijiet bla xkiel fis-swieq tax-xogħol, inklużi dispożizzjonijiet xierqa għas-sigurtà tal-ħaddiema jgħinu biex jiżguraw li forom ġodda ta’ xogħol jipprovdu opportunitajiet ta’ impjieg ġusti.

1.7.

Il-moviment tat-tassazzjoni lil hinn mix-xogħol għal sorsi oħra fil-Linji Gwida jintlaqa' b’sodisfazzjon iżda l-Linji Gwida għandhom jipprovdu ċarezza dwar sorsi possibbli oħrajn. Il-KESE ħareġ Opinjonijiet dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u t-taxxi ambjentali (4) li jistgħu wkoll jipprovdu dħul alternattiv u dan missu jiġi ssuġġerit fil-Linji Gwida.

1.8.

Fil-Linja Gwida 6, il-KESE jemmen li għandha tinżamm ir-referenza speċifika tal-FSE.

1.9.

Fil-Linja Gwida 7, il-ħtieġa ta' rikonoxximent ta' tilwim imparzjali għandha tapplika għall-oqsma kollha u mhux biss għal sensji inġusti. Is-soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim ma għandhomx jieħdu d-drittijiet tal-partijiet li jkollhom aċċess għall-qrati.

1.10.

Fil-Linja Gwida 8 għandha tinżamm l-azzjoni dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ, partikolarment il-finanzjament iggarantit għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-iżvilupp ulterjuri ta' “Garanzija ta' Ħiliet”.

1.11.

Fil-Linja Gwida 8, l-enfasi għandha tibqa' fuq il-qgħad fit-tul u jista' jkun sors ta' xogħol f'suq li qed isir iżjed ristrett.

1.12.

Il-pożizzjoni tal-persuni b'diżabilità għandha titqies minn perspettiva bbażata fuq id-drittijiet iżda wkoll b'miżuri prinċipali prattiċi fil-qasam tal-impjieg b'enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kif stabbilit fit-Trattati.

1.13.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jeħtieġ li jidhru f'kull linja gwida u jeħtieġ li jkun hemm fokus b'saħħtu fuq il-kwistjonijiet ta' pagi baxxi fl-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.

1.14.

Il-migranti u r-refuġjati għandhom jissemmew speċifikament fil-linji gwida.

1.15.

Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu dwar iż-żieda fl-età għall-irtirar statutorju, li qabel kollox l-età attwali għandha tkun simili għall-età legali (5). Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri billi jindirizza sfidi bħaż-żieda fl-istennija tal-għomor, il-bidliet fis-suq tax-xogħol li jaffettwaw il-finanzjament tal-pensjonijiet u li jiġu żgurati livelli ta’ pensjoni adegwati.

1.16.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon iċ-ċarezza li d-dispożizzjonijiet għall-Istati Membri taż-żona tal-euro u għall-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro se jkunu l-istess għall-Pilastru u għal-Linji Gwida dwar l-Impjieg.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Sa mill-1997, il-linji gwida għall-impjieg kienu karatteristika tat-taħlita ta' politika tal-UE. Il-bażi legali tinsab fl-Artikolu 148 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (6): “il-Kunsill…għandu kull sena jħejji linji ta' gwida li l-Istati Membri għandhom iqisu fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi”.

2.2.

Fl-1997, il-linji gwida kienu wieħed mill-ewwel eżempji tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-politika tal-UE fejn approċċ volontarju għal objettiv jiġi stabbilit b'sistemi b'saħħithom ta' rapportar u ta' evalwazzjoni bejn il-pari. Il-linji gwida issa huma konnessi mal-linji gwida ekonomiċi ġenerali fl-Artikolu 121 tat-TFUE.

2.3.

L-Abbozz ta' Rapport Konġunt għall-2018 dwar l-Impjiegi ta' Novembru (7) huwa ppubblikat mal-abbozz ta' linji gwida għall-impjieg u jippreżenta riċerka u sejbiet sinifikanti dwar is-sitwazzjoni tal-impjieg fl-UE. Skont ir-rapport, is-sitwazzjoni ġenerali tal-impjieg fl-UE qiegħda titjieb, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u fit-tul qed jonqos u ċ-ċifra primarja tal-impjieg ta' 75 % fl-Istrateġija Ewropa 2020 tista' tintlaħaq għall-UE kolha kemm hi, għalkemm mhux għal ċerti Stati Membri. Madankollu, il-livell ta' titjib ivarja b'mod sinifikanti fost l-Istati Membri, ir-reġjuni u gruppi ta' nies. Għadd konsiderevoli ta' nies għadhom mhux qed jaraw sinjali ta' rkupru f'ħajjithom. Il-kwalità tal-impjiegi maħluqa u ż-żieda fil-faqar fost dawk li jaħdmu huma wkoll kwistjonijiet importanti li għandhom jiġu nnotati.

2.4.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (8) ġie adottat bħala proklamazzjoni interistituzzjonali fis-Summit Soċjali ta' Gothenburg f'Novembru 2017. Il-Pilastru huwa effettivament dikjarazzjoni politika li timpenja lill-UE għal 20 prinċipju ewlenin. Fil-fatt huwa jirrappreżenta l-impenn komprensiv il-ġdid tal-UE lejn Ewropa Soċjali. Il-Pilastru huwa akkumpanjat minn tabella ta' valutazzjoni soċjali li fiha hemm 14-il indikatur prinċipali li jivvalutaw l-impjieg u x-xejriet soċjali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Storikament, l-Unjoni Ewropea fittxet li ssib bilanċ bejn l-objettivi tad-drittijiet soċjali u t-tkabbir ekonomiku permezz ta' taħlita ta’ dispożizzjonijiet tat-trattati, leġislazzjoni u mekkaniżmi ta' politika soċjali mhux vinkolanti u l-avvanz tas-Suq Uniku, għalkemm mhux dejjem irnexxielha tilħaq dan il-bilanċ. Il-kriżi ekonomika globali wasslet għal riforma ekonomika sinifikanti li tevita kriżi eżistenzjali għall-euro. Ħafna josservaw li l-impenn tal-UE għall-politika soċjali kien qed jonqos b'mod kontinwu minn żmien il-Kummissjoni Delors. Barra minn hekk, l-impatt politiku u soċjali tal-kriżi ekonomika kif ukoll il-miżuri ta' awsterità assoċjati kienu evidenti. Uħud jistabbilixxu saħansitra rabta pjuttost diretta maż-żieda fil-populiżmu u l-Brexit. Il-ħtieġa li nirritornaw għal konverġenza bejn l-integrazzjoni ekonomika u l-politiki soċjali adatti kellha approvazzjoni uffiċjali fir-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa fl-2015 (9). L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (10) wera xi tibdil fin-narrattiva b'enfasi aktar b'saħħitha fuq l-opportunitajiet ugwali, impjiegi ta’ kwalità tajba u l-ħtieġa li jitqies l-impatt distribuzzjonali tar-riformi. Dan jintlaqa' b'sodisfazzjon kbir.

3.2.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa ġdid u l-KESE diġà esprima t-tħassib tiegħu dwar nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-Pilastru u l-implimentazzjoni futura tiegħu. In-nuqqasijiet tal-passat fit-twettiq ta’ impenji ta’ politika ewlenin għandhom jiġu evitati meta jitmexxew ’il quddiem politiki għall-benessri taċ-ċittadini tal-UE. Fl-2017, il-KESE eżamina l-Pilastru f'żewġ Opinjonijiet (11), filwaqt li laqa' b'mod wiesa' l-prinċipji u d-drittijiet kif ukoll ir-rwol tal-Pilastru bħala punt ta’ riferiment għal konverġenza mġedda fl-Istati Membri u ħeġġeġ lill-partijiet kollha sabiex jiżguraw it-twettiq u l-effettività tagħhom. F'dan il-kuntest, il-Kumitat talab ukoll biex ikun hemm aktar ċarezza fir-rigward tal-Pilastru u t-tħaddim tiegħu fil-prattika. Il-Pilastru ma għandux effett ġuridiku u ma jagħmilx parti mit-trattati. Il-Kumitat qies ukoll il-punt tat-tluq tal-Pilastru bħala li jippromovi “l-acquis soċjali eżistenti u l-infurzar sħiħ u xieraq tiegħu”. Filwaqt li enfasizza r-rwol tas-soċjetà ċivili u b’mod speċjali r-rwol speċifiku tal-imsieħba soċjali fil-politiki tas-suq tax-xogħol u tal-impjieg, l-Opinjonijiet ġibdu wkoll l-attenzjoni għall-kwistjonijiet tal-impjiegi rilevanti li huma relatati ma':

l-ilħuq ta’ bilanċ ġust bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali,

il-ġejjieni tax-xogħol,

il-gruppi partikolarment żvantaġġati fis-suq tax-xogħol,

l-impjieg u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità,

appoġġ għal mogħdijiet ta’ karriera ġodda u iżjed varjati,

il-ħtieġa għal “garanzija ta' ħiliet”,

il-ħtieġa li l-età tal-irtirar attwali tkun eqreb tal-età statutorja,

l-għan li l-persuni jaħdmu għal aktar żmien, akkumpanjati minn approċċ ta’ ċiklu tal-ħajja li jinkludi kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol,

mobbiltà tal-forza tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal kulħadd,

il-ħtieġa għal investiment soċjali,

il-ħtieġa għall-aspirazzjoni għal pjattaforma ta' protezzjoni soċjali vinkolanti,

ir-rwol tas-Semestru Ewropew u b’mod partikolari l-ħtieġa għal ugwaljanza bejn, minn naħa, l-għanijiet dwar l-impjieg u dawk soċjali u, min-naħa l-oħra, dawk makroekonomiċi,

il-ħtieġa għal fondi tal-FEIS delimitati għal investiment soċjali,

is-sitwazzjoni tal-pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro.

3.3.

Din l-Opinjoni teżamina l-Linji Gwida għall-Impjieg u kwistjonijiet relatati fil-kuntest tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Tabilħaqq, l-aġġornament tal-linji gwida huwa wkoll imsejjes fuq il-Pilastru u l-metodoloġija tiegħu mill-Kummissjoni. F'ħafna aspetti, il-linji gwida għall-impjieg emendati jistgħu jitqiesu, fost affarijiet oħra, bħala l-ewwel test tajjeb tal-Pilastru. Il-KESE jeħtieġ li jeżamina l-linji gwida mill-perspettiva tal-fehmiet li diġà esprima dwar il-Pilastru.

3.4.

Il-kwistjonijiet tal-impatt u l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-impjieg diġà ġew enfasizzati mill-Kumitat fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni, fl-2015 u qabel (12). Dawn huma importanti wkoll fir-rigward tal-valutazzjoni tal-linji gwida għall-impjieg mil-lenti tal-Pilastru. Il-Pilastru fih tabella ta' valutazzjoni b'14-il punt imfassla biex tkejjel il-progress, li tista' tipprovdi riassigurazzjoni dwar l-effettività tal-Pilastru. Madankollu, uħud minn dawn l-indikaturi mhumiex ġodda u kienu diġà preżenti fit-tabella ta' valutazzjoni tal-impjieg tal-2013. Filwaqt li huwa tajjeb li t-tabella ta' valutazzjoni tkopri l-Pilastru, madankollu huwa importanti li l-kejl ġenerali jissarraf f'elementi operazzjonali aktar iddettaljati tal-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri. Tista' ssir ukoll il-mistoqsija dwar jekk il-linji gwida għall-impjieg ikoprux b'mod suffiċjenti kwistjoni jew grupp li mhumiex koperti b'mod espliċitu fil-Pilastru jew fit-tabella ta' valutazzjoni.

3.5.

Il-linji gwida għall-impjieg ikomplu joperaw permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u t-twassil tal-Pilastru huwa taħlita ta’ “liġi mhux vinkolanti” u leġislazzjoni tal-UE. Dan dejjem kien il-każ għal-linji gwida, għalhekk ma hemm l-ebda dgħajfien fir-rigward tal-effettività tagħhom minħabba dan. Minħabba li hemm prijorità politika għolja konnessa mal-Pilastru fl-istadji bikrin tiegħu, nistgħu nimmaġinaw li dan ser iwassal għal-linji gwida għall-impjieg, iżda fuq perjodu twil ta' żmien dan mhux dejjem se jkun il-każ.

3.6.

Il-Kumitat ġibed ukoll l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' titjib fit-tabella ta' valutazzjoni u l-ħtieġa ta' Semestru Ewropew ekonomiku u soċjali fl-aħħar Opinjoni tiegħu dwar il-Pilastru (13). Ir-relazzjoni bejn is-sorveljanza tal-kwistjonijiet makroekonomiċi u l-politiki tal-impjieg u dawk soċjali hija ta' importanza kritika. Hemm kuntrast bejn l-approċċ dwar l-impjieg u s-setgħat ġuridiċi estremament iebsa li jkopru l-euro bħat-tieni pakkett ta' proposti għall-governanza ekonomika u s-sitt pakkett ta' proposti għall-governanza ekonomika flimkien mat-trattat dwar il-patt fiskali. Il-KESE għadu jemmen li minkejja l-avvanzi li saru bil-Pilastru u l-integrazzjoni tal-linji gwida għall-impjieg mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika, għad hemm spazju għal allinjament bejn dawn iż-żewġ elementi. Il-KESE jtenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ konverġenza bejn il-linji gwida għall-impjieg u l-linji gwida ekonomiċi ġenerali (14). Is-sens ġenerali tar-Rapport tal-Ħames Presidenti fir-rigward tal-ksib ta' punteġġ soċjali AAA għall-Ewropa jissuġġerixxi wkoll konverġenza akbar bejn l-aspetti ekonomiċi u dawk soċjali. L-emenda tal-linji gwida u l-applikazzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni jipprovdu allinjament ulterjuri tal-politika mal-Pilastru li jintlaqa' bi pjaċir, għalkemm dan ma jirrappreżentax progress kbir fir-rigward tal-ħtieġa globali ta' konverġenza bejn l-aspetti soċjali u dawk makroekonomiċi. Jista' jkun hemm ukoll dubju dwar jekk uħud mil-linji gwida ekonomiċi jikkontradixxux il-linji gwida għall-impjieg.

3.7.

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (15) jista' jkollhom rwol kritiku fl-applikazzjoni effettiva tal-linji gwida għall-impjieg u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Huma jipprovdu opportunità importanti sabiex il-politika nazzjonali tissawwar b'konsistenza mal-linji gwida u mal-prinċipji tal-Pilastru sabiex jintlaħqu eżiti komuni. Minkejja li fl-Ewropa s-sitwazzjoni qiegħda titjieb, xorta waħda għad hemm differenzi bejn l-Istati Membri, bejn ir-reġjuni u bejn gruppi differenti ta' nies fis-suq tax-xogħol. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li joħorġu mil-linji gwida għall-impjieg għandhom jippruvaw inaqqsu dawn id-differenzi u jżidu u jikkanalizzaw ir-riżorsi f’dan ir-rigward.

3.8.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kien indirizzat lill-Istati Membri kollha, minkejja li kien maħsub għaż-żona tal-euro (16), u b’hekk il-prinċipji tal-Pilastru u l-indikaturi tat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali jistgħu jservu ta’ bażi għall-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-Istati Membri kollha, u dan għandu jintlaqa' b'sodisfazzjon.

3.9.

Sa mil-linji gwida preċedenti, l-idea ta' “Garanzija ta' Ħiliet” kisbet ħafna interess. Fir-rigward tal-approċċ tal-Garanzija taż-Żgħażagħ u s-sejba ta' xi espressjoni fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (17), il-kunċett jiffoka l-iżjed fuq l-adulti bi ftit ħiliet u l-akkwist ta' ħiliet fil-litteriżmu, fil-matematika u dawk diġitali u l-progress lejn kwalifika fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja għolja (18).

3.10.

L-iffinanzjar tal-implimentazzjoni tal-Pilastru u l-linji gwida għall-impjieg permezz tal-fondi Ewropej se jibqa' importanti fil-futur. In-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss dalwaqt jibdew u jidher b’mod ċar li se joħorġu sfidi kbar b’mod partikolari fir-rigward tat-tiswir ta’ baġit wara l-Brexit. Il-Kumitat esprima l-fehmiet tiegħu f’dan ir-rigward fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, fejn iddikjara li “Valur miżjud Ewropew li dwaru hemm kunsens politiku wiesa’ [għandu] jingħata appoġġ għall-azzjoni tal-UE f’mod li jiġu garantiti benefiċċji reali għaċ-ċittadini tagħha” (19).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE emenda b'mod ċar il-linji gwida għall-impjieg sabiex dawn ikunu konsistenti mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dan jintlaqa' b'sodisfazzjon kbir. Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-Opinjoni tal-KESE 2015 dwar il-linji gwida għall-impjieg (20) fil-biċċa l-kbira tagħhom għadhom validi. Madankollu, hemm xi kwistjonijiet speċifiċi li jitolbu kummenti aġġornati.

4.2.

Is-sitwazzjoni ekonomika fl-UE qed tkompli titjieb bħalissa iżda jeħtieġ li jsir ħafna aktar b’mod partikolari għall-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gruppi ta' nies li qed jiffaċċjaw aktar diffikultajiet, u dan ikompli jappoġġja l-argument għal politika soċjali msaħħa konsistenti mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

4.3.

Preċedentement, il-KESE laqa' l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-Kummissjoni (21) bit-twemmin li dan jista' jagħti kontribut sinifikanti għal bidla fid-direzzjoni politika favur it-tkabbir sostenibbli u soċjetajiet aktar reżiljenti. Il-Kumitat talab biex jiġi implimentat programm Ewropew ta' tkabbir u ta' investiment li jammonta għal 2 % tal-PDG u “biex ikun hemm fokus iktar b'saħħtu fuq investimenti soċjali fil-proċess ta' koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew”. Il-KESE jtenni din it-talba b'rabta mal-linji gwida għall-impjieg attwali u jitlob li t-test tagħhom jiġi emendat sabiex jirrifletti din l-idea.

Is-sitwazzjoni ekonomika u tas-suq tax-xogħol attwali tappoġġja tabilħaqq enfasi mġedda fuq l-investiment soċjali.

4.4.

Il-KESE issa jinsab ukoll aktar konxju tal-pożizzjoni ta' gruppi ta' nies speċifiċi fis-suq tax-xogħol, kemm mil-lat tal-provvista ta' ħaddiema kif ukoll fil-ksib ta' eżiti aktar ugwali. Il-KESE jikkummenta b’mod regolari dwar is-sitwazzjoni ta' ħafna minn dawn in-nies, li jibqgħu importanti għal-linji gwida għall-impjieg. Il-Parti 8 tal-memorandum ta' spjegazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida għall-impjieg tagħmel referenza b'mod espliċitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol. (22). Dan huwa dokument tal-2008 u għalhekk jista’ jkun hemm bżonn ta’ reviżjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-Pilastru u l-linji gwida għall-impjieg, b’mod partikolari minħabba li l-issikkar tas-suq tax-xogħol se joffri opportunitajiet lil dawn il-gruppi ta’ nies.

5.   Il-linji gwida

5.1.

Hemm xi bidliet speċifiċi fil-formulazzjoni tal-linji gwida li saru bl-allinjament tagħhom mal-Pilastru jew b'mod ieħor. Skont il-Linja Gwida 5, l-Istati Membri issa “jeħtieġ li jinkoraġġixxu forom innovattivi ta' xogħol, li joħolqu opportunitajiet ta' xogħol għal kulħadd b'mod responsabbli”. Filwaqt li forom ġodda ta' xogħol u l-innovazzjoni jipprovdu opportunitajiet għat-tkabbir, dawn jista' jkollhom ukoll impatt negattiv fuq in-nies jekk jissarrfu f'aktar xogħol prekarju. Huwa meħtieġ bilanċ biex jinħatfu l-benefiċċji ċari għat-tkabbir, l-intraprenditorija u l-impjieg. Fl-istess waqt, tinħtieġ valutazzjoni adatta tal-impatt ta' forom ġodda ta' xogħol (23). Il-linji gwida għall-impjieg għandhom l-għan li jittraduċu x-xejtiet assoċjati ma’ forom ġodda ta’ xogħol f’opportunitajiet ta’ impjieg ġusti abbażi ta’ bilanċ bejn tranżizzjonijiet bla xkiel fis-swieq tax-xogħol u dispożizzjonijiet adegwati għas-sigurtà tal-ħaddiema. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-linja gwida għandhom jiċċaraw li mhuwiex dejjem il-każ li forom innovattivi ta’ xogħol iwasslu għal każwalizzazzjoni akbar tax-xogħol anke jekk xi drabi dan jista’ jiġi preżunt. Miżuri li jappoġġaw tranżizzjonijiet bla xkiel fis-swieq tax-xogħol, inklużi dispożizzjonijiet xierqa għas-sigurtà tal-ħaddiema jgħinu biex jiżguraw li forom ġodda ta’ xogħol jipprovdu opportunitajiet ta’ impjieg ġusti. F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja reċenti (24), il-KESE talab lill-awtoritajiet jidentifikaw lill-impjegatur u l-impjegat, jobbligaw lill-individwi jħallsu kontribuzzjonijiet għas-sistemi tas-sigurtà soċjali, jagħqdu l-bażijiet tad-data elettronika fil-qasam tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali u jeżaminaw modi ġodda ta’ finanzjament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

5.2.

Fir-rigward ta' forom ta' xogħol “innovattivi” għandhom jiġu ddedikati konnessjoni akbar u aktar attenzjoni lix-xejriet bħad-diġitalizzazzjoni u l-impjiegi ekoloġiċi relatati mal-Aġenda Diġitali tal-UE u l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari. Peress li l-Istati Membri huma mħeġġa jrawmu l-innovazzjoni soċjali, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għal xi mudelli siewja tal-innovazzjoni soċjali li ngħataw il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili tal-2017 (25).

5.3.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-intraprenditorija u l-ħolqien u t-tkabbir ta’ intrapriżi mikro u żgħar, il-Kumitat jappoġġja l-promozzjoni tagħhom, kif ukoll it-trawwim ta’ mentalità intraprenditorjali (26). Għandu jkun utli indikatur li jkejjel il-kundizzjonijiet għall-intraprenditorija.

5.4.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, fl-Opinjoni (27) tiegħu l-KESE enfasizza bosta sfidi, bħall-ħtieġa ta' “[aktar] soluzzjonijiet innovattivi fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet” li jappoġġjaw garanzija ta' ħiliet, u li jipprovdu finanzjament adatt u msaħħaħ u aċċess universali għal dawn.

5.5.

Il-Linja Gwida 5 tirreferi wkoll għal “pagi ġusti li jipprovdu għal livell ta' għajxien deċenti” u sabiex “[jiġu żgurati] livelli ta' pagi minimi filwaqt li [jittieħed] kont tal-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu”. Din hija enfasi mtejba fuq kwistjonijiet ta’ pagi baxxi u l-faqar fost dawk li jaħdmu, meta mqabbla mal-linji gwida preċedenti, għalkemm il-KESE għadu jemmen li hija meħtieġa definizzjoni ċara ta’ “impjiegi ta’ kwalità”. It-tisħiħ tal-effettività tal-ftehimiet kollettivi billi pereżempju titjieb il-kopertura tagħhom ikun ta' użu f'dan ir-rigward. Fl-istess ħin huwa prerekwiżit u tal-akbar importanza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll ir-rwol awtonomu tal-imsieħba soċjali jiġu rispettati bis-sħiħ.

5.6.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li tingħata wisq importanza lill-ostakli min-naħa tal-provvista iżda ma tingħata l-ebda attenzjoni korrispondenti lill-ħtieġa għal investiment soċjali u tkabbir. Il-moviment tat-tassazzjoni lil hinn mix-xogħol għal sorsi oħra fil-Linji Gwida jintlaqa' b’sodisfazzjon iżda l-Linji Gwida għandhom jipprovdu ċarezza dwar sorsi possibbli oħrajn. Il-KESE ħareġ Opinjonijiet dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u t-taxxi ambjentali (28) li jistgħu wkoll jipprovdu dħul alternattiv u dan missu jiġi ssuġġerit fil-Linji Gwida.

5.7.

Ir-referenza għal bidla teknoloġika u ambjentali fil-Linja Gwida 6 tintlaqa' bi pjaċir; aktar dettall dwar il-potenzjal għal tkabbir ekoloġiku huwa siewi wkoll. B'mod simili l-impenn il-ġdid għat-“[trasferiment] tal-intitolamenti tat-taħriġ matul tranżizzjonijiet professjonali” għandu jtejjeb il-mobbiltà. Sabiex isir dan, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-eżistenza deċenti matul it-taħriġ, kull fejn isir it-taħriġ. L-istrumenti użati f’xi Stati Membri tal-UE, bħal għotjiet, self, ftehimiet kollettivi dwar liv mħallas għat-taħriġ jew dispożizzjonijiet oħrajn għandhom jiġu eżaminati wkoll bil-ħsieb li l-prattika tajba fil-qasam ta’ standards minimi dwar id-drittijiet għal liv edukattiv issir prattika standard fl-Istati Membri oħrajn. Il-Kumitat jilqa' l-formulazzjoni l-ġdida fil-Linja Gwida 6 dwar ir-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u ż-żieda fl-adozzjoni tat-taħriġ vokazzjonali kontinwu flessibbli u azzjoni msaħħa għall-istudenti adulti. Twettqet xi ħidma fir-rigward tat-twessigħ tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida 6 dwar l-ostakoli għall-impjieg tan-nisa għal aktar gruppi u biex id-dispożizzjonijiet ikunu aktar newtrali fir-rigward tas-sessi. Il-Kumitat iħeġġeġ ċerta kawtela f'dan ir-rigward, f'każ li tintilef kwalunkwe enfasi speċifika fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Id-dispożizzjonijiet dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jintlaqgħu bi pjaċir u sa ċertu punt huma diġà fis-seħħ. F'dan ir-rigward, il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu tal-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluż liv tal-familja u għall-kura mħallas, kif ġie espress f'Opinjoni reċenti (29) (dan mhux inkluż fil-paragrafu finali tal-Linja Gwida 6). Il-Kumitat jemmen li r-referenza speċifika għall-Fond Soċjali Ewropew għandha tibqa' fil-Linja Gwida 6.

5.8.

Il-Linja Gwida 7 fiha lingwaġġ imtejjeb dwar kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol u xogħol flessibbli. Dan huwa partikolarment il-każ meta ssir referenza għal “ambjenti tax-xogħol tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati għall-ħaddiema”. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar “ambjent għar-reklutaġġ” ma għandhomx jintużaw biex titnaqqas il-protezzjoni tal-liġi tax-xogħol. Hemm bidla konsiderevoli fid-dispożizzjonijiet dwar miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u s-servizzi pubbliċi tal-impjieg. Dawn jintlaqgħu b'mod wiesa' u jaqblu mal-aħjar prattika f'dan il-qasam. Minħabba l-importanza assoċjata ma' dan il-qasam, pereżempju mill-OECD, dan jibbenefika minn aktar attenzjoni fil-proċess tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż. Il-Kumitat jilqa' l-formulazzjoni l-ġdida dwar id-djalogu soċjali iżda għal darb'oħra jirrepeti l-fehmiet tiegħu dwar il-varjabbiltà tad-djalogu soċjali fl-UE u l-impatt tal-kriżi ekonomika f'dan il-qasam li għadu ma ġiex eliminat f'għadd ta' Stati Membri.

5.9.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-soluzzjoni ta' tilwim b'mod imparzjali għandu jkollhom applikazzjoni ġenerali minflok sempliċement għal sensji inġusti. Madankollu għandhom jiġu rispettati d-drittijiet tal-partijiet li jużaw il-qrati meta tkun falliet soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Jeħtieġ li jkun hemm referenza għall-involviment tal-ħaddiema pereżempju fi kwistjonijiet bħall-ħinijiet tax-xogħol. Barra minn hekk, filwaqt li l-benefiċċji tal-qgħad ma għandhomx jaġixxu bħala diżinċentiv biex wieħed jibda jaħdem, dan ma għandux jipperikola l-funzjoni tagħhom fis-salvagwardja ta' livell ta' għajxien deċenti għall-persuni qiegħda. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar l-iffaċilitar tax-xogħol transkonfinali jeħtieġ li jitqabblu ma’ dawk dwar l-iżgurar tat-trattament ġust tal-ħaddiema u l-evitar tad-dumping soċjali.

5.10.

Hemm pajjiżi bi djalogu soċjali inqas żviluppat u tabilħaqq dawk li esperjenzaw tfixkil f'dan il-qasam minħabba l-kriżi. Aħna nilqgħu l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li żżid il-kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Minħabba ċ-ċentralità tad-djalogu soċjali fit-twettiq tal-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali u fl-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-impjieg u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, il-KESE jtenni t-talba tiegħu li dan ikun preżenti fl-Istati Membri kollha u jħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha fil-livell nazzjonali u Ewropew biex ma jdgħajfux iżda jsaħħu l-istrutturi tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet avvanzi fl-involviment tas-soċjetà ċivili fir-rapportar speċifiku għall-pajjiż u dan għandu jintlaqa' bi pjaċir u għandu jissaħħaħ.

5.11.

Il-Linja Gwida 8 tipprovdi formulazzjoni ġdida fil-qasam ta' dispożizzjonijiet soċjali usa'. L-impenji għar-rappreżentazzjoni ta' gruppi sottorappreżentati jintlaqgħu bi pjaċir bħal ma jintlaqgħu d-dispożizzjonijiet dwar introjtu minimu adegwat. Madankollu, kienet tintlaqa' bi pjaċir kbir referenza għall-mod li bih jiġi kkalkulat dan l-introjtu minimu, b’mod partikolari x-xogħol li jsir fil-baġits ta' referenza. Aċċess imtejjeb għall-protezzjoni soċjali għat-tipi kollha ta' ħaddiema irrispettivament mill-istatus tagħhom għandha tidher ukoll fil-Linja Gwida 8. Aktar referenza f'din il-linja gwida għall-faqar fost dawk li jaħdmu u r-referenza fid-dettall ta' servizzi soċjali partikolari jintlaqgħu bi pjaċir minħabba li jpoġġu l-linji gwida f'sensiela kostanti ta' politika soċjali konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Pilastru u għal darb'oħra jappoġġjaw it-talba tal-KESE li jkun hemm investiment soċjali. Filwaqt li l-Kumitat jirrepeti l-fehmiet tiegħu dwar l-età tal-irtirar f'din l-Opinjoni, jilqa' bi pjaċir dispożizzjonijiet li issa huma fil-linji gwida għal “miżuri li jestendu l-ħajja tax-xogħol” iżda għandu jkun ċar li din l-estensjoni hija volontarja. Il-KESE ser jesprimi l-fehmiet tiegħu fiż-żmien dovut dwar l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aċċess għas-sigurtà soċjali.

5.12.

Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-għadd ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) għadha kwistjoni ta' tħassib u jidher li hija partikolarment intrattabbli. Ir-Reviżjoni tal-2017 tal-Iżviluppi fl-Impjieg u dawk Soċjali fl-Ewropa (30) enfasizzat b'mod partikolari kif il-kriżi ekonomika kellha impatt sproporzjonat fuq iż-żgħażagħ u jidher li l-irkupru mhux qed jelimina din ix-xejra biżżejjed. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ appoġġjata mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-FSE kienet inkoraġġanti meta bidlet impenn politiku f'azzjoni relattivament malajr iżda xorta waħda għad hemm kwistjonijiet li għandhom jiġu solvuti. Kif spiss huwa l-każ, il-livell ta' finanzjament iddedikat kien minimu u ħafna mir-riżorsi ma kinux ġodda. Se jkun importanti li jiġi żgurat li tal-inqas jinżammu l-flejjes ġodda (l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ). Se jkun importanti li anke b'żieda fiċ-ċifri jibqa' jinżamm fokus fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ minħabba li spiss tinħtieġ riforma strutturali sabiex jiġi żgurat li dan ma jkunx l-ewwel grupp li se jsofri jekk iseħħ xokk ieħor. Tinħtieġ aktar riċerka sabiex tiżgura rabtiet ta' “kawża u effett” bejn iż-żieda fiċ-ċifri tal-impjieg fost iż-żgħażagħ (fejn preżenti) u l-miżuri attwali meħuda skont il-Garanzija. B'mod simili, il-kwalità tal-interventi u l-bidliet mhux uniformi fil-qgħad fost iż-żgħażagħ jeħtieġ li jitqiesu b'rabta mal-Garanzija. Preċedentement, il-KESE talab biex ikun hemm enfasi kontinwa fuq dan il-qasam fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u rwol imsaħħaħ għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-imsieħba soċjali fit-twettiq fil-livell lokali (31).

5.13.

Kif spiss huwa l-każ, il-persuni qiegħda fit-tul jistgħu jieħdu l-aktar żmien biex jerġgħu jintegraw hekk kif titjieb il-pożizzjoni tas-suq tax-xogħol. Għal dan se jinħtieġu miżuri speċifiċi bħalma huma t-taħriġ rilevanti fir-rigward tas-suq tax-xogħol flessibbli u s-servizzi ta' gwida għall-impjieg fuq bażi individwali. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni liċ-ċifri għall-ħaddiema skoraġġuti u dawk fil-marġini fl-istatistika tagħna minħabba li dawn spiss jiġu injorati. Suq tax-xogħol li qed jitjieb jista' jattira dawn il-gruppi lura biex ifittxu xogħol attiv iżda jinħtieġu servizzi ta' appoġġ iddedikati u speċifiċi u s-sistemi nazzjonali għandhom jilqgħu din l-isfida; għal darb'oħra hawnhekk l-enfasi fuq l-investiment soċjali jaqdi rwol ewlieni. Il-Qafas ta' Indikaturi tal-Kumitat tal-Impjieg għall-Monitoraġġ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol (32) jintlaqa' bi pjaċir kbir u għandu jibqa' karatteristika tax-xogħol tiegħu u jiġi rivedut mill-EPSCO.

5.14.

Jeħtieġ li fil-linji gwida jissemmew b'mod speċifiku l-ħtiġijiet u s-sitwazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati (33).

5.15.

Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u r-rappreżentazzjoni żejda tan-nisa fi rwoli b'paga baxxa għadhom qed iqajmu tħassib u għandhom jidhru fil-linji gwida lil hinn mill-kwistjoni tal-provvista tax-xogħol. L-azzjoni f'dan il-qasam hija intrinsikament marbuta mal-kunċett ta' xogħol deċenti u introjtu minimu li jeħtieġ li jidhru aktar fil-proċess tal-linji gwida. B'mod simili, hawnhekk l-inizjattivi dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-kura tat-tfal se jkunu importanti. L-Opinjoni reċenti tal-KESE (34) dwar il-proposti tal-Kumissjoni fir-rigward tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tqishom bħala l-ewwel pass importanti. Dan huwa qasam għal azzjoni fil-linji gwida u tabilħaqq fil-Pilastru peress li jinteraġixxu oqsma ta' politika differenti.

5.16.

Il-kwistjonijiet ta' impjieg għall-persuni b'diżabilità issa jitqiesu bħala parti kritika tal-politiki moderni tal-impjieg u r-referenzi għal dawn fil-linji gwida tintlaqa' bi pjaċir, għalkemm huma minimi u jistgħu jissaħħu. Il-KESE jaħdem mill-perspettiva tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) u jemmen li d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (35) hija ċentrali f'dan il-qasam. L-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità (2010 – 2020) tipprovdi qafas ġenerali f'dan il-qasam. Ir-Raba' Parlament Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità enfasizza bosta kwistjonijiet marbutin mal-Pilastru Soċjali u l-impjieg għall-persuni b’diżabilità, fir-riżoluzzjoni reċenti tiegħu dwar il-futur tal-Istrateġija (36). Il-KESE jiġbed ukoll l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE dwar id-diskriminazzjoni li japplikaw għall-gruppi kollha u jwissi kontra li “gruppi vulnerabbli” jiġu assoċjati awtomatikament mal-kunċett tad-diskriminazzjoni.

5.17.

Il-KESE ma jemminx li żieda fl-età legali tal-irtirar se ssolvi l-problemi marbuta mal-isfidi demografiċi. Għandna bżonn inizjattivi li jippromovu l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol u s-solidarjetà interġenerazzjonali, li jkunu appoġġjati minn politiki effettivi tat-tkabbir u l-impjieg. Għandna bżonn politika reali dwar “tixjiħ attiv”, kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, politiki dwar is-saħħa u s-sigurtà u l-ħinijiet tax-xogħol u żieda fil-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja. Għandna bżonn ukoll nagħtu spinta lir-rati ta' impjieg għal nies imdaħħla fiż-żmien, li jieqfu mix-xogħol kmieni minħabba problemi ta' saħħa, l-intensità tax-xogħol, sensji qabel iż-żmien, u nuqqas ta' opportunitajiet għal taħriġ jew dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol (37).

5.18.

L-imsieħba soċjali jeħtieġ li jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol, pereżempju l-adattament tal-postijiet tax-xogħol għall-ħiliet u l-istat tas-saħħa ta' ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien, filwaqt li titqies id-diffikultà ta' ċerti impjiegi, jitjieb l-aċċess għal taħriġ ulterjuri, jiġu evitati aħjar id-diżabilitajiet, jiġi ffaċilitat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u jitneħħew l-ostakli legali jew ostakli oħra għal ħajja tax-xogħol itwal.

5.19.

Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu dwar iż-żieda fl-età għall-irtirar statutorju, li qabel kollox l-età attwali għandha tkun simili għall-età legali (38). Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri billi jindirizza sfidi bħaż-żieda fl-istennija tal-għomor, il-bidliet fis-suq tax-xogħol li jaffettwaw il-finanzjament tal-pensjonijiet u li jiġu żgurati livelli ta’ pensjoni adegwati.

5.20.

Madankollu, il-KESE jemmen li l-iskemi ta' rtirar bikri għandhom jinżammu għall-ħaddiema li ħadmu għal perjodi twal f'impjiegi diffiċli jew perikolużi jew li bdew il-karriera tagħhom kmieni ħafna. Il-KESE ma jappoġġjax mekkaniżmi ta' aġġustament awtomatiku għall-età tal-irtirar, abbażi ta’ stennija tal-għomor itwal jew bidla demografika.

6.   Kwistjonijiet ġenerali

6.1.

Fin-negozjati dwar il-baġit tal-UE li jmiss, hemm bżonn li l-investiment fl-infrastruttura soċjali jiżdied b'mod konsiderevoli minħabba li dan għandu impatti pożittivi multipli fuq is-swieq tax-xogħol kif ukoll fuq il-baġits – kif ġie enfasizzat reċentement mill-Kumitat (39). Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-investimenti fil-kapital uman bħala perċentwal tal-baġit ġenerali, jekk l-UE għandha tilħaq l-għanijiet tagħha stess li tkun żona ekonomika kompetittiva fil-livell globali bi klassifika soċjali AAA, inkluż fil-prijoritajiet tal-impjieg.

6.2.

Hemm bżonn li jiġi mmonitorjat liema tip ta' riformi strutturali implimentaw l-Istati Membri u liema kellhom impatti pożittivi reali fil-qasam tal-impjieg, tal-edukazzjoni u tat-tagħlim tul il-ħajja. Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (40), il-Kummissjoni rreferiet għall-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (41). Il-KESE jilqa’ din l-inizjattiva u jixtieq jara li tiġi pprovduta informazzjoni dwar ir-riformi dwar l-impjieg u l-edukazzjoni li jkunu saru bħala parti minn dan il-programm u l-grad ta’ involviment tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili.

Brussell, il-15 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti: L-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, it-22 ta' Ġunju 2015.

(2)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.

(3)  L-Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjieg 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar L-inugwaljanza fil-ġid fl-Ewropa (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 1), Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 65, ĠU C 434, 15.12.2017, p. 18, ĠU C 71, 24.2.2016, p. 42).

(5)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 38, ĠU C 299, 4.10.2012, p. 115.

(6)  TFUE.

(7)  L-Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjieg 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(9)  Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti.

(10)  L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018.

(11)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10 u l-Opinjoni dwar l-impatt tad-dimensjoni soċjali u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fuq il-Futur tal-UE (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145).

(12)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 68.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar L-impatt tad-dimensjoni soċjali u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fuq il-Futur tal-UE (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145).

(14)  ĠU C 458, 19.12.2014, p. 1, ĠU C 173, 31.5.2017, p. 73.

(15)  Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż.

(16)  Ara l-Preambolu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(17)  Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa.

(18)  Ara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2016 “Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti”.

(19)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 63.

(20)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 68

(21)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.

(22)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11).

(23)  Ara b’mod partikolari (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54).

(24)  Opinjoni tal-KESE dwar Sigurtà soċjali sostenibbli u protezzjoni/l-era diġitali (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7).

(25)  Il-premju rrikonoxxa proġetti eċċezzjonali li jgħinu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni fil-bżonn, bħal dawk bi sfond ta’ migrazzjoni, b’diżabilità, dawk qiegħda fit-tul, nisa maqtugħin mis-suq tax-xogħol, iż-żgħażagħ, kif ukoll persuni li jgħixu fil-faqar. Ara l-paġna web tal-KESE dwar il-Premju tas-Soċjetà Ċivili għall-2017.

(26)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 20.

(27)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.

(28)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar L-inugwaljanza fil-ġid fl-Ewropa, ĠU C 129, 11.4.2018, p. 1, Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 65, ĠU C 434, 15.12.2017, p. 18, ĠU C 71, 24.2.2016, p. 42).

(29)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44).

(30)  Reviżjoni tal-2017 tal-Iżviluppi fl-Impjieg u dawk Soċjali fl-Ewropa (mhux disponibbli bil-Malti).

(31)  ĠU C 268, 14.8.2015, p. 40.

(32)  Qafas ta' Indikaturi tal-EMCO għall-qgħad fit-tul.

(33)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 19.

(34)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44).

(35)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(36)  Forum Ewropew tad-Diżabbiltà (EDF) Riżoluzzjoni dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2020-2030 adottata mir-Raba' Parlament Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità fis-6 ta’ Diċembru 2017; ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità.

(37)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 109.

(38)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 115.

(39)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 91.

(40)  Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(41)  Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali.


Top