IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.4.2016
COM(2016) 186 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”, u
IR-REPUBBLIKA TAL-GŻEJJER MARSHALL, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Gżejjer Marshall”,
minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħin il-“Partijiet Kontraenti”,
BIL-ĦSIEB LI jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet amikevoli bejn il-Partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,
WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżenti minn dik il-ħtieġa billi, inter alia, 19-il pajjiż terz, inklużi l-Gżejjer Marshall, ġew trasferiti għal-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mir-rekwiżit ta’ viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri,
FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawk id-19-il pajjiż, l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni,
FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta’ trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,
FILWAQT LI JQISU li l-persuni li jivvjaġġaw bl-iskop li jwettqu attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti minn dan il-Ftehim u għalhekk għal dik il-kategorija r-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali tal-Gżejjer Marshall dwar l-obbligu tal-viża jew l-eżenzjoni minnha u dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,
FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, li jinsab anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u għall-Irlanda,
FTEHMU KIF ĠEJ:
ARTIKOLU 1
Skop
Dan il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini tal-Gżejjer Marshall meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
ARTIKOLU 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:
(a)
“Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda;
(b)
“ċittadin tal-Unjoni” tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif definit fil-punt (a);
(c)
“ċittadin tal-Gżejjer Marshall” tfisser kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza tal-Gżejjer Marshall;
(d)
“żona Schengen” tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.
ARTIKOLU 3
Kamp ta’ applikazzjoni
1.
Iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Gżejjer Marshall għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).
Iċ-ċittadini tal-Gżejjer Marshall li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ mill-Gżejjer Marshall, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).
2.
Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw bl-iskop li jwettqu attività bi ħlas.
Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi b’mod individwali li jimponi r-rekwiżit ta’ viża fuq iċ-ċittadini tal-Gżejjer Marshall jew li jirtirah f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001.
Għal din il-kategorija ta’ persuni, il-Gżejjer Marshall jistgħu jiddeċiedu dwar ir-rekwiżit ta’ viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru b’mod individwali f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.
3.
L-eżenzjoni mill-viża prevista minn dan il-Ftehim tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u l-Gżejjer Marshall jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfata.
4.
L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrispettivament mill-mezz ta’ trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti.
5.
Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim ikunu rregolati mil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u mil-liġi nazzjonali tal-Gżejjer Marshall.
ARTIKOLU 4
Tul ta’ żmien tas-soġġorn
1.
Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Gżejjer Marshall għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
2.
Iċ-ċittadini tal-Gżejjer Marshall jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dan il-perjodu jiġi kkalkulat irrispettivament minn kwalunkwe soġġorn f’xi Stat Membru li għalissa ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.
Iċ-ċittadini tal-Gżejjer Marshall jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, irrispettivament mill-perjodu ta’ soġġorn ikkalkulat għat-territorju tal-Istat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.
3.
Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà għall-Gżejjer Marshall u għall-Istati Membri li jestendu l-perjodu ta’ soġġorn għal aktar minn 90 jum f’konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u mal-liġi tal-Unjoni.
ARTIKOLU 5
Applikazzjoni territorjali
1.
Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.
2.
Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Renju tan-Netherlands.
ARTIKOLU 6
Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim
1.
Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt tal-esperti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u minn rappreżentanti tal-Gżejjer Marshall. L-Unjoni tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.
2.
Il-Kumitat ikollu, inter alia, il-kompiti li ġejjin:
(a)
li jagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
(b)
li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;
(c)
li jsolvi tilwimiet li jfeġġu mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
3.
Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ kull meta jkun meħtieġ, wara li ssir rikjesta ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti.
4.
Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu.
ARTIKOLU 7
Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ ftehimiet bilaterali eżistenti ta’ eżenzjoni mill-viża
bejn l-Istati Membri u l-Gżejjer Marshall
Dan il-Ftehim ikollu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali konkluż bejn l-Istati Membri individwali u l-Gżejjer Marshall, sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
ARTIKOLU 8
Dispożizzjonijiet finali
1.
Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti f’konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ notifiki li permezz tagħhom il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li dawk il-proċeduri jkunu tlestew.
Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-għada tad-data tal-iffirmar tiegħu.
2.
Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu indefinit, sakemm ma jiġix itterminat f’konformità mal-paragrafu 5.
3.
Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub tal-Partijiet Kontraenti. L-emendi jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan l-iskop.
4.
Kull Parti Kontraenti tista’ tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew protezzjoni tas-saħħa pubblika, immigrazzjoni illegali jew hekk kif jerġa’ jiddaħħal l-obbligu tal-viża minn waħda mill-Partijiet Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f’każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni.
5.
Kull Parti Kontraenti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara dan.
6.
Il-Gżejjer Marshall jistgħu jissospendu jew jitterminaw dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha.
7.
L-Unjoni tista’ tissospendi jew tittermina dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tagħha.
Magħmul f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż, b’kull test ikollu l-istess awtentiċità.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, TAN-NORVEĠJA, TAL-IŻVIZZERA
U TAL-LIECHTENSTEIN
Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.
F’ċirkostanzi bħal dawn huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, tal-Iżlanda, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein, min-naħa, u l-Gżejjer Marshall, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir f’termini simili għal dawk ta’ dan il-Ftehim.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA’ PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW BL-ISKOP LI JWETTQU ATTIVITÀ BI ĦLAS
KIF PREVIST MILL-ARTIKOLU 3(2) TA’ DAN IL-FTEHIM
Bix-xewqa li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, il-kategorija ta’ persuni li jwettqu attività bi ħlas tkopri lill-persuni li jidħlu fit-territorju tal-Parti Kontraenti bl-għan li jkollhom impjieg bi qligħ jew iwettqu attività b’remunerazzjoni bħala impjegati jew fornituri ta’ servizz.
Din il-kategorija ma għandhiex tkopri:
–
persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw bl-iskop ta’ deliberazzjoni ta’ negozju (mingħajr ma jkunu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),
–
persuni li jieħdu sehem fl-isport jew artisti tal-ispettaklu li jwettqu attività fuq bażi ad hoc,
–
ġurnalisti mibgħuta mill-midja tal-pajjiż ta’ residenza tagħhom, u,
–
apprendisti intrakorporattivi.
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni għandu jsir mill-Kumitat Konġunt fir-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim, li jista’ jipproponi modifiki meta, abbażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti, jikkunsidrahom bħala meħtieġa.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERJODU TA’ 90 JUM
FI KWALUNKWE PERJODU TA’ 180 JUM KIF STIPULAT FL-ARTIKOLU 4 TA’ DAN IL-FTEHIM
Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li l-perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum kif previst fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta’ żmien totali tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
Il-kunċett ta’ “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta’ perjodu ta’ referenza “mobbli” ta’ 180 jum, billi titqies b’lura kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perjodu ta’ 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk l-obbligu tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum ikunx baqa’ jiġi ssodisfat. Inter alia, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta’ 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta’ mhux aktar minn 90 jum.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFURMAR TAĊ-ĊITTADINI
DWAR IL-FTEHIM TA’ EŻENZJONI MILL-VIŻA
Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tal-Gżejjer Marshall, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiżguraw it-tixrid totali tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju.