EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0518

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tavża lil Spanja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarji biex jagħmlu tajjeb għas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

COM/2016/0518 final

Brussell, 27.7.2016

COM(2016) 518 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tavża lil Spanja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarji biex jagħmlu tajjeb għas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

{SWD(2016) 263 final}


Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tavża lil Spanja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarji biex jagħmlu tajjeb għas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw li jkollhom defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta' finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b'saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv 1 , li kien adottat biex jgħin il-korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi tal-amministrazzjoni pubblika.

(3)Fis-27 ta' April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li fi Spanja kien hemm defiċit eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjoni biex jiġi korrett id-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2012, skont l-Artikolu 104(7) ta' dak it-Trattat. Minn dakinhar, il-Kunsill ħareġ tliet rakkomandazzjonijiet ġodda lil Spanja (fit-2 ta' Diċembru 2009, fl-10 ta' Lulju 2012 u fil-21 ta' Ġunju 2013) abbażi tal-Artikolu 126(7) TFUE, li estendew l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għall-2013, l-2014 u l-2016 rispettivament. F'kull waħda mit-tliet rakkomandazzjonijiet, il-Kunsill ikkunsidra li Spanja kienet ħadet azzjoni effettiva, iżda li kienu seħħew avvenimenti ekonomiċi avversi mhux mistennija b’konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi tal-gvern 2 .  

(4)Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 126(8) tat-Trattat, il-Kunsill iddeċieda fit-12 ta' Lulju 2016 li Spanja ma ħaditx azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013.

(5)Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, jekk azzjoni minn Stat Membru parteċipanti ma tkunx qed tiġi implimentata jew, fl-opinjoni tal-Kunsill, tkun qed turi li mhijiex adegwata, il-Kunsill għandu immedjatament jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 126(9) tat-Trattat.

(6)    Il-Kummissjoni aġġornat it-tbassir tar-rebbiegħa tagħha tal-2016 b'informazzjoni disponibbli sad-19 ta' Lulju 2016. Fuq din il-bażi, it-tbassir ta' tkabbir tal-PDG għall-2016 ġie rivedut 'il fuq b'0,3 punti perċentwali meta mqabbel mat-tbassir tar-rebbiegħa, għal 2,9 % u 'l isfel għall-2017 (2,3 % kontra 2,5 % fir-rebbiegħa). Għall-2018, il-PDG reali huwa mbassar li jikber għal 2,1 %. Dan hu mqabbel mat-tkabbir ta' 3,2 % fl-2015. It-tkabbir ekonomiku huwa għalhekk mistenni jonqos imma jibqa' robust, filwaqt li jibqa' jibbenefika minn riformi meħuda b'reazzjoni għall-kriżi u mit-tlestija b'suċċess tal-programm ta' assistenza finanzjarja. L-irkupru għadu qed jiġi akkumpanjat minn ħolqien qawwi tax-xogħol, f'kuntest ta' tkomplija tal-moderazzjoni tal-pagi, u jibbenefika minn riformi fis-suq tax-xogħol. Il-prezzijiet taż-żejt baxxi jappoġġaw it-tkabbir ukoll. Fl-istess ħin, l-inflazzjoni hija mistennija li tkun ta' -0,3 % fl-2016. Madankollu, hemm riskji negattivi għat-tbassir ta' tkabbir, speċjalment mill-2017 ’il quddiem, relatati fost affarijiet oħra mal-eżitu tar-referendum fir-Renju Unit dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, li żied l-inċertezza b'implikazzjonijiet potenzjalment negattivi għall-kummerċ u d-domanda domestika.

(7)Skont it-tbassir aġġornat tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-gvern huwa mistenni li jonqos għal 4,6 % tal-PDG fl-2016, 3,3 % tal-PDG fl-2017 u 2,7 % tal-PDG fl-2018 (imqabbel mal-miri tal-Programm ta' Stabbiltà ta' 3,6 %, 2,9 % u 2,2 % tal-PDG għall-2016, l-2017 u l-2018 rispettivament u eżitu ta' defiċit proġettat ta' 3,9 % tal-PDG fl-2016 u 3,1 % tal-PDG fl-2017 fit-tbassir tar-rebbiegħa). It-tbassir ta' defiċit ogħla huwa parzjalment dovut għall-fatt li t-tbassir aġġornat tal-Kummissjoni jqis ammont iżgħar ta' miżuri biex jiġi kkontrollat l-infiq fil-livell tal-gvern ċentrali u reġjonali b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' Marzu 2016 (0,2 % tal-PDG) minn dak tat-tbassir tal-Programm ta' Stabbiltà (0,4 % tal-PDG) peress li xi wħud minn dawn il-miżuri għadhom ma ġewx speċifikati biżżejjed biex ikunu inklużi fit-tbassir tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-preżunzjoni normali ta' ebda bdil fil-politika. Madankollu, il-parti kbira tad-differenza ġejja mill-bidliet li saru fil-qafas legali tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji, li wasslu għal inqas ħlasijiet bil-quddiem mill-kumpaniji ("pagos fraccionados") fl-2016. It-tnaqqis fil-ħlasijiet bil-quddiem ma kinux ikkwantifikati fil-Programm ta' Stabbiltà u bdew jidhru biss f'April, fi żmien l-ewwel ħlas parzjali, wara d-data limitu tat-tbassir tar-rebbiegħa. It-tbassir aġġornat tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2016 jistma li dan it-tnaqqis hu ta' 0,5 % tal-PDG fl-2016. Peress li l-bidliet imsemmija hawn fuq joħolqu dewmien permanenti fil-ħlas tat-taxxi imma mhux bidla fir-rata tat-taxxa jew il-bażi tat-taxxa, huma ma jaffettwawx id-dħul mit-taxxi fuq l-introjtu tal-kumpaniji fi stat stabbli ġdid (mill-2017 ’il quddiem). Dawn jirriżultaw f'telf temporanju fil-ġbir tat-taxxi fl-2016, li ġie trattat bħala ta' darba fit-tbassir aġġornat tar-rebbiegħa. Għall-2017, id-differenzi bejn it-tbassir aġġornat tar-rebbiegħa u l-Programm ta' Stabbiltà jirriżultaw mill-punt tat-tluq agħar milli mistenni u mill-fatt li l-miżuri ta' ffrankar li ttieħdu b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2016 għadhom mhumiex speċifikati biżżejjed biex jiġu kkunsidrati fuq il-bażi tal-preżunzjoni ta' ebda bidla fil-politika. Id-defiċit strutturali huwa mistenni jiżdied b'0,4 % u b'0,1 % tal-PDG fl-2016 u l-2017 rispettivament u li jibqa' l-istess fl-2018. Madankollu, fl-2016, iż-żieda pproġettata tad-defiċit strutturali ġejja parzjalment mill-fatt li l-prospettiva attwali għall-inflazzjoni u t-tkabbir nominali tal-PDG hija iktar baxxa minn dik li tirfed il-baġit tal-2016, li affettwa negattivament id-dħul strutturali tal-gvern filwaqt li ma ppermettiex li l-infiq jiġi aġġustat.

(8)Il-proporzjon ta' dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG żdied minn 36 % fl-2007 għal madwar 99 % fl-2014. Fl-2015, il-proporzjon tad-dejn kien pjuttost stabbli, hekk kif il-bejgħ nett ta' assi finanzjarji patta għall-impatt negattiv tad-defiċit li kien qed jikber aktar malajr mit-tkabbir nominali tal-PDG. Skont it-tbassir aġġornat tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn mistenni jilħaq il-livell massimu ta' 100,6 % tal-PDG fl-2017, filwaqt li t-tbassir tar-rebbiegħa pproġetta li d-dejn jilħaq il-livell massimu ta' 100,3 % tal-PDG fl-2016. Għalkemm Spanja ma tidhirx li qed tħabbat wiċċha ma' riskji immedjati ta' stress fiskali li joriġina minn dan il-proporzjon għoli tad-dejn, ir-riskji tas-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju se jiżdiedu b'mod sinifikanti jekk il-pożizzjoni baġitarja ma titjiebx. Fuq terminu ta' żmien itwal, ir-riskji għas-sostenibbiltà fiskali huma mistennija jkunu anqas minħabba l-impatt pożittiv ta' tnaqqis fl-infiq relatat mal-età 3 .

(9)Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, fid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tavża biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit f'konformità mal-Artikolu 126(9) tat-Trattat, il-Kunsill għandu jitlob li l-Istat Membru jilħaq miri baġitarji annwali li, abbażi tal-previżjoni li tirfed in-notifika, ikunu konsistenti ma' titjib annwali minimu ta' mill-inqas 0,5 % tal-PDG bħala punt ta' riferiment, fil-bilanċ aġġustat ċiklikament tiegħu nett minn miżuri ta' darba jew temporanji. Madankollu, il-fatt li din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' avviż ġiet adottata fit-tieni nofs tas-sena jamplifika l-isforz fiskali meħtieġ biex jinkiseb titjib annwali partikolari tal-bilanċ strutturali. Huwa importanti wkoll li wieħed iżomm f'moħħu li x-xenarju bażi għall-perkors il-ġdid ta’ aġġustament jibda b'deterjorament ta' 0,4 % tal-PDG tad-defiċit strutturali, li huwa tal-inqas parzjalment ir-riżultat tal-inflazzjoni li kienet inqas milli pproġettata fix-xenarju li jirfed il-baġit tal-2016 – avveniment li fil-parti l-kbira mhuwiex fil-kontroll tal-gvern. Meta wieħed iqis dan, jidher li jkun xieraq li ma jintalbux iktar miżuri strutturali fl-2016.

(10)Meta tqis li ma għandha tintalab l-ebda miżura strutturali fl-2016, biex Spanja tingħata sena oħra għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tagħha, li hija r-regola skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, hemm bżonn ta' titjib annwali tal-bilanċ strutturali fl-2017 li jkollu impatt negattiv wisq fuq it-tkabbir. Għalhekk, jidher li jkun adegwat li l-iskadenza biex Spanja ttemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tagħha tiġi estiża b'sentejn.

(11)Għalhekk, perkors ta’ aġġustament kredibbli u sostenibbli jkun jitlob li Spanja tilħaq defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta' 4,6 %, 3,1 % u 2,2 % tal-PDG fl-2016, fl-2017 u fl-2018, rispettivament, li jkun konsistenti ma' deterjorament tal-bilanċ strutturali ta' 0,4 % tal-PDG fl-2016 u titjib ta' 0,5 % tal-PDG, kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018. Dawn il-miri baġitarji jikkunsidraw ukoll il-ħtieġa li jkun hemm kumpens għall-effetti indiretti tal-konsolidament fiskali fuq il-finanzi pubbliċi, permezz tal-impatt tiegħu fuq l-ekonomija aktar wiesgħa.

(12)Sabiex jintlaħqu dawk il-miri, huwa kkunsidrat li jkunu neċessarji miżuri strutturali ulterjuri b'impatt stmat ta' 0,5 % ta' PDG kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018. L-iffrankar għall-2017 u l-2018 jista' jinkludi fost affarijiet oħra t-tnaqqis fl-ammont u fl-ambitu tan-nefqiet fiskali, b'mod partikolari r-rati mnaqqsa tal-VAT, biex jinkiseb l-isforz strutturali mitlub.

(13)Barra minn hekk, infurzar strett fil-livelli kollha tal-gvern tal-mekkaniżmi preventivi u korrettivi previsti fil-Liġi dwar l-Istabbiltà ta' Spanja jista' jwassal għal korrezzjoni propizja u durabbli tad-defiċit eċċessiv. Dan jista' jinkiseb permezz ta' awtomatiċità akbar fl-implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-kontribut tar-regola tal-infiq tal-Liġi tal-Istabbiltà għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi jista' jittejjeb billi jkomplu jiġu ċċarati l-kopertura u d-definizzjoni tal-kategoriji tal-infiq meħtieġa għall-komputazzjoni tagħha, u billi l-amministrazzjonijiet pubbliċi mhux konformi jintalbu jpattu għal nuqqasijiet fl-infiq fis-sena wara l-okkorrenza tagħhom.

(14)Spanja għandha tqis ukoll l-aspetti kwalitattivi tal-finanzi pubbliċi, inkluża l-politika ta' akkwist pubbliku tagħha. L-għadd ta' għemil illeċitu li għandu impatt fuq l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku tal-UE li wasal għall-attenzjoni tal-Kummissjoni fis-snin reċenti kien sinifikanti. Id-dejta turi li hemm nuqqas ta' qbil fl-implimentazzjoni tal-akkwist pubbliku minn entità u awtorità kontraenti għall-oħra u li ammont insuffiċjenti ta' mekkaniżmi ex-ante u ex-post ixekkel l-applikazzjoni korretta u uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku. Spanja tolqot l-għajn minħabba rata baxxa ta' pubblikazzjoni ta' avviżi ta' kuntratti u użu relattivament għoli tal-proċedura nnegozjata mingħajr konsultazzjoni minn qabel meta mqabbla ma' Stati Membri oħra. Dan jissarraf f'kompetizzjoni limitata minn impriżi minn pajjiżi oħrajn tal-UE u spiss, f'għotjiet diretti, b'implikazzjonijiet f'termini ta' nfiq ogħla mill-amministrazzjoni pubblika. L-użu limitat ta' strumenti ta' akkwist konġunt jew ċentralizzat jipprevjeni titjib fl-effiċjenza illi kieku jikkontribwixxi għal iffrankar fiskali. In-nuqqas ta' korp indipendenti inkarigat mill-iżgurar tal-effikaċja u l-konformità ġuridika fl-akkwist pubbliku madwar il-pajjiż ixekkel l-implimentazzjoni xierqa tar-regoli ta' akkwist pubbliku u jista' joħloq opportunitajiet għal għemil illeċitu, li t-tnejn li huma jħallu impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi ta' Spanja.

(15)Biex jiġi ffaċilitat is-suċċess tal-istrateġija ta' konsolidazzjoni fiskali, se jkun importanti wkoll li l-konsolidazzjoni fiskali tkun sostnuta minn riformi strutturali komprensivi, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lil Spanja fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2016 u b'mod partikolari dawk relatati mal-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi tagħha.

(16)Skont l-Artikolu 126(9) tat-Trattat, il-Kunsill jista', bħala parti mid-Deċiżjoni tiegħu li javża skont dan l-Artikolu, jitlob lill-Istat Membru kkonċernat jippreżenta rapporti dwar l-isforz ta' aġġustament skont skeda speċifika. Skont l-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, ir-rapport tal-Istat Membru għandu jinkludi l-miri għan-nefqa u għad-dħul tal-gvern u għandu jispeċifika l-miżuri ta' politika fiskali, kemm min-naħa tan-nefqa, kif ukoll minn dik tad-dħul, kif ukoll informazzjoni dwar l-azzjonijiet ta' politika li qed jittieħdu b'reazzjoni għad-Deċiżjonijiet speċifiċi tal-Kunsill. Sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-iskadenza għall-konformità mar-rakkomandazzjonijiet inklużi f'dan l-avviż, kif ukoll l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, Spanja hija mitluba tippreżenta rapport ta' dan it-tip sal-15 ta' Ottubru 2016, b'mod parallel mal-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-2017 tagħha.

(17)Jeħtieġ ukoll li Spanja tirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, kif rikjest skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 473/2013, b’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 877/2013. Jeħtieġ li r-rapport jiġi ppreżentat għall-ewwel darba sal-15 ta' Jannar 2017 u kull tliet xhur minn hemm ’il quddiem.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Spanja għandha ġġib fi tmiemha l-qagħda ta' defiċit eċċessiv preżenti sal-2018.

2.Spanja għandha tnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għal 4,6 % tal-PDG fl-2016, għal 3,1 % tal-PDG fl-2017 u għal 2,2 % tal-PDG fl-2018. Dan it-titjib fid-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa konsistenti ma' deterjorament fil-bilanċ strutturali ta' 0,4 % tal-PDG fl-2016 u titjib ta' 0,5 % tal-PDG kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni. Spanja għandha tuża kull qligħ mhux mistenni biex taċċellera t-tnaqqis tad-defiċit u tad-dejn.

3.Minbarra l-iffrankar diġà inkluż fit-tbassir aġġornat tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, Spanja għandha tadotta u timplimenta b'mod sħiħ miżuri ta' konsolidament għall-ammont ta' 0,5 % tal-PDG kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018.

4.Spanja għandha tkun lesta tadotta miżuri ulterjuri jekk jimmaterjalizzaw ruħhom riskji għall-pjanijiet baġitarji. Miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali għandhom jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir.

5.Spanja għandha tadotta miżuri li jsaħħu l-qafas fiskali tagħha, b'mod partikolari bl-għan li tiżdied l-awtomatiċità tal-mekkaniżmi biex jiġu pprevenuti u kkoreġuti devjazzjonijiet mill-objettivi tad-defiċit, tad-dejn u tan-nefqa, u biex jissaħħaħ il-kontribut tar-regola tal-infiq tal-Liġi tal-Istabbiltà għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

6.Spanja għandha tistabbilixxi qafas konsistenti biex ikunu żgurati t-trasparenza u l-koordinament tal-politika tal-akkwist pubbliku fost l-entitajiet u l-awtoritajiet kontraenti kollha bil-ħsieb li jiġu ggarantiti effikaċja ekonomika u livell għoli ta' kompetizzjoni. Qafas ta' dan it-tip għandu jinkludi mekkaniżmi ta' kontroll ex-ante u ex-post għall-akkwist pubbliku biex ikunu żgurati l-konformità ġuridika u l-effikaċja.

Artikolu 2

Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tal-15 ta' Ottubru 2016 biex Spanja tieħu azzjoni effikaċi u, b'konformità mal-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, biex tippreżenta rapport lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar azzjoni li ttieħdet b'reazzjoni għan-notifika tal-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi l-miri għan-nefqa u d-dħul tal-amministrazzjoni pubblika u jispeċifika l-miżuri diskrezzjonali fin-naħa kemm tan-nefqa kif ukoll tad-dħul, kif ukoll l-informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Kunsill biex issaħħaħ il-qafas fiskali tagħha u l-qafas tal-politika tal-akkwist pubbliku tagħha b’konformità mal-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 1.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.
(2) Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv ta' Spanja jinsabu hawn: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/spain_en.htm .
(3) Il-Kummissjoni Ewropea (2016) "Ir-Rapport ta' Sostenibbiltà Fiskali 2015", l-Ekonomija Ewropea, Dokument Istituzzjonali Nru 018.
Top