EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0314

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2017

COM/2016/0314 final

Brussell, 30.6.2016

COM(2016) 314 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2017


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 1 (“ir-Regolament QFP”) jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza sa 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross biex l-UE-28 jirreaġixxu għal ċirkostanzi mhux previsti bħala strument tal-aħħar għażla. Fl-aġġustament tekniku tal-QFP għall-2017 2 , ibbażat fuq l-Artikolu 6 tar-Regolament QFP, l-ammont assolut tal-Marġni ta' Kontinġenza għas-sena 2017 hu stabbilit għal EUR 4 496,8 miljun.

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament QFP, u wara li ġew eżaminati l-possibilitajiet kollha għall-finanzjament addizzjonali u ħtiġijiet ta' impenn mhux previsti, il-Kummissjoni tipproponi li timobbilizza l-Marġni ta' Kontinġenza għall-2017 għal ammont ta' EUR 1 164,4 miljun sabiex jikkumplimenta l-approprjazzjonijiet ta' impenn relatati man-nefqa fl-intestatura 3 fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, lil hinn mil-limitu ta' impenn ta' EUR 2 578 miljun fi prezzijiet attwali.

Skont il-Punt 14 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 3 , il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-possibbiltà ta' allokazzjoni mill-ġdid ta' ammonti sinifikanti fi ħdan il-baġit eżistenti. Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament QFP, il-Kummissjoni tipproponi li tibbilanċja t-tisħiħ mill-ġdid tan-nefqa massima tal-intestatura 3 kif ġej: EUR 650,0 miljun kontra l-marġini mhux allokat disponibbli taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 2 u EUR 514,4 miljun kontra l-marġini mhux allokat disponibbli taħt l-intestatura 5 fl-2017.

Din il-proposta hija akkumpanjata minn proposta tal-Kummissjoni li timmobilizza l-ammont kollu tal-Istrument ta’ Flessibilità 4 disponibbli għall-2017 (EUR 530 miljun), ukoll għall-intestatura 3.

2.ĠUSTIFIKAZZJONI TA’ MOBILIZZAZZJONI

2.1.INTRODUZZJONI

Id-dimensjoni interna tal-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà tiġi ffinanzjata mill-intestatura 3 permezz tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (l-AMIF), għall-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) kif ukoll permezz ta’ aġenziji speċjalizzati bħal Frontex, Easo, ue-LISA u l-Europol. Strument ġdid li jipprovdi appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni ġie adottat mill-Kunsill fl-2016, li fl-2017 se jkompli joffri appoġġ ta’ emerġenza ta’ natura umanitarja minħabba l-influss ta’ rifuġjati u migranti attwali fl-Unjoni.

Il-limitu tan-nefqa tal-intestatura 3 fl-2017 jammonta għal EUR 2 578 miljun fi prezzijiet attwali. L-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-intestatura 3 awtorizzati fil-baġit tal-2016 huma ta’ EUR 4 052 miljun, li kienu jeħtieġu l-mobilizzazzjoni tad-disponibilità kollha tal-Istrument tal-Flessibilità f’livell ta’ EUR 1 506 miljun lil hinn mil-limitu massimu tal-intestatura 3, b’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament QFP.

Il-Kummissjoni tipproponi l-mobilizzazzjoni sħiħa massima annwali ta’ EUR 530 miljun għall-Istrument ta’ Flessibbiltà disponibbli fl-2017 biex jiżdied l-infiq fuq il-limitu tan-nefqa tal-intestatura 3.

Madankollu, il-ħtiġijiet baġitarji għall-ġestjoni tal-impatt tal-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà huma mistennija li jkunu mill-inqas daqstant għoljin fl-2017 bħal fl-2016. Bħala tweġiba politika, il-Kummissjoni pproponiet firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet strutturali b’rabta mas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni, ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, l-integrazzjoni u r-ritorn.

L-infiq marbut mal-migrazzjoni, ir-refuġjati u s-sigurtà taħt l-intestatura 3 jirrappreżenta aktar minn 70 % tan-nefqa totali taħt il-limitu. Il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa l-possibbiltajiet kollha għar-riallokazzjoni u tipproponi li jitnaqqas il-livell tal-approprjazzjonijiet (meta mqabbel mal-ipprogrammar finanzjarju) għall-Ikel u l-Għalf u l-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili. Madankollu, l-ispazju għal manuvrar hu limitat mid-daqs żgħir ta’ programmi u rekwiżiti ġodda, bħal miżuri ta’ emerġenza ġodda fis-saħħa tal-pjanti previsti fir-Regolament dwar l-Ikel u l-Għalf għall-2017. Għal din ir-raġuni, huwa possibbli biss li tkopri perċentwal żgħir ta’ ħtiġijiet addizzjonali relatati mal-migrazzjoni u r-refuġjati permezz ta’ riallokazzjoni ta’ approprjazzjonijiet skont l-intestatura 3.

Bħala konsegwenza, l-uniku rikors possibbli biex jintlaħqu l-ħtiġijiet baġitarji huwa l-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta’ Kontinġenza. Id-disponibilità ta’ marġnijiet f’intestaturi oħra tippermetti li l-mobilizzazzjoni tiegħu jiġi kompletament ikkumpensat fl-2017.

L-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom se jiġu akkomodati fi ħdan il-limitu massimu tal-2017 għal pagamenti; għalhekk m’hemm l-ebda ħtieġa li jiġi mmobilizzat il-Marġni ta’ Kontinġenza għall-pagamenti.

2.2.IL-MARĠNI TA’ KONTINĠENZA BĦALA L-ISTRUMENT TAL-AĦĦAR GĦAŻLA

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament QFP jiddefinixxi l-Marġni ta’ Kontinġenza bħala l-istrument tal-għażla biex issir reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti. Fl-Abbozz tal-Baġit 2017 (AB), il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-marġni mhux allokat taħt il-limitu massimu ta’ impenn tal-intestatura 3, wara li ġew eżaminati l-possibbiltajiet kollha għar-riallokazzjoni fi ħdan l-intestatura.

Minħabba l-mobilizzazzjoni tal-istrument ta' flessibbiltà fl-AB 2017 (EUR 530 miljun), il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza għall-2017 f'livell ta' EUR 1 164,4 miljun hi għalhekk l-uniku strument disponibbli biex jiġi indirizzat in-nuqqas bejn il-livell tal-limitu ta' nefqa tal-intestatura 3 fl-2017 u ħtiġijiet mhux previsti addizzjonali stmati għall-2017.

2.3.L-IMPATT BAĠITARJU TAĊ-ĊIRKOSTANZI MHUX PREVISTI FL-2017

Minkejja li l-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà bdiet fl-2015, l-impatt u l-konsegwenzi tagħha għadhom qed jevolvu fuq bażi ta’ kuljum. Deċiżjonijiet politiċi f’pajjiżi terzi dwar l-aċċettazzjoni ta’ rifuġjati fit-territorju tagħhom u l-ftuħ u l-għeluq tal-fruntieri jagħmluha diffiċli ħafna li wieħed jipprevedi l-evoluzzjoni fit-tul f’dan il-qasam. Il-karattru li qed jinbidel u l-imprevedibbiltà tal-kriżi tiġġustifika l-użu tal-Marġini ta’ Kontinġenza bħala għodda aħħarija biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi mhux prevedibbli tal-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà fuq il-ħtiġijiet tan-nefqa taħt l-intestatura 3.

3.IL-KUMPENS TAL-MARĠNI TA’ KONTINĠENZA KONTRA L-LIMITI MASSIMI TAL-QFP

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament QFP jirrikjedi li l-ammonti magħmula disponibbli permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għandhom jiġu kkumpensati kompletament kontra l-marġini għas-sena finanzjarja attwali jew għas-snin finanzjarji futuri.

Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament QFP, l-ammonti kkumpensati ma għandhomx ikunu mobilizzati ulterjorment fil-kuntest tal-QFP, b’tali mod li t-total tal-limiti massimi ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament stabbiliti fil-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew għas-snin finanzjarji futuri, ma jinqabiżx. Konsegwentement, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għal approprjazzjonijiet ta’ impenn taħt l-intestatura 3 fl-2017 u l-kumpens relatat irid jirrispetta l-limitu totali massimu ta’ impenn għas-snin 2017 sa 2020.

Bħala marġnijiet suffiċjenti disponibbli taħt il-limiti massimi tan-nefqa għall-2017 tal-intestaturi 2 u 5, il-Kummissjoni tipproponi li tibbilanċja bis-sħiħ fl-2017 sabiex ma tippreġudikax il-ħtiġijiet f’approprjazzjonijiet ta’ impenn għas-snin 2018-2020. L-ammont ikkumpensat fl-intestatura 2 se jkun EUR 650,0 miljun, li jħalli marġni ta' EUR 639,3 miljun fl-2017. Il-bqija tal-ispostament (EUR 514,4 miljun) hija magħmula fuq il-marġini tal-intestatura 5, li jħalli marġini ta’ EUR 81,9 miljun fl-2017. Il-limitu massimu globali għall-impenji għall-2017 u għall-QFP kollu se jibqa' l-istess.

4.ELEMENTI ADDIZZJONALI

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mfakkra li l-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea m’għandhiex issir aktar tard mill-pubblikazzjoni tal-baġit 2017 tal-Unjoni Ewropea, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament QFP.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2017

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 5 , u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-punt 14 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 6 stabbilixxa Marġini ta’ Kontinġenza sa 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni,

(2) Skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont assolut ta' dan il-Marġini ta' Kontinġenza għall-2017 7 ,

(3) Wara li ġew eżaminati l-possibbiltajiet finanzjarji kollha l-oħra li jirreaġixxu għal ċirkostanzi mhux previsti fi ħdan il-limitu ta’ nefqa għall-2017 għall-intestatura 3, u wara li jkun propost li jiġi mmobilizzat l-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-intestatura 3 għall-ammont sħiħ ta’ EUR 530 miljun disponibbli fl-2017, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza hi meħtieġa biex tindirizza l-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà billi jżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn tal-intestatura 3 fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, aktar mil-limitu massimu ta’ din l-intestatura,

(4) Wara li kkunsidraw is-sitwazzjoni partikolari ħafna, din il-kundizzjoni tal-aħħar istanza fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 hija ssodisfata,

(5) Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien għall-mobilitazzjoni tal-marġini ta' Kontinġenza, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2017,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, il-Marġni ta’ Kontinġenza għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi EUR 1 164,4 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn lil hinn mil-limitu massimu tal-intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza) tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 2

L-EUR 1 164,4 miljun f’approprjazzjonijiet ta' impenn mobilizzati permezz tal-Marġni ta' Kontinġenza għas-sena finanzjarja 2017 għandu jiġi bbilanċjat mal-marġnijiet tal-intestaturi li ġejjin fl-2017:

   (a)    intestatura 2 (Tkabbir Sostenibbli - Riżorsi Naturali) : EUR 650,0 miljun,
   
(b)
   intestatura 5 (Amministrazzjoni) EUR 514,4 miljun.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L347, 20.12.2013, p.884.
(2) COM(2016) 311, 30.6.2016.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) COM(2016) 313, 30.6.2016.
(5) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884
(7) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-30 ta' Ġunju 2016 dwar l-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għall-2017 skont movimenti fl-ING (COM(2016) 311, 30.6.2016).
Top