This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016IP0100
European Parliament resolution of 12 April 2016 on Fisheries aspects within the international agreement on marine biodiversity in areas beyond national jurisdiction, United Nations Convention on the Law of the Sea (2015/2109(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar l-aspetti relatati mas-sajd fl-ambitu tal-ftehim internazzjonali dwar il-bijodiversità tal-baħar fiż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (2015/2109(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar l-aspetti relatati mas-sajd fl-ambitu tal-ftehim internazzjonali dwar il-bijodiversità tal-baħar fiż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (2015/2109(INI))
ĠU C 58, 15.2.2018, p. 2–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.2.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 58/2 |
P8_TA(2016)0100
Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar: l-aspetti relatati mas-sajd
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar l-aspetti relatati mas-sajd fl-ambitu tal-ftehim internazzjonali dwar il-bijodiversità tal-baħar fiż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (2015/2109(INI))
(2018/C 058/01)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) u ż-żewġ ftehimiet ta' implimentazzjoni tagħha: it-Taqsima XI Ftehim ta' Implimentazzjoni u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (UNFSA), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-iżvilupp ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar ta' żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali (ABNJ), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Rio de Janeiro fl-2012, intitolata “Il-Futur li Rridu”, |
— |
wara li kkunsidra r-rapporti tal-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc Informali u Miftuħ, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) u l-Miri tal-Bijodiversità Aichi adottati mill-partijiet fil-KDB, u b'mod partikolari l-Miri 6, 10 u 11, |
— |
wara li kkunsidra l-Kriterji u l-Gwida Xjentifika tal-Azores tal-2009 għall-identifikazzjoni ta' żoni tal-baħar ekoloġikament jew bijoloġikament sinifikanti (EBSA) u t-tfassil ta' netwerks rappreżentattivi ta' żoni protetti tal-baħar fl-ibħra miftuħa tal-oċeani u ħabitats tal-baħar fond tal-KDB, |
— |
wara li kkunsidra l-proċess tal-KDB għad-deskrizzjoni tal-EBSAs, li diġà wassal għad-deskrizzjoni ta' 204 żoni li jissodisfaw il-kriterji, li ħafna minnhom jinsabu f'ABNJ, |
— |
wara li kkunsidra li filwaqt li EBSAs ġew deskritti fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan, fil-Paċifiku tal-Lvant Tropikali u Moderat, fit-Tramuntana tal-Paċifiku, fix-Xlokk tal-Atlantiku, fl-Artiku, fil-Majjistral tal-Atlantiku, fil-Mediterran, fil-Punent tan-Nofsinhar tal-Paċifiku, fiż-żona estiża tal-Karibew u fil-Punent tal-Atlantiku Ċentrali, reġjuni oħra għadhom mhumiex koperti, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, l-Aġenda 21, il-Programm għal Aktar Implimentazzjoni tal-Aġenda 21, il-Pjan ta' Implimentazzjoni tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (id-Dikjarazzjoni ta' Johannesburg dwar Żvilupp Sostenibbli u l-Pjan ta' Implimentazzjoni), |
— |
wara li kkunsidra il-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) adottat f'Ottubru 1995 mill-Konferenza tal-FAO u l-istrumenti assoċjati tiegħu, b'mod partikolari l-Ftehim tal-1995 li jippromwovi l-Konformità mal-Miżuri Internazzjonali ta' Konservazzjoni u Ġestjoni mill-Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Miftuħa, |
— |
wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli (UNGA A/RES/70/1 adottata fl-2015), u l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 14 għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għal żvilupp sostenibbli, |
— |
wara li kkunsidra l-Għan 14 tal-programm ta' żvilupp sostenibbli tan-NU, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0042/2016), |
A. |
billi l-baħar ikopri 71 % ta' wiċċ id-Dinja u fih 97 % tal-ilma tal-pjaneta; billi l-baħar jospita parti sinifikanti tal-bijodiversità tad-dinja li parti kbira minnha għadha mhijiex esplorata; |
B. |
billi huwa stmat li 64 % tal-baħar, b'mod partikolari l-ibħra miftuħa u qiegħ il-baħar fond, huma żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali tal-istati u huma regolati mid-dritt internazzjonali; |
C. |
billi l-oċean għandu rwol integrali f'ħafna mis-sistemi tad-Dinja inklużi l-klima u t-temp u billi huwa l-post fejn isiru firxa wiesgħa ta' attivitajiet tal-bniedem bħas-sajd, l-enerġija, it-trasport u l-kummerċ; |
D. |
billi inqas minn 1 % taż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali huma protetti bħala riżultat tat-twaqqif ta' żoni protetti tal-baħar, u billi fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni tal-oċeani m'hemm stabbilit l-ebda qafas ta' ġestjoni b'mandat legali biex jiġu stabbiliti żoni protetti tal-baħar; |
E. |
billi l-preservazzjoni u l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika tal-baħar huma preokkupazzjoni komuni għall-umanità kollha u għandhom jiġu trattati bħala tali; |
F. |
billi ż-żamma ta' ħabitats tal-baħar b'saħħithom u ta' stokkijiet tal-ħut sostenibbli hija essenzjali għas-sostenibilità fit-tul tas-sajd; |
G. |
billi fl-2014 l-ekosistemi protetti koprew 15,2 % tal-art u 8,4 % biss taż-żoni tal-baħar madwar id-dinja; |
H. |
billi t-tibdil fil-klima u l-aċidifikazzjoni qed jaggravaw l-impatt negattiv tal-isfruttament eċċessiv, it-tniġġis, l-iskart tal-baħar u l-qerda tal-ħabitats u l-ekosistemi tal-baħar; |
I. |
billi d-dokument finali tal-Konferenza tan-NU dwar Żvilupp Sostenibbli (Rio de Janeiro, 2012) bit-titolu “Il-Futur li Rridu” ssottolinja li l-protezzjoni u l-ġestjoni tal-bażi ta' riżorsi naturali tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali huma l-objettivi sovrastanti tal-iżvilupp sostenibbli u huma r-rekwiżiti essenzjali għal tali żvilupp; |
J. |
billi l-ibħra u l-oċeani għandhom potenzjal għal tkabbir blu li għadu fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat, pereżempju fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli u ta' prodotti farmaċewtiċi, li jista' wkoll jitqies bħala alternattiva valida għall-iżvilupp għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw illum il-ġurnata; billi prerekwiżit għall-iżvilupp marittimu u l-potenzjal tiegħu għal tkabbir blu huwa l-iżvilupp tal-għarfien tal-ispeċijiet tal-baħar u l-ambjent tal-baħar, il-batimetrija u l-immappjar tal-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar; |
K. |
billi l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar u l-użu sostenibbli tagħha huma direttament konnessi ma' żvilupp sostenibbli fit-tul u għalhekk għandhom rilevanza soċjali, ekonomika u ambjentali għall-pajjiżi u t-territorji kollha; |
L. |
billi l-qafas legali rilevanti eżistenti għal żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, żviluppat iktar minn 30 sena ilu, ibbażat fuq il-prinċipju tal-libertà tal-ibħra miftuħa, jeħtieġ aktar elaborazzjoni sabiex ikun possibbli li jippromwovi b'suċċess il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar f'żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni; |
M. |
billi l-għadd ta' attivitajiet żviluppati fl-ambjent tal-baħar żdied f'dawn l-aħħar għexieren ta’ snin; billi aħna nagħrfu d-dinamika bejn id-diversi attivitajiet li jseħħu fl-ibħra miftuħa u kif dawn jaffettwaw il-bijodiversità tal-baħar; |
N. |
billi nagħrfu l-interazzjonijiet u l-effetti kumulattivi ta' attivitajiet differenti li jseħħu fl-ibħra miftuħa, u billi dawn għandhom impatt fuq il-bijodiversità tal-baħar; |
O. |
billi fl-2004 l-Assemblea Ġenerali tan-NU stabbiliet Grupp ta' Ħidma Ad Hoc Informali u Miftuħ bl-iskop li jistudja u janalizza l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar lil hinn minn żoni ta' ġurisdizzjoni nazzjonali; |
P. |
billi fl-2011 il-Grupp ta' Ħidma rrakkomanda li jinbeda proċess li jidentifika nuqqasijiet u l-mezzi ta' progress, inkluż l-iżvilupp possibbli ta' ftehim multilaterali fil-qafas tal-UNCLOS, u li l-proċess għandu jindirizza, meħuda flimkien, ir-riżorsi ġenetiċi tal-baħar (li jinkludu kwistjonijiet dwar il-kondiviżjoni ta' benefiċċji), miżuri bħal għodod ta' ġestjoni bbażati fuq iż-żona (inklużi żoni tal-baħar protetti), proċessi ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali, il-bini ta' kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija tal-baħar; |
Q. |
billi s-sommarju mill-Kopresidenti tal-Grupp ta' Ħidma tal-2011 għaraf id-differenza bejn il-proċess xjentifiku għad-deskrizzjoni ta' żoni ekoloġikament u bijoloġikament sinifikanti u l-identifikazzjoni/id-deżinjazzjoni effettiva ta' żoni bħal dawn peress li l-ebda forum globali ma kellu mandat formali f'dak iż-żmien, u l-fora reġjonali u settorjali eżistenti kienu qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kwistjonijiet ta' leġittimità biex jagħmlu dan; |
R. |
billi s-sommarju mill-Kopresidenti tal-Grupp ta' Ħidma tal-2011 innota li kien hemm rikonoxximent ġenerali tal-limitazzjonijiet u n-nuqqasijiet tal-istatus quo; |
S. |
billi, fid-dokument finali ta' Rio+20, f'Ġunju 2012, il-kapijiet ta' stat u ta' gvern impenjaw ruħhom li jindirizzaw, b'mod urġenti, is-segwitu għax-xogħol li wettaq il-Grupp ta' Ħidma, u qabel tmiem id-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-kwistjoni tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar lil hinn minn żoni ta' ġurisdizzjoni nazzjonali, inkluż permezz tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-iżvilupp ta' strument internazzjonali skont il-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar; |
T. |
billi s-sajd kemm bħala attività indipendenti u kemm b'rabta mat-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-baħar jew attivitajiet umani oħra tal-baħar, għandu impatt sinifikanti fuq il-bijomassa u l-bijodiversità tal-baħar, u b'hekk l-impatt tas-sajd fuq il-bijodiversità tal-baħar f'ABNJ għandu jiġi indirizzat b'mod komprensiv permezz tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni marittimi kollha, sabiex jiġu evitati jew minimizzati dawn l-effetti; billi, barra minn hekk, is-sajd mhuwiex l-uniku fattur tal-mortalità kkawżata mill-bniedem fuq ir-riżorsi tal-oċeani u m'għandux ikun l-unika imposta ta' azzjoni internazzjonali; |
U. |
billi, fost affarijiet oħra, l-estrazzjoni tal-minerali, it-tħaffir għall-enerġija u l-użu tal-ispazju tal-art minn pjattaformi urbani huma fatturi ta' mortalità oħra għar-riżorsi tas-sajd illum, u l-iżvilupp marittimu futur jista' jirriżulta f'fatturi ta' mortalità mhux mistennija li fuqhom għandu jkun hemm viġilanza; |
V. |
billi l-bijodiversità tal-baħar diġà ġarrbet tnaqqis sinifikanti; billi hemm rabta mill-qrib bejn il-preservazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd għall-ġenerazzjonijiet futuri u l-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar u l-konservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar; |
W. |
billi tekniki tas-sajd sostenibbli u selettivi huma għodda essenzjali għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u biex jiġu minimizzati l-qabdiet inċidentali, u b'hekk jgħinu biex tiġi kkonservata l-bijodiversità tal-baħar; |
X. |
billi l-koordinazzjoni u l-konsultazzjoni bejn l-atturi kollha kkonċernati fl-attività marittima huma essenzjali biex jiġu żgurati l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika tal-baħar u l-użu sostenibbli tar-riżorsi; |
Y. |
billi r-reġjuni l-iktar imbiegħda tal-UE għandhom, min-natura proprja tagħhom, ċirkostanzi ġeografiċi u xi kultant ġeopolitiċi speċjali u huma inklużi f'mekkaniżmi ta' kooperazzjoni reġjonali speċifiċi; |
Z. |
billi s-sajd huwa attività importanti ħafna li sseħħ kemm f'żoni ta' ġurisdizzjoni nazzjonali u kemm f'dawk lil hinn minn din il-ġurisdizzjoni; |
AA. |
billi l-UE taqdi rwol ewlieni fil-governanza dinjija tal-ibħra u l-oċeani u teżerċita influwenza kbira ħafna fuq livell internazzjonali fir-rigward tas-sajd, anke minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fi 17-il organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs); billi din il-pożizzjoni fuq quddiem tfisser li l-UE hija responsabbli għall-adozzjoni ta' politika proattiva dwar il-ħarsien tal-bijodiversità tal-baħar madwar id-dinja; |
AB. |
billi l-UNFSA, li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi ta' stati partijiet fir-rigward tal-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' stokkijiet ta' ħut transżonali u stokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna, huwa dokument komprensiv li jħares 'il quddiem u li ma għandux jinbidel, jiġi mminat jew imdgħajjef u li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu għandha tiġi żgurata permezz ta' proċessi ta' kooperazzjoni msaħħa li għandhom jiġu adottati fl-istrument internazzjonali l-ġdid; |
AC. |
billi għandhom jinsiltu tagħlimiet għan-nuqqas ta' qbil reċenti tal-UE mal-Gżejjer Faeroe u l-Iżlanda, sabiex l-istokkijiet ikunu jistgħu jiġu ġestiti b'mod sostenibbli mad-dinja kollha; |
AD. |
billi kull pajjiż għandu d-dritt li jibbenefika mill-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tiegħu, kif jipprevedi l-UNCLOS; |
AE. |
billi nirrikonoxxu l-obbligu tal-istati li jipproteġu u jippreservaw l-ambjent tal-baħar, inkluż il-ħarsien ta' ekosistemi rari u fraġli u l-ħabitats ta' speċijiet vulnerabbli, imnaqqsa, mhedda jew fil-periklu u forom oħra ta' ħajja tal-baħar; |
AF. |
billi l-UNFSA tipprovdi qafas għall-applikazzjoni tal-approċċ ta' prekawzjoni u approċċi bbażati fuq l-ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd, għal miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għall-istokkijiet ta' ħut transżonali u għall-istokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna, għall-kooperazzjoni internazzjonali, permezz tal-ħidma reġjonali u subreġjonali tal-organizzazzjonijiet u l-arranġamenti reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs); billi l-implimentazzjoni effettiva tiegħu għandha tittejjeb; |
AG. |
billi r-riżoluzzjonijiet 61/105 u 64/72 tal-AĠNU jistiednu lill-istati u lill-RMFOs jadottaw firxa ta' miżuri biex jiżguraw il-konservazzjoni effettiva tar-riżorsi tal-baħar fond u biex jiġi evitat li s-sajd tal-qiegħ ikollu impatt negattiv sinifikanti fuq ekosistemi vulnerabbli tal-baħar (VMEs) fl-ABNJ; |
AH. |
billi nirrikonoxxu u nappoġġjaw id-drittijiet u r-rekwiżiti speċjali ta' stati li qed jiżviluppaw fil-kuntest tal-bini ta' kapaċitajiet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tagħhom u ta' stokkijiet tal-ħut transżonali u stokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna; |
AI. |
billi l-azzjonijiet tal-hekk imsejjaħ “Proċess ta' Kobe” jirrikonoxxu l-isforzi li diġà saru minn dawk l-RFMOs li jimmaniġġjaw l-istokkijiet tat-tonn u li wettqu evalwazzjonijiet indipendenti tal-prestazzjoni, u jistieden lil dawk l-RFMOs iwettqu b'mod regolari evalwazzjonijiet bħal dawn u jagħmlu r-riżultati disponibbli pubblikament u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet magħmula minnhom; billi l-awtoritajiet tal-AĠNU u COFI stiednu wkoll lil RFMOs oħra biex jagħmlu l-istess u billi dawn l-evalwazzjonijiet twettqu; |
AJ. |
billi l-RFMOs huma stabbiliti f'posthom u xi wħud qed jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' żoni tal-baħar protetti sabiex jikkonservaw u jerġgħu jsaħħu l-istokkijiet tal-ħut għal livell sostenibbli; |
AK. |
billi l-KDB iffaċilitat serje ta' workshops biex tiddeskrivi l-EBSAs, inkluż fl-ABNJ, u r-riżultati ta' dawn il-workshops issa huma disponibbli fuq firxa wiesgħa għal skopijiet ta' konsultazzjoni dwar il-ġestjoni fuq il-website tal-KDB; |
AL. |
billi l-ħtieġa għall-ġbir u l-qsim ta' dejta xjentifika u l-għarfien hija tal-ogħla importanza sabiex jittieħdu deċiżjonijiet b'rieda tajba u abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli; |
AM. |
billi l-problema ambjentali tal-iskart tal-plastik fil-baħar toħloq theddida diretta għad-diversità marittima, u billi d-daqs u mezz biex tiġi miġġielda l-problema jibqgħu riċerkati b'mod inadegwat, u billi l-kapaċità li din tingħeleb tista' tirriżulta bħala opportunità ekonomika; |
AN. |
billi l-Grupp ta' Ħidma, fid-dokument tiegħu tat-23 ta' Jannar 2015 enfasizza l-ħtieġa li s-sistema globali komprensiva tindirizza aħjar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tad-diversità bijoloġika tal-baħar f'żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali; |
AO. |
billi l-UE b'mod attiv qed tiżviluppa u tħeġġeġ l-aħjar prattiki sabiex tikseb użu sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut, u permezz ta' programmi bħal Orizzont 2020 tħeġġeġ u tiffinanzja l-ġbir ta' dejta, ir-riċerka u l-iżvilupp sostenibbli; |
AP. |
billi fit-23 ta' Jannar 2015 il-Grupp ta' Ħidma esprima appoġġ għal rakkomandazzjoni biex jiġi żviluppat strument internazzjonali legalment vinkolanti fil-qafas tal-Konvenzjoni; |
AQ. |
billi fid-19 ta' Ġunju 2015 l-AĠNU adottat riżoluzzjoni dwar l-iżvilupp ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti fil-qafas tal-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diveristà bijoloġika tal-baħar ta' żoni lil hinn minn ġurisdizzjoni nazzjonali; |
1. |
Jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-AĠNU li jiġi żviluppat strument internazzjonali legalment vinkolanti fil-qafas tal-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar f'ABNJ sabiex, fost l-oħrajn, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali; jenfasizza li dan il-proċess ma jimminax strumenti u oqfsa rilevanti eżistenti u lanqas korpi settorjali, reġjonali u globali rilevanti (eż. RFMOs); jenfasizza l-importanza li jsir progress rapidu iżda b'attenzjoni fl-iżvilupp ta' dan l-istrument il-ġdid u biex jinkiseb l-għan li jiġi finalizzat l-abbozz tat-test sa tmiem l-2017; |
2. |
Jenfasizza l-viżjoni, l-opportunità u l-konsegwenzi għal relazzjonijiet tajba bejn l-istati u għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi fil-qafas tal-UNCLOS, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-pressjonijiet u l-opportunitajiet ġodda jirrikjedu li jsiru aġġustamenti; |
3. |
Jenfasizza l-importanza tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra u tar-riżorsi tagħhom; jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jippromwovu l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar billi jimplimentaw, fost miżuri oħra, kunċetti moderni u sostenibbli tal-ġestjoni tal-ekosistemi tal-baħar, il-prinċipji ta' governanza tal-oċeani, il-ġestjoni tal-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar (kemm jekk ikun l-isfruttament ta' minerali jew it-tħaffir għall-enerġija, eċċ.) u s-sajd, billi jinkorporaw governanza tal-baħar b'bażi xjentifika, l-irkupru u ż-żamma tal-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li kapaċi jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, ġestjoni bbażata fuq l-ekosistemi u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u l-approċċ ta' prekawzjoni; |
4. |
Jinnota li sabiex jindirizzaw il-pressjoni fuq il-bijodiversità tal-baħar sal-2020, l-Istati Membri se jkollhom jieħdu passi biex jimplimentaw pjanijiet ta' ġestjoni, jimmonitorjaw l-applikazzjoni tar-regoli, japprofondixxu l-bażi ta' għarfien tagħhom u jsaħħu n-netwerks ta' riċerka u l-koordinazzjoni ta' informazzjoni dwar il-bijodiversità tal-baħar; |
5. |
Jirrikonoxxi u jappoġġa r-rwol pożittiv u ewlieni li kellhom l-UE u l-Kummissjoni, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-UE bħala l-ikbar attur tal-industrija u s-suq tas-sajd u l-fatt li l-politika Ewropea tas-sajd hija mmirata lejn is-sostenibilità; |
6. |
Jirrikonoxxi r-rwol importanti li l-UE qed taqdi f'li tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, partikolarment fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (IUU); jenfasizza li s-sajd IUU, min-natura tiegħu stess, huwa ta' theddida għall-bijodiversità tal-baħar u jimmina serjament il-preservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar; jirrimarka li l-UE għamlet il-ġlieda kontra s-sajd IUU prijorità u li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali sabiex il-ġlieda jkollha suċċess; iħeġġeġ lill-FAO u l-RFMOs isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni multilaterali; |
7. |
Jenfasizza r-rwol pożittiv tat-tikkettar ambjentali fis-settur tal-prodotti tal-frott tal-baħar, li jippermetti lill-konsumaturi jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tar-riżorsi u l-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar, filwaqt li jagħmlu għażla infurmata; |
8. |
Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli tippromwovi, tikkoordina u tiżgura li l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem, inkluż is-sajd u l-forom kollha ta' sfruttament ta' qiegħ il-baħar u l-oċeani, fuq il-bijodiversità f'ABNJ jiġi indirizzat b'mod effettiv fil-kuntest ta' dan il-ftehim internazzjonali l-ġdid; jinnota, għalhekk, il-bżonn li wieħed jippromwovi aktar l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti u biex jiġu żviluppati għodod ta' ġestjoni meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza; |
9. |
Iħeġġeġ lill-RFMOs jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom, biex ikomplu jwettqu evalwazzjoni indipendenti regolari u biex jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa ta' dawn l-evalwazzjonijiet; |
10. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja u tippromwovi approċċ olistiku u komprensiv fir-rigward taż- żoni protetti tal-baħar (MPAs) minħabba l-fatt li l-ebda koordinazzjoni u kooperazzjoni ġenwini tal-isforzi ta' konservazzjoni ma huma possibbli mingħajr il-parteċipazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli ta' partijiet interessati involuti f'varjetà komprensiva ta' attivitajiet tal-baħar fl-oċeani u l-ibħra; |
11. |
Jinkoraġġixxi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-għażla u l-implimentazzjoni ta' EBSA fl-ABNJ; |
12. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem mal-partijiet interessati rilevanti kollha biex tkompli tappoġġja u tippromwovi, fil-kuntest tal-ftehim internazzjonali l-ġdid fil-qafas tal-UNCLOS, l-iżvilupp ta' mekkaniżmu istituzzjonali għall-għażla, il-ġestjoni u l-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet neċessarji għall-monitoraġġ u l-infurzar ta' netwerks konnessi, koerenti, fattibbli u rappreżentattivi ta' MPAs bħala għodda essenzjali biex tkun żgurata l-konnettività ekoloġika u bijoloġika; |
13. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproċessa sett ta' dejta komprensiva dwar il-bijodiversità tal-baħar fl-ibħra reġjonali tal-Ewropa; huwa tal-fehma li hija sfida meħtieġa li tinġabar din id-dejta, minħabba l-fatt li 80 % tal-ispeċijiet u l-ħabitats koperti mid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina huma kklassifikati bħala mhux magħrufa; |
14. |
Jistieden lill-UE tassumi rwol fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-iskart tal-plastik fil-baħar u biex riċerka rilevanti tiġi ffinanzjata taħt l-ekonomija blu; |
15. |
Jenfasizza li dan il-ftehim internazzjonali ġdid għandu jiżgura kundizzjonijiet ugwali fost il-partijiet interessati kollha; iqis li l-ftehim internazzjonali l-ġdid għandu, barra minn hekk, jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-istati gżejjer żgħar, f'termini ta' bini ta' kapaċitajiet bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-komunità internazzjonali rigward l-MPAs, fost affarijiet oħra; |
16. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi aktar kooperazzjoni, koordinazzjoni, trasparenza u responsabilità bejn il-partijiet interessati kollha kkonċernati, inkluż bejn l-istrumenti l-ġodda nnegozjati, l-istrumenti eżistenti UNFSA u FAO, l-RFMOs u korpi settorjali oħra bħal, fost l-oħrajn, l-Awtorità Internazzjonali ta' Qiegħ il-Baħar u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali; |
17. |
Jistieden lin-NU taħdem mal-istati biex jiġu implimentati b'mod aktar effettiv ir-regoli eżistenti, u fejn meħtieġ biex jinħolqu regoli addizzjonali li jistgħu indirettament jgħinu fil-protezzjoni tal-bijodiversità fl-ibħra miftuħa u jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjali, ta' sikurezza u ta' monitoraġġ, bħal, pereżempju, l-istabbiliment ta' għodod għall-ġestjoni globali, jiġifieri strument ċentralizzat għar-reġistrazzjoni ta' bastimenti bħal Reġistru Globali tal-Bastimenti tas-Sajd li qed jiġi żviluppat taħt l-awtorità tal-FAO, iżda fl-istess ħin tiġi evitata żieda fil-piż burokratiku għas-sajjieda; |
18. |
Jenfasizza li l-impatti tas-sajd fuq il-bijodiversità tal-baħar f'ABNJ ikollhom jiffurmaw parti mill-mandat tal-RFMOs; |
19. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jippromwovu, fi ħdan il-mandat tal-ftehim internazzjonali l-ġdid fil-qafas tal-UNCLOS, l-iżvilupp ta' mekkaniżmu istituzzjonali għall-implimentazzjoni ta' Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali minn qabel għal attivitajiet b'impatt sinifikanti potenzjali fuq l-ambjent tal-baħar, kif meħtieġ skont l-Artikolu 206 tal-UNCLOS, inkluż għall-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar, b'bażi xjentifika solida sa fejn hu prattikabbli u li dawn l-attivitajiet ikunu akkumpanjati minn monitoraġġ ambjentali u soċjoekonomiku dettaljat; |
20. |
Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' ftehim internazzjonali ġdid, sabiex tinsisti għar-rikonoxximent tal-ħsara ambjentali fuq il-baħar u l-identifikazzjoni tal-katina tar-responsabilità għal ħsara bħal din; |
21. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistieden lill-istati li għadhom ma rratifikawx jew ma aderewx għall-UNCLOS biex dan jagħmluh; |
22. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) u lill-kumitat preparatorju responsabbli biex jabbozza t-test tal-ftehim internazzjonali futur. |