Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0108

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji (2015/2060(INI))

    ĠU C 58, 15.2.2018, p. 76–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 58/76


    P8_TA(2016)0108

    Ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji (2015/2060(INI))

    (2018/C 058/08)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri previst fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 121 u 138 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 14 tat-TFUE dwar il-Grupp tal-Euro,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-governanza ekonomika u tal-qafas ta' stabilità tal-Unjoni, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-UE bħala attur globali: ir-rwol tagħha fl-ambitu tal-organizzazzjonijiet multilaterali (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-governanza ekonomika globali (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika: analiżi u sfidi (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali (5),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-25 ta' Frar 2009 tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE (ir-rapport de Larosière),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Ħames Presidenti ta' Ġunju 2015 li appella għall-konsolidazzjoni tar-rappreżentanza esterna tal-euro,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0027/2016),

    A.

    billi l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li hija essenzjali għall-allokazzjoni effikaċi tar-riżorsi għat-tkabbir u l-impjiegi, hija beni pubbliku dinji;

    B.

    billi l-interdipendenza li qed tiżdied bejn l-ekonomiji madwar id-dinja toħloq il-ħtieġa ta' bidla lejn forom ta' governanza dejjem aktar globali;

    C.

    billi jekk l-UE ma tkunx kapaċi titkellem b'vuċi waħda f'istituzzjonijiet/korpi internazzjonali, il-vuċijiet Ewropej kollha għandhom ikunu kkoordinati biex il-governanza globali tissawwar skont l-objettivi u l-valuri tat-trattati tal-UE;

    D.

    billi l-UE għandha tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' qafas demokratiku sabiex tlaħħaq mal-isfidi globali;

    E.

    billi l-kooperazzjoni globali tista' twassal għal dilwizzjoni tar-responsabbiltajiet u nuqqas ta' responsabbiltà askapitu tad-demokrazija; billi l-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew m'għandhomx jiġu ridotti għal rwol ta' sempliċi approvazzjoni iżda jridu jiġu inkorporati, b'mod attiv u komprensiv, fil-proċess kollu tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

    F.

    billi l-istituzzjonijiet/il-korpi internazzjonali eżistenti, bl-istrutturi ta' governanza u l-oqsma ta' kompetenza partikolari tagħhom, inħolqu b'risposta għal sitwazzjonijiet speċifiċi differenti tul l-istorja; billi dan wassal għal kumplessità, u xi kultant għal duplikazzjoni tal-kompiti, u għal sistema li tista' tkun opaka u nieqsa minn koordinazzjoni ġenerali;

    G.

    billi l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (6), skont liema ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, għandhom japplikaw għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li jipparteċipaw f'organizzazzjonijiet/korpi internazzjonali;

    H.

    billi t-Trattati jiddisponu li kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom (Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali); billi l-istess livell ta' trasparenza għandu japplika għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li jipparteċipaw f'organizzazzjonijiet u fora internazzjonali, speċjalment meta jiġu stabbiliti regoli li jaffettwaw liċ-ċittadini tal-UE;

    I.

    billi d-diversità tal-istrutturi ġuridiċi u l-proċeduri finanzjarji u operattivi tal-organizzazzjonijiet/korpi ekonomiċi internazzjonali (7) tagħmilha diffiċli li jsir monitoraġġ ġenerali, għalkemm il-konsistenza fil-proċeduri finanzjarji u operattivi hija fundamentali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fil-livell internazzjonali; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) huma organizzazzjonijiet internazzjonali ġenwini, stabbiliti permezz ta' konvenzjonijiet, b'kompożizzjoni u kompiti wiesa', filwaqt li l-G20, il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) u l-Kumitat ta' Basel, pereżempju, huma fost il-korpi pubbliċi informali bi sħubija limitata, li wħud minnhom ibbenefikaw minn impetu ġdid wara l-kriżi, u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO), l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni (IAIS), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Pensjonijiet (IOPS) u l-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) huma assoċjazzjonijiet privati ta' natura teknika u settorjali li jinvolvu, min aktar u min inqas, lis-setturi kkonċernati;

    J.

    billi diġà qed iseħħu għadd ta' skambji informali bejn il-Parlament Ewropew u wħud minn dawn l-organizzazzjonijiet/korpi, iżda dawn mhumiex sistematiċi;

    K.

    billi t-trasparenza hija importanti għad-demokrazija, filwaqt li l-protezzjoni ta' informazzjoni sensittiva għas-suq trid titqies kif xieraq;

    L.

    billi l-kriżi wasslet lill-G20 biex jistabbilixxi aġenda globali li tiffoka fuq sett effikaċi ta' riformi speċifiċi, filwaqt li fuq perjodu twil ta' żmien qafas multilaterali u demokratiku ġenwin huwa essenzjali għal-leġittimità tiegħu;

    M.

    billi r-rwoli rispettivi tal-banek u tas-swieq fil-finanzjament tal-ekonomija jvarjaw minn pajjiż għal ieħor;

    N.

    billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet fl-2008 enfasizzat nuqqas impressjonanti ta' governanza ekonomika u finanzjarja fid-dinja; billi għadd kbir ta' kwistjonijiet makroekonomiċi jeħtieġu koordinazzjoni akbar, partikolarment fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' taxxa; billi, għaldaqstant, l-għan komuni tal-partijiet ikkonċernati kollha għandu jkun li jfasslu qafas komprensiv li jipprovdi stabbiltà finanzjarja, u li jiżguraw konsistenza bejn il-livell globali u dak lokali;

    O.

    billi l-ħolqien ta' korpi superviżorji ġodda tal-UE m'għandux jimplika awtomatikament żieda fl-għadd ta' rappreżentanti tal-UE, li jista' jkollha effetti mhux demokratiċi, bħal probabbiltà akbar ta' mblukkar tal-minoranzi u ansjetà fost is-sħab tal-UE;

    P.

    billi l-FMI ddeċieda li jinkludi r-renminbi fil-basket ta' muniti li jikkostitwixxu d-Dritt Speċjali ta' Prelevament tal-FMI; billi dan irriżulta fi tnaqqis tal-piż kemm tal-euro kif ukoll tal-lira sterlina, iżda ma rriżulta fl-ebda bidla fil-piż tad-dollaru Amerikan; billi dan jenfasizza l-ħtieġa ta' vuċi Ewropea aktar b'saħħitha;

    1.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni regolatorja internazzjonali msaħħa, b'involviment qawwi tal-PE;

    2.

    Huwa preokkupat dwar in-nuqqas ta' koerenza kkawżat mill-frammentazzjoni u d-diversità tad-diversi organizzazzjonijiet/korpi u dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni rigward ir-regoli u l-orjentazzjonijiet miftiehma f'livell internazzjonali;

    3.

    Jitlob kjarifika fir-rigward tal-qasam ta' kompetenza ta' kull organizzazzjoni/korp u tal-modi kif dawn joperaw u jiġu ffinanzjati, inklużi kontribuzzjonijiet volontarji, rigali u donazzjonijiet, sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm interessi personali u tkun żgurata l-legalità tad-deċiżjonijiet;

    4.

    Jitlob koerenza u koordinazzjoni aħjar tal-politika fost l-istituzzjonijiet globali permezz tal-introduzzjoni ta' standards komprensivi ta' leġittimità demokratika, trasparenza, responsabbiltà u integrità; iqis li dan għandu jikkonċerna, inter alia:

    ir-relazzjonijiet mal-pubbliku (pereżempju l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, djalogu miftuħ mad-diversi partijiet ikkonċernati, l-istabbiliment ta' reġistri ta' trasparenza mandatorji u regoli dwar it-trasparenza tal-laqgħat tal-lobbies);

    ir-regoli interni (pereżempju riżorsi umani bbażati fuq il-ħiliet, il-ġestjoni finanzjarja tajba, il-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess);

    5.

    Iqis li s-sottorappreżentanza tal-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-parti l-kbira tal-istituzzjonijiet u l-korpi finanzjarji, monetarji u regolatorji internazzjonali qed toħloq żbilanċ u li, b'konsegwenza, hemm ir-riskju li l-kwistjonijiet marbuta mal-inugwaljanzi jew mal-finanzjament tal-pajjiżi l-aktar foqra ma jiġux indirizzati kif suppost;

    6.

    Iqis li, minbarra d-disparità ġeografika fir-rappreżentanza, hemm ukoll ċerti setturi – b'mod partikolari s-soċjetà ċivili, l-SMEs, ir-rappreżentanti tal-konsumatur u r-rappreżentanti tal-impjegati – li l-involviment tagħhom fil-proċess ta' konsultazzjoni jista' jittejjeb fid-diskussjonijiet internazzjonali li jirrigwardaw il-korpi finanzjarji, monetarji u regolatorji; iqis li huwa d-dmir ta' dawk il-korpi u s-setturi li jaħdmu biex is-sitwazzjoni tittejjeb;

    7.

    Huwa tal-fehma li l-UE għandha tissemplifika u tikkodifika r-rappreżentanza tagħha f'organizzazzjonijiet/korpi multilaterali bl-għan li żżid it-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-involviment tal-Unjoni f'dawn il-korpi, l-influwenza tagħha u l-promozzjoni tal-leġiżlazzjoni li adottat permezz ta' proċess demokratiku; barra minn hekk, iqis li l-UE għandha ssir attur globali aktar proattiv biex jiġu żgurati l-impenji futuri tal-G20, bħat-trasformazzjoni ta-sistema bankarja parallela, l-implimentazzjoni tar-riformi tad-derivattivi barra l-Borża (OTC), l-indirizzar tar-riskji sistemiċi u l-iżgurar li riskji emerġenti għall-ekonomija globali jiġu inklużi fl-aġenda tal-istituzzjoni globali rilevanti;

    8.

    Jistieden lill-atturi Ewropej jinkludu enfasi akbar fuq il-kompetittività globali tas-setturi finanzjarji tal-UE fit-tfassil ta' politiki fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali;

    9.

    Ifakkar li l-UE għandha tfittex sħubija sħiħa ta' istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali meta din tkun għadha ma ngħatatx u tkun xierqa (eż. fil-każijiet tal-OECD u l-FMI); jitlob li l-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali rilevanti jagħmlu l-bidliet statutorji meħtieġa kollha biex jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-UE;

    10.

    Jikkunsidra bħala ta' detriment għall-Unjoni l-każijiet li fihom rappreżentanti ta' Stat Membru jew ta' awtorità nazzjonali jieħdu, f'organizzazzjoni/korp globali, pożizzjonijiet kuntrarji għad-deċiżjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji Ewropej adottati demokratikament b'maġġoranza; jappella, għaldaqstant, biex il-koordinazzjoni bejn dawn ir-rappreżentanti tissaħħaħ u ssir aktar effikaċi, pereżempju permezz ta' mekkaniżmi aktar vinkolanti;

    11.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni, meta tkun qed tirrappreżenta lill-Unjoni kollha f'korp jew organizzazzjoni internazzjonali jew timmonitorja korp privat ta' natura teknika, tinżamm responsabbli b'mod aktar dirett quddiem iċ-ċittadini; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-Parlament f'dan il-proċess;

    12.

    Iqis li l-prijoritajiet tal-organizzazzjonijiet u l-gruppi ta' ħidma relatati għandhom jiġu ċċarati u stabbiliti formalment; huwa tal-fehma li r-rikors sistematiku għall-kunsens mhux biss jista' jnaqqas id-deliberazzjonijiet iżda jista' wkoll jiddilwixxi s-sustanza tar-rakkomandazzjonijiet, u li l-kompożizzjoni tal-organizzazzjonijiet trid tirrifletti d-diversità tagħhom f'termini finanzjarji, ekonomiċi u superviżjorji;

    13.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu evalwazzjonijiet ex ante meta jiġu żviluppati politiki regolatorji u superviżorji u politiki oħra tas-settur finanzjarju f'livell globali; iqis li tali evalwazzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi politiċi tal-koleġiżlaturi;

    14.

    Huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet min-naħa tad-diversi pajjiżi involuti għadha insuffiċjenti biex tagħti kontribut lill-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fil-livell globali;

    15.

    Jinnota li l-FSB issa qiegħed jaħdem fuq l-iżvilupp ta' standards fis-settur tal-assigurazzjoni; jirrikonoxxi li l-IAIS qiegħda tiżvolġi rwol importanti fil-politika tal-assigurazzjoni globali, iżda jenfasizza li l-involviment tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) jkollu l-vantaġġ li jsaħħaħ il-kontribut tal-kompetenza Ewropea speċifika għall-assigurazzjoni u jiżgura li l-istandards żviluppati fil-livell globali ma jmorrux kontra l-loġika li l-UE kienet l-ewwel waħda li żviluppatha;

    16.

    Jilqa' l-ħidma li saret mill-OECD dwar kwistjonijiet ta' taxxa, speċjalment il-proġett tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS); iqis li l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni huwa l-isfida l-ġdida li jmiss; jenfasizza li l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li huma membri tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) għandha tittejjeb sabiex l-UE ssemma' leħinha;

    17.

    Iqis b'mod favorevoli r-rieda tal-President tal-BĊE li jkompli jikkoopera mal-Parlament rigward ir-rwol tal-BĊE fi kwistjonijiet bankarji, b'mod partikolari fil-qafas ta' korpi globali li jistabbilixxu l-istandards, bħall-FSB;

    18.

    Jilqa' l-arranġamenti organizzattivi miftiehma bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro li huma membri tal-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura, li jieħdu l-forma ta' siġġu wieħed fuq il-Bord ta' Gvernaturi li jirrapreżenta lil dawk il-membri taż-żona tal-euro;

    19.

    Għaldaqstant, jagħmel il-proposti li ġejjin:

    Jistieden lill-Kummissjoni tislet mill-aħjar prattiki eżistenti fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali sabiex tabbozza kodiċi ta' kondotta Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà, imfassal biex tingħata direzzjoni lill-azzjonijiet tar-rappreżentanti tal-UE f'organizzazzjonijiet/korpi internazzjonali; jitlob li l-Parlament ikun assoċjat mill-qrib fil-proċess tal-abbozzar;

    Jenfasizza b'mod partikolari l-preokkupazzjonijiet tiegħu rigward l-istatut, il-finanzjament u l-operat ta' dawk l-organizzazzjonijiet/korpi, l-interazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet, il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku, il-komunikazzjoni tagħhom u l-aċċess għad-dokumenti tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ ġust tal-interessi, inklużi l-NGOs b'kompetenza teknika adegwata u b'mezzi finanzjarji adegwati, sabiex tissaħħaħ il-vuċi tas-soċjetà ċivili;

    Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji Ewropej, kif ukoll lill-Istati Membri, biex jippromwovu r-responsabbiltà ta' kull rappreżentant Ewropew lejn korpi eletti demokratikament;

    Jitlob li jiġi adottat ftehim interistituzzjonali bl-għan tal-formalizzazzjoni ta' “djalogu finanzjarju”, li għandu jiġi organizzat mal-Parlament Ewropew bl-għan li jiġu stabbiliti linji gwida rigward l-adozzjoni u l-koerenza tal-pożizzjonijiet Ewropej qabel negozjati internazzjonali ewlenin, filwaqt li jkun żgurat li dawn il-pożizzjonijiet ikunu diskussi u magħrufa ex ante u jiġi żgurat segwitu, filwaqt li l-Kummissjoni tirrapporta lura regolarment dwar l-applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida u l-iskrutinju; jipproponi li l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u, meta jkun xieraq, il-kapijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati, jiġu mistiedna jattendu; iqis li n-natura (pubblika jew bil-magħluq) u l-frekwenza ta' dan id-djalogu jkunu jiddependu fuq rekwiżiti prattiċi; huwa tal-fehma li l-involviment attiv tal-parlamenti nazzjonali fil-livelli rispettivi tagħhom, billi jikkontrollaw il-pożizzjonijiet meħuda mir-rappreżentanti tal-Istati Membri kkonċernati, huwa meħtieġ ukoll;

    Iqis li dawn il-linji gwida aktar dettaljati jistgħu jiġu kkomplementati b'riżoluzzjonijiet “ta' gwida” proattivi, li jiġu adottati mill-Parlament bi frekwenza xierqa, li jiddefinixxu l-fehma tiegħu dwar l-orjentazzjoni politika ġenerali;

    Josserva li, f'oqsma li fihom il-Parlament Ewropew huwa koleġiżlatur mal-Kunsill, id-djalogu jservi biex jiġi definit il-mandat ta' nnegozjar tagħhom, filwaqt li jgħaqqad il-pożizzjonijiet Ewropej dwar leġiżlazzjoni adottata b'maġġoranza jew jevita inkonsistenzi mal-leġiżlazzjoni li għad trid tiġi adottata;

    Jistieden lir-rappreżentanti Ewropej biex, fin-negozjati internazzjonali, jagħtu attenzjoni partikolari lill-koerenza u l-konsistenza bejn rekwiżiti/standards internazzjonali u leġiżlazzjoni adottata u vinkolanti tal-UE, kif ukoll lill-konformità sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fil-livell internazzjonali;

    Jappella biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni quddiem il-Parlament Ewropew billi jiġi ssemplifikat il-proċess għad-definizzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE fil-laqgħat tal-G20 f'oqsma ta' politika relatati mal-impjiegi, l-enerġija, il-kummerċ, l-iżvilupp u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw mingħajr dewmien mad-dispożizzjonijiet ta' kooperazzjoni leali;

    Jistieden lill-Istati Membri jaċċettaw ir-rappreżentanza tal-Unjoni Bankarja fil-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja permezz tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku;

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-programm ta' ħidma tagħha, tinkludi d-dimensjoni esterna tar-regolamentazzjoni ekonomika u finanzjarja, jiġifieri, ix-xogħol mistenni li jseħħ f'istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u, sabiex tissaħħaħ il-koerenza tal-politika interna, twaqqaf grupp ta' ħidma dwar il-governanza ekonomika globali u l-istituzzjonijiet finanzjarji;

    Jieħu nota tal-inizjattiva tal-Kummissjoni biex isir progress lejn rappreżentanza unika taż-żona tal-euro fl-FMI; iqis li jeħtieġ li dan isir mingħajr preġudizzju għal kostitwenza unika tal-Unjoni Ewropea fil-futur;

    Ifakkar li, skont il-Protokoll Nru 14 tat-Trattat, koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro hija r-responsabbiltà tal-Grupp tal-Euro, li n-natura tiegħu hija temporanja u informali sa ma l-euro ssir il-munita tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni; iqis li t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-Grupp tal-Euro jistgħu jittejbu; huwa favur li, skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 (8), li jifformula rakkomandazzjonijiet inkrementali għall-unjonijiet bankarji, ekonomiċi, fiskali u politiċi, għandha tinstab soluzzjoni aktar formali u perenni; ifakkar li l-indipendenza tar-rwol tal-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji trid tiġi msaħħa u tkun akkumpanjata b'mekkaniżmi b'saħħithom ta' responsabbiltà vis-à-vis kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill;

    Iqis li, lil hinn mill-każ uniku tal-FMI, is-semplifikazzjoni progressiva tar-rappreżentanza tal-UE għandha tiġi implimentata fis-snin li ġejjin, l-ewwel permezz ta' koordinazzjoni mtejba u mbagħad, wara valutazzjoni, permezz tal-unifikazzjoni tas-sedi; jemmen li s-sħubija f'dawn l-organizzazzjonijiet u l-korpi għandha tiġi allokata skont il-kompetenzi rispettivi tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), il-Kunsill/Grupp tal-Euro u l-awtoritajiet nazzjonali; huwa tal-fehma li l-UE għandha taħdem b'mod parallel fuq il-funzjonament ta' dawk l-organizzazzjonijiet u l-korpi bl-għan li sseħħ bidla mis-sistema ta' kunsens għal waħda li tipprevedi votazzjoni b'maġġoranza peżata;

    Jissottolinja li huwa d-dmir tal-Kummissjoni, tal-Kunsill, jew, meta jkun xieraq, tal-Grupp tal-Euro, li jsaħħu l-koordinazzjoni permezz ta' laqgħat ta' tħejjija; iqis li, jekk ikun meħtieġ, għandhom jiġu stabbiliti gruppi ta' ħidma ġodda ad hoc tal-Kunsill fuq il-mudell tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF), il-Grupp ta' Ħidma dwar kwistjonijiet tal-FMI (SCIMF), il-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-euro (EWG) u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika (KPE);

    Jappella għal valutazzjoni bir-reqqa taż-żewġ sedi separati li attwalment huma allokati lill-Kunsill Ewropew u lill-Presidenzi tal-Kummissjoni fil-laqgħat tal-G20, sabiex jiġi determinat sa liema punt dan l-arranġament inaqqas il-kredibbiltà esterna tal-UE, b'mod partikolari fid-dawl tal-eżistenza ta' suq uniku tas-servizzi finanzjarji; iqis li, bl-għan li titħeġġeġ il-konverġenza tal-Istati Membri rrappreżentati individwalment, jista' jsir titjib differenti li għandu jgħin biex tinkiseb koordinazzjoni effikaċi qabel il-laqgħat u biex titrawwem vuċi Ewropea b'saħħitha f'dawn il-laqgħat;

    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jippromwovu l-istabbiliment ta' pjan direzzjonali lejn il-ħolqien ta' organizzazzjoni finanzjarja globali bbażata fuq it-trattati, skont il-linji suġġeriti mir-rapport de Larosière, b'setgħat ta' rakkomandazzjoni mifruxa, negozjar ta' standards minimi vinkolanti, mekkaniżmi multilaterali għas-soluzzjoni tat-tilwim u, meta jkun xieraq, sanzjonijiet; jemmen li l-esperjenza miksuba, partikolarment fis-settur kummerċjali permezz tad-WTO, tista' tintuża biex jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi multilaterali għas-soluzzjoni tat-tilwim imsemmija hawn fuq; jenfasizza li l-organizzazzjoni proposta għandha tkun soġġetta għall-ogħla standards ta' trasparenza u responsabbiltà;

    Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tingħata mandat espliċitu biex trawwem impetu ġdid għall-promozzjoni tal-multilateraliżmu fir-rigward tal-kooperazzjoni finanzjarja, monetarja u regolatorja internazzjonali;

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe proposta leġiżlattiva finanzjarja tal-UE tkun komplementari għall-azzjonijiet fil-livell globali;

    20.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 41.

    (2)  ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 66.

    (3)  ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 51.

    (4)  Testi adottati, P8_TA(2015)0238.

    (5)  Testi adottati, P8_TA(2015)0268.

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (7)  Il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, it-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ukoll għandhom funzjoni ta' regolamentazzjoni; il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) tiżvolġi rwol sinifikanti fil-governanza ekonomika globali; il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (ADB), il-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB), il-Bank tal-Iżvilupp tal-Karibew (CDB), il-Bank ta' Żvilupp tal-Afrika tal-Punent (WADB), il-Bank Interamerikan tal-Iżvilupp (IDB), il-Korporazzjoni Interamerikana tal-Investiment (IIC), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), il-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB), il-Grupp tal-Bank Dinji, il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (IBRD), l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp (IDA), il-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali (IFC) u l-Aġenzija Multilaterali għall-Garanzija ta' Investiment (MIGA) isostnu l-finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

    (8)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro bit-titolu “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” (ĠU C 419, 16.12.2015, p. 48).


    Top