Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016SC0153

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol

    SWD/2016/0153 final - 2016/0130 (COD)

    Brussell, 13.5.2016

    SWD(2016) 153 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal
    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol

    {COM(2016) 248 final}
    {SWD(2016) 152 final}


    Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

    Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni biex jiġu identifikati "sustanzi ġġenerati minn proċessi” ġodda u biex jiġu stabbiliti/riveduti Valuri Limitu vinkolanti ta’ Espożizzjoni fuq ix-Xogħol

    A. Il-bżonn ta' azzjoni

    Għaliex? X'inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

    L-espożizzjoni għal xi aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol tista' tikkawża l-kanċer, li fl-UE hija l-akbar kawża ta’ mwiet relatati max-xogħol. Biex tipproteġi lill-ħaddiema kontra riskji bħal dawn, l-UE adottat id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (CMD) li tistabbilixxi l-passi li għandhom jittieħdu biex tiġi eliminata jew limitata l-espożizzjoni għall-aġenti kimiċi karċinoġeniċi u tinkludi Valuri Limitu ta’ Espożizzjoni fuq ix-Xogħol (OEL). Madankollu, is-CMD hija skaduta għax ma tqisx l-evidenza xjentifika disponibbli. Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni xjentifika u ekonomika ta’ 25 aġent kimiku ta’ prijorità li madwar 20 miljun ħaddiem fl-UE huma esposti għalihom. Tlettax (13) minn dawk l-aġenti huma koperti fil-valutazzjoni tal-impatt, u s-settijiet tad-dejta tagħhom huma lesti. L-Istati Membri introduċew l-OELs għal xi wħud minnhom, iżda dawn huma diverġenti ħafna u xi kultant għoljin wisq biex jipproteġu lill-ħaddiema.

    Il-kanċer relatat max-xogħol għandu impatt fuq l-ekonomija inġenerali, billi jnaqqas il-provvista tal-ħaddiema (temporanjament jew b'mod permanenti), inaqqas il-produttività tax-xogħol u jżid il-piż fuq il-finanzi pubbliċi minħabba nfiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa, il-benefiċċji tad-diżabbiltà, il-pensjonijiet għall-irtirar kmieni u benefiċċji oħra li kollha jistgħu jiġu evitati. Għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, il-kanċer ma jirriżultax biss f’telf sostanzjali tal-kwalità tal-ħajja, iżda jsofru wkoll spejjeż diretti għall-kura tas-saħħa u t-telf indirett ta’ qligħ attwali u futur. Għan-negozju, il-kanċer relatat max-xogħol jimplika spejjeż għas-sostituzzjoni tal-istaff, telf fil-produttività u l-ħtieġa li jitħallsu pagi ogħla biex jikkumpensaw għar-riskju ogħla fuq ix-xogħol, li kollha jaffettwaw il-kompetittività.

    X’inhu mistenni li tikseb din l-inizjattiva?

    Din l-inizjattiva għandha tliet għanijiet:

    Għall-ħaddiema tal-UE, tnaqqas l-espożizzjoni fuq ix-xogħol għal aġenti kimiċi karċinoġeniċi

    Iżżid l-effettività tal-qafas tal-UE

    Tiżgura aktar ċarezza u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi

    X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE? 

    Id-differenzi attwali fl-Istati Membri fir-rigward tal-OELs għall-karċinoġeni identifikati ma jipprovdux bażi minima ta’ protezzjoni għall-ħaddiema kollha tal-UE kontra r-riskji li jirriżultaw minn espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Din is-sitwazzjoni toħloq ukoll kundizzjonijiet differenti ta' kompetizzjoni għal xi ditti billi dawk li joperaw fi Stati Membri b’OELs anqas protettivi għandhom vantaġġ kompetittiv. L-azzjoni li tittieħed minn xi Stati Membri waħedhom ma tistax tindirizza dan it-tħassib, u għaldaqstant, biex jintlaħaq dan l-għan, jidher li hemm il-ħtieġa ta' azzjoni fil-livell tal-UE u bi qbil mal-Artikolu 5(3) tat-TUE.

    B. Soluzzjonijiet

    Liema opzjonijiet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm xi għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

    Wara diskussjonijiet ma' xjenzati, impjegaturi, ħaddiema u rappreżentanti tal-Istati Membri ġew żviluppati suġġerimenti għal OELs għal 13-il aġent kimiku. Għal ħafna minnhom, ġew ikkunsidrati wkoll possibilitajiet aktar stretti u anqas stretti. Għal ċerti aġenti (eż. il-komposti tal-kromju (VI), it-trab tal-injam iebes u s-silika kristallina respirabbli (RCS)) ġew identifikati impatti iktar sinifikanti. Għal oħrajn (eż. it-2 nitropropan u l-akrilammid), l-ispejjeż/il-benefiċċji stmati tal-linja bażi (l-ebda azzjoni) u tal-istabbiliment ta’ OEL tal-UE jaqblu ħafna.

    Il-projbizzjoni ta' karċinoġeni mill-post tax-xogħol kienet ikkunsidrata iżda twarrbet għaliex tqieset sproporzjonata. Filwaqt li r-REACH u s-CMD huma kumplimentari, l-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol għal karċinoġeni kimiċi tista' tiġi rregolata b'mod effiċjenti ħafna permezz tas-CMD. L-iffissar ta' OELs speċifiċi għas-settur, għall-industrija jew għall-użu kellu jitwarrab billi l-qafas legali attwali ma jipprovdix bażi legali għal tali dispożizzjonijiet. Tqiesu wkoll opzjonijiet tal-politika mhux leġiżlattivi, bħalma huma l-iżvilupp ta’ gwida u ta’ appoġġ ieħor għall-implimentazzjoni għal CMD jew id-dipendenza fuq l-awtoregolamentazzjoni. Madankollu, ġie deċiż li dawn il-miżuri waħedhom mhux se jkunu kapaċi jikkontribwixxu b’mod sostanzjali biex jissolvew il-problemi identifikati. Iċ-ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati tista' tinkiseb l-aħjar permezz ta' elenkar ċar tal-aġenti kimiċi skont is-CMD flimkien mal-OELs li jippermetti l-amministrazzjoni tar-riskju tal-espożizzjoni okkupazzjonali għal karċinoġeni kimiċi.

    Min jappoġġja d-diversi opzjonijiet? 

    Is-sħab soċjali u l-Istati Membri, irrappreżentati fil-Kumitat Konsultattiv dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, jappoġġjaw l-inklużjoni tal-RCS fil-lista ta' CMD ta’ sustanzi ġġenerati minn proċess u l-adozzjoni tal-OELs fil-valuri li jirrakkomandaw. B’mod ġenerali, meta l-pożizzjonijiet kienu diverġenti, il-ħaddiema insistew għal valuri tal-OEL anqas (aktar “protettivi”) filwaqt li l-impjegaturi riedu valuri ogħla (irħas biex iġu implimentati). L-inklużjoni ta’ RCS bħala karċinoġenu okkupazzjonali ġġenerat minn proċess ħolqot tħassib għal xi setturi tal-industrija kemm minħabba l-istandard tal-ġestjoni tar-riskju li jista’ jinvolvi kif ukoll minħabba l-istigmatizzazzjoni tal-ekwivalenti fi kwantitajiet kbar (jiġifieri ramel u prodotti tas-silika oħrajn) li "jikkawżaw il-kanċer". Dawn il-fatturi huma diskussi fl-analiżi.

    C. L-impatti tal-opzjoni ppreferuta

    X’inhuma l-benefiċċji tal-opzjoni ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)?

    Il-benefiċċji tal-opzjonijiet ta’ politika miżmuma se jikkonsistu fi tnaqqis sostanzjali ta’ każijiet ta’ kanċer u mwiet relatati max-xogħol. Stima konservattiva tikkonkludi li jistgħu jiġu salvati madwar 100,000 ħajja bħala riżultat tal-inizjattiva. Il-ħaddiema u l-familji tagħhom se jesperjenzaw inqas telf fil-kwalità tal-ħajja ikkawżat minn kanċer relatat max-xogħol. Se jiġu ffrankati wkoll xi spejjeż individwali diretti u indiretti fil-kura tas-saħħa b'rabta mal-kanċer. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali se jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ispejjeż tat-trattament tal-kanċer, flimkien ma’ tnaqqis fin-nefqa assoċjata ma' waqfien mill-attività/irtirar kmieni u l-kumpens għal mard okkupazzjonali. Huwa probabbli li l-impjegaturi jibbenefikaw minn tnaqqis fit-telf tal-produttività, li jirriżulta minn telf ta’ ħaddiema minħabba mard marbut max-xogħol tagħhom u l-ispejjeż tas-sostituzzjoni ta' dawn il-ħaddiema. Studju mwettaq f’isem is-servizzi tal-Kummissjoni, juri li l-benefiċċji ewlenin huma mistennija mill-introduzzjoni tal-OEL f’livell ta’ 0.1 mg/m³ għall-RCS u f’livell ta’ 0.025 mg/m³ għall-komposti tal-kromju (VI). Fir-rigward tal-RCS huwa mistenni li matul il-perjodu 2010–69, madwar 99,000 każ ta' kanċer se jiġu evitati, li jikkorrispondu għal valur monetarju bejn EUR 34 biljun u EUR 89 biljun. Rigward il-kromju (VI), l-opzjoni ppreferuta se twassal għal madwar 1,800 każ evitat matul l-istess perjodu (EUR 591 miljun — EUR 1,7 biljun). Il-benefiċċji monetarji ewlenin fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ OEL skont l-opzjoni miżmuma għall-aġenti l-oħrajn huma: It-trab tal-injam iebes (EUR 12–54 miljun); Il-klorur tal-vinil (EUR 1–4 miljuni); L-o-Toluwidina (EUR 1.3–10.1 miljun); L-idrażina (EUR 0.01–0.05 miljun); Il-fibri taċ-ċeramika refrattarji (EUR 1.1–3.4 miljun).

    X'inhuma l-ispejjeż tal-opzjoni ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)?

    Għal xi karċinoġeni, l-opzjoni miżmuma se taffettwa l-ispejjeż operatorji għal intrapriżi li se jkollhom idaħħlu fis-seħħ miżuri preventivi u protettivi addizzjonali. B'mod partikolari, dan se jkun il-każ għall-komposti tal-kromju (VI) u l-RCS. Fir-rigward tal-RCS, l-ispejjeż għall-industrija għal investiment li jantiċipa biex tikkonforma ma’ livell ta’ espożizzjoni ta’ 0.1 mg/m³ huma stmati li se jkunu EUR 3.5 biljun sal-2069. Għall-karċinoġeni l-oħra, l-impatt fuq l-ispejjeż operatorji għan-negozji (inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) se jkunu minimi billi se jkunu meħtieġa biss aġġustamenti żgħar biex jiżguraw konformità sħiħa. Il-pakkett tal-opzjonijiet miżmuma mhux se jimponi obbligi ta’ informazzjoni addizzjonali jew iwassal għal żieda fil-piżijiet amministrattivi fuq l-intrapriżi u probabbilment ma jiġġenera l-ebda spejjeż ambjentali sinifikanti.

    Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

    In-negozji se jibbenefikaw minn aktar ċarezza u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni. Għal ħafna mill-aġenti koperti f’din il-valutazzjoni tal-impatt, diġà jeżistu OELs fil-livell nazzjonali (uħud b’valuri differenti bejn l-Istati Membri). L-iffissar tal-OELs previsti f’din l-inizjattiva m’għandux ikollu impatt fuq dawk in-negozji li jinsabu f’dawk l-Istati Membri tal-UE fejn l-OELs nazzjonali huma l-istess jew anqas (aktar stretti) mill-valuri proposti. Ma kienu previsti l-ebda reġimi eħfef għall-SMEs, li mhumiex eżonerati mill-obbligi tas-CMD billi dan jista’ jwassal għat-trattament mhux ugwali fil-protezzjoni tal-ħaddiema skont id-daqs tal-kumpanija. L-impatt ewlieni f’sitwazzjonijiet fejn huma mistennija li jseħħu espożizzjonijiet ogħla se jkun għal SMEs fejn il-ħaddiema huma esposti għall-RCS u għall-kromju (VI).

    Se jkun hemm impatti sinifikanti  fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

    Filwaqt li s-sitwazzjoni attwali timponi spejjeż ekonomiċi sostanzjali fuq il-ħaddiema minħabba l-espożizzjoni tagħhom għal sustanzi perikolużi, l-opzjoni miżmuma se ttaffi wkoll l-effetti ta' telf finanzjarju fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri. L-ispejjeż amministrattivi u ta’ infurzar għall-amministrazzjonijiet pubbliċi se jkunu differenti skont l-istatus attwali ta’ kull aġent kimiku f’kull Stat Membru, iżda mhux mistennija li jkunu sinifikanti. Barra minn hekk, l-iffissar tal-OELs tal-UE se jillimitaw il-ħtieġa li titwettaq analiżi xjentifika separatament mill-Istati Membri.

    Se jkun hemm xi impatti oħra sinifikanti?

    L-implimentazzjoni tal-opzjoni miżmuma se jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern. L-OELs għall-UE kollha għall-aġenti kkonċernati minn din l-inizjattiva se jnaqqsu t-tfixkil fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri b’OELs nazzjonali differenti. Barra minn hekk, billi l-OELs proposti huma simili għal dawk prevalenti fil-parti l-kbira tas-sħab kummerċjali tal-UE, m’għandux ikun hemm impatt sinifikanti fuq il-kompetittività esterna tal-impriżi tal-UE. L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali huwa pożittiv - b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 2 (Id-dritt għall-ħajja) u l-Artikolu 31 (Id-dritt ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi u ġusti li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tagħhom).

    D. Segwitu

    Meta se jsir rieżami tal-politika?

    L-effettività tar-reviżjoni proposta tas-CMD se titkejjel fil-qafas tal-evalwazzjoni li jmiss tal-qafas tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OSH) kif previst fl-Artikolu 17a tad-Direttiva 89/391/KEE. Għandu jiġi nnutat li sadanittant, il-mekkaniżmi tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jistgħu jiġu modifikati bħala riżultat tal-evalwazzjoni ex-post li għadha għaddejja tal-acquis tal-OSH (li jkopri l-perjodu 2007–2012).

    Top