Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0490

    Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, b'kunsiderazzjoni tal-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti (16384/1/2010 – C7-0097/2011 – 2010/0323(NLE) – 2016/2226(INI))

    ĠU C 238, 6.7.2018, p. 51–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 238/51


    P8_TA(2016)0490

    Il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni KE-Użbekistan u l-kummerċ bilaterali tat-tessuti

    Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, b'kunsiderazzjoni tal-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti (16384/1/2010 – C7-0097/2011 – 2010/0323(NLE) – 2016/2226(INI))

    (2018/C 238/04)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (16384/1/2010),

    wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra (16388/2010),

    wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0097/2011),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni interim tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 (1) dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 (2) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

    wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet l-aktar reċenti tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Applikazzjoni ta' Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet dwar l-Użbekistan b'rabta mal-Konvenzjoni dwar il-Qerda tax-Xogħol Furzat (Konvenzjoni 105) u l-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom ta' Tħaddim tat-Tfal (Konvenzjoni 182), adottati fl-2015 u ppubblikati fl-2016 (3),

    wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0330/2016),

    A.

    billi f'Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jipposponi d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kunsens għall-Protokoll tat-Tessuti bejn l-UE u l-Użbekistan, u adotta rapport interim biex jindirizza l-allegazzjonijiet dwar l-użu tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat waqt il-ġbir tal-bjad tal-qoton fl-Użbekistan;

    B.

    billi fir-rapport interim, il-Parlament ikkonkluda li se jikkunsidra jagħti kunsens biss jekk l-osservaturi tal-ILO jkunu ngħataw aċċess mill-awtoritajiet Użbeki biex iwettqu monitoraġġ mill-qrib u mingħajr xkiel, u jkunu kkonfermaw li ġew implimentati riformi konkreti li taw riżultati sostanzjali b'tali mod li l-prattika tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal tkun verament fil-proċess li tinqered fuq livell nazzjonali, provinċjali u lokali;

    C.

    billi l-Parlament stabbilixxa djalogu regolari mal-Kummissjoni, is-SEAE, il-Gvern tal-Użbekistan, l-ILO u s-soċjetà ċivili sabiex jimmonitorja l-iżviluppi matul il-ġbir tal-bjad tal-qoton u jagħmel pressjoni fuq dawk kollha involuti biex jintemm l-użu tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat fl-Użbekistan;

    D.

    billi fl-2013 il-Gvern tal-Użbekistan awtorizza lill-ILO biex timmonitorja l-ġbir tal-bjad tal-qoton; billi mill-2013, l-ILO f'diversi okkażjonijiet wettqet monitoraġġ, inizjalment iffukat fuq it-tħaddim tat-tfal u aktar tard estiż għax-xogħol furzat u l-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ;

    E.

    billi l-kooperazzjoni bejn l-ILO u l-Gvern tal-Użbekistan ġiet estiża gradwalment, u fl-2014 l-Użbekistan sar l-ewwel pajjiż tal-Asja Ċentrali li qabel dwar Programm tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti mal-ILO;

    F.

    billi l-aħħar monitoraġġ tal-ILO matul il-ġbir tal-bjad tal-qoton fl-2015 wera li l-użu ta' tfal fil-ġbir tal-bjad tal-qoton sar rari, sporadiku u soċjalment inaċċettabbli, anke jekk hemm bżonn ta' viġilanza kontinwa (4);

    G.

    billi, skont l-ILO, filwaqt li l-għarfien dwar ix-xogħol furzat fl-Użbekistan għadu fi stadju bikri, stħarriġ imwettaq mill-ILO jindika madankollu li kważi l-ħaddiema kollha jiġbru l-bjad tal-qoton b'mod volontarju u jkollhom il-possibbiltà li jirrifjutaw li jagħmlu dan;

    H.

    billi r-rapport finali tal-2016 tal-ILO dwar il-ġbir tal-bjad tal-qoton fl-Użbekistan se jkun disponibbli fi tmiem din is-sena;

    I.

    billi l-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal fl-Użbekistan huwa proċess oġġettiv iżda li għadu għaddej li jirrikjedi sforzi, u li jeħtieġ jiġi appoġġat aktar mill-UE u mill-komunità internazzjonali, inkluż bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol;

    J.

    billi l-Gvern tal-Użbekistan adotta Pjanijiet ta' Azzjoni biex jinbidel il-proċess ta' reklutaġġ għall-ġbir tal-bjad tal-qoton u, flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u t-trade unions, ippromwova s-sensibilizzazzjoni u żviluppa mekkaniżmu ta' rispons għall-prevenzjoni tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal;

    K.

    billi l-NGOs għadhom jirrappurtaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari fil-qasam tal-ġbir tal-bjad tal-qoton, fejn jindikaw mobilizzazzjoni enormi furzata ta' studenti u impjegati pubbliċi fi żmien il-ġbir tal-bjad tal-qoton, kif ukoll ksur tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, b'mod partikolari interrogazzjonijiet ta' ċittadini li jirrappurtaw dwar il-ġbir, persekuzzjoni regolari u fastidju lil difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tas-soċjetà ċivili, u l-imblukkar ta' gruppi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u stabbilimenti tal-midja li joperaw fil-pajjiż;

    L.

    billi l-mewt għal għarrieda tal-President Islom Karimov m'għandhiex ikollha impatt fuq il-kontinwità tal-proċess li għaddej biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-għelieqi tal-qoton fl-Użbekistan;

    1.

    Jenfasizza l-importanza tal-azzjoni meħuda mill-Gvern tal-Użbekistan biex jawtorizza lill-ILO timmonitorja l-ġbir tal-bjad tal-qoton u jimpenja ruħu f'kooperazzjoni wiesgħa mal-ILO permezz tal-Programm tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti;

    2.

    Jilqa' l-progress sostanzjali li sar fl-Użbekistan mill-2013 'l hawn, inkluża l-adozzjoni ta' liġijiet li jipprojbixxu l-użu tat-tħaddim tat-tfal, u b'hekk inkisbet l-eliminazzjoni kważi totali tat-tħaddim tat-tfal; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet biex jinvolvu ruħhom ulterjorment f'kampanja ta' sensibilizzazzjoni madwar il-pajjiż għall-eliminazzjoni totali tat-tħaddim tat-tfal;

    3.

    Japprezza l-fatt li sar progress fl-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u li dan qed isir mill-Gvern tal-Użbekistan anke f'kooperazzjoni mal-ILO; jisħaq madankollu, li għadhom jeżistu mezzi sottili ta' xogħol involontarju, li dan il-proċess huwa kumpless u li jeħtieġ, fost l-oħrajn, riforma tal-politiki dwar l-impjiegi;

    4.

    Huwa tal-opinjoni li, fid-dawl ta' dawn l-isforzi mill-Gvern tal-Użbekistan, il-Parlament għandu jagħti l-kunsens tiegħu għall-Protokoll tat-Tessuti bejn l-UE u l-Użbekistan; huwa tal-fehma li tali approvazzjoni se tikkostitwixxi sinjal pożittiv ta' inkoraġġament lill-Gvern tal-Użbekistan biex ikompli bl-isforzi tiegħu lejn l-eliminazzjoni totali tat-tħaddim tat-tfal u tal-forom kollha l-oħra ta' xogħol furzat, barra milli tissaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni mal-UE;

    5.

    Jilqa' favorevolment il-fatt li l-Federazzjoni tat-Trejdjunjins tal-Użbekistan issieħbet mal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali bħala membru assoċjat f'Ottubru 2015; jissottolinja r-rwol li qegħdin jiżvolġu t-trade unions Użbeki biex jiżguraw kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti u jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema; jistieden lill-Gvern tal-Użbekistan jikkoopera bis-sħiħ mat-trade unions f'dan ir-rigward; jinkoraġġixxi lit-trade unions Użbeki jintensifikaw ir-rwol tagħhom fl-isforz biex jeliminaw totalment ix-xogħol furzat;

    6.

    Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti tal-osservaturi indipendenti b'rabta mal-mobilizzazzjoni ta' ċittadini mmexxija mill-istat, inkluż ix-xogħol furzat ta' impjegati pubbliċi u studenti, fil-ħidma ta' qabel il-ġbir fl-2016;

    7.

    Jagħmel appell lill-president Użbek sabiex jintroduċi mudell tad-drittijiet tal-bniedem ġdid billi jtemm minnufih l-użu kontinwu tax-xogħol furzat u tat-tħaddim tat-tfal fil-ġbir tal-bjad tal-qoton;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprovdu lill-Parlament regolarment b'informazzjoni dettaljata dwar is-sitwazzjoni fl-Użbekistan, speċjalment rigward l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat; jiddeċiedi li jkompli jissorvelja l-iżviluppi fl-Użbekistan u li jorganizza djalogu regolari mal-ILO, il-Kummissjoni, is-SEAE u partijiet interessati oħra mmirat lejn l-eliminazzjoni totali tax-xogħol furzat u tat-tħaddim tat-tfal fl-Użbekistan;

    9.

    Jirrikonoxxi li biex jintlaħaq dan l-għan se jibqa' jkun hemm bżonn ta' taħlita ta' djalogu u kooperazzjoni, kif ukoll pressjoni kontinwa fuq il-Gvern tal-Użbekistan mill-Unjoni, l-ILO u l-Bank Dinji; iżomm id-dritt li jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jattivaw l-Artikoli 2 u 95 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni sabiex jittieħdu l-miżuri ġenerali u speċifiċi neċessarji kollha jekk l-impenn għall-qerda tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat ma jiġix irrispettat;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lid-delegazzjoni tal-UE f'Tashkent jikkontribwixxu permezz ta' djalogu politiku u programmi ta' assistenza għal riformi strutturali fl-Użbekistan, fosthom iż-żieda fir-rimunerazzjoni għal dawk li jiġbru l-bjad tal-qoton, il-mekkanizzazzjoni, u aktar trasparenza baġitarja fuq id-dħul mill-ġbir tal-bjad tal-qoton;

    11.

    Huwa tal-fehma li l-Programm tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti għandu jiġi estiż lil hinn mill-2016 u għandu jiġi approfondit sabiex jitqiesu l-immodernizzar tal-ekonomija Użbeka, it-titjib fil-politika dwar l-impjiegi f'oqsma bħas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ispezzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li jittieħed kont tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa' f'dan ir-rigward, id-Digriet Governattiv tal-Użbekistan Nru 909 (bid-data tas-16 ta' Novembru 2015) li għandu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-impjieg u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema fis-settur agrikolu fil-perjodu 2016–2018;

    12.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza mogħtija mill-UE matul dawn l-aħħar snin, iffukata fuq l-istat tad-dritt u l-ġudikatura, u li għandha l-għan li tagħti bidu għal riformi u tissemplifika l-operat tal-Parlament Użbek, trid issarraf f'riżultati konkreti;

    13.

    Jemmen li l-għajnuna tal-UE lill-Użbekistan għandha wkoll tkun immirata biex fil-pajjiż tonqos is-sistema fardgħalla tal-qoton u tonqos id-dipendenza tiegħu fuq l-esportazzjoni billi tiġi diversifikata l-ekonomija, fatt li jaf itaffi gradwalment is-sitwazzjoni ambjentali diżastruża, partikolarment fir-rigward ta' dak li fadal mill-Baħar ta' Aral u mit-tributarji tiegħu;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta l-inizjattiva ewlenija tal-UE dwar ġestjoni responsabbli tal-katina tal-provvista fis-settur tal-ilbies, bi proposta biex tissaħħaħ it-trasparenza tal-katina tal-provvista; ifakkar fl-importanza tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà mniedi fl-2013 u jissottolinja li din it-tip ta' inizjattiva tista' sservi bħala bażi għall-elaborazzjoni ta' azzjonijiet ġodda bi sħubija ma' pajjiżi terzi bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta' titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza fis-settur tal-ħwejjeġ;

    15.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Użbekistan biex jaħdem favur ir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tas-27 konvenzjoni internazzjonali ewlenin kollha tal-SĠP +, sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal preferenzi tariffarji SĠP+;

    16.

    Jenfasizza li fl-2009 u l-2010 l-Kunsill neħħa s-sanzjonijiet tal-UE bil-ħsieb li l-awtoritajiet Użbeki jiġu mħeġġa jieħdu passi sostantivi ulterjuri biex itejbu s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-post, u ddikjara wkoll li l-Kunsill ser josserva mill-qrib u kontinwament is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan u li s-sustanza u l-kwalità tad-djalogu u l-kooperazzjoni ser jiddependu mir-riformi […] li l-Użbekistan iwettaq;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jimmonitorjaw it-tranżizzjoni politika fl-Użbekistan u jipprovdu lill-Parlament fuq bażi regolari, b'informazzjoni dwar dan il-proċess;

    18.

    Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-SEAE u lill-Istati Membri jużaw il-perjodu ta' tranżizzjoni bħala okkażjoni biex issir pressjoni favur titjib konkret u li jista' jitkejjel fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem matul ix-xhur li ġejjin; jissottolinja li fost it-titjib konkret għandu jkun hemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE fl-2010;

    19.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-settur tat-tessuti, partikolarment il-produzzjoni tal-qoton, huwa s-settur prinċipali tal-kummerċ bejn l-UE u l-Użbekistan; jenfasizza f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tisfrutta bis-sħiħ l-estensjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) sabiex tiżgura li l-awtoritajiet Użbeki jkunu impenjati fi proċess ta' tranżizzjoni, wara l-mewt għal għarrieda tal-president, li jwassal għal governanza aħjar, tisħiħ tal-istat tad-dritt, riformi demokratiċi u titjib sostanzjali fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

    20.

    Itenni l-impenn tal-Unjoni li tkompli u tapprofondixxi r-relazzjonijiet mal-Użbekistan, u li dan jirrikjedi rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jistieden lill-Gvern tal-Użbekistan joħloq aktar spazju għas-soċjetà ċivili indipendenti, jieħu aktar inkunsiderazzjoni t-tħassib tal-NGOs Użbeki u internazzjonali, u jissodisfa l-impenji tiegħu skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura;

    21.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon it-tħabbira ta' proposta għal amnestija fl-okkażjoni tal-24 anniversarju tal-Kostituzzjoni Użbeka; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki biex f'dan il-ġest jinkludu l-ħelsien mill-ħabs ta' dawk kollha li ntbagħtu l-ħabs fuq akkużi politikament motivati, it-titjib tal-kundizzjonijiet tagħhom fil-kustodja u t-tmiem taċ-ċiklu ta' repressjonijiet, arresti u kundanni; jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Użbekistan jintensifika l-involviment tiegħu fl-istituzzjonijiet internazzjonali, anki bis-saħħa tal-11-il proċedura speċjali stabbiliti mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC) (5);

    22.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-gvern u l-parlament tal-Repubblika tal-Użbekistan.

    (1)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 195.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0489.

    (3)  Rapport tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Applikazzjoni ta' Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet – Applikazzjoni ta' Standards Internazzjonali tax-Xogħol 2016 – RAPPORT III (Taqsima 1A)

    (4)  Rapport tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Applikazzjoni ta' Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet – Applikazzjoni ta' Standards Internazzjonali tax-Xogħol 2016 – RAPPORT III (Taqsima 1A), p. 218.

    (5)  Il-11-il proċedura speċjali huma deskritti f'dan l-indirizz http://spinternet.ohchr.org/_Layouts/SpecialProceduresInternet/ViewCountryVisits.aspx?Lang=en&country=UZB. Għal ħarsa ġenerali tal-proċeduri speċjali tal-UNHRC, ikkonsulta l-indirizz http://www.ohchr.org/en/HRBodies/SP/Pages/Welcomepage.aspx.


    Top