Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016SC0259

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment ta' sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni

    SWD/2016/0259 final - 2016/0236 (COD)

    Brussell, 7.9.2016

    SWD(2016) 259 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument


    Proposta għal
    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar l-istabbiliment ta' sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni

    {COM(2016) 491 final}
    {SWD(2016) 261 final}


    Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

    Valutazzjoni tal-Impatt dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-UE għal apparat ta' kontroll tal-avjazzjoni

    A. Ħtieġa ta' azzjoni

    X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

    Din l-inizjattiva tindirizza n-nuqqas ta’ suq intern għall-apparat ta' kontroll tal-avjazzjoni. Dan jikkawża ineffiċjenza u jfixkel il-kompetittività tal-manifatturi Ewropej ta’ apparat bħal dan.

    Mingħajr inizjattiva ta’ politika biex tappoġġa il-kompetittività tal-manifatturi Ewropej, l-ishma tagħhom mis-suq globali ċertament li jonqsu.

    X’għandu jinkiseb?

    Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-UE għall-apparat ta' kontroll tal-avjazzjoni u żieda fil-kompetittività globali tal-kumpaniji tal-UE.

    X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?

    L-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, indirizzaw parzjalment din il-problema permezz ta’ ftehim ta' kooperazzjoni mhux vinkolanti għall-iżvilupp ta’ metodoloġiji ta’ ttestjar komuni. Dan il-ftehim madankollu ma joħroġx ċertifikazzjonijiet. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Istati Membri qed jippjanaw sistema ta' ċertifikazzjoni maqbula b’mod reċiproku li hi legalment vinkolanti. Għaldaqstant, hemm bżonn ta' azzjoni tal-UE. L-azzjoni tal-UE żżid il-valur billi l-manifatturi jibbenefikaw minn suq intern u ttejjeb il-kompetittività globali tagħhom.

    B. Soluzzjonijiet

    X’inhuma l-opzjonijiet varji biex jinkisbu l-objettivi? Hemm opzjoni ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

    Ġew żviluppati ħames opzjonijiet ta’ politika:

    1. “Xenarju ta’ referenza”, il-Kummissjoni ma tniedi l-ebda inizjattiva. 2. Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri: 3. “Leġiżlazzjoni” – Proposta leġiżlattiva li tippermetti li l-produtturi jikkummerċjalizzaw u jbigħu l-prodotti tagħhom madwar l-Unjoni, ladarba jiġu ċċertifikati fi Stat Membru wieħed: 3.1. L-"approċċ antik", 3.2. L-"approċċ il-ġdid", 3.3. L-approċċ ċentralizzat".

    L-opzjoni preferita hija n-numru 3.1 "l-approċċ l-antik", li jkollha impatti pożittivi sinifikanti, b’appoġġ wiesa’ fost il-partijiet ikkonċernati kollha.

    X’inhuma l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati differenti? Min jappoġġa liema għażla?

    Il-gruppi tal-partijiet ikkonċernati ma jappoġġaxx l-opzjonijiet 1 u 2. Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati ppreferew l-opzjoni 3.3 segwita mill-qrib minn 3.1 u 3.2. Ħafna gruppi ta’ partijiet ikkonċernati taw tweġiba omoġenja għal dawn il-kwistjonijiet.

    C. Impatti tal-opzjoni ppreferuta

    X'inhuma l-benefiċċji tal-opzjoni ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? 

    Iċ-ċertifikazzjoni tista’ ssir fi Stat Membru wieħed biss. L-azzjoni ta’ politika proposta għandha: żżid l-effiċjenza tas-suq tal-UE, ittejjeb il-moviment liberu tal-merkanzija, ittejjeb l-għażla għall-klijenti, tnaqqas il-piż amministrattiv, ittejjeb iż-żmien sal-ħruġ fis-suq u ttejjeb il-kompetittività tal-manifatturi Ewropej. Dan għandu jwassal għal żieda ġenerali tal-bejgħ għall-manifatturi tal-UE lejn pajjiżi terzi u jżid iċ-ċifri kumplessivi tal-impjiegi fis-settur.

    X'inhuma l-ispejjeż tal-opzjoni ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? 

    It-tnaqqis tal-bżonn li biċċa apparat jew apparat wieħed jiġi ttestjat diversi drabi għandu jwassal għal tnaqqis fl-għadd ta’ testijiet li laboratorju wieħed iwettaq kull sena, li jwassal għal tnaqqis fl-introjtu tal-laboratorji, li madankollu għandu jkun inqas mill-iffrankar tal-ispejjeż tal-produtturi.

    X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u l-kompetittività?

    L-inċertezza legali ta' bħalissa tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni kurrenti żżid l-ispejjeż tal-iżvilupp kif ukoll iż-żmien sal-ħruġ fis-suq ta’ apparat tal-investigazzjoni tal-avjazzjoni. Minħabba r-riżorsi limitati disponibbli għal SME, din hija problema proporzjonalment akbar milli għal kumpanija akbar. Għalhekk huwa mistenni li l-impatti pożittivi tal-opzjoni 3.1 jkunu ogħla għall-SMEs.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

    Le

    Se jkun hemm impatti sinifikanti oħrajn? 

    Le

    D. Segwitu

    Meta se tiġi rieżaminata l-leġiżlazzjoni?

    Kull ħames snin

    Top