Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0062

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

    COM/2016/062 final - 2016/036 (NLE)

    Brussell, 2.3.2016

    COM(2016) 62 final

    2016/0036(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Il-proposta hija għal Deċiżjoni tal-Kunsill, li għandha tiġi adottata skont l-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC).

    Fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC (magħrufa bħala COP 21), li saret f’Pariġi mit-30 ta’ Novembru sat-12 ta’ Diċembru 2015, ġie adottat ftehim dwar it-tnaqqis globali tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fit-30 jum wara d-data li fiha tal-inqas 55 Parti tal-Konvenzjoni li b’kollox jikkostitwixxu ta' mill-inqas 55 % tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra, ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni.

    Il-Ftehim se jkun miftuħ għall-iffirmar mill-Partijiet tal-UNFCCC bejn it-22 ta’ April 2016 u l-21 ta’ April 2017. Il-partijiet tal-UNFCCC jinkludu l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Iċ-ċerimonja tal-iffirmar ta’ livell għoli ser issir fi New York fit-22 ta’ April 2016.

    Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa pass importanti biex tissaħħaħ l-azzjoni globali kollettiva u tiġi aċċellerata t-trasformazzjoni globali għal soċjetà b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għall-klima. Dan se jirrappreżenta avvanz fuq il-Protokoll ta’ Kyoto tal-1997 li, sa dak ta' Pariġi, kien l-uniku Trattat legalment vinkolanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra u li fih l-impenji sal-aħħar tal-2020. Il-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi mira ta’ tnaqqis fit-tul kwalitattiv tal-emissjonijiet skont l-objettiv biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm taħt iż-2 °C u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sal-1,5 °C. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Partijiet ser jistabbilixxu jew jaġġornaw il-miri ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet. Mill-2023 u kull ħames snin, il-Partijiet ser jagħmlu bilanċ globali, ibbażat fuq ix-xjenza u l-implimentazzjoni l-aktar reċenti sa dik id-data, li ser isegwi l-progress u jikkunsidra t-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-adattament u l-appoġġ ipprovdut.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam politiku

    Qabel il-COP 21, il-partijiet tal-UNFCCC ppreżentaw il-kontributi maħsuba tagħhom determinati fil-livell nazzjonali (INDCs) għall-Ftehim. Fis-6 ta’ Marzu 2015, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kienu l-ewwel ekonomija prinċipali li kkomunikaw l-INDC tagħhom, u dan jipprovdi impenn għal mira ta’ tnaqqis domestiku ta’ mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990, kif stipulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2014 dwar il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030.

    L-UE diġà bdiet il-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ mira ta’ tnaqqis ta’ 40 % tal-emissjonijiet tal-gass b’effett serra. Fir-rigward ta’ dawk is-setturi koperti mill-skema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), fil-15 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb kemm it-tnaqqis kosteffikaċi tal-emissjonijiet kif ukoll l-investimenti fil-livell baxx ta’ karbonju. Il-proposta għandha l-għan li twassal għall-mira ta’ hawn fuq fir-rigward ta’ dawk is-setturi koperti mill-ETS tal-UE. Fl-2016, il-Kummissjoni bi ħsiebha wkoll tagħmel proposti li jistabbilixxu miri tal-Istati Membri għal setturi barra mis-sistema tal-iskambju tal-emissjonijiet, u dwar il-mod kif jiġu integrati l-emissjonijiet u l-assorbimenti li jirriżultaw mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija.

    Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2014 pprevedew ukoll mira ta’ mill-inqas 27 % għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata fl-UE sal-2030. Mira indikattiva fil-livell tal-UE ta’ mill-inqas 27 % hija stabbilita għat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija fl-2030. Għalhekk fl-2016, il-Kummissjoni se tlesti r-rieżami tagħha u tressaq miżuri dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija, inkluż l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-bini.

    2.BAŻI ĠURIDIKA

    Il-proposta hija magħmula skont l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) tat-TFUE. L-Artikolu 218 tat-TFUE jistabbilixxi l-proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. B’mod partikolari, il-paragrafu 5 tiegħu jipprovdi li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni bħala negozjatur, jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar ta’ qbil f’isem l-Unjoni Ewropea.

    Skont l-Artikoli192(1) u 191 tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għat-twettiq, inter alia, tal-objettivi li ġejjin: il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

    Fl-Unjoni hemm korp kbir ta’ leġiżlazzjoni li jimplimenta dawn l-għanijiet li se jkollhom jiġu riveduti sabiex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi u dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    2016/0036 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (magħrufa bħala COP 21), li saret f’Pariġi mit-30 ta’ Novembru sat-12 ta’ Diċembru 2015, ġie adottat ftehim dwar it-tnaqqis globali tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fit-30 jum wara d-data li fiha tal-inqas 55 parti tal-Konvenzjoni li b’kollox jikkostitwixxu ta' mill-inqas 55 % tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra, ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni. Il-partijiet tal-Konvenzjoni jinkludu l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

    (2)Il-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi mira ta’ tnaqqis fit-tul kwalitattiv ta’ emissjonijiet skont l-objettiv biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm taħt iż-2 °C u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sal-1,5 °C. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Partijiet ser jistabbilixxu jew jaġġornaw il-miri ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet. Mill-2023 u kull ħames snin, il-Partijiet ser jagħmlu bilanċ globali, ibbażat fuq ix-xjenza u l-implimentazzjoni l-aktar reċenti sa dik id-data, li ser isegwi l-progress u jikkunsidra t-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-adattament u l-appoġġ ipprovdut.

    (3)Fis-6 ta’ Marzu 2015, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kkomunikaw l-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tagħhom, li jipprovdi impenn għal mira vinkolanti ta’ tnaqqis domestiku ta’ mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990, kif stipulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2014 dwar il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030.

    (4)Il-Ftehim hu miftuħ għall-iffirmar fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York mit-22 ta’ April 2016 sal-21 ta’ April 2017.

    (5)Il-ftehim huwa f’konformità mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fl-Artikolu 191 tat-Trattat, jiġifieri li l-kwalità tal-ambjent tiġi ppreservata, tiġi protetta u tittejjeb; il-protezzjoni tas-saħħa umana il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

    (6)Fl-Unjoni hemm korp kbir ta’ leġiżlazzjoni li timplimenta dawn l-għanijiet li se jkollhom jiġu riveduti sabiex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi u dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    (7)Għalhekk, il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Ftehim ta' Pariġi fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim jiġi ffirmat fi New York fit-22 ta’ April 2016 1 .

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ biex jiġi ffirmat il-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna/i indikata/i mill-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President
       […]

    (1)
    Top