EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0196

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ

COM/2016/0196 final - 2016/0105 (COD)

Brussell, 6.4.2016

COM(2016) 196 final

2016/0105(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ

{SWD(2016) 115 final}
{SWD(2016) 116 final}


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta għandha l-għan li temenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) 1 . L-emendi proposti qed isiru minħabba t-twaqqif li qed jiġi propost għal Sistema ta' Dħul/Ħruġ li għaliha fl-istess waqt qed tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva.

Fi Frar 2013, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett dwar il-Fruntieri Intelliġenti li jikkonsisti minn tliet proposti: (1) Regolament għal Sistema ta' Dħul/Ħruġ (Entry/Exit System, EES) għar-reġistrazzjoni ta' informazzjoni dwar il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen, (2) Regolament dwar il-Programm ta' Vjaġġaturi Rreġistrati (Registered Traveller Programme, RTP) li jippermetti li ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu diġà għaddew minn skrutinju jibbenefikaw mill-faċilitazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntiera esterna tal-Unjoni, (3) Regolament li jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen sabiex jittieħed inkonsiderazzjoni it-twaqqif tal-EES u tal-RTP 2 .

Sadanittant, il-Kummissjoni ddeċidiet li;

tirrevedi l-proposta tagħha tal-2013 rigward Regolament għat-twaqqif ta' Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES);

tirrevedi l-proposta tagħha tal-2013 għal Regolament li jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen sabiex jintegra l-bidliet tekniċi li jirriżultaw mill-proposta l-ġdida għal Regolament li jwaqqaf Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES);

tirtira l-proposta tagħha tal-2013 rigward Regolament għal Programm ta' Vjaġġaturi Rreġistrati;

Ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni huma spjegati ulterjorment fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta leġiżlattiva aġġornata dwar it-twaqqif ta' EES u fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja lil din il-proposta.

Għaldaqstant, il-proposta attwali tieħu post il-proposta tal-2013 3 u tintegra fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen il-bidliet tekniċi li jirriżultaw mill-proposta l-ġdida għal Regolament li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES), b'mod partikolari, ir-reġistrazzjoni fl-EES taċ-ċaħdiet tad-dħul għal ċittadini ta' pajjiżi terzi, elementi ġodda dwar il-proċeduri ta' riżerva tal-EES u l-interoperabilità bejn l-EES u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (Visa Information System, VIS). B'dan il-mod, din il-proposta ġdida tieħu inkonsiderazzjoni r-riżultati tan-negozjati fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew.

Minħabba l-abolizzjoni tal-ittimbrar li toħloq l-EES, it-twaqqif ta' din is-sistema joħloq il-possibbiltà li tiġi introdotta l-awtomatizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta' kontroll fuq il-fruntieri għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ammessi għal permanenza qasira (u eventwalment, abbażi ta' viża itineranti 4 ). Il-kundizzjonijiet għall-użu tas-sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri madankollu jvarjaw skont il-kategorija tal-vjaġġaturi (ċittadini tal-UE/ŻEE/CH, ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom karta ta' residenza, ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess ta' residenza jew viża għal permanenza twila jew ċittadini ta' pajjiżi terzi ammessi għal permanenza qasira rispettivament) u kull proċedura għandha tiġi rregolata separatament.

Kuntest ġenerali

Il-kuntest ġenerali huwa spjegat fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta leġiżlattiva dwar it-twaqqif ta' EES u fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja lil din il-proposta.

Dispożizzjonijiet eżistenti

Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) u l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985.

Irid jittieħed inkonsiderazzjoni li fil-15 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni ssottomettiet proposta sabiex jiġi emendat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen fir-rigward tat-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni abbażi ta' bażijiet tad-dejta rilevanti  5 . In-negozjati dwar dan it-test se jkollhom impatt fuq din il-proposta, u għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex ikunu assigurati s-sinerġiji neċessarji bejn dawn iż-żewġ proposti matul il-proċess tan-negozjar.

2.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjonijiet tal-impatt huma deskritti fil-memorandum ta' spjegazzjoni għall-proposta leġiżlattiva dwar it-twaqqif ta' EES u fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja lil din il-proposta.

3.L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju

L-emendi proposti prinċipali jikkonċernaw il-kwistjonijiet li ġejjin:

id-definizzjonijiet addizzjonali tal-EES, is-sistema self-service, il-bieb elettroniku u tas-sistema ta' Kontroll Awtomatizzat tal-Fruntieri (Automated Border Control, ABC) (l-Artikolu 2);

iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li d-dejta dwarhom tiddaħħal fl-EES u d-derogi tagħha (l-Artikolu 6a);

il-verifika tal-awtentiċità taċ-ċipep fid-dokumenti tal-ivvjaġġar li jkun fihom medium ta’ memorja elettronika (l-Artikolu 8(2) 6 ;

mad-dħul u mal-ħruġ, għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, tiġi vverifikata l-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar billi jiġu kkonsultati l-bażijiet tad-dejta rilevanti u, b'mod partikolari, is-SIS; il-bażi tad-dejta tal-Interpol dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa; u l-bażijiet tad-dejta nazzjonali li fihom informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa, miżapproprjati, mitlufa u invalidati. Jekk id-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom ikun fihom xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa, il-verifika tax-xbieha tal-wiċċ irreġistrata, ħlief għal ċittadin ta’ pajjiż terz li d-dħul jew il-ħruġ tiegħu jkun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES (l-Artikoli 8(3)(a)(i) u 8(3)(g)(i));

mad-dħul, għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-kontroll tal-awtentiċità tad-dejta taċ-ċippa fil-permessi ta' residenza li jkun fihom medium ta’ memorja elettronika, u l-verifika tal-validità tal-permessi ta' residenza u tal-viżi għal permanenza twila fis-SIS u f'bażijiet tad-dejta rilevanti oħra (l-Artikolu 8(3)(a)(ii);

mad-dħul u mal-ħruġ, il-verifika tal-identità u / jew l-identifikazzjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz ammess għal permanenza qasira (jew abbażi ta' viża itineranti) billi tiġi kkonsultata l-EES u, fejn ikun applikabbli, il-VIS (l-Artikoli 8(3)(a)(iii) u 8(3)(g)(iv));

il-verifika mad-dħul u mal-ħruġ, billi tiġi kkonsultata l-EES, li ċittadin ta' pajjiż terz ma jkunx diġà qabeż it-tul massimu tal-permanenza awtorizzata fit-territorju tal-Istati membri u, il-verifika mad-dħul, billi tiġi kkonsultata l-EES, li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom viża għal dħul wieħed jew doppju jkunu rrispettaw in-numru massimu ta' daħliet awtorizzati (l-Artikoli 8(3)(a)(iiia), 8(3)(g)(v) u 8(3)(h)(ii);

għat-titulari ta' viża (jew għall-persuni li jkollhom viża itineranti), mad-dħul il-verifika tal-awtentiċità, tal-validità territorjali u temporali u li l-istatus tal-viża (/ viża itineranti) huwa validu u, jekk ikun applikabbli, tal-identità tat-titular tal-viża, billi tiġi kkonsultata s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (l-Artikolu 8(3)(b));

il-possibbiltà li l-EES tintuża għal skopijiet ta' identifikazzjoni fil-fruntieri esterni (l-Artikolu 8(3)(i));

informazzjoni lill-vjaġġatur dwar l-għadd massimu ta' jiem ta' permanenza awtorizzata, billi jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-konsultazzjoni mal-EES (l-Artikolu 8(9));

l-użu ta' sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri:

għal ċittadini tal-UE/ŻEE/CH u ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom karta ta' residenza (l-Artikolu 8a);

għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess ta' residenza (l-Artikolu 8b);

l-użu ta' sistemi self-service u ta' bibien elettroniċi għal persuni li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES (l-Artikoli 8c u 8d);

l-introduzzjoni ta' programmi ta' faċilitazzjoni nazzjonali li jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri fuq bażi volontarja (l-Artikolu 8e);

l-obbligu li tiddaħħal id-dejta fl-EES, anke jekk jagħti l-każ li l-kontrolli fil-fruntieri jiġu llaxkati (l-Artikolu 9(3));

il-proċeduri ta' riżerva li għandhom jiġu segwiti f'każ li teknikament ikun impossibbli li tiddaħħal id-dejta fis-Sistema Ċentrali tal-EES jew f'każ ta' ħsara fis-Sistema Ċentrali tal-EES (l-Artikolu 9(3a));

indikazzjonijiet / pittogrammi għas-sistemi ABC, għas-sistemi self-service u għall-bibien elettroniċi (l-Artikolu 10(3a);

it-tneħħija tal-obbligu li mad-dħul u mal-ħruġ jiġu ttimbrati b'mod sistematiku d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ammessi għal permanenza qasira. Fejn ikun previst b'mod espliċitu skont il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, il-possibbiltà li Stat Membru jittimbra mad-dħul u mal-ħruġ id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom il-permess ta' residenza maħruġ minn dan l-istess Stat Membru (l-Artikolu 11);

il-preżunzjoni ta’ permanenza irregolari fin-nuqqas tar-rekords xierqa fl-EES u l-possibbiltà ta' konfutazzjoni (l-Artikolu 12);

perjodu tranżitorju ta' sitt xhur wara li l-EES tkun bdiet topera u miżuri tranżitorji sabiex jiġu koperti dawk il-każijiet fejn ċittadin ta' pajjiż terz li l-qsim tal-fruntiera tiegħu jkun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES ikun daħal fit-territorju tal-Istati membri u jkun għadu ma ħariġx minnu qabel ma bdiet topera l-EES (l-Artikolu 12a);

ir-reġistrazzjoni fl-EES ta' dejta dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom għal permanenza qasira (jew abbażi ta' viża itineranti) ikun ġie miċħud (l-Artikolu 14(2));

tibdil fl-Annessi III, IV u V;

it-tħassir tal-Anness VIII.

Bażi legali

L-Artikolu 87 (2) (b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; billi l-proposta tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli fil-fruntieri ta’ persuni li jaqsmu l-fruntiera esterna.

Din il-proposta temenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2006 dwar Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), li huwa verżjoni kodifikata tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), li kien imsejjes fuq id-dispożizzjonijiet ekwivalenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jiġifieri l-Artikoli 62(1) u (2)(a) tiegħu.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

L-Artikolu 77 jagħti s-setgħa lill-Unjoni li tiżviluppa politika bil-għan li "tassigura li ma jkun hemm l-ebda kontroll fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni" u li "jsiru kontrolli fuq persuni u monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni".

Din il-proposta ma taqbiżx il-limiti stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet. L-għan ta’ din il-proposta huwa li jsiru l-emendi neċessarji fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen sabiex titwaqqaf l-EES. Dan l-għan ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri weħidhom minħabba li hija biss l-Unjoni li tista’ temenda Att tal-Unjoni li diġà jeżisti (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

L-Artikolu 5 (4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati. Il-forma magħżula għal din l-azzjoni trid tippermetti li l-proposta tilħaq l-għan tagħha u li tiġi implimentata bl-iktar mod effettiv possibbli.

Il-ħolqien tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fl-2006 kellu jsir taħt forma ta’ Regolament, sabiex ikun żgurat li jiġi applikat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha li japplikaw l-acquis ta' Schengen. L-inizjattiva proposta — l-emendar tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen — hija emenda ta’ regolament li diġà jeżisti u tista' ssir biss permezz ta' regolament. Fir-rigward tal-kontenut, din l-inizjattiva hija limitata għal titjib fir-regolament eżistenti u hija msejsa fuq l-orjentazzjonijiet politiċi li fih. Il-proposta, għalhekk, hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

L-għażla tal-istrument

L-istrument li qed jiġi propost: Regolament.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

L-emenda proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-UE.

5.INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Il-konsegwenzi tad-diversi protokolli annessi mat-Trattati u tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni konklużi ma’ pajjiżi terzi

Din il-proposta tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, għax tirrigwarda l-qsim tal-fruntieri esterni. Għalhekk, għandhom jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi għad-diversi protokolli u ftehimiet ta’ assoċjazzjoni fir-rigward tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit; l-Iżlanda u n-Norveġja; u l-Iżvizzera u l-Liechtenstein. Is-sitwazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati hija deskritta fil-premessi 11 sa 16 ta’ din il-proposta u spjegata f’aktar dettall fil-memorandum ta' spjegazzjoni għall-proposta leġiżlattiva dwar it-twaqqif ta’ EES.

Ħarsa ġenerali fil-qosor lejn l-emendi proposti għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

Artikolu 2: Definizzjonijiet

Definizzjonijiet addizzjonali

Punt 22: Definizzjoni tas-"Sistema ta’ Dħul/Ħruġ" (EES) il-ġdida

Punt 23: Definizzjoni ta' "sistema self-service"

Punt 24: Definizzjoni ta’ "bieb elettroniku"

Punt 25: Definizzjoni ta' "sistema ta' Kontroll Awtomatizzat tal-Fruntieri (ABC)"

L-Artikolu 6a ġdid: Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li għalihom id-dejta se tiddaħħal fl-EES

L-obbligu li ċittadin ta’ pajjiż terz ammess għal permanenza qasira (jew abbażi ta' viża itineranti) fiż-żona Schengen jiġi rreġistrat fl-EES qed jiddaħħal fl-Artikolu 6a il-ġdid. L-istess obbligu huwa miżjud fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu miċħuda d-dħul abbażi ta' permanenza qasira (jew viża itineranti). Huma previsti eċċezzjonijiet għall-kategoriji ta' persuni li ġejjin: 1) ċittadini ta' pajjiżi terzi b'karta ta' residenza li jkunu membri tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni jew ċittadin ta' pajjiż terz li jkun igawdi mid-dritt ta' moviment liberu anki jekk ma jkunux qegħdin jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma' ċittadin tal-Unjoni jew ċittadin ta' pajjiż terz li jkun igawdi mid-dritt ta' moviment liberu; 2) iċ-ċittadini ta' Andorra, Monaco u San Marino; 3) iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu eżentati minn kontrolli fil-fruntieri jew mill-obbligu li jaqsmu l-fruntieri esterni biss f'punti ta' qsim tal-fruntiera jew matul is-sigħat tal-ftuħ fissi kif ukoll ċittadini ta' pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn faċilitazzjoni tal-qsim tal-fruntieri 4) detenturi ta' permessi għal traffiku tal-fruntiera lokali.

L-Artikolu 8: Il-kontrolli fil-fruntieri fuq il-persuni

Fil-paragrafu (2) żdied l-obbligu li tiġi kkontrollata l-awtentiċità tad-dokumenti kollha tal-ivvjaġġar li jkun fihom medium ta’ memorja elettronika bl-użu ta' ċertifikati validi.

Il-paragrafu (3)(a)(i) li jirrigwarda l-obbligu li l-gwardji tal-fruntiera mad-dħul jivverifikaw li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz jkollu dokument li jkun validu għall-qsim tal-fruntiera u li ma jkunx skada, ġie żviluppat. Tabilħaqq, rigward il-verifika tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar, hija speċifikament prevista il-konsultazzjoni ta’ bażijiet ta’ dejta rilevanti (b’mod partikolari tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen; il-bażi tad-dejta tal-Interpol dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa; u l-bażijiet tad-dejta nazzjonali li fihom informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa, miżapproprjati, mitlufa u invalidati). Barra minn hekk, jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu dokument tal-ivvjaġġar elettroniku li jkun fih xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa, hija prevista l-verifika tax-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa. Hija prevista eċċezzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES u li jkollhom dokument tal-ivvjaġġar elettroniku. Tabilħaqq, għal din il-kategorija ta’ persuni, il-verifika tax-xbieha tal-wiċċ maħżuna fiċ-ċippa tad-dokument tal-ivvjaġġar għandha ssir meta wieħed jiġi rreġistrat fl-EES jew meta jiġi rreġistrat passaport elettroniku ġdid fl-EES (pereż. fil-każ ta’ skadenza ta’ passaport qadim). Minbarra din il-verifika, id-dokument tal-ivvjaġġar u l-bijometrija tal-persuna jinħażnu fl-EES u jintużaw għall-verifika / identifikazzjoni tal-persuna fil-qsim tal-fruntiera li jmiss.

Il-paragrafu (3)(a)(ii) jirreferi għall-verifika li d-dokument tal-ivvjaġġar ikun akkumpanjat, fejn ikun applikabbli, mill-viża jew il-permess ta' residenza meħtieġa. Rigward il-permessi ta' residenza, żdied l-obbligu li tiġi ċċekkjata bl-użu ta' ċertifikati validi l-awtentiċità tal-permess ta' residenza li jkun fih medium ta’ memorja elettronika. Barra minn hekk, għandha tiġi vverifikata l-validità tal-permessi ta' residenza jew tal-viżi għal permanenza twila billi jiġu kkonsultati s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u bażijiet tad-dejta oħra rilevanti.

Il-paragrafu (3)(a)(iii) il-ġdid jirregola l-obbligu li titwettaq verifika u/jew identifikazzjoni ta' dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li d-dħul jew iċ-ċaħda tad-dħul tagħhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni fl-EES billi jintużaw identifikaturi bijometriċi. Tali verifika u/jew identifikazzjoni għandha titwettaq skont l-Artikolu 21 tar-Regolament li jistabbilixxi l-EES. Bħala riżultat:

għat-titulari ta' viża li diġà jkunu rreġistrati fl-EES, il-bijometrija tagħhom se tiġi vverifikata mal-EES jew mal-VIS;

għat-titulari ta' viża li jkunu għadhom mhumiex irreġistrati fl-EES, il-bijometrija tagħhom se tiġi verifikata mal-VIS u se titwettaq identifikazzjoni mal-EES;

għall-vjaġġaturi eżenti minn viża li diġà jkunu rreġistrati fl-EES, il-bijometrija tagħhom se tiġi verifikata mal-EES;

għall-vjaġġaturi eżenti minn viża li jkunu għadhom mhumiex irreġistrati fl-EES għandha titwettaq identifikazzjoni mal-EES u, jekk il-persuna ma tinstabx fl-EES, titwettaq verifika u, jekk ikun applikabbli, identifikazzjoni mal-VIS.

Fil-paragrafu (3)(a) (iii a) l-obbligu li jiġu ċċekkjati t-timbri fil-passaport biex jiġi vverifikat jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz li jidħol fiż-żona Schengen ma jkunx diġà qabeż it-tul massimu ta' permanenza awtorizzata ġie ssostitwit bir-rekwiżit li tiġi kkonsultata l-EES. Fl-istess spirtu, minħabba l-abolizzjoni tal-ittimbrar, l-EES trid tiġi kkonsultata wkoll sabiex jiġi ċċekkjat jekk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom viża għal dħul wieħed jew doppju jkunux irrispettaw l-għadd massimu ta' daħliet awtorizzati.

Il-paragrafu 3(b) jirreferi għall-użu li jsir mill-VIS għall-verifika fil-fruntieri esterni. Minħabba l-interoperabilità bejn l-EES u l-VIS u l-possibbiltà li jintużaw mezzi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri fuq il-fruntieri esterni, il-VIS għandha tipprovdi informazzjoni lill-gwardji tal-fruntieri mhux biss dwar l-awtentiċità iżda wkoll dwar il-validità territorjali u temporali u dwar l-istatus tal-viża (jew il-viża itineranti) permezz ta' tweġiba "hit/no hit". Barra minn hekk, skont il-proposta tal-EES, dan il-paragrafu jirrifletti l-fatt li l-identità tat-titulari tal-viża ma tiġix sitematikament ivverifikata mal-VIS. F'ċerti każijiet l-identità tat-titulari tal-viża tiġi vverifikata mal-EES billi tintuża x-xbieha ta' wiċċhom.

Il-paragrafu (3)(g)(i) li jirrigwarda l-obbligu li l-gwardji tal-fruntiera fil-ħruġ jivverifikaw li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikollu fil-pussess tigħu dokument validu biex jaqsam il-fruntiera, ġie żviluppat. Fil-fatt, rigward il-verifika tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar, hija speċifikament prevista konsultazzjoni mal-bażijiet tad-dejta rilevanti (u b'mod partikolari, is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen; il-bażi tad-dejta tal-Interpol dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa; u l-bażijiet tad-dejta nazzjonali li fihom informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa, miżapproprjati, mitlufa u invalidati). Barra minn hekk, jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu dokument tal-ivvjaġġar elettroniku li jkun fih xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa, hija prevista l-verifika tax-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa. Hija prevista eċċezzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom ikun soġġett għar-reġistrazzjoni fl-EES u li jkollhom dokument tal-ivvjaġġar elettroniku. Tabilħaqq, għal din il-kategorija ta’ persuni, il-verifika tax-xbieha tal-wiċċ maħżuna fiċ-ċippa tad-dokument tal-ivvjaġġar għandha ssir meta wieħed jiġi rreġistrat fl-EES jew meta jiġi rreġistrat passaport elettroniku ġdid fl-EES (pereż. f'każ li passaport qadim jiskadi). Minbarra din il-verifika, id-dokument tal-ivvjaġġar u l-bijometrija tal-persuna jinħażnu fl-EES u jintużaw għall-verifika / għall-identifikazzjoni tal-persuna fil-qsim tal-fruntiera li jmiss.

Il-paragrafu (3)(g)(iv) il-ġdid jirregola l-obbligu li titwettaq verifika u / jew identifikazzjoni ta' dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li l-ħruġ tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES billi jintużaw identifikaturi bijometriċi. Tali verifika u / jew identifikazzjoni għandha titwettaq skont l-Artikolu 21 tar-Regolament li jistabbilixxi l-EES. Għalhekk, fil-każ ta' titulari ta' viża li diġà jkunu rreġistrati fl-EES, il-bijometrija tagħhom tista' tiġi verifikata mal-EES jew, fejn ikun applikabbli, mal-VIS.

Fil-paragrafu (3)(g)(v) il-ġdid, l-obbligu li jiġu ċċekkjati t-timbri fil-passaport biex jiġi vverifikat jekk ċittadin ta' pajjiż terz li jkun qiegħed iħalli ż-żona Schengen ma jkunx diġà qabeż it-tul massimu ta' permanenza awtorizzata ġie ssostitwit bir-rekwiżit li tiġi kkonsultata l-EES.

Il-paragrafu (3)(h)(ii) - li kien jikkunsidra bħala fakultattiv li jiġi ċċekkjat jekk ċittadin ta' pajjiż terz li jkun qiegħed iħalli ż-żona Schengen ikunx qabeż it-tul massimu tal-permanenza awtorizzata - tħassar. Fil-fatt, bl-EES, din il-verifika saret obbligatorja.

Il-paragrafu (3)(i) ġie adattat sabiex jipprevedi l-possibbiltà li tintuża wkoll l-EES flimkien mal-VIS sabiex tiġi identifikata kull persuna li jista' jkun ma tissodisfax, jew ma tkunx għadha tissodisfa, il-kundizzjonijiet ta' dħul, ta' permanenza jew ta' residenza fit-territorju tal-Istati Membri.

Il-paragrafu (9) il-ġdid jipprevedi l-obbligu li l-gwardji tal-fruntiera jinfurmaw liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi dwar l-għadd massimu ta' ġranet għal permanenza awtorizzat fiż-żona Schengen kif stabbilit fl-EES u, jekk ikun il-każ, fil-VIS.

Introduzzjoni tal-Artikoli 8a, 8b, 8c u 8d il-ġodda sabiex tiġi prevista awtomatizzazzjoni armonizzata tal-kontrolli fuq il-fruntiera għal kategoriji differenti ta' vjaġġaturi.

Il-kundizzjonijiet tad-dħul u tal-ħruġ għall-vjaġġaturi kkonċernati bħala tali ma jinbidlux.

L-Artikoli 8a u 8b mhumiex emendi tekniċi determinati mill-introduzzjoni tal-EES iżda dispożizzjonijiet addizzjonali biex ikomplu jiġu ffaċilitati l-proċeduri tal-kontrolli fil-fruntieri bl-użu ta’ teknoloġiji moderni.

L-Artikolu 8a ġdid: L-użu ta' sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri għal ċittadini tal-UE/ŻEE/CH u għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom karta ta' residenza

Il-paragrafu (1) jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni personali ta' dan l-Artikolu (jiġifieri ċittadini tal-Unjoni, ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgawdu drittijiet ta' moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta' ċittadin tal-Unjoni u ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom karta ta' residenza u li jkunu membri tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni jew ta' pajjiżi terzi li jgawdu drittijiet ta' moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni).

Il-paragrafu (2) jelenka l-kundizzjonijiet kumulattivi li jridu jiġu ssodisfati sabiex jintużaw is-sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri. B'mod partikolari, il-persuna kkonċernata jrid ikollha dokument tal-ivvjaġġar elettroniku li d-data taċ-ċippa tiegħu għandha tiġi awtentikata. Barra minn hekk, ix-xbieha tal-wiċċ maħżuna fiċ-ċippa għandha tiġi aċċessata sabiex tiġi vverifikata l-identità tad-detentur billi tiġi mqabbla x-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa u x-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin, tad-detentur tad-dokument tal-ivvjaġġar. Fil-każ ta' pajjiżi terzi li jgawdu d-dritt ta' moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni u li jkollhom karta ta' residenza, il-karta ta’ residenza li jkollhom trid tkun karta elettronika (valida u mhux skaduta) li ċ-ċippa tad-data tagħha għandha tiġi awtentikata. Barra minn hekk, ix-xbieha tal-wiċċ maħżuna fiċ-ċippa għandha tiġi aċċessata sabiex tiġi verifikata l-identità tad-detentur tal-karta ta' residenza, billi tiġi mqabbla x-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa max-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin.

Il-paragrafu (3) jistipula li l-verifiki mad-dħul u mal-ħruġ jitwettqu skont l-Artikolu 8(2). Madankollu, huwa speċifikament previst li, meta jitwettqu permezz ta' sistema ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri, il-verifiki fuq il-fruntieri mad-dħul u mal-ħruġ għandhom sistematikament jinkludu l-verifika li l-persuni li jkunu qegħdin jaqsmu ma jirrappreżentawx theddida ġenwina, attwali u suffiċjentement serja għas-sigurtà interna, l-ordni pubbliku, ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri jew theddida għas-saħħa pubblika, fosthom billi jiġu kkonsultati l-bażijiet tad-dejta tal-Unjoni u nazzjonali relevanti, b'mod partikolari s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen 7 .

Mad-dħul u mal-ħruġ, ir-riżultati tal-kontrolli awtomatizzati tal-fruntieri għandhom isiru disponibbli għal gwardja tal-fruntiera li għandha tikkunsidra dawn ir-riżultati u tawtorizza d-dħul jew il-ħruġ jew, inkella, tirreferi lill-persuna għand gwardja tal-fruntiera (il-paragrafu 4).

Il-paragrafu (5) jelenka l-kundizzjonijiet li fihom persuna għandha tiġi riferuta lil gwardja tal-fruntiera. Madankollu, il-paragrafu (6) jipprevedi li gwardja tal-fruntiera li tkun qiegħda tissorvelja l-qsim tal-fruntiera ta' persuna permezz ta' sistema ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri tista' tiddeċiedi li tirreferi lil dik il-persuna lil gwardja tal-fruntiera abbażi ta' raġunijiet oħra.

Il-paragrafu (7) jinkludi l-obbligu li tiġi assigurata s-sorveljanza tal-użu li jsir mis-sistema sabiex jiġi identifikat kwalunkwe użu mhux xieraq, frodulenti jew mhux normali tas-sistema.

L-Artikolu 8b ġdid: L-użu ta' sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom il-permess ta' residenza

Il-paragrafu (1) jelenka l-kundizzjonijiet kumulattivi li jridu jiġu ssodisfati miċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess ta' residenza sabiex jintużaw is-sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri. B'mod partikolari, il-persuna kkonċernata jrid ikollha dokument tal-ivvjaġġar elettroniku li d-dejta taċ-ċippa tiegħu għandha tiġi awtentikata. Barra minn hekk, ix-xbieha tal-wiċċ maħżuna fiċ-ċippa għandha tiġi aċċessata sabiex tiġi vverifikata l-identità tad-detentur billi tiġi mqabbla x-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa u x-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin, tad-detentur tad-dokument tal-ivvjaġġar. Fil-każ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess ta' residenza, iċ-ċippa tal-permess ta' residenza għandha tiġi aċċessata wkoll sabiex tiġi verifikata l-awtentiċità tad-dejta tagħha u l-identità tad-detentur tal-permess ta' residenza.

Il-paragrafu (2) jispjega l-kontrolli fuq il-fruntieri li għandhom jitwettqu mad-dħul u mal-ħruġ.

Mad-dħul u mal-ħruġ, ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-fruntiera għandhom isiru disponibbli għal gwardja tal-fruntiera li għandha tikkunsidra dawn ir-riżultati u tawtorizza d-dħul jew il-ħruġ jew, inkella, tirreferi lill-persuna għand gwardja tal-fruntiera (il-paragrafu 3).

Il-kundizzjonijiet biex persuna tiġi riferuta lil gwardja tal-fruntiera huma elenkati fil-paragrafu (4). Madankollu, il-paragrafu (5) jipprevedi li gwardja tal-fruntiera li tkun qiegħda tissorvelja l-qsim tal-fruntiera ta' persuna permezz tas-sistema ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri tista' tiddeċiedi li tirreferi lil dik il-persuna lil gwardja tal-fruntiera abbażi ta' raġunijiet oħra.

Il-paragrafu (6) jinkludi l-obbligu li tiġi assigurata s-sorveljanza tal-użu li jsir mis-sistema sabiex jiġi identifikat kwalunkwe użu mhux xieraq, frodulenti jew mhux normali tas-sistema.

L-Artikolu 8c ġdid: L-użu ta' sistemi self-service għall-prereġistrazzjoni ta' dejta fl-EES

Il-possibbiltà, għall-persuni li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES, li jużaw sistemi self-service sabiex jipprereġistraw id-dejta tal-fajl individwali tagħhom fl-EES ġiet miżjuda fl-Artikolu 8c ġdid.

Il-paragrafu 1 jelenka l-kundizzjonijiet kumulattivi li jridu jiġu ssodisfati mill-persuni li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES sabiex ikunu jistgħu jużaw sistemi self-service sabiex jipprereġistraw id-dejta tal-fajl individwali tagħhom fl-EES. B'mod partikolari, il-persuna kkonċernata jrid ikollha dokument tal-ivvjaġġar elettroniku li d-dejta taċ-ċippa tiegħu għandha tiġi awtentikata. Barra minn hekk, ix-xbieha tal-wiċċ maħżuna fid-dokument tal-ivvjaġġar għandu jkun hemm aċċess għaliha sabiex tiġi verifikata l-identità tad-detentur billi tiġi mqabbla x-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa u x-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin, tad-detentur tad-dokument tal-ivvjaġġar.

Il-paragrafi minn 2 sa 4 jiddeskrivu l-operazzjonijiet li għandhom jitwettqu mis-sistemi self-service.

Il-paragrafu 5 jirreferi għall-każ fejn jiġi vverifikat, permezz tas-sistema self-service, li l-persuna ma tkunx irreġistrata fl-EES. F'dan il-każ, id-dejta meħtieġa tinġabar u tiġi prereġistrata fl-EES permezz tas-sistema self-service. Il-persuna dejjem għandha tiġi riferuta lil gwardja tal-fruntiera li għandha tivverifika li d-dokument tal-ivvjaġġar li jintuża fis-sistema self-service jkun jaqbel ma' dak miżmum u li l-identifikaturi bijometriċi rreġistrati fl-EES ikunu jaqblu mal-identifikaturi bijometriċi preżenti fiżikament dak il-ħin, tal-persuna kkonċernata.

Il-paragrafi 6 u 7 jirreferu għall-każ fejn jiġi vverifikat, permezz tas-sistema self-service, li l-persuna diġà tkun irreġistrata fl-EES iżda li l-fajl individwali tagħha jkun irid jiġi aġġornat.

Il-paragrafu 8 jinkludi l-obbligu li tiġi assigurata sorveljanza fuq l-użu li jsir mis-sistema sabiex jiġi identifikat kwalunkwe użu mhux xieraq, frodulenti jew mhux normali tas-sistema.

L-Artikolu 8d ġdid: L-użu ta' sistemi self-service u/jew ta' bibien elettroniċi għall-qsim tal-fruntiera ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES

Il-possibbiltà, għall-persuni li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES, li jużaw sistema self-service sabiex isirulhom il-kontrolli fuq il-fruntiera ġiet miżjuda fl-Artikolu 8d ġdid. Barra minn hekk, hija prevista wkoll il-possibbiltà li jintużaw il-bibien elettroniċi sabiex isir il-qsim tal-fruntieri. B'dan l-approċċ f'żewġ stadji, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu il-qsim tal-fruntieri kompletament awtomatizzat għal din il-kategorija ta' vjaġġaturi (jekk l-użu tas-sistema self-service jkun segwit mill-possibbiltà li jintuża bieb elettroniku) jew il-qsim tal-fruntieri semi-awtomatizzat (jekk qatt ma jkun previst l-użu ta' bieb elettroniku u l-persuna dejjem trid tiġi awtorizzata biex taqsam il-fruntiera minn gwardja tal-fruntiera). Madankollu, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu għadhom mhumiex irreġistrati fl-EES għandhom dejjem jiġu riferuti lill-gwardja tal-fruntiera (anki jekk jużaw sistemi self-service għall-prereġistrazzjoni tagħhom) sabiex titlesta r-reġistrazzjoni tagħhom fl-EES. Minħabba f'hekk, għal dawn il-vjaġġaturi, jista' jiġi previst biss il-qsim tal-fruntieri semi-awtomatiku.

Il-paragrafu 1 jelenka l-kundizzjonijiet kumulattivi li jridu jiġu ssodisfati mill-persuni li l-qsim tal-fruntieri tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES sabiex ikunu jistgħu jużaw sistema self-service sabiex isirulhom il-kontrolli fuq il-fruntiera. B'mod partikolari, il-persuna kkonċernata jrid ikollha dokument tal-ivvjaġġar elettroniku li d-dejta taċ-ċippa tiegħu għandha tiġi awtentikata. Barra minn hekk, ix-xbieha tal-wiċċ maħżuna fiċ-ċippa għandha tiġi aċċessata sabiex tiġi vverifikata l-identità tad-detentur billi tiġi mqabbla x-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa u x-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin, tad-detentur tad-dokument tal-ivvjaġġar. Fl-aħħar nett, il-persuna trid tkun diġà rreġistrata jew prereġistrata fl-EES.

Il-paragrafu 2 jispjega l-kontrolli fuq il-fruntiera li għandhom jitwettqu mad-dħul u mal-ħruġ.

Mad-dħul u mal-ħruġ, ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-fruntiera għandhom isiru disponibbli għal gwardja tal-fruntiera li għandha tikkunsidra dawn ir-riżultati u tawtorizza d-dħul jew il-ħruġ jew, inkella, tirreferi l-persuna għand gwardja tal-fruntiera (il-paragrafu 3).

Il-paragrafu (4) jelenka l-kundizzjonijiet li fihom persuna għandha tiġi riferuta lil gwardja tal-fruntiera. Madankollu, il-paragrafu (5) jipprevedi li gwardja tal-fruntiera li tkun qiegħda tissorvelja l-qsim tal-fruntiera ta' persuna permezz tas-sistema ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri tista' tiddeċiedi li tirreferi lil dik il-persuna lil gwardja tal-fruntiera abbażi ta' raġunijiet oħra.

Il-paragrafu (6) jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jinstallaw dawn il-bibien elettroniċi u li l-persuni li l-qsim tal-fruntieri tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES jistgħu jkunu awtorizzati jużaw il-kanċelli elettroniċi. Il-paragrafu 6 għalhekk jispeċifika r-rabta li għandha tiġi stabbilita bejn il-bibien elettroniċi u l-EES. Barra minn hekk, meta Stat Membru jiddeċiedi li jinstalla l-bibien elettroniċi, huwa għandu l-possibbiltà li jikkollega dawn il-bibien elettroniċi mas-sistemi self-service, jew li ma jikkollegahomx flimkien. Jekk il-bibien elettroniċi ma jkunux ikkollegati mas-sistemi self-service, dan ifisser li l-proċess ta' verifika u l-qsim tal-fruntiera proprja jseħħu f'postijiet separati. Konsegwentement, għall-każijiet fejn dawn iż-żewġ komponenti ma jkunux ikkollegati, il-paragrafu 6 jipprevedi l-obbligu li tiġi stabbilita sistema fil-bieb elettroniku sabiex tivverifika li l-persuna li tkun qiegħda tuża l-bieb elettroniku tikkorrispondi għall-persuna li tkun użat is-sistemi self-service. Sabiex titwettaq tali verifika, għandu jintuża mill-anqas identifikatur bijometriku wieħed.

Il-paragrafu (7) jirreferi għas-sitwazzjoni fejn il-persuna ma jkollhiex dokument tal-ivvjaġġar elettroniku jew meta l-awtentiċità tad-dokument tal-ivvjaġġar jew l-identità tad-detentur tiegħu ma jkunux jistgħu jiġu vverifikati. F'dan il-każ, fejn il-gwardja tal-fruntiera tkun tista' tikseb ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-fruntiera li jkunu twettqu permezz tas-sistema self-service, il-gwardja tal-fruntiera tista' twettaq dawk il-verifiki biss li ma setgħux jitwettqu permezz tas-sistema self-service. Fi kwalunkwe każ, il-gwardja tal-fruntiera għandha tivverifika li d-dokument tal-ivvjaġġar li jintuża fis-sistema self-service jikkorrispondi għal dak fil-pussess tal-persuna quddiem il-gwardja tal-fruntiera.

Il-paragrafu (8) jinkludi l-obbligu li tiġi assigurata sorveljanza tal-użu li jsir mis-sistema self-service u l-bibien elettroniċi sabiex jiġi identifikat kwalunkwe użu mhux xieraq, frodulenti jew mhux normali tas-sistema.

L-Artikolu 8e ġdid: Il-programmi ta' faċilitazzjoni nazzjonali

L-Artikolu 8e jipprevedi l-possibbiltà għal kull Stat Membru li jistabbilixxi programm nazzjonali volontarju li jippermetti li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jibbenefikaw miż-żewġ faċilitazzjonijiet li ġejjin meta jkunu qegħdin jaqsmu d-daħla tal-fruntiera ta' tali Stat Membru:

il-verifika tal-punt tat-tluq u tad-destinazzjoni, kif ukoll tal-iskop tal-permanenza, inklużi d-dokumenti ta’ sostenn (l-Artikolu 8(3)(a)(iv));

u l-verifika li l-persuna jkollha biżżejjed mezzi ta’ sussistenza (l-Artikolu 8(3)(a)(v)).

Il-paragrafu (2) jinkludi l-obbligu li jiġi żgurat skrutinju minn qabel taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw għall-programm. Huwa jsemmi l-kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu ssodisfati minn kwalunkwe ċittadin ta' pajjiż terz sabiex jingħata aċċess għal programm ta' faċilitazzjoni nazzjonali.

Il-paragrafu (4) jipprevedi l-possibbiltà għal żewġ Stati Membri jew aktar li jkunu stabbilixxew il-programmi nazzjonali proprji tagħhom li jikkonkludu ftehimiet bejniethom sabiex il-benefiċjarji tal-programmi nazzjonali tagħhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-faċilitazzjonijiet rikonoxxuti mill-programmi nazzjonali l-oħra.

L-Artikolu 9: L-illaxkar tal-verifiki fuq il-fruntiera

It-test eżistenti huwa adattat għall-ħolqien tal-EES. Huwa enfasizzat l-obbligu li d-dejta tal-vjaġġatur tiddaħħal dejjem fl-EES meta wieħed jidħol jew joħroġ miż-żona Schengen. Anki f'sitwazzjonijiet fejn il-proċeduri tal-kontrolli fil-fruntieri jiġu llaxkati, għandha ssir ir-reġistrazzjoni fl-EES.

Il-paragrafu 3a l-ġdid jipprevedi s-soluzzjonijiet ta' riżerva f'każ ta' impossibbiltà teknika li tiddaħħal id-dejta fis-Sistema Ċentrali tal-EES jew f'każ ta' ħsara fis-Sistema Ċentrali tal-EES, li jinkludi l-ħażna tad-dejta fl-Interfaċċja Nazzjonali Uniformi, meta jkun possibbli, jew inkella li d-dejta tinħażen lokalment. Meta jkun possibbli, għandu jiġi assigurat li tiġi kkonsultata s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża sabiex tiġi verifikata l-identità tat-titulari ta' viża.

L-Artikolu 10: Korsiji separati u l-informazzjoni fuq tabelli

Jiżdied il-paragrafu 3a ġdid sabiex titqies l-introduzzjoni tas-sistemi ta’ kontroll awtomatizzat tal-fruntieri, is-sistemi self-service u l-bibien elettroniċi. Sabiex ikun hemm approċċ armonizzat, l-Istati Membri f'dawk is-sitwazzjonijiet għandhom jużaw is-sinjali li jidhru fil-parti D tal-Anness III.

L-Artikolu 11: L-ittimbrar tad-dokument tal-ivvjaġġar

L-Artikolu 11 il-ġdid jirrifletti l-fatt li l-EES għandha fil-mira l-abolizzjoni tal-ittimbrar mad-dħul u mal-ħruġ, tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ammessi għal permanenza qasira, billi tissostitwixxih bir-reġistrazzjoni elettronika tad-dħul u l-ħruġ. Għaldaqstant, l-obbligu li mad-dħul u mal-ħruġ jiġu ttimbrati b'mod sistematiku d-dokumenti tal-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ammessi għal permanenza qasira tneħħa.

Madankollu, fejn ikun previst b'mod espliċitu skont il-leġislazzjoni nazzjonali, l-Artikolu 11 l-ġdid jipprevedi l-possibbiltà, għal kull Stat Membru, li jittimbra mad-dħul u mal-ħruġ id-dokument tal-ivvjaġġar ta' dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess ta' residenza maħruġ minn dak l-istess Stat Membru. L-arranġamenti prattiċi ta' dan it-timbru huma stabbiliti fl-Anness IV.

L-Artikolu 12: Il-preżunzjoni fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet għat-tul tal-permanenza

It-test eżistenti huwa adattat għall-ħolqien tal-EES. Bħalissa, l-Artikolu 12 jirregola l-proċeduri għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta' permanenza irregolari fil-każ ta' nuqqas ta’ timbri tad-dħul jew tal-ħruġ. Bl-EES, l-ittimbrar se jiġi ssostitwit bir-reġistrazzjoni elettronika tal-EES.

L-Artikolu 12a: Perjodu u miżuri tranżitorji

Il-paragrafu 1 jirreferi għal perjodu tranżitorju ta' sitt xhur wara li tibda topera l-EES. Matul dan il-perjodu tranżitorju, il-gwardji tal-fruntiera jridu jqisu t-timbri li jkun hemm fid-dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll id-dejta rreġistrata fl-EES. Tali azzjoni se tippermetti lill-gwardji tal-fruntiera li jivverifikaw jekk ikunx ġie osservat it-tul tal-permanenza massima awtorizzat u, fil-każ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom viża għal dħul wieħed jew doppju, li jivverifikaw jekk in-numru ta' daħliet massimi awtorizzati jkunx irrispettat. Fil-fatt, xi persuni setgħu kienu fit-territorju tal-Istati Membri fil-180 jum ta' qabel ma bdiet topera l-EES. F'dan il-każ, id-dokument tal-ivvjaġġar tagħhom kellu jiġi ttimbrat kif suppost. Dawn it-timbri għalhekk iridu jiġu kkunsidrati għall-verifiki hawn fuq imsemmija.

Il-paragrafu 2 jirreferi għall-każ fejn persuna tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tkun bdiet topera l-EES u tkun għadha ma ħarġitx minnu qabel ma tibda topera s-sistema. F'dan il-każ, meta l-persuna toħroġ, il-fajl individwali tal-persuna jiġi rreġistrat fl-EES u d-data ta' dak l-aħħar dħul titniżżel fir-reġistrazzjoni tad-dħul/ħruġ sabiex tkun lesta r-reġistrazzjoni tad-dħul / ħruġ.

L-Artikolu 14: Ċaħda tad-dħul

Fil-paragrafu 2, subparagrafu ġdid jipprevedi li d-dejta dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom għal permanenza qasira (jew għal permanenza abbażi ta' viża itineranti) ikun ġie miċħud, għandha tiġi rreġistrata fl-EES.

Fil-paragrafu 3, hija speċifikament prevista l-korrezzjoni tad-dejta mdaħħla fl-EES meta appell jikkonkludi li deċiżjoni sabiex jiġi miċħud id-dħul ma kinitx fondata.

L-Anness III: Mudelli ta’ tabelli li jindikaw il-korsiji fil-punti tal-qsim tal-fruntieri

It-tabelli li jidhru fl-Anness III huma lesti biż-żieda ta’ sinjali ġodda għall-użu tal-korsiji tal-kontroll awtomatizzat tal-fruntieri.

L-Anness IV: L-istampar tat-timbri

It-test eżistenti huwa adattat għall-ħolqien tal-EES. Bis-sistema l-ġdida, l-Anness IV għandu jirrigwarda biss: 1) it-timbri li għandhom jiġu stampati mill-Istati Membri kollha f'każijiet ta' ċaħda tad-dħul, 2) meta jkun speċifikament previst skont il-leġislazzjoni nazzjonali, it-timbri li Stat Membru jista' jistampa mad-dħul u mal-ħruġ fuq id-dokument tal-ivvjaġġar ta' dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess ta' residenza maħruġ minn dak l-istess Stat Membru.

L-Anness V: Il-parti A, Proċeduri għaċ-ċaħda tad-dħul fil-fruntiera

It-test eżistenti huwa adattat għall-ħolqien tal-EES:

Il-paragrafu 1(b) ġie modifikat u issa jirrigwarda dawk il-kategoriji ta' persuni li d-dejta dwar ir-rifjut tagħhom tiġi rreġistrata fl-EES. L-obbligu li jiġi stampat timbru tad-dħul fuq il-passaport, mill-gwardja tal-fruntiera, inżamm.

Il-paragrafu 1(d) ġie modifikat u issa jirrigwarda dawk il-kategoriji ta' persuni li d-dejta dwar ir-rifjut tagħhom m'għandhiex tiġi rreġistrata fl-EES u li jeħtieġu timbru tad-dħul fuq il-passaport kif ukoll rekord taċ-ċaħda tad-dħul f'reġistru nazzjonali.

L-Anness VIII jitħassar.

Din l-informazzjoni se tiġi rreġistrata fl-EES.

2016/0105 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta' att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) 8 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet, il-kriterji u r-regoli ddettaljati għall-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

(2)(Ir-Regolament (UE) Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (“EES”) sabiex tiġi rreġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ u d-dejta taċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-EES għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi) 9 għandu l-għan li joħloq sistema ċentralizzata għar-reġistrazzjoni tad-dejta tad-dħul u tal-ħruġ u d-dejta taċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni għal permanenza qasira (jew għal permanenza abbażi ta' viża itineranti).

(3)Sabiex isiru l-kontrolli fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2016/399, li jinkludu l-verifika tal-identità u / jew l-identifikazzjoni taċ-ċittadin ta' pajjiż terz kif ukoll il-verifika li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ma jkunx qabeż it-tul massimu tal-permanenza awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri, il-gwardji tal-fruntiera għandhom jużaw l-informazzjoni kollha disponibbli, inkluża d-dejta mill-EES. Id-dejta maħżuna f'din is-sistema għandha tintuża wkoll sabiex jiġi vverifikat, li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom viża għal dħul wieħed jew doppju, jkunu rrispettaw in-numru massimu ta' daħliet awtorizzati.

(4)Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-EES, jeħtieġ li l-kontrolli tad-dħul u tal-ħruġ fil-fruntieri esterni jsiru b’mod armonizzat.

(5)Il-ħolqien ta’ EES jimplika li jiġu adattati l-proċeduri biex isiru l-kontrolli fuq il-persuni meta jaqsmu l-fruntieri esterni, li ġew stabbiliti bir-Regolament 2016/399. B'mod partikolari, l-EES għandha l-għan li tabolixxi l-ittimbrar mad-dħul u mal-ħruġ, tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ammessi għal permanenza (jew għal permanenza abbażi ta' viża itineranti), billi tissostitwih bir-reġistrazzjoni elettronika tad-dħul u tal-ħruġ direttament fl-EES. Madankollu, l-ittimbrar tad-dokument tal-ivvjaġġar maċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadin ta' pajjiż terz inżamm minħabba li jirrigwarda vjaġġaturi b'riskju ogħla. Barra minn hekk, it-twettiq ta' interoperabilità bejn l-EES u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) irid jiġi kkunsidrat fil-proċeduri tal-kontrolli fuq il-fruntieri. Fl-aħħar nett, l-EES tiftaħ il-possibbiltà li jintużaw teknoloġiji ġodda għall-qsim tal-fruntieri ta' vjaġġaturi għal permanenza qasira.

(6)Matul perjodu ta' sitt xhur wara li tibda topera l-EES, il-gwardji tal-fruntiera għandhom iqisu l-permanenzi fit-territorji tal-Istati Membri matul is-sitt xhur ta' qabel id-dħul jew il-ħruġ billi jiċċekkjaw it-timbri fid-dokumenti tal-ivvjaġġar flimkien mad-dejta tad-dħul/ħruġ irreġistrata fl-EES. Tali miżura għandha tippermetti li jitwettqu l-verifiki meħtieġa f'dawk il-każijiet fejn persuna tkun ġiet ammessa għal permanenza qasira fit-territorju tal-Istati Membri fis-sitt xhur ta' qabel ma tibda topera l-EES. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għal dawk il-persuni li jkunu daħlu fit-territorju tal-Istati Membri u jkunu għadhom ma ħarġux minnu qabel ma tkun bdiet topera s-sistema. F'dawn is-sitwazzjonijiet, għandu jiġi rreġistrat ukoll l-aħħar dħul fl-EES meta l-persuna toħroġ mit-territorju tal-Istati Membri.

(7)Meta wieħed iqis is-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u f'punti ta' qsim differenti tal-fruntiera fl-Istati Membri fir-rigward tal-għadd ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jiddeċiedu jekk jadottawx teknoloġiji bħas-sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri, "kiosks self-service" u bibien elettroniċi, u safejn għandhom jużawhom. Meta jintużaw dawn it-teknoloġiji, għandu jiġi assigurat li l-kontrolli tad-dħul u tal-ħruġ fil-fruntieri esterni jitwettqu b'mod armonizzat u li jkun assigurat livell xieraq ta' sigurtà.

(8)Barra minn hekk, iridu jiġu definiti l-kompiti u r-rwoli tal-gwardji tal-fruntiera meta jużaw dawn it-teknoloġiji. F'dan ir-rigward, għandu jiġi assigurat li r-riżultati tal-kontrolli fuq il-fruntieri li jsiru permezz ta' mezzi awtomatizzati jkunu disponibbli għall-gwardji tal-fruntiera sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet xierqa. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ssorveljat l-użu tas-sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri, tal-"kiosks self-service" u tal-bibien elettroniċi mill-vjaġġaturi sabiex jiġu evitati mġiba u użi frodulenti. Barra minn hekk, meta jwettqu din is-sorveljanza, il-gwardji tal-fruntiera għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-minorenni u għandhom ikunu f'pożizzjoni li tippermettilhom li jidentifikaw persuni li jkunu jeħtieġu l-protezzjoni.

(9)L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu wkoll programmi ta' faċilitazzjoni nazzjonali fuq bażi volontarja sabiex jippermettu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi diġà skrutinizzati li fid-dħul jibbenefikaw minn derogi mill-kontrolli bir-reqqa. Meta jintużaw dawn il-programmi ta' faċilitazzjoni nazzjonali, għandu jiġi assigurat li dawn jiġu stabbiliti b'mod armonizzat u li jkun iggarantit il-livell xieraq ta' sigurtà.

(10)Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 .

(11)Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jipprovdi emendi għar-regoli eżistenti tar-Regolament (UE) 2016/399, jista’ jintlaħaq biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit ukoll f'dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

(12)Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih u lanqas ms hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk tkunx se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha. 

(13)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE 11 ; ir-Renju Unit għalhekk mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih u lanqas ma huwa soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(14)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda ma tipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 12 ; l-Irlanda għalhekk mhijiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih u lanqas ma hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(15)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis 13 ta’ Schengen li jaqgħu fil-kamp imsemmi fl-Artikolu 1, il-Punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 14 .

(16)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis 15 ta’ Schengen, li jaqa' fl-ambitu msemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 16 li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 17 .

(17)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont il-Protokoll ta' bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen 18 li jaqgħu fil-kamp imsemmi fl-Artikolu 1, il-Punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 19 li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 20 .

(18)Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) 2016/399 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2016/399 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti 22, 23, 24 u 25 li ġejjin:

"22. "Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)" tfisser is-sistema stabbilita bir-Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ u d-dejta taċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' aċċess għal-EES għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi;

23. "Sistema self-service" tfisser sistema awtomatizzata li twettaq il-kontrolli fuq il-fruntiera kollha jew xi wħud minnhom, li jkunu applikabbli għal persuna;

24. "bieb elettroniku" tfisser infrastruttura mħaddma b'mezzi elettroniċi fejn iseħħ il-qsim effettiv fil-fruntiera esterna;

25. "Sistema ta' Kontroll Awtomatizzat tal-Fruntieri" tfisser sistema li tippermetti passaġġ awtomatizzat tal-fruntieri, u li tkun magħmula minn sistema self-service u bieb elettroniku."

(2)Jiddaħħal l-Artikolu 6a li ġej: 

"Artikolu 6a

Ċittadini ta' pajjiżi terzi li għalihom għandha tiddaħħal id-dejta fl-EES

1. Id-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ tal-kategoriji ta' persuni li ġejjin għandha tiddaħħal fl-EES skont l-Artikoli 14, 15, 17 u 18 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)):

(a)ċittadini ta' pajjiżi terzi ammessi għal permanenza qasira skont l-Artikolu 6(1) (jew għal permanenza abbażi ta' viża itineranti);

(b)ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE u li ma jkollhomx karta ta’ residenza f’konformità ma’ din id-Direttiva;

(c)ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni u li ma jkollhomx karta ta' residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE.

2. Id-dejta dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom għal permanenza qasira jew abbażi ta' viża itineranti jkun ġie miċħud skont l-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament għandha tiddaħħal fl-EES skont l-Artikolu 16 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ(EES)).

3. Id-dejta dwar il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin ma għandhiex tiddaħħal fl-EES:

(a)ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE u li jkollhom karta ta’ residenza f’konformità ma’ din id-Direttiva;

(b)ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni li jkollhom il-karta ta' residenza li hemm referenza għaliha fid-Direttiva 2004/38/KE.

(c)iċ-ċittadini ta’ Andorra, Monaco u San Marino;

(d)persuni jew kategoriji ta' persuni eżentati mill-kontrolli fuq il-fruntieri jew li jibbenefikaw minn faċilitazzjoni tal-qsim tal-fruntieri:

(i) il-kapijiet ta’ Stat u l-membri tad-delegazzjoni tagħhom skont il-Punt 1 tal-Anness VII;

(ii) il-bdoti ta’ inġenji tal-ajru u membri oħra tal-ekwipaġġ skont il-Punt 2 tal-Anness VII;

(iii) il-baħrin skont il-Punt 3 tal-Anness VII;

(iv) il-ħaddiema transfruntiera skont il-Punt 5 tal-Anness VII;

(v) is-servizzi ta' salvataġġ, il-pulizija, is-servizzi tat-tifi tan-nar li jaġixxu f'sitwazzjoni ta' emerġenza u l-gwardji tal-fruntiera skont il-Punt 7 tal-Anness VII;

(vi) il-ħaddiema offshore skont il-Punt 8 tal-Anness VII;

(vii) il-membri tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri tal-bastimenti tal-kruċieri skont il-punti 3.2.1, 3.2.2 u 3.2.3 tal-Anness VI;

(viii) persuni abbord dgħajjes tad-divertiment li ma jkunux soġġetti għal kontrolli fil-fruntieri skont il-punti 3.2.4, 3.2.5 u 3.2.6 tal-Anness VI;

(e)il-persuni li jkunu eżentati mill-obbligu li jaqsmu l-fruntieri esterni bilfors mill-punti tal-qsim tal-fruntieri u fil-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti skont l-Artikolu 5(2).

(f)il-persuni li jippreżentaw permess validu tat-traffiku lokali tal-fruntiera għall-qsim tal-fruntiera tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Id-dejta tal-membri tal-familja msemmija fil-punti (a) u (b) ma għandhiex tiddaħħal fl-EES, anki jekk dawn ma jkunux qegħdin jakkumpanjaw jew jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni jew maċ-ċittadin ta' pajjiż terż li jgawdi mid-dritt ta’ moviment liberu."

(3)L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

"Jekk id-dokument tal-ivvjaġġar ikun fih medium ta’ memorja elettronika (ċippa), l-awtentiċità tad-dejta taċ-ċippa għandha tiġi kkonfermata bl-użu tal-katina ta' ċertifikati valida u kompluta, ħlief meta dan ikun impossibbli minħabba raġunijiet tekniċi jew, fil-każ ta' dokument tal-ivvjaġġar maħruġ minn pajjiż terz, minħabba n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' ċertifikati validi."

(b)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)    il-punti (a)(i), (a)(ii) u (a)(iii) huma mibdula b'dan li ġej:

"(i) il-verifika tal-identità u tan-nazzjonalità taċ-ċittadin ta' pajjiż terz u l-validità u l-awtentiċità tad-dokument tal-ivvjaġġar, billi jiġu kkonsultati l-bażijiet tad-dejta rilevanti, b’mod partikolari:

(1) is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen

(2) il-bażi tad-dejta tal-Interpol dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa;

(3) il-bażijiet tad-dejta nazzjonali li fihom informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa, miżapproprjati, mitlufa u invalidati.

Din il-verifika tinkludi skrutinju bir-reqqa tad-dokument tal-ivvjaġar għal sinjali ta' falsifikazzjoni u kontrafazzjoni.

Ħlief għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES, jekk id-dokument tal-ivvjaġġar ikun fih xbieha tal-wiċċ irreġistrata fil-medium ta’ memorja elettronika (fiċ-ċippa) u jekk ix-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa tkun tista’ tiġi aċċessata legalment u teknikament, din il-verifika għandha tinkludi l-verifika tax-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa, billi din ix-xbieha titqabbel b’mod elettroniku mal-wiċċ taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

(ii) il-verifika li d-dokument tal-ivvjaġġar ikun akkumpanjat, fejn applikabbli, mill-viża jew il-permess ta' residenza meħtieġa.

Jekk il-permess ta' residenza jkun fih medium ta’ memorja elettronika (ċippa), l-awtentiċità tad-dejta taċ-ċippa għandha tiġi kkonfermata bl-użu tal-katina ta' ċertifikati valida u kompluta, ħlief meta dan ikun impossibbli, minħabba raġunijiet tekniċi. Il-kontrolli bir-reqqa mad-dħul għandhom jinkludu wkoll verifika sistematika tal-validità tal-permess ta' residenza jew tal-viża għal permanenza twila billi tiġi kkonsultata, fis-SIS u f'bażijiet tad-dejta rilevanti oħra, informazzjoni esklussiva dwar dokumenti misruqa, miżapproprjati, mitlufa u invalidati.( 21 )

(iii) għall-persuni li d-dħul jew iċ-ċaħda tad-dħul tagħhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a ta' dan ir-Regolament, issir verifika tal-identità tal-persuna u, fejn applikabbli, għandha ssir identifikazzjoni skont l-Artikolu 21(4) tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES))."

(ii)    il-punt (a) (iii a) li ġej jiddaħħal wara l-Punt (a)(iii):

"(iii a) għall-persuni li d-dħul jew iċ-ċaħda tad-dħul tagħhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a ta' dan ir-Regolament, il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx diġà laħaq jew qabeż iż-żmien massimu tal-permanenza awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri u, għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom viża għal dħul wieħed jew doppju, il-verifika li jkunu rrispettaw in-numru ta' daħliet massimi awtorizzati, billi tiġi kkonsultata l-EES skont l-Artikolu 21 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES))."

(iii)    il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

"(b) jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikollu viża (jew viża itineranti) imsemmija fl-Artikolu 6(1)(b), il-verifiki bir-reqqa mad-dħul għandhom jinkludu wkoll il-verifika tal-awtentiċità, tal-validità territorjali u temporali u l-istatus tal-viża u, jekk ikun applikabbli, tal-identità tat-titular tal-viża, billi tiġi kkonsultata l-VIS skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 "

(iv)    il-Punt (g)(i), huwa sostitwit b’dan li ġej:

"(i) il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa fil-pussess ta’ dokument validu sabiex jaqsam il-fruntiera u li d-dokument ikun akkumpanjat, fejn applikabbli, mill-viża jew il-permess ta' residenza meħtieġa. Il-verifika tad-dokument għandu jinkudi l-konsultazzjoni mal-bażijiet tad-dejta rilevanti, b'mod partikolari s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen; il-bażi tad-dejta tal-Interpol dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa; u l-bażijiet tad-dejta nazzjonali li fihom informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa, miżapproprjati, mitlufa u invalidati( 23 ). Ħlief għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-ħruġ tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES, jekk id-dokument tal-ivvjaġġar ikun fih xbieha tal-wiċċ irreġistrata fil-medium ta’ memorja elettronika (fiċ-ċippa) u jekk ix-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa tkun tista’ tiġi aċċessata legalment u teknikament, din il-verifika għandha tinkludi l-verifika tax-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa, billi din ix-xbieha titqabbel b’mod elettroniku mal-wiċċ taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat."

(v)    jiżdiedu l-punti (g) (iv) u (v) li ġejjin:

"(iv) għall-persuni li l-ħruġ tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a ta' dan ir-Regolament, il-verifika tal-identità tal-persuna u, fejn applikabbli għandha ssir identifikazzjoni skont l-Artikolu 21(4) tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES));

(v) għall-persuni li l-ħruġ tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a ta' dan ir-Regolament, il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx qabeż iż-żmien massimu tal-permanenza awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri, billi tiġi kkonsultata l-EES skont l-Artikolu 21 tar-[Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES))."

(vi)    il-Punt (h) (ii) jitħassar.

(vii)    il-Punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"(d) sabiex tiġi identifikata kull persuna li jista' jkun ma tissodisfax, jew ma tkunx għadha tissodisfa, il-kundizzjonijiet ta' dħul, ta' permanenza jew ta' residenza fit-territorju tal-Istati Membri, il-VIS tista’ tiġi kkonsultata skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u l-EES tista' tiġi kkonsultata skont l-Artikolu 25 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES))."

(viii) jiżdied il-paragrafu 9 li ġej:

"9.    Il-gwardja tal-fruntiera għandha tinforma liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz bl-għadd massimu ta' ġranet ta' permanenza qasira awtorizzata, wara li jittieħdu inkonsiderazzjoni r-riżultati tal-konsultazzjoni mal-EES, u għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom viża, l-għadd ta’ dħul u t-tul tal-permanenza awtorizzati bil-viża msemmija fl-Artikolu 6(1)(b),.";

(4)Jiddaħħal l-Artikolu 8a li ġej:

"Artikolu 8a

L-użu ta' sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri għal ċittadini tal-UE/ŻEE/CH u għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom karta ta' residenza

1. Il-kategoriji ta' persuni li ġejjin jistgħu jitħallew jużaw is-sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet elenkati taħt il-paragrafu 2:

(a)Ċittadini tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) tat-Trattat;

(b)ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, skont ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u dawk il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, ikollhom drittijiet ta' moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni;

(c)ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE, li jkollhom karta ta’ residenza msemmija f'din id-Direttiva;

(d)ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu mid-dritt ta' moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni, u li jkollhom karta ta’ residenza msemmija fid-Direttiva 2004/38/KE.

2. Sabiex jitħallew jużaw is-sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)id-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat għall-qsim tal-fruntiera għandu jkun fih medium ta’ memorja elettronika (ċippa) u l-awtentiċità tad-dejta taċ-ċippa għandha tiġi kkonfermata bl-użu tal-katina ta' ċertifikati valida u kompluta;

(b)id-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat għall-qsim tal-fruntiera għandu jinkludi xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa li jkun hemm aċċess tekniku għaliha mis-sistema awtomatizzata sabiex tiġi vverifikata l-identità tad-detentur tad-dokument tal-ivvjaġġar billi tiġi mqabbla x-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa max-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin.

(c)barra minn hekk, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu jgawdu mid-dritt ta' moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni, u li jkollhom karta ta’ residenza valida, għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) il-karta ta' residenza ppreżentata għall-qsim tal-fruntiera għandu jkun fiha medium ta’ memorja elettronika (ċippa) u l-awtentiċità tad-dejta taċ-ċippa għandha tiġi kkonfermata bl-użu tal-katina ta' ċertifikati valida u kompluta;

(ii) il-karta ta' residenza ppreżentata għall-qsim tal-fruntiera għandha tinkludi xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa li jkun hemm aċċess tekniku għaliha mis-sistema awtomatizzata sabiex tiġi verifikata l-identità tad-detentur tal-permess ta' residenza jew tal-karta ta' residenza, billi tiġi mqabbla x-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa max-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin

3. Meta l-kundizzjonijiet skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jkunu ssodisfati, il-kontrolli fuq il-fruntiera mad-dħul u mal-ħruġ previsti fl-Artikolu 8(2) u l-qsim tal-fruntiera nnifsu jistgħu jitwettqu bl-użu ta' sistema ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri. Meta jitwettaq permezz ta' sistema ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri, il-kontroll fuq il-fruntieri mad-dħul u mal-ħruġ għandu sistematikament jinkludi l-verifika li l-persuna ma tirrappreżentax theddida ġenwina, attwali u suffiċjentement serja għas-sigurtà interna, l-ordni pubbliku, ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri jew theddida għas-saħħa pubblika, fosthom billi jiġu kkonsultati l-bażijiet tad-dejta rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali, b'mod partikolari s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.( 24 )

4. Mad-dħul u mal-ħruġ, ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-fruntiera li jitwettqu permezz ta' sistema self-service għandhom isiru disponibbli għal gwardja tal-fruntiera. Wara li tikkunsidra r-riżultati tal-kontrolli fuq il-fruntiera, din il-gwardja tal-fruntiera għandha tawtorizza d-dħul jew il-ħruġ jew, inkella, tirreferi lill-persuna għand gwardja tal-fruntiera li għandha tipproċedi b’iktar kontrolli.

5. Il-persuna għandha tiġi riferuta lil gwardja tal-fruntiera fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)meta ma tiġix issodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2;

(b)meta r-riżultati tal-kontrolli mad-dħul jew mal-ħruġ previsti skont l-Artikolu 8(2) iqajmu dubji dwar l-identità tal-persuna jew meta jiżvelaw li l-persuna tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u suffiċjentement serja għas-sigurtà interna, l-ordni pubbliku, ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri jew theddida għas-saħħa pubblika;

(c)f'każ ta' dubju.

6. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-gwardja tal-fruntiera li tkun qiegħda tissorvelja l-qsim tal-fruntiera tista' tiddeċiedi li tirreferi persuni li jkunu qegħdin jużaw is-sistema ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri għand gwardja tal-fruntiera abbażi ta' raġunijiet oħra.

7. Is-sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri għandhom jitħaddmu taħt is-sorveljanza ta' gwardja tal-fruntiera li għandha tkun responsabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-osservazzjoni tal-utenti, u tidentifika kwalunkwe użu mhux xieraq, frodulenti jew mhux normali tas-sistema."

(5)Jiddaħħal l-Artikolu 8b li ġej:

"Artikolu 8b

Użu ta' sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess ta' residenza

1. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess ta' residenza jistgħu jużaw is-sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)id-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat għall-qsim tal-fruntiera għandu jkun fih medium ta’ memorja elettronika (ċippa) u l-awtentiċità tad-dejta taċ-ċippa għandha tiġi kkonfermata bl-użu tal-katina ta' ċertifikati valida u kompluta;

(b)id-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat għall-qsim tal-fruntiera għandu jinkludi xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa li jkun hemm aċċess legali u tekniku għaliha mis-sistema awtomatizzata sabiex tiġi verifikata l-identità tad-detentur tad-dokument tal-ivvjaġġar billi tiġi mqabbla x-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa max-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin;

(c)il-permess ta' residenza ppreżentat għall-qsim tal-fruntiera jrid ikun fih medium ta’ memorja elettronika (ċippa) u l-awtentiċità tad-dejta taċ-ċippa għandha tiġi kkonfermata bl-użu tal-katina ta' ċertifikati valida u kompluta;

(d)il-permess ta' residenza ppreżentat għall-qsim tal-fruntiera għandu jinkludi xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa li jkun hemm aċċess tekniku għaliha mis-sistema awtomatizzata sabiex tiġi verifikata l-identità tad-detentur tal-permess ta' residenza, billi tiġi mqabbla x-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa max-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin.

2. Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu ssodisfati, il-kontrolli applikabbli fuq il-fruntiera mad-dħul u mal-ħruġ u l-qsim tal-fruntiera nnifsu jistgħu jitwettqu bl-użu ta' sistema ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri. B'mod partikolari:

(a)mad-dħul, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess ta' residenza għandhom ikunu soġġetti għall-kontrolli fuq il-fruntiera msemmija fl-Artikoli 8(2) u l-punti (i),(ii), (iv) u (vi) tal-Artikolu 8(3)(a);

(b)mal-ħruġ, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess ta' residenza għandhom ikunu soġġetti għall-kontrolli fuq il-fruntiera msemmija fl-Artikoli 8(2) u l-punti (i),(ii) u (iii) tal-Artikolu 8(3)(g).

3. Mad-dħul u mal-ħruġ, ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-fruntiera li jitwettqu permezz tas-sistema self-service għandhom isiru disponibbli għal gwardja tal-fruntiera. Din il-gwardja tal-fruntiera, wara li tikkunsidra r-riżultati tal-kontrolli fuq il-fruntiera, għandha tawtorizza d-dħul jew il-ħruġ jew, inkella, tirreferi lill-persuna għand gwardja tal-fruntiera.

4. Il-persuna għandha tiġi riferuta għand gwardja tal-fruntiera fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)meta ma tiġix issodisfata xi waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1;

(b)meta r-riżultati tal-kontrolli mad-dħul jew mal-ħruġ stabbiliti fil-paragrafu 2 iqajmu dubji dwar l-identità tal-persuna jew meta jiżvelaw li l-persuna tkun ikkunsidrata bħala theddida għas-sigurtà interna, l-ordni pubbliku, ir-relazzjonijiet internazzjonali ta' xi wieħed mill-Istati Membri, jew għas-saħħa pubblika;

(c)meta l-kontrolli mad-dħul jew il-ħruġ stipulati fil-paragrafu 2 jiżvelaw li xi waħda jew diversi mill-kundizzjonijiet għad-dħul jew għall-ħruġ ma jkunux issodisfati;

(d)f'każ ta' dubju.

5. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-gwardja tal-fruntiera li tkun qiegħda tissorvelja l-qsim tal-fruntiera tista' tiddeċiedi li tirreferi persuni li jkunu qegħdin jużaw is-sistema ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri għand gwardja tal-fruntiera abbażi ta' raġunijiet oħra.

6. Is-sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri għandhom jitħaddmu taħt is-sorveljanza ta' gwardja tal-fruntiera li għandha tkun responsabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-osservazzjoni tal-utenti, u tidentifika kwalunkwe użu mhux xieraq, frodulenti jew mhux normali tas-sistema."

(6)Jiddaħħal l-Artikolu 8c li ġej:

"Artikolu 8c

Użu ta' sistemi self-service għall-prereġistrazzjoni ta' dejta fl-EES

1. Persuni li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a jistgħu jużaw sistemi self-service sabiex jipprereġistraw id-dejta tal-fajl individwali tagħhom fl-EES bil-kundizzjoni li jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)id-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat għall-qsim tal-fruntiera għandu jkun fih medium ta’ memorja elettronika (ċippa) u l-awtentiċità tad-dejta taċ-ċippa għandha tiġi kkonfermata bl-użu tal-katina ta' ċertifikati valida u kompluta;

(b)id-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat għall-qsim tal-fruntiera għandu jinkludi xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa li jkun hemm aċċess legali u tekniku għaliha mis-sistema awtomatizzata sabiex tiġi vverifikata l-identità tad-detentur tad-dokument tal-ivvjaġġar billi tiġi mqabbla x-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa max-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin.

2. Skont il-paragrafu 1, is-sistema self-service għandha tivverifika jekk il-persuna jkollhiex reġistrazzjoni preċedenti fl-EES u l-identità taċ-ċittadin ta' pajjiż terz skont l-Artikolu 21(2) tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)).

3. F'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ(EES)), is-sistema ta’ self-service għandha tidentifika skont l-Artikolu 25 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)) is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)meta l-verifika msemmija fil-paragrafu 2 tindika li d-dejta dwar iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ma tkunx irreġistrata fl-EES;

(b)meta l-verifika taċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma tirnexxix;

(c)meta hemm dubji dwar l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

Barra minn hekk, skont l-Artikoli 21(4) tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)), meta ssir identifikazzjoni fl-EES, japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għar-rekwiżit ta' viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni, jekk it-tfittxija fil-VIS bid-dejta msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tindika li l-persuna tkun irreġistrata fil-VIS, għandha titwettaq verifika tal-marki tas-swaba' mal-VIS skont l-Artikolu 18 (5) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008; F'ċirkustanzi li fihom verifika tal-persuna skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma tirnexxix, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jaċċessaw id-dejta tal-VIS għall-identifikazzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

(b)għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jkunux soġġetti għar-rekwiżit ta' viża sabiex jaqsmu l-fruntieri esterni u li ma jinstabux fl-EES wara tiftixa għall-identifikazzjoni skont l-Artikolu 25 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)), għandha tiġi kkonsultata l-VIS skont l-Artikolu 19a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

4. F'każ li d-dejta dwar il-persuna ma tkunx irreġistrata fl-EES skont il-paragrafi 2 u 3, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għar-rekwiżit ta’ viża sabiex jaqsmu l-fruntieri esterni għandhom jirreġistraw minn qabel fl-EES permezz tas-sistema self-service d-dejta elenkata fl-Artikolu 14(1) tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)) u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex soġġetti għal rekwiżit ta’ viża sabiex jaqsmu l-fruntieri esterni għandhom jirreġistraw minn qabel fl-EES permezz tas-sistema ta’ self-service bid-dejta elenkata fl-Artikolu 15(1), tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES));

(b)sussegwentement, il-persuna għandha tiġi riferuta għand il-gwardja tal-fruntiera li għandha:

(a)meta ma tkunx tista’ tinġabar id-dejta kollha permezz tal-kjosk self-service, tirreġistra minn qabel id-dejta kkonċernata,

(b)tivverifika:

(a) li d-dokument tal-ivvjaġġar użat fis-sistema self-service jikkorrispondi għal dak li jkollha l-persuna quddiem il-gwardja tal-fruntiera;

(b) li x-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin, tal-persuna kkonċernata, tikkorrispondi għax-xbieha tal-wiċċ li tkun inġabret permezz tas-sistema self-service;

(c) u, għall-persuni li ma jkollhomx viża meħtieġa skont ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, li l-marki tas-swaba' preżenti fiżikament dak il-ħin, tal-persuna kkonċernata, jikkorrispondu għall-marki tas-swaba' li kienu nġabru permezz tas-sistema self-service;

(c)meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tawtorizza jew tiċħad id-dħul, tikkonferma l-fajl individwali fl-EES u ddaħħal id-dejta prevista skont l-Artikoli 14(2), 16(1) jew 16(3) tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)).

5. Fejn mill-operazzjonijiet stipulati taħt il-paragrafi 2, 3 u 4 jirriżulta li tkun ġiet irreġistrata dejta dwar il-persuna fl-EES, is-sistema self-service għandha tiċċekkja jekk xi waħda jew aktar mid-dejta elenkati fl-Artikoli 14(1) jew 15(1) tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ(EES)) ikollhiex bżonn tiġi aġġornata. Barra minn hekk, jekk jirriżulta li tkun ġiet irreġistrata dejta dwar il-persuna fl-EES, iżda ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun beħsiebu jaqsam għall-ewwel darba, wara li nħoloq il-fajl individwali, il-fruntieri esterni ta' Stat Membru li jkun soġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, għandha tiġi kkonsultata l-VIS kif imsemmi fl-Artikolu 21(5) tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)).

6. Fejn jiġi verifikat skont il-paragrafu 5 li l-persuna jkollha fajl preċedenti rreġistrat fl-EES iżda li l-fajl individwali tagħha jkun jeħtieġ li jiġi aġġornat, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-persuna għandha tipprereġistra d-dejta aġġornata fl-EES permezz tas-sistema self-service;

(b)il-persuna għandha tiġi riferuta għand gwardja tal-fruntiera. Din il-gwardja tal-fruntiera tivverifika l-korrettezza tal-aġġornament li jkun ġie pprereġistrat permezz tas-sistema self-service u, meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tawtorizza jew tiċħad id-dħul, taġġorna l-fajl individwali skont l-Artikolu 13(2) tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)).

7. Is-sistemi self-service għandhom jitħaddmu taħt is-sorveljanza ta' gwardja tal-fruntiera li għandha tkun responsabbli sabiex tidentifika kwalunkwe użu mhux xieraq, frodulenti jew mhux normali tas-sistema."

(7)Jiddaħħal l-Artikolu 8d li ġej:

"Artikolu 8d

L-użu ta' sistemi self-service u/jew ta' bibien elettroniċi għall-qsim tal-fruntiera minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES

1. Il-persuni li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a jistgħu jitħallew jużaw is-sistema self-service sabiex isirulhom il-kontrolli fuq il-fruntiera jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)id-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat għall-qsim tal-fruntiera għandu jkun fih medium ta’ memorja elettronika (ċippa) u l-awtentiċità tad-dejta taċ-ċippa għandha tiġi kkonfermata bl-użu tal-katina ta' ċertifikati valida u kompluta;

(b)id-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat għall-qsim tal-fruntiera għandu jinkludi xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa li jkun hemm aċċess legali u tekniku għaliha mis-sistema awtomatizzata sabiex tiġi verifikata l-identità tad-detentur tad-dokument tal-ivvjaġġar, billi tiġi mqabbla x-xbieha tal-wiċċ irreġistrata fiċ-ċippa max-xbieha tal-wiċċ preżenti fiżikament dak il-ħin;

(c)il-persuna tkun diġà rreġistrata jew prereġistrata fl-EES.

2. Fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu ssodisfati, il-kontrolli mad-dħul u mal-ħruġ previsti fl-Artikoli 8(2) u 8(3)(a) u (b) jew fl-Artikoli 8(2) u 8(3)(g) u (h), jistgħu jitwettqu permezz ta' sistema self-service. Meta jitwettaq permezz ta' sistema ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri, il-kontroll fuq il-fruntiera mal-ħruġ għandu jinkludi l-kontrolli previsti fl-Artikolu 8(3)(h).

3. Mad-dħul u mal-ħruġ, ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-fruntiera li jitwettqu permezz tas-sistema self-service għandhom isiru disponibbli għal gwardja tal-fruntiera. Din il-gwardja tal-fruntiera, wara li tikkunsidra r-riżultati tal-kontrolli fuq il-fruntiera, għandha tawtorizza d-dħul jew il-ħruġ jew, inkella, tirreferi lill-persuna għand gwardja tal-fruntiera.

4. Il-persuna għandha tiġi riferuta għand gwardja tal-fruntiera fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)meta ma tiġix issodisfata xi waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1;

(b)meta l-kontrolli mad-dħul jew mal-ħruġ skont il-paragrafu 2 jiżvelaw li xi waħda jew diversi mill-kundizzjonijiet għad-dħul jew għall-ħruġ ma jkunux issodisfati;

(c)meta r-riżultati tal-kontrolli mad-dħul jew il-ħruġ skont il-paragrafu 2 iqajmu dubji dwar l-identità tal-persuna jew meta jiżvelaw li l-persuna tkun ikkunsidrata bħala theddida għas-sigurtà interna, l-ordni pubbliku, ir-relazzjonijiet internazzjonali ta' xi wieħed mill-Istati Membri, jew għas-saħħa pubblika;

(d)f'każ ta' dubju;

(e)meta ma jkunx hemm bibien elettroniċi.

5. Minbarra s-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 4, il-gwardja tal-fruntiera li tkun qiegħda tissorvelja l-qsim tal-fruntiera tista' tiddeċiedi li tirreferi l-persuni li jkunu qegħdin jużaw is-sistema self-service għand gwardja tal-fruntiera abbażi ta' raġunijiet oħra.

6. Persuni li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a(1) u li jkunu użaw sistema self-service sabiex isirulhom il-kontrolli fuq il-fruntiera, jistgħu jitħallew jużaw bieb elettroniku. Meta jintuża bieb elettroniku, ir-reġistrazzjoni korrispondenti tar-rekord tad-dħul/ħruġ u r-rabta ta' dan ir-rekord mal-fajl individwali kkonċernat skont l-Artikolu 13 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)) għandhom jitwettqu meta jsir il-qsim tal-fruntiera permezz tal-bieb elettroniku. Meta l-bieb elettroniku ma jkunux ikkollegat mas-sistema self-service, għandha ssir verifika tal-identità tal-utent fil-bieb elettroniku sabiex jiġi vverifikat li l-persuna li tkun qiegħda tuża l-bieb elettroniku tikkorrispondi għall-persuna li tkun użat is-sistema self-service. Din il-verifika għandha ssir billi jintuża mill-anqas identifikatur bijometriku wieħed.

7. Meta l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 8d(1)(a) jew (b), jew fit-tnejn, ma jiġux issodisfati, parti mill-kontrolli fuq il-fruntiera mad-dħul u mal-ħruġ skont l-Artikolu 8(3)(a) u (b) kif ukoll l-Artikolu 8(3)(g) u (h) rispettivament, jistgħu jitwettqu permezz ta' sistema self-service. Meta l-gwardja tal-fruntiera, teknikament tkun tista' tikseb, u legalment jkollha permess taċċessa, ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-fruntiera li jkunu twettqu permezz tas-sistema self-service, u dawk ir-riżultati juru li l-eżiti tal-kontrolli huma pożittivi, il-gwardja tal-fruntiera tista' twettaq biss dawk il-verifiki skont l-Artikoli 8(3)(a) u (b) kif ukoll l-Artikolu 8(3)(g) u (h) li ma setgħux jitwettqu permezz tas-sistema self-service. Barra minn hekk, il-gwardja tal-fruntiera għandha tivverifika li d-dokument tal-ivvjaġġar użat fis-sistema self-service jikkorrispondi għal dak li jkollha l-persuna li tkun qiegħda quddiem il-gwardja tal-fruntiera.

8. Is-sistemi self-service u l-bibien elettroniċi għandhom jitħaddmu taħt is-sorveljanza ta' gwardja tal-fruntiera li għandha tkun responsabbli sabiex tidentifika kwalunkwe użu mhux xieraq, frodulenti jew mhux normali tas-sistema jew tal-bieb elettroniku, jew it-tnejn."

(8)Jiddaħħal l-Artikolu 8e li ġej:

"Artikolu 8e

Programmi ta' faċilitazzjoni nazzjonali

1. Kull Stat Membru jista' jistabbilixxi programm volontarju li jippermetti ċittadini ta' pajjiżi terzi kif definiti fl-Artikolu 2(6) jew ċittadini ta' pajjiż terz speċifiku li ma jgawdux mid-dritt ta' moviment liberu, li jibbenefikaw mill-faċilitazzjonijiet magħmula skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu meta jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntiera esterna ta' Stat Membru.

2. B'deroga mill-Artikolu 8(3)(a), għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u li jingħataw aċċess għall-programm, il-kontrolli bir-reqqa mad-dħul ma jistgħux jinkludu l-eżami tal-aspetti msemmija fl-Artikolu 8(3)(a) (iv) u (v) meta tinqasam il-fruntiera esterna ta' tali Stat Membru jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)l-Istat Membru jwettaq skrutinju minn qabel taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw għall-programm;

(b)l-iskrutinju minn qabel imsemmi fil-punt (a) jitwettaq mill-awtoritajiet tal-viża jew tal-fruntiera skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 jew mill-awtoritajiet assenjati, skont il-liġi nazzjonali sabiex iwettqu kontrolli fuq persuni fil-punti ta' qsim tal-fruntieri esterni skont dan ir-Regolament;

(c)l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu (b) jagħtu aċċess għall-programm biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet minimi li ġejjin:

(i) l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament;

(ii) id-dokument tal-ivvjaġġar, il-viża u / jew il-permess ta' residenza tal-applikant, li jiġu ppreżentati, ikunu validi u mhux iffalsifikati jew kontrafatti;

(iii) l-applikant jipprova l-ħtieġa jew jiġġustifika l-intenzjoni li jivvjaġġa ta’ spiss jew b'mod regolari;

(iv) l-applikant juri integrità u affidabbiltà, b'mod partikolari, jekk ikun applikabbli, li l-viżi preċedenti b'validità territorjali limitata jkunu ntużaw skont il-liġi, u dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-applikant fil-pajjiż tal-oriġini u l-intenzjoni ġenwina li jħalli t-territorju tal-Istati Membri fil-ħin dovut. Skont l-Artikolu 23 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)), l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu b) ta' dan l-Artikolu għandhom ikollhom aċċess sabiex jikkonsultaw l-EES biex jivverifikaw li l-applikant ma jkunx preċedentement qabeż it-tul massimu tal-permanenza awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri;

(v) l-applikant jiġġustifika l-iskop u l-kundizzjonijiet tal-permanenzi previsti;

(vi) l-applikant ikollu mezzi suffiċjenti ta' sussistenza kemm għat-tul tal-permanenzi maħsuba kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini jew tar-residenza, jew li l-applikant ikun f'pożizzjon li jikseb dawn il-mezzi skont il-liġi;

(vii) l-applikant ma jkunx persuna li dwarha tkun inħarġet twissija fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen (SIS);

(viii) l-applikant ma jkunx meqjus bħala theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà interna, għas-saħħa pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, b’mod partikolari meta ma tkun inħarġet l-ebda twissija fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għal dawn l-istess raġunijiet.

(d)l-aċċess għall-programm għandu jingħata għall-massimu ta’ sena;

(e) annwalment l-Istat Membru għandu jerġa' jivvaluta s-sitwazzjoni ta' kull ċittadin ta' pajjiż terz li jingħata aċċess għall-programm sabiex jassigura li, abbażi tal-informazzjoni aġġornata, l-applikant ikun għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8e(2) (c);

(f)il-kontrolli bir-reqqa mad-dħul u mal-ħruġ skont l-Artikoli 8(3)(a) u 8(3)(b) għandhom jinkludu wkoll verifika tal-identità taċ-ċittadin ta' pajjiż terz li jkun qiegħed jibbenefika mill-programm u l-fatt li l-pajjiż terz ikollu aċċess validu għall-programm;

(g)l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu (b) għandhom jirrevokaw immedjatament l-aċċess li jkun ingħata lil ċittadin ta' pajjiż terz għall-programm:

(i) jekk ikun evidenti li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-aċċess għall-programm ma kinux issodisfati;

(ii) jekk ikun evidenti li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-aċċess għall-programm ma għadhomx jiġu ssodisfati.

Meta jkun qed jiġi vverifikat li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b) u (c), għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari biex jiġi evalwat jekk l-applikant jippreżentax riskju ta' immigrazzjoni illegali jew riskju għas-sigurtà tal-Istat Membru/tal-Istati Membri, u jekk l-applikant ikollux l-intenzjoni li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru/tal-Istati Membri matul il-permanenza awtorizzata.

Il-mezzi ta' sussistenza għall-permanenzi intenzjonati għandhom jiġu vvalutati skont it-tul u l-iskop(ijiet) tal-permanenza(i) prevista/i u b’referenza għall-prezzijiet medji fl-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i) għall-ikel u l-irqad f’akkomodazzjoni rħisa, abbażi tal-ammonti ta' referenza stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 39(1)(c). Prova ta' sponsorizzazzjoni jew akkomodazzjoni privata, jew it-tnejn, jistgħu jikkostitwixxu wkoll evidenza ta’ mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza.

L-eżami ta’ applikazzjoni għandu jkun ibbażat b’mod partikolari fuq l-awtentiċità u l-affidabbiltà tad-dokumenti ppreżentati u fuq il-veraċità u l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-applikant. Jekk Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni jkollu xi dubji dwar l-applikant, l-istqarrijiet tal-applikant jew dwar id-dokumenti ta’ prova li jkunu ġew ipprovduti, dan jista’ jikkonsulta ma’ Stati Membri oħra qabel ma jieħu xi deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

4. Żewġ Stati Membri jew aktar li jkunu stabbilixxew il-programmi nazzjonali proprji tagħhom skont dan l-Artikolu jistgħu jikkonkludu ftehim bejniethom sabiex jassiguraw li l-benefiċjarji tal-programmi nazzjonali tagħhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-faċilitazzjonijiet rikonoxxuti mill-programm(i) nazzjonali l-oħra. Fi żmien xahar wara li jiġi konkluż il-ftehim, għandha tintbagħat kopja tal-ftehim lill-Kummissjoni.

5. Il-Kummissjoni għandha, qabel tmiem it-tielet sena tal-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, tittrasmetti l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fuq il-bazi ta' din l-evalwazzjoni, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi it-twaqqif ta' programm tal-Unjoni għal ċittadini ta' pajjiżi terzi frekwenti u skrutinizzati minn qabel."

(9)L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)    Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3. Anke jekk il-kontrolli jillaxkaw, il-gwardja tal-fruntiera għandha ddaħħal id-dejta fl-EES, skont l-Artikolu 6a. Meta d-dejta ma tkunx tista’ tiddaħħal elettronikament, din għandha tiddaħħal manwalment."

(b)    Jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

"3a.    Fil-każ ta' impossibbiltà teknika biex tiddaħħal id-dejta fis-Sistema Ċentrali tal-EES jew fil-każ ta' ħsara fis-Sistema Ċentrali tal-EES, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(i) b’deroga mill-Artikolu 6a ta' dan ir-Regolament, id-dejta msemmija fl-Artikoli 14, 15, 16, 17 u 18 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)) għandha tinħażen temporanjament fl-Interfaċċja Nazzjonali Uniformi kif definit fl-Artikolu 6 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)). Jekk dan ma jkunx possibbli, id-dejta għandha tinħażen temporanjament lokalment. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, id-dejta għandha tiddaħħal fis-Sistema Ċentrali tal-EES malli l-impossibbiltà teknika jew il-ħsara jitranġaw. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa u jużaw l-infrastruttura, it-tagħmir u r-riżorsi meħtieġa sabiex jassiguraw li tali ħżin lokali temporanju ikun jista' jitwettaq fi kwalunkwe ħin u għal kwalunkwe wieħed mill-punti ta' qsim tal-fruntiera tagħhom;

(ii) b'deroga mill-Artikoli 8(3)(a)(iii) u 7(3)(g)(iv) għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom viża (jew viża itineranti) imsemmija fl-Artikolu 6(1)(b), meta jkun teknikament possibbli, il-verifika tal-identità tat-titular tal-viża għandha titwettaq billi tiġi kkonsultata direttament il-VIS skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008."

(10)Fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu 3a li ġej:

"3a. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jużaw sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri, il-bibien elettroniċi jew is-sistemi self-service, jew it-tnejn, huma għandhom jużaw it-tabelli previsti fil-parti D tal-Anness III biex jidentifikaw il-korsiji rispettivi."

(11)L-Artikolu 11 huwa mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 11

L-ittimbrar tad-dokumenti tal-ivvjaġġar

1. Meta previst espliċitament mil-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, Stat Membru jista' jittimbra mad-dħul u mal-ħruġ id-dokument tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess ta' residenza maħruġ minn dan l-Istat Membru.

2. L-arranġamenti prattiċi għall-ittimbrar jinstabu fl-Anness IV."

(12)L-Artikolu 12 huwa mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 12

Preżunzjonijiet fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet tat-tul tal-permanenza

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12a, jekk ċittadin ta' pajjiż terz preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru ma jkunx irreġistrat fl-EES jew jekk ir-rekord tad-dħul/ħruġ tal-persuna ma jkunx jinkludi data tal-ħruġ wara d-data ta’ meta jagħlaq iż-żmien mogħti għall-permanenza awtorizzata, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippreżumu li l-persuna ma tkunx tissodisfa, jew ma tkunx għadha tissodisfa, il-kundizzjonijiet relatati mat-tul tal-permanenza fit-territorju tal-Istati Membri.

2. Din il-preżunzjoni ma għandhiex tapplika għal ċittadin ta' pajjiż terz li jkun jista' jipprovdi, bi kwalunkwe mezz, evidenza kredibbli li l-persuna tkun tgawdi mid-dritt ta' moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni jew li l-persuna jkollha permess ta' residenza jew viża għal permanenza twila. Fejn applikabbli, għandu jiġi applikat l-Artikolu 32 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)).

3. Il-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi kkonfutata meta l-persuna tipprovdi, bi kwalunkwe mezz, evidenza kredibbli, bħal biljetti tat-trasport jew prova tal-preżenza tagħha barra mit-territorju tal-Istat Membru jew id-data ta' skadenza ta' permess ta' residenza jew ta' viża għal permanenza twila preċedenti, li juru li tkun irrispettat il-kundizzjonijiet relatati mat-tul tal-permanenza qasira.

F’sitwazzjonijiet bħal dawn l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)).

4. Jekk il-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tiġix ikkonfutata, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jitkeċċa mill-awtoritajiet kompetenti mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Ċittadin ta’ pajjiż terz li juri li jgawdi d-dritt ta' moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni jista' jitkeċċa biss mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-fruntieri u mill-immigrazzjoni tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat skont id-Direttiva 2004/38/KE."

(13)Jiddaħħal l-Artikolu 12 a li ġej:

"Artikolu 12a
Perjodu tranżitorju u miżuri tranżitorji

1. Għal perjodu ta' sitt xhur wara li tibda topera l-EES, sabiex jiġi vverifikat mad-dħul li persuna ma tkunx qabżet l-għadd ta' daħliet awtorizzati bil-viża għal dħul wieħed jew doppju u sabiex jiġi vverifikat mad-dħul u mal-ħruġ li persuna li tidħol għal permanenza qasira ma tkunx qabżet it-tul tal-permanenza massima awtorizzata, l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera għandhom iqisu l-permanenzi fit-territorji tal-Istati Membri matul il-180 jum ta' qabel id-dħul jew il-ħruġ billi jiċċekkjaw it-timbri fid-dokumenti tal-ivvjaġġar flimkien mad-dejta tad-dħul/tal-ħruġ irreġistrata fl-EES.

2. Meta persuna tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri u tkun għadha ma ħarġitx minnu qabel ma bdiet topera l-EES, għandu jinħoloq fajl individwali fl-EES u d-data ta' dan id-dħul għandha tiddaħħal fir-rekord tad-dħul/ħruġ skont l-Artikolu 14(2) tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)) meta l-persuna toħroġ. Din ir-regola m'għandhiex tkun limitata għas-sitt xhur ta' wara li l-EES tkun bdiet l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Fil-każ ta' diskrepanza bejn id-data tat-timbru tad-dħul u d-dejta rreġistrata fl-EES, għandu jirbaħ it-timbru kkonċernat."

(14)L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2 ġie miżjud it-tielet subparagrafu li ġej:

"Id-dejta dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom għal permanenza qasira (jew abbażi ta' viża itineranti) jkun ġie miċħud, għandha tiġi rreġistrata fl-EES skont l-Artikolu 6a(2) ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 16 tar-(Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES))."

(b)fil-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu huwa mibdul b'dan li ġej:

"Mingħajr preġudizzju għal xi kumpens mogħti skont il-liġi nazzjonali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jkun intitolat għall-korrezzjoni tad-dejta mdaħħla fl-EES jew tat-timbru tad-dħul ikkanċellat, jew it-tnejn, u l-korrezzjoni ta' kwalunkwe kanċellazzjoni jew addizzjoni li tkun saret, mill-Istat Membru li jkun ċaħad id-dħul, jekk l-appell jikkonkludi li d-deċiżjoni biex jiġi miċħud id-dħul ma kellhiex bażi."

(15)L-Annessi III, IV u V jiġu emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament

(16)L-Anness VIII jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Għandu japplika mid-data li fiha sejra tibda topera l-EES, kif stabbilit mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 60 tar-(Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (Kodifikazzjoni) ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.
(2) Rispettivament, COM(2013) 95 FINAL, COM(2013) 97 FINAL u COM(2013) 96 FINAL.
(3) COM(2013) 96 FINAL
(4)

   Jekk tiġi stabbilita viża itineranti għandha tkun skont il-Proposta ppreżentata mill-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi viża itineranti u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 562/2006 u (KE) Nru 767/2008 [COM(2014) 163 final]

(5)
(6) Jekk fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, l-Artikolu 8(2) ikun limitat għal persuni li jgawdu d-dritt ta' moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni kif propost bil-proposta COM(2015) 670 final, dan il-kontroll tal-awtentiċità għandu jkun previst b'mod espliċitu taħt l-Artikolu 8(3) u jkun applikabbli għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.
(7) Kundizzjoni simili hija prevista fil-proposta (COM(2015)670/2) u se tkun parti mill-kontrolli obbligatorji għall-persuni li jgawdu mid-dritt ta' moviment liberu. Skont il-verżjoni finali tat-test adottat, din is-sentenza tista' tkun żejda jew ssir obsoleta.
(8) Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (Kodifikazzjoni) ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.
(9) ĠU L …
(10) Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(13) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(14) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(15) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(16) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(17) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(18) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(19) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31)
(20) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(21) Dawn il-paragrafi jista' jkollhom bżonn ta' aktar aġġustamenti wara l-adozzjoni tal-proposta COM (2015)670/2
(22) Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema ta' l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) ."
(23) Din il-kundizzjoni hija prevista fil-proposta (COM(2015)670/2) li temenda l-Artikolu 7 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u se tkun parti mill-kontrolli obbligatorji għall-persuni li jgawdu mid-dritt ta' moviment liberu. Skont il-verżjoni finali tat-test adottat, din is-sentenza jista' jkollha bżonn ta' xi aġġustamenti.
(24) Kundizzjoni simili hija prevista fil-proposta (COM(2015)670/2) li temenda l-Artikolu 8 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (wara l-kodifikazzjoni, l-Artikolu 8 attwali) u se tkun parti mill-kontrolli obbligatorji għall-persuni li jgawdu mid-dritt ta' moviment liberu. Skont il-verżjoni finali tat-test adottat, din is-sentenza tista' tkun żejda jew ssir obsoleta.
Top

Brussell, 6.4.2016

COM(2016) 196 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ

{SWD(2016) 115 final}
{SWD(2016) 116 final}


ANNESSI

tal-

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ



ANNESS

L-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 2016/399 huma emendati kif ġej:

1.Il-Parti D hija miżjuda mal-Anness III:

"PARTI D

Parti D1: Korsiji ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera għaċ-ċittadini tal-UE/taż-ŻEE/tal-CH

Ma hemmx għalfejn jintużaw l-istilel għall-Isvizzera, għal-Liechtenstein, għan-Norveġja u għall-Islanda



Parti D2: Korsiji ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera għall-persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz

Ma hemmx għalfejn jintużaw l-istilel għall-Isvizzera, għal-Liechtenstein, għan-Norveġja u għall-Islanda

Parti D3: Korsiji ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera għall-passaporti kollha

Ma hemmx għalfejn jintużaw l-istilel għall-Isvizzera, għal-Liechtenstein, għan-Norveġja u għall-Iżlanda”

2.L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1. Fejn previst espressament mil-liġi nazzjonali tiegħu, Stat Membru jista’ jittimbra d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mad-dħul u mal-ħruġ li għandhom permess ta’ residenza maħruġ minn dak l-Istat Membru stess skont l-Artikolu 11. Barra minn hekk, skont l-Anness V, il-Parti A, fejn ċittadini minn pajjiżi terzi huma rrifjutati d-dħul skont l-Artikolu 14, il-gwardja tal-fruntiera għandu jittimbra timbru tad-dħul fuq il-passaport, maqtugħ b’salib b’linka sewda li ma titħassarx u biswitu fuq in-naħa tal-lemin, ukoll b’linka li ma titħassarx, l-ittra/i li tikkorrispondi/jikkorrispondu għar-raġuni(jiet) għar-rifjut ta' dħul, li l-lista tagħhom hija mogħtija fuq il-formola standard għal dħul miċħud li tidher fil-Parti B tal-Anness V.”

(b)jiżdied il-punt 1a:

"L-ispeċifikazzjonijiet ta' dawn it-timbri huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Esekuttiv ta' Schengen SCH/COM-EX (94) 16 rev u SCH/Gem-Handb (93) 15 (KUNFIDENZJALI)."

(c)il-punt 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"3. F'każ ta' rifjut ta' dħul ta' ċittadini ta’ pajjiż terz soġġett għall-obbligu li jkollhom viża, it-timbru għandu, bħala regola ġenerali, isir fuq il-paġna faċċata tal-paġna li fuqha jkun hemm imwaħħla l-viża.

Jekk dik il-paġna ma tistax tintuża, it-timbru jiddaħħal fuq il-paġna li jmiss. Il-parti li tinqara mill-magna m'għandhiex tiġi ttimbrata."

3.L-Anness V, il-Parti A hija emendata kif ġej:

(a)il-punt 1(b) huwa mibdul b'dan li ġej:

“(b) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dħul għal soġġorn qasir [jew abbażi ta’ viża itineranti] ġiet irrifjutata, id-dejta dwar ir-rifjut ta’ dħul għandha tiġi rreġistrata fis-sistema ta’ dħul u ħruġ skont l-Artikolu 6a(2) ta’ dan ir-Regolament u tal-Artikolu 16 ta’ [ir-Regolament li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)]. Barra minn hekk, il-gwardja tal-fruntiera għandu jittimbra timbru tad-dħul fuq il-passaport, maqtugħ b’salib b’linka sewda li ma titħassarx u biswitu fuq in-naħa tal-lemin, ukoll b’linka li ma titħassarx, jikteb l-ittra/i li tikkorrispondi/jikkorrispondu għar-raġuni(jiet) għar-rifjut ta' dħul, li l-lista tagħhom hija mogħtija fuq il-formola standard għal dħul miċħud li tidher fil-Parti B ta' dan l-Anness;”

(b)il-punt 1(d) jinbidel b'dan li ġej:

"(d) għal ċittadin ta' pajjiż terz li r-rifjut ta' dħul tagħhom m'għandux ikun irreġistrat fl-ESS, il-gwardja tal-fruntiera għandu jittimbra timbru tad-dħul fuq il-passaport, maqtugħ b’salib b’linka sewda li ma titħassarx u biswitu fuq in-naħa tal-lemin, ukoll b’linka li ma titħassarx, jikteb l-ittra/ittri li tikkorrispondi/jikkorrispondu għar-raġuni(jiet) għar-rifjut ta' dħul, li l-lista tagħhom hija mogħtija fuq il-formola standard għal dħul miċħud li tidher fil-Parti B ta' dan l-Anness. Barra minn hekk, għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, il-gwardja tal-fruntiera għandu jniżżel kull rifjut ta’ dħul f’reġistru jew f’lista fejn jiddikjara l-identità u n-nazzjonalità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, ir-referenzi tad-dokument li jawtorizza liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz biex jaqsam il-fruntiera u r-raġuni għaliex ġie rrifjutat id-dħul, u d-data ta' tali rifjut;”

(c)punt (1) huwa miżjud:

"(e) L-arranġamenti prattiċi għall-ittimbrar jinstabu fl-Anness IV."

Top