Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XR6917

    Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-60 anniversarju mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma

    ĠU C 207, 30.6.2017, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 207/5


    Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-60 anniversarju mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma

    (2017/C 207/02)

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Aħna, il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR):

    1.

    ningħaqdu fiċ-ċelebrazzjoni tal-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma bħala mument kruċjali għal riflessjoni wiesgħa tal-futur tal-Unjoni Ewropea (UE), u ntennu li r-raġuni fundamentali tal-Unjoni hija li tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali, il-paċi, il-prosperità, l-istabbiltà u opportunitajiet ġodda madwar l-UE għaċ-ċittadini kollha tagħha;

    2.

    nappellaw għal Ewropa kapaċi ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini tagħha u li tkun kapaċi tindirizza aħjar l-isfidi li għandna quddiemna kemm fl-UE kif ukoll fuq livell globali, u li tieħu deċiżjonijiet għal azzjoni konġunta fi spirtu ta’ solidarjetà filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    3.

    infakkru li l-identità tal-Ewropa għandha l-għeruq tagħha storikament fir-reġjuni, il-bliet u l-irħula tagħha; u li l-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea qed jiżdied dejjem iżjed f’termini ekonomiċi, kulturali u politiċi;

    4.

    ifakkar li d-distakk bejn iċ-ċittadini u l-UE kien indirizzat 25 sena ilu fit-Trattat ta’ Maastricht li, fost l-oħrajn ħoloq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Madankollu, ir-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali deċentralizzati previst mit-Trattat ta’ Lisbona għad hemm bżonn li jissalvagwardja s-sussidjarjetà u l-parteċipazzjoni fil-proċess leġislattiv Ewropew. Għalhekk huwa importanti ħafna li s-sitwazzjoni attwali tittejjeb fejn spiss l-awtoritajiet lokali għadhom biss f’tarf il-proċess tal-politiki Komunitarji u mhux atturi veri fit-tfassil tagħhom, u speċjalment fl-abbozzar leġislattiv, minkejja l-isforz u l-impenn politiku u istituzzjonali tal-Kumitat tar-Reġjuni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħrajn;

    5.

    nemmnu li, bħala l-assemblea tal-UE għar-rappreżentanti reġjonali u lokali, il-KtR jirrappreżenta l-ideal ta’ Unjoni magħquda fid-diversità kulturali u lingwistika tagħha f’dinja globalizzata; aħna totalment impenjati li nippromovu d-demokrazija Ewropea u ċ-ċittadinanza attiva, li nikkontribwixxu lejn it-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali u l-ħarsien tal-minoritajiet, li nsaħħu s-sigurtà u nippromovu l-ugwaljanza u li jiġi żgurat żvilupp armonjuż u sostenibbli f’konformità mal-objettivi tagħha ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

    6.

    nenfasizzaw il-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ ir-rabta demokratika bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha, billi jiġi żgurat li l-Unjoni tipprovdi soluzzjonijiet effettivi u f’waqthom għall-isfidi komuni ewlenin li l-bliet, ir-reġjuni u l-Istati Membri ma jistgħux jindirizzaw waħedhom, jiġifieri t-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE; it-tisħiħ tal-koeżjoni; li l-UE tkun spazju sikur fejn il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma garantiti għal kulħadd; li ż-żgħażagħ jingħataw prospettivi ġenwini biex jibnu l-futur tagħhom, kemm fl-istudju kif ukoll fix-xogħol; l-indirizzar tal-kriżi tal-migranti u tar-refuġjati; is-salvagwardja taż-Żona ta’ Schengen; l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u r-reżiljenza għad-diżastri; il-promozzjoni ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u l-appoġġ għall-Unjoni tal-Enerġija; it-tisħiħ tar-rwol tal-Unjoni bħala attur globali ewlieni, u b’mod partikolari fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030; il-ġlieda kontra l-qgħad; il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

    7.

    nenfasizzaw li l-erba’ libertajiet tas-Suq Uniku tal-UE, jiġifieri l-moviment liberu ta’ persuni, ta’ servizzi, ta’ merkanzija u ta’ kapital, jirrappreżentaw kisbiet konkreti għaċ-ċittadini tal-UE u element indispensabbli tal-proġett politiku Ewropew; dawn jikkostitwixxu sett indiviżibbli ta’ drittijiet li ma jistax jiġi kkunsidrat biċċa biċċa, inkella aħna nkunu qegħdin nagħtu inqas importanza lill-valuri li jsejsu l-eżistenza nnifisha tal-UE; għaldaqstant nuru tħassib dwar it-tentattivi ta’ ċerti Stati Membri biex jillimitaw l-applikazzjoni tagħhom, speċjalment rigward il-libertà ta’ moviment tal-persuni;

    8.

    intennu, madankollu, li “s-suq uniku” għandu jiżgura wkoll il-progress soċjali u li r-regoli tal-libertajiet prinċipali tal-ekonomija u tal-kompetizzjoni ma jieħdux preċedenza fuq id-drittijiet fundamentali, l-ewwel bil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-faqar u l-qgħad;

    9.

    nikkunsidraw li ċ-ċelebrazzjoni tat-Trattat ta’ Ruma għandha tkun opportunità biex jinkisbu l-parteċipazzjoni diretta, il-ħsieb kritiku u l-interess attiv taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-tiswir tal-futur tal-Unjoni, b’deċiżjonijiet meħuda fil-livell l-iżjed qrib possibbli tagħhom; nemmnu li proċess bħal dan għandu jkun parteċipattiv u rappreżentattiv, fejn iċ-ċittadini kollha jgawdu minn opportunitajiet ugwali biex jipparteċipaw, jikkontribwixxu u jikkommettu għall-Unjoni. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, min-natura tagħhom, huma fis-sitwazzjoni ideali biex imexxu l-proċess ‘il quddiem u jgħinu biex Ewropa taċ-Ċittadini ssir realtà;

    10.

    nemmnu b’mod partikolari li huwa importanti li niksbu stampa ċara tal-aspirazzjonijiet u t-tamiet taċ-ċittadini fir-rigward tal-UE fuq naħa, u t-tħassib u l-frustrazzjonijiet tagħhom min-naħa l-oħra; nilqgħu għalhekk it-tielet Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017 ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta miċ-ċittadini permezz ta’ stħarriġiet u konsultazzjoni pubblika;

    11.

    għaldaqstant, nenfasizzaw li l-UE:

    għandha tkun kapaċi tindirizza l-impatt żbilanċjat tal-globalizzazzjoni fuq ħajjet l-Ewropej billi ssaħħaħ il-prinċipji ta’ Ewropa bbażata fuq il-ġustizzja soċjali, s-saħħa ekonomika u s-solidarjetà;

    għandha tingħata s-setgħa mill-Istati Membri tagħha, bi ftehim mar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, biex taġixxi meta sfidi ewlenin jolqtu lis-soċjetà u ċ-ċittadini, bi strumenti adatti ta’ governanza u mezzi finanzjarji adegwati;

    għandha tiżgura approċċ deċentralizzat fil-komunikazzjoni tagħha, li biha din tinforma dwar il-politiki u l-proċessi tagħha b’mod aċċessibbli filwaqt li tirrelata b’mod ċar ir-rilevanza tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE mar-realtajiet fil-prattika f’partijiet differenti tal-UE; f’dan il-kuntest ir-rwol taċ-ċentri Europe Direct u n-netwerks Ewropej ta’ informazzjoni oħra li jqarrbu l-awtoritajiet reġjonali u lokali huwa kruċjali;

    jeħtieġ ikollha diviżjoni iżjed ċara u trasparenti tar-responsabbiltajiet politiċi, tiżgura r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tagħha u tiggarantixxi l-ftuħ tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet liċ-ċittadini, li jistgħu jimplikaw il-ħtieġa ta’ riformi ulterjuri tat-trattati;

    għandha tanalizza riformi istituzzjonali bl-għan li jiżdied aktar l-involviment tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali, biex jirrifletti aħjar ir-rwol leġislattiv tagħhom fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u fl-iżgurar ta’ governanza demokratika minn isfel għal fuq f’Ewropa taċ-ċittadini, tat-territorji, tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali;

    12.

    fid-dawl tat-tlestija tal-kontribut tagħna għad-diskussjonijiet politiċi li ġejjin dwar il-futur tal-Unjoni, nimpenjaw ruħna li:

    nagħtu bidu għal proċess estensiv ta’ djalogi maċ-ċittadini biex nisimgħu l-fehmiet, il-proposti u t-tħassib tagħhom direttament minn dawk fil-livell l-iżjed bażiku madwar l-UE. Dan il-proċess se jiġi akkumpanjat minn konsultazzjonijiet politiċi li jinvolvu l-assoċjazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u partijiet ikkonċernati oħra madwar l-Istati Membri kollha bil-għan li jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi u prattiċi konkreti għall-isfidi li għandna quddiemna.

    naqsmu r-riżultati ta’ dawn il-proċessi paralleli mal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE bil-għan li jingħata kontribut għal Konvenzjoni futura li tħejji l-bidliet tat-Trattat għall-futur tal-Unjoni Ewropea;

    inżidu l-isforzi għall-promozzjoni tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE u l-valuri komuni tagħna, flimkien mal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

    nesploraw mezzi biex nirrinforzaw aktar id-djalogu mal-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew;

    napprofondixxu d-djalogu u d-diskussjoni mal-Istituzzjonijiet Komunitarji u b’mod partikolari mal-Parlament Ewropew, b’ispirazzjoni minn inizjattivi bħalma huma “It-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta’ Lisbona” jew l-“Evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea” bil-ħsieb li nipproponu sehem iktar attiv u effikaċi għall-Kumitat tar-Reġjuni fl-istadju tat-tfassil tal-leġislazzjoni Komunitarja;

    13.

    nenfasizzaw l-importanza li jiġu żgurati d-drittijiet taż-żgħażagħ madwar l-Ewropa. UE aktar aċċessibbli se trawwem djalogu miftuħ bejn il-popli tal-ġenerazzjonijiet kollha. Fir-rigward tal-prinċipji fundamentali tal-paċi u l-prosperità, UE li tkun risponsiva għandha tindirizza l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ;

    14.

    nagħtu struzzjonijiet lill-President tagħna biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-parlamenti u lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali, kif ukoll lill-gvernijiet lokali.

    Brussell, id-9 ta’ Frar 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    Top