Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR1831

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-ħtieġa għal strateġija tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mal-alkoħol u kif ħa naslu għaliha

ĠU C 207, 30.6.2017, p. 61–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/61


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-ħtieġa għal strateġija tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mal-alkoħol u kif ħa naslu għaliha

(2017/C 207/12)

Relatur:

Ewa-May Karlsson (SE/ALDE) Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Vindeln

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

REKWIŻITI GĦAL ĦIDMA TAL-UE DWAR KWISTJONIJIET MARBUTA MAL-ALKOĦOL

Jeħtieġ li jitqiesu s-sussidjarjetà, il-kuntest u l-opportunitajiet ta’ impjiegi

1.

jirrakkomanda b’mod ġenerali l-ħtieġa li t-termini konsum “eċċessiv”, konsum “perikoluż” u konsum “abbużiv” jiġu ddefiniti permezz ta’ kriterji xjentifiċi;

2.

josserva li l-użu perikoluż tal-alkoħol jinvolvi spejjeż għolja għas-soċjetà, u jenfasizza li l-benessri u s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej għandhom jieħdu preċedenza fuq l-interessi ekonomiċi;

3.

josserva li, skont it-Trattat, l-azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa għandha l-għan li ttejjeb is-saħħa pubblika, tippromovi r-riċerka u timpedixxi l-mard u t-theddid għas-saħħa, fosthom perikli marbuta ma’ stili ta’ ħajja dannużi bħall-abbuż tal-alkoħol;

4.

jirrikonoxxi l-vulnerabbiltà partikolari waqt it-tqala, it-tfulija u l-adoloxxenza għall-esponiment għall-alkoħol u l-ħsara newroloġika minħabba disturbi fl-iżvilupp newroloġiku;

5.

jenfasizza li l-ħidma marbuta mal-kwistjonijiet relatati mal-alkoħol għandha tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u tfittex li tikkomplementa l-politiki nazzjonali fil-qasam u l-ħidma tal-Istati Membri dwar is-saħħa pubblika u tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri;

6.

jiġbed l-attenzjoni li hemm bżonn li jitqiesu x-xejriet nazzjonali tal-konsum tal-alkoħol, il-kundizzjonijiet tas-saħħa u d-disparitajiet fil-qasam tas-saħħa, u l-kuntest kulturali, ġeografiku u storiku. Huwa importanti li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi u l-ħtiġijiet differenti fid-diversi reġjuni u l-muniċipalitajiet fl-Ewropa.

7.

jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-appoġġ għall-Istati Membri f’diversi modi għall-promozzjoni tar-riċerka kif ukoll biex jivvalutaw l-oqsma ta’ politika, miżuri, azzjonijiet u l-effetti tat-tibdil fil-liġijiet u r-restrizzjonijiet;

8.

jinnota l-importanza tas-settur tal-inbid li jipprovdi 3 miljun impjieg għaċ-ċittadini (1), l-industrija tal-birra li tipprovdi 2,3 miljun impjieg tul il-katina kollha tal-produzzjoni (2), kif ukoll is-settur tal-ispirti li jimpejga ‘l fuq minn ruħ fil-produzzjoni u l-bejgħ (3). Barra minn hekk, il-produzzjoni tibbenefika l-industrija tat-turiżmu, u b’hekk tikkontribwixxi għal aktar impjiegi;

Il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-abbuż tal-alkoħol

9.

josserva li l-alkoħol huwa l-akbar fatturi ta’ riskju responsabbli għall-piż globali tal-mard għall-persuni bejn il-15 u d-49 sena, qabel it-tipjip (4). L-istatistika tal-Istati Membri turi li l-konsum tal-alkoħol huwa responsabbli għal waħda minn kull seba’ mewtiet fost l-irġiel u mewta waħda minn kull tlettax għan-nisa ta’ bejn il-15 u l-64 sena (5).

10.

huwa konxju li l-konsum perikoluż u abbużiv tal-alkoħol u d-dipendenza minnu jinvolvu spejjeż ekonomiċi sostanzjali mil-lat ta’ telf tal-produzzjoni (EUR 11,3-il biljun) u l-qgħad (EUR 17,6-il biljun) (6);

11.

jinnota li l-ispejjeż soċjali diretti ta’ ħsara relatata mal-alkoħol fl-UE ġew stmati għal EUR 155,8 biljun, li l-biċċa l-kbira tagħhom (EUR 82,9 biljun) jinsabu barra mis-sistema tal-kura tas-saħħa (7). Meta titqies ukoll il-ħsara għas-soċjetà u l-minorenni bniet u subien u n-nisa u l-irġiel qrib persuni li jixorbu l-alkoħol, jirduppjaw l-ispejjeż soċjali tal-alkoħol (8);

12.

jinsisti dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni tal-vjolenza, u tingħata attenzjoni speċjali lill-persuni l-aktar vulnerabbli u lil sitwazzjonijiet speċifiċi, pereżempju l-abbuż sesswali fil-postijiet ta’ divertiment ta’ billejl;

13.

jenfasizza li l-ispejjeż soċjali relatati mal-alkoħol huma stmati għal medja ta’ madwar 1,3 % tal-PDG ta’ pajjiż kwalunkwe (9);

14.

josserva li l-abbuż tal-alkoħol huwa fattur ta’ riskju għal aktar minn 60 marda kronika. Il-mard kroniku qed jiżdied fl-UE u l-ispiża tal-kura hija stmat għal EUR 700 biljun fis-sena (10);

Ħidma fil-ġejjieni dwar kwistjonijiet marbuta mal-alkoħol fil-livell tal-UE

15.

jappella għall-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE ġdida dwar l-alkoħol u jixtieq jiżgura li l-istituzzjonijiet tal-UE jkomplu jsaħħu l-kapaċità u l-koordinazzjoni effettiva tal-Istati Membri. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja t-talba kemm tal-Kunsill tal-Ministri kif ukoll tal-Parlament Ewropew għal tmexxija politika b’saħħitha dwar din il-kwistjoni (11);

16.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-isforzi fil-livell tal-UE għandhom jinkludu rakkomandazzjonijiet u eżempji tajbin ta’ x’jista’ jsir biex jissaħħu l-attivitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

17.

jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tippromovi u mhux timpedixxi lil dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jiżviluppaw il-ħidma tagħhom marbuta mal-prevenzjoni tal-alkoħol;

18.

jisħaq fuq l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw l-opportunità biex jikkontribwixxu l-esperjenza u l-għarfien tagħhom, fid-dawl tal-fatt li dawn għandhom l-aħjar għarfien tal-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet għall-prevenzjoni tal-użu dannuż tal-alkoħol, u sabiex jillimitaw l-effetti negattivi tal-alkoħol fuq is-soċjetà. L-awtoritajiet lokali huma partikolarment importanti għaliex huma l-eqreb għall-persuni u għall-komunitajiet tagħhom;

19.

huwa tal-fehma li l-ħidma tal-Kummissjoni għall-prevenzjoni tal-alkoħol fil-qafas tal-azzjoni futura dwar il-mard kroniku hija tajba iżda mhijiex biżżejjed peress li ma tinkludix l-approċċ imsejjes fuq il-prevenzjoni u l-ħsara lill-oħrajn (12);

20.

huwa tal-fehma li l-miżuri konġunti tal-UE għandhom jinkludu rakkomandazzjonijiet bil-għan li jiġi evitat li l-konsum abużiv tal-alkoħol u r-riskji assoċjati miegħu jkunu fattur ta’ attrazzjoni fir-reklamar ta’ destinazzjonijiet turistiċi;

21.

jemmen li huwa importanti li l-ħidma dwar kwistjonijiet marbuta mal-alkoħol, jappoġġjaw u jiġu kkoordinati ma’ ħidma internazzjonali kontinwa. B’rabta ma’ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza li l-ħidma kontinwa għandha tfittex livell ogħla ta’ sinerġiji mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (13) u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU;

22.

josserva li l-NGOs bl-għarfien espert u l-esperjenza tagħhom fil-livell internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali huma atturi prinċipali għall-kooperazzjoni;

L-ORJENTAZZJONI TAL-ĦIDMA FIL-ĠEJJIENI DWAR KWISTJONIJIET MARBUTA MAL-ALKOĦOL FIL-LIVELL TAL-UE

Il-ħtieġa għal pjattaformi ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-UE

23.

josserva li, l-erba’ snin li għaddew wara l-Istrateġija preċedenti dwar l-Alkoħol (2006-2012) (14), sa ċertu punt tkomplew il-ħidma u l-pjattaformi ta’ kooperazzjoni stabbiliti, il-Kumitat dwar il-Politika u l-Azzjoni Nazzjonali dwar l-Alkoħol (CNAPA) u l-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa (EAHF). Għad hemm il-ħtieġa għal dawn u pjattaformi oħra fejn jistgħu jiġu organizzati kwistjonijiet marbuta mal-alkoħol. Il-kompetenzi u l-esperjenzi ġġenerati għandhom jintużaw u jiġu żviluppati;

24.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Pjan ta’ Azzjoni dwar ix-Xorb fost iż-Żgħażagħ u x-Xorb Bla Rażan Episodiku (binge drinking) u l-Azzjoni Konġunta dwar it-Tnaqqis tal-Ħsara Relatata mal-Alkoħol ser jintemmu fl-2016; jinnota li tinħtieġ l-estensjoni u/jew l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni ġdid għat-tfal u ż-żgħażagħ;

25.

jisħaq fuq l-importanza ta’ appoġġ mil-livell tal-UE għar-riċerka u l-għarfien li jista’ jiġi implimentati aktar malajr fil-prattika u modi ġodda ta’ ħidma. Huwa importanti li jiġi enfasizzat kif l-azzjoni tista’ fl-istess ħin tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa;

26.

huwa favur l-iskambju tal-aħjar prattiki fi ħdan u bejn l-Istati Membri. Huwa strateġikament importanti li jitħeġġu t-tagħlim, l-għarfien u l-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet komuni. Il-miżuri u l-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza u l-aħjar prattiki għall-kosteffettività;

27.

jenfasizza l-importanza ta’ monitoraġġ effettiv tal-iżvilupp tal-politika dwar l-alkoħol. Huwa importanti li jiġu żviluppati aktar il-bażijiet eżistenti tad-data b’indikaturi komparabbli, affidabbli u standardizzati li jintużaw għall-monitoraġġ u l-analiżi;

28.

huwa tal-fehma li jista’ jitwaqqaf grupp xjentifiku li jappoġġja l-ġbir tad-data;

Il-promozzjoni u r-reklamar tax-xorb alkoħoliku

29.

jenfasizza li l-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar jaqsmu l-fruntieri nazzjonali u għalhekk il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri hija kruċjali;

30.

huwa tal-fehma li l-miżuri biex jitnaqqas l-esponiment tat-tfal u ż-żgħażagħ minorenni għall-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar tax-xorb alkoħoliku għandhom ikunu restrittivi u koerċittivi, jiġifieri għandhom jipprojbixxu kemm l-aċċess għall-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol għall-minorenni kif ukoll ir-reklamar;

31.

jenfasizza l-importanza li l-produtturi u d-distributuri tax-xorb alkoħoliku jikkonformaw bis-sħiħ mar-regolamenti fis-seħħ fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni u l-pubbliċità;

32.

huwa tal-fehma li l-isforzi għat-tnaqqis tal-esponiment tat-tfal u ż-żgħażagħ għall-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar tal-alkoħol għandhom iqisu l-promozzjoni permezz tal-midja soċjali u l-Internet, kif ukoll l-inklużjoni ta’ prodotti kummerċjali fix-xandir u prodotti oħra relatati mad-ditti tal-alkoħol. Il-Finlandja ilha mill-2015 tipprojbixxi l-użu ta’ kompetizzjonijiet u logħob fil-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol u l-użu tar-reklamar tal-alkoħol f’żoni pubbliċi u fil-midja soċjali (15);

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-isponsorjar ta’ avvenimenti sportivi u kulturali huwa suq li qed jikber kif ukoll strateġija kosteffettiva ta’ kummerċjalizzazzjoni. B’hekk, iż-żgħażagħ jintlaħqu u jiġu esposti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol, kemm fuq il-post kif ukoll permezz ta’ avvenimenti fuq it-televiżjoni;

34.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li f’kull attività marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni u l-pubbliċità tax-xorb alkoħoliku tiġi inkluża informazzjoni dwar ir-riskji tal-konsum abbużiv;

35.

huwa konxju li l-awtomonitoraġġ/l-awtoregolazzjoni huma użati b’mod wiesa’ fl-UE fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol, minkejja l-fatt li kemm nuqqas ta’ qbil dwar jekk hemmx provi li jiġġustifikaw dan l-approċċ fis-settur tal-alkoħol (16) u li mhuwiex biżżejjed biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiġu protetti mill-konsegwenzi negattivi tal-alkoħol (17);

Id-drittijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ.

36.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm wisq tfal u żgħażagħ li jitrabbew f’familji b’dipendenza mill-alkoħol u l-abbuż tal-alkoħol. L-għadd ta’ tfal li jgħixu f’familji b’konsum tal-alkoħol b’mod li jagħmel ħsara huwa stmat bejn 5 u 9 miljun tifel u tifla fl-UE (18). Dawn it-tfal għandhom inqas opportunitajiet li jkollhom edukazzjoni u saħħa tajba;

37.

jemmen li huwa importanti li jiġu identifikati l-oqsma ta’ azzjoni li għandhom jiġu żviluppati fl-Istati Membri biex jitnaqqas il-konsum massiv tal-alkoħol fost iż-żgħażagħ biex jiġi żgurat ambjent sigur u tajjeb għas-saħħa għat-tfal u ż-żgħażagħ; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza li jiġu promossi attivitajiet ta’ divertiment u festi li ma jinvolvux il-konsum tal-alkoħol;

38.

jirrikonoxxi li l-perjodi tat-tqala u tat-treddigħ huma partikolarment vulnerabbli, peress li f’dawn il-perjodi jistgħu jiżviluppaw disturbi tal-ispettru alkoħoliku fil-fetu (foetal alcohol spectrum disorders – FASD); l-alkoħol jista’ jaffettwa l-iżvilupp tal-fetu fi kwalunkwe stadju tat-tqala u mhuwa rikonoxxut l-ebda ammont sigur ta’ alkoħol li jista’ jinxtorob matul it-tqala;

39.

jaqbel li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tesiġi li t-tfal u ż-żgħażagħ jitħarsu mill-effetti ħżiena tal-alkoħol. B’konformità mal-Artikolu 33, l-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni għandhom jaġixxu fl-aħjar interess tat-tfal u jiksbu u jqisu l-perspettiva tagħhom f’kull azzjoni relatata mat-tfal;

40.

iqis li huma ta’ prijorità l-azzjonijiet preventivi waqt it-tqala, it-tfulija u l-adoloxxenza, sabiex tiġi promossa kultura ta’ prevenzjoni u promozzjoni tas-saħħa;

41.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iskejjel huma qasam importanti għall-promozzjoni tas-saħħa, billi jsaħħu l-fatturi protettivi għat-tfal; u biex jinqabdu kmieni kemm l-abbuż tal-alkoħol kif ukoll it-tfal f’riskju. Edukazzjoni bbażata fuq l-iskola għat-tfal dwar ir-riskji tal-alkoħol għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza xjentifika, peress li l-programmi u l-attivitajiet purament informattivi mhux ser ikollhom l-effett meħtieġ, u għandhom jilħqu lill-atturi kollha tal-komunità edukattiva, jiġifieri l-istudenti, il-familja u l-għalliema, b’mod komprensiv;

42.

jenfasizza l-importanza li jitnaqqas l-abbuż tal-alkoħol fost l-adulti, fost l-oħrajn permezz ta’ miżuri edukattivi, peress li l-adulti li l-imġiba tagħhom isservi ta’ eżempju pożittiv huma fattur ewlieni biex ikollhom l-aqwa impatt possibbli. Il-materjal edukattiv kemm għalll-adulti kif ukoll dak għat-tfal għandu jiġi żviluppat minn korp indipendenti abbażi tar-riċerka. Għal dan il-għan ser ikun importanti li ssir ħidma mas-settur tal-lukandi u tar-ristoranti fit-taħriġ dwar kif wieħed għandu jservi x-xarbiet alkoħoliċi b’mod responsabbli bil-għan li jiġi mminimizzat il-konsum abużiv tal-alkoħol mill-adulti;

43.

jikkunsidra bħala prijorità li jitwettqu programmi ta’ prevenzjoni ffokati fuq il-familja, peress li dan huwa ambjent fundamentali fl-edukazzjoni u t-taħriġ tat-tfal u fit-twassil ta’ strateġiji, valuri, kapaċitajiet u kompetenzi;

Tagħrif għall-konsumatur – listi tal-ingredjenti b’informazzjoni dwar in-nutrizzjoni u l-kaloriji

44.

iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex itejbu t-tikkettar tal-alkoħol fil-livell tal-UE u jiffinalizzaw ir-rapport dwar kif l-imballaġġ tal-alkoħol għandu jiġi inkluż f’liġijiet eżistenti dwar dikjarazzjonijiet li jkun fihom l-ingredjenti, il-kontenut nutrittiv u l-kaloriji; jenfasizza li l-konsumaturi għandhom dritt li jkunu jafu l-prodotti xi jkun fihom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati;

45.

huwa tal-fehma li twissija speċjali għan-nisa tqal, it-tfal, iż-żgħażagħ u s-sewwieqa ta’ vetturi hija komplement importanti u għodda biex jiġu ppubbliċizzati u jonqsu r-riskji assoċjati mal-konsum tal-alkoħol. Huwa importanti li l-messaġġi jiġu adattati għall-gruppi fil-mira differenti. jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni li diġà ttieħdet f’dan il-qasam minn xi produtturi u distributuri;

46.

jirrakkomanda li l-kampanji edukattivi u ta’ informazzjoni jiffukaw fuq iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-perikli tax-xorb bla rażan (binge drinking) u fuq fejn huma disponibbli konsulenza, appoġġ u kura;

47.

jenfasizza r-rwol importanti tal-mezzi tal-komunikazzjoni biex jipprovdu informazzjoni korretta dwar ir-riskji tal-konsum tal-alkoħol;

L-aċċess għall-alkoħol u l-bejgħ ta’ alkoħol irħis

48.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li gruppi vulnerabbli soċjoekonomikament u ż-żgħażagħ huma f’riskju akbar li jkunu fi stat ħażin ta’ saħħa, u huwa ħerqan li jimpedixxi żieda fl-inugwaljanzi fis-saħħa. Waħda mill-problemi hija alkoħol irħis wisq u faċilment aċċessibbli, li jirriskja li jwassal għal konsum eċċessiv tal-alkoħol, li min-naħa tiegħu jista’ jwassal għal mard tal-fwied u mewt qabel il-waqt (19). L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw miżuri komuni, fosthom ir-riċerka, biex jimpedixxu l-bejgħ ta’ alkoħol irħis ħafna, inkluż il-bejgħ onlajn;

49.

josserva li l-aċċess għall-alkoħol għandu impatt kbir fuq il-livelli tal-konsum dannuż tal-alkoħol u l-ħsara relatata mal-alkoħol. Ir-riċerka turi li ż-żieda fid-disponibbiltà tal-alkoħol tikkawża żieda fil-konsum minħabba żieda fil-problemi tas-saħħa u l-ħsara (20);

50.

huwa tal-fehma li l-Istati Membri jistgħu jsaħħu iżjed ir-restrizzjonijiet u l-kontroll tal-bejgħ u x-xiri tal-alkoħol, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom limitu ta’ età ta’ 18-il sena. Fost għażliet oħra jista’ jiġi limitat in-numru tal-postijiet tal-bejgħ, il-projbizzjoni tal-konsum u l-bejgħfil-pubbliku f’ċerti ħinijiet, il-ħinijiet tal-ftuħ, u l-liċenzji, u l-adozzjoni ta’ servizzi li jipprovdu xorb responsabbli permezz ta’ mezzi ta’ taħriġ għall-professjonisti, id-distributuri u s-settur tal-lukandi. Ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu kkomplementati mill-infurzar;

Ħidma preventiva fil-post tax-xogħol

51.

josserva li l-konsum perikoluż u abbużiv tal-alkoħol u d-dipendenza minnu jistgħu jżidu r-riskju kemm tal-assenzi minħabba l-mard kif ukoll dak tat-tnaqqis fil-produttività, u għandu impatt negattiv fuq persuni oħra. Il-persuni xurbana huma ta’ riskju għas-sigurtà: 20 sa 25 % tal-inċidenti kollha fil-post tax-xogħol jinvolvu persuni taħt l-influwenza tal-alkoħol. Il-post tax-xogħol huwa qasam importanti għall-miżuri preventivi kontra l-konsum dannuż (21);

52.

jindika li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-persuna li tabbuża mill-alkoħol tattendi programmi edukattivi u ta’ taħriġ bħala alternattiva għall-multi u mezzi oħra ta’ kontroll, b’mod speċjali jekk il-persuni li allegatament jabbużaw mill-alkoħol ikunu minorenni;

53.

jenfasizza li l-konsum tal-alkoħol għandu jiġi indirizzat fuq il-post tax-xogħol, permezz ta’ intervent bikri. Il-postijiet tax-xogħol għandu jkollhom struzzjonijiet dwar x’għandhom jagħmlu f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Dan jikkostitwixxi kura tas-saħħa okkupazzjonali u preventiva tajba;

54.

jenfasizza l-fatt li s-settur pubbliku jista’ jkun minn ta’ quddiem nett fil-ħidma relatata mal-prevenzjoni tal-alkoħol biex jiġi żgurat ambjent tax-xogħol sigur, mhux l-inqas minħabba l-fatt li ħafna mill-ħaddiema fis-settur jipprovdu servizzi essenzjali għaċ-ċittadini;

Azzjoni preventiva fis-settur tal-kura tas-saħħa

55.

jemmen li hemm bżonn ta’ aċċess għal intervent bikri u kura, u huwa tal-fehma li huwa importanti li t-tfal ta’ ġenituri li jkunu qed jirċievu kura minħabba dipendenza mill-alkoħol jew abbuż jingħataw attenzjoni partikolari u jirċievu konsulenza u appoġġ. Wieħed mill-mezzi ta’ prevenzjoni tal-mard huwa l-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa u billi jingħata appoġġ għal bidla fl-imġiba relatata mal-konsum perikoluż tal-alkoħol;

56.

jikkunsidra li huwa neċessarju li fl-ambjent tax-xogħol jiġu promossi ftehimiet bejn it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, li jinvolvu lill-impjegaturi fil-mezzi ta’ prevenzjoni li jkunu qed jiġu żviluppati;

57.

jinnota li l-mard tal-fwied marbut mal-alkoħol spiss jaffettwa nies fl-età tax-xogħol. Hemm ukoll rabta medika bejn l-abbuż tal-alkoħol u ħafna mard serju ieħor: il-kanċer, il-mard kardjovaskulari u l-problemi tas-saħħa mentali (22);

Is-sikurezza fit-toroq

58.

josserva li l-limiti marbutin mas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, il-kampanji ta’ informazzjoni, l-edukazzjoni u l-infurzar jikkontribwixxu għal aktar sikurezza fit-toroq. L-alkoħol huwa responsabbli għal 25 % tal-inċidenti kollha tat-traffiku li jseħħu fi ħdan l-UE (23);

59.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-istudju ppubblikat mill-Kummissjoni fl-2014 dwar l-użu ta’ sistema li tidentifika l-użu tal-alkoħol u kif jista’ jitnaqqas l-għadd ta’ inċidenti tat-traffiku relatati mal-alkoħol (24);

60.

huwa tal-fehma li jistgħu jittieħdu aktar passi biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq fl-UE, fost l-oħrajn billi jiġu ssorveljati l-inċidenti tat-triq relatati mal-alkoħol u permezz tal-iskambju ta’ esperjenzi bejn l-Istati Membri dwar azzjoni effettiva f’dan il-qasam. Huwa importanti li s-sewwieqa ġodda jkunu konxji dwar l-impatt tas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Brussell, 9 ta’ Frar 2017

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  http://www.ceev.eu/about-the-eu-wine-sector

(2)  http://www.brewersofeurope.org/uploads/mycms-files/documents/publications/2016/EU_economic_report_2016_web.pdf

(3)  http://spirits.eu/spirits/a-spirit-of-growth/introduction-2

(4)  http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0008/178163/E96726.pdf?ua=1

(5)  http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0017/190430/Status-Report-on-Alcohol-and-Health-in-35-European-Countries.pdf

(6)  Ċentru għad-Dipendenza u s-Saħħa Mentali (2012). Alcohol consumption, alcohol dependence and attributable burden of disease in Europe.

(7)  Ibid.

(8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

(9)  http://ec.europa.eu/health/archive/ph_determinants/life_style/alcohol/documents/alcohol_europe_en.pdf

Anderson P & Baumberg B (2006).Alcohol in Europe: A public health perspective. Londra: Institute of Alcohol Studies.

(10)  http://ec.europa.eu/health/major_chronic_diseases/docs/reflection_process_cd_en.pdf

(11)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52015XG1216%2801%29

(12)  L-espressjoni “ħsara lill-oħrajn” tirreferi għall-ħsara li tista’ ssir lis-soċjetà u individwi qrib min jixrob l-alkoħol.

(13)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

(14)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Strateġija tal-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta’ ħsara relatata mal-alkoħol” (ĠU C 197, 24.8.2007).

(15)  http://www.finlex.fi/sv/esitykset/he/2013/20130070.pdf

(16)  Babor, T. F. (2010). Alcohol: No Ordinary Commodity – a summary of the second edition. Addiction.

(17)  CAMY. (2003). Alcohol Advertising on Sports Television 2001 to 2003: Center on Alcohol Marketing and Youth, Madden, P. A., & Grube, J. W. (1994). The frequency and nature of alcohol and tobacco advertising in televised sports, 1990 through 1992. Am J Public Health.

(18)  http://ec.europa.eu/health/archive/ph_determinants/life_style/alcohol/documents/alcohol_europe_en.pdf, page 6.

(19)  http://www.easl.eu/medias/EASLimg/News/3f9dd90221ef292_file.pdf

(20)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

(21)  http://ec.europa.eu/health/alcohol/docs/science_02_en.pdf

(22)  http://www.eurocare.org/library/updates/eurocare_eu_alcohol_strategy2

(23)  http://ec.europa.eu/transport/road_safety/topics/behaviour/fitness_to_drive/index_en.htm

(24)  https://ec.europa.eu/transport/road_safety/sites/roadsafety/files/pdf/behavior/study_alcohol_interlock.pdf


Top