Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0532

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 337/75

COM/2016/0532 final - 2016/0257 (COD)

Brussell, 23.8.2016

COM(2016) 532 final

2016/0257(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 337/75


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Il-proposta għandha l-għan li tirrevedi r-Regolament tat-Twaqqif taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) mill-1975. Ir-raġunijiet għar-reviżjoni huma tnejn.

Ir-reviżjoni tar-Regolament tat-Twaqqif tas-Cedefop se tallinja ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament eżistenti li jirregola s-Cedefop mal-Approċċ Komuni dwar l-Aġenziji Deċentralizzati.

Ir-reviżjoni toffri wkoll l-opportunità li jiġu aġġornati l-għanijiet u l-kompiti tas-Cedefop. Sa mit-twaqqif tiegħu fl-1975, iċ-Ċentru adatta l-attivitajiet tiegħu għall-iżviluppi kumplessivi tas-soċjetà, istituzzjonali u ekonomiċi u x-xejriet emerġenti fil-politiki Ewropej fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Dan jinkludi żviluppi teknoloġiċi, billi l-impjiegi vokazzjonali qed jiddependu dejjem aktar fuq l-użu tat-teknoloġiji diġitali. Bħala tweġiba għall-evoluzzjoni tal-kuntest tal-politika li qed tinbidel, l-attivitajiet attwali tas-Cedefop imorru lil hinn mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u jinkludu xogħol fuq il-kwalifiki, b’mod partikolari l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, fuq l-analiżi u t-tbassir tal-ħiliet, u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali li għandhom kollha jiġu rikonoxxuti. L-għanijiet u l-kompiti l-ġodda se jiġu aġġustati biex jirriflettu aħjar dawn l-iżviluppi.

Din ir-reviżjoni mhijiex inizjattiva fi ħdan il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT).

Iż-żewġ Aġenziji l-oħrajn hekk imsejħa tripartitiċi tal-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) ukoll se jgħaddu minn reviżjoni tar-Regolamenti tat-Twaqqif rispettivi tagħhom fl-istess żmien bħas-Cedefop.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-Regolament tat-Twaqqif tas-Cedefop ġie emendat ħames darbiet, fl-1993, l-1994, l-1995, l-2003 u l-2004, l-aktar biex jitqies it-tkabbir tal-UE jew il-bidliet fit-Trattat. Madankollu, dawn l-emendi ma biddlux b’mod sinifikanti l-prinċipji fundamentali tal-Aġenzija.

Din ir-reviżjoni se tiddefinixxi aħjar ir-rwol tas-Cedefop fl-appoġġ tat-tiswir u l-implimentazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-ħiliet u l-politiki tal-kwalifiki. Se taġġorna l-mandat tas-Cedefop bħala ċentru għall-analiżi, għar-riċerka u għall-monitoraġġ tal-politika f’dawn l-oqsma ta’ politika.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Billi s-Cedefop jinsab fl-interfaċċja tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u s-suq tax-xogħol, ir-reviżjoni tqis il-politiki eżistenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE 1 u l-politiki tal-UE dwar il-ħiliet 2 , fuq naħa waħda u l-politiki tal-impjiegi fuq in-naħa l-oħra. Tipprevedi l-komplementarjetà ma’ riċerka kontinwa u ppjanata f’dan il-qasam imwettqa b’finanzjament tal-UE, bħalma huma dawk iffinanzjati taħt il-programmi ta' riċerka ffinanzjati mill-UE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika proposta hija l-Artikolu 166(4) b’referenzi għall-politika tat-taħriġ vokazzjonali, li għandha tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali, l-Artikolu 165(4) b’referenzi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-iżvilupp tal-edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u l-Artikolu 149 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirreferi għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ inċentivi maħsuba biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u biex isostnu l-azzjoni tagħhom fil-qasam tal-impjiegi.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Din il-proposta tindirizza ċerti aspetti li għandhom x’jaqsmu ma’ kif l-aġenzija tal-UE taħdem internament u fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE. Għalhekk, l-għanijiet ta’ din il-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’azzjoni fil-livell nazzjonali.

Proporzjonalità

Ir-reviżjoni tar-Regolament tat-Twaqqif għandha titqies f’termini tal-impatt tagħha fuq il-piż amministrattiv u l-ispejjeż baġitarji sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità. Prinċipju ġenerali li għandu jiggwida r-reviżjoni huwa l-ħtieġa li t-test tar-Regolament tat-Twaqqif ikun sempliċi, ċar u flessibbli, filwaqt li tibbaża ruħha fuq forom oħra ta’ regolazzjoni (eż Regoli ta’ Proċedura) għal dispożizzjonijiet dettaljati. Ir-Regolament tat-Twaqqif għandu jkollu ħajja ta’ nofs terminu u jassigura l-flessibilità neċessarja biex jippermetti żviluppi futuri possibbli fl-organizzazzjoni mingħajr bżonn ta’ reviżjoni ulterjuri.

Għażla tal-istrument

L-istrument se jkun ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar u jissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 337/75.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-Evalwazzjonijiet ex-post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-aktar evalwazzjoni esterna riċenti mwettqa mill-Kummissjoni, iffinalizzata fl-2013, irrakkomandat li jiġi emendat ir-Regolament tat-Twaqqif tas-Cedefop biex jirrifletti l-ħidma tal-Aġenzija fuq il-ħiliet u l-kwalifiki bħala waħda mill-kompiti tiegħu u biex jintegra b’mod aktar ċar il-ħidma dwar ir-rappurtar tal-politika u l-għodod u l-inizjattivi komuni Ewropej.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-maniġment u l-ħaddiema fil-livell tal-UE ġew ikkonsultati kemm fuq id-direzzjoni possibbli tal-azzjoni tal-Unjoni kif ukoll fuq il-kontenut tal-proposta prevista. Kemm il-maniġment kif ukoll il-ħaddiema insistew fl-opinjoni tagħhom fuq iż-żamma tan-natura tripartitika tal-Aġenzija u li din tiġi riflessa fl-għanijiet tal-Aġenzija u fir-rappreżentanza tal-gruppi kollha fl-istrutturi ta’ governanza tagħha.

Il-Kummissjoni żammet il-partijiet interessati rilevanti l-oħra infurmati dwar deċiżjonijiet ġenerali li jikkonċernaw dan l-eżerċizzju ta’ reviżjoni u kkonsultathom meta kien meħtieġ.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba r-reviżjoni limitata tal-att tat-twaqqif, il-valutazzjoni tal-impatt ma saritx.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli. Il-proposta mhijiex marbuta mar-REFIT.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-implikazzjonijiet baġitarji f’termini ta’ riżorsi umani u finanzjarji, kif ippreżentati f’aktar dettall fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva, huma konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2013)519.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Skont l-Approċċ Komuni, il-proposta tinkludi dispożizzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-Aġenzija mill-Kummissjoni. Minbarra li tagħmel din il-proposta, il-Kummissjoni tipprevedi li twettaq evalwazzjoni trażversali li tivvaluta l-għanijiet, il-mandati, il-governanza u l-kompiti tal-Aġenzija, anki fir-rigward ta’ Aġenziji oħra li joperaw fil-qasam tas-suq tax-xogħol, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Ir-reviżjoni tar-Regolament tat-Twaqqif toffri l-opportunità li jiġu aġġornati l-għanijiet u l-kompiti tas-Cedefop, sabiex jirriflettu l-iżviluppi fi ħdan l-Aġenzija u fil-kuntest li fih topera mill-adozzjoni tar-Regolament tat-Twaqqif lil hawn. Se tippermetti li r-rwol tas-Cedefop jiġi kkonfermat fl-appoġġ tal-Kummissjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet u l-kwalifiki.

Barra minn hekk, ir-reviżjoni toħloq l-opportunità li tipprovdi għall-miżuri ta’ kontra l-frodi, il-politika dwar il-kunflitt ta’ interess, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni u t-twaqqif ta’ ftehim dwar kwartieri ġenerali.

Ir-reviżjoni se tarmonizza wkoll id-dispożizzjonijiet dwar il-programmazzjoni u r-rappurtar mar-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju Qafas rivedut. Dan se jwassal biex il-proċedura tal-ħatra tad-Direttur (id-Direttur Eżekuttiv) tiġi mmodifikata u allinjata mal-proċedura prevista fl-Approċċ Komuni. Ir-rwol ta’ Awtorità tal-Ħatra se jkun mogħti lill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija. It-terminoloġija għall-istruttura tat-tmexxija se tiġi allinjata mal-Approċċ Komuni. Ċerti elementi tal-Att tat-Twaqqif mhux qed jiġu riveduti fid-dawl tal-Approċċ Komuni fil-qafas ta’ din il-proposta, sakemm ikun hemm aktar evalwazzjoni.

Dwar il-ħatra, mill-Kunsill, tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-impjegaturi u tal-impjegati minn kull Stat Membru, huwa propost li dan isir fuq il-bażi ta’ lista ppreżentata mill-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali tal-UE.

2016/0257 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 337/75

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 166(4), l-Artikolu 165(4) u l-Artikolu 149 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea;

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 4 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

Billi:

(1)Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) ġie stabbilit bir-Regolament (KEE) Nru 337/75 tal-Kunsill 5 biex jassisti lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi, fil-livell tal-Unjoni, il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ taħriġ ta’ waqt is-servizz.

(2)Mit-twaqqif tiegħu s-Cedefop kellu rwol importanti fl-appoġġ għall-iżvilupp ta’ politika komuni tal-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali. Fl-istess ħin il-kunċett u l-importanza tat-taħriġ vokazzjonali evolvew taħt l-influwenza tat-tibdil fis-swieq tax-xogħol, l-iżviluppi teknoloġiċi, partikolarment fil-qasam diġitali, u ż-żieda fil-mobilità tal-ħaddiema. Il-politiki tat-taħriġ vokazzjonali evolvew skont dan kollu u llum jinkludu varjetà ta’ strumenti u inizjattivi, li wħud minnhom, jiġifieri dawk relatati mal-ħiliet u l-kwalifiki, inkluż il-validazzjoni tat-tagħlim, neċessarjament imorru lil hinn mill-konfini tradizzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Għalhekk il-karattru tal-attivitajiet tas-Cedefop għandu jiġi definit b’mod ċar u t-terminoloġija rilevanti għandha tiġi aġġustata filwaqt li tibqa’ fil-mandat tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

(3)Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tas-Cedefop tal-2013 ikkonkluda li r-Regolament (KEE) Nru 337/75 għandu jiġi emendat biex jinkludi l-ħidma tal-Aġenzija fuq il-ħiliet bħala waħda mill-kompiti tagħha u biex tintegra b’mod aktar ċar il-ħidma dwar ir-rappurtar tal-politika u għodod u inizjattivi komuni Ewropej.

(4)L-implimentazzjoni ta’ politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali se teħtieġ fokus fuq l-interfaċċja bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u d-dinja tax-xogħol, filwaqt li jkun assigurat li l-għarfien, il-ħiliet u kompetenzi miksuba jappoġġjaw l-impjegabbiltà fis-swieq tax-xogħol li qed jinbidlu u li jkunu rilevanti għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u s-soċjetà.

(5)Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 ġie emendat bosta drabi. Billi għandhom isiru aktar emendi, għandu jitħassar fl-interess taċ-ċarezza.

(6)L-Aġenzija għandha tiġi rregolata u mħaddma f’konformità mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta’ Lulju 2012, sa fejn hu possibbli. Din il-proposta għalhekk ma tippreġudikax kwalunkwe emendi oħrajn għar-Regolament tat-twaqqif tas-Cedefop, li l-Kummissjoni jaf tkun trid tipproponi wara evalwazzjoni ulterjuri, kif stabbilit f’dan l-Att jew fuq inizjattiva tagħha stess. Il-Kummissjoni se tevalwa l-għanijiet, il-mandat, il-governanza u l-kompiti tal-Aġenziji kollha tal-UE li jaġixxu fil-qasam tas-suq tax-xogħol, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet.

(7)Peress li t-tliet hekk imsejħa Aġenziji tripartitiċi - Cedefop, il-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (Eurofound) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) - jindirizzaw kwistjonijiet relatati mas-suq tax-xogħol, l-ambjent tax-xogħol u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet, il-koordinazzjoni mill-qrib fost it-tliet Aġenziji hija meħtieġa u l-modi biex jittejbu l-effiċjenza u s-sinerġiji għandhom jiġu sfruttati. Barra minn hekk, fejn rilevanti, l-Aġenzija għandha tfittex li tidħol f’kooperazzjoni effiċjenti mal-kapaċitajiet ta’ riċerka interni tal-Kummissjoni Ewropea.

(8)Id-dispożizzjonijiet finanzjarji u d-dispożizzjonijiet għall-ipprogrammar u r-rappurtar stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 337/75 għandhom jiġu allinjati mar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 6 .

(9)Id-dispożizzjonijiet dwar il-persunal tas-Cedefop stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 337/75 għandhom ikunu allinjati mar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (“CEOS”), stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 7 .

(10)L-Aġenzija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-immaniġġjar u l-ipproċessar sikur ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Fejn meħtieġ, is-Cedefop għandu jadotta regoli tas-sigurtà kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 8 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444.

(11)Huwa meħtieġ li jkunu previsti dispożizzjonijiet tranżitorji baġitarji u dispożizzjonijiet tranżitorji dwar il-Bord tat-Tmexxija u l-persunal tas-Cedefop biex jiżguraw kontinwazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija sakemm jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

L-GĦAN U L-KOMPITI TAL-AĠENZIJA

Artikolu 1 – L-istabbiliment u l-għanijiet tal-Aġenzija

1.Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali, (“l-Aġenzija”) jew “Cedefop” huwa b’dan stabbilit bħala Aġenzija tal-Unjoni Ewropea.

2.L-għan tal-Aġenzija għandu jkun li tassisti l-Kummissjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet u l-kwalifiki. Għal dan il-għan l-Aġenzija għandha tipprovdi evidenza u servizzi għat-tfassil tal-politika u l-kondiviżjoni tal-għarfien fost u bejn l-Unjoni u l-atturi nazzjonali, b’mod partikolari gvernijiet u sħab soċjali.

Artikolu 2 – Il-kompiti

1.L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fir-rigward tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet u l-kwalifiki:

(a)tanalizza l-iżviluppi u tipprovdi analiżi komparattiva tal-politiki u l-prattiki fost il-pajjiżi;

(b)tanalizza t-tendenzi tas-suq tax-xogħol fir-rigward tal-ħiliet u l-kwalifiki;

(c)l-analiżi u l-kontribuzzjoni għal żviluppi relatati mad-disinn u l-għoti ta’ kwalifiki, l-organizzazzjoni tagħhom f’oqfsa, u l-funzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza u r-rikonoxximent tagħhom;

(d)tanalizza u tikkontribwixxi għall-iżviluppi fil-qasam tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali;

(e)twettaq jew tikummissjona studji u twettaq riċerka dwar żviluppi soċjo-ekonomiċi rilevanti u kwistjonijiet politiċi relatati;

(f)tipprovdi fora għal skambju ta’ esperjenzi u informazzjoni bejn il-gvernijiet, is-sħab soċjali u l-partijiet interessati fil-livell nazzjonali, u tappoġġja l-implimentazzjoni tar-riformi u l-politiki fil-livell nazzjonali;

(g)ixxerred l-informazzjoni bħala kontribut għall-politiki u tqajjem kuxjenza u fehim tal-potenzjal tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-promozzjoni u l-appoġġ tal-impjegabbiltà tan-nies, il-produttività fil-kumpaniji u t-tagħlim tul il-ħajja;

(h)timmaniġġja u tagħmel disponibbli għodod, settijiet tad-dejta u servizzi għall-ħiliet, okkupazzjonijiet u kwalifiki għaċ-ċittadini, il-kumpaniji, il-persuni li jfasslu l-politika, is-sħab soċjali u partijiet interessati oħrajn.

2.Fl-attivitajiet tagħha l-Aġenzija għandha tqis ir-rabtiet li jeżistu bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u s-setturi l-oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha żżomm djalogu mill-qrib, b’mod partikolari ma’ korpi speċjalizzati, kemm jekk pubbliċi jew privati, nazzjonali jew internazzjonali, awtoritajiet pubbliċi u istituzzjonijiet edukattivi u ma’ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u tal-impjegaturi. L-Aġenzija, mingħajr preġudizzju għall-għanijiet tagħha stess, għandha tiżgura kooperazzjoni ma’ Aġenziji oħrajn tal-Unjoni Ewropea maħsuba biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u jiġu promossi s-sinerġija u l-komplementarjetà fl-attivitajiet tagħhom, b’mod partikolari mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, il-Eurofound u l-EU-OSHA.

KAPITOLU II

L-ORGANIZZAZZJONI TAL-AĠENZIJA

Artikolu 3 – L-istruttura amministrattiva u tat-tmexxija

L-istruttura amministrattiva u maniġerjali tal-Aġenzija għandha tinkludi:

(a)Bord tat-Tmexxija, li għandu jeżerċita l-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5;

(b)Bord Eżekuttiv li għandu jeżerċita l-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10;

(c)Direttur Eżekuttiv, li għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 11.

TAQSIMA 1

IL-BORD TAT-TMEXXIJA

Artikolu 4 – Il-kompożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija

1.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn:

(a)membru wieħed li jirrappreżenta lill-Gvern ta’ kull Stat Membru;

(b)membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi minn kull Stat Membru;

(c)membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-impjegati minn kull Stat Membru;

(d)tliet membri li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni;

Il-membri kollha msemmija fil-punti (a)-(d) għandu jkollhom id-dritt tal-vot.

Il-membri msemmija fil-punti (a), (b) u (c) għandhom jinħatru mill-Kunsill abbażi ta’ listi ta’ kandidati ppreżentati mill-Istati Membri, mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-impjegaturi u tal-impjegati rispettivament. Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri li għandhom jirrappreżentawha.

2.Kull membru tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu sostitut. Is-sostitut għandu jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu. Is-sostituti għandhom jinħatru skont il-proċedura prevista fl-ewwel paragrafu.

3.Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru fid-dawl tal-għarfien tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-ħiliet u l-kwalifiki, waqt li jitqiesu l-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji tagħhom. Il-partijiet kollha rappreżentati fil-Bord tat-Tmexxija għandhom jagħmlu sforz biex jillimitaw iċ-ċaqliq tar-rappreżentanti tagħhom, sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma tal-bord. Il-partijiet kollha għandhom jimmiraw li jiksbu rappreżentanza bbilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fil-Bord tat-Tmexxija.

4.Il-mandat għall-membri u għas-sostituti tagħhom għandu jkun ta’ erba’ snin. Dak il-mandat għandu jkun jista’ jiġi estiż. Meta jiskadi l-mandat tagħhom jew fl-eventwalità tar-riżenja tagħhom, il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm il-ħatriet tagħhom jiġu mġedda jew sakemm jiġu sostitwiti.

5.Fi ħdan il-Bord tat-Tmexxija, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet, tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati għandhom rispettivament jiffurmaw grupp. Kull grupp għandu jinnomina koordinatur sabiex titjieb l-effiċjenza tad-deliberazzjonijiet fi ħdan u bejn il-gruppi. Il-koordinaturi tal-gruppi tal-impjegaturi u tal-impjegati għandhom ikunu rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom fil-livell Ewropew u ma għandhomx bżonn ikunu nominati minn fost il-membri tal-Bord maħtura. Il-koordinaturi li mhumiex maħtura membri tal-Bord fis-sens tal-paragrafu 1 għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija mingħajr id-dritt għal vot.

Artikolu 5 – Il-Funzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija

1.Il-Bord tat-Tmexxija għandu:

(a)jagħti orjentazzjoni ġenerali għall-attivitajiet tal-Aġenzija u kull sena jadotta d-dokument ta’ programmazzjoni tal-Aġenzija b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri li jkunu intitolati jivvotaw u skont l-Artikolu 6;

(b)jadotta, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu intitolati għall-vot, il-baġit annwali tal-Aġenzija u jeżerċita funzjonijiet oħra fir-rigward tal-baġit tal-Aġenzija skont il-Kapitolu III;

(c)jadotta r-rapport ikkonsolidat dwar l-attività annwali flimkien mal-valutazzjoni tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jibagħthom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri mhux iżjed tard mill-1 ta’ Lulju ta’ kull sena. Ir-rapport ikkonsolidat dwar l-attività annwali għandu jkun disponibbli għall-pubbliku;

(d)jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija skont l-Artikolu 16;

(e)jadotta strateġija kontra l-frodi, li tkun proporzjonata mar-riskji ta’ frodi, filwaqt li jqis l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li jridu jiġu implimentati;

(f)jadotta regoli għall-prevenzjoni u t-tmexxija tal-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tiegħu;

(g)jadotta l-pjanijiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni msemmija bbażati fuq analiżi tal-ħtiġijiet u jaġġornahom regolarment;

(h)jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu;

(i)skont il-paragrafu 2, jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, is-setgħat li jingħataw bir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u bil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni lill-Awtorità li jkollha s-Setgħa Tikkonkludi Kuntratt ta’ Impieg (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”);

(j)jadotta regoli ta’ implimentazzjoni xierqa sabiex jiġu applikati r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(k)jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u, fejn xieraq, jestendi l-mandat tiegħu jew ineħħi d-Direttur Eżekuttiv mill-kariga skont l-Artikolu 18;

(l)jaħtar Uffiċjal tal-Kontabilità, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, li għandu jkun totalment indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu;

(m)jissorvelja segwitu xieraq għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti interni u esterni tal-awditjar u tal-evalwazzjonijiet, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF);

(n)jieħu kull deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ strutturi interni tal-Aġenzija u, fejn ikun meħtieġ, il-modifika tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-attività tal-Aġenzija kif ukoll titqies it-tmexxija baġitarja soda;

(o)jawtorizza l-istabbiliment ta’ arranġamenti tax-xogħol skont l-Artikolu 29(1);

2.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, filwaqt li jiddelega setgħat tal-awtorità tal-ħatra rilevanti lid-Direttur Eżekuttiv u jiddefenixxi l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom din id-delega ta’ setgħat tista’ tkun sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawk is-setgħat.

Meta ċirkostanzi eċċezzjonali jeħtieġu dan, il-Bord tat-Tmexxija jista’ permezz ta’ deċiżjoni jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u dawk is-setgħat sottodelegati minn dan tal-aħħar u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal li mhux id-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 6 – Programmazzjoni annwali u pluriennali

1.Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu, skont l-Artikolu 11(5)c, iħejji dokument ta’ programmazzjoni li jkun fih programmazzjoni annwali u pluriennali skont l-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 9 u wara li jkunu kkunsidrati l-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni.

2.Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta d-dokument ta’ programmazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 u għandu jgħaddih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar kif ukoll kwalunkwe verżjoni aġġornata sussegwenti tad-dokument.

Id-dokument ta’ programmazzjoni għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u, jekk ikun neċessarju, għandu jiġi aġġustat skont dan.

3.Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi l-għanijiet dettaljati u r-riżultati mistennija, inklużi l-indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, skont il-prinċipji ta’ bbaġitjar u tmexxija bbażati fuq l-attività. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun koerenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali msemmi fil-paragrafu 4. Dan għandu jindika b’mod ċar il-kompiti li jkunu żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti.

4.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jemenda l-programm ta’ ħidma annwali adottat meta jingħata kompitu ġdid lill-Aġenzija. Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddelega s-setgħa li jsir l-emendar mhux sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali lid-Direttur Eżekuttiv. Kwalunkwe emendar sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali għandu jiġi adottat bl-istess proċedura bħal tal-programm ta’ ħidma annwali inizjali.

5.Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inklużi l-għanijiet, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu jistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inkluż il-baġit pluriennali u l-persunal. Għandu jinkludi strateġija għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 29, l-azzjonijiet marbuta mal-istrateġija u speċifikazzjoni ta’ riżorsi assoċjati.

Il-programmazzjoni ta’ riżorsi għandha tiġi aġġornata kull sena. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata meta dan ikun xieraq, u b’mod partikolari sabiex jiġi indirizzat l-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 27.

Artikolu 7 – Il-President tal-Bord tat-Tmexxija

1.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi President u tliet Viċi presidenti kif ġej - wieħed minn fost il-membri li jirrappreżentaw l-Istati Membri, wieħed minn fost il-membri li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, wieħed fost il-membri li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet tal-impjegati u wieħed minn fost il-membri li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni. Il-President u l-Viċi Presidenti għandhom ikunu eletti b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija bi dritt tal-vot.

2.Il-mandat tal-President u l-Viċi Presidenti għandu jkun ta’ sentejn. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded darba. Jekk, madankollu, is-sħubija tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija tintemm fi kwalunkwe żmien matul il-mandat tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jiskadi awtomatikament f’dik id-data.

Artikolu 8 – Il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija

1.Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija

2.Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, mingħajr ma jkollu dritt tal-vot.

3.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiltaqa’ darba fis-sena f’laqgħa ordinarja. Barra minn hekk, għandu jiltaqa’ fuq inizjattiva tal-President, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta’ mill-anqas terz tal-membri tiegħu.

4.Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna li jista’ jkollha opinjoni li tkun ta’ interess biex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur.

5.L-Aġenzija għandha tipprovdi s-segretarjat għall-Bord tat-Tmexxija.

Artikolu 9 – Ir-regoli tal-Bord tat-Tmexxija dwar il-votazzjoni

1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5(1)(a) u (b) u l-Artikolu 18(7), il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet permezz tal-maġġoranza tal-membri bi dritt tal-vot.

2.Kull membru bi dritt tal-vot għandu jkollu vot wieħed. Fin-nuqqas ta’ membru bid-dritt tal-vot, is-sostitut tiegħu għandu jkun intitolat li jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu.

3.Il-President għandu jieħu sehem fil-votazzjoni.

4.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, mingħajr ma jkollu dritt tal-vot.

5.Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta’ votazzjoni aktar dettaljati b’mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom membru jista’ jaġixxi f’isem membru ieħor.

TAQSIMA 2

IL-BORD EŻEKUTTIV

Artikolu 10 – Il-Bord Eżekuttiv

1.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun assistit minn Bord Eżekuttiv.

2.Il-Bord Eżekuttiv għandu:

(a)iħejji d-deċiżjonijiet li jridu jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija;

(b)jissorvelja, flimkien mal-Bord tat-Tmexxija, segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet ta’ awditjar intern jew estern, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF);

(c)mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv, kif stabbiliti fl-Artikolu 11, jassisti u jagħti pariri lid-Direttur fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija, bil-ħsieb li tissaħħaħ is-superviżjoni tat-tmexxija amministrattiva u baġitarja.

3.Meta jkun meħtieġ, minħabba urġenza, il-Bord Eżekuttiv jista’ jieħu ċerti deċiżjonijiet provviżorji f’isem il-Bord tat-Tmexxija, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta’ tmexxija amministrattiva, inkluż is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat ta’ awtorità tal-ħatra u kwistjonijiet baġitarji.

4.Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President tal-Bord tat-Tmexxija, it-tliet Viċi Presidenti, il-koordinaturi tat-tliet gruppi kif imsemmi fl-Artikolu 4(5) u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni. Kull grupp imsemmi fl-Artikolu 4(5) jista’ jinnomina sa żewġ sostituti biex jattendu l-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, fin-nuqqas tal-membri sħaħ. Il-President tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkun ukoll il-President tal-Bord Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, iżda ma għandux ikollu d-dritt tal-vot.

5.Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun ta’ sentejn. Dak il-mandat għandu jkun jista’ jiġi estiż. Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jintemm meta tintemm is-sħubija tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija.

6.Il-Bord Eżekuttiv għandu jiltaqa’ tliet darbiet fis-sena. Barra minn hekk, għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu jew fuq talba tal-membri tiegħu.

7.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Bord Eżekuttiv.

TAQSIMA 3

ID-DIRETTUR EŻEKUTTIV

Artikolu 11 – Ir-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv

1.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jmexxi l-Aġenzija. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti rendikont ta’ għemilu lill-Bord tat-Tmexxija.

2.Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni, il-Bord tat-Tmexxija, u l-Bord Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew minn kwalunkwe korp ieħor.

3.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar it-twettiq ta’ dmirijietu meta jkun mistieden jagħmel dan. Il-Kunsill jista’ jistieden lid-Direttur Eżekuttiv jirrapporta dwar it-twettiq ta’ dmirijietu.

4.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Aġenzija.

5.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lill-Aġenzija minn dan ir-Regolament. B’mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għal:

(a)l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Aġenzija.

(b)l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tat-Tmexxija;

(c)it-tħejjija tad-dokument ta’ programmazzjoni u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord tat-Tmexxija wara l-konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

(d)l-implimentazzjoni tad-dokument ta’ programmazzjoni u r-rappurtar lill-Bord tat-Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

(e)it-tħejjija tar-rapport konsolidat annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord tat-Tmexxija għall-valutazzjoni u l-adozzjoni;

(f)it-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni bħala segwitu għall-konklużjonijiet ta’ rapporti tal-awditjar intern jew estern u ta’ evalwazzjonijiet, kif ukoll investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u jirrapporta dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u regolarment lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Bord Eżekuttiv;

(g)il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, billi jwettaq kontrolli effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti li tħallsu bi żball u, meta dan ikun xieraq, billi jimponi penali amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi;

(h)it-tħejjija ta’ strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija u għat-tressiq tagħha quddiem il-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

(i)it-tħejjija ta’ abbozz ta’ regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija;

(j)it-tħejjija ta’ abbozz tad-dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha.

6.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli wkoll biex jiddeċiedi jekk ikunx neċessarju għall-fini li jitwettqu l-kompiti tal-Aġenzija b’mod effiċjenti u effettiv li jiġi stabbilit uffiċċju wieħed jew aktar fi Stat Membru wieħed jew aktar. Din id-deċiżjoni tirrikjedi l-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni, tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Istat Membru li fih irid jiġi stabbilit l-uffiċċju lokali. Dik id-deċiżjoni tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet li jridu jitwettqu f’dak l-uffiċċju lokali b’mod li jiġu evitati kostijiet bla bżonn u d-duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-Aġenzija.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 12 – Il-baġit

1.L-estimi tad-dħul u l-infiq kollu għall-Aġenzija għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li jikkorrispondu għas-sena kalendarja, u għandhom jidhru fil-baġit tal-Aġenzija.

2.Il-baġit tal-Aġenzija għandu jkun ibbilanċjat f’termini ta’ dħul u nfiq.

3.Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħrajn, id-dħul tal-Aġenzija għandu jinkludi:

(a)kontribuzzjoni mill-Unjoni, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni;

(b)kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mill-Istati Membri;

(c)l-ispejjeż għall-pubblikazzjonijiet u kwalunkwe servizz ipprovdut mill-Aġenzija;

(d)kwalunkwe kontribuzzjoni mill-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Aġenzija, kif previst fl-Artikolu 29.

4.L-infiq tal-Aġenzija għandu jinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u tal-infrastruttura u l-ispejjeż operattivi.

Artikolu 13 – L-istabbiliment tal-baġit

1.Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta’ estimi provviżorju tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta’ wara, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment, u jibagħtu lill-Bord tat-Tmexxija.

2.Il-Bord tat-Tmexxija għandu, abbażi ta’ dak l-abbozz provviżorju, jadotta abbozz ta’ estimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta’ wara.

3.L-abbozz tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.

4.Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozzi tal-estimi lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

5.Abbażi tad-abbozzi tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal l-estimi li hi tikkunsidra neċessarji għall-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont ta’ kontribuzzjoni li għandu joħroġ mill-baġit ġenerali fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, li hi għandha tressaq quddiem l-awtorità baġitarja skont l-Artikoli 313 u 314 tat-Trattat.

6.L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni lill-Aġenzija.

7.L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment tal-Aġenzija.

8.Il-baġit tal-Aġenzija għandu jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija. Il-baġit għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn neċessarju, għandu jiġi aġġustat kif xieraq.

9.Għal kwalunkwe proġett ta’ bini li x’aktarx ikollu implikazzjonijiet sinifikanti għall-baġit tal-Aġenzija, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1271/2013.

Artikolu 14 – L-implimentazzjoni tal-baġit

1.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-budget tal-Aġenzija.

2.Kull sena d-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat, lill-awtorità baġitarja kwalunkwe informazzjoni rilevanti għas-sejbiet ta’ kwalunkwe proċedura ta’ evalwazzjoni.

Artikolu 15 – Il-preżentazzjoni tal-kontijiet u l-kwittanza

1.Sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Aġenzija għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

2.Sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-Aġenzija għandha tibgħat ir-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji tal-Aġenzija kkonsolidati bil-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

3.Mal-wasla tal-osservazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Aġenzija skont l-Artikolu 148 tar-Regolament Finanzjarju, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Aġenzija taħt ir-responsabbiltà tiegħu u jibgħathom lill-Bord tat-Tmexxija għal opinjoni.

4.Il-Bord tat-Tmexxija għandu joħroġ opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija.

5.L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jibgħat, sal-1 ta’ Lulju wara kull sena finanzjarja, il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

6.Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara.

7.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta’ Settembru. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat ukoll din it-tweġiba lill-Bord tat-Tmexxija.

8.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, kull informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla intoppi tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, skont l-Artikolu 165(3) tar-Regolament Finanzjarju.

9.Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N+2, il-Parlament Ewropew għandu jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

Artikolu 16 – Ir-regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija għandhom jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Huma ma għandhomx jitbegħdu mir-Regolament (UE) 1271/2013, sakemm din id-devjazzjoni ma tkunx meħtieġa b’mod speċifiku għall-operat tal-Aġenzija u bil-Kummissjoni li tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.

KAPITOLU IV

PERSUNAL

Artikolu 17 – Dispożizzjonijiet ġenerali

1.Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni u r-regoli adottati permezz ta’ ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jidħlu fis-seħħ dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija.

2.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni xierqa biex jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 18 – Id-Direttur Eżekuttiv

1.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun membru tal-persunal u għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Aġenzija skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjiegi Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni.

2.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija minn lista ta’ kandidati proposta mill-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti.

Għall-fini li jiġi konkluż il-kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, l-Aġenzija għandha tiġi rappreżentata mill-President tal-Bord tat-Tmexxija.

3.Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ ħames snin. Sa tmiem dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni li tqis evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u tal-kompiti u tal-isfidi futuri tal-Aġenzija.

4.Il-Bord tat-Tmexxija, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni li tqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba, għal mhux aktar minn ħames snin.

5.Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura oħra ta’ għażla għall-istess kariga fit-tmiem tal-perjodu ġenerali.

6.Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

7.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu deċiżjonijiet dwar il-ħatra, l-estensjoni tal-mandat jew it-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv abbażi ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord li jkollhom dritt tal-vot.

Artikolu 19 – L-esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor

1.L-Aġenzija tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati jew minn persunal ieħor mhux impjegat mill-Aġenzija.

2.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar l-issekondar ta’ esperti nazzjonali fl-Aġenzija.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 20 – L-istatus legali

1.L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Unjoni. Għandu jkollha personalità ġuridika.

2.F’kull wieħed mill-Istati Membri l-Aġenzija għandha tgawdi l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. Partikolarment tista’ tikseb u tiddisponi minn propjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali.

3.L-Aġenzija għandu jkollha s-sede tagħha f’Thessaloniki, il-Greċja.

4.L-Aġenzija tista’ tistabbilixxi uffiċċji lokali fi Stat Membru wieħed jew aktar, suġġett għall-kunsens tagħhom u skont l-Artikolu 11(6).

Artikolu 21 – Il-privileġġi u l-immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea japplika għall-Aġenzija u għall-persunal tagħha.

Artikolu 22 – L-arranġamenti lingwistiċi

1.Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1 għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

2.Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi dwar il-lingwi li għandhom jintużaw mill-Aġenzija fil-funzjonament intern tagħha.

3.Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għat-tħaddim tal-Aġenzija għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni tal-korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 23 – It-trasparenza

1.Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2.Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.L-ipproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija għandu jkun suġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 mill-Aġenzija, inklużi dawk li jikkonċernaw il-ħatra ta’ Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Aġenzija. Dawn il-miżuri għandhom ikunu stabbiliti wara li ssir konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 24 – Il-ġlieda kontra l-frodi

1.Sabiex tkun iffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illeċiti oħra skont ir-Regolament Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 fi żmien sitt xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Aġenzija għandha taċċedi għall-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u tadotta dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-impjegati kollha tal-Aġenzija bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dan il-Ftehim.

2.Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa tal-awditjar, abbażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand l-Aġenzija.

3.L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ għotja jew kuntratt iffinanzjat mill-Aġenzija, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 u fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96.

4.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta’ għotja u d-deċiżjonijiet ta’ għotja tal-Aġenzija għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu espliċitament is-setgħa lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-OLAF sabiex iwettqu dan l-awditjar u l-investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 25 - Ir-regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

L-Aġenzija għandha tadotta regoli proprji ta’ sigurtà li jkunu ekwivalenti għar-regoli ta’ sigurtà tal-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (IKUE) u l-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 12 u 2015/444 13 , fejn meħtieġ Ir-regoli ta’ sigurtà tal-Aġenzija għandhom ikopru, fost l-oħrajn, u fejn xieraq, dispożizzjonijiet għall-iskambju, għall-ipproċessar u għall-ħżin ta’ din l-informazzjoni.

Artikolu 26 – Ir-responsabbiltà

1.Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandha tkun irregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

2.Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tagħti sentenzi skont kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

3.Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkawżat mid-dipartimenti tagħha jew mill-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

4.Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha jkollha ġurisdizzjoni f’tilwim fuq kumpens għal danni kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.Ir-responsabiltà personali tal-persunal tagħha lejn l-Aġenzija għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għalihom.

Artikolu 27 - L-evalwazzjoni

1.Sa mhux iżjed tard minn ħames(5) snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 36 imbagħad kull ħames(5) snin wara din, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tal-Aġenzija fir-rigward tal-għanijiet, tal-mandat u tal-kompiti tagħha. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi mmodifikat il-mandat tal-Aġenzija, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe modifika bħal din.

2.Meta l-Kummissjoni tqis li l-kontinwazzjoni tal-Aġenzija ma tkunx ġustifikata aktar fir-rigward tal-għanijiet, tal-mandat u tal-kompiti assenjati lilha, tista’ tipproponi li dan ir-Regolament jiġi emendat skont dan jew jitħassar.

3.Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord tat-Tmexxija dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni għandhom isiru pubbliċi.

Artikolu 28 – L-inkjesti amministrattivi

L-attivitajiet tal-Aġenzija għandhom ikunu suġġetti għall-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew skont l-Artikolu 228 tat-Trattat.

Artikolu 29 – Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

1.Sa fejn ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Aġenzija tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u/jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

Għal dan l-għan, suġġett għal approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni, l-Aġenzija tista’ tistabbilixxi arranġamenti ta’ ħidma mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Dawk l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi ġuridiċi imposti fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

2.L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi, li jkunu daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni f’dan ir-rigward.

Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti li jispeċifikaw, b’mod partikolari, in-natura, il-limitu u l-mod kif il-pajjiżi terzi kkonċernati jkunu se jieħdu sehem fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-Aġenzija, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet ta’ persunal, dawn l-arranġamenti, fi kwalunkwe każ, għandhom jikkonformaw mar-Regolamenti tal-Persunal.

3.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta strateġija għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet li għalihom l-Aġenzija tkun kompetenti.

Artikolu 30 – Il-ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u l-kondizzjonijiet tal-operat

1.L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandha tkun ipprovduta lill-Aġenzija fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dak l-Istat Membru flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għad-Direttur Eżekuttiv, għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija, għall-persunal tal-Aġenzija u għall-membri tal-familji tagħhom, għandhom ikunu stipulati fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede.

2.L-Istat Membru ospitanti tal-Aġenzija għandu jipprovdi l-aqwa kondizzjonijiet possibbli sabiex jiżgura l-funzjonament tal-Aġenzija, inklużi sistemi edukattivi multilingwi b’dimensjoni Ewropea, u konnessjonijiet xierqa ta’ trasport.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI

Artikolu 31 – Id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar il-Bord tat-Tmexxija

1.Il-mandat tal-membri tal-Bord ta’ Governanza tas-Cedefop kif stabbilit abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) 337/75 għandu jispiċċa fi … [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

2.Il-Bord ta’ Governanza stabbilit abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 337/75 għandu matul il-perjodu bejn … [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] u [data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ] jeżerċita l-funzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 32 – Id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar il-persunal

Id-Direttur tal-Aġenzija maħtur abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) 337/75, għall-perjodi li jifdal tal-mandat tiegħu għandu jkun assenjat għar-responsabilitajiet tad-Direttur Eżekuttiv kif stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament. Il-kondizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt tiegħu għandhom jibqgħu l-istess.

Artikolu 33 – Id-dispożizzjonijiet baġitarji tranżitorji

Il-proċedura ta’ kwittanza fir-rigward tal-baġits approvati abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 337/75 għandha ssir skont ir-regoli stabbiliti mir-Regolament (KEE) 337/75.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 34 – It-tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 337/75 jitħassar minn [data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament] u r-referenzi kollha għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 35 – Iż-żamma fis-seħħ tar-regoli interni adottati mill-Bord ta’ Governanza

Ir-regoli interni adottati mill-Bord ta’ Governanza abbażi tar-Regolament (KEE) Nru 337/75 għandhom jibqgħu fis-seħħ wara [data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Bord tat-Tmexxija fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 36 – Id-dħul fis-seħħ

1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.Għandu japplika minn … [data tal-applikazzjoni]

3.Madankollu, l-Artikoli 31, 32, 33 għandhom japplikaw minn [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

4.Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1.QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

1.1.Titlu tal-proposta/inizjattiva

1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i) fl-istruttura ABM/ABB

1.3.Natura tal-proposta/inizjattiva

1.4.Għan(ijiet)

1.5.Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva

1.6.Tul taż-żmien u impatt finanzjarju

1.7.Mod(i) ta’ tmexxija ppjanat(i)

2.MIŻURI TAT-TMEXXIJA

2.1.Regoli għall-monitoraġġ u r-rappurtar

2.2.Sistema tat-tmexxija u kontroll

2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet

3.STIMA TAL-IMPATT FINANZJARJU TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

3.1.Intestatura(i) tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linja(i) baġitarja(i) tal-infiq affettwata(i)

3.2.Stima tal-impatt fuq l-infiq

3.2.1.Sommarju tal-istima tal-impatt fuq l-infiq

3.2.2.Stima tal-impatt fuq ir-riżorsi umani tas-Cedefop

3.2.3.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali

3.2.4.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi

3.3.Stima tal-impatt fuq id-dħul

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1.QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

1.1.Titlu tal-proposta/inizjattiva

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i) fl-istruttura ABM/ABB 14  

04: Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

04 03: Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

04 03 13: Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

1.3.Natura tal-proposta/inizjattiva

◻Il-proposta/inizjattiva tirrigwarda azzjoni ġdida

Il-proposta/inizjattiva tirrigwarda azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni preparatorja 15  

⌧Il-proposta/inizjattiva tirrigwarda l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti 

◻Il-proposta/inizjattiva tirrigwarda azzjoni diretta mill-ġdid lejn azzjoni ġdida 

1.4.Għan(ijiet)

1.4.1.L-għan(ijiet) strateġiku/ċi pluriennali tal-Kummissjoni fil-mira tal-proposta/inizjattiva

L-għanijiet/valur miżjud tal-UE f’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020, il-qafas strateġiku ET 2020 għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif aġġornat mir-Rapport Konġunt tal-2015 adottat mill-Kunsill u mill-Kummissjoni f’Novembru 2015, il-Konklużjonijiet ta’ Riga ta' Ġunju 2015 u l-Aġenda l-Ġdida għall-Ewropa dwar il-Ħiliet li għadha kif ġiet adottata 16 :

- Il-promozzjoni ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol fil-forom kollha tiegħu, b’attenzjoni speċjali għall-apprendistati, billi jiġu involuti s-sħab soċjali, il-kumpaniji, il-Kmamar tal-Kummerċ u l-fornituri tal-ETV, kif ukoll bl-ixprunar tal-innovazzjoni u tal-imprenditorija;

- L-iżvilupp ulterjuri ta’ mekkaniżmi għall-iżgurar tal-kwalità fl-ETV f’konformità mar-rakkomandazzjoni dwar l-EQAVET, u bħala parti mis-sistemi għall-iżgurar tal-kwalità, it-twaqqif ta’ ċikli kontinwi ta’ tagħrif u ta’ feedback għas-sistemi tal-ETV-I u tal-ETV-K abbażi tar-riżultati tat-tagħlim;

- It-titjib tal-aċċess għall-ETV u tal-kwalifiki għal kulħadd permezz ta’ sistemi aktar flessibbli u permeabbli, b’mod partikolari billi jiġu offruti servizzi effiċjenti u integrati ta’ gwida u billi l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali ssir disponibbli

- It-tisħiħ ulterjuri tal-kompetenzi ewlenin fil-kurrikuli tal-ETV u l-għoti ta’ opportunitajiet aktar effettivi għall-ksib jew għall-iżvilupp ta’ dawk il-ħiliet permezz tal-ETV-I u tal-ETV-K;

- L-introduzzjoni ta’ approċċi sistematiċi u ta’ opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema, ta’ dawk li jħarrġu u l-mentors tal-ETV kemm fl-ambjent tal-iskola kif ukoll dak tax-xogħol;

- L-iffaċilitar tal-mobbiltà fit-tagħlim;

- It-tisħiħ u s-simplifikar tal-għodod ta’ trasparenza u ta’ rikonoxximent tal-UE;

- Ittejjeb il-ħiliet u jindirizzaw in-nuqqasijiet ta’ ħiliet f’setturi ekonomiċi speċifiċi, inkluż billi tissaħħaħ l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet għas-suq tax-xogħol b’kont meħud tal-iżviluppi teknoloġiċi.

1.4.2.Għan(ijiet) speċifiku/speċifiċi u attività(ajiet) ABM/ABB ikkonċernati

Nru tal-għan speċifiku

Iċ-Ċentru għandu jassisti lill-Kummissjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet u l-kwalifiki.

Attività(ajiet) ikkonċernata/i ABM/ABB

04 03 13 - Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) – Kontribuzzjoni skont it-Titoli 1, 2 u 3.

1.4.3.Riżultat(i) u impatti mistennija

Speċifika l-effetti li l-proposta/inizjattiva għandu jkollha fuq il-benefiċjarji/gruppi fil-mira.

Ir-reviżjoni tar-Regolament tat-Twaqqif timmira li:

Tadatta r-Regolament tat-Twaqqif tas-Cedefop għad-dispożizzjonijiet tal-Approċċ Komuni dwar l-Aġenziji Deċentralizzati.

Tadatta l-mandat u l-kompiti tal-Aġenzija għall-prijoritajiet u l-istrateġiji attwali tal-politika, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi riċenti fil-politika fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-ħiliet u l-kwalifiki kif ukoll l-iżviluppi soċjali, istituzzjonali u ekonomiċi li seħħew fl-UE sa mill-ħolqien taċ-Ċentru fl-1975.

Il-missjoni tas-Cedefop stabbilita fir-Regolament tat-Twaqqif tal-1975 hija:

L-għan taċ-ċentru għandu jkun li jassisti lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi, fuq livell ta’ Komunità, il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ taħriġ fuq ix-xogħol.

Għal dan l-iskop, fil-qafas tal-linji gwida magħmulha mill-Komunità, għandu jikkontribwixxi, permezz tal-attivitajiet xjentifiċi u tekniċi tiegħu, għall-implimentazzjoni ta’ politika komuni għat-taħriġ vokazzjonali.

Għandu, b’mod partikolari, jinkoraġġixxi l-iskambju ta’ informazzjoni u t-tqabbil ta’ esperjenzi.

Is-Cedefop jaħdem biex isaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea u jipprovdi l-evidenza li fuqha jiġu bbażati l-politiki Ewropej tal-ETV, il-ħiliet u l-kwalifiki. Il-valur miżjud tas-Cedefop huwa l-kwalità għolja tal-analiżi komparattiva u l-kompetenzi tiegħu miġbura permezz tar-riċerka u n-netwerking.

Is-Cedefop jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet tal-Istati Membri, ir-rappreżentanti tal-impjegaturi u t-trejdjunjins, ir-riċerkaturi u l-prattikanti tal-ETV. Jagħtihom informazzjoni aġġornata dwar l-iżviluppi fl-ETV kif ukoll opportunitajiet għal dibattitu ta’ orjentazzjoni.

Is-Cedefop ixerred l-informazzjoni tiegħu permezz tal-websajt tiegħu, pubblikazzjonijiet, midja soċjali, netwerks, konferenzi u seminars. L-attivitajiet tas-Cedefop huma ggwidati mill-missjoni u l-prijoritajiet ta’ terminu medju tiegħu.

L-Aġenzija tirsisti biex tipprovdi lill-pubbliku l-akbar aċċess possibbli għad-dokumenti miżmuma minnha permezz tal-websajt tagħha.

1.4.4.Indikaturi tar-riżultati u l-impatti

Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proposta/inizjattiva.

Diġà tinsab fis-seħħ sistema komprensiva ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni kemm ex ante kif ukoll ex post tal-programmi ta’ ħidma pluriennali. Din se titlesta bl-evalwazzjoni u r-reviżjoni mwettqa mill-Kummissjoni kull ħames snin.

1.5.Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva

1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi(u) ssodisfat(i) fuq medda qasira jew twila ta’ żmien

L-Artikolu 166(4) jirreferi għal politika ta’ taħriġ vokazzjonali li għandha tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għalkollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali. L-Artikolu 165(4) jirreferi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni lejn l-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġja u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi tal-edukazzjoni.

Is-Cedefop jikkontribwixxi għall-ħidma politika fit-tul tal-Kummissjoni għal/biex:

- Tipprovdi tagħrif u evidenza ġdida fl-ETV u l-ħiliet u l-politiki tal-kwalifiki;

- Tissorvelja t-tendenzi tal-politika u tipprovdi analiżi tal-politika tal-iżviluppi fil-politiki tal-ETV u tal-ħiliet u l-kwalifiki;

- Tippromwovi antiċipazzjoni aħjar ta’ bżonnijiet futuri tal-ħiliet, inkluż fid-dawl ta’ żviluppi teknoloġiċi, u l-iżvilupp ta’ tqabbil aħjar bejn il-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol;

- Fuq medda qasira ta’ żmien, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ politika komuni għat-taħriġ vokazzjonali u l-għodod Ewropej fil-qasam tal-edukazzjoni u skont il-Prijoritajiet tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (2011-2020), kif aġġornat fir-Rapport Konġunt tal-2015 skont il-qafas Strateġiku ET 2020 għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ u l-Aġenda l-Ġdida għall-Ewropa dwar il-Ħiliet li għadha kif ġiet varata.

1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE

Il-valur miżjud tas-Cedefop jiddependi fuq in-natura tripartitika tiegħu li tippermettilu li jiżviluppa l-analiżi komparattiva ta’ kwalità għolja u kompetenza fil-qasam tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-ħiliet u l-kwalifiki bbażati fuq l-input li jasal minn varjetà ta’ atturi fil-livell nazzjonali u Ewropew. Din il-kompetenza rikka tissarraf f’appoġġ konkret għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE u nazzjonali permezz tal-kompiti li ġejjin:

(a)    l-analiżi tal-iżviluppi u l-provvista ta’ analiżi komparattiva tal-politiki u l-prattiki fost il-pajjiżi;

(b)    l-analiżi tat-tendenzi tas-suq tax-xogħol fir-rigward tal-ħiliet u l-kwalifiki;

(c)    l-analiżi u l-kontribuzzjoni għal żviluppi relatati mad-disinn u l-għoti ta’kwalifiki, l-organizzazzjoni tagħhom f’qafas, u l-funzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza u r-rikonoxximent tagħhom;

(d)    l-analiżi u l-kontribuzzjoni għal żviluppi fil-qasam tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali;

(e)    it-twettiq jew l-ikkummissjonar ta’ studji u t-twettiq ta’ riċerka dwar żviluppi soċjo-ekonomiċi rilevanti u kwistjonijiet politiċi relatati;

(f)    il-provvista ta’ fora għal skambju ta’ esperjenzi u informazzjoni bejn il-gvernijiet, is-sħab soċjali u l-partijiet interessati fil-livell nazzjonali, u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-politiki fil-livell nazzjonali;

(g)    it-tixrid ta’ informazzjoni bħala kontribut għall-politiki u ż-żieda fil-kuxjenza u l-fehim tal-potenzjal tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-promozzjoni u l-appoġġ tal-impjegabbiltà tal-persuni, il-produttività fil-kumpaniji u t-tagħlim tul il-ħajja;

(h)    l-immaniġġjar u d-disponibbiltà ta’ għodod, datasets u servizzi għall-ħiliet, okkupazzjonijiet u kwalifiki għaċ-ċittadini, il-kumpaniji, il-persuni li jfasslu l-politika, is-sħab soċjali u partijiet interessati oħrajn.

1.5.3.Lezzjonijiet miksuba minn esperjenzi simili fil-passat

Il-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni esterna tas-Cedefop kull ħames snin. Evalwazzjonijiet preċedenti kkonfermaw li s-Cedefop jagħti kontribut sostanzjali għall-ħidma analitika u politika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ETV. L-aħħar evalwazzjoni esterna tas-Cedefop twettqet fl-2013 (li kienet tkopri l-perjodu mill-2007 sa nofs l-2012) 17 . Skont ir-rapport ta’ evalwazzjoni, iċ-Ċentru kompla miexi lejn l-iffukar fuq l-appoġġ għall-politika apparti mill-funzjoni aktar tradizzjonali tiegħu ta’ sors miftuħ. Ir-Regolament tat-Twaqqif tas-Cedefop għandu jiġi emendat biex jinkludi l-ħidma tal-Aġenzija fuq il-ħiliet u l-kwalifiki bħala waħda mill-kompiti tiegħu u biex jintegra b’mod aktar ċar il-ħidma dwar ir-rappurtar tal-politika u l-għodod u l-inizjattivi komuni Ewropej.

1.5.4.Kompatibbiltà u sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn

Is-Cedefop jikkoopera ma’ Aġenziji oħrajn tal-UE li jaħdmu f’oqsma relatati. Jeżistu ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU OSHA), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF). Dawn il-ftehimiet jipprevedu il-konsultazzjoni bikrija dwar l-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma u huma kkumplimentati minn pjanijiet ta’ azzjoni annwali li jaqblu dwar aktar forom ta’ skambju u, fejn xieraq, attivitajiet konġunti. Dan jiżgura l-kumplimentarjetà tal-azzjonijiet u jippermetti li jinkisbu s-sinerġiji.

1.6.Tul taż-żmien u impatt finanzjarju

◻Proposta/inizjattiva ta’ tul ta’ żmien limitat

   Proposta/inizjattiva fis-seħħ mill-[JJ/XX]SSSS sal-[JJ/XX]SSSS

   Impatt finanzjarju mill-SSSS sal-SSSS

⌧Proposta/inizjattiva ta’ tul ta’ żmien indefinit

Implimentazzjoni b’perjodu inizjali mill-SSSS sal-SSSS,

segwita b’operazzjoni sħiħa.

1.7.Mod(i) ta’ tmexxija ppjanat(i) 

Tmexxija diretta mill-Kummissjoni permezz ta’

   aġenziji eżekuttivi

Tmexxija konġunta mal-Istati Membri

Tmexxija indiretta billi l-kompiti tal-implimentazzjoni baġitarja jiġu ddelegati lil:

◻ organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);

◻il-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment;

⌧korpi msemmija fl-Artikoli 208 u 209;

◻ korpi tal-liġi pubblika;

◻ korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku safejn dawn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

◻ korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

◻ persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.

Kummenti

Mhux applikabbli

2.MIŻURI TAT-TMEXXIJA

2.1.Regoli għall-monitoraġġ u r-rappurtar

Speċifika l-frekwenza u l-kondizzjonijiet.

L-aġenziji kollha tal-UE jaħdmu skont sistema stretta ta’ monitoraġġ li tinvolvi koordinatur ta’ kontroll intern, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni, il-Bord ta’ Governanza, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-Awtorità Baġitarja. Is-sistema kif stabbilita fir-Regolament tat-Twaqqif tas-Cedefop se tkompli tapplika.

2.2.Sistema tat-tmexxija u kontroll

2.2.1.Riskju/i identifikat(i)

xejn

2.2.2.Metodu(i) ta’ kontroll previst(i)

Mhux applikabbli

2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet

Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni eżistenti jew previsti.

L-Artikolu 24 tal-proposta jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-frodi.

Is-Cedefop adotta l-Istrateġija Kontra l-Frodi tiegħu fit-22 ta’ Ottubru 2014, flimkien mal-Politika dwar il-prevenzjoni u t-tmexxija ta’ kunflitti ta’ interess fis-Cedefop. Mehmuża mal-istrateġija kontra l-frodi hemm proċedura interna dwar ir-rappurtar dwar l-irregolaritajiet, inkluż qafas ġuridiku u prinċipji bażiċi. 

3.STIMA TAL-IMPATT FINANZJARJU TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

3.1.Intestatura(i) tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linja(i) baġitarja(i) tal-infiq affettwata(i)

Linji baġitarji eżistenti

Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Tip ta’
infiq

Kontribut

Intestatura 1A – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

Diff./Mhux diff 18 .

mill-pajjiżi tal-EFTA 19

mill-pajjiżi kandidati 20

minn pajjiżi terzi

fis-sens tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

15 02 11 Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

Diff.

IVA

LE

LE

IVA

Linji baġitarji ġodda mitluba

Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Tip ta’
infiq

Kontribut

Intestatura 1A – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

Diff./Mhux diff.

mill-pajjiżi tal-EFTA

mill-pajjiżi kandidati

minn pajjiżi terzi

fis-sens tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

04 03 13 Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

Diff.

IVA

LE

LE

IVA

3.2.Stima tal-impatt fuq l-infiq

L-impatt fuq l-infiq kif ippreżentat hawn taħt huwa konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2013)519.

3.2.1.Sommarju tal-istima tal-impatt fuq l-infiq

Miljuni ta’ EUR (sa tliet punti deċimali)

Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali

1A

Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP)

2013

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

TOTALI

• Approprjazzjonijiet operazzjonali

Numru tal-linja baġitarja

Impenji

(1)

17,434

17,434

17,434

17,434

17,434

17,434

17,783

18,138

123,091

Ħlasijiet

(2)

17,434

17,434

17,434

17,434

17,434

17,434

17,783

18,138

123,091

Numru tal-linja baġitarja

Impenji

(1a)

Ħlasijiet

(2a)

Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi 21  

mhux applikabbli

mhux applikabbli

mhux applikabbli

mhux applikabbli

mhux applikabbli

mhux applikabbli

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Numru tal-linja baġitarja

(3)

Approprazzjonijiet TOTALI
għal Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP)

Impenji

=1+1a +3

17,434

17,434

17,434

17,434

17,434

17,434

17,783

18,138

123,091

Ħlasijiet

=2+2a

+3

17,434

17,434

17,434

17,434

17,434

17,434

17,783

18,138

123,091



3.2.2.Stima tal-impatt fuq ir-riżorsi umani tas-Cedefop

3.2.2.1.Sommarju

   Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

   Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:

Miljuni ta’ EUR (sa tliet punti deċimali)

2016

2017

2018

2019

2020

TOTALI

Uffiċjali (Gradi AD u AST totali)

16

15

14

14

14

Persunal b’kuntratt

25

25

25

25

25

Persunal temporanju

78

77

77

77

77

Esperti Nazzjonali Sekondati

4

4

4

4

4

TOTALI

123

121

120

120

120

3.2.2.2.L-istima tar-rekwiżiti tar-riżorsi umani għad-DĠ prinċipali

   Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani

   Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

2016

2017

2018

2019

2020

Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)

XX 01 01 01 (Kwartieri ġenerali u l-Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)

1.5

1.5

1.5

1.5

1.5

XX 01 01 02 (Delegazzjonijiet)

XX 01 05 01 (Riċerka indiretta)

10 01 05 01 (Riċerka diretta)

Persunal estern ((f’Unità Ekwivalenti għal ingaġġ full-time: FTE) 22

XX 01 02 01 (AC, END, INT mill-“finanzjament globali”)

XX 01 02 02 (AC, AL, END, INT u JED fid-Delegazzjonijiet)

XX 01 04 ss 23

- fil-Kwartieri Ġenerali 24

- fid-Delegazzjonijiet

XX 01 05 02 (AC, END, INT – Riċerka indiretta)

10 01 05 02 (AC, END, INT – Riċerka diretta)

Linji baġitarji oħrajn (speċifika)

TOTALI

Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu ssodisfati bil-persunal mid-DĠ li diġà jkunu assenjati għat-tmexxija tal-azzjoni u/jew li ġew ridistribwiti fid-DĠ, flimkien, jekk ikun neċessarju, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ ta’ tmexxija skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji.

Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:

Uffiċjali u persunal temporanju

Koordinazzjoni u rappreżentazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni lejn l-Aġenzija.

Persunal estern

3.2.3.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali

   Il-proposta/inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali.

   Il-proposta/inizjattiva se teħtieġ programmazzjoni mill-ġdid tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

Spjega liema programmazzjoni mill-ġdid hija meħtieġa, billi tispeċifika l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.

   Il-proposta/inizjattiva teħtieġ applikazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà jew reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 25 .

Spjega dak li huwa meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.

3.2.4.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi

Il-proposta/inizjattiva ma tipprevedix il-kofinanzjament minn partijiet terzi

Il-proposta/inizjattiva tipprevedi l-istima ta’ kofinanzjament ta’ hawn taħt:

EUR



2017

2018

2019

2020

il-kontribuzzjonijiet tan-Norveġja u tal-Iżlanda

475 949

475 949

485 480

495 170

TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati

475 949

475 949

485 480

495 170

3.3.Stima tal-impatt fuq id-dħul

   Il-proposta/inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

   Il-proposta/inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:

   fuq ir-riżorsi proprji

   fuq dħul mixxellanju

Miljuni ta’ EUR (sa tliet punti deċimali)

Linja baġitarja tad-dħul:

Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali

Impatt tal-proposta/inizjattiva 26

Sena
N

Sena
N+1

Sena
N+2

Sena
N+3

Niżżel kemm hemm bżonn snin biex turi t-tul ta’ żmien kemm idum l-impatt (ara l-punt 1.6)

Artikolu ………….

Għal dħul “assenjat” mixxellanju, speċifika l-linja(i) baġitarja(i) tal-infiq affettwata(i).

[…]

Speċifika l-metodu għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul.

[…]

(1) Inkluż il-qafas strateġiku ET 2020 għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li dan l-aħħar ġew aġġornati bir-Rapport Konġunt tal-2015 u l-proċess ta’ Copenhagen li jrawwem il-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
(2) Kif stipulat reċentement fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni (COM(2016) 381/2).
(3) ĠU
(4) ĠU
(5) Ir-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 337/75 tal-10 ta’ Frar 1975 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali (ĠU L 039, 13.2.1975, p.1).
(6) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, tas-4.3.1968, p. 1).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).
(9) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1).
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).
(14) ABM: tmexxija bbażata fuq l-attività; ABB: ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività.
(15) Kif imsemmi fl-Artikolu 54(2)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.
(16) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni (COM(2016) 381/2).
(17) http://www.cedefop.europa.eu/en/content/final-report-external-evaluation-cedefop-9-december-2013
(18) Diff. = Approprjazzjonijiet differenzjati / Mhux diff. = Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.
(19) EFTA: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.
(20) Pajjiżi kandidati u, fejn applikabbli, pajjiżi kandidati potenzjali mill-Balkani tal-Punent.
(21) Għajnuna teknika u/jew amministrattiva u infiq b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ programmi u/jew azzjonijiet tal-UE (dawk li kienu linji “BA”), riċerka indiretta, riċerka diretta.
(22) AC = Persunal b’Kuntratt; AL = Persunal Lokali; END = Espert Nazzjonali Sekondat; INT = Persunal tal-Aġenzija; JED = Esperti Żgħażagħ f’Delegazzjonijiet.
(23) Sottolimitu għall-persunal estern kopert mill-approprjazzjonijiet operazzjonali (dawk li kienu linji “BA”).
(24) Essenzjalment għall-Fondi Strutturali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES).
(25) Ara l-Artikoli 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020.
(26) Fir-rigward ta’ riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali, imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati għandhom ikunu ammonti netti, jiġifieri ammonti gross wara tnaqqis ta’ 25 % għall-ispejjeż ta’ ġbir.
Top