Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR0039

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-immodernizzar tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur

ĠU C 240, 1.7.2016, p. 72–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/72


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-immodernizzar tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur

(2016/C 240/11)

Relatur:

Arnoldas ABRAMAVIČIUS (LT/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Muniċipalità Distrettwali ta’ Zarasai

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur

COM(2015) 626 — final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurara tal-portabilità transkonfinali tas-servizzi ta’ kontenut onlajn fis-suq intern

COM(2015) 627 – final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Proposta għal Regolament

Premessa (1)

Test Propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Peress li s-suq intern jikkonsisti f’żona mingħajr fruntieri interni li tiddependi, inter alia, fuq il-moviment ħieles tas-servizzi u l-persuni, għandu jiġi stipulat li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jużaw is-servizzi tal-kontenut onlajn li joffru aċċess għal kontenut bħal mużika, logħob, films jew avvenimenti sportivi, mhux biss fl-Istat Membru tagħhom ta’ residenza, iżda wkoll meta jkunu temporanjament preżenti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni. Għalhekk, l-ostakli li jfixklu l-aċċess u l-użu ta’ dawn is-servizzi tal-kontenut onlajn transkonfinali għandhom jiġu eliminati.

Peress li s-suq intern jikkonsisti f’żona mingħajr fruntieri interni li tiddependi, inter alia, fuq il-moviment ħieles tas-servizzi u l-persuni, għandu jiġi stipulat li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jużaw is-servizzi tal-kontenut onlajn li joffru aċċess għal kontenut bħal mużika, logħob, films jew avvenimenti sportivi, mhux biss fl-Istat Membru tagħhom ta’ residenza, iżda wkoll meta jkunu temporanjament preżenti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni. Għalhekk, l-ostakli li jfixklu l-aċċess u l-użu ta’ dawn is-servizzi tal-kontenut onlajn transkonfinali għandhom jiġu eliminati. Fl-istess ħin, il-verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat għandha tevita li tibdel il-portabbiltà f’aċċess transkonfinali permanenti .

Raġuni

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu ċerti li t-trasferibbiltà tinkludi biss l-aktar eżempji komuni tal-ivvjaġġar għal skopijiet ta’ negozju, turiżmu jew studju, mingħajr ma joffru disponibbiltà permanenti ta’ kontenut protett fil-livell tal-UE.

Emenda 2

Proposta għal Regolament

Premessa (4)

Test Propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Hemm numru ta’ ostakli li jfixklu l-forniment ta’ dawn is-servizzi lill-konsumaturi temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor. Ċerti servizzi onlajn jinkludu kontenut bħal mużika, logħob jew films li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati skont il-liġijiet tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-ostakli għall-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn jirriżultaw mill-fatt li d-drittijiet għat-trażmissjoni tal-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati bħax-xogħlijiet awdjoviżivi ta’ spiss jiġu lliċenzjati fuq bażi territorjali, kif ukoll mill-fatt li l-fornituri tas-servizzi onlajn jistgħu jagħżlu li jservu swieq speċifiċi biss.

Hemm numru ta’ ostakli li jfixklu l-forniment ta’ dawn is-servizzi lill-konsumaturi temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor. Ċerti servizzi onlajn jinkludu kontenut bħal mużika, logħob jew films li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati skont il-liġijiet tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-ostakli għall-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn jirriżultaw mill-fatt li d-drittijiet għat-trażmissjoni tal-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati bħax-xogħlijiet awdjoviżivi ta’ spiss jiġu lliċenzjati fuq bażi territorjali, kif ukoll mill-fatt li l-fornituri tas-servizzi onlajn sa ċertu punt jagħżlu li jservu swieq speċifiċi biss.

Raġuni

Il-fornituri ta’ servizzi onlajn, bħal kwalunkwe impriża oħra, huma liberi li jagħżlu f’liema swieq iridu jidħlu skont ir-raġunijiet interni tagħhom. Id-disponibbiltà limitata ta’ kontenuti li tista’ tirriżulta minn dan għandha titqies għalhekk effett sekondarju, u mhux azzjoni limitattiva fiha nnifisha.

Emenda 3

Proposta għal Regolament

Premessa (8)

Test Propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Għalhekk, il-fornituri ta’ servizzi tal-kontenut onlajn li jagħmlu użu minn xogħlijiet jew materjal protett ieħor, bħal kotba, xogħlijiet awdjoviżivi, mużika rrekordjata jew xandiriet għandhom jingħataw id-drittijiet biex jużaw dan il-kontenut għat-territorji rilevanti.

Għalhekk, il-fornituri ta’ servizzi tal-kontenut onlajn li jagħmlu użu minn xogħlijiet jew materjal protett ieħor, bħal kotba, xogħlijiet awdjoviżivi, mużika rrekordjata jew xandiriet għandhom jingħataw id-drittijiet biex jużaw dan il-kontenut għat-territorji rilevanti , u jużaw ukoll liċenzji għal diversi territorji jew pan-Ewropej fejn jippermettu l-kundizzjonijiet, pereżempju: fejn hemm suq, domanda min-naħa tal-konsumatur, teknoloġija disponibbli u garanzija ta’ kumpens ġust.

Raġuni

Huwa utli li tiġi enfasizzata l-preżenza ta’ strumenti ta’ liċenzja multiterritorjali li, għalkemm ma jkunux dejjem disponibbli, jiffaċilitaw it-tixrid ta’ kontenuti b’mod sostanzjali.

Emenda 4

Proposta għal Regolament

Premessa (9)

Test Propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

It-trażmissjoni mill-fornitur tas-servizz onlajn tal-kontenut li huwa protett bid-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati teħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet rilevanti bħal awturi, artisti, produtturi jew organizzazzjonijiet għall-kontenut li jkun inkluż fit-trażmissjoni. Dan huwa daqstant minnu meta din it-trażmissjoni sseħħ għall-għan li l-konsumatur jitħalla jniżżel materjal sabiex juża servizz tal-kontenut onlajn.

It-trażmissjoni mill-fornitur tas-servizz onlajn tal-kontenut li huwa protett bid-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati teħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet rilevanti bħal awturi, artisti, produtturi jew organizzazzjonijiet , li jeżerċitawhom b’mod esklussiv skont il-kwalifiki li għandhom, għall-kontenut li jkun inkluż fit-trażmissjoni. Dan huwa daqstant minnu meta din it-trażmissjoni sseħħ għall-għan li l-konsumatur jitħalla jniżżel materjal sabiex juża servizz tal-kontenut onlajn.

Raġuni

Dawk li għandhom id-drittijiet jipproteġu b’mod leġittimu, kull wieħed skont il-kwalifiki tiegħu, id-drittijiet li jistgħu jeżerċitaw b’mod esklussiv, kif stabbilit fid-Direttiva 2014/26/UE.

Emenda 5

Proposta għal Regolament

Premessa (10)

Test Propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-akkwist ta’ liċenzja għad-drittijiet rilevanti mhuwiex dejjem possibbli, b’mod partikolari meta d-drittijiet fil-kontenut jiġu liċenzjali fuq bażi esklussiva. Sabiex tiġi żgurata l-esklussività territorjali, il-fornituri tas-servizzi onlajn ta’ spiss jimpenjaw ruħhom, fil-kuntratti tal-liċenzji tagħhom mad-detenturi tad-drittijiet, inklużi organizzazzjonijiet tax-xandir jew organizzaturi tal-avvenimenti, biex jipprevjenu lill-abbonati tagħhom milli jaċċessaw u jużaw is-servizzi tagħhom barra t-territorju li għandu l-liċenzja għalih il-fornitur tas-servizzi. Dawn ir-restrizzjonijiet kuntrattwali imposti fuq il-fornituri tas-servizzi jeħtieġu li l-fornituri jieħdu miżuri bħal li ma jippermettux aċċess għas-servizzi tagħhom mill-indirizzi tal-IP li jinsabu barra mit-territorju kkonċernat. Għalhekk, wieħed mill-ostakoli għall-portabbiltà tas-servizzi tal-kontenut onlajn jinsab fil-kuntratti konklużi bejn il-fornituri tas-servizzi onlajn u l-abbonati tagħhom, li jirriflettu l-klawżoli tar-restrizzjonijiet territorjali inklużi f’kuntratti konklużi bejn dawk il-fornituri tas-servizzi u d-detenturi tad-drittijiet.

L-akkwist ta’ liċenzja għad-drittijiet rilevanti mhuwiex dejjem possibbli, b’mod partikolari meta d-drittijiet fil-kontenut jiġu liċenzjali fuq bażi esklussiva. Sabiex tiġi żgurata l-esklussività territorjali (u b’loġika ta’ vantaġġ kompetittiv), il-fornituri tas-servizzi onlajn ta’ spiss jimpenjaw ruħhom, fil-kuntratti tal-liċenzji tagħhom mad-detenturi tad-drittijiet, inklużi organizzazzjonijiet tax-xandir jew organizzaturi tal-avvenimenti, biex jipprevjenu lill-abbonati tagħhom milli jaċċessaw u jużaw is-servizzi tagħhom barra t-territorju li għandu l-liċenzja għalih il-fornitur tas-servizzi. Dawn ir-restrizzjonijiet kuntrattwali imposti fuq il-fornituri tas-servizzi jeħtieġu li l-fornituri jieħdu miżuri bħal li ma jippermettux aċċess għas-servizzi tagħhom mill-indirizzi tal-IP li jinsabu barra mit-territorju kkonċernat. Għalhekk, wieħed mill-ostakoli għall-portabbiltà tas-servizzi tal-kontenut onlajn jinsab fil-kuntratti konklużi bejn il-fornituri tas-servizzi onlajn u l-abbonati tagħhom, li jirriflettu l-klawżoli tar-restrizzjonijiet territorjali inklużi f’kuntratti konklużi bejn dawk il-fornituri tas-servizzi u d-detenturi tad-drittijiet.

Raġuni

Il-fornitur ta’ servizzi onlajn jagħżel b’mod leġittimu li joffri kontenut partikolari fejn dan jista’ jkollu l-akbar suċċess. F’dan is-sens, l-inkapaċitazzjoni tal-imblukkar ġeografiku waqt l-ivvjaġġar għandu jitqies bħala estensjoni tal-kunċett ta’ territorjalità, u mhux bħala l-ewwel pass biex titneħħa aktar tard.

Emenda 6

Proposta għal Regolament

Premessa (12)

Test Propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Għalhekk, l-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jadatta l-qafas legali sabiex jiżgura li l-liċenzjar tad-drittijiet ma jibqax jippreżenta ostakli għall-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fl-Unjoni, u li l-portabbiltà transkonfinali tista’ tiġi żgurata.

Għalhekk, l-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jadatta l-qafas legali sabiex jiżgura li l-liċenzjar tad-drittijiet ma jibqax jippreżenta ostakli għall-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fl-Unjoni, u li l-portabbiltà transkonfinali tista’ tiġi żgurata , filwaqt li tiġi żgurata biżżejjed flessibbiltà għall-konsumatur minn naħa u daqstant rispett tal-valur kreattiv u kummerċjali tal-kontenut min-naħa l-oħra .

Raġuni

Il-benefiċċji li minnhom sejrin igawdu l-konsumaturi ma għandhomx ikunu għad-detriment tal-kreaturi u tal-operaturi tas-settur, li mingħajrhom ix-xogħlijiet ma jkunux possibbli u aċċessibbli rispettivament.

Emenda 7

Proposta għal Regolament

Premessa (23)

Test Propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-fornituri tas-servizzi għandhom jiżguraw li l-abbonati jkunu infurmati b’mod xieraq dwar il-kundizzjonijiet għat-tgawdija tas-servizzi ta’ kontenut onlajn fi Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru ta’ residenza tal-abbonati. Ir-Regolament jippermetti li d-detenturi tad-drittijiet jirrikjedu li l-fornitur tas-servizz jagħmel użu mill-mezzi, sabiex jivverifika li s-servizz ikun ipprovdut f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Madankollu, għandu jiġi żgurat li l-mezzi meħtieġa jkunu raġonevoli u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb l-għan tagħhom. Eżempji tal-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa jistgħu jinkludu kampjuni tal-indirizzi tal-IP minflok il-monitoraġġ kostanti tal-post, informazzjoni trasparenti lill-individwi dwar il-metodi użati għall-verifika u l-għanijiet tagħha u miżuri ta’ sigurtà adegwati. Meta wieħed jikkunsidra li għall-għanijiet tal-verifika ma jgħoddx il-post iżda f’liema Stat Membru l-abbonat ikun qiegħed jaċċessa s-servizz, m’għandhiex tinġabar u tiġi proċessata dejta preċiża dwar il-post għal dan l-għan. B’mod simili, meta l-awtentikazzjoni ta’ abbonat tkun biżżejjed biex jitwassal is-servizz ipprovdut, m’għandiex tkun meħtieġa l-identifikazzjoni tal-abbonat.

Il-fornituri tas-servizzi għandhom jiżguraw li l-abbonati jkunu infurmati b’mod xieraq dwar il-kundizzjonijiet għat-tgawdija tas-servizzi ta’ kontenut onlajn fi Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru ta’ residenza tal-abbonati. Ir-Regolament jippermetti li d-detenturi tad-drittijiet jirrikjedu li l-fornitur tas-servizz jagħmel użu mill-mezzi, sabiex jivverifika li s-servizz ikun ipprovdut f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Madankollu, għandu jiġi żgurat li l-mezzi meħtieġa jkunu raġonevoli u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb l-għan tagħhom. Eżempji tal-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa jistgħu jinkludu kampjuni tal-indirizzi tal-IP minflok il-monitoraġġ kostanti tal-post, informazzjoni trasparenti lill-individwi dwar il-metodi użati għall-verifika u l-għanijiet tagħha u miżuri ta’ sigurtà adegwati. Meta wieħed jikkunsidra li għall-għanijiet tal-verifika ma jgħoddx il-post iżda f’liema Stat Membru l-abbonat ikun qiegħed jaċċessa s-servizz, m’għandhiex tinġabar u tiġi proċessata dejta preċiża dwar il-post għal dan l-għan, sakemm il-lokalizzazzjoni ma tkunx barra mill-fruntieri tal-UE. B’mod simili, meta l-awtentikazzjoni ta’ abbonat tkun biżżejjed biex jitwassal is-servizz ipprovdut, m’għandiex tkun meħtieġa l-identifikazzjoni tal-abbonat.

Raġuni

Mingħajr data preċiża dwar il-lokalizzazzjoni, il-kapaċità ta’ verifika min-naħa tal-fornitur tiddgħajjef serjament peress li, fil-fatt, huwa preżunt li kwalunkwe użu transkonfinali jseħħ fil-fruntieri tal-UE, li mhux neċessarjament il-każ.

Emenda 8

Proposta għal Regolament

Artikolu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Abbonat” tfisser kwalunkwe konsumatur li, fuq il-bażi ta’ kuntratt għall-forniment ta’ servizz ta’ kontenut onlajn ma’ fornitur, jista’ jaċċessa u juża dan is-servizz fl-Istat Membru tar-residenza;

(a)

“Abbonat” tfisser kwalunkwe konsumatur li, fuq il-bażi ta’ kuntratt għall-forniment ta’ servizz ta’ kontenut onlajn ma’ fornitur, jista’ jaċċessa u juża dan is-servizz fl-Istat Membru tar-residenza;

(b)

“Konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntratti koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal għanijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, min-negozju, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha;

(b)

“Konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntratti koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal għanijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, min-negozju, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha;

(c)

“Stat Membru tar-residenza” tfisser l-Istat Membru li l-abbonat ikun qed joqgħod fih abitwalment;

(c)

“Stat Membru tar-residenza” tfisser l-Istat Membru li l-abbonat ikun qed joqgħod fih abitwalment;

(d)

“Temporanjament preżenti” tfisser preżenza ta’ abbonat fi Stat Membru ieħor minbarra l-Istat Membru tar-residenza;

(d)

“Temporanjament preżenti” tfisser preżenza ta’ abbonat fi Stat Membru ieħor minbarra l-Istat Membru tar-residenza , li tiġi vverifikata biex b’hekk it-trasferibbiltà ma ssirx aċċess transkonfinali permanenti ;

(e)

“Servizz ta’ kontenut onlajn” tfisser servizz kif definit fl-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li fornitur tas-servizzi jkun qed jipprovdi legalment onlajn fl-Istat Membru tar-residenza fuq bażi portabbli u li huwa servizz tal-midja awdjoviżiva skont it-tifsira tad-Direttiva 2010/13/UE jew servizz li l-karatteristika prinċipali tiegħu hija l-forniment ta’ aċċess u użu tax-xogħlijiet, materjal protett ieħor jew trażmissjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, kemm jekk b’mod lineari jew fuq talba, li jigi pprovdut lil abbonat skont termini miftiehma kemm:

(e)

“Servizz ta’ kontenut onlajn” tfisser servizz kif definit fl-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li fornitur tas-servizzi jkun qed jipprovdi legalment onlajn fl-Istat Membru tar-residenza fuq bażi portabbli u li huwa servizz tal-midja awdjoviżiva skont it-tifsira tad-Direttiva 2010/13/UE jew servizz li l-karatteristika prinċipali tiegħu hija l-forniment ta’ aċċess u użu tax-xogħlijiet, materjal protett ieħor jew trażmissjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, kemm jekk b’mod lineari jew fuq talba, li jiġi pprovdut lil abbonat skont termini miftiehma kemm:

 

(1)

bi ħlas ta’ flus; jew

 

(1)

bi ħlas ta’ flus; jew

 

(2)

mingħajr ħlas ta’ flus sakemm l-Istat Membru tar-residenza jkun verifikat mill-fornitur;

 

(2)

mingħajr ħlas ta’ flus sakemm l-Istat Membru tar-residenza jkun verifikat mill-fornitur;

(f)

“Portabbli” tfisser li l-abbonati jkunu jistgħu effettivament jaċċessaw u jużaw is-servizz ta’ kontenut onlajn fl-Istat Membru tar-residenza mingħajr ma jkunu limitati għal post speċifiku.

(f)

“Portabbli” tfisser li l-abbonati jkunu jistgħu effettivament jaċċessaw u jużaw is-servizz ta’ kontenut onlajn fl-Istat Membru tar-residenza mingħajr ma jkunu limitati għal post speċifiku.

Raġuni

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu ċerti li t-trasferibbiltà ma tirriżultax f’disponibbiltà permanenti ta’ kontenut protett fil-livell tal-UE.

Emenda 9

Proposta għal Regolament

Artikolu 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(1)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(1)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Għandu japplika [data: 6 xhur minn wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu].

(2)

Għandu japplika [data: 12-il xahar minn wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu].

Raġuni

Minħabba n-numru konsiderevoli ta’ kuntratti li fuqhom ir-regolament għandu effett dirett, il-partijiet interessati għandhom jingħataw żmien biżżejjed sabiex jibdlu d-dispożizzjonijiet rilevanti. Għal dan l-għan, l-estensjoni tal-perjodu ta’ implimentazzjoni għal 12-il xahar tgħin biex tinkiseb aktar konformità f’dan ir-rigward.

Emenda 10

Proposta għal Regolament

Test Propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi tal-kontenut onlajn li jiġu pprovduti bi ħlas ta’ flus. Il-fornituri ta’ dawn is-servizzi huma f’pożizzjoni li jivverifikaw l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom. Id-dritt li tuża servizz ta’ kontenut onlajn għandu jitqies li huwa akkwistat bi ħlas ta’ flus, kemm jekk dan il-ħlas isir direttament lill-fornitur tas-servizz jew lil parti oħra bħal fornitur li joffri pakkett li jgħaqqad servizz ta’ telekomunikazzjoni u servizz ta’ kontenut onlajn operat minn fornitur ieħor.

Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi tal-kontenut onlajn li jiġu pprovduti bi ħlas ta’ flus. Il-fornituri ta’ dawn is-servizzi huma f’pożizzjoni li jivverifikaw l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom u l-verifika għandha tevita li tibdel il-portabbiltà f’aċċess transkonfinali permanenti . Id-dritt li tuża servizz ta’ kontenut onlajn għandu jitqies li huwa akkwistat bi ħlas ta’ flus, kemm jekk dan il-ħlas isir direttament lill-fornitur tas-servizz jew lil parti oħra bħal fornitur li joffri pakkett li jgħaqqad servizz ta’ telekomunikazzjoni u servizz ta’ kontenut onlajn operat minn fornitur ieħor.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 11

Proposta għal Regolament

Artikolu 17

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Is-servizzi tal-kontentut onlajn li jiġu pprovduti mingħajr ħlas ta’ flus huma inklużi wkoll fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sal-limitu li l-fornituri jivverifikaw l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom. Is-servizzi tal-kontenut onlajn li jiġu pprovduti mingħajr ħlas ta’ flus u li l-fornituri tagħhom ma jivverifikawx l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom għandhom ikunu barra l-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament peress li l-inklużjoni tagħhom tinvolvi bidla kbira fil-mod kif jitwasslu dawn is-servizzi u jinvolvu spejjeż sproporzjonati. F’dak li jirrigwarda l-verifika tal-Istat Membru tar-residenza talabbonat, l-informazzjoni bħal ħlas ta’ miżata ta’ liċenzja għal servizzi oħra pprovduti fl-Istat Membru tar-residenza, l-eżistenza ta’ kuntratt għall-konnessjoni tal-Internet jew tat-telefon, l-indirizz tal-IP jew mezzi tal-awtentikazzjoni oħra għandom jiġu invokati, jekk jippermettu lill-fornitur ikollu indikaturi rigward l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tiegħu.

Is-servizzi tal-kontentut onlajn li jiġu pprovduti mingħajr ħlas ta’ flus huma inklużi wkoll fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sal-limitu li l-fornituri jivverifikaw l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom. Is-servizzi tal-kontenut onlajn li jiġu pprovduti mingħajr ħlas ta’ flus u li l-fornituri tagħhom ma jivverifikawx l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom għandhom ikunu barra l-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament peress li l-inklużjoni tagħhom tinvolvi bidla kbira fil-mod kif jitwasslu dawn is-servizzi u jinvolvu spejjeż sproporzjonati. F’dak li jirrigwarda l-verifika tal-Istat Membru tar-residenza talabbonat, l-informazzjoni bħal ħlas ta’ miżata ta’ liċenzja għal servizzi oħra pprovduti fl-Istat Membru tar-residenza, l-eżistenza ta’ kuntratt għall-konnessjoni tal-Internet jew tat-telefon, l-indirizz tal-IP jew mezzi tal-awtentikazzjoni oħra għandom jiġu invokati, jekk jippermettu lill-fornitur ikollu indikaturi rigward l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tiegħu u biex jiġu evitati abbużi fid-drittijiet ta’ portabbiltà .

Raġuni

Evidenti.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti preliminari

1.

jilqa’ l-miżuri għas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi maħsuba biex iħaffu l-iżvilupp dinamiku u sostenibbli tas-setturi ekonomiċi kollha u biex joħolqu impjiegi ġodda, kif ukoll biex jiżguraw l-aġġornament tar-regolamenti dwar id-drittijiet tal-awtur b’kont meħud tar-rivoluzzjoni diġitali u tal-bidla fl-imġiba tal-konsumaturi iżda jiddispjaċih li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost huwa limitat għal servizzi tal-kontenut onlajn u ma jindirizzax tipi oħra ta’ drittijiet tal-awtur fis-suq uniku diġitali;

2.

jenfasizza r-rwol kruċjali u l-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b’rabta mal-armonizzazzjoni tar-regolamenti dwar id-drittijiet tal-awtur li għandhom ikunu kkunsidrati fl-atti leġislattivi futuri kollha li għandhom l-għan li jissupplementaw is-suq uniku diġitali;

3.

jinnota li l-Kummissjoni tippreżenta argumenti kompletament konvinċenti dwar il-valur miżjud tal-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam fil-livell tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. L-istess japplika għall-argumenti mressqa li jirrigwardaw l-proporzjonalità;

4.

jinnota r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tas-servizzi diġitali għaċ-ċittadini, tal-ħolqien u l-ġestjoni tal-infrastruttura diġitali, spiss f’kuntest ta’ kooperazzjoni transkonfinali jew interreġjonali, li jeħtieġu azzjoni immedjata biex jinbidel b’mod bilanċjat it-tfixkil eventwali tal-attività onlajn, inklużi d-differenzi bejn l-Istati Membri fil-leġislazzjoni dwar il-kuntratti u dwar id-drittijiet tal-awtur;

5.

jinnota l-importanza tal-aċċessibbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi għall-individwi u l-intrapriżi permezz ta’ mezzi elettroniċi, irrispettivament mill-post fiżiku fejn jinsabu fiżikament, u għalhekk jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi transkonfinali, speċjalment dawk li jkopru l-aspetti tal-interoperabbiltà u l-identifikazzjoni elettronika, il-firem elettroniċi, is-servizz elettroniku tad-dokumenti u komponenti fundamentali oħra tal-gvern elettroniku;

6.

jenfasizza li n-natura miftuħa tal-Internet tirrappreżenta mutur ewlieni għall-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-innovazzjoni u wasslet għal livelli ta’ żvilupp eċċezzjonali f’dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet, il-kontenuti u s-servizzi onlajn, u b’hekk tipproduċi espansjoni straordinarja tal-offerta u tad-domanda għal kontenuti u servizzi; barra minn hekk, din il-karatteristika tal-Internet ħolqot aċċellerazzjoni fundamentali fil-moviment liberu ta’ għarfien, ideat u informazzjoni, anki fil-pajjiżi fejn l-aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni indipendenti huwa limitat (1);

7.

jinnota li s-servizzi pubbliċi u l-ekonomija diġitali huma importanti għat-tkabbir Ewropew kif ukoll għat-tkabbir lokali u reġjonali. Fl-istess waqt, il-bliet u r-reġjuni għandhom rwol fundamentali x’jaqdu fil-ħolqien ta’ bażijiet ta’ data ta’ informazzjoni pubblika, fil-provvista ta’ data rigward sigurtà, fl-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali meħtieġa, fil-garanzija u l-faċilitazzjoni tal-finanzjament tan-netwerks tal-broadband u fil-ħolqien tal-ambjent ġust għall-iskambju transreġjonali u transkonfinali tas-servizzi onlajn, li kollha huma aspetti li jistgħu jkunu ta’ għajnuna konsiderevoli għall-ħolqien ta’ servizzi ta’ livell għoli u għal armonizzazzjoni bilanċjata tar-regolamenti dwar id-drittijiet tal-awtur;

8.

ifakkar li diġà enfasizza l-kontribut li l-livell lokali u reġjonali jista’ jkollu f’kull fażi tal-ġbir ta’ data u tal-provvista ta’ servizzi liċ-ċittadini u lill-kumpaniji (2). Dan jista’ jkun innutat ukoll fil-prattika: fl-Ewropa jeżistu ħafna eżempji tal-potenzjal tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, l-awtoritajiet nazzjonali u ċ-ċentri ta’ riċerka fil-qasam tal-innovazzjoni u tal-interoperabbiltà tas-settur pubbliku.

Id-drittijiet tal-awtur fis-suq diġitali

9.

jaqbel mal-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tasal, permezz tal-modernizzazzjoni tar-regolamenti, għal disponibbiltà wiesgħa ta’ kontenuti kreattivi fl-Unjoni kollha, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni lid-detenturi tad-drittijiet u li żżomm bilanċ tajjeb mal-għanijiet l-oħrajn ta’ interess pubbliku (bħal edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni jew aċċess ugwali għall-persuni b’diżabilità) (3) fil-qasam diġitali;

10.

jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea ma tqisx lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fost dawk l-aktar responsabbli għall-politika kulturali fl-UE, u li tittraskura l-kompetenzi tagħhom, ir-responsabbiltajiet diretti ta’ ġestjoni tal-wirt kulturali, kif ukoll ir-rwol kruċjali tagħhom fil-politiki ta’ appoġġ għall-industriji kreattivi, inklużi dawk imnedija mill-UE b’“Ewropa kreattiva” u bil-programm “Orizzont 2020”.

Niżguraw aċċess aktar wiesa’ għall-kontenuti fl-UE kollha

11.

jaqbel mal-ħtieġa li l-UE tieħu azzjoni, permezz ta’ approċċ gradwali, sabiex tneħħi t-tfixkil kontra l-aċċess transkonfinali għall-kontenuti u għall-moviment tax-xogħlijiet iżda, fl-istess waqt, jirrakkomanda sabiex il-funzjonament tas-suq uniku li jirriżulta jippermetti verament lill-awturi u lill-industriji kulturali li jwessgħu l-pubbliku tagħhom u l-attività ekonomika tagħhom, u jsaħħu l-kompetittività globali tal-industriji kreattivi tal-Ewropa (fl-aċċess għas-swieq internazzjonali iżda anki billi jgħinhom jilqgħu għall-kompetizzjoni internazzjonali);

12.

jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal regolament dwar il-“portabbiltà” tas-servizzi ta’ kontenut onlajn, sabiex l-utenti li jkunu xtraw kontenut onlajn jew abbonaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ikunu jistgħu jkollhom aċċess għalih anki meta jkunu fi Stat Membru ieħor għal żmien qasir;

13.

jinnota li l-kunċett ta’ “temporanjetà” m’għandux iwassal għal abbużi, li jirriskjaw idawru l-portabbiltà tad-drittijiet transkonfinali f’disponibbiltà permanenti ta’ kontenut protett fil-livell tal-UE. Dawn huwa għaliex il-fornituri tas-servizzi għandhom jivverifikaw l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom;

14.

jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tiffaċċja u tneħħi t-tfixkil mhux ġustifikat tal-ġeoblukkar iżda mingħajr ma wassal għall-eliminazzjoni tal-prinċipju territorjali li jagħmel ħsara lid-diversità kulturali nazzjonali, reġjonali u lokali Ewropea (4). F’dan ir-rigward, il-waqfien tal-ġeoblukkar waqt l-ivvjaġġar għandu jinftiehem bħala estensjoni tal-kunċett tat-territorjalità, u mhux bħala l-ewwel pass biex jitneħħa aktar tard;

15.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprova ttejjeb id-distribuzzjoni transkonfinali tal-programmi tat-televiżjoni u dawk tar-radju onlajn fid-dawl tar-riżultati tal-eżami mill-ġdid tad-Direttiva dwar it-trażmissjoni permezz tas-satellita u bil-kejbil (5), u li b’hekk tirrikonoxxi r-rwol ewlieni li t-televiżjoni u r-radju għandhom favur l-industrija kreattiva u tiffaċilita, fejn possibbli, trattament uniformi tal-kanali ta’ distribuzzjoni onlajn u offlajn għall-finijiet tad-drittijiet tal-awtur u dawk relatati;

16.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li trid tiffaċilita ftehim dwar liċenzji li jagħtu l-aċċess transkonfinali għall-kontenut. B’hekk tiġi żgurata minn naħa l-flessibbiltà meħtieġa għall-konsumaturi, u min-naħa l-oħra, iċ-ċertezza li dawk li jiikkreaw u l-partijiet interessati jitħallsu bil-mod ġust u trasparenti li tista’ u għandha tipprovdi d-dinja diġitali;

17.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ċċarati aktar il-parametri li fihom għandha topera d-diġitalizzazzjoni tax-xogħlijiet mhux għal kummerċ u d-disponibbiltà fl-UE kollha. Huwa mitlub, b’mod partikolari, li jiġu kkunsidrati wħud mis-soluzzjonijiet kondiviżi bejn l-awturi, il-pubblikaturi u l-kumpaniji tal-amministrazzjoni kollettiva fil-Memorandum of Understanding Key Principles on the Digitisation and Making Available of Out-of-Commerce Works  (6): pereżempju, l-applikabbiltà ta’ remunerazzjoni għad-detenturi tad-drittijiet li tħares ir-rwol kulturali u istituzzjonali tagħhom;

18.

jitlob l-involviment meħtieġ u kostanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-programm “Ewropa kreattiva” u tal-istrumenti politiċi l-oħrajn li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tuża sabiex tappoġġja l-midja awdjoviżiva Ewropea waqt li tesplora mudelli ġodda ta’ finanzjament, produzzjoni u distribuzzjoni (7).

Nadattaw l-eċċezzjonijiet għall-ambjent diġitali u għal dak transkonfinali

19.

iqis korrett li jiġi indirizzat is-suġġett tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet, sakemm kwalunkwe reviżjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tkun limitata għal każijiet speċjali li ma jmorrux kontra l-użu normali. F’dal-kuntest huwa importanti li jkun hemm eqwilibriju xieraq bejn l-interessi tad-detentur tad-drittijiet u dawk tal-konsumatur;

20.

huwa tal-fehma li l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu applikati b’mod raġonevoli u ġustifikat f’oqsma ta’ interess pubbliku kbir: i) fil-każ tal-edukazzjoni, pereżempju, l-għalliema għandhom jitħallew jużaw l-istess materjal edukattiv kemm fuq karta stampata kif ukoll b’mod diġitali; ii) fil-każ tal-aċċessibbiltà għall-kontenut għal persuni bi problemi tal-vista, għandha tissaħħaħ ir-ratifika tat-Trattat ta’ Marrakexx (8) fl-Istati Membri;

21.

jilqa’ b’riserva l-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward eċċezzjonijiet oħrajn li għandhom ikunu ppreżentati fl-2016, u b’mod partikolari jipproponi evalwazzjoni mill-ġdid ta’ dawn li ġejjin: i) tiftix fit-testi u fid-data (text-and-data mining - TDM): minkejja l-benefiċċju ċert li minnu jgawdu l-universitajiet u l-istituti tar-riċerka lokali u nazzjonali, għad fadal dubji dwar id-definizzjoni ta’ liema data għandu jsir tiftix fuqha, x’inhuma l-konsegwenzi jekk id-data eżaminata tintuża ħażin, x’riskji hemm f’termini ta’ integrità u privatezza; ii) konsultazzjoni mill-bogħod: għalkemm jeħtieġ li jiġu adattati l-infrastrutturi diġitali tal-libreriji, tal-universitajiet, eċċ., jekk wieħed jipprovdi materjal protett f’format elettroniku hemm ir-riskju li tinħoloq kompetizzjoni diretta mal-mezzi kummerċjali rispettivi. Għaldaqstant qed ikun issuġġerit, pereżempju, biex jitnaqqsu l-effetti negattivi ta’ operazzjoni bħal din, li tiddaħħal xi forma ta’ kumpens għad-detenturi tad-drittijiet li jipproteġi l-valur kulturali tax-xogħlijiet;

22.

jikkondividi l-intervent fil-livell tal-UE għal distribuzzjoni aktar effiċjenti tat-tariffi fost id-detenturi tad-drittijiet bil-għan speċifiku li tingħeleb id-diversità attwali fil-metodi ta’ impożizzjoni tat-tariffi u jingħata appoġġ lil soluzzjonijiet teknoloġiċi li, b’mod trasparenti, jgħinu fit-tqassim tad-dħul miġbur lid-detenturi tad-drittijiet rispettivi (9).

Niżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq għad-drittijiet tal-awtur

23.

jaqsam it-tħassib dejjem jikber dwar il-kapaċità tar-regoli attwali tal-UE dwar id-dritt tal-awtur li jiżguraw tqassim ugwali tal-valur iġġenerat minn xi wħud mill-forom ġodda ta’ distribuzzjoni tal-kontenuti, l-aktar meta d-detenturi tad-drittijiet ma jkunux jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-konċessjoni tal-liċenzji u lanqas ma jkunu jistgħu jinnegozjaw b’mod ġust mal-utenti potenzjali l-aktar minħabba l-iżbilanċ tal-poter tas-suq relatat tal-partijiet interessati. Għaldaqstant jixtieq li, fejn in-negozjar bejn il-partijiet ma jkunx possibbli, ikun hemm intervent leġislattiv fil-livell tal-UE bil-għan li joħloq ambjent favorevoli għall-partijiet interessati kollha, billi jippermetti pereżempju aktar garanziji kuntrattwali li jipproteġu lill-awturi u dispożizzjonijiet favur it-trasparenza;

24.

jemmen li hemm bżonn kjarifika dwar ir-rwol li għandhom il-pjattaformi onlajn li jużaw kontenuti protetti bħala parti essenzjali mill-mudell ekonomiku tagħhom (10);

25.

jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li jissaħħaħ il-wirt kulturali li għandhom ix-xogħlijiet u r-rwol essenzjali tal-awturi tagħhom, li mingħajrhom il-pjattaformi onlajn ma jkollhomx materjal fuq xiex jibbażaw in-negozju tagħhom;

26.

għaldaqstant huwa favur negozjati li jissalvagwardjaw il-bilanċ ġust bejn l-interessi leġittimi tal-awturi, il-konsumaturi u l-intermedjarji;

27.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra wkoll il-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tiftix għal soluzzjonijiet li jsaħħu ċ-ċertezza ġuridika, it-trasparenza u l-bilanċ fis-sistema li tirregola r-remunerazzjoni tal-awturi jew tal-artisti fl-UE.

Inwaqqfu sistema effiċjenti u bilanċjata li tiżgura li d-drittijiet jiġu rrispettati

28.

jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li i) tasal għal qafas ġuridiku aqwa sabiex tiżgura li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġu rrispettati, inkluż id-dritt tal-awtur u drittijiet relatati, billi jsaħħaħ l-applikazzjoni ta’ miżuri provviżorji u ta’ prekawzjoni, ii) tippromovi kodiċijiet ta’ mġiba fil-livell tal-UE, iii) taġixxi fuq il-mekkaniżmi ta’ “notifika u azzjoni” u fuq il-prinċipju tat-“tneħħija permanenti” fil-valutazzjoni globali fuq il-pjattaformi kummerċjali (11);

29.

jipproponi wkoll li jiddaħħlu miżuri mmirati sabiex, fejn ikun possibbli, jikkonvertu t-talbiet għat-tneħħija f’monetizzazzjoni tal-istess użu, sabiex jinħoloq inċentiv għad-detenturi tad-drittijiet li jaċċettaw dawk il-każijiet li ma jkunux daqstant ta’ ħsara għan-natura tax-xogħlijiet inkwistjoni.

Nippromovu viżjoni fit-tul

30.

jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li d-dritt tal-awtur ser jibqa’ importanti għall-ekonomija, is-soċjetà u l-kultura fit-tul;

31.

jaqbel li teħtieġ tweġiba tal-UE għall-ħtiġijiet ta’ aktar konverġenza bejn is-sistemi nazzjonali tal-awtur fid-dawl tat-tqarrib tas-swieq tal-kontenuti u tal-iżvilupp fl-imġiba tal-utenti, b’riżultat tal-progress teknoloġiku mgħaġġel;

32.

isostni li, anki fit-tul, huwa mixtieq allinjament tal-qafas regolatorju tal-kumpens ta’ awturi u artisti.

Nimmassimizzaw il-potenzjal tal-kummerċ elettroniku

33.

jilqa’ l-komunikazzjoni dwar il-“Kuntratti diġitali għall-Ewropa - L-isfruttar tal-potenzjal tal-kummerċ elettroniku” (12) peress li għandha l-għan li tiżgura wieħed mit-tliet għanijiet ewlenin tas-Suq Uniku diġitali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jappoġġjaw l-inizjattiva għall-promozzjoni ta’ aċċess aqwa għall-konsumaturi u l-kumpaniji għal oġġetti u servizzi onlajn fl-Ewropa u jixtiequ integrazzjoni effettiva fost l-inizjattivi kollha promossi, inkluża dik tal-modernizzazzjoni tar-regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur.

Brussell, it-8 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  CdR 5960/2013.

(2)  COR 2646/2015.

(3)  F’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, li l-UE tagħmel parti minnha.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 2.

(5)  Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable (93/83/KEE).

(6)  http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/docs/copyright-infso/20110920-mou_en.pdf.

(7)  COR 1690/2015.

(8)  It-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati għal persuni għomja, li għandhom diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, iffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ April 2014.

(9)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 2.

(10)  Direttiva 2000/31/KE.

(11)  https://ec.europa.eu/eusurvey/runner/Platforms.

(12)  COM(2015) 633 final.


Top