EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR2430

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima — approċċ integrat

ĠU C 207, 30.6.2017, p. 51–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/51


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima — approċċ integrat

(2017/C 207/10)

Relatur:

Sirpa Hertell (FI/PPE), Kunsillier tal-Belt ta’ Espoo

Dokumenti ta’ referenza:

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet oriġinali tiegħu dwar l-istrateġija ta’ adattament tal-UE (CoR 3752/2013) għadhom validi u għandhom jinqraw flimkien ma’ din l-Opinjoni; jiġbed l-attenzjoni għas-suġġerimenti biex tinħoloq rabta iżjed diretta bejn l-istrateġija ta’ adattament u l-kunċett ta’ reżiljenza għall-klima u jiġi żviluppat aktar il-kunċett/valutazzjonijiet tal-“vulnerabbiltà” tat-territorji differenti; għall-proposta biex ikun hemm aktar enfasi fuq is-soluzzjonijiet ta’ adattament ibbażati fuq l-infrastruttura ekoloġika kif ukoll il-konsiderazzjonijiet tal-bijodiversità u tal-ekosistema; u anke għat-twissija li jista’ jkun meħtieġ ukoll li jiġu żviluppati xenarji għall-adattament għal żieda fit-temperatura li mhijiex limitata għal 2 gradi, jekk ma jirnexxux l-isforzi globali fil-kuntest tal-ftehim ta’ Pariġi;

2.

jirrikonoxxi li bħalissa għaddejja ħidma dwar kull waħda mit-tmien azzjonijiet tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima u r-riżultati qed jibdew jidhru (eż. l-adozzjoni ta’ strateġiji nazzjonali tal-adattament f’75 % tal-Istati Membri tal-UE, it-tnedija tal-inizjattiva “Mayors Adapt”, li issa ġiet integrata fil-Patt tas-Sindki) u għalhekk jistenna bil-ħerqa l-valutazzjoni u r-rieżami tal-Istrateġija min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea. Jenfasizza li dan huwa proċess kontinwu li fih l-Istati Membri għandhom ukoll jaġġornaw b’mod kontinwu l-istrateġiji tagħhom stess biex jibqgħu aġġornati mal-bażi tal-għarfien li dejjem qed tevolvi kif ukoll l-oqfsa legali u l-ftehimiet internazzjonali rilevanti;

A.    GOVERNANZA

Insaħħu l-qafas tal-governanza f’diversi livelli

3.

jirrikonoxxi li, għalkemm il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma atturi ewlenin fit-twaqqif tal-oqfsa ta’ politika u dawk regolatorji, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett biex inaqqsu l-vulnerabbiltà tat-territorju tagħhom għad-diversi impatti tat-tibdil fil-klima permezz ta’ azzjonijiet konkreti ta’ adattament, u għalhekk jenfasizza li qafas ta’ governanza f’diversi livelli li jaħdem kif imiss huwa ta’ importanza kruċjali;

4.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tħeġġeġ kollaborazzjoni iżjed b’saħħitha bejn il-livelli differenti ta’ gvern (l-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali) sabiex tallinja l-prijoritajiet, tnaqqas kemm jista’ jkun il-proċessi paralleli mingħajr l-ebda konnessjoni ma’ dan jew saħansitra kontradittorji, u tħeġġeġ l-aqwa sinerġiji possibbli bejn l-istrateġiji u l-pjani żviluppati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u dawk żviluppati fil-livell reġjonali u lokali, u b’hekk tiġi żgurata koerenza akbar tal-politika iżda wkoll azzjoni koordinata u komplementari;

5.

jappoġġja l-inizjattivi tal-UE bħalma huma l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u s-Sħubijiet il-ġodda tal-Aġenda Urbana tal-UE li jrawmu l-emerġenza ta’ skemi ta’ governanza u pjattaformi ta’ kooperazzjoni kkoordinati fuq diversi livelli. Għandhom jitqiesu li jaqdu rwol f’li jirriflettu l-ħtiġijiet tal-bliet u r-reġjuni u li jtejbu l-kollaborazzjoni. Barra minn hekk il-KtR jistenna bil-ħerqa l-ħolqien f’waqtu ta’ sħubija tal-aġenda urbana dwar il-prijorità tematika tal-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluża d-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tagħha;

6.

jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa għal kontribut akbar min-naħa tal-bliet u r-reġjuni fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-pjani nazzjonali ta’ adattament. Jitlob għalhekk lill-Istati Membri tal-UE joħolqu l-istrutturi istituzzjonali jew il-pjattaformi adatti biex irawmu konsultazzjoni kontinwa u kooperazzjoni aktar mill-qrib (eż. permezz ta’ gruppi ta’ ħidma), filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja u tħeġġeġ dan l-iżvilupp;

7.

huwa tal-fehma li r-rwol essenzjali tar-reġjuni għandu jiġi rifless aħjar fir-rieżami tal-istrateġija dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (pereżempju permezz ta’ kapitolu ddedikat), u l-isforzi tagħhom jiġu appoġġjati aħjar. Ir-reġjuni jistgħu saħansitra jaqdu rwol intermedjarju/ta’ koordinazzjoni fil-proċess ta’ adattament, u jiżguraw li l-prijoritajiet definiti mill-Istati Membri jikkorrispondu għall-ħtiġijiet u l-istennijiet espressi fuq il-post u viċi versa. Huma jistgħu wkoll jaġixxu bħala xpruni, billi jappoġġjaw l-isforzi tal-awtoritajiet lokali fit-tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom kontra l-perikli tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali, il-bini tal-kapaċitajiet u l-użu tal-finanzjament disponibbli – kif muri mir-reġjuni li diġà huma involuti fil-Patt tas-Sindki bħala “Koordinaturi”. Il-KtR jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrikonoxxi iżjed ir-responsabbiltajiet meħuda u l-azzjonijiet imwettqa mhux biss mill-awtoritajiet lokali iżda wkoll dawk reġjonali fil-qafas tal-inizjattiva tiegħu tal-Patt tas-Sindki (eż. b’mod simili għal dak li qed tagħmel bħalissal-inizjattiva RegionsAdapt);

8.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta’ qafas leġislattiv preskrittiv jitqies mill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala ostaklu għall-azzjoni f’ċerti Stati Membri. Dawn għalhekk huma favur mandat aktar ċar mill-UE u l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jieħdu azzjoni dwar l-adattament. Fil-livell nazzjonali, il-KtR jilqa’ l-isforzi reċenti meħuda minn xi Stati Membri biex jintegraw il-konsiderazzjonijiet għall-adattament f’leġislazzjoni speċifika (eż. skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar);

9.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea teżamina kemm hemm awtoritajiet lokali u reġjonali, fl-UE u għal kull Stat Membru, li għandhom strateġija jew pjan ta’ adattament. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni Ewropea, bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tista’ tipproponi miri fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex jitrawwem iżjed l-iżvilupp tal-istrateġiji/pjani lokali u reġjonali ta’ adattament min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

B.    INVOLVIMENT U ĠESTJONI

Insaħħu l-kontribut tad-diversi partijiet interessati u ntemmu l-ħsieb b’mod kompartimentalizzat (silo-thinking)

10.

jisħaq fuq il-fatt li – apparti qafas ta’ governanza f’diversi livelli li jaħdem kif imiss – ir-rieżami tal-Istrateġija dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima għandu jpoġġi aktar enfasi fuq il-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni min-naħa tal-partijiet interessati diversi u approċċ transsettorjali (minflok dak kompartimentalizzat) għal azzjoni aktar effiċjenti u integrata għal adattament lokali. Ir-rieżami jista’ jintegra (jew jidderieġi mill-ġdid lejn) ftit eżempji konkreti li juru l-benefiċċji li wieħed jaħdem flimkien iktar milli f’mod iżolat għall-kokreazzjoni ta’ soluzzjonijiet fil-livell reġjonali/lokali. Tali approċċi parteċipattivi għandhom jitħeġġu u jiġu appoġġjati bil-qawwa, pereżempju permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE (eż. taħt LIFE futur jew sejħiet fil-qafas tal-Orizzont 2020);

11.

jenfasizza l-importanza li jiġu eżaminati fil-fond il-fatturi ta’ suċċess u l-ostakli għad-diversi forom ta’ kooperazzjoni bejn ix-xjenzjati, il-prattikanti u dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika fil-livell lokali/reġjonali. Din l-informazzjoni għandha twassal għal rakkomandazzjonijiet prattiċi abbażi ta’ eżempji konkreti ta’ sħubijiet (b’diversi partijiet interessati/pubbliċi-privati) li għandhom jixterdu b’mod wiesa’, eż. permezz tal-Pjattaforma Ewropea dwar l-Adattament għall-Klima (Climate-ADAPT);

12.

ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm sensibilizzazzjoni permezz tal-mezzi kollha possibbli ta’ komunikazzjoni dwar il-bżonn li tittieħed azzjoni u l-mitigazzjoni sabiex jinkisbu l-akbar sinerġiji possibbli bejn iż-żewġ elementi tal-politika tal-klima u jiġi evitat il-“maladattament”. Għal dan il-għan, il-KtR jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tanalizza fir-rieżami mekkaniżmi innovattivi għas-sensibilizzazzjoni, u b’hekk tiżdied l-aċċettazzjoni fost l-atturi lokali u reġjonali (inklużi ċ-ċittadini u n-negozji) u titħeġġeġ bidla fl-imġiba;

Ninvestu fil-bini tal-kapaċità u l-iskambju tal-għarfien

13.

jenfasizza l-importanza li tinbena kapaċità aħjar u li jiġu indirizzati l-lakuni fl-għarfien fil-bliet u r-reġjuni Ewropej; u huwa tal-fehma li l-portal Climate-ADAPT – u l-Għodda ta’ Appoġġ għall-Adattament Urban relatata – huwa bażi tajba għal dan. Din l-għodda madankollu jeħtieġ li tiġi kkonsolidata u mtejba kontinwament, promossa aktar u għandha tintrabat iżjed mal-pjattaforma tal-Patt tas-Sindki, u għandha ssir iżjed faċli biex tintuża. Il-KtR jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-bliet u lir-reġjuni jidentifikaw flimkien kif il-portal Climate-ADAPT jista’ jiġi adattat biex jissodisfa bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom, u jiddeċiedu jekk l-għodda għandhiex tiġi integrata fis-sit web tal-Patt tas-Sindki;

14.

jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla l-ġbir ta’ eżempji ta’ prattika tajba li jkunu ġew ittestjati fuq il-post. Il-prattiki tajbin identifikati fil-bliet u r-reġjuni jridu jiġu maħżuna f’repożitorju wieħed, aċċessibbli pubblikament u li jistgħu jsiru tfittxijiet fih faċilment (bħall-portal Climate-ADAPT u/jew il-katalgu ta’ parametri ta’ referenza fis-sit web tal-Patt tas-Sindki) biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-esperjenza bejn il-pari. B’mod partikolari, bażi tad-data bħal din għandu jkollha l-elementi adatti sabiex jiġu identifikati l-eżempji li huma bbażati fuq ċirkustanzi simili (eż. riskji ta’ inċidenti marbutin mal-klima, id-densità tal-popolazzjoni) jew li għandhom karatteristiċi ġeografiċi simili (eż. pożizzjoni fuq jew ħdejn il-muntanji, xmara jew il-baħar) bil-għan li jiġu żviluppati tipoloġiji ta’ adattament. Il-KtR huwa lest jikkontribwixxi fl-identifikazzjoni ta’ prattiki reġjonali ta’ suċċess u l-mobilizzazzjoni ta’ reġjuni pijunieri, l-ewwel nett permezz tal-ħidma tal-membri tiegħu fil-Kummissjoni ENVE u l-grupp tiegħu ta’ “Ambaxxaturi tal-Patt tal-KtR” li għandu jiġi estiż u promoss aktar;

15.

jenfasizza li t-trasferiment tal-għarfien għandu jkun iffaċilitat ukoll permezz tal-kooperazzjoni bejn il-bliet. Għandhom jiġu identifikati attivitajiet adatti bejn il-pari u attivitajiet ta’ mentoring, promossi u ffinanzjati b’mod adegwat mill-Kummissjoni Ewropea. Il-programmi ta’ ġemellaġġ diġà proposti mill-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki wrew li kienu ta’ suċċess u ta’ valur, u għalhekk għandhom jiġu replikati u estiżi fil-ġejjieni (eż. permezz ta’ sejħiet annwali għall-applikazzjonijiet);

16.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkonsolida l-isforzi biex jinħoloq qafas li jiffaċilita l-bini tal-kapaċità fil-bliet u r-reġjuni. L-abbundanza ta’ inizjattivi, strumenti u programmi tal-UE li diġà joffru diversi opportunitajiet għall-bini tal-kapaċità għall-bliet u r-reġjuni (eż. workshops, webinars, materjal ta’ gwida) attwalment tikkawża konfużjoni fost il-benefiċjarji tagħhom;

17.

għalkemm qed isiru xi sforzi – b’mod partikolari t-tnedija reċenti ta’ portal ġdid “one-stop shop” fil-qafas tal-Aġenda Urbana tal-UE – il-Kummissjoni għandha tiċċara l-ispeċifiċitajiet iżda wkoll il-komplementaritajiet bejn id-diversi servizzi proposti lill-bliet u r-reġjuni fil-qasam/fl-oqsma marbutin mal-adattament, u timpenja ruħha li timla l-lakuni fl-għarfien li jistgħu jinqalgħu matul dan l-eżerċizzju ta’ identifikazzjoni u ta’ ġbir. F’dan il-proċess, il-KtR jitlob lill-Kummissjoni biex:

a.

tagħmel l-aħjar użu mill-inizjattiva ewlenija tal-UE għall-bliet u r-reġjuni dwar l-adattament, il-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, u tippożizzjonaha bħala l-aktar inizjattiva kumplessiva għal azzjonijiet lokali dwar il-klima;

b.

tkompli tintegra l-konsiderazzjonijiet għall-adattament f’inizjattivi eżistenti oħra tal-UE b’dimensjoni urbana, reġjonali jew rurali;

c.

issaħħaħ is-sinerġiji ma’ inizjattivi oħra msieħba (eż. Regions Adapt, Under2MoU, il-Kampanja għal Bliet Reżiljenti) biex jużaw l-esperjenza u l-għarfien tagħhom, jiżguraw koerenza akbar u jħeġġu azzjonijiet konġunti għall-benefiċċju tal-bliet u r-reġjuni;

d.

tinkoraġġixxi rabtiet ma’ inizjattivi nazzjonali, reġjonali u lokali, li jsegwu miri ambizzjużi huma jew mhumiex involuti fi kwalunkwe waħda mill-inizjattivi msemmijin hawn fuq, u joffru opportunitajiet ta’ netwerking u sħubijiet.

Inżidu l-bażi tal-għarfien dwar ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet klimatiċi

18.

jirrikonoxxi li l-livelli kollha tal-gvern – inklużi l-bliet u r-reġjuni – għandhom bżonn fehim sod tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet klimatiċi fit-territorju tagħhom biex jiggwidaw il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tfassil tal-politika tagħhom. F’dan ir-rigward, il-KtR jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja l-oqfsa ta’ valutazzjoni tar-riskji u tal-vulnerabbiltà minħabba li dawn jikkostitwixxu l-punt ta’ tluq ta’ kwalunkwe strateġija ta’ adattament u jappoġġjaw kwalunkwe azzjoni bbażata fuq l-evidenza;

19.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali regolarment jiġbdu l-attenzjoni dwar 1) in-nuqqas ta’ (aċċess għal) informazzjoni utli u li tinftiehem dwar il-klima; u 2) in-nuqqas ta’ għarfien espert u esperjenza fl-interpretazzjoni ta’ din l-informazzjoni bħala ostakli għal azzjoni ta’ adattament. Għalhekk, tinħtieġ aktar għajnuna – permezz ta’ dokumentazzjoni u ta’ kondiviżjoni ta’ prattiki tajba – biex l-ewwel nett jiġu ggwidati permezz ta’ informazzjoni li diġà teżisti, u t-tieni nett, jiġu megħjuna fl-eżerċizzju tat-tnaqqis u l-interpretazzjoni tal-impatti f’livell ta’ belt/reġjun;

20.

jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja l-isforzi kontinwi tal-bliet u r-reġjuni fil-projezzjoni klimatika u l-valutazzjoni tar-riskji billi ssaħħaħ l-attivitajiet (ta’ riċerka) relatati mal-identifikazzjoni ta’ għodod u metodi adatti (tal-immudellar tar-riskji), l-iżvilupp ta’ xenarji (makro)reġjonali tal-impatt tal-klima u l-ħolqien ta’ netwerks ta’ servizzi dwar il-klima (taħt il-programm Orizzont 2020) fil-livell internazzjonli, Ewropew u (sotto)nazzjonali. Tali netwerks ta’ servizzi dwar il-klima jimmobilizzaw l-esperti u l-fornituri tad-data rilevanti (eż. il-komunità tar-riċerka) u jagħmlu l-informazzjoni u t-tagħrif eżistenti aċċessibbli u li jinftiehmu minn dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika fil-livell lokali;

21.

jenfasizza l-importanza li l-iżvelar tar-riskji klimatiċi jingħata appoġġ sabiex titħeġġeġ l-azzjoni għall-adattament u jiġi stimulat l-investiment. Qed jitfaċċaw diversi inizjattivi volontarji u/jew immexxija mis-settur privat dwar l-iżvelar ta’ riskji klimatiċi u jistgħu jkomplu jiġu appoġġjati u promossi mill-Kummissjoni;

22.

jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, l-inizjattiva tal-Kummissjoni li teżamina l-opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni mas-settur tal-assigurazzjoni bħala fornitur prinċipali tad-data u investiment potenzjali. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-mekkaniżmi tal-assigurazzjoni li jistgħu jipprovdu inċentiv għall-prevenzjoni tar-riskji u jappoġġjaw it-tnaqqis tal-ħsara u biex taħdem ma’ kumpaniji tal-assigurazzjoni sabiex jiġi żgurat li huma jaqsmu l-għarfien u l-kompetenzi tagħhom fl-immudellar tar-riskji kif ukoll fil-ġestjoni tar-riskji ta’ diżastri mas-settur pubbliku. Fir-rieżami għandhom jiġu promossi iżjed is-sħubijiet ta’ suċċess eżistenti sabiex jispiraw u jimmotivaw lill-oħrajn. Jenfasizza wkoll f’dan il-kuntest li, għall-kuntrarju, il-bliet u r-reġjuni meqjusa mill-assiguraturi bħala “f’riskju għoli” jistgħu jħabbtu wiċċhom ukoll ma’ ostakli partikolari għall-investiment u l-iżvilupp u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex fir-rieżami tanalizza kif jistgħu jiġu indirizzati tali problemi;

Nesploraw il-benefiċċji soċjoekonomiċi

23.

huwa tal-fehma li r-rieżami għandu jippromovi aktar il-vantaġġi ta’ valutazzjoni tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi tal-adattament. Tali analiżi soċjoekonomika tiggwida lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet peress li jiġu pprovduti b’ħarsa ġenerali aktar ċara tal-ispejjeż u l-benefiċċji possibbli ta’ azzjoni ta’ adattament għall-kuntrarju ta’ nuqqas ta’ azzjoni, u għalhekk tgħin biex ikun hemm sensibilizzazzjoni, jinxteħet dawl fuq il-limitazzjonijiet tal-kapaċità u jiġu identifikati l-aktar għażliet ekonomikament vijabbli ta’ politika;

24.

josserva li l-bliet u r-reġjuni jeħtieġu aktar informazzjoni dwar id-diversi metodi eżistenti li jistgħu jiġu applikati għal tali valutazzjoni (eż. kostbenefiċċji, diversi kriterji, deċiżjoni tal-partijiet interessati, esperimentazzjoni u osservazzjoni) u r-rilevanza tagħhom f’kuntesti differenti, u għalhekk jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tipprovdi appoġġ adatt permezz tal-pjattaformi ta’ referenza tagħha, Climate-ADAPT u l-Patt tas-Sindki;

Monitoraġġ, rappurtar u valutazzjoni tal-azzjonijiet

25.

jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom l-għodod u l-indikaturi adatti ta’ monitoraġġ, rappurtar u valutazzjoni biex jinfurmaw u jappoġġjaw l-ippjanar tal-adattament lokali. Dan tal-aħħar jista’ għal darb’oħra jiġi promoss permezz tal-pjattaformi ta’ referenza għall-adattament (Climate-ADAPT u l-Patt tas-Sindki);

26.

jinsab konvint dwar l-importanza li jiġi żgurat li l-oqfsa internazzjonali, Ewropej, nazzjonali u reġjonali/lokali ta’ monitoraġġ, rappurtar u valutazzjoni jkunu kompatibbli b’mod reċiproku u jibnu fuq xulxin – dan jiggarantixxi l-koerenza u jnaqqas il-piż fuq il-bliet u r-reġjuni;

27.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li nkiseb għal dan il-għan minn mindu ġiet ippubblikata l-istrateġija dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp ta’ “tabella ta’ valutazzjoni dwar it-tħejjija tal-adattament” għall-Istati Membri tal-UE u t-“template tal-Patt tas-Sindki għall-monitoraġġ u r-rappurtar” għall-bliet firmatarji u jinsab kuntent dwar ir-rabtiet b’saħħithom bejniethom it-tnejn, iżda jqis li jinħtieġu aktar promozzjoni u gwida dwar l-użu tagħhom (eż. permezz tas-sit web tal-Patt tas-Sindki);

28.

jenfasizza li għad iridu jiġu eżaminati aktar sinerġiji ma’ inizjattivi msieħba oħrajn proposti b’mod parallel fil-livell internazzjonali jew Ewropew (eż. RegionsAdapt, CRAFT, Bliet Reżiljenti) li għandhom is-sistemi proprji tagħhom ta’ monitoraġġ, rappurtar u valutazzjoni, iżda josserva li l-isforzi addizzjonali ta’ armonizzazzjoni jew ta’ kollaborazzjoni ma għandhomx isiru għad-detriment tal-bżonnijiet u l-interessi tal-bliet/tar-reġjuni;

C.    FINANZJAMENT

Nappoġġjaw l-aċċess għall-finanzi pubbliċi

29.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-istrumenti ta’ finanzjament eżistenti tal-UE għall-appoġġ ta’ azzjonijiet lokali u reġjonali marbuta mal-klima (eż. il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, iżda wkoll Orizzont 2020, LIFE, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, il-Faċilità ta’ Finanzjament Kapitali Naturali), iżda jenfasizza li l-aċċess għal dawn il-fondi għadu l-akbar sfida li jiffaċċjaw il-bliet u r-reġjuni. Jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej 1) b’informazzjoni aċċessibbli faċilment u li tinftiehem dwar il-fondi u l-istrumenti finanzjarji disponibbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ azzjoni tagħhom u 2) aktar gwida u appoġġ dwar kif jaċċessaw u japplikaw l-istrumenti eżistenti, kif ukoll possibbilment jinġabru flimkien (eż. permezz ta’ taħriġ imfassal apposta);

30.

ifakkar fil-proposta tiegħu li jiġi adottat approċċ ta’ “ċiklu ta’ ħajja sħiħ” sabiex jiġu vvalutati l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kapital għall-iżgurar ta’ ħlas lura fit-tul assoċjati ma’ investimenti reżiljenti għall-klima. Għandu jkun meħtieġ li r-reġistri tal-kontabbiltà u tar-riskji jkunu jinkludu l-implikazzjonijiet soċjali, ambjentali u soċjali tal-azzjoni u l-investimenti tal-kapital li jonqsu milli jqisu t-tibdil tal-klima, jew tal-għażla li ma tittieħed l-ebda azzjoni;

31.

jittama li r-rieżami se jagħmel aktar enfasi fuq ir-rwol potenzjali tar-reġjuni biex jiffaċilitaw l-aċċess għal ċerti skemi ta’ finanzjament. Ċerti reġjuni diġà jgħinu fil-ġestjoni u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-Fondi Strutturali tal-UE, billi jlaqqgħu flimkien proġetti iżgħar stabbiliti minn muniċipalitajiet fit-territorju tagħhom, jew billi joffru direttament il-finanzjament. Madankollu, il-KtR jenfasizza li għadha meħtieġa aktar gwida sabiex tgħin lil dawn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jużaw il-potenzjal sħiħ tal-fondi Ewropej disponibbli u l-istrumenti finanzjarji innovattivi;

32.

jitlob lill-Kummissjoni teżamina aktar l-idea ta’ aċċess rapidu għall-istrumenti finanzjarji għal awtoritajiet lokali u reġjonali partikolari, abbażi ta’ fatturi, pereżempju li jkunu diġà pubblikament impenjaw ruħhom favur l-adattament komprensiv (pereżempju, permezz ta’ sħubija fl-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki), wara li jkunu wettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji u l-vulnerabilità, u wara li jkunu żviluppaw pjan ta’ azzjoni għall-adattament. Ir-rieżami tal-prekundizzjonijiet ta’ aċċess għal ċerti fondi jew kriterji għas-selezzjoni u għall-aġġudikazzjoni tal-għotjiet taħt il-programmi differenti (jiġifieri Orizzont 2020 u LIFE) mill-Kummissjoni jista’ jippermetti u jrawwem tali “aċċess rapidu”; Dan il-metodu għandu jiġi eżaminat b’iżjed reqqa wkoll fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, u jirrakkomanda li l-awtoritajiet kollha ta’ ġestjoni jagħżlu l-alternattiva diġà mħaddna f’xi programmi operattivi reġjonali li jiġu prijoritizzati inizjattivi fil-pjani ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli (SEAPs) u l-pjani ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli u l-azzjoni klimatika (SECAPs) adottati mill-muniċipalitajiet li jipparteċipaw fil-Patt tas-Sindki;

L-irfinar tal-istrumenti finanzjarji eżistenti

33.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea – fit-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss – biex jiġi vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni tad-diversi fondi tal-UE kif ukoll l-użu ta’ għotjiet u strumenti finanzjarji oħra (eż. lezzjonijiet mill-programm LIFE u l-integrazzjoni tal-azzjoni marbuta mal-klima fil-Fondi SIE). Dan għandu jgħin biex 1) jipproponi t-taħlita adatta kemm tal-istrumenti finanzjarji integrati kif ukoll dawk speċifiċi għal aktar adattament mingħajr ma jitnaqqsu r-riżorsi baġitarji neċessarji għall-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima, u 2) ifassal rakkomandazzjonijiet għas-sejħiet għall-proġetti li ġejjin (pereżempju, skont il-programmi LIFE u l-Orizzont 2020) – u b’hekk jimtlew il-lakuni li jifdal għall-iffinanzjar ta’ azzjoni relatata mal-adattament għat-tibdil fil-klima lokali.

34.

jenfasizza li l-programm LIFE – u b’mod aktar speċifiku l-Proġetti Integrati (IPs) ta’ Azzjoni marbuta mal-programm LIFE (Azzjoni Klimatika) – huwa meqjus mill-bliet u r-reġjuni bħala wieħed mill-għodod finanzjarji ewlenin biex jiġu ttestjati, immexxija u murija l-azzjonijiet ta’ adattament permezz ta’ approċċ transsettorjali u b’mod ġenerali l-iskala territorjali (reġjonali, multireġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali), u għalhekk iħeġġeġ ħafna lill-Kummissjoni biex testendih u tappoġġjah aktar;

Inrawmu l-investimenti

35.

jirrikonoxxi li ħafna bliet u reġjuni Ewropej għandhom potenzjal kbir mhux sfruttat biex jattiraw aktar investiment u ħafna minnhom jiffaċċjaw ukoll ostakli serji fl-implimentazzjoni tal-investimenti tagħhom stess;

36.

huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha għalhekk tkompli teżamina modi innovattivi kif tidderieġi l-investimenti għal azzjonijiet ta’ adattament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdihom b’pariri tal-esperti, gwida u appoġġ xierqa fit-tħejjija ta’ investimenti vijabbli (eż. permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti jew attivitajiet oħra mmirati u li għandhom x’jaqsmu mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet) u l-iżgurar tal-finanzjament. Ir-rieżami jista’ jipprovdi eżempji ta’ mekkaniżmi li jkollhom x’jaqsmu ma’ investituri privati u jikkooperaw ma’ kumpaniji tal-assigurazzjoni – u l-Kummissjoni għandha tkompli tappoġġja inizjattivi pilota li jmorru f’din id-direzzjoni;

Ir-raggruppament jew it-taħlit tal-fondi pubbliċi u privati

37.

jenfasizza li l-bliet u r-reġjuni għandhom jingħataw għajnuna biex isibu t-taħlita ta’ fondi pubbliċi u privati – minn sorsi internazzjonali, Ewropej, nazzjonali u lokali – li hija l-aktar adatta fiċ-ċirkustanzi lokali tagħhom għall-finanzjament tal-azzjoni ta’ adattament. Kif ġie enfasizzat fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, il-Kummissjoni għandha tkompli teżamina modi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ investiment li jifdal billi tiġbor flimkien il-fondi tal-UE, u dawk nazzjonali u privati;

D.    IL-BIDU tal-istadju internazzjonali

Sfida internazzjonali li titlob rispons internazzjonali

38.

jirrikonoxxi li, f’dawn l-aħħar snin, id-djalogu internazzjonali dwar il-klima ġie intensifikat u wassal għal ftehimiet internazzjonali ġodda – bħall-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli kif ukoll il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima – u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-azzjoni tagħha aktar f’dawn oqfsa globali, issaħħaħ ir-rwol eżemplari tagħha kif ukoll tgħin biex jinbnew is-sinerġiji bejniethom.

39.

jenfasizza li r-rieżami għandu jirrifletti aħjar fuq l-aspett transkonfinali tal-kwistjoni relatata mal-ġestjoni tar-riskji klimatiċi. F’dan ir-rigward, il-kooperazzjoni makroreġjonali tidher bħala approċċ rilevanti biex ikun hemm progress fl-adattament għat-tibdil fil-klima tal-UE billi jitrawmu l-iskambji tal-informazzjoni u jiġu kkoordinati l-isforzi bejn il-fruntieri amministrattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li testendi u tkompli tappoġġja l-inizjattivi transnazzjonali pilota tagħha – bħal dawk fir-Reġjun tad-Danubju, tal-Baħar Baltiku, tal-Alpi, u dak Adrijatiku u Joniku – f’makroreġjuni oħra fl-Ewropa u lil hinn minnha;

40.

jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar enfasi fuq il-benefiċċji ta’ kooperazzjoni bejn reġjun u ieħor (kif ukoll bejn belt u oħra). F’dan ir-rigward, il-Patt Globali l-ġdid tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija għandu jipprovdi lil reġjuni oħra fid-dinja b’opportunitajiet ġodda biex jisfruttaw l-esperjenza u l-eżempji fil-livell Ewropew, iżda joffri wkoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej il-possibbiltà li jitgħallmu mill-pari tagħhom f’kontinenti oħra.

41.

josserva li, fid-dawl tal-previżjonijiet reċenti tal-UNFCCC għall-futur tal-flussi migratorji, ir-rieżami għandu jelabora dwar ir-rabta bejn l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni u b’hekk jintegra kapitolu ġdid dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li ġġib magħha l-migrazzjoni kkawżata mill-klima. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha teżamina l-mezzi biex tappoġġja aktar bliet u reġjuni li jħabbtu wiċċhom mal-mobbiltà u possibbilment l-integrazzjoni ta’ migranti u refuġjati.

42.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jesprimi l-ħerqa tiegħu biex jieħu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima li għandu jsir mill-Kummissjoni Ewropea kmieni fl-2017 u jqis ir-rakkomandazzjonijiet inklużi f’din l-Opinjoni – iżda wkoll f’Opinjonijiet oħra dwar suġġetti b’rabta mal-adattament (1) – bħala bażi tajba għall-iskambju tal-ġejjieni.

Brussell, id-9 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  “Sistema effettiva għall-ġestjoni tal-ilma: approċċ għal soluzzjonijiet innovattivi” – Relatur: Cees Loggen.

“Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE” – Relatur: Witold Stepien.

“Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030 – approċċ ta’ diżastru bbażati fuq ir-riskji għall-politiki kollha tal-UE”– Relatur: Adam Banaszak.

“L-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar il-klima – approċċ territorjali għall-COP22 f’Marrakesh” – Relatur: Francesco Pigliaru.


Top