Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016SC0371

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea

SWD/2016/0371 final - 2016/0351 (COD)

Brussell, 9.11.2016

SWD(2016) 371 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea

{COM(2016) 721 final}
{SWD(2016) 370 final}
{SWD(2016) 372 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Il-valutazzjoni tal-impatt dwar bidla possibbli fil-metodoloġija ta’ kalkolu tad-dumping rigward ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (u pajjiżi li m’għandhomx ekonomija tas-suq).

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

Arranġament tranżizzjonali, inklużi f’Taqsima 15 tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO, permess għal metodoloġija speċifika li għandu jintuża biex jiġi kkalkulat id-dumping. Minħabba d-distorsjonijiet eżistenti mifruxa fl-ekonomija Ċiniża, il-prezzijiet Ċiniżi u l-ispejjeż huma meqjusa inaffidabbli u l-marġni tad-dumping huwa kkalkolat fl-investigazzjonijiet tad-Difiża tal-Kummerċ tal-UE (TD) fuq il-bażi ta’ prezzijiet u spejjeż f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq (l-hekk imsejjaħ pajjiż analogu). Wara l-iskadenza ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ taqsima 15 f’Diċembru 2016, jista’ jkun meħtieġ li tinbidel din il-metodoloġija. Madankollu, peress li d-distorsjonijiet fl-ekonomija Ċiniża jkomplu jeżistu, billi jużaw prezzijiet u spejjeż Ċiniżi biex jikkalkulaw id-dumping f’ħafna każijiet jissottovalutaw b’mod sinifikanti l-livell propju ta’ dumping u kwalunkwe miżura imposta fuq din il-bażi ma tkunx effettiva biex tirrimedja l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Dan ikollu impatt negattiv sinifikanti fuq il-kompetittività tal-industrija tal-UE (madwar 50% tal-miżuri TD fis-seħħ jikkonċernaw l-importazzjoni miċ-Ċina). Skont studju indipendenti, id-dazju jista’ jonqos bi 30 punt perċentwali u jpoġġi madwar 200.000 impjieg tal-UE f’riskju.

X’inhu mistenni li tikseb din l-inizjattiva?

L-għanijiet ewlenin huma li tippromwovi l-kummerċ ħieles u ġust u li żżid il-kompetittività u t-tkabbir tal-UE u li toħloq/tippreserva l-impjiegi fl-UE. Għalhekk, filwaqt li jiġu trattati b’mod adegwat l-iskadenzi ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ taqsima 15 tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO, jeħtieġ li tkun żgurata l-effettività kontinwa tat-TDI tal-UE. Għal dan l-għan, ikun xieraq li jiġi pprovdut rispons effikaċi għad-distorsjonijiet persistenti fl-ekonomija Ċiniża u li jiġi żgurat rimedju suffiċjenti biex tiġi kkumpensata l-ħsara kkawżata minn importazzjonijiet innegozzjati b’mod inġust (jiġifieri importazzjonijiet oġġett ta' dumping/issussidjati). Fl-istess ħin għandhom jinżammu rabtiet b’saħħithom maċ-Ċina, ibbażati fuq interessi reċiproċi.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Skont l-Artikolu 5(3) TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax fl-oqsma tal-kompetenza esklussiva tal-UE. Skont l-Artikolu 3.1(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika kummerċjali komuni taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-UE. L-Artikolu 207 tat-TFUE jiddikjara wkoll li “miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ dumping jew sussidji” għandhom ikunu ibbażati fuq il-prinċipji uniformi tal-politika kummerċjali komuni. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax għall-inizjattiva preżenti. L-UE hija obbligata li tiżgura l-konformità ma' obbligi internazzjonali tal-UE.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva tqiesu? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Ġew analizzati u mqabbla l-impatti ta' tlett għażliet politiċi:

-Għażla 1: (ix-xenarju bażi) li ma jikkonsisti mill-ebda bidla fil-politika. Madankollu dan ma jkunx meqjus bħala għażla tipika li ma jsir l-ebda tibdil minħabba li ċerti dispożizzjonijiet ta’ taqsima 15 se jiskadu b’mod definittiv u, għalhekk, il-qafas politiku u legali ser jinbidel.

-Għażla 2: l-applikazzjoni tal-metodoloġija standard tfisser li ċ-Ċina tiġi trattata bl-istess mod bħal kull membru ieħor tad-WTO b’ekonomija tas-suq, u dan idgħajjef b’mod sinjifikanti t-TDI tal-UE.

-Għażla 3: tikkonsisti minn metodoloġija ġdida li tippermetti li jinkisbu b’mod effettiv id-distorsjonijiet tas-suq u iktar tisħiħ tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ. L-għażla sekondarja 3.1 tikkonsisti f’żewġ elementi: dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ distorsjonijiet u perjodi ta’ tranżizzjoni sabiex jiżguraw l-effettività tal-miżuri li diġà jeżistu. L-għażla sekondarja 3.2 tittratta r-regola ta’ dazju inferjuri u l-element ta’ kontra s-sussidji.

Għażla 3 (iż-2 għażliet sekondarji flimkien) hija l-għażla ppreferuta. Hija tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti.

Min jappoġġa liema għażla? 

Xi partijiet interessati (il-biċċa l-kbira mill-industrija) jidhru li jippreferu l-għażla 1 – l-ebda bidla. Madankollu, l-implikazzjonijiet legali u politiċi ta’ din l-għażla jistgħu jkunu konsiderevoli.

Għażla 2 hija appoġġjata minn xi importaturi u operaturi tas-suq. Madankollu, din tista’ ddgħajjef l-istrumenti għad-difiża kummerċjali tal-UE (TDI), tnaqqas il-livelli tad-dazji u b’hekk iżżid il-volumi tal-importazzjoni bi prezzijiet aktar baxxi. Din tnaqqas b’mod sinifikanti l-kompetittività tal-industrija tal-UE u ddaħħal f'riskju numru sinifikanti ta’ impjiegi.

Għażla 3 twieġeb għall-pożizzjoni ta’ bosta partijiet interessati, li jinsistu dwar l-effettività kontinwa tat-TDI, iridu bażi soda legali għalihom, u jippreferu jevitaw id-deterjorament tar-relazzjonijiet maċ-Ċina.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk prinċipali)? 

L-għażla sekondarja 3.1 għandha twassal għal livelli ta’ dazju kemxejn aktar baxx (b’madwar 4%) meta mqabbel mal-metodoloġija attwali. L-għażla sekondarja 3.2 twassal għal żieda ta’ madwar 8% fil-livelli ta’ dazju. Għalhekk, l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żewġ subalternattivi flimkien, mistenni li jkun newtrali. Għalhekk, il-livelli attwali tal-impjieg ser jinżammu. Billi l-impatt makroekonomiku TDI huwa relattivament żgħir (2 sa 5% tal-kummerċ totali maċ-Ċina huwa affettwat minn miżuri ta’ difiża kummerċjali) huwa diffiċli ħafna biex jiġi kkwantifikat kwalunkwe effett ambjentali ta’ bidla fil-metodoloġija. Jista’ jingħad li l-produzzjoni fl-UE hija aktar favur l-ambjent milli fiċ-Ċina u li aktar vjeġġi jkollhom effett negattiv fuq l-emissjonijiet ta’ CO2 u fuq il-marka tal-karbonju.

Il-gruppi benefiċjarji ewlenin huma l-industrija tal-UE u l-impjegati. Il-kompetittività tal-industrija tista' tiġi żgurata/miżjuda u l-impjiegi miżmuma.

X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? 

L-effetti tal-alternattiva 3 huma pjuttost pożittivi. Kull impatt negattiv jista' jinħass minn importaturi/operaturi tas-suq kemxejn ogħla minħabba d-dazji antidumping f’ċerti każijiet meta mqabbel mal-livelli tad-dazji attwali. Madankollu, dan l-impatt negattiv huwa limitat minħabba l-livelli ta’ dazju jiżdiedu biss bi ftit u fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-importaturi u l-operaturi tas-suq ikollhom il-possibbiltà li jaqilbu għal sorsi oħra ta’ provvista (mhux soġġetti għal dazji TD).

M'huma mistennija l-ebda spejjeż ta’ kompatibbiltà taħt l-inizjattiva, għax il-proċess investigattiv (il-ġbir ta’ dejta, kalkoli, eċċ) ma jinbidilx għall-partijiet, meta mqabbel mal-prattika attwali.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

L-SMEs huma affettwati b’mod differenti mit-TDI, skont jekk humiex produtturi, utenti u importaturi/operaturi tas-suq. Prodotti tipiċi suġġetti għal miżuri tat-TD huma prodotti għal utenti industrijali, u l-SMEs u l-mikrointrapriżi spiss mhumiex direttament ikkonċernati. Madankollu, f’ċerti setturi (pereżempju, oġġetti tal-mejda tal-ikel, roti), il-miżuri tat-TD jistgħu jkunu essenzjali għas-sopravvivenza ta’ industrija, li huwa l-każ għall-kumpaniji l-kbar kif ukoll għall-SMEs. Minħabba d-daqs u l-istruttura speċifika tagħhom, l-SMEs għandhom it-tendenza li jkunu iktar vulnerabbli għal tibdil, u b’hekk l-SMEs jistgħu jintlaqtu aktar minn kwalunkwe bidla fil-metodoloġija minn kumpaniji li huma akbar.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

L-ebda impatt sinifikanti m'huwa mistenni f’dan ir-rigward. Kwalunkwe żieda fl-ammont ta’ xogħol għall-awtorità investigattiva (is-servizzi tal-Kummissjoni) minħabba metodoloġija ġdida hija mistennija li titpatta bin-nuqqas ta' użu tal-metodoloġija tal-pajjiż analogu (ma tkunx meħtieġa aktar investigazzjoni u verifika fuq il-post fil-pajjiż analogu).

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Għażla 3 hija mistennija li żżomm/iżżid il-kompetittività tal-industrija tal-UE. Hija tevita wkoll xi żvantaġġi għall-UE meta mqabbla mal-membri l-oħra tad-WTO (eż. l-Istati Uniti u l-Ġappun u li mhumiex mistennija jibdlu l-metodoloġija tagħhom f’dan l-istadju). Dawn il-pajjiżi ser jimponu dazji ogħla mill-UE (li kieku kellha tuża l-metodoloġija standard), li jistà jirriżulta f’devjazzjoni tal-kummerċ lejn l-UE.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Huwa ppjanat li jsir rieżami tal-politika wara ħames snin, li tippermetti żmien biżżejjed biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ dejta sinifikanti.

Top