IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.11.2016
COM(2016) 721 final
2016/0351(COD)
EMPTY
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea
{SWD(2016) 370 final}
{SWD(2016) 371 final}
{SWD(2016) 372 final}
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Il-proposta tkopri emendi mmirati għar-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament Antidumping Bażiku) u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament Antisussidji Bażiku).
1.1.Emendi għar-Regolament Antidumping Bażiku
1.1.1.Determinazzjoni tal-valur normali fil-preżenza ta' distorsjonijiet fis-suq
L-Artikoli minn 2(1) sa 2(7) tar-Regolament Antidumping Bażiku jistipulaw il-bażi li fuqha l-valur normali għandu jiġi determinat. Iċ-ċirkostanzi prevalenti f'ċerti pajjiżi li huma Membri tad-WTO u l-esperjenza miġbura mill-każistika jagħmlu xieraq li tiġi emendata l-metodoloġija użata biex jiġu determinati l-valur normali u l-marġni antidumping għall-pajjiżi kkonċernati, b'mod partikolari dawk attwalment suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(b) u (c).
Bħala riżultat, il-Kummissjoni tipproponi li temenda l-Artikolu 2(7) u tintroduċi dispożizzjoni ġdida, jiġifieri l-Artikolu 2(6)a għal pajjiżi membri tad-WTO.
(a)
Valur normali għal Membri tad-WTO
Għall-membri tad-WTO, il-valur normali huwa normalment determinat fuq il-bażi tal-prezzijiet domestiċi tal-prodott simili jew fuq il-bażi ta' valur normali maħdum.
Hemm ċirkostanzi madankollu meta l-prezzijiet u l-ispejjeż domestiċi ma jipprovdux bażi raġonevoli biex jiġi determinat il-valur normali. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, meta l-prezzijiet jew l-ispejjeż ma jkunux ir-riżultat ta' forzi tas-suq ħieles għaliex huma affettwati minn intervent tal-gvern. Kunsiderazzjonijiet rilevanti f'dan ir-rispett jinkludu, pereżempju, il-fatt li s-suq inkwistjoni huwa sa ċertu punt servut minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni ta' politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur; il-preżenza tal-istat f'ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew spejjeż; l-eżistenza ta' politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur ta' fornituri domestiċi jew forzi tas-suq ħieles li jinfluwenzaw mod ieħor; u l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta' ordni pubblika.
F'ċirkostanzi bħal dawn, ma jkunx xieraq li jintużaw prezzijiet u spejjeż domestiċi biex jiġi determinat il-valur li bih il-prodott simili jinħtieġ li jinbigħ normalment ("il-valur normali") u dispożizzjoni ġdida (l-Artikolu 2(6)a) jistipula li l-valur normali għandu minflok ikun maħdum fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni u l-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew punti ta' riferiment mingħajr distorsjoni. Għal dan il-għan, is-sorsi li jistgħu jintużaw jinkludu prezzijiet, spejjeż, jew punti ta' riferiment internazzjonali mingħajr distorsjoni jew spejjeż korrispondenti ta' produzzjoni u bejgħ f'pajjiż rappreżentattiv xieraq b'livell simili ta' żvilupp ekonomiku bħall-pajjiż esportatur.
Din il-metodoloġija tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi u tkejjel il-kobor reali ta' dumping prattikat f'kundizzjonijiet tas-suq normali mingħajr distorsjonijiet.
Għal raġunijiet ta' trasparenza u effiċjenza, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom l-għan li joħorġu rapporti pubbliċi li jiddeskrivu s-sitwazzjoni speċifika dwar iċ-ċirkostanzi tas-suq fi kwalunkwe pajjiż jew settur. Ta' importanza hu li, l-industrija tal-UE tkun f'pożizzjoni li tiddependi fuq u tirreferi għall-informazzjoni li tinsab f'dawn ir-rapporti meta tallega f'ilment jew talba għal rieżami li l-prezzijiet u l-ispejjeż domestiċi fil-pajjiż esportatur mhumiex xierqa biex jiddeterminaw il-valur normali. Tali rapporti u l-evidenza li fuqha huma bbażati wkoll jiġu mpoġġija fuq il-fajl ta' kull investigazzjoni rigward dak il-pajjiż jew settur biex il-partijiet interessati kollha jkunu f'pożizzjoni li jesprimu l-ħsibijiet u l-kummenti tagħhom.
(b)Valur normali għal dawk li mhumiex membri tad-WTO
Għal dawk il-pajjiżi li fid-data tal-bidu, mhumiex Membri tad-WTO u elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/755 tad-29 ta' April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi, il-valur normali se jkun determinat fuq il-bażi tal-metodoloġija tal-pajjiż analogu kif stipulat mill-Artikolu 2(7) kif emendat.
1.1.2.Tranżizzjoni mis-sistema attwali għal dik ġdida
Il-proposta tintroduċi dixxiplini speċifiċi li jiżguraw li d-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida jsir b'mod ordnat u trasparenti u ma joħloqx inċertezza tad-dritt għal każijiet attwali jew jaffettwa indebitament miżuri eżistenti.
B'hekk, il-proposta tagħmilha ċara li s-sistema l-ġdida tapplika biss għal każijiet mibdija mad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet emendati. Kull investigazzjoni antidumping għaddejja fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tibqa' rregolata mid-dixxiplini attwali.
Rigward il-miżuri eżistenti, il-Kummissjoni tqis li l-introduzzjoni kbira tad-dixxiplini ġodda ma tikkostitwixxix biżżejjed raġunijiet biex jiġu rieżaminati tali miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Antidumping Bażiku. Tabilħaqq, ir-rieżamijiet tal-miżuri eżistenti jinħtieġ li jsiru biss jekk u meta ċ-ċirkostanzi fattwali tal-esportaturi kkonċernati, minflok id-dixxiplini legali li huma suġġetti għalihom, ikunu nbidlu sa tali punt li l-livell attwali tal-miżuri juri li ma għadux xieraq. Barra minn hekk, jekk rieżami jinbeda bħala riżultat ta' bidla oġġettiva fiċ-ċirkostanzi ta' esportatur, ir-rieżami xorta jkun jista' jsir fuq il-bażi tal-metodoloġija attwali jekk iċ-ċirkostanzi speċifiċi li jkunu wasslu għall-applikazzjoni tal-metodoloġija attwali, inkluża l-metodoloġija bbażata fuq l-Artikoli 2(7)(a) u 2(7)(b), ma nbidlux. Jekk iċ-ċirkostanzi fattwali li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' metodoloġija ma nbidlux, il-valur normali u l-marġni ta' dumping jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-istess metodoloġija bħala dik li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżura suġġetta għal rieżami. Dan jiġi ċċarat fl-Artikolu 11(9) tar-Regolament antidumping bażiku u huwa neċessarju biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn essenzjalment l-istess ċirkostanzi jwasslu għal sahra tal-applikazzjoni ta' żewġ metodoloġiji differenti.
Barra minn hekk, il-proposta tipprevedi li, fil-każ ta' tranżizzjoni minn valur normali kkalkulat skont l-Artikoli 2(7)(a) jew 2(7)(b) għal valur normali kkalkulat skont il-paragrafi minn 1 sa 6a tal-Artikolu 2, il-perjodu raġonevoli ta' żmien previst fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Antidumping Bażiku għandu jitqies li jiskadi fid-data li fiha jinbeda l-ewwel rieżami ta' skadenza wara tali tranżizzjoni.
L-istess approċċ jinħtieġ li japplika fir-rigward ta' rieżamijiet ġodda li jkunu saru skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Antidumping Bażiku.
1.2.Emenda għar-Regolament Antidumping Bażiku
Il-Kummissjoni tqis li huwa wkoll essenzjali li r-Regolament antidumping bażiku jista' juża l-effettività sħiħa tiegħu. F'dan ir-rigward, l-esperjenza turi li l-kobor reali tas-sussidjar mhux dejjem ikun evidenti fiż-żmien tal-bidu. Ħafna drabi, esportaturi investigati jinsabu li jibbenefikaw minn sussidji li l-eżistenza tagħhom ma setgħetx tkun magħrufa raġonevolment qabel it-twettiq tal-investigazzjoni. Madankollu, dawk is-sussidji jipprovdu b'mod ċar benefiċċju mhux ġust lill-esportaturi kkonċernati, li jippermettilhom ibigħu bi prezzijiet dannużi lis-suq tal-UE.
Għalhekk huwa essenzjali li tali sussidji jkunu maqbuda b'mod adegwat fl-analiżi finali u l-livell ta' dazju impost.
Għal dan il-għan u għal raġunijiet ta' proċess u trasparenza dovuti, il-proposta tikkjarifika li, meta s-sussidji jinstabu matul kull investigazzjoni jew rieżami, il-Kummissjoni toffri konsultazzjonijiet addizzjonali lill-pajjiż ta' oriġini u / jew esportazzjoni kkonċernat fir-rigward ta' tali sussidji identifikati matul l-investigazzjoni. F'dawn is-sitwazzjonijiet, il-Kummissjoni tibgħat lill-pajjiż ta' oriġini u / jew esportazzjoni sommarju tal-elementi prinċipali dwar dawn is-sussidji l-oħrajn sabiex tiżgura konsultazzjonjiet sinifikanti.
2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
2.1.Konsultazzjoni tal-partijiet interessati
Il-partijiet interessati kkonċernati minn din il-proposta kellhom l-opportunità jipparteċipaw fil-Konsultazzjoni pubblika mwettqa minn Frar sa April 2016. Sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika kien ippubblikat bħala parti mill-Valutazzjoni tal-Impatt flimkien ma' din il-proposta leġiżlattiva. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tinsab fuq il-websajt tad-DG Trade.
2.2.Ġbir u użu tal-kompetenzi
Studju indipendenti dwar l-impatt ta' numru ta' għażliet biex jiġi indirizzat il-mod kif il-valur normali huwa kkalkulat fil-każ ta' importazzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex ekonomiji tas-suq ġie finalizzat f'Mejju 2016 u ġie ppubblikat fuq il-websajt tad-DG Trade fl-istess ħin tal-proposta leġiżlattiva.
2.3.Valutazzjoni tal-Impatt
Filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, l-istudju indipendenti u l-prattika estensiva tal-Kummissjoni fl-użu tal-istrumenti twettqet valutazzjoni tal-impatt fir-Rebbiegħa tal-2016. Il-valutazzjoni tal-impatt analizzat għażliet varji. Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt qies ir-rapport f'Ġunju 2016 u ta opinjoni favorevoli suġġetta għal xi reviżjonijiet għar-rapport. Ir-rapport ġie rivedut u finalizzat minn dak iż-żmien 'il hawn. Is-soluzzjonjiet preferuti jifformaw il-bażi għal din il-proposta.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA
3.1.Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolamenti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.
Din il-proposta temenda r-Regolament (UE) 2016/1036 u r-Regolament (UE) 2016/1037.
3.2.Il-Prinċipju tas-Sussidjarjetà
Skont l-Artikolu 3(1)(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-proposta taqa' fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax.
3.3.Il-Prinċipju tal-Proporzjonalità
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
3.4.Għażla ta' strumenti
Strument propost: Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni li ġejja: Regolament irid jiġi emendat minn Regolament.
4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Mhux applikabbli.
5.ELEMENTI FAKULTATTIVI
Mhux applikabbli.
2016/0351 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Bir-Regolament (UE) 2016/1036 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw regoli komuni għall-protezzjoni kontra importazzjonijiet oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni.
(2)L-Artikoli 2(7)(a) u 2(7)(b) tar-Regolament (UE) 2016/1036 jistipulaw il-bażi li fuqha jinħtieġ li jiġi determinat il-valur normali fil-każ ta' importazzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex ekonomiji tas-suq. Bil-ħsieb ta' żviluppi fir-rigward ta' ċerti pajjiżi li huma Membri tad-WTO, huwa xieraq li, għal dawn il-pajjiżi, il-valur normali jinħtieġ li jiġi determinat fuq il-bażi tal-paragrafi minn 1 sa 6a tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/1036, b'effett mid-data li fiha dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Fil-każ ta' pajjiżi li, fid-data tal-bidu, mhumiex Membri tad-WTO u elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/755, il-valur normali jinħtieġ li jiġi determinat fuq il-bażi tal-paragrafu 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/1036, kif emendat minn dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament jinħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju biex jistabbilixxi jekk Membru tad-WTO huwiex ekonomija tas-suq.
(3)Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fi proċedimenti tal-passat, huwa xieraq li jiġu ċċarati ċ-ċirkostanzi li fihom id-distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw b'mod konsiderevoli l-forzi tas-suq ħieles jistgħu jitqiesu li jeżistu. B'mod partikolari, huwa xieraq li jiġi ċċarat li din is-sitwazzjoni tista' titqies li teżisti, inter alia, meta prezzijiet jew spejjeż irrappurtati, inklużi l-ispejjeż ta' materji primi, ma jkunux ir-riżultat ta' forzi tas-suq ħieles għax huma affettwati minn intervent tal-gvern. Huwa wkoll xieraq li jiġi ċċarat li meta jitqies jekk tali sitwazzjoni teżistix jew le fir-rigward ta', inter alia, l-impatt potenzjali tas-segwenti: is-suq inkwistjoni huwa sa punt sinifikanti servut minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni ta' politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur; il-preżenza tal-istat f'ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew spejjeż; politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur ta' fornituri domestiċi jew forzi tas-suq ħieles li jinfluwenzaw mod ieħor; u l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta' ordni pubblika. Huwa wkoll xieraq li jintqal li s-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu joħorġu rapport li jiddeskrivi sitwazzjoni speċifika dwar dawn il-kriterji f'ċertu pajjiż jew ċertu settur; tali rapport u l-evidenza li fuqha huwa bbażat jistgħu jitqiegħdu fuq il-fajl ta' kull investigazzjoni relatata ma' dak il-pajjiż jew settur; u li l-partijiet interessati jinħtieġ li jkollhom biżżejjed opportunità biex jikkummentaw fuq ir-rapport u l-evidenza li fuqha huwa bbażat f'kull investigazzjoni li fiha jintużaw tali rapport jew evidenza.
(4)Huwa xieraq ukoll li jitfakkar li l-ispejjeż normalment jinħtieġ li jiġu kkalkulati fuq il-bażi tar-rekords miżmuma mill-esportatur jew produttur taħt investigazzjoni. Madankollu, fejn hemm distorsjonijiet sinifikanti fil-pajjiż esportatur bil-konsegwenza li l-ispejjeż riflessi fir-rekords tal-parti kkonċernata huma artifiċjalment baxxi, tali spejjeż jistgħu jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq kull bażi raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq rappreżentattivi oħrajn jew minn prezzijiet jew punti ta' riferiment internazzjonali. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fi proċedimenti tal-passat, huwa xieraq li jiġi ċċarat ukoll li, għall-għanijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-regolament, jinħtieġ li tiġi kkunsidrata kif dovut l-evidenza kollha rilevanti, inklużi r-rapporti ta' valutazzjoni rilevanti rigward iċ-ċirkostanzi prevalenti fuq is-suq domestiku tal-produtturi esportaturi u l-evidenza li fuqha huma bbażati, li tpoġġiet fuq il-fajl, u li fuqha l-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw.
(5)Huwa xieraq ukoll li jiġi mfakkar li, fir-rigward tal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali u li għandha tintuża fl-investigazzjoni ta' rieżami, japplika l-Artikolu 11(9) tar-Regolament (UE) 2016/1036. F'dan il-kuntest, huwa xieraq li jiġi ċċarat ukoll li, meta jiġi eżaminat jekk hemmx indikazzjoni li ċ-ċirkostanzi nbidlu, jinħtieġ li tiġi kkunsidrata kif dovut l-evidenza kollha rilevanti, inklużi r-rapporti ta' valutazzjoni rilevanti rigward iċ-ċirkostanzi prevalenti fuq is-suq domestiku tal-produtturi esportaturi u l-evidenza li fuqha huma bbażati, li tpoġġiet fuq il-fajl, u li fuqha l-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw.
(6)Fin-nuqqas ta' regoli tranżizzjonali speċifiċi oħrajn li jirregolaw il-kwistjoni, huwa xieraq li jiġi pprovdut għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għad-deċiżjonijiet kollha dwar il-bidu tal-proċedimenti, u għall-proċedimenti kollha, inklużi l-investigazzjonijiet oriġinali u l-investigazzjonijiet ta' rieżami, mibdija, fid-data li fiha dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ jew wara, suġġett għall-Artikolu 11(9) tar-Regolament (UE) 2016/1036. Barra minn hekk, bir-regola tranżizzjonali speċifika, u wara li jkun ġie kkunsidrat in-nuqqas ta' kull regola tranżizzjonali speċifika li tirregola l-kwistjoni, huwa xieraq li jiġi previst li, fil-każ ta' tranżizzjoni minn valur normali kkalkulat skont l-Artikoli 2(7)(a) jew 2(7)(b) għal valur normali kkalkulat skont il-paragrafi minn 1 sa 6a tal-Artikolu 2, il-perjodu raġonevoli ta' żmien previst fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 jinħtieġ li jitqies li jiskadi fid-data li fiha jinbeda l-ewwel rieżami ta' skadenza wara tali tranżizzjoni. Bil-ħsieb ta' tnaqqis tar-riskju ta' ċirkomvenzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-istess approċċ jinħtieġ li japplika fir-rigward tar-rieżamijiet imwettqa skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036. Huwa xieraq ukoll li jiġi mfakkar li tranżizzjoni minn valur normali kkalkulat skont l-Artikoli 2(7)(a) jew 2(7)(b) għal valur normali kkalkulat skont il-paragrafi minn 1 sa 6a tal-Artikolu 2 minnu nnifsu ma jikkostitwixxix biżżejjed evidenza fit-tifsira tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036. Tali regoli tranżizzjonali jinħtieġ li jneħħu nuqqas li kieku jirriskja li joħloq inċertezza tad-dritt, jinħtieġ li jipprovdu opportunità raġonevoli għall-partijiet interessati biex jadattaw ruħhom għall-iskadenza ta' regoli antiki u d-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda, u jinħtieġ li jiffaċilitaw l-amministrazzjoni effiċjenti, ordnata u ekwa tar-Regolament (UE) 2016/1036.
(7)Bir-Regolament (UE) Nru 2016/1037, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw regoli komuni għall-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea. L-esperjenza uriet li l-kobor reali tas-sussidjarjetà ġeneralment jiġi skopert matul l-investigazzjoni rilevanti. B'mod partikolari, frekwentament jiġri li l-esportaturi investigati jinsabu li jibbenefikaw minn sussidji li l-eżistenza tagħhom ma setgħetx tkun magħrufa raġonevolment qabel it-twettiq tal-investigazzjoni. Huwa importanti li jiġi ċċarat li, meta tali sussidji jinstabu matul kull investigazzjoni jew rieżami, il-Kummissjoni jinħtieġ li toffri konsultazzjonijiet addizzjonali lill-pajjiż ta' oriġini u / jew esportazzjoni kkonċernat fir-rigward ta' tali sussidji identifikati matul l-investigazzjoni. Fin-nuqqas ta' regoli tranżizzjonali speċifiċi oħrajn li jirregolaw il-kwistjoni, huwa xieraq li jiġi pprovdut għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għad-deċiżjonijiet kollha dwar il-bidu tal-proċedimenti, u għall-proċedimenti kollha, inklużi l-investigazzjonijiet oriġinali u l-investigazzjonijiet ta' rieżami, mibdija, fid-data li fiha dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ jew wara.
(8)Ir-Regolament (UE) 2016/1036 u r-Regolament (UE) 2016/1037 għalhekk jinħtieġ li jiġu emendati skont dan,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) 2016/1036 huwa emendat kif ġej:
(1)Fl-Artikolu 2 jiddaħħal il-paragrafu 6a li ġej:
"6a.
(a) Fil-każ li jiġi determinat, meta tiġi applikata din id-dispożizzjoni jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti ta' dan ir-Regolament, li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza ta' distorsjonijiet sinifikanti, il-valur normali għandu jiġi maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew punti ta' riferiment mingħajr distorsjoni. Għal dan il-għan, is-sorsi li jistgħu jintużaw jinkludu prezzijiet, kostijiet, jew punti ta' riferiment internazzjonali mingħajr distorsjoni, jew kostijiet korrispondenti ta' produzzjoni u bejgħ f'pajjiż rappreżentattiv xieraq b'livell simili ta' żvilupp ekonomiku bħall-pajjiż esportatur, sakemm id-data tal-kost rilevanti tkun disponibbli. Il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti.
(b) Distorsjonijiet sinifikanti għall-prodott ikkonċernat skont il-punt (a) jistgħu jitqiesu li jeżistu, inter alia, meta prezzijiet jew kostijiet irrappurtati, inklużi l-kostijiet ta' materji primi, ma jkunux ir-riżultat ta' forzi tas-suq ħieles għax huma affettwati minn intervent tal-gvern. Meta jitqies jekk jeżistux jew le distorsjonijiet sinifikanti rigward ta', inter alia, l-impatt potenzjali tas-segwenti: is-suq inkwistjoni huwa sa punt sinifikanti servut minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni ta' politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur; il-preżenza tal-istat f'ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet; politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw a favur ta' fornituri domestiċi jew forzi tas-suq ħieles li jinfluwenzaw mod ieħor; u l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta' ordni pubblika.
(c) Meta jkun xieraq, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu joħorġu rapport li jiddeskrivi s-sitwazzjoni speċifika dwar il-kriterji elenkati fil-punt (b) f'ċertu pajjiż jew ċertu settur. Tali rapport u l-evidenza li fuqha huwa bbażat jistgħu jitqiegħdu fuq il-fajl ta' kull investigazzjoni relatata ma' dak il-pajjiż jew settur. Il-partijiet interessati għandu jkollhom biżżejjed opportunità biex iżidu, jikkummentaw jew iwieġbu fuq ir-rapport u l-evidenza li fuqha huwa bbażat f'kull investigazzjoni li fiha jintużaw tali rapport jew evidenza. Id-determinazzjonijiet magħmula għandhom iqisu l-evidenza rilevanti kollha fuq il-fajl.
(d) L-industrija tal-Unjoni tista' tibbaża fuq ir-rapport imsemmi fil-punt (c) għall-kalkolu tal-valur normali meta jiġi ppreżentat ilment skont l-Artikolu 5 jew talba għal rieżami skont l-Artiklu 11.
(e) Il-partijiet għall-investigazzjoni jiġu infurmati ftit wara l-bidu dwar is-sorsi rilevanti li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tuża għall-għan tal-punt (a) u jingħataw għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw. Għal dan l-għan, il-partijiet interessati jingħataw aċċess għall-fajl, inkluża kull evidenza li fuqha tiddependi l-awtorità investigattiva, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19."
(2)Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 7 jiġi sostitwit b'dan li ġej:
"Fil-każ ta' importazzjonijiet minn pajjiżi li, fid-data tal-bidu, mhumiex membri tad-WTO u elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/755, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn tali pajjiż terz għal pajjiżi oħrajn, inkluża l-Unjoni, jew fejn dawn mhumiex possibbli, fuq kull bażi raġonevoli oħra, inkluż il-prezz imħallas realment jew pagabbli fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk neċessarju biex jinkludi marġni tal-profitt raġonevoli.
Pajjiż terz b'ekonomija tas-suq xieraq jiġi magħżul b'mod raġonevoli, filwaqt li titqies kull informazzjoni kredibbli disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll l-limiti taż-żmien; fejn xieraq, jintuża pajjiż terz b'ekonomija tas-suq li huwa suġġett għall-istess investigazzjoni.
Il-partijiet għall-investigazzjoni jiġu infurmati ftit wara l-bidu tagħha dwar il-pajjiż terz b'ekonomija tas-suq previst u jingħataw għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw."
(3)Fl-Artikolu 11(3), l-ewwel subparagrafu, jiddaħħal dan li ġej:
"Fil-każ ta' tranżizzjoni minn valur normali kkalkulat skont l-ex Artikoli 2(7)(a) jew 2(7)(b) għal valur normali kkalkulat skont il-paragrafi minn 1 sa 6a tal-Artikolu 2, il-perjodu raġonevoli ta' żmien għandu jitqies li jiskadi fid-data li fiha jinbeda l-ewwel rieżami ta' skadenza wara tali tranżizzjoni."
(4)Fl-Artikolu 11(4), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:
"Fil-każ ta' tranżizzjoni minn valur normali kkalkulat skont l-ex Artikoli 2(7)(a) jew 2(7)(b) għal valur normali kkalkulat skont il-paragrafi minn 1 sa 6a tal-Artikolu 2, kull rieżami skont dan il-paragrafu għandu jiġi pospost għad-data li fiha jinbeda l-ewwel rieżami ta' skadenza wara tali tranżizzjoni."
(5)Fl-Artikolu 11(9), jiddaħħal dan li ġej:
"Fir-rigward taċ-ċirkostanzi rilevanti għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2, tiġi kkunsidrata kif dovut l-evidenza kollha rilevanti, inklużi r-rapporti ta' valutazzjoni rilevanti rigward iċ-ċirkostanzi prevalenti fuq is-suq domestiku tal-produtturi esportaturi u l-evidenza li fuqha huma bbażati, li tpoġġiet fuq il-fajl, u li fuqha l-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw."
Artikolu 2
Fl-Artikolu 10(7) tar-Regolament (UE) 2016/1037, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:
"Il-Kummissjoni għandha toffri wkoll konsultazzjonijiet lill-pajjiż ta' oriġini u / jew esportazzjoni kkonċernat fir-rigward ta' sussidji oħrajn identifikati matul l-investigazzjoni. F'dawn is-sitwazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-pajjiż ta' oriġini u / jew esportazzjoni sommarju tal-elementi prinċipali dwar sussidji oħrajn, b'mod partikolari dawk imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu. Jekk is-sussidji addizzjonali mhumiex koperti bin-notifika ta' bidu, in-notifika ta' bidu tiġi emendata u l-verżjoni emendata tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tistieden lill-partijiet kollha interessati jikkummentaw."
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu japplika għad-deċiżjonijiet kollha dwar il-bidu tal-proċedimenti, u għall-proċedimenti kollha, inklużi l-investigazzjonijet oriġinali u l-investigazzjonijiet ta' rieżami, mibdija, fid-data li fiha dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ jew wara.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President