Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0796

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tal-miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Eġew (SAI)

    COM/2016/0796 final

    Brussell, 15.12.2016

    COM(2016) 796 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tal-miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Eġew (SAI)


    1.Introduzzjoni

    Il-gżejjer minuri tal-Eġew (SAI) tal-Greċja jikkostitwixxu territorju insulari, estremament frammentat u soġġett għal restrizzjonijiet ġeografiċi u naturali serji, mhux popolat ħafna, bi ftit li xejn erja agrikola użata. It-topografija u l-klima tas-SAI huma fatturi li jillimitaw il-produzzjoni agrikola wkoll.

    Xi gżejjer huma iżolati ħafna mill-art kontinentali tal-Greċja u jaffaċċjaw problemi ta’ insularità doppja jew anki tripla 1 . Dan jaffettwa, fost l-oħrajn, il-provvista ta’ prodotti agrikoli essenzjali minħabba l-kostijiet addizzjonali tat-trasport relatati mal-insularità tas-SAI, mad-daqs żgħir u mad-distanza mis-swieq ta’ dawn.

    Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni speċifika, inkomparabbli mal-art kontinentali tal-UE, is-SAI jibbenefikaw minn miżuri speċjali għall-agrikoltura skont il-Politika Agrikola Komuni (PAK). Apparti mill-appoġġ skont l-ewwel pilastru tal-PAK, is-SAI jibbenefikaw minn skema ta’ appoġġ speċifika (skema għas-SAI) li tgħin fil-promozzjoni tal-produzzjoni lokali u tiżgura l-provvista ta’ prodotti essenzjali. L-iskema tkopri l-gżejjer kollha tal-Eġew ħlief Evia u Kreta.

    Dan ir-rapport għandu l-għan li jevalwa l-applikazzjoni tal-iskema tas-SAI bejn l-2006 u l-2014.

    Il-gżejjer tal-Eġew jokkupaw żona mdawra bil-gżira ta’ Kreta fin-Nofsinhar, bil-Greċja kontinentali fit-Tramuntana u fil-Punent, u bit-Turkija kontinentali fil-Lvant, u b’kollox ikopru 210 240 km2. In-numru totali ta’ gżejjer u gżejriet tal-Baħar Eġew huwa 7 582 iżda kważi 90% minnhom huma iżgħar minn 10 km2 u żewġ gżejjer biss, Lesbos u Rodi, jaqżbu erja ta’ 1 000 km2. L-erja totali tal-gżejjer u l-gżejriet Griegi tirrappreżenta 17.1% tat-territorju tal-pajjiż. Fil-maġġoranza tal-gżejjer jgħixu komunitajiet żgħar ta’ anqas minn 5 000 abitant permanenti, ħlief għal ftit gżejjer li għandhom superfiċje relattivament kbira u li fihom bejn 10 000 u 40 000 abitant, bħal Lesbos, Chios, Samos, Kos, jew Rodi li għandha aktar minn 100 000 abitant.

    2.SAI: oriġini, evoluzzjoni u qafas legali

    L-oriġini tal-iskema speċjali tas-SAI hija datata lura għall-1993 meta l-problemi partikolari affaċċjati mis-setturi agrikoli fis-SAI minħabba n-natura remota u insulari tagħhom kienu rikonoxxuti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2019/93 2 .

    Mill-ħolqien tagħha fl-1993, saru xi tibdiliet fl-iskema. Fir-riforma tal-PAK tal-2003, il-Greċja ddeċidiet li tapplika l-Iskema ta’ Pagament Uniku (SPU) għall-pajjiż sħiħ mill-1 ta’ Jannar 2006. Fl-2006, ir-regolament bażiku ġie sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 3 , li ma biddilx l-objettivi jew il-miżuri speċifiċi għas-SAI. Madankollu, introduċa approċċ ta’ programmazzjoni, li fisser li l-appoġġ tas-SAI huwa stabbilit fi programm annwali stabbilit mill-awtoritajiet nazzjonali u sottomess lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni u ġestit mill-Greċja.

    Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-2013, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 ġie sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 229/2013 4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ġew adottati, rispettivament, l-Atti Delegati u ta’ Implimentazzjoni, ir-Regolament (UE) Nru 178/2014 u r-Regolament (UE) Nru 181/2014 5 .

    L-iskema tas-SAI hija ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG). Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 jistabbilixxi limitu massimu annwali tal-programm għal EUR 23.93 miljuni fis-sena. Barra minn hekk, il-Greċja tipprovdi finanzjament nazzjonali ulterjuri (EUR 0.547 miljun). Id-dettalji tal-implimentazzjoni finanzjarja bejn l-2006 u l-2014 huma ppreżentati fl-Anness għal dan ir-rapport.

    Għad li l-iskema tas-SAI tħaddem l-istess approċċ bħall-iskema tal-POSEI 6 (objettivi, struttura u ġestjoni finanzjarja) minn perspettiva regolatorja, l-iskema tas-SAI hija amministrata b’mod separat mill-iskema tal-POSEI.

    Għall-kuntrarju tal-iskema tal-POSEI, li tieħu post l-ewwel pilastru tal-PAK (pagamenti diretti), l-iskema tas-SAI tikkostitwixxi appoġġ addizzjonali għas-SPU li jkopri l-gżejjer tal-Eġew u l-bqija tal-Greċja taħt l-ewwel pilastru tal-PAK, sabiex tindirizza l-problemi speċifiċi li jaffettwaw dawn il-gżejjer.

    3.Bażi legali tar-rapport

    L-Artikolu 20(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 229/2013 jistpula li “Sal-31 ta’ Diċembru 2016, u sussegwentement kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li juri l-impatt tal-azzjoni meħuda skont dan ir-Regolament, flimkien ma’ proposti adegwati, fejn applikabbli”.

    Ir-rapport ta’ implimentazzjoni attwali jqis b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-programm sas-sena finanzjarja 2014 u l-ħidma tal-evalwatur estern (ADE: Analiżi għad-Deċiżjoni Ekonomika) fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-miżuri implimentati skont l-iskema tal-POSEI/SAI, imwettqa bħala parti mill-programm REFIT. Il-ħidma tal-evalwatur estern twettqet minn Ġunju tal-2015 sa Awwissu tal-2016. L-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni se jitlesta b’mod formali bit-tħejjija ta’ Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mis-servizzi tal-Kummissjoni.

    4.L-agrikoltura fil-Gżejjer Minuri tal-Eġew

    B’mod ġenerali, il-Gżejjer Minuri tal-Eġew (SAI) huma gżejjer muntanjużi u b’ħafna għoljiet influwenzati minn klima Mediterranja kkaratterizzata minn sjuf xotti u sħan b’riskju ta’ nixfiet u ta’ xtiewi qosra b’xita spissa.

    Il-karatteristiċi ġeografiċi, il-kundizzjonijiet klimatiċi u l-istruttura soċjoekonomika tas-SAI jġibu magħhom ċerti żvantaġġi għall-attività u għall-produzzjoni agrikola tal-gżejjer. Il-gżejjer qed jaffaċċjaw abbandun gradwali tal-art u, eventwalment, tiċkin tas-soċjetajiet lokali minħabba li l-art agrikola tagħhom tinsab primarajment f’żoni semimarġinali jew marġinali.

    Il-gżejjer huma maqsumin fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Eġew (li jikkonsistu fil-gżejjer Cyclades u Dodecanese) u fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Eġew (li fih disa’ gżejjer abitati: Lesbos, Lemnos, Efstratios, Chios, Psara, Inousses, Samos, Ikaria, u Fournoi).

    L-agrikoltura għandha rwol importanti fil-ħajja ekonomika tar-reġjun tat-Tramuntana tal-Eġew. Is-settur agrikolu huwa responsabbli għal aktar minn 21% tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) reġjonali, u jħaddem 12.2% mill-forza tax-xogħol attiva tar-reġjun (2013). L-erja agrikola użata (EAU) fl-2010 kienet ta’ 168 610 ettari, li jirrappreżentaw 44% mill-erja totali. It-tiċkin tas-settur huwa attribwit għal fatturi relatati mal-istruttura tiegħu u għal problemi relatati mal-provvista ta’ prodotti agrikoli fil-gżejjer, maż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni, mar-rata baxxa ta’ tisqija u ma’ sehem akbar ta’ art mistrieħa.

    L-attivitajiet agrikoli jinkludu l-produzzjoni tal-għelejjel (deru 7 , siġar taż-żebbuġ, dwieli, siġar taċ-ċitru, u ċereali) u t-trobbija tal-bhejjem (trobbija tan-naħal, u t-trobbija ta’ nagħaġ, ta’ mogħoż u ta’ bhejjem tal-ifrat). Id-daqs medju tal-farms huwa żgħir (madwar 5 ettari ta’ EAU għal kull azjenda agrikola fl-2013).

    Fir-rigward tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Eġew, is-settur agrikolu huwa relattivament limitat u ma jissodisfax il-ħtiġijiet nutrizzjonali tar-reġjun, li jeħtieġ provvisti sostanzjali mill-bqija tal-Greċja u barra l-pajjiż. Dan il-fenomenu jintensifika partikolarment fix-xhur tas-sajf minħabba d-domanda akbar mill-attivitajiet turistiċi. Id-diskontinwità ġeografika tar-reġjun u d-disparitajiet intrareġjonali intensi joħolqu karattru mhux tas-soltu li ma jgħinx lill-iżvilupp tas-settur primarju. Il-klima xotta b’ammont baxx ta’ xita flimkien mad-disponibilità limitata ta’ art u l-art muntanjuża jxekklu l-iżvilupp tal-agrikoltura u, b’hekk, is-sostenibbiltà tal-gżejjer individwali. Minkejja dan, is-settur primarju jħaddem 6.1% tal-forza tax-xogħol bi staġjonalità b’saħħitha u sottoimpjieg (data tal-2013). L-EAU tar-reġjun hija ta’ 106 080 ettaru u tirrappreżenta 16.7% tal-erja tas-superfiċje tal-art totali (data tal-2010).

    5.Objettivi, skema u programmazzjoni

    L-objettivi tal-iskema tas-SAI elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 huma kif ġej:

    -il-garanzija tal-provvista ta’ prodotti essenzjali lill-gżejjer minuri għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar u bħala inputs agrikoli billi jittaffew l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-insularità u miċ-ċokon tagħhom u mid-distanza tagħhom mis-swieq;

    -il-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-attivitajiet agrikoli fil-gżejjer minuri, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u t-trasport tal-prodotti lokali kemm ipproċessati kif ukoll mhux ipproċessati.

    Għal dan l-għan, il-programm huwa msawwar minn żewġ tipi ta’ appoġġ: Arranġamenti ta’ Provvista Speċifiċi (SSA) u Appoġġ għall-Produzzjoni Lokali (SLP), it-tnejn iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG).

    5.1.Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista

    L-appoġġ għall-SSA huwa l-għotja mogħtija għall-provvista ta’ prodotti agrikoli mill-UE u jikkonċerna primarjament l-għalf tal-annimali u sa ċertu punt anqas dqiq għall-konsum mill-bniedem. Il-prodotti ewlenin għall-għalf tal-annimali huma l-qamħirrum u l-pasta taż-żrieragħ żejtnin u residwi oħrajn minn xaħmijiet jew minn żjut veġetali, filwaqt li l-prodott ewlieni appoġġjat għad-dqiq huwa l-qamħ jew id-dqiq tal-meslin.

    L-SAI huma maqsumin f’żewġ gruppi b’appoġġ differenzjat skont l-ispejjeż addizzjonali tal-periferiċità: Il-Grupp A jinkludi gżejjer eqreb l-art kontinentali u l-Grupp B jinkludi l-aktar gżejjer periferiċi li jirrappreżentaw madwar tliet kwarti mill-SAI.

    Il-benefiċjarji tal-appoġġ għas-SAI huma:

    għall-għalf tal-annimali: organizzazzjonijiet ta’ kooperattivi agrikoli, kooperattivi agrikoli indipendenti, bdiewa u negozjanti; u

    għad-dqiq: negozjanti tad-dqiq u furnara.

    Il-Greċja allokat EUR 5.47 miljuni fis-sena għal din il-miżura (23% tal-allokazzjoni finanzjarja annwali) li hija anqas mil-limitu ta’EUR 7.11 miljuni stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 229/2013 dwar is-SAI.

    Ta’ min jgħid li filwaqt li l-iskema tal-POSEI tibbenefika skont l-SSA minn eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni għal prodotti li jiġu minn pajjiżi terzi, l-iskema tas-SAI ma tibbenefikax minn dan il-mekkaniżmu ta’ deroga mill-arranġamenti doganali tal-Unjoni.

    5.2.Sostenn għall-produzzjoni lokali

    L-iskema tal-SLP għandha l-għan li tiżviluppa l-produzzjoni agrikola lokali u l-provvista ta’ prodotti agrikoli permezz ta’ miżuri relatati mal-produzzjoni, mal-ipproċessar u mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli lokali. Fil-programm ġie definit numru ta’ prodotti kkaratterizzati bħala tradizzjonali u importanti għas-SAI. Il-Greċja assenjat għall-SLP medja ta’ madwar EUR 19-il miljun fis-sena. Il-benefiċjarji tal-appoġġ huma l-produtturi agrikoli jew l-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

    5.3.Approċċ programmatiku u ta’ sħubija

    Kemm il-miżuri tal-SSA kif ukoll tal-SSP huma definiti fid-dettall mill-awtoritajiet Griegi fil-programm. Il-programm jirrifletti l-prijoritajiet stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali għas-settur agrikolu tagħhom f’kooperazzjoni msaħħa mal-partijiet ikkonċernati. Jekk ikun hemm bżonn, il-programm jista’ jiġi mmodifikat ta’ kull sena skont l-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 181/2014.

    Kull sena, sat-30 ta’ Settembru, il-Greċja tinnotifika r-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-programm fis-sena preċedenti skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 181/2014. 

    6.l-eżekuzzjoni finanzjarja

    L-eżekuzzjoni finanzjarja għall-perjodu analizzat u d-distribuzzjoni tal-ammonti bejn l-SLP u l-SSA huma ppreżentati fl-Anness. Il-miżuri tal-SLP jirrappreżentaw il-maġġoranza (74%-79%) tal-infiq.

    Fuq il-bażi tar-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali pprovduti mill-Greċja, jista’ jiġi osservat li r-rata ta’ eżekuzzjoni totali baqgħet relattivament għolja matul il-perjodu 2007-2014 u varjat bejn 85% u 94% kif muri fil-Figura 1.

    Figura 1: L-infiq annwali għall-iskema tas-SAI għal kull miżura (EUR miljun) (Sors: ADE bbażata fuq ir-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali)

    7.L-implimentazzjoni tal-iskema

    Bejn l-2007 u l-2014, il-Greċja nefqet fuq l-SLP bejn EUR 15.4 miljuni u EUR 17.8 miljuni fis-sena. 61% tal-fondi totali għall-SLP fil-perjodu 2007-2014 intużaw bħala appoġġ għal siġar taż-żebbuġ (l-għajnuna fil-fatt naqset minn EUR 11.4 miljuni fl-2007 għal EUR 8.7 miljuni fl-2014). Setturi importanti oħrajn kienu: l-inbid (11% tal-infiq tal-SLP bi tnaqqis minn EUR 2.2 miljuni fl-2007 għal EUR 1.2 miljuni fl-2014), il-produzzjoni tal-ġobon tradizzjonali (9% tal-fondi tal-SLP minfuqa, żieda bejn l-2009 u l-2014 minn EUR 1.7 miljuni għal EUR 2.6 miljuni), l-apikultura (7% tal-fondi minfuqa, nefqiet stabbli ta’ madwar EUR 1.2 miljuni) u d-deru (6% tal-fondi tal-SLP, żieda minn EUR 0.9 miljuni għal EUR 1.1 miljuni).

    Rigward l-SSA, bejn l-2007 u l-2014 il-baġit annwali totali għall-SSA kien stabbilit għal EUR 5.47 miljuni u n-nefqa totali annwali varjat bejn EUR 4.8 miljuni u EUR 5.3 miljuni. Kważi 95% tal-għajnuna tal-SSA ntużat għall-oġġetti tal-ikel għall-annimali u madwar 5% għad-dqiq.

    8.Valutazzjoni tal-programm

    8.1.Garanzija tal-provvista għall-prodotti agrikoli

    L-objettiv ta’ garanzija tal-provvista ta’ prodotti essenzjali għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar u bħala inputs agrikoli billi jittaffew l-ispejjeż addizzjonali mġarrba fil-parti l-kbira nkiseb b’suċċess, l-aktar għall-għalf tal-annimali. Bejn l-2011 u l-2014, ir-rata ta’ kopertura fuq il-ħtiġijiet tal-provvista totali tas-SAI kienet ta’ aktar minn 100% għall-għalf tal-annimali u parzjalment insuffiċjenti għad-dqiq (madwar 57% fl-2014). Huwa osservat tnaqqis għall-għalf tal-annimali għall-Grupp ta’ gżejjer A (-26%). Madankollu, dan il-grupp kien jirrappreżenta 6% biss mill-volum totali tal-għalf tal-annimali fl-2014. Dan huwa dovut l-aktar għat-tendenza ta’ tnaqqis fin-numri ta’ annimali u għal preferenza ta’ għalf tal-annimali standardizzat fost il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem. Ir-rata ta’ kopertura tad-dqiq hija anqas għall-gżejjer tal-Grupp B u naqset b’27% tul il-perjodu.

    8.2.Il-koerenza bejn l-SSA u l-SPL

    B’mod ġenerali, l-istrumenti tal-SSA u tal-SPL ġew implimentati b’mod koerenti. Ma hemm ebda inkoerenza interna bejn l-implimentazzjoni tal-SSA u tal-SLP, peress li l-prodotti appoġġjati mill-SSA (dqiq u għalf tal-annimali) mhumiex prodotti lokalment.

    8.3.Iż-żamma tal-attivitajiet tal-produzzjoni agrikola

    Fil-parti l-kbira l-attivitajiet ta’ produzzjoni agrikola appoġġjati nżammew f’termini ta’ erja (ettari) jew volum (tunnellati) - bl-eċċezzjoni taż-żebbuġ, il-produzzjoni agrikola ewlenija appoġġjata mill-parti tal-SLP tal-programm. Is-superfiċji kkultivati bis-siġar taż-żebbuġ naqsu b’21% bejn l-2007 u l-2014, filwaqt li l-produzzjoni taż-żebbuġ prodott naqset anqas, u ċkienet bi 8% (jiġifieri l-produttività żdiedet) iżda hija esposta għal varjazzjonijiet annwali qawwijin. Il-produzzjoni tal-inbid naqset ukoll, tant ieħor is-superfiċji tad-dwieli. Attivitajiet tal-produzzjoni oħrajn, bħal dawk relatati mad-deru, mal-apikultura jew mal-produzzjoni tal-ġobon tradizzjonali żdiedu bi ftit.

    L-iskema tas-SAI, li primarjament tappoġġja l-kostijiet operatorji (produzzjoni, ipproċessar u kummerċjalizzazzjoni), kellha impatt limitat fuq it-titjib tal-kompetittività tal-prodotti agrikoli tradizzjonali. Għall-kuntrarju, il-kompetittività fil-parti l-kbira bbenefikat minn strumenti ta’ appoġġ oħrajn, speċjalment mill-PŻR.

    8.4.Il-kontribuzzjoni għall-objettivi tal-PAK

    L-iskema tas-SAI kkontribwixxiet għall-objettivi ġenerali tal-PAK:

    8.4.1.Produzzjoni vijabbli tal-ikel

    Il-programm ikkontribwixxa għall-produzzjoni vijabbli tal-ikel billi ffaċilita ż-żamma tal-livelli ta’ produzzjoni f’ħafna mis-setturi, u b’hekk appoġġja l-istabbiltà tad-dħul tal-bdiewa. Madankollu, peress li l-iskema tas-SAI hija appoġġ addizzjonali għall-attivitajiet tal-produzzjoni speċifiċi għall-SPU applikata fl-SAI, l-impatt tagħha fuq id-dħul tal-bdiewa jkun anqas importanti milli fir-reġjuni li jibbenefikaw mill-POSEI u mhux koperti mill-SPU. Finalment, l-evalwazzjoni esterna tindika li billi allokat l-għajnuna permezz tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi u billi appoġġjat id-diversi stadji tal-katina tal-valur, l-iskema tas-SAI kkontribwiet għad-disponibbiltà tal-prodotti magħmulin lokalment bi prezzijiet aktar affordabbli.

    8.4.2.Ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali

    L-iskema tas-SAI kkontribwiet ukoll għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali permezz tar-regoli dwar il-kundizzjonalità, li japplikaw għall-pagamenti u jagħmlu rabta bejn dawn il-pagamenti u r-rispett mill-bidwi ta’ sett ta’ regoli statutorji tal-UE għall-ambjent u għas-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti.

    Barra minn hekk, l-iskema tikkontribwixxi wkoll għall-ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi naturali billi tappoġġja ż-żamma ta’ għelejjel b’impronti ambjentali baxxi. Il-produzzjonijiet appoġġjati jistgħu jiddependu fuq sistemi tal-produzzjoni estensivi, li relattivament ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. L-użu ta’ pestiċidi huwa limitat ħafna għat-tkabbir taż-żebbuġ. It-trobbija tan-naħal ikkontribwiet għall-preservazzjoni tal-flora sensittiva tal-gżejjer. Kultivazzjoni oħra, bħas-siġar tad-deru, id-dwieli jew ix-xgħir ikkontribwiet għall-protezzjoni tal-pajsaġġ u tal-ambjent naturali.

    Madankollu, għandhom jiġu żviluppati aktar il-prattiki tal-biedja sostenibbli, inkluż billi tissaħħaħ il-kompetittività mhux tal-prezzijiet 8 , li tinkludi firxa wiesgħa ta’ elementi bħall-kwalità tal-prodotti (produzzjoni organika jew tikketti u ċertifikazzjoni oħra), il-vantaġġ teknoloġiku, ir-rekwiżiti ambjentali, eċċ. Id-differenzazzjoni tal-prodotti permezz tal-kompetittività mhux tal-prezzijiet tista’ tkun irrakkomandata (żejt taż-żebbuġa, inbid DOP, eċċ.) meta mqabbla ma’ komoditajiet konvenzjonali li s-SAI ma għandhom ebda vantaġġ komparattiv għalihom.

    8.4.3.Żvilupp territorjali bbilanċjat

    Rigward il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp territorjali bbilanċjat, il-programm tas-SAI jappoġġja b’mod partikolari l-attivitajiet tal-produzzjoni li jinsabu f’żoni aktar periferiċi. L-okkupazzjoni territorjali hija vitali sabiex jiġu evitati d-depopolazzjoni u d-dipendenza fuq it-turiżmu.

    Ir-raġunijiet għall-appoġġjar tal-produzzjoni tad-deru, tas-siġar taż-żebbuġ u tax-xgħir huma relatati mal-iżvilupp territorjali tar-reġjun. B’mod aktar speċifiku, il-kultivazzjoni tad-deru tikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali speċjali. L-appoġġ għandu wkoll l-għan li jipprevjeni l-abbandun tal-art u li jħares l-ambjent. L-għajnuna tas-SAI kkontribwiet għall-iżvilupp ta’ żoni rurali permezz ta’ erba’ kanali: (i) iż-żamma ta’ żoni kkultivati u ta’ farms; (ii) l-impjiegi (iii) l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ ġestjoni tal-art soċjostrutturali speċifiċi f’ħafna mir-reġjuni u (iv) b’mod indirett permezz ta’ kundizzjonalità, ta’ appoġġ għall-prattiki tal-biedja ekoloġiċi.

    8.4.4.Sinerġija ma’ miżuri oħrajn tal-PAK

    Hemm koerenza kbira bejn il-programm tas-SAI u l-Programmi tal-Iżvilupp Rurali (it-tieni pilastru tal-PAK). Din hija kruċjali għall-kisba tal-objettivi tal-PAK, fid-dawl tal-interdipendenza b’saħħitha bejn iż-żewġ tipi ta’ appoġġ.

    Is-sinerġiji bejn l-iskema tas-SAI, il-PŻR u l-appoġġ nazzjonali jeżistu fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħat-taħriġ, il-bidu tax-xogħol ta’ bdiewa żgħażagħ u l-investimenti appoġġjati mill-PŻR u l-produzzjoni appoġġjata mill-SAI. Prattiki tal-biedja sostenibbli lil hinn mill-kundizzjonalità huma mħeġġa mill-PŻR, inkluż għal produzzjoni appoġġjata mill-SAI. Investimenti fl-agroindustriji huma appoġġjati mill-PŻR ukoll, kif ukoll it-taħriġ għal persuni attivi fis-settur tal-ikel agrikolu. L-iskema tas-SAI tappoġġja l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-istess bdiewa u tal-agroindustriji. Il-koerenza mal-appoġġ nazzjonali u ma’ miżuri oħrajn tal-PAK (inbid, frott u ħxejjex) hija b’saħħitha wkoll, iżda trid issir aktar espliċita fid-dokumenti ta’ programmazzjoni.

    8.5.Ir-rilevanza tal-iskema tas-SAI

    L-analiżijiet twettqu sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità tal-miżuri attwali tal-PAK (l-iskema ta’ pagament bażiku introdotta mir-riforma tal-PAK tal-2013) sabiex ikopru l-ħtieġa speċifika tas-SAI. L-analiżijiet urew li dawk il-ħtiġijiet tas-SAI ma setgħux jiġu koperti bis-sħiħ mill-miżuri attwali tal-PAK. Mingħajr l-iskema speċifika tas-SAI, ir-riskju ta’ abbandun tal-produzzjoni jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-kopertura ta’ ċerti ħtiġijiet speċifiċi bħall-impjiegi, kwistjonijiet ambjentali jew id-dimensjoni territorjali tas-SAI.

    8.6.Il-valur miżjud tal-UE

    Kif diġà deher fil-punt 8.5, l-istrumenti attwali tal-PAK mhumiex adattati għalkollox għas-SAI. L-iskema tas-SAI tippermetti li jiġu indirizzati aħjar l-isfidi affaċċjati minn dawk il-gżejjer żgħar, speċjalment permezz ta’ programmazzjoni mmirata, li tipprovdi għall-adattament rapidu tal-għajnuniet għal sitwazzjonijiet speċifiċi.

    Fil-livell tal-politika, il-valur miżjud tal-UE huwa primarjament ivvalutat b’mod pożittiv għaliex l-iskema hija rikonoxximent tal-fatt li numru ta’ ostakoli serji jeħtieġu miżuri speċifiċi. L-iskema tas-SAI wriet ukoll li hija siewja f’termini tal-implimentazzjoni tal-kwalità u tar-rekwiżiti ambjentali. Fil-livell tad-disinn u tal-implimentazzjoni tal-programmi, uriet li hija pożittiva wkoll f’termini tal-flessibilità mogħtija lill-Greċja sabiex tiddefinixxi l-programm tagħha, fuq il-bażi tal-ħtiġijiet speċifiċi. Iffavoriet ukoll kultura ta’ ġestjoni aktar ibbażata fuq ir-riżultati.

    8.7.L-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-programm

    B’mod ġenerali l-programm huwa ġestit tajjeb. Jirriżultaw xi diffikultajiet mill-fatt li l-proċedura sabiex wieħed japplika u jirċievi l-appoġġ hija mifruxa fuq diversi awtoritajiet tal-gżejjer/tal-art kontinentali u maniġerjali. Il-piż amministrattiv huwa meqjus relattivament simili meta mqabbel mal-perjodu ta’ evalwazzjoni preċedenti mill-benefiċjarji u mill-awtoritajiet maniġerjali.

    L-istrateġija għal kull settur tal-produzzjoni għandha tkun aktar iddettaljata fil-programm, inkluż bl-iżvilupp ulterjuri ta’ indikaturi speċifiċi li jridu jiġu rrapportati fl-AIR. Anki l-kontribuzzjoni tal-iskema għall-objettivi ġenerali tal-PAK għandha ssir aktar espliċita fil-programm u tintrabat mal-objettivi kkwantifikati speċifiċi.

    Ir-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali (AIR) tjiebu, speċjalment fl-aħħar snin. L-AIR rigward, fost l-oħrajn, l-indikaturi tal-prestazzjoni komuni, id-data soċjoekonomika u l-implimentazzjoni finanzjarja b’mod ġenerali jikkorrispondu għar-rekwiżiti tal-Artikolu 31(1)a)-m) tar-Regolament (UE) Nru 181/2014. Madankollu, ġew identifikati xi problemi fir-rigward tal-ġbir tad-data neċessarja għall-mili tal-indikaturi tal-prestazzjoni.

    Il-kontenut tal-AIR kif definit fl-Artikolu 39(1) ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi ċċarat u ssimplifikat sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ rapportar.

    8.8.Il-prestazzjoni globali

    L-isfidi speċifiċi affaċjati mill-SAI huma indirizzati b’mod dirett mill-programm permezz ta’ kontribuzzjoni għad-dħul tal-bdiewa:

    Il-periferiċità u l-insularità tas-SAI jimplikaw kostijiet tal-provvista ġenerali ogħla minħabba kostijiet tat-trasport ogħla. L-appoġġ tal-SSA jtaffi dawk il-kostijiet. F”ċerti żoni periferiċi li jaffaċċjaw problemi ta’ insularità doppja jew anki tripla, peress li mhux il-gżejjer kollha huma mqabbdin ma’ portijiet tal-art kontinentali, l-appoġġ tas-SAI għall-produzzjoni agrikola huwa essenzjali għaż-żamma tal-attivitajiet ekonomiċi.

    It-topografija kumplessa (l-irqajja’ żgħar, il-pajsaġġ b’ħafna għoljiet u muntanjuż) tillimita l-irqajja’ tal-art, u dan jimplika daqs iżgħar għall-azjendi agrikoli, li jwassal għal kostijiet tal-produzzjoni ogħla u jxekkel l-ekonomiji ta’ skala. Id-daqs żgħir tat-territorji jfisser li r-raba’ hija skarsa. Is-SAI huma wkoll soġġetti għal eventi klimatiċi avversi (nixfiet) li jaffettwaw il-produzzjoni agrikola.

    L-iskema tas-SAI tgħin sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. L-effetti tal-programm huma msaħħin minn sinerġiji u minn komplimentarjetajiet, b’mod partikolari mal-PŻR u mal-appoġġ nazzjonali.

    9.Suġġerimenti għal titjib

    9.1.L-emendi proposti għar-regolament tal-UE

    Il-valutazzjoni tal-iskema deskritta fil-punt 8 turi li modifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 229/2013 mhijiex meqjusa bħala neċessarja.

    Kif diġà ntqal fil-punt 8.7, l-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 181/2014 għandu jiġi emendat sabiex tiġi ssimplifikata l-lista ta’ elementi li jridu jiġu inklużi fl-AIR.

    9.2.Rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru

    L-appoġġ skont il-programm tas-SAI jikkostitwixxi skema speċifika għall-PAK. Sabiex titjieb l-effiċjenza tiegħu, l-awtoritajiet Griegi għandhom itejbu d-disinn tal-programm filwaqt li jqisu l-objettivi ġenerali tal-PAK f’koerenza mal-istrateġija rispettiva għas-settur agrikolu għar-reġjun. L-objettivi ġenerali għandhom jiġu ċċarati fuq il-bażi tal-objettivi kkwantifikati u bl-indikaturi adegwati.

    Ir-rapportar dwar il-programm għandu jittejjeb, speċjalment sabiex jinforma aħjar dwar il-kisba tal-objettivi u billi jiġu integrati l-indikaturi tal-prestazzjoni fl-analiżijiet.

    L-aspetti territorjali diġà huma komponent importanti fil-programm attwali tas-SAI u jikkorrispondu għal ħtiġijiet lokali partikolari ħafna. Iwieġbu għat-tielet objettiv tal-PAK ta’ żvilupp territorjali bbilanċjat. Madankollu, dan għandu jsir aktar espliċitu fil-programm.

    L-għażla f’termini tal-ħsieb wara l-SSA (l-allokazzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti: bħala inputs agrikoli u għall-konsum mill-bniedem) għandha ssir espliċita. L-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu jissorveljaw l-importazzjonijiet u r-rati ta’ kopertura lokali.

    Barra minn hekk, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet Griegi jkomplu jsaħħu l-koerenza mal-PŻR sabiex jippromwovu l-kompetittività.

    Il-Greċja għandha tkompli tiżviluppa prattiki tal-biedja sostenibbli, inkluż billi ssaħħaħ il-kompetittività mhux tal-prezzijiet.

    10.Konklużjonijiet

    Il-prestazzjoni ġenerali tal-iskema tas-SAI bejn l-2006 u l-2014 tista’ tiġi vvalutata bħala pożittiva fir-rigward tal-ħila tagħha li tindirizza l-isfidi partikolari relatati mal-agrikoltura assoċjati mal-post ġeografiku speċifiku tal-Gżejjer Minuri tal-Eġew. L-SLP iffaċilita ż-żamma tal-attivitajiet tal-produzzjoni agrikola u l-SSA naqqas id-differenza fil-prezz tal-prodotti appoġġjati fl-SAI meta mqabblin mal-art kontinentali.

    Barra minn hekk, l-iskema tas-SAI, li tikkostitwixxi għajnuna addizzjonali għall-pagamenti diretti, hija konsistenti mal-objettivi tal-PAK. Mingħajr l-iskema speċifika tas-SAI u l-appoġġ limitat għar-regoli tal-PAK kif miftiehma fir-riforma tal-2013 (pagamenti diretti), is-sitwazzjoni tkun tirriżulta fl-abbandun tal-produzzjoni, li jista’ jħalli effett negattiv fuq l-impjiegi, l-ambjent jew id-dimensjoni territorjali tas-SAI.

    L-iskema tas-SAI ilha taħdem mingħajr intoppi kemm ilu li ddaħħal l-approċċ ta’ programmazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li ġiet implimentata b’mod effiċjenti u effettiv u li twieġeb għall-ħtiġijiet tas-SAI b’mod sodisfaċenti. Il-pakkett finanzjarju allokat għall-iskema għen biex jiġu ssodisfati l-objettivi ġenerali tal-iskema. Għaldaqstant huwa rakkomandat li jinżamm ir-regolament bażiku attwali.

    Ir-regolament ta’ implimentazzjoni għandu jiġi mmodifikat sabiex jiġi ċċarat ir-rapportar tal-programm. Il-Greċja hija mistiedna wkoll tqis ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport u tadatta l-programm tas-SAI sabiex tkompli ttejjeb l-effikaċja tal-applikazzjoni tal-miżuri u s-segwitu tal-programm u sabiex issaħħaħ il-komplimentarjetà ma’ strumenti ta’ appoġġ oħrajn tal-PAK.

    Anness: L-eżekuzzjoni finanzjarja tal-programm tas-SAI bejn l-2007 u l-2014

    (1)  Insularità multipla tfisser li ma hemm ebda konnessjoni diretta tat-trasport bejn il-gżejjer u l-art kontinentali, u b’hekk il-provvisti jinġiebu permezz ta’ gżejjer oħrajn.
    (2)  ĠU L 184, 27.7.1993, p. 1.
    (3)  ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1.
    (4)  ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41.
    (5)  ĠU L 78 tal-20.3.2013; atti delegati u ta’ implimentazzjoni: ĠU L 63, 4.3.2014.
    (6)  rigward miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-Unjoni 
    (7)  Id-deru huwa raża miksuba mis-siġar tad-deru prodott fuq il-gżira ta’ Chios b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta, użata għall-produzzjoni ta’ likuri u ta’ ħelu.
    (8)  Kompetittività mhux tal-prezzijiet jew strutturali hija l-kapaċità li ssir distinzjoni minn prodotti u/jew servizzi oħra permezz ta’ vantaġġi kompetittivi apparti l-prezz. Il-bini ta’ dawn it-tipi ta’ vantaġġi kompetittivi huwa bbażat fuq il-perċezzjonijiet tal-klijenti dwar il-provvista.
    Top

    Brussell, 15.12.2016

    COM(2016) 796 final

    ANNESS

    tar-

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tal-miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Eġew (SAI)


    ANNESS

    Evoluzzjoni tal-infiq għall-iskema tas-SAI f’EUR

    Miżuri

    2007

    2008

    2009

    2010

    2011

    2012

    2013

    2014

    Pruna ta’ Skopelos

    11.820

    19.995

    13.200

    13.200

    15.525

    14.350

    13.930

    10.840

    Fażola u Lathurus sativus

    71.003

    27.709

    71.185

    71.185

    43.948

    38.885

    62.026

    147.828

    Apikultura

    1.194.180

    1.187.234

    1.177.271

    1.177.271

    1.158.322

    1.134.019

    1.137.967

    1.155.975

    Settur tal-inbid

    2.181.986

    1.322.109

    2.043.086

    2.043.086

    2.106.554

    1.879.799

    1.852.768

    1.220.813

    Konservazzjoni tas-siġar tad-deru ta’ Chios

    885.304

    849.821

    1.073.111

    1.073.111

    1.144.296

    1.090.847

    1.088.398

    1.107.915

    Konservazzjoni tas-siġar tradizzjonali taż-żebbuġ

    11.372.595

    11.200.033

    10.934.053

    10.934.053

    10.002.336

    9.370.618

    9.179.812

    8.659.853

    Patata

    560.968

    471.995

    451.533

    451.533

    483.449

    437.792

    244.381

    486.321

    Tadam ċirasa ta’ Santorini

    8.950

    7.940

    11.761

    11.761

    24.387

    20.476

    7.902

    30.107

    Qaqoċċ ta’ Tinos

    5.884

    4.152

    5.225

    5.225

    2.822

    4.130

    4.146

    3.000

    Frott taċ-Ċitru

    327.973

    275.555

    320.549

    320.549

    183.058

    216.249

    219.643

    194.830

    Linja tal-produzzjoni ta’ ġobon tradizzjonali

     

     

    1.734.350

    1.734.350

    2.236.799

    2.003.818

    2.109.244

    2.535.715

    Xgħir

     

     

     

    350

    344.204

    240.422

    332.194

    321.305

    Total tal-miżuri tal-SLP

    16.620.663

    15.366.543

    17.835.324

    17.835.674

    17.745.700

    16.451.405

    16.252.411

    15.874.502

    SSA

    5.301.910

    5.056.730

    5.199.727

    5.037.774

    4.754.242

    5.153.102

    5.222.158

    5.201.036

    TOTAL SAI

    21.922.573

    20.423.273

    23.035.051

    22.873.448

    22.499.942

    21.604.507

    21.474.569

    21.075.538

    Sors: ADE abbażi tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni (AIR); id-differenzi minuri fl-eżekuzzjoni tad-data finanzjarja tal-linji baġitarji rilevanti jistgħu jingħataw bosta raġunijiet għalihom, fosthom il-possibbiltà ta’ rkupri żgħar, ħlasijiet tard, ikklirjar, kontrolli addizzjonali, eċċ.

    Top