EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0624

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2016

COM/2016/0624 final

Brussell, 30.9.2016

COM(2016) 624 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2016


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 1 (“ir-Regolament QFP”) jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza sa 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross biex l-UE-28 jirreaġixxu għal ċirkostanzi mhux previsti bħala strument tal-aħħar għażla. Fl-aġġustament tekniku tal-QFP għall-2016 2 , ibbażat fuq l-Artikolu 6 tar-Regolament QFP, l-ammont assolut tal-Marġni ta' Kontinġenza għas-sena 2016 hu stabbilit għal EUR 4 438,2 miljun.

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament QFP, u wara li ġew eżaminati l-possibilitajiet kollha għall-finanzjament addizzjonali u ħtiġijiet ta' impenn mhux previsti, il-Kummissjoni tipproponi li timobbilizza l-Marġni ta' Kontinġenza għall-2016 għal ammont ta' EUR 240,1 miljun sabiex jikkumplimenta l-approprjazzjonijiet ta' impenn relatati man-nefqa fl-intestatura 3 Sigurtà u Ċittadinanza fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, lil hinn mil-limitu ta' impenn ta' EUR 2 546 miljun fi prezzijiet attwali.

Skont il-Punt 14 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 3 , il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-possibbiltà ta' allokazzjoni mill-ġdid ta' ammonti sinifikanti fi ħdan il-baġit eżistenti.

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament QFP, il-Kummissjoni tipproponi li tpaċi r-rinfurzar tal-limiti massimi tan-nefqa tal-intestatura 3 kontra l-marġni mhux allokat disponibbli taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 5 Amministrazzjoni fl-2016.

Din il-proposta tikkumplimenta d-Deċiżjoni (UE) 2016/253 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li timmobilizza l-ammont kollu tal-Istrument ta’ Flessibilità 4 disponibbli għall-2017 (EUR 520 miljun), għall-2016 (EUR 510 miljun) u għall-2015 (EUR 500 miljun), sabiex tkopri l-kost għal miżuri baġitarji immedjati biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati.

2.ĠUSTIFIKAZZJONI TA’ MOBILIZZAZZJONI

2.1.INTRODUZZJONI

Id-dimensjoni interna tal-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà tiġi ffinanzjata mill-intestatura 3 permezz tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (l-AMIF), għall-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) kif ukoll permezz ta’ aġenziji speċjalizzati bħal Frontex, EASO, ue-LISA u l-Europol. Barra minn hekk, fil-15 ta’ Marzu 2016 5 il-Kunsill adotta strument ġdid li jippermetti l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza ta’ natura umanitarja b’reazzjoni għaż-żieda fl-influss ta’ refuġjati u migranti fl-Unjoni.

Skont il-proposta relatata tal-Kummissjoni 6 , il-ħtiġijiet ta’ finanzjament għal dan l-istrument ġdid ta’ emerġenza fl-2016 ġie stmat għal EUR 300 miljun f’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 241 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament 7 . EUR 199 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 130,2 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament ġew riallokati mill-AMIF, l-ewwel fil-kuntest tal-baġit emendatorju Nru 1/2016 adottat fit-13 ta’ April 2016 8 (EUR 100 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 80,2 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament) u mbagħad, permezz ta’ trasferiment ta’ approprjazzjonijiet tal-Kummissjoni implimentat f’Awwissu skont l-Artikolu 26(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju (EUR 99 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 50 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament).

Aktarx li l-ħtiġijiet pendenti relatati ma’ strument ta’ emerġenza ġdid, li bħalissa huwa stmat li hu EUR 50 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 10 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament, għad iridu jiġu ffinanzjati fl-2016. Barra minn hekk, l-aħħar rivalutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-AMIF sa tmiem is-sena jeħtieġ li r-riallokazzjonijiet imsemmija hawn fuq jiġu kkumpensati parzjalment b’approprjazzjonijiet ġodda għal ammont ta’ EUR 130 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn biss. Dan ir-riforniment parzjali tal-AMIF jingħaqad ma’ tisħiħ tal-fergħa tal-Fruntieri tal-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI-Fruntieri) b’EUR 70 miljun f’approprjazzjonijiet ta' impenn, sabiex jirrispondi għat-talba reċenti tal-Bulgarija għal assistenza ta’ emerġenza. Dan jikkunsidra l-fatt li l-assistenza ta’ emerġenza tal-FSI attwalment disponibbli fil-baġit 2016 huwa kważi eżawrit.

Wara li kkunsidrat r-riallokazzjonijiet possibbli identifikati fuq linji baġitarji oħra fl-intestatura 3 (EUR 9,9 miljun), il-Kummissjoni talbet li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet ta’ impenn minn EUR 240,1 miljun ’il fuq mil-limitu massimu ta’ din l-intestatura fl-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2016 9 .

Il-limitu tan-nefqa tal-intestatura 3 fl-2016 jammonta għal EUR 2 546 miljun fi prezzijiet attwali. L-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-intestatura 3 awtorizzati fil-baġit tal-2016 huma ta’ EUR 4 052 miljun, li diġà kienu jeħtieġu l-mobilizzazzjoni tad-disponibilità kollha tal-Istrument tal-Flessibilità (EUR 1 506 miljun) lil hinn mil-limitu massimu tal-intestatura 3, b’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament QFP.

L-infiq marbut mal-migrazzjoni, ir-refuġjati u s-sigurtà jirrappreżenta aktar minn 70 % tan-nefqa totali taħt il-limitu massimu tal-intestatura 3. Il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa l-possibbiltajiet kollha għar-riallokazzjoni. Madankollu, minħabba spazju limitat għall-immanuvrar f’din l-intestatura, huwa possibbli biss li jkun kopert perċentwal żgħir tal-ħtiġijiet f’approprjazzjonijiet ta’ impenn kif deskritt hawn fuq mingħajr ma jkun ipperikolat il-funzjonament tajjeb ta’ programmi oħra relattivament iżgħar.

Konsegwentement, il-mobilizzazzjoni tal-marġni ta’ Kontinġenza huwa l-uniku rikors possibbli biex jintlaħqu l-ħtiġijiet baġitarji f’approprjazzjonijiet ta’ impenn. Id-disponibilità ta’ marġnijiet f’intestaturi oħra tippermetti li din il-mobilizzazzjoni tiġi kompletament ikkumpensata fl-2016.

Il-bżonnijiet f’approprjazzjonijiet ta’ pagament se jkunu akkomodati fil-limitu massimu tal-2016 għal pagamenti, biex b’hekk il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għal pagamenti ma tkunx neċessarja.

2.2.IL-MARĠNI TA’ KONTINĠENZA BĦALA L-ISTRUMENT TAL-AĦĦAR GĦAŻLA

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament QFP jiddefinixxi l-Marġni ta’ Kontinġenza bħala l-istrument tal-aħħar għażla biex issir reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti. Fil-Baġit 2016, fid-dawl tan-nuqqas ta' marġni mhux allokat taħt il-limitu massimu ta’ impenn tal-intestatura 3, il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltajiet kollha għal riallokazzjoni fl-intestatura.

Minħabba l-mobilizzazzjoni tal-istrument ta' flessibbiltà kollu fil-Baġit 2016 (EUR 1 530 miljun), il-mobilizzazzjoni ta' EUR 240,1 miljun permezz tal-Marġni ta' Kontinġenza għall-2016 hi għalhekk l-uniku strument disponibbli biex jiġi indirizzat in-nuqqas bejn il-livell tal-limitu ta' nefqa tal-intestatura 3 u l-ħtiġijiet mhux previsti addizzjonali stmati għall-2016.

2.3.IMPATT BAĠITARJU TA' ĊIRKOSTANZI MHUX PREVISTI FL-2016

Minkejja li l-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà bdiet fl-2015, l-impatt u l-konsegwenzi tagħha għadhom qed jevolvu fuq bażi ta’ kuljum. Deċiżjonijiet politiċi f’pajjiżi terzi dwar l-aċċettazzjoni ta’ rifuġjati fit-territorju tagħhom u l-ftuħ u l-għeluq tal-fruntieri għamluha diffiċli ħafna li wieħed jipprevedi l-evoluzzjoni fuq żmien qasir u fit-tul f’dan il-qasam. Il-karattru li qed jinbidel u l-imprevedibbiltà tal-kriżi jiġġustifikaw l-użu tal-marġni ta’ Kontinġenza bħala l-għodda aħħarija biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi mhux prevedibbli tal-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà fuq il-ħtiġijiet tan-nefqa taħt l-intestatura 3.

3.IL-KUMPENS TAL-MARĠNI TA’ KONTINĠENZA KONTRA L-LIMITI MASSIMI TAL-QFP

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament QFP jirrikjedi li l-ammonti magħmula disponibbli permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għandhom jiġu kkumpensati kompletament kontra l-marġni għas-sena finanzjarja attwali jew għas-snin finanzjarji futuri.

Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament QFP, l-ammonti kkumpensati ma għandhomx ikunu mobilizzati ulterjorment fil-kuntest tal-QFP, b’tali mod li t-total tal-limiti massimi ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament stabbiliti fil-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew għas-snin finanzjarji futuri, ma jinqabiżx. Konsegwentement, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għal approprjazzjonijiet ta’ impenn taħt l-intestatura 3 fl-2016 u l-kumpens relatat irid jirrispetta l-limitu totali massimu ta’ impenn għas-snin 2017 sa 2020.

Minħabba li marġni suffiċjenti huwa disponibbli taħt il-limitu massimu tan-nefqa għall-2016 tal-intestatura 5, il-Kummissjoni tipproponi li tibbilanċja bis-sħiħ fl-2016 sabiex ma tippreġudikax il-ħtiġijiet f’approprjazzjonijiet ta’ impenn għas-snin 2017-2020. L-ammont ikkumpensat fl-intestatura 5 se jkun EUR 240,1 miljun, li jħalli marġni ta' EUR 291,9 miljun fl-2016. Il-limitu massimu globali għall-impenji għall-2016 u għall-QFP kollu se jibqa' l-istess.

4.ELEMENTI ADDIZZJONALI

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mfakkra li l-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea m’għandhiex issir aktar tard mill-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2016, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament QFP.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2016

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 10 , u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-punt 14 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi,

(1) L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 11 stabbilixxa marġni ta’ Kontinġenza sa 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni,

(2) Skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont assolut ta' dan il-Marġni ta' Kontinġenza għall-2016 12 ,

(3) Wara li ġew eżaminati l-possibbiltajiet finanzjarji kollha l-oħra li jirreaġixxu għal ċirkostanzi mhux previsti fi ħdan il-limiti massimi ta’ nefqa għall-2016 għall-intestatura 3 Sigurtà u Ċittadinanza, u wara li jkun propost li jiġi mmobilizzat l-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-intestaturi 3 u 4 għall-ammont sħiħ ta’ EUR 1 530 miljun disponibbli fl-2016, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza hi meħtieġa biex tindirizza l-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà billi jiżdiedu l-approprjazzjonijiet ta' impenn tal-intestatura 3 fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, aktar mil-limitu massimu ta’ din l-intestatura,

(4) Wara li kkunsidraw din is-sitwazzjoni partikolari ħafna, il-kundizzjoni tal-aħħar għażla fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 hija ssodisfata,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2016, il-Marġni ta’ Kontinġenza għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi EUR 240,1 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn lil hinn mil-limitu massimu tal-intestatura 3 tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 2

L-EUR 240,1 miljun f’approprjazzjonijiet ta' impenn immobilizzati permezz tal-Marġni ta' Kontinġenza għas-sena finanzjarja 2016 għandu jiġi paċut mal-marġnijiet tal-intestatur 5 Amministrazzjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) COM(2015) 320, 22.5.2015.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 47, 24.2.2016, p. 6.
(5) ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1.
(6) COM(2016) 115, 2.3.2016.
(7) 80 % ta’ prefinanzjament.
(8) ĠU L 143, 31.5.2016.
(9) COM(2016) 623, 30.9.2016.
(10) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(12) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2015 dwar l-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għall-2016 skont movimenti fl-ING (COM(2015) 320, 22.5.2015).
Top