Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0942

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI KORP EWROPEW TA' SOLIDARJETÀ

    COM/2016/0942 final

    Brussell, 7.12.2016

    COM(2016) 942 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    KORP EWROPEW TA' SOLIDARJETÀ


    Lejn Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

     

    I. Solidarjetà fl-Ewropa

    L-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq is-solidarjetà: is-solidarjetà bejn iċ-ċittadini tagħha, is-solidarjetà bejn il-fruntieri bejn l-Istati Membri tagħha, u s-solidarjetà fl-azzjoni tagħha fl-Unjoni u lil hinn minnha. Is-solidarjetà hija valur komuni li jinħass sew madwar is-soċjetà Ewropea. Hija tiddefinixxi l-proġett Ewropew li spiss għandu jkun iddikjarat u msaħħaħ. Hija parti mill-qalba tal-ħolma Ewropea u li tispira ġenerazzjoni wara oħra. L-Unjoni Ewropea mhix biss kwistjoni ta’ regoli komuni, istituzzjonijiet jew swieq: hija komunità ta’ valuri.

    Iktar solidarjetà se żżomm l-Ewropa magħquda. Hija tipprovdi l-unità neċessarja biex niffaċċaw kriżijiet kurrenti u futuri billi nżommu moralità b’saħħitha. Hija tipprovdi wkoll direzzjoni ċara li tiggwida ż-żgħażagħ Ewropej fl-aspirazzjonijiet tagħhom għal Unjoni aqwa. Huwa f’moħħhom u f’qalbhom li nsibu s-saħħa u l-għaqal biex inkomplu navvanzaw il-proġett Ewropew. U huwa d-dmir morali tal-mexxejja attwali li jħejju t-triq għal dan.

    Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-14 ta’ Settembru 2016, il-President Juncker ħabbar l-idea ta’ Korp Ewropew ta' Solidarjetà:

    “Hemm ħafna żgħażagħ u persuni b'orjentament soċjali fl-Ewropa li lesti jagħtu kontribuzzjoni sinifikanti lis-soċjetà u jgħinu biex juru solidarjetà. Nistgħu noħolqulhom opportunitajiet biex jagħmlu dan. […] Is-solidarjetà hi l-kolla li żżomm l-Unjoni tagħna magħquda[…] Żagħżagħ madwar l-Unjoni Ewropea se jkunu jistgħu jivvolontarjaw l-għajnuna tagħhom fejn hi l-iktar meħtieġa, biex jirreaġixxu għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi[…] Dawn iż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u mhux biss jiksbu xogħol iżda wkoll esperjenza umana imprezzabbli”.

    Iż-żgħażagħ Ewropej għandhom bżonn opportunitajiet akbar u iktar faċilment aċċessibbli biex jesprimu s-solidarjetà tagħhom. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jgħaqqad żagħżagħ entużjasti u involuti lesti u disposti jaħdmu fuq proġett ta’ solidarjetà komuni. Huwa se joffri esperjenza li tispira u temanċipa għaż-żgħażagħ li jixtiequ jgħinu, jitgħallmu u jiżviluppaw, filwaqt li jiksbu esperjenza siewja. L-għan huwa li naraw l-ewwel 100 000 żagħżugħ Ewropew jingħaqdu mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà sal-2020.

    Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jsaħħaħ il-pedamenti għal ħidma ta’ solidarjetà madwar l-Ewropa. Huwa se jipprovdi bażi ta’ appoġġ estiża għal dawk l-organizzazzjonijiet madwar l-Ewropa li jipprovdu opportunitajiet ta' solidarjetà liż-żgħażagħ. Huwa se jservi l-ħtiġijiet ta’ komunitajiet vulnerabbli, ta’ strutturi pubbliċi nazzjonali u lokali fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma bħall-provvista tal-ikel lill-persuni fil-bżonn, it-tindif tal-foresti, appoġġ lir-reġjuni milquta mid-diżastru jew għajnuna għall-integrazzjoni ta’ refuġjati.

    II. Wasal iż-żmien għal Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

    Ħafna diġà qed jinvolvu ruħhom…

    Iż-żgħażagħ Ewropej huma ħerqana li jipparteċipaw fil-komunitajiet tagħhom. Madwar nofshom huma membri ta’ mill-inqas organizzazzjoni waħda. Fost l-iktar attivitajiet popolari huma klabb tal-isports (29%), klabb jew organizzazzjoni taż-żgħażagħ (16 %), organizzazzjoni lokali ta’ appoġġ lill-komunitajiet lokali (11 %) u organizzazzjoni kulturali (10 %). Wieħed minn kull erba’ żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea kienu involuti f’attività volontarja organizzata f’dawn l-aħħar 12-il xahar, prinċipalment f’attivitajiet relatati ma’ organizzazzjonijiet filantropiċi, umanitarji u ta’ għajnuna għall-iżvilupp, il-protezzjoni ambjentali, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-isport. 1

    Taħt il-Fond Soċjali Ewropew u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, iż-żgħażagħ jingħataw bosta opportunitajiet biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet li jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni, biex b’hekk jiksbu esperjenza ta’ xogħol filwaqt li jesprimu s-solidarjetà tagħhom ma’ komunitajiet vulnerabbli u ma’ nies fil-bżonn madwar l-UE.

    ...iżda n-numru ta' dawn jista' jkun saħansitra akbar ...

    L-għadd ta’ dawk li huma lesti jivvolontarjaw josboq l-opportunitajiet offruti. Huma biss 6 % taż-żgħażagħ li jgħidu li kienu barra mill-pajjiż għal finijiet ta’ volontarjat u minn dawk li jgħidu li ma għamlux hekk, 88 % qalu li huma ma kellhomx l-opportunità. B’mod ġenerali, iktar minn erbgħa minn kull għaxar żgħażagħ Ewropej jgħidu li jixtiequ jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu f’pajjiż ieħor tal-UE 2 .

    Studju li għaddej bħalissa 3 juri li s-setturi relatati mas-solidarjetà fl-UE impjega 'l fuq minn 40 miljun ruħ fl-2015. Bħala eżempju, il-forza tax-xogħol stmata fil-qasam tal-integrazzjoni soċjali u l-ħidma soċjali, inklużi l-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-ażil u l-migranti, bħalissa hija ta’ 170 000. L-istima tal-forza tax-xogħol hija ogħla f’setturi bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. Permezz ta’ indikazzjoni dwar l-interess potenzjali, id-dejta mill-Portal tal-EURES 4 turi li madwar 80 000 persuna qed ifittxu impjieg barra minn pajjiżhom f’setturi relatati mas-solidarjetà.

    …u xi gruppi jinvolvu ruħhom iktar minn oħrajn…

    L-istħarriġ juri li l-parteċipazzjoni f’attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ mill-gruppi soċjodemografiċi kollha tista' titjieb. Iż-żgħażagħ li temmew l-edukazzjoni tagħhom fl-età ta’ 20 sena jew iktar, huma iktar probabbli li jkunu ħadu sehem f’attivitajiet ta’ volontarjat organizzati (26 %) minn dawk li temmew l-edukazzjoni fl-età ta’ 16–19 sena (20 %) jew ta’ 15-il sena jew iżgħar (15 %). Fl-2014, ftit iktar minn kwart taż-żgħażagħ li ħadu sehem fil-volontarjat organizzat irċevew xi tip ta’ rikonoxximent formali (eż. ċertifikat jew diploma).

    Rigward xogħol f’pajjiż ieħor tal-UE, hemm interess konsiderevoli fost iż-żgħażagħ li ma jistax jiġi ssodisfat kompletament bl-iskemi eżistenti. Sa mill-bidu tal-iskema L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek skont il-Programm EaSI (2014–2020), setgħu jitqassmu biss 1 469 kollokament wara t-8 615-il reġistrazzjoni u talbiet għall-assistenza.

    …u huwa għalhekk li l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandu jkun ambizzjuż u jipprovdi għal kulħadd.

    Kollox ma kollox, dan jagħti stampa ta’ domanda mhux milħuqa fost iż-żgħażagħ mhux biss għal attivitajiet ta’ volontarjat ta’ solidarjetà, iżda wkoll biex jidħlu għal impjiegi ta’ solidarjetà - f’pajjiżhom jew barra minn pajjiżhom. L-element komuni huwa l-azzjoni orjentata lejn is-solidarjetà. Iktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar għandhom ikunu pprovduti, li jkopru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, li joffru taħriġ tajjeb u jagħtu rikonoxximent formali lill-ħiliet u l-esperjenzi miksuba. L-attivitajiet għandhom ikopru firxa wiesgħa ta’ ħiliet sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni wiesgħa. Il-parteċipanti fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li jkunu qed ifittxu li jtejbu l-prospetti tax-xogħol tagħhom filwaqt li jikkontribwixxu għal kawża ta’ solidarjetà jeħtieġu iktar opportunitajiet.

    III. Objettivi, prinċipji u valur miżjud

    L-objettiv ewlieni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa li tissaħħaħ il-koeżjoni u li titrawwem is-solidarjetà fis-soċjetà Ewropea. Dan se jippermetti li iktar żgħażagħ jipparteċipaw f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ solidarjetà, jew permezz ta’ volontarjat jew billi jiksbu esperjenza ta’ xogħol biex jgħinu biex jissolvew sitwazzjonijiet diffikultużi madwar l-Ewropa. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jappoġġa lill-awtoritajiet u lill-korpi nazzjonali u lokali, lill-organizzazzjonijiet nongovernattivi u lill-kumpaniji fl-isforzi tagħhom biex jaffrontaw diversi sfidi u kriżijiet, kif ukoll il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Il-Korp ta’ Solidarjetà Ewropew se jkun ibbażat fuq il-valur tas-solidarjetà. Skont l-Istqarrija tal-Missjoni tiegħu, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jlaqqa’ flimkien żgħażagħ biex jibnu soċjetà iktar inklużiva, li tappoġġa l-persuni vulnerabbli u li tindirizza l-isfidi soċjetali. Huwa se joffri esperjenza li tispira u temanċipa għaż-żgħażagħ li jixtiequ jgħinu, jitgħallmu u jiżviluppaw.

    L-attivitajiet tiegħu se jsegwu sett ta’ prinċipji ewlenin li għandhom jiġu osservati minn parteċipanti żgħażagħ. Huma jirreferu, inter alia, għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni ta’ soċjetà ġusta u ugwali, għall-kontributi siewja lis-soċjetà, u r-rispett lejn ir-regoli u l-prattiki li jirregolaw l-organizzazzjonijiet parteċipanti, jew għall-għażla volontarja ta’ persuna żagħżugħa bli tipparteċipa fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Iż-żgħażagħ kollha għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, l-edukazzjoni, il-livell ta’ ħiliet jew id-diżabilità.

    Kull organizzazzjoni parteċipanti, jew organizzazzjonijiet intermedjarji li tappoġġa l-kollokament taħt il-linja okkupazzjonali (bħal pereżempju s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi), jeħtieġu li jissottoskrivu għal Karta, li tistipula d-drittijiet u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom matul l-istadji kollha ta’ esperjenza ta’ solidarjetà: ir-reġistrazzjoni, l-għażla u l-attivitajiet qabel, matul u wara dan il-kollokament. Il-Karta tirrikjedi wkoll li l-organizzazzjonijiet parteċipanti jipprovdu kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol sikuri għall-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Huma, jew l-organizzazzjonijiet intermedjarji li jappoġġaw il-kollokament, se jipprovdu taħriġ u appoġġ biex jgħin lill-parteċipanti jwettqu l-kompiti tagħhom. L-organizzazzjonijiet parteċipanti se jiċċertifikaw lill-parteċipanti wara l-kollokament tagħhom u fejn ikun possibbli jiddokumentaw ukoll l-eżiti miksuba mill-parteċipant matul il-kollokament. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet parteċipanti ma jistgħux jitolbu kontribuzzjoni finanzjarja jew tariffa mill-parteċipanti fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

    Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jgħaqqad żewġ komponenti komplementari: il-volontarjat u l-okkupazzjoni.

    Il-komponent tal-volontarjat se jtejjeb u jespandi l-iskema ta’ Servizz Volontarju Ewropew eżistenti, li hija ffinanzjata permezz tal-programm Erasmus +. Din l-iskema kienet tinvolvi madwar 100 000 żagħżugħ u żagħżugħa tul dawn l-aħħar 20 sena, abbażi ta’ standards ċari ta’ kwalità, bħall-akkreditazzjoni ta’ organizzazzjonijiet, u wriet il-kapaċità tagħha li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa miż-żagħżagħ għall-involviment fis-soċjetà u meta jkunu qed ifittxu xogħol. Fost il-voluntiera fis-Servizz Volontarju Ewropew, 70% jemmnu li l-esperjenza ta’ volontarjat tagħhom żiedet il-possibilitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol, 74% żiedu l-ħiliet intraprenditorjali tagħhom u 85 % kisbu iktar ħiliet ta’ ħidma f’timijiet.

    Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fil-komponent tal-volontarjat tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tkun kisba sinifikanti għal kull żagħżugħ u ta’ vantaġġ meta persuna tapplika għal impjieg. Għal ħafna żgħażagħ fl-Ewropa, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà joffrilhom opportunità ġdida biex jinvolvu ruħhom f’attività sinifikanti li tista’ tkun pass ’il quddiem lejn is-suq tax-xogħol.

    Abbażi tal-bażi ġuridika tal-programmi rispettivi, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jappoġġa ż-żgħażagħ biex iwettqu servizz volontarju bejn xahrejn u tnax-il xahar f’pajjiż ieħor jew f’pajjiżhom stess. L-implimentazzjoni inizjali tiegħu se tkun ibbażata l-iktar fuq netwerk stabbilit sew u effettiv tal-Aġenziji Nazzjonali ta’ Erasmus +. Attivitajiet oħra ta’ volontarjat se jiġu ffinanzjati minn programmi eżistenti bħal LIFE, l-Ewropa għaċ-Ċittadini, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, kif ukoll il-programm dwar is-Saħħa. Għal parteċipanti f’kollokament volontarju, l-akkomodazzjoni, l-ikel, l-ivvjaġġar, l-assikurazzjoni u l-pocket money, bħala regola ġenerali, ikunu koperti minn fondi tal-UE.

    Il-komponent okkupazzjonali jipprovdi liż-żgħażagħ b’opportunità ta’ impjieg, taħriġ jew apprendistat f’firxa wiesgħa ta’ setturi li huma involuti f’attivitajiet ta’ solidarjetà u li għandhom domanda għal żgħażagħ motivati ħafna u li huma orjentati lejn is-soċjetà. Huwa se jkun stabbilit b’mod gradwali permezz ta’ sħubijiet ma’ korpi u servizzi pubbliċi (b’mod partikolari servizzi pubbliċi tal-impjieg), NGOs stabbiliti u organizzazzjonijiet li joperaw f’dawn is-setturi, billi jibnu pereżempju fuq sħubijiet li jeżistu diġà għal komponent tal-volontarjat. It-tqabbil tal-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà mal-offerti reali se jseħħ permezz ta’ dawn is-sħubijiet. Il-kollokament okkupazzjonali se jdum bejn xahrejn u 12-il xahar u jkun full jew part-time. L-attivitajiet se jkunu inizjalment iffinanzjati permezz tal-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali u programmi eżistenti oħra tal-UE, bħalma huma l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Ewropa għaċ-Ċittadini.

    L-attivitajiet fil-komponent okkupazzjonali se jikkomplimentaw ix-xogħol magħmul mis-servizzi nazzjonali tal-impjiegi u, b’mod partikolari, in-netwerk Ewropew tal-impjiegi (“EURES”), li jappoġġa l-informazzjoni u l-kollokament tal-ħaddiema madwar l-Istati Membri tal-UE b’mod ġenerali. Bis-saħħa tal-enfasi tiegħu fuq valuri ta’ solidarjetà, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jarrikkixxi prattiki eżistenti ta’ reklutaġġ fil-livell nazzjonali u joffri opportunitajiet ġodda għal kategoriji oħrajn ta’ żgħażagħ minn dawk li bbenefikaw minn għajnuna s’issa.

    Għal parteċipanti f’kollokamenti f’impjieg, f’apprendistat jew fi traineeship, se jkun hemm kuntratt ta’ impjieg stabbilit f’konformità mal-qafas regolatorju nazzjonali tal-pajjiż ospitanti. L-appoġġ tal-UE għal-allowance għas-sussistenza se jiġi previst għal apprentistati u traineeships. Żgħażagħ żvantaġġati u li jiffaċċjaw ostakoli addizzjonali biex jidħlu fis-suq tax-xogħol (fost l-oħrajn iż-żgħażagħ li jgħixu fil-faqar jew b’diżabilità) jistgħu jkunu ulterjorment appoġġati. Għal parteċipanti f’kollokament f’impjieg, dejjem se jkun hemm kuntratt ta’ impjieg u paga skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-ftehimiet kollettivi lokali. Għalhekk, il-parteċipanti se jkunu assigurati permezz tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali nazzjonali. Biex jinkisbu riżultati li jwasslu għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, se jkun meħtieġ l-involviment attiv tas-servizzi tal-impjieg pubbliku.

    Taħt iż-żewġ komponenti, dak tal-volontarjat u dak okkupazzjonali, il-parteċipanti se jirċievu ċertifikat bid-dettalji dwar x’għamlu matul il-kollokament tagħhom. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll il-valutazzjoni u l-validazzjoni tal-ħiliet li huma jkunu kisbu fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

    Il-valur miżjud tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jkun li jipprovdi punt fokali għal attivitajiet ta’ solidarjetà fl-Unjoni Ewropea kollha. F’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali u dak tal-UE, huwa se jikkomplimenta skemi nazzjonali eżistenti u jsaħħaħ il-pedamenti tagħhom permezz ta’ strumenti finanzjarji. Il-kombinament ta’ punt uniku ta’ servizz, żewġ komponenti ta’ attivitajiet, għażla effikaċi u effiċjenti, għodda għat-tqabbil, allowances, assigurazzjonijiet u ċertifikati se jippermetti liż-żgħażagħ biex jesprimu l-valuri ta’ solidarjetà madwar l-Ewropa.

    L-organizzazzjonijiet parteċipanti 5 se jkunu jistgħu jużaw il-Korp Ewropew ta’ solidarjetà u jinvolvu l-utenti tiegħu, bl-użu ta’ din ir-riżorsa prezzjuża biex isaħħu l-attivitajiet tagħhom fil-prattika għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tas-soċjetà kollha kemm hi. Bħala parti mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, l-organizzazzjonijiet parteċipanti jistgħu jkollhom għażla akbar ta’ impjegati potenzjali/voluntiera bil-ħiliet li jkunu qed ifittxu. Huma jistgħu wkoll jibbenefikaw mit-turija tal-qalba soċjalment responsabbli tan-negozju tagħhom.

    IV. It-twaqqit u l-karatteristiċi ewlenin tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

    Approċċ progressiv

    Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jitwaqqaf b’mod gradwali, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha. Fl-ewwel fażi, imnedija permezz ta’ din il-Komunikazzjoni, iż-żgħażagħ li jixtiequ jesprimu l-interess tagħhom li jingħaqdu mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jkunu jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ paġna tar-reġistrazzjoni fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ ( http://europa.eu/solidarity-corps ). Ir-reġistrazzjoni se tkun rapida u sempliċi. L-ewwel sett ta’ servizzi, bħal taħriġ u appoġġ lingwistiku onlajn se jkunu disponibbli matul l-ewwel fażi tal-implimentazzjoni.

    L-ewwel fażi se tinkludi l-użu ta’ programmi u riżorsi ta’ finanzjament eżistenti biex ikunu appoġġati l-kollokamenti tal-parteċipanti fil-korp Ewropew ta’ Solidarjetà. L-organizzazzjonijiet parteċipanti se jkunu jistgħu japplikaw għall-finanzjament għal proġetti taħt dawn il-programmi li b’hekk jippermettulhom jinvolvu l-parteteċipanti fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

    Sommarju tad-diversi possibilitajiet ta’ finanzjament, kemm għall-volontarjat kif ukoll għall-komponent okkupazzjonali, huwa ppreżentat hawn taħt 6 .

    (a) Il-programm Erasmus+ (Servizz Volontarju Ewropew)

    Il-baġit tal-2017 tas-Servizz Volontarju Ewropew huwa ta’ madwar EUR 58 miljun għal attivitajiet fl-ambitu tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-programm ta’ ħidma għall-Erasmus + għall-2017 se jippermetti li l-iskema kurrenti tappoġġa l-azzjoni volontarja tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, billi tipprovdi partijiet importanti tal-istruttura attwali u opportunitajiet.

    (b) Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali

    Fil-komponent okkupazzjonali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-programm ta’ ħidma għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali tal-2017 se jniedi proġett pilota li jappoġġa kollokamenti transfruntieri, filwaqt li jibni fuq l-esperjenza tal-iskema L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek u l-għarfien espert tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Se jitwaqqaf konsorzju fil-pajjiżi tal-UE bejn organizzazzjonijiet intermedjarji bħalma huma s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-NGOs u l-istituti ta’ taħriġ. L-organizzazzjonijiet li huma parti mill-konsorzju se jwettqu attivitajiet ta’ outreach u ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ u għall-impjegaturi li huma interessati li jappoġġaw attivitajiet ta’ solidarjetà, jipprovdu assistenza u gwida biex ż-żgħażagħ reġistrati jitqabblu mal-impjegaturi u jipprovdu appoġġ b’taħriġ u gwida relatati mal-kollokamenti. Il-baġit totali huwa propost li jkun ta’ EUR 14,2-il miljun u l-proġetti jistgħu jibdew f’Ġunju 2017. Il-konsorzju se juża inter alia informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol relatata mal-postijiet tax-xogħol battala reġistrati u proċessati mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi.

    (c) Il-Programm LIFE

    Għall-proġetti kollha implimentati fil-preżent, il-programm se jħeġġeġ lill-benefiċjarji biex jinvolvu ż-żgħażagħ mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Fl-2016, se tkun varata sejħa speċifika ta’ EUR 2 miljun għal proposti għal attivitajiet volontarji marbuta mal-konservazzjoni ta’ Natura 2000, in-netwerk mifruxa mal-UE kollha ta’ żoni naturali protetti, biex jippermettu għal kollokamenti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fil-pajjiżi parteċipanti. Fl-2017, il-programm LIFE se jaħdem ma’ Erasmus + biex isaħħu l-komponent ambjentali tas-Servizz Volontarju Ewropew u biex jestenduh għall-kollokamenti ta’ azzjoni ambjentali u klimatika transfruntieri. Sejħa oħra għall-proposti għal l-hekk imsejħa proġetti tradizzjonali se titnieda f’April 2017 u se tinkoraġġixxi l-applikanti biex jinkludu l-iżvilupp u l-appoġġ ta’ netwerks ta’ voluntiera żgħażagħ. Il-possibilitajiet taħt LIFE biex jappoġġaw il-komponent okkupazzjonali tal-Korp Ewropew ta’ solidarjetà għandhom jiġu esplorati wkoll.

    (d) Programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”

    Għall-proġetti li jibdew minn Awwissu 2017, dan il-programm se jħeġġeġ lill-promoturi tal-proġetti li jinvolvu ż-żgħażagħ irreġistrati fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Għall-2018 se jkun hemm sejħa ġdida għal proposti għal għotjiet operattivi bir-rekwiżit addizzjonali li l-organizzazzjonijiet li jingħataw l-għotja operattiva jużaw lill-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-“Proġetti tas-Soċjetà Ċivili” se jkunu importanti għal dan l-għan. Il-baġit approssimattiv se jilħaq il-massimu ta’ EUR 3,5 miljuni fis-sena.

    (e) Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

    Fl-2016 minn tal-inqas EUR 9,5 miljuni se jkunu disponibbli għal proġetti li jippromwovu l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u s-sejħa għal proposti se tinkoraġġixxi l-involviment ta’ parteċipanti mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-proġetti jistgħu jibdew sa minn nofs l-2017. Fl-2017, se jkun hemm sejħa sostanzjali oħra biex tappoġġa l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Il-prijoritajiet se jagħmlu referenza espliċita għal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-proġetti jistgħu jibdew sa minn tmiem l-2017.

    (f) Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali Mill-2017, EUR 1 miljun se jkunu allokati taħt l-Assistenza Teknika Operazzjonali tal-FEŻR għal żgħażagħ Ewropej ta’ bejn it-18 u t-30 sena li huma lesti li jservu għal bejn xahrejn u sitt xhur fi programm Interreg transfruntier, transnazzjonali jew interreġjonali. L-iskema se tikkomplimenta l-komponent tal-volontarjat tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, jew permezz ta’ “imsieħba tal-proġett Interreg” li jgħinu fuq proġett konkret jew “relaturi Interreg” li jappoġġaw programm Interreg fil-promozzjoni ta’ riżultati konkreti ta’ proġetti tal-imgħoddi.

    (g) Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

    Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali se jipprovdi appoġġ għal proġetti b’komponent agrikolu u ta’ żvilupp rurali li jinvolvu parteċipanti mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. L-ammont ta’ fondi allokati għal dawn il-proġetti huwa ta’ EUR 1,3 miljun mill-baġit tal-2016 u EUR 0,5 miljun mill-baġit tal-2017. B’mod partikolari, dan l-appoġġ tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali se jikkumplimenta l-komponent tal-volontarjat tal-Korp ta’ Solidarjetà involut f’attivitajiet ta’ konservazzjoni tan-natura promossi mill-Programm LIFE.

    (h) Programm dwar is-Saħħa

    Fl-2017, il-benefiċjarji tal-għotjiet operattivi se jiġu mħeġġa biex jużaw il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Madwar EUR 60 000 huma stmati li se jkunu disponibbli għall-NGOs biex jinvolvu b’mod attiv lill-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fil-qasam tas-saħħa. Fuq il-bażi tal-eżitu tal-outreach immirat mal-partijiet ikkonċernati tas-saħħa jistgħu jkunu żviluppati iktar proposti.

    Fit-tieni fażi, filwaqt li jitqies l-input mill-partijiet ikkonċernati, se jsir proċess ta’ konsolidazzjoni u varar robust tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà sal-2020. L-opportunitajiet ta’ finanzjament taħt l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ se jiġu kkunsidrati wkoll għall-komponent okkupazzjonali. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, fl-intier tiegħu (il-komponent tal-volontarjat u dak okkupazzjonali), għandu jkun iffinanzjat mil-linja baġitarja tiegħu stess abbażi ta’ bażi ġuridika separata, li għandha tiġi proposta sas-sajf tal-2017, u aġġustamenti baġitarji possibbli fil-qafas finanzjarju eżistenti. Il-Kummissjoni se tagħmel l-arranġamenti neċessarji f’dan ir-rigward.

    Firxa wiesgħa ta’ attivitajiet

    Iż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet. Dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu marbuta mas-servizzi ta’ interess ġenerali u jkopru oqsma bħall-edukazzjoni u l-attivitajiet taż-żgħażagħ, tas-saħħa, l-integrazzjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol, l-għajnuna fil-provvediment ta’ oġġetti tal-ikel u mhux tal-ikel, il-kostruzzjoni ta’ kenn, il-kostruzzjoni,, ir-rinnovazzjoni u l-ġestjoni ta' siti, l-akkoljenza, l-appoġġ u l-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati, miżuri ta’ rikonċiljazzjoni ta’ wara l-kunflitt, il-protezzjoni ambjentali u l-konservazzjoni tan-natura, jew il-prevenzjoni ta’ diżastri naturali (iżda bl-esklużjoni ta’ reazzjoni immedjata għad-diżastri li teħtieġ iktar ħiliet speċjalizzati u taħriġ).

    L-ambitu ġeografiku tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà primarjament se jkopri l-UE u, fejn ikun rilevanti, pajjiżi oħrajn li jipparteċipaw f’diversi strumenti ta’ finanzjament eżistenti li jikkontribwixxu għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Ir-reġistrazzjoni se tkun miftuħa għaż-żgħażagħ, għaċ-ċittadini u għar-residenti 7 tal-UE, li għandhom bejn is-17 u t-30 sena. Il-kollokament reali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandu jibda mill-età ta’ 18-il sena.

    Sit web multilingwi b’servizzi mtejba u identità viżwali b’saħħitha

    L-għodda ta’ reġistrazzjoni tal-Korp ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u tinstab permezz ta’ magni tat-tiftix tal-Internet. Iż-żgħażagħ jistgħu jirreġistraw l-interess tagħhom billi jipprovdu informazzjoni bażika personali, f’konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta. Sussegwentement, se tinġabar iktar informazzjoni dettaljata, meħtieġa biex jinħoloq profil iktar komprensiv ta’ parteċipanti.

    L-għodda ta’ reġistrazzjoni se tkun disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE u se tkun adattata għall-apparati mobbli. Meta jirreġistraw, iż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jispeċifikaw liema pajjiżi jixtiequ li jkunu kollokati fihom, jekk iridux jivvolontarjaw u/jew jaħdmu, x’tip ta’ attivitajiet jinteressawhom u x’għarfien u esperjenza jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

    L-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha, jew l-organizzazzjonijiet intermedjarji li jirrappreżentawhom, li jixtiequ jwettqu proġetti permezz tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandhom jaqblu li jaderixxu mal-Karta tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Skont l-istrument ta’ implimentazzjoni, huma jew se jgħaddu minn kontrolli biex ikunu akkreditati jew jintalbu jikkonformaw ma’ standards ta’ kwalità għolja, biex imexxu proġetti ta’ dan it-tip. Imbagħad, huma jkunu jistgħu ifittxu kandidati adattati fost iż-żgħażagħ rreġistrati fil-bażi ta’ dejta tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-materjali u l-għodod għal servizzi offruti, bħal taħriġ iddedikat, għadod għat-taħriġ fil-lingwa, u ċertifikazzjoni, se jkunu żviluppati gradwalment.

    Iż-żgħażagħ se jiġu regolarment u attivament infurmati u ggwidati lejn attivitajiet ta’ solidarjetà. L-applikazzjoni bbażata fuq l-internet se tkun aġġornata biex tippermeti l-bini ta’ komunità ta’ dawk li jipparteċipaw f’attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Numru ta’ inizjattivi qed jiġu ppjanati biex iżommu liż-żgħażagħ irreġistrati involuti fil-perjodu ta’ bejn ir-reġistrazzjoni u l-ewwel skjerament, bħal bulettini elettroniċi bl-aħħar aġġornamenti relatati mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u attivitajiet organizzati minn rappreżentanzi tal-Kummissjoni li għalihom ikunu mistiedna iż-żgħażagħ li jkunu rreġistrati. Hija prevista wkoll pjattaforma onlajn fejn il-parteċipanti, iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.

    L-għodod informatiċi se jiġu żviluppati iktar biex jgħinu lill-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà biex iżommu kuntatt ma’ xulxin u jsibu proġetti, u jħallu l-organizzazzjonijiet u lill-organizzazzjonijiet intermedjarji 8 jgħażlu l-parteċipanti tal-proġetti tagħhom.

    Flimkien ma’ identità viżwali b’saħħitha, se ssir kampanja ta’ komunikazzjoni fl-Istati Membri kollha biex toħloq is-sensibilizzazzjoni u l-interess fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-kampanja se tkompli matul l-2017, biex tenfasizza, fost oħrajn, l-ewwel kollokamenti u l-esperjenzi ta’ żgħażagħ u organizzazzjonijiet parteċipanti.

    V. Konklużjoni: it-tħejjija ta’ Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

    Naħdmu mal-partijiet ikkonċernati kollha

    It-twaqqif tal-Korp Ewropew ta’ solidarjetà jeħtieġ appoġġ u kooperazzjoni mill-qrib ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, inklużi korpi pubbliċi u assoċjazzjonijiet fil-livell internazzjonali, Ewropew, nazzjonali, reġjonali u dak lokali, netwerks fil-livell tal-UE jew oħrajn, NGOs u negozji. Dawn il-partijiet ikkonċernati huma involuti f’attivitajiet li huma marbuta mas-solidarjetà u l-volontarjat jew li jista’ jkollhom rwol ewlieni fl-integrazzjoni taż-żgħażagħ f’kollokament tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Ħafna Stati Membri għandhom tradizzjoni twila kif ukoll esperjenzi fil-volontarjat u l-UE nfisha għandha 20 sena esperjenza fil-ġestjoni tas-Servizz Volontarju Ewropew bħala azzjoni transfruntiera. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jieħu minn dawn kollha mingħajr ma jissostitwixxi l-iskemi tal-volontarjat eżistenti stabbiliti mill-Istati Membri. L-għan huwa li jiġu identifikati ħtiġijiet mhux issodisfati, ikunu immultiplikati proġetti ta’ suċċess u li jkunu involuti iktar organizzazzjonijiet.

    Biex tipprepara l-ewwel fażi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-Kummissjoni diġà bdiet attivitajiet ta’ outreach u saru konsultazzjonijiet immirati. Din il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq il-kontribut siewi tagħhom.

    Ħafna minn dawk li wieġbu kienu favur il-potenzjal ta’ appoġġ għall-integrazzjoni, it-trawwim ta’ solidarjetà inter-Ewropea u bejn il-ġenerazzjonijiet, il-promozzjoni ta’ valuri komuni, għat-tnaqqis tan-nazzjonaliżmu u b’mod ġenerali t-tisħiħ tal-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u enfasizzaw dan kollu. Kwistjonijiet prinċipali enfasizzati kienu jirrigwardaw (i) il-ħtieġa ta’ approċċ ta’ implimentazzjoni gradwali, (ii) il-bżonn ta’ kumpliment, billi jiġu indirizzati ħtiġijiet mhux issodisfati, iktar milli jkunu rreplikati programmi eżistenti, (iii) il-bżonn li jkunu offruti iktar opportunitajiet liż-żgħażagħ billi jkun hemm żieda, twessigħ u billi jkun żgurat finanzjament xieraq, (iv) sejħa qawwija għal Korp Ewropew ta' Solidarjetà inklużiv u mhux elitist, li jappoġġa l-parteċipazzjoni ta’ minoranzi u gruppi vulnerabbli, (v) il-ħtieġa għal taħriġ adatt u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet miksuba, definiti b’mod ċar (vi) proċess ta’ akkreditament rigoruż filwaqt li l-proċess jibqa’ mhux burokratiku u (vii) il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-volontarjat jikkumplimenta iktar milli jieħu post impjieg bi ħlas.

    Rappreżentanti ta’ awtoritajiet nazzjonali kkonsultati enfasizzaw il-ħtieġa għal viżjoni strateġika ċara tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li għandha tiffoka fuq l-għajnuna lil dawk fil-bżonn. Bħala konsegwenza, il-ħtiġijiet u t-talbiet tal-komunitajiet lokali jistgħu jkunu fattur importanti għall-kriterju tal-kwalità għal proġetti eliġibbli. L-assoċjazzjonijiet ikkonsultati, l-iktar fil-livell Ewropew, issuġġerew ukoll netwerk virtwali għall-organizzazzjonijiet parteċipanti biex jaqsmu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin tagħhom. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi individwali ikkunsidraw il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà bħala opportunità kbira għall-Ewropa biex tniedi mill-ġdid il-volontarjat fost iż-żgħażagħ. Barra minn hekk, l-NGOs enfasizzaw il-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju, biex il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkun aċċessibbli kemm għall-NGOs lokali kif ukoll għal dawk nazzjonali u għall-ħolqien ta’ portal tal-Internet uniku għall-programm. Huma ssuġġerew ukoll li jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet parteċipanti dwar il-bżonnijiet tagħhom fid-dettall.

    Id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati se jkun intensifikat matul il-fażijiet kollha tal-istabbiliment u tal-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Kampanja dedikata se tippromwovi dan id-djalogu, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni se tikkomunika wkoll mal-Istati Membri tal-UE u l-organizzazzjonijiet ta’ solidarjietà addizzjonali biex jiġi żgurat li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jikkomplimenta programmi eżistenti ta’ solidarjetà.

    Monitoraġġ tal-progress u ħidma mal-Istituzzjonijiet tal-UE

    Il-Kummissjoni Ewropea se timmonitorja mill-qrib l-interess għall-parteċipazzjoni fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, l-għadd reali ta’ kollokamenti u s-setturi koperti minn attivitajiet ta’ solidarjetà filwaqt li tqis l-objettiv kumplessiv li jkun żgurat li ż-żgħażagħ interessati madwar l-Ewropa kollha jkollhom opportunitajiet indaqs biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li huma jkunu kollokati fejn ikun hemm bżonn.

    Il-Kummissjoni Ewropea se tinvolvi ruħha fi sforz sostnut biex tmexxi ’l quddiem il-proġett tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà abbażi ta’ involviment attiv u kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej.

    Ir-rwol ewlieni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Istati Membri:

    - jendorsjaw fl-ogħla livell il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;

    - iħeġġu organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali biex jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fl-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet għal parteċipanti fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u biex jikkontribwixxu għall-proġetti li jappoġġawh;

    - jesploraw il-possibilitajiet ta’ finanzjament għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà anki permezz programmi ta’ ġestjoni kondiviża;

    - jingħaqdu mal-Kummissjoni Ewropea fil-promozzjoni tal-valuri komuni li jirfdu l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;

    - jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

    (1) L-Ewrobarometru "European youth" 2015 (KE, 408).
    (2) L-Ewrobarometru tal-Parlament Ewropew "European Youth in 2014" (EP EB395)
    (3) Ir-rapport li jmiss dwar “Id-domanda għax-xogħol f’setturi relatati mas-solidarjetà fl-UE”.
    (4) Valutazzjoni bbażata fuq is-sitwazzjoni attwali f’mument partikolari f’Novembru ta’ din is-sena. Il-Portal jiġbor postijiet tal-impjiegi battala u jippermetti lill-individwi jfittxu xogħol u joħolqu s-CV tagħhom onlajn sabiex jinstabu mill-impjegaturi li jkunu rreġistrati fil-portal. Edukazzjoni, esperjenza ta’ xogħol u mestier mixtieq jistgħu jkunu indikati fuq il-formola tas-CV.
    (5) Fil-kuntest tal-inizjattiva tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, it-terminu “organizzazzjoni parteċipanti” qed jintuża biex jiddefinixxi kull korp pubbliku jew privat li se jieħu sehem f’dan il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà billi jipprovdi kollokamenti lill-parteċipanti tal-korp, skont iż-żewġ komponenti tal-inizjattiva. Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa miftuħ għal kull tip ta’ entità li toffri opportunitajiet ta’ volontarjat jew ta’ natura professjonali li huma fl-ambitu tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-oqsma ta’ attività tiegħu (eż. NGOs, awtoritajiet u korpi pubbliċi, istituzzjonijiet, kumpaniji).
    (6)  L-ammont speċifikat għal kull programm se jkopri wkoll il-kostijiet ta’ parteċipazzjoni u s-servizzi relatati. Barra minn hekk, programmi bħall-AMIF u l-Ewropa għaċ-Ċittadini se jappoġġaw inizjalment l-inizjattiva tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà permezz ta’ azzjonijiet iktar wiesgħa. Għaldaqstant, l-ammonti rrappurtati hawn fuq għandhom jitqiesu bħala kontribuzzjoni massima għall-inizjattiva.
    (7) Għall-komponent tal-volontarjat biss
    (8) Għal korrispondenza kollha tal-komponent operazzjonali, l-attivitajiet se jitwettqu permezz ta’ sħubijiet magħżula li se jinkludu s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi rilevanti
    Top