EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0872

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija

COM/2016/0872 final

Brussell, 16.12.2016

COM(2016) 872 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija


WERREJ

1.INTRODUZZJONI

1.1.Objettivi u kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 25

1.2.L-għan ta' dan ir-rapport u l-metodoloġija

2.MIŻURI TA' TRASPOŻIZZJONI

2.1.Tneħħija (Artikolu 25(1)

2.1.1.Kontenut ospitat f'territorju ta' Stat Membru

2.1.2.Kontenut ospitat barra mit-territorju ta' Stat Membru

2.2.Imblokkar (Artikolu 25(2))

3.KONKLUŻJONI U L-PASSI LI JMISS

1.INTRODUZZJONI

L-Internet ġab miegħu żieda drammatika fl-abbuż sesswali tat-tfal peress li:

jiffaċilita l-kondiviżjoni ta' materjal pedopornografiku, billi joffri vajretà ta' kanali ta' distribuzzjoni bħall-web, in-netwerks peer-to-peer, il-midja soċjali, il-bordijiet tal-bullettini, in-newsgroups, ir-relay chats tal-Internet u l-pjattaformi għall-kondiviżjoni ta' ritratti, fost oħrajn. Il-kondiviżjoni tiġi ffaċilitata wkoll b'aċċess għal komunità globali ta' individwi bl-istess ideat, li jservu bħala sors ta' domanda qawwija u ta' appoġġ reċiproku;

huwa jipprovdi mezzi tekniċi u miżuri ta' sigurtà li jistgħu jiffaċilitaw l-anonimità 1 ;

bħala konsegwenza tad-domanda qawwija ta' materjal pedopornografiku, it-tfal jibqgħu f'riskju li jsiru vittmi, filwaqt li l-anonimità tista' tostakola l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' dawn ir-reati; u

materjali pedopornografiċi ġodda saru bħal munita ta' skambju. Sabiex jinkiseb u jinżamm l-aċċess għall-fora, il-parteċipanti ta' spiss iridu jippreżentaw materjali ġodda fuq bażi regolari, li jinkoraġġixxi l-ikkummissjonar tal-abbuż sesswali tat-tfal.

L-abbuż sesswali tat-tfal online huwa reat krudili ħafna b'konsegwenzi fit-tul għall-vittmi tiegħu. Id-dannu jiġi kkawżat mhux biss meta l-abbuż jiġi fil-fatt irreġistrat jew fotografat, iżda wkoll kull darba li l-immaġnijiet u l-vidjows jiġu ppowstjati, iċċirkolati jew osservati. Għall-vittmi, il-fatt li huma jirrealizzaw li l-immaġnijiet u l-vidjows li fihom jiġu abbużati huma "hemm barra" u li jistgħu saħansitra jiltaqgħu ma' xi ħadd li jkun ra l-materjal, huwa sors ewlieni ta' trawma u ta' tbatija addizzjonali.

Hemm indikazzjonijiet li l-età medja tal-vittmi tal-materjal pedopornografiku qed tonqos b'mod kostanti: skont INHOPE (International Association of Internet Hotlines), 2 jidher li madwar 70 % tal-vittmi fir-rapporti pproċessati minn INHOPE hotlines fl-2014 kienu prepubexxenti 3 . L-IWF (Internet Watch Foundation) ħarġet ċifri simili fl-2015, filwaqt li żiedet li 3 % tal-vittmi dehru li kienu tal-età ta' sentejn jew iżgħar u terz tal-immaġini wrew tfal li qed jiġu stuprati jew ittorturati sesswalment 4 .

1.1.Objettivi u kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 25

L-objettiv ewlieni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 5 huwa li jfixkel id-disponibbiltà tal-pedopornografija 6 . Dispożizzjonijiet bħal dawn, peress li ma kinux inklużi fl-istrumenti leġiżlattivi ewlenin f'dan il-qasam, ġew introdotti għall-ewwel darba permezz tad-Direttiva, jiġifieri:

id-Deċiżjoni Kwadru 7 li ġiet sostitwita mid-Direttiva;

il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali tal-2007, li d-Direttiva tispira ruħha minnha f'oqsma oħrajn; jew

id-Deċiżjoni tal-Kunsill għall-ġlieda kontra l-pedopornografija fuq l-internet, 8 li kienet wieħed mill-ewwel strumenti legali fil-livell tal-UE li indirizza l-pedopornografija.

L-Artikolu 25 huwa wieħed minn għadd ta' dispożizzjonijiet fid-Direttiva biex tiġi faċilitata l-prevenzjoni u tiġi mitigata l-vittimizzazzjoni sekondarja. Flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar il-prosekuzzjoni tar-reati u l-protezzjoni tat-tfal, huma jagħmlu parti minn approċċ olistiku li hu mitlub biex jindirizza l-abbuż sesswali tat-tfal, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija rispettivament.

L-Artikolu 25 jinqara kif ġej 9 :

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw it-tneħħija ta’ paġni web li jkun fihom jew li jxerrdu l-pedopornografija, ospitati fit-territorju tagħhom u għandhom jimpenjaw ruħhom biex ineħħu tali paġni ospitati barra t-territorju tagħhom.

2. L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jimblokkaw l-aċċess għal paġni web li jkun fihom jew ixerrdu pedopornografija lejn utenti tal-Internet fit-territorju tagħhom. Dawn il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ proċeduri trasparenti u għandhom jagħtu salvagwardji adegwati, b'mod partikolari biex jiżguraw li r-restrizzjoni tkun limitata għal dak li hu neċessarju u proporzjonat, u li l-utenti jkunu infurmati bir-raġuni għal tali restrizzjoni. Dawn is-salvagwardji għandhom jinkludu wkoll il-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju.

Huwa, għalhekk,

jobbliga lill-Istati Membri jneħħu mill-aktar fis materjal fuq siti web ospitati fit-territorju tagħhom;

jobbligahom li jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw li jitneħħa materjal minn siti web ospitati x'imkien ieħor; u

joffri l-possibilità li jimblokkaw l-aċċess għall-pedopornografija mill-utenti fit-territorju tagħhom, soġġett għal ammont ta' salvagwardji.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-Artikolu 25 jirreferi għal "miżuri", li mhux bilfors jinvolvu leġiżlazzjoni. Kif tiddikjara l-premessa 47 tad-Direttiva:

"… Il-miżuri meħudin mill-Istati Membri skont din id-Direttiva sabiex jeliminaw jew, fejn ikun xieraq, jimblokkaw il-websites li jkun fihom pedopornografija jistgħu jkunu msejsin fuq varji tipi ta’ azzjoni pubblika, bħal dik leġislattiva, nonleġislattiva, ġudizzjarja  jew xort'oħra. F'dak il-kuntest, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-azzjoni volontarja meħuda mill-industrija tal-Internet li tipprevjeni l-użu ħażin tas-servizzi tagħha, jew għal kull appoġġ għal tali azzjoni mill-Istati Membri..."

Il-miżuri mhux leġislattivi, għalhekk, huma kkunsidrati li jittrasponu d-Direttiva b'mod sodisfaċenti jekk jippermettu li l-eżiti speċifikati fl-Artikolu 25 jinkisbu fil-prattika.

Il-kooperazzjoni bejn is-settur privat, inklużi l-industrija u s-soċjetà ċivili, u l-awtoritajiet pubbliċi, inkluż l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi (Law Enforcement Agencies -LEAs) u l-ġudikatura, hija kruċjali għall-implimentazzjoni tal-miżuri fl-Artikolu 25 u għall-ġlieda effettiva kontra t-tixrid ta' materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal online.

Il-partijiet involuti li jfixklu d-disponibbiltà tal-materjal ta' abbuż sesswali online huma:

il-fornituri ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (ISSPs), inklużi fornituri ta' aċċess, il-pjattaformi ta' hosting u pjattaformi online. Minħabba li l-kriminali jabbużaw is-servizzi u l-infrastruttura li huma jipprovdu, l-ISSPs jinsabu f'pożizzjoni tajba biex jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 25. Pereżempju, fornituri ta' servizzi ta' hosting ultimament jistgħu ineħħu materjal ospitat fuq is-servers tagħhom u fornituri tal-aċċess bħal fornituri tas-servizz tal-internet (internet server provider - ISPs) jistgħu jimblokkaw l-aċċess;

l-Utenti tal-internet, jistgħu jiltaqgħu ma' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal online (intenzjonalment jew le) u jiddeċiedu li jirraportawh lill-ISSP direttament jekk tkun stabbilita t-teknoloġija għal dan, pereżempju permezz ta' buttuna "irrapporta abbuż" fuq il-paġna web jew fil-brawżer. L-utenti jistgħu ukoll jirraportaw għand hotline ddedikata mmexxija minn organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, jew lill-LEA responsabbli;

il-hotlines iddedikati, normalment immexxija minn NGO jew minn assoċjazzjoni ta' ISSPs jew kumpaniji tal-midja, li jippermettu r-rapportaġġ anonimu minn utenti li jista' jkun li ma jħossuhomx komdi jirraportaw lill-pulizija u li ma jistgħux jirraportaw direttament lill-ISSP jew ma jixtiqux jagħmlu dan. F'diversi każijiet, ir-rapporti rċevuti f'pajjiż wieħed jirreferu għal materjal ospitat minn fornituri f'pajjiż ieħor. It-tneħħija tiegħu titlob kooperazzjoni internazzjonali, li tiġi ffaċilitata minn INHOPE;

LEAs, li x-xogħol tagħhom huwa appoġġat minn rapporti li jiġu mgħoddija minn hotlines u direttament minn utenti tal-internet. Huma jikkondividu wkoll rapporti fl-Ewropa (direttament u permezz tal-Europol u taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tiegħu) 10 u lil hinn minnha (permezz tal-Interpol) 11 ; u

il-ġudikatura, li tiżgura l-applikazzjoni tal-liġi f'kull Stat Membru. F'xi pajjiżi, huma meħtieġa ordnijiet tal-qorti sabiex il-materjal jitneħħa jew jiġi imblokkat. Eurojust 12 tgħin tikkoordina l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali fl-Istati Membri kollha.

1.2.L-għan ta' dan ir-rapport u l-metodoloġija

L-Artikolu 27 tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri 13 idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mad-Direttiva u jikkomunikawhom lill-Kummissjoni sat-18 ta' Diċembru 2013.

Dan ir-rapport iwieġeb għar-rekwiżit taħt l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva għall-Kummissjoni biex jiġi ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 14 . Ir-rapport huwa mmirat biex jipprovdi ħarsa ġenerali u konċiża iżda informattiva tal-miżuri ta' traspożizzjoni ewlenin meħuda mill-Istati Membri.

Sal-iskadenza tat-traspożizzjoni, 12-il Stat Membru biss innotifikaw lill-Kummissjoni li lestew it-traspożizzjoni tad-Direttiva. Il-Kummissjoni, għalhekk, fetħet proċedimenti ta' ksur għal nuqqas ta' komunikazzjoni ta' miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali kontra l-oħrajn: BE, BG, IE, EL, ES, IT, CY, LT, HU, MT, NL, PT, RO, SI u UK 15 . Dawn il-proċedimenti ta' ksur kollha ingħalqu sat-8 ta' Diċembru 2016. L-adozzjoni u n-notifika tard tal-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali ttardjaw l-analiżi u l-pubblikazzjoni tar-rapporti ta' traspożizzjoni mill-Kummissjoni.

Id-deskrizzjoni u l-analiżi f'dan ir-rapport huma bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri sal-1 ta' Novembru 2016. In-notifiki rċevuti wara din id-data ma ġewx ikkunsidrati. Lil hinn mill-kwistjonijiet identifikati f'dan ir-rapport, jista' jkun hemm kemm sfidi ulterjuri fit-traspożizzjoni u dispożizzjonijiet oħra mhux rapportati lill-Kummissjoni jew żviluppi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ulterjuri. Għalhekk, dan ir-rapport ma jwaqqafx lill-Kummissjoni milli tkompli tevalwa xi dispożizzjonijiet, biex tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 25.

2.MIŻURI TA' TRASPOŻIZZJONI

2.1.Tneħħija (Artikolu 25(1)

2.1.1. Kontenut ospitat f'territorju ta' Stat Membru

L-Istati Membri adottaw żewġ tipi ta' miżuri biex jiżguraw it-tneħħija mill-aktar fis ta' paġni web li fihom jew li jxerrdu l-pedopornografija ospitata fit-territorju ta' Stat Membru: miżuri bbażati fuq id-Direttiva 2000/31/KE 16 (id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) u miżuri bbażati fuq il-liġi kriminali nazzjonali.

1. Miżuri bbażati fuq id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 

Id-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku tiddefinixxi l-limitazzjonijiet tar-responsabbiltà ta' intermedjarju tal-internet li jipprovdi servizzi li jikkonsistu f'sempliċi intermedjarju, caching u hosting. B'mod partikolari, il-fornitur tal-hosting ma jistax jinżamm responsabbli jekk 17 :

a.la jkollu għarfien u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni li tiġi trażmessa jew maħżuna u    

b.hekk kif isir jaf jew isir konxju ta' attivitajiet illegali, jaġixxi fil-pront biex ineħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għall-informazzjoni kkonċernata.

Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu l-bażi għall-iżvilupp ta' proċeduri ta' notifika u ta' tneħħija għal kontenut illegali. Fil-qasam tal-materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal, dawn il-proċeduri jieħdu l-għamla ta' mekkaniżmi li jitmexxew minn partijiet interessati bil-għan li jidentifikaw informazzjoni illegali ospitata fuq in-netwerk u li jiffaċilitaw it-tneħħija tagħha fil-pront.

L-Istati Membri implimentaw proċeduri ta' notifika u tneħħija permezz ta' hotlines nazzjonali, fejn l-utenti tal-internet jistgħu jirraportaw materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal li jsibu online. INHOPE hija l-organizzazzjoni ġenerika ta' dawn il-hotlines. Bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għal "Internet aktar sikur" 18 u mill-2014 permezz tal-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, 19 fil-preżent hija tippreżenta netwerk ta' 51 hotline f'45 pajjiż, inkluż fl-Istati Membri kollha.

Il-hotlines għandhom memoranda ta' qbil bil-LEAs nazzjonali rispettivi, li jistabbilixxu l-proċeduri għall-immaniġġar tar-rapporti rċevuti mill-utenti tal-internet. Il-proċeduri ta' operazzjoni differenti jinkludu b'mod ġenerali l-azzjonijiet komuni li ġejjin għal kontenut ospitat fl-Istati Membri:

1)Iddetermina l-lokazzjoni tal-hosting.

Il-hotline tirċievi rapport ta' utent tal-internet ta' indirizz web (URL) b'materjal possibbli ta' abbuż sesswali tat-tfal u tiddetermina f'liema pajjiż ġie ospitat il-materjal. F'xi każijiet, il-hotline tirċievi rapport minn membru ieħor tan-netwerk INHOPE, li jkun diġà ddetermina li l-lokazzjoni ta' hosting hija fil-pajjiż tal-hotline inkwistjoni.

2)Analizza l-kontenut.

Jekk il-materjal huwa ospitat fil-pajjiż, il-hotline tiddetermina jekk il-URL ġiex irrapportat qabel. Jekk iva, ir-rapport għandu jitwarrab. Inkella, il-hotline tanalizza l-immaġnijiet u l-vidjows fuq l-URL u tiddetermina jekk humiex magħrufa u jekk jistgħux ikunu illegali f'dak il-pajjiż.

3)Informa lill-fornitur tal-hosting.

Il-hotline tgħaddi r-rapport u l-analiżi lil-LEA nazzjonali. Skont il-memorandum ta' qbil, il-fornitur tal-hosting imbagħad jiġi informat minn:

il-hotline, wara li l-LEA tkun qablet li l-materjal jista' jitneħħa, filwaqt li jiġi żgurat li dan ma jinterferixxix ma' investigazzjoni attwali (AT, CZ, DE (hotlines eco u FSM), FR, HU, LU, LV, NL, PL, PT, RO, SE u UK). Iż-żmien ta' bejn meta l-hotline tinforma l-ewwel lil-LEA u meta tikkomunika mal-fornitur tal-hosting ivarja skont il-proċeduri miftiehma bejn il-hotline u l-LEA f'kull Stat Membru. F'kull każ, il-LEA (minflok il-hotline jew flimkien magħha) tista' tagħżel li tinforma lill-fornitur tal-hosting skont kif jirrikjedu ċ-ċirkostanzi.

il-LEA biss. F'BG, DE (Jugendschutz hotline), EE, EL, FI, MT, SI u SK, il-LEA tikkomunika mal-fornitur tal-hosting, filwaqt li l-hotline timmonitorja li l-kontenut fil-fatt jitneħħa.

F' CY u HR, jeħtieġ ordni tal-qorti biex tintalab it-tneħħija tal-materjal. Fiż-żewġ pajjiżi, l-aċċess għas-sit web huwa temporanjament imblokkat sakemm tinkiseb l-ordni tal-qorti.

Wara li jiġi mgħarraf dwar l-eżistenza ta' materjal illegali fuq is-servers tiegħu, il-fornitur tal-hosting jista' jinżamm responsabbli jekk jonqos milli jneħħih f'konformità mal-liġijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali. L-unika limitazzjoni għall-attribuzzjoni tar-responsabbiltà hija l-eżenzjoni tar-responsabbilta skont id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku kif implimentata mill-Istati Membri (ara aktar 'il fuq).

Fiż-żmien meta tfassal dan id-dokument, il-maġġorparti tal-Istati Membri għandhom hotlines li jistgħu jivvalutaw kontenut rapportat biex jimplimentaw proċeduri ta' notifika u ta' tneħħija, minbarra BE, ES u IT:

reċentement, BE innotifika leġiżlazzjoni adottata li tippermetti hotline INHOPE topera fil-pajjiż u tittratta rapporti skont il-proċedura ġenerali deskritta hawn fuq. Fiż-żmien meta nkiteb dan ir-rapport, il-pulizija u l-ġudikatura Belġjani kienu qed jinnegozjaw mal-hotline dwar memorandum ta' qbil u l-protokolli operatorji.

Is-sitwazzjoni f'ES tirrikjedi eżami mill-qrib fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-hotline.

IT għandha żewġ hotlines INHOPE, iżda l-leġiżlazzjoni attwali ma tippermettilhomx jivverifikaw il-kontenut ta' rapporti rċevuti minn utenti tal-internet jew hotlines oħrajn. Għalhekk, huma sempliċement jgħaddu r-rapporti lil-LEA (iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Pedopornografija Online, CNCPO) mingħajr ma jiċċekkjaw il-kontenut.

2. Miżuri abbażi tal-liġi kriminali nazzjonali

   L-Istati Membri jinnotifikaw żewġ tipi ta' dispożizzjonijiet ta' liġi kriminali li jippermettu wkoll it-tneħħija ta' kontenut illegali ospitat fit-territorju tagħhom:

a.dispożizzjonijiet ġenerali li jippermettu l-qbid ta' materjal rilevanti għal proċedimenti kriminali, eż. materjal li ntuża biex jitwettaq reat: AT, CZ, HU, IT, LU, NL, SE u SK; u

b.dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tneħħija tal-pedopornografija: CY, EE, EL, ES, SE, u UK (Ġibiltà).

Il-leġiżlazzjoni fi CZ, EL, HU u UK (Ġibiltà) tagħmel referenza espliċita għar-rekwiżit ta' tneħħija fil-pront: "mingħajr dewmien mhux dovut" (CZ), "eżegwit immedjatament" (EL), "fi żmien 12-il siegħa" (HU) jew "tneħħija fil-pront" (UK (Ġibiltà)).

L-Istati Membri oħrajn jittrasponu dan ir-rekwiżit permezz tal-proċeduri ta' notifika u tneħħija deskritti hawn fuq, li jistgħu jwasslu biex kanali tal-liġi kriminali jintużaw biss b'mod anċillari biex jindirizzaw każijiet fejn il-proċeduri ta' notifika u ta' tneħħija jiltaqgħu ma' diffikultajiet (eż. għal nuqqas ta' kooperazzjoni mill-fornitur tal-hosting) jew fejn il-materjal ikun marbut ma' investigazzjoni kriminali li għadha għaddejja. Fi Stati Membri mingħajr mekkaniżmi ta' notifika u ta' tneħħija funzjonali jew fejn il-liġi kriminali ma tispeċifikax it-tneħħija fil-pront, jeħtieġ aktar informazzjoni dwar il-miżuri li jiġu meħuda biex jiġi traspost dan ir-rekwiżit.

2.1.2. Kontenut ospitat barra mit-territorju ta' Stat Membru

L-Istati Membri kollha minbarra BE, ES u IT ittrasponew din id-dispożizzjoni permezz ta' hotline operazzjonali bis-sħiħ (jiġifieri hotline awtorizzata biex tivvaluta l-materjal) u l-proċedura operatorja li ġejja biex ifittxu li jneħħu kontenut ospitat barra mit-territorju tagħhom:

1)ladarba l-operaturi tal-hotline li rċevew ir-rapport jiddeterminaw li l-lokazzjoni tal-hosting hija barra mill-Istat Membru, huma jivverfikaw jekk hemmx hotline INHOPE operazzjonali fil-pajjiż ospitanti;

2)jekk il-pajjiż ospitanti jkollu hotline INHOPE, ir-rapport jintbagħat lilu permezz ta' sistema ta' skambju ta' informazzjoni interna INHOPE, sabiex huwa jkun jista' jirraporta skont il-proċedura nazzjonali rigward kontenut ospitat fil-pajjiż;

3)jekk il-pajjiż ospitanti ma jkollux hotline INHOPE, ir-rapport jintbagħat lil-LEA tal-pajjiż li fih ġie rċevut, li jgħaddih, normalment permezz tal-Europol jew l-Interpol, lil-LEA tal-pajjiż ospitanti.

Għalkemm il-proċeduri fil-hotlines kollha jsegwu ġeneralment profil simili, hemm xi speċifitajiet li jiddependu fuq xi ftehim sar bejn il-hotline u l-LEA. Pereżempju, xi hotlines (eż. fi DE, LT u LV) jinnotifikaw lill-fornitur tal-hosting barra mill-pajjiż jekk ma tkun ittieħdet ebda azzjoni wara ċertu żmien. Xi hotlines (pereżempju fi AT, CZ, DE, FR, LU, MT) jinformaw lil-LEA tal-pajjiż tagħhom meta jgħaddu rapport lil hotline barra l-pajjiż, filwaqt li oħrajn (eż. HU, NL, PL, SE u UK) ġeneralment ma jagħmlux dan. Finalment, jekk ma hemm ebda hotline INHOPE fil-pajjiż ospitanti, xi hotlines (eż. EE, LU, u UK) jikkontattjaw hotlines mhux INHOPE hemmhekk, jekk dawn jeżistu.

Stati Membri fejn il-hotline ma tkunx topera bis-sħiħ (BE, ES u IT) jittrasponu din id-dispożizzjoni billi jirranġaw għall-iskambju ta' informazzjoni, normalment permezz tal-Europol jew l-Interpol, bejn il-LEA fil-pajjiż li fih oriġina r-rapport u dik tal-pajjiż li fih ġie ospitat il-materjal. F'dan il-każ, hija meħtieġa aktar informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-dispożizzjoni permezz ta' dan il-mekkaniżmu, b'mod partikolari fir-rigward ta' każijiet fejn il-paġni web ospitati barra l-pajjiż mhumiex marbuta ma' xi proċediment kriminali f'dak l-Istat Membru u mhumiex soġġetti għal xi talba għal assistenza legali reċiproka (mutual legal assistance – MLA).

Fir-rigward tal-prontezza u l-effikaċja tat-tneħħija permezz ta' hotlines, skont id-data tagħhom, 93 % tal-materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal proċessat minn hotlines fl-Ewropa u 91 % tal-materjal ipproċessat mill-hotlines mad-dinja kollha tneħħa mill-aċċess pubbliku tal-internet f'anqas minn 72 siegħa. 20

2.2.Imblokkar (Artikolu 25(2))

Madwar nofs l-Istati Membri (BG, CY, CZ, EL, ES, FI, FR, HU, IE, IT, MT, PT, SE u UK) għażlu li japplikaw miżuri ta' imblokkar fakultattivi taħt l-Artikolu 25(2). Il-varjetà ta' miżuri tirrifletti l-kliem tal-premessa 47 tad-Direttiva (leġiżlattiva, mhux leġiżlattiva, ġudizzjarja jew oħra, inkluża azzjoni volontarja mill-industrija tal-Internet).

Il-mod kif jiġu klassifikati l-miżuri huwa skont jekk l-ordni tal-qorti tiġix rikjesta timblokka s-sit web. L-ordni tal-qorti hija:

rikjesta f'EL, ES u HU;

mhux mandatorja fi

oCY, FR, IT u PT, fejn l-ISPs huma mitluba bil-liġi biex ikunu konformi mat-talba tal-awtoritajiet (jiġfieri l-LEA jew ir-regolatur nazzjonali) biex jimblokkaw is-sit; u

oBG, CZ, IE, FI, MT, SE, u UK, fejn l-ISPs mhumiex mitluba espliċitament bil-liġi biex ikunu konformi mat-talba tal-awtoritajiet iżda jagħmlu dan b'mod volontarju.

Il-listi suwed ta' siti web li jkun fihom jew li jxerrdu l-pedopornografija huma komuni ħafna fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' imblokkar. Il-listi suwed jitħejjew tipikament mill-awtoritajiet nazzjonali (jiġifieri l-LEA jew ir-regolaturi) u jiġu trażmessi lill-ISPs. Xi Stati Membri (EL, HU, IT, FI u FR) innotifikaw il-leġiżlazzjoni li tirregola dan il-proċess.

BG tuża l-"Worst of List" tal-Interpol, 21 filwaqt li UK juża l-lista tal-URL tal-IWF 22 . L-ISPs f'CZ jużaw ukoll il-lista tal-IWF fuq bażi awtoregolatorja.

L-informazzjoni rċevuta mill-Istati Membri, b'mod ġenerali, ma kinitx konklussiva rigward l-għadd ta' paġni web inklużi fil-listi tal-imblokkar, jew l-għadd ta' tentattivi imblokkati.

Id-Direttiva titlob li l-miżuri meħuda biex jimblokkaw l-aċċess għas-siti web li fihom jew li jxerrdu l-pedopornografija jipprevedu proċeduri trasparenti u salvagwardji adegwati. Il-Premessa 47 tiddikjara li:

Irrispettivament mill-bażi għall-azzjoni jew il-metodu magħżulin, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun jagħti livell adegwat ta’ ċertezza legali u prevedibbiltà għall-utenti u fornituri tas-servizz. Kemm bil-ħsieb li jitneħħa kif ukoll biex jiġi mblokkat il-kontenut tal-abbuż tat-tfal, għandha tiġi stabbilita u msaħħa kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari fl-interess li jiġi żgurat li listi nazzjonali ta’ websites li jkollhom fihom materjal ta’ pedopornografija jkunu kemm jista' jkun kompleti u jiġi evitat xogħol doppju. Kwalunkwe tali żviluppi jeħtieġ jieħdu kont tad-drittijiet tal-utenti finali, iżommu mal-proċeduri legali u ġudizzjarji eżistenti u jikkonformaw mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Speċifikament, l-Artikolu 25(2) jirreferi għar-rekwiżiti li ġejjin:

1.proċeduri ta' trasparenza;

2.limitazzjoni għal dak li hu neċessarju u proporzjonat;

3.informazzjoni lill-utenti dwar ir-raġunijiet għar-restrizzjoni; u

4.possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju.

L-Istati Membri li għażlu li jittrasponu din id-dispożizzjoni għamlu dan billi inkorporaw varjetà ta' proċeduri u salvagwardji trasparenti:

f'EL, il-Kummissjoni Ellenika tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni tinnotifika l-ordnijiet tal-awtoritajiet kompetenti lil fornituri tas-servizzi tal-aċċess għall-internet u tħeġġeġ l-imblokkar immedjat ta' kontenut u l-provvista ta' informazzjoni rilevanti għall-utenti. Is-sid tal-paġna web jista' jappella kontra l-ordni fi żmien perjodu ta' xahrejn;

f'ES, matul il-proċedimenti kriminali, l-imħallef jista' jordna l-għeluq ta' sit web li jinkludi pedopornografija bħala miżura ta' prekawzjoni, li jista' jiġi kkuntestat. Il-fornitur tas-servizz huwa obbligat jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa lill-klijenti;

f'FI, il-pulizija jistgħu jistabbilixxu, iżommu u jaġġornaw lista ta' siti pedopornografiċi. Meta sit web ikun imblokkat, il-pulizija trid toħroġ dikjarazzjoni li tagħti r-raġunijiet għall-imblokkar li għandha tintwera kull darba li l-aċċess għal sit jiġi imblokkat. L-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-pulizija li jżidu sit mal-lista tal-imblokkar jistgħu jitressqu ma' qorti amministrattiva;

f'FR, fornituri tal-internet iridu jimblokkaw l-aċċess għall-indirizz tal-internet ikkonċernat fi żmien 24 siegħa. Il-lista ta' siti web hija rieżaminata minn persuna kwalifikata mill-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Informatika u l-Libertajiet. L-utenti li jippruvaw jilħqu s-servizz li għalih jiċċaħħad l-aċċess huma diretti mill-ġdid lejn indirizz ta' informazzjoni tal-Ministeru tal-Intern, fejn jiġu ddikjarati r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-aċess u l-proċeduri ta' rimedju disponibbli quddiem il-qorti amministrattiva;

f'HU, l-aċċess jista' jiġi mblokkat b'mod temporanju jew permanenti. It-talbiet huma rċevuti mill-Ministru tal-Ġustizzja u, fejn ikun adegwat, jitressqu lill-Qorti Metropolitana ta' Budapest. L-obbligu li jiġi mblokkat l-aċċess huwa f'id l-ISP li tipprovdi l-konnettività. It-trasparenza tal-proċedura hija żgurata għax id-deċiżjoni tal-qorti tingħata permezz tal-pubblikazzjoni u b'hekk hija aċċessibbli għall-pubbliku. Ir-rikors ġudizzjarju huwa disponibbli fuq ordni ta' imblokkar permanenti;

f'IT, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Pedopornografija fuq l-internet jipprovdi ISPs b'lista ta' siti pedopornografiċi, li l-aċċess għalihom jitwaqqaf bl-użu ta' strumenti ta' filtraġġ u teknoloġija relatata. Is-siti li għalihom l-aċċess jiġi imblokkat se juru paġna ta' imblokkar li tindika r-raġunijiet għall-imblokkar. u

f'UK (l-Ingilterra/Wales, l-Irlanda ta' Fuq u l-Iskozja), miżuri biex jimblokkaw l-aċċess għal tali paġni web huma meħuda mill-IWF, li taħdem bħala korp awtoregolatorju li jagħti rakkomandazzjonijiet sabiex il-kontenut jiġi imblokkat jew iffiltrat. Hemm proċess ta' rikors fejn kull persuna b'assoċjazzjoni leġittima mal-kontenut inkwistjoni jew interess fih tista' tikkontesta l-akkuratezza tal-valutazzjoni. F'UK (Gibiltà), l-Awtorità Regolatorja ta' Ġibiltà tista', b'rabta mal-IPSs, timblokka l-aċċess għal paġni web li fihom jew li jxerrdu l-pedopornografija għal utenti f'Ġibiltà. Tali miżuri jridu jkunu trasparenti, limitati għal dak li hu strettament meħtieġ, proporzjonati u rraġonati.

F'BG, CY, CZ, IE, MT, PT u SE l-informazzjoni pprovduta dwar salvagwardji applikabbli għal miżuri ta' imblokkar ma kienitx konklussiva u se tirrikjedi eżami ulterjuri.

3.KONKLUŻJONI U L-PASSI LI JMISS

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi sinifikanti magħmula mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva.

Madankollu, għad hemm lok li jintuża l-potenzjal sħiħ tagħha billi jitkompla x-xogħol fuq l-implimentazzjoni kompluta u korretta tagħha fl-Istati Membri kollha. Xi sfidi ewlenin li jinsabu quddiemna jinkludu li jiġi żgurat li materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal fit-territorju tal-Istati Membri jitneħħa fil-pront u li jiġu pprovduti salvagwardji adegwati meta l-Istat Membru jagħżel li jieħu miżuri biex jimblokka l-aċċess għall-utenti tal-internet fit-territorju tiegħu għal paġni web li jkun fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal.

Għalhekk, sa issa, il-Kummissjoni ma għandha ebda pjan li tipproponi emendi għall-Artikolu 25 jew leġiżlazzjoni kumplimentari. Minflok, hija se tiffoka l-isforzi tagħha biex tiżgura li t-tfal jibbenefikaw mill-valur miżjud sħiħ tal-Artikolu, permezz tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu mill-Istati Membri.

Madankollu, fil-Komunikazzjoni riċenti tagħha dwar il-Pjattaformi Online, 23 il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li ssostni u tiżviluppa proċessi ta' diversi partijiet ikkonċernati bil-għan li jsibu soluzzjonijiet komuni għad-detezzjoni ta' materjal illegali online u għall-ġlieda kontrih u li jimpenjaw ruħhom li jagħmlu rieżami tal-ħtieġa għal proċeduri formali ta' notifika u ta' azzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex tiżgura livell sodisfaċenti ta' traspożizzjoni u implimentazzjoni. Dan jinkludi l-monitoraġġ tal-konformità tal-miżuri nazzjonali mad-dispożizzjonijiet rispettivi fl-Artikolu u l-iffaċilitar tal-iskambju tal-aħjar prattiki. Meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni se tagħmel użu mis-setgħat ta' infurzar tagħha taħt it-Trattati, permezz ta' proċeduri ta' ksur.

(1) www.torproject.org eż.. l-Onion Router ().
(2) http://www.inhope.org/
(3) http://www.inhope.org/tns/resources/statistics-and-infographics/statistics-and-infographics-2014.aspx
(4) https://www.iwf.org.uk/accountability/annual-reports/2015-annual-report
(5) Id-Direttiva 2011/92/UE tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija L-Artikolu 25 tad-Direttiva jkopri "miżuri kontra siti web li jkun fihom jew ixerrdu l-pedopornografija".
(6) Kif ġie definit fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva.
(7) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/375/ĠAI tad-29 ta' Mejju 2000 sabiex tkun miġġielda l-pornografija tat-tfal fuq l-Internet
(9) Ara wkoll il-premessi 46 u 47 tad-Direttiva dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 25.
(10) https://www.europol.europa.eu/ec3
(11) http://www.interpol.int/Crime-areas/Crimes-against-children/Crimes-against-children
(12) http://www.eurojust.europa.eu/
(13)

 Minn dan il-punt 'il quddiem, l-"Istati Membri" jew "l-Istati Membri" kollha jirreferu għall-Istati Membri marbuta bid-Direttiva (jiġfieri l-Istati Membri tal-UE minbarra d-Danimarka). F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tad-Direttiva, u d-Direttiva ma tapplikax għaliha. Madankollu id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI tibqa' tapplika u hija vinkolanti għad-Danimarka. F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, it-tnejn li huma ħadu sehem fl-adozzjoni tad-Direttiva u huma marbutin biha.

(14) F'konformità mal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva, f'rapport separat, jiġi vvalutat sa liema punt l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva (COM(2016)871) ippublikata b'mod konġunt ma' din.
(15) L-Istati Membri f'dan id-dokument huma mqassra skont dawn ir-regoli: http://publications.europa.eu/code/mt/mt-370100.htm
(16)

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ("id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku"). L-aħħar rapport ta' implimentazzjoni ġie ppubblikat fl-2012. http://ec.europa.eu/internal_market/e-commerce/docs/communication2012/SEC2011_1641_en.pdf  

(17) L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.
(18) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/safer-internet-better-internet-kids
(19) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/connecting-europe-facility
(20) http://www.inhope.org/Libraries/Statistics_Infographics_2014/INHOPE_stats_infographics_for_2014.sflb.ashx
(21) https://www.interpol.int/Crime-areas/Crimes-against-children/Access-blocking/The-INTERPOL-%22Worst-of%22-list
(22) https://www.iwf.org.uk/members/member-policies/url-list/blocking-faqs#WhatistheIWFURLlist
(23) Il-Komunikazzjoni dwar il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali, Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa (COM(2016) 288) tal-25 ta' Mejju 2016.
Top