Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC1101(05)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 403, 1.11.2016, p. 14–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 403/14


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2016/C 403/09)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI TAL-ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

    Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

    “PISTACCHIO VERDE DI BRONTE”

    Nru tal-UE: PDO-IT-02144 — 7.6.2016

    DOP ( X ) IĠP ( )

    1.   Grupp applikant u interess leġittimu

    Consorzio Tutela Pistacchio Verde di Bronte DOP [Assoċjazzjoni ta’ Protezzjoni tad-DOP Pistacchio Verde di Bronte]

    Indirizz

    :

    Piazza Nunzio Azzia, 14

    95034 Bronte (CT)

    ITALIA

    Email

    :

    presidente@consorziopistacchioverde.it

    Il-Consorzio Tutela Pistacchio Verde di Bronte D.O.P huwa intitolat li jissottometti applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tal-Ministeru tal-Politika tal-Agrikoltura, l-Ikel u l-Forestrija Digriet Nru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013.

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    L-Italja

    3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

    Isem tal-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Ieħor [aġġornamenti]

    4.   Tip ta’ emenda/i

    Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP reġistrata li ma għandhiex tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP reġistrata li għaliha ma ġiex ippubblikat Dokument Uniku (jew l-ekwivalenti) li ma għandhiex tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    5.   Emenda/i

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Artikolu 6 — Karatteristiċi tal-prodott

    1.

    Il-punti li ġejjin fl-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

    “kulur tal-kotiledoni: aħdar intens; proporzjon tal-klorofilla a għall-klorofilla b: bejn 1,3 u 1,5;”

    “kontenut ta’ umdità: bejn 4 % u 6 %;”

    “il-pistaċċa fiha livell għoli ta’ xaħam monoinsaturat (b’mod predominanti l-aċidu olejku (72 %), segwit mill-aċidu linolejku (15 %) u mill-aċidu palmitiku (10 %)).”

    huma emendati kif ġej:

    “il-kulur tal-kotiledoni: aħdar intens; proporzjon tal-klorofilla a għall-klorofilla b: 1,3 jew iktar;”

    “kontenut tal-umdità 6 % jew inqas;”

    “il-pistaċċa fiha livell għoli ta’ xaħmijiet monoinsaturati (b’mod predominanti aċidu palmitiku 10 % jew aktar; aċidu linolejku 15 % jew aktar, u kontenut tal-aċidu olejku li ma jaqbiżx it-72 %).”

    Il-“Pistacchio Verde di Bronte” huwa differenti b’mod sinfikanti minn tipi oħrajn ta’ pistaċċi minħabba li kapaċi jżomm il-kulur aħdar intens sakemm isir għalkollox, li jiggarantixxi t-togħma ħafifa tiegħu (mhux “ħadranija” jew fenolika). Il-kulur aħdar huwa dovut mhux biss għall-konċentrazzjoni għolja ta’ klorofilli, iżda l-aktar minħabba prevelanza qawwija tal-klorofilla a fuq il-klorofilla b. Aktar kemm ikun għoli l-proporzjon a/b, aktar tkun għolja l-kwalità tal-Pistacchio di Bronte (Bellomo, M. G., u B. Fallico, “Anthocyanins, chlorophylls and xanthophylls in pistachio nuts (Pistacia vera) of different geographic origin.” Journal of Food Composition and Analysis (2007): p. 352-359). Għalhekk, iż-żieda fil-valur massimu ta’ dan il-proporzjon hija meħtieġa sabiex tiġi evitata l-ħela tal-prodott li mhijiex iġġustifikata minn perspettiva kwalitattiva.

    Il-kontenut ta’ umdità tal-pistaċċi tnaqqas biex il-prodott jiġi ssalvagwardjat aħjar kontra l-moffa.

    Il-proporzjon ta’ aċidi grassi huwa influwenzat minn diversi parametri attribwibbli għal-latitudni, il-kompożizzjoni tal-ħamrija u t-tibdil fil-klima; għalhekk huwa meqjus neċessarju, mill-aspett tekniku, li l-perċentwali tal-aċidu palmitiku, linolejiku u olejku jiġu espressi b’mod differenti. Fir-rigward tal-aċidu palmitiku u dak linolejiku, l-emenda tipproponi valur minimu permess (aċidu palmitiku 10 % jew aktar; aċidu linolejiku 15 % jew aktar) u valur massimu għall-aċidu olejku (li ma jaqbiżx it-72 %).

    Metodu tal-produzzjoni

    L-Artikolu 5 — Preparazzjoni tal-art

    2.

    Il-frażi:

    “Għal imsaġar ġodda, il-preparazzjoni tal-art, tinvolvi l-livellar taż-żona kkonċernata biex tiffaċilita l-iskular tal-ilma, ix-xogħol tal-kultivazzjoni u l-fertilizzazzjoni bin-nutrijenti qabel il-kultivazzjoni.”

    għandha tiġi emendata kif ġej:

    “Għal imsaġar ġodda, fejn ikun possibbli l-preparazzjoni tal-art tinvolvi l-livellar taż-żona kkonċernata biex tiffaċilita l-iskular tal-ilma, ix-xogħol tal-kultivazzjoni u l-fertilizzazzjoni bin-nutrijenti qabel il-kultivazzjoni.”

    Din l-emenda tqis il-karatteristiċi tal-art fi msaġar ġodda, fejn mhux dejjem ikun possibbli li l-art titħejja minħabba li din tkun vulkanika jew tkun tinsab fil-Park Nazzjonali tal-Etna.

    L-Artikolu 5 — Regoli tal-kultivazzjoni

    3.

    Il-paragrafu:

    “il-kundizzjonijiet partikolari tal-klima u tal-ħamrija, kif ukoll it-teknika tat-tneħħija taż-żahar ipparttikata fiż-żona tal-produzzjoni tad-DOP ‘Pistacchio Verde di Bronte’, kif deskritti fl-Artikolu 3, iżidu l-varjazzjonijiet naturali f’termini ta’ speċi u jsaħħu l-protezzjoni tal-pjanti.”

    għandu jiġi emendat kif ġej:

    “L-imsaġar għall-produzzjoni tal-‘Pistacchio Verde di Bronte’ jistgħu jiġu kkultivati kif ġej:

    is-sistema konvenzjonali, skont ir-regoli ta’ prattika agrikola tajba tar-Reġjun ta’ Sqallija u/jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

    is-sistema ta’ Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta’ Ħsara, skont ir-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1257/99, kif emendat;

    is-sistema ta’ Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta’ Ħsara, skont ir-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 834/2007, kif emendat;

    L-operatur huwa obbligat li jwettaq:

    żbir annwali;

    kontroll tal-ħaxix ħażin;

    tneħħija taż-żahar matul is-sena li fiha ma ssirx produzzjoni, li permezz tagħha tkun tista’ tiżdied il-varjazzjoni tal-ispeċi u titjieb il-protezzjoni tal-pjanti;

    attivitajiet sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv id-danni avversi kollha, kemm abijotiċi kif ukoll bijotiċi fin-natura.”

    Il-paragrafu t’hawn fuq kif emendat jippermetti iktar preċiżjoni fid-deskrizzjoni tar-regoli ta’ kultivazzjoni permessi fl-ispeċifikazzjoni u tal-prattiki li l-operatur għandu jwettaq fil-qasam.

    4.

    Tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Huwa ppjanat rendiment massimu awtorizzat għal sentejn ta’ 1 700 kg ta’ prodott fil-qoxra, għal kull ettaru.”

    L-inklużjoni tar-rendiment massimu għal kull ettaru ta’ prodott fil-qoxra għandha skop doppju. L-ewwel għandha l-għan li tiskoraġġixxi prattiki agrikoli intensivi li, filwaqt li jżidu l-produzzjoni, jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin il-kwalità tal-prodott. It-tieni huwa li tipprovdi element addizzjonali ta’ kontroll fuq il-produzzjoni tal-“Pistacchio Verde di Bronte” għall-benefiċċju ta’ kontroll akbar ta’ frodi.

    L-Artikolu 5 — Ħsad, ħażna u proċessar

    5.

    Il-frażi:

    “Il-ħsad isir bl-idejn, billi s-siġar jiġu mċaqilqa ‘l quddiem u lura, jew billi l-frott jinġabar bl-użu ta’ basktijiet, filwaqt li tingħata attenzjoni biex jiġi evitat li l-frott jaqa’ mal-art”.

    hija emendata kif ġej:

    “Il-ħsad isir billi s-siġar jiġu mċaqilqa ‘l quddiem u lura jew billi l-frott jinġabar bl-użu ta’ basktijiet, filwaqt li tingħata attenzjoni biex jiġi evitat li l-frott jaqa’ mal-art”.

    Permezz ta’ din l-emenda jista’ jinġabar l-użu ta’ għodod mekkaniċi bħal shakers li jaħdmu b’mutur u vibraturi li jiffaċilitaw il-fażi tal-ġbir mingħajr ma tiġi affettwata l-kwalità tal-prodott.

    6.

    Is-sentenza:

    “Il-prodott fil-qoxra jrid imbagħad jitnixxef minnufih f’xemx diretta jew bl-użu ta’ sistemi oħrajn tat-tnixxif, li jżommu t-temperatura tal-prodott bejn 40 °C u 50 °C, sakemm il-kontenut tal-umdità residwali tal-pistaċċi jkun bejn 4 % u 6 %.”

    għandha tiġi emendata kif ġej:

    “Il-prodott fil-qoxra jrid imbagħad jitnixxef minnufih f’xemx diretta jew bl-użu ta’ sistemi oħrajn tat-tnixxif, li jżommu t-temperatura tal-prodott taħt il-50 °C, sakemm il-kontenut massimu tal-umdità residwali tal-pistaċċi jkun 6 %.”

    L-għażla tat-tnixxif tal-prodott anki f’temperaturi anqas minn 40 °C tippermetti preservazzjoni aħjar tal-kulur tal-pistaċċi.

    Il-bidla fil-valur tissalvagwardja l-prodott aħjar kontra l-moffa u b’hekk jitjieb iż-żmien tal-ħżin tal-prodott.

    7.

    Is-sentenza:

    “Il-prodott niexef għandu jitpoġġa fl-ippakkjar il-ġdid tal-ġuda, karti jew polietilen, f’postijiet xotti u vventilati, sabiex jiġi evitat kuntatt mal-art u l-ħitan.”

    ġiet emendata kif ġej:

    “Il-prodott niexef għandu jitpoġġa fl-ippakkjar il-ġdid skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ u jinħażen f’postijiet xotti u vventilati, sabiex jiġi evitat kuntatt mal-art u l-ħitan.”

    L-emenda hija meħtieġa sabiex jiġi permess l-użu ta’ kontenituri magħmula minn kwalunkwe materjal permess mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

    8.

    Il-frażi:

    “Matul il-perjodu ta’ Marzu–Ottubru skont il-kondizzjonijiet tat-temp, il-prodott fil-forom differenti tiegħu, jiġifieri, fil-qoxra, imfesdaq jew imqaxxar, għandu jinżamm f’temperatura ta’ bejn 13-il grad C u 17-il grad C, jew issiġillat fi ppakkjar f’vakwu jew f’atmosfera modifikata.”

    ġiet emendata kif ġej:

    “Matul il-perjodu ta’ Marzu - Ottubru skont il-kondizzjonijiet tat-temp, il-prodott fil-forom differenti tiegħu, jiġifieri, fil-qoxra, imfesdaq jew imqaxxar, għandu jinżamm f’temperatura ta’ 15-il grad C jew inqas, jew issiġillat fi ppakkjar f’vakwu jew f’atmosfera modifikata.”

    Il-bidla fit-temperatura tal-ħżin tqis it-temperaturi fl-imħażen. B’mod partikolari, jekk il-prodott jitħalla jinħażen f’temperaturi ta‘ 15 °C jew inqas, il-prodott ikun jista’ jiġi ppreservat aħjar u għal perjodi itwal.

    Tikkettar

    L-Artikolu 8 — Ippakkjar u tikkettar

    9.

    Is-sentenza:

    “L-isem tal-imballatur, l-isem u l-indirizz tal-kumpanija għandhom ukoll jidhru fuq l-ippakkjar, kif ukoll l-ismijiet tal-azjendi li mingħandhom ikun ġie l-frott, jekk disponibbli, il-piż gross oriġinali u s-sena tal-produzzjoni.”

    ġiet emendata kif ġej:

    “L-isem tal-imballatur, l-isem u l-indirizz tal-kumpanija għandhom ukoll jidhru fuq l-ippakkjar, kif ukoll l-ismijiet tal-azjendi li mingħandhom ikun ġie l-frott, jekk disponibbli, il-piż nett oriġinali u s-sena tal-produzzjoni.”

    Il-paragrafu ġie allinjat mar-regoli tal-Unjoni dwar it-tikkettar li jeħtieġ li l-piż nett tal-ikel jiġi indikat minflok il-piż gross.

    Aġġornamenti

    Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 510/2006 ġew aġġornati mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    Il-korp ta’ spezzjoni nnominat ġie sostitwit bi: Istituto Zooprofilattico Sperimentale della Sicilia “A. Mirri”, Via G. Marinuzzi 3, 90129 Palermo, Tel. +39 0916565328, Fax +39 0916565437, Email: servizio certificazioni@izssicilia.it

    DOKUMENT UNIKU

    “Pistacchio Verde di Bronte”

    Nru tal-UE: PDO-IT-02144 — 7.6.2016

    DOP ( X ) IĠP ( )

    1.   Isem

    “Pistacchio Verde di Bronte”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    L-Italja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    Id-DOP “Pistacchio Verde di Bronte” hija riżervata għall-prodott fil-qoxra, imfesdaq jew imqaxxar tal-pjanta tal-ispeċi botanika Pistacia vera, varjetà Napoletana, magħrufa wkoll bħala Bianca jew Nostrale, imlaqqma minn Pistacia terebinthus. Huwa permess perċentwal li ma jaqbiżx 5 % tal-pjanti ta’ varjetajiet oħra u/jew ta’ għeruq minn pjanti differenti li mhumiex il-Pistaca terebinthus. Dan il-perċentwal jirreferi għall-pjanti kollha flimkien li hemm fil-pjantaġġuni. Fi kwalunkwe każ il-prodotti li jiġu mill-pjanti ta’ varjetajiet oħrajn, li ma jappartjenux għall-varjetà Napoletana, ikunu esklużi miċ-ċertifikazzjoni.

    Id-DOP “Pistacchio Verde di Bronte” meta jinħareġ għall-konsum għandu jkollu, minbarra l-istandards komuni ta’ kwalità, dawn il-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi: il-kotiledoni ta’ kulur: aħdar skur; proporzjon ta’ klorofilla a/b f’firxa ta’ 1,3 jew iktar; togħma aromatika qawwija, mingħajr traċċa ta’ moffa jew togħmiet barranin; kontenut ta’ umdità ta’ 6 % jew inqas; il-pistaċċi fih livell għoli ta’ xaħmijiet monoinsaturati (preżenza qawwija ta’ aċidu palmitiku ta’ 10 % jew iktar; aċidu linoleiku ta’ 15 % jew iktar, u kontenut ta’ aċidu olejku li ma jaqbiżx it-72 %).

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    It-tkabbir, il-ħsad u l-ipproċessar tal-“Pistacchio Verde di Bronte” jitwettqu fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    Il-prodott jitqiegħed għall-bejgħ f’diversi forom ta’ ppakkjar ġdid, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, fi żmien sentejn mill-ħsad.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Il-“Pistacchio Verde di Bronte” jista’ jinħareġ għall-konsum biss fi ppakkjar bil-logo tad-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta.

    L-ippakkjar għandu jkollu wkoll, b’ittri ċari, li ma jitħassrux u li jintgħarfu faċilment mill-bqija tal-kitba fuq it-tikketta, il-kliem “Pistacchio Verde di Bronte”.

    L-isem tal-imballatur, l-isem u l-indirizz tal-kumpanija għandhom ukoll jidhru fuq l-ippakkjar, kif ukoll l-ismijiet tal-azjendi li mingħandhom ikun ġie l-frott, jekk disponibbli, il-piż nett oriġinali u s-sena tal-produzzjoni.

    L-indikazzjoni tal-ġimgħa tal-ħsad tal-prodott hija fakultattiva. Il-logo tad-DOP jinkludi l-kliem “Denominazione d’Origine Protetta DOP”, bi stampa tal-Muntanja Etna taħtha, u pistaċċa bil-kliem “Pistacchio Verde di Bronte” taħtha.

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Il-“Pistacchio Verde di Bronte” titkabbar fil-muniċipalitajiet ta’ Bronte, Adrano u Biancavilla fil-Provinċja ta’ Katanja bejn 400 m u 900 m mil-livell tal-baħar.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    Iż-żona tal-produzzjoni għandha ħamrija ta’ oriġini vulkanika u klima Mediterranea semiarida u subtropikali, bi sjuf li jdumu u xotti, b’xita kkonċentrata fil-ħarifa u fix-xitwa u b’varjazzjonijiet notevoli fit-temperatura bejn il-jum u l-lejl. Dawn il-fatturi tal-ħamrija u l-klima, flimkien mal-użu tas-siġra tal-batan (Pistacia terebinthus) introdotta mill-bniedem f’din iż-żona, jagħtu lill-frotta l-kwalitajiet partikolari (il-kulur aħdar skur tagħha tipiku għat-territorju, il-forma tawwalija tagħha, it-togħma aromatika tagħha u l-kontenut għoli ta’ xaħmijiet aċidużi monoinsaturati tagħha), li diffiċli jinkisbu f’żoni oħra ta’ produzzjoni jew xi mkien ieħor fuq il-muntanja tal-Etna. Din il-kombinazzjoni partikolari tal-fatturi tal-ħamrija, fatturi klimatiċi u umani tagħti lill-“Pistacchio Verde di Bronte” DOP il-karatteristiċi partikolari li jagħmlu lil dan il-prodott wieħed uniku.

    Fi Sqallija, it-tkabbir tal-“Pistacchio Verde di Bronte” b’mod mifrux beda fil-perjodu tal-ħakma Għarbija (fis-seklu 8 u 9 W.K). Meta l-imperu Ruman waqa’ taħt l-impatt tal-invażjonijiet tal-Barbari, Sqallija ntrebħet mill-Għarab (Berberi mit-Tuneżija, Musulmani, u Suwed tas-Sudan), li ddeskrivew lil Sqallija bħala “il-ġnien tal-Eden”. Kienu proprju l-Għarab li minbarra t-tkabbir tal-lumi, tal-larinġ, taz-zokkor tal-kannamieli, tal-qoton, tal-palmi, tal-papiru u tal-brunġiel, introduċew ukoll it-tkabbir tal-pistaċċi. Sal-lum, il-“Pistacchio Verde di Bronte” huwa l-ingredjent li jikkaratterizza d-diżerti u l-ħelu Sqallin, b’mod partikolari dawk fiż-żona ta’ Katanja.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

    Il-Ministeru nieda l-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għall-emendar tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għad-DOP “Pistacchio Verde di Bronte” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 56 tat-8 ta’ Marzu 2016.

    It-test konsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa disponibbli fuq l-Internet: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

    jew inkella:

    billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit web tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq il-kliem “Prodotti DOP e IGP” (fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u wara jikklikkja fuq il-kliem “Prodotti DOP, IGP e STG” (fin-naħa tax-xellug tal-iskrin) u finalment fuq “Disciplinari di produzione all’esame dell’UE”.


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top