Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0794

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-effikaċja tar-Rakkomandazzjoni 2014/70/UE dwar prinċipji minimi għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) bl-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli

    COM/2016/0794 final

    Brussell, 15.12.2016

    COM(2016) 794 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-effikaċja tar-Rakkomandazzjoni 2014/70/UE dwar prinċipji minimi għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) bl-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli


    1.    Introduzzjoni

    F’Jannar tal-2014, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni 1 dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli (HVHF, high-volume hydraulic fracturing). B’mod kumplimentari għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji minimi għal attivitajiet bħal dawn, bil-għan li tgħin fil-ħarsien tas-saħħa pubblika, tal-klima u tal-ambjent, fl-użu tar-riżorsi b’mod effiċjenti u fl-informar lill-pubbliku. L-Istati Membri li kienu għażlu li jwettqu t-tali attivitajiet intalbu jdaħħlu fis-seħħ ir-Rakkomandazzjoni sat-28 ta’ Lulju 2014. Ir-Rakkomandazzjoni pproponiet li l-Kummissjoni tirrevedi l-effikaċja tagħha 18-il xahar wara li tiġi ppubblikata.

    2.    L-istat ta’ żvilupp attwali tal-idrokarburi li jużaw tekniki ta’ stimulazzjoni tal-bjar u ta’ rkupru mtejjeb fl-UE

    Stħarriġ 2 fost l-Istati Membri sab li 11 3 taw, jew qed jippjanaw li jagħtu, awtorizzazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ idrokarburi li jistgħu jeħtieġu l-użu tal-HVHF. L-Istati Membri l-oħrajn jew ma kellhomx riżorsi jew inkella introduċew moratorji jew projbizzjonijiet. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri intessati fl-iżvilupp tal-gass tax-shale jinsabu fil-fażi ta’ ppjanar jew qegħdin fil-proċess li joħorġu permessi għal proġetti ta’ esplorazzjoni. B’kollox, tħaffru madwar 80 bir esploratorju, li tal-anqas 16 minnhom kienu frazzjonati b’volumi għoljin ta’ fluwidi 4 .

    Għall-kuntrarju tal-gass tax-shale, l-iżvilupp tal-metan mis-saffi tal-faħam diġà rriżulta fil-produzzjoni. L-Istati Membri ħarġu permessi għal tal-anqas 137 bir għall-esplorazzjoni jew għall-produzzjoni tal-metan mis-saffi tal-faħam 5 . Il-produzzjoni tal-metan mis-saffi tal-faħam mhux bilfors teħtieġ il-frazzjonazzjoni idrawlika, iżda tinvolvi l-ippompjar ta’ volumi għoljin ta’ ilma b’riskju potenzjalment akbar ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art.

    L-estrazzjoni ta’ gass kumpatt issegwi proċessi li huma komparabbli għal dawk użati għall-gass tax-shale. Fl-aħħar deċennji, tħaffru u ġew fratturati idrawlikament aktar minn 600 bir tal-gass kumpatt fuq l-art u offshore fl-Istati Membri 6 . Normalment, l-iżvilupp tal-gass kumpatt jeħtieġ volumi iżgħar għall-fratturazzjoni idrawlika meta mqabbel mal-gass tax-shale.

    Bjar tal-gass jew taż-żejt konvenzjonali ma jeħtiġux fratturazzjoni idrawlika sabiex jinduċu fluss fil-fażi primarja ta’ rkupru. Madankollu, aktar ma jitbattlu d-depożiti, fl-UE qegħdin jiġu applikati dejjem aktar tekniki ta’ rkupru mtejjeb sabiex jiġi estiż il-perjodu ta’ produzzjoni. Dawn it-tekniki qegħdin jevolvu l-ħin kollu, iżda jistgħu jinvolvu l-injezzjoni ta’ fwar, gassijiet u sustanzi kimiċi oħrajn fil-bir 7 . B’kollox, 11-il Stat Membru 8 kkonfermaw li kienu taw jew qed jippjanaraw li jagħtu awtorizzazzjonijiet għall-estrazzjoni ta’ żejt u ta’ gass konvenzjonali permezz ta’ tekniki ta’ stimolazzjoni jew ta’ rkupru mtejjeb 9 .

    3.    L-effikaċja tar-Rakkomandazzjoni

    Din l-analiżi tivvaluta l-effikaċja tar-Rakkomandazzjoni:

    fil-prevenzjoni, fl-immaniġġjar u fit-tnaqqis tal-impatti u tar-riskji għall-ambjent;

    fl-għoti ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi;

    fit-tweġib għat-tħassib tal-pubbliku; u

    filwaqt li tqis il-progress tekniku u l-użu ta’ tekniki oħrajn apparti l-HVHF.

    L-Istati Membri ntalbu jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li kienu implimentaw bħala tweġiba għar-Rakkomandazzjoni fl-2014 u fl-2015.

    Ir-reviżjoni kienet appoġġjata mill-istudji 10 u mill-proċessi ta’ konsultazzjoni li ġejjin:

    studju dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, inklużi intervisti mal-partijiet ikkonċernati;

    studji dwar l-immaniġġjar tal-impatti u tar-riskji ambjentali tal-estrazzjoni ta’ żejt u ta’ gass bl-użu ta’ tekniki ta’ rkupru assistit, kif ukoll tal-estrazzjoni tal-gass kumpatt, taż-żejt kumpatt u tal-metan mis-saffi tal-faħam;

    avveniment għall-partijiet ikkonċernati dwar karburanti fossili mhux konvenzjali;

    stħarriġ tal-Flash Eurobarometer 11 , li stħarreġ l-attitudnijiet taċ-ċittadini mistħarrġa fir-reġjuni Ewropej fejn ingħataw jew jista’ jkun ippjanat li jingħataw permessi għal proġetti tal-gass tax-shale; u

    ir-rispons mingħand l-Istati Membri fil-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma tekniku dwar aspetti ambjentali ta’ karburanti fossili mhux konvenzjali.

    3.1.    L-effikaċja tar-Rakkomandazzjoni fil-prevenzjoni, fl-immaniġġjar u fit-tnaqqis tal-impatti u tar-riskji għall-ambjent

    Ir-Rakkomandazzjoni tissuġġerixxi li ssir valutazzjoni ambjentali strateġika (VAS) qabel ma jingħataw liċenzji għall-idrokarburi u li ssir valutazzjoni tal-impatt ambjentali (VIA) għal proġetti li jistgħu jwasslu għall-użu tal-HVHF. Wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni, ir-Renju Unit 12 lesta VAS qabel ma ta liċenzji ġodda, filwaqt li qies ir-riskji tal-fratturazzjoni idrawlika, filwaqt li l-Polonja kompliet tagħti liċenzji mingħajr ma tagħmel VAS. Ħafna mill-Istati Membri kkonċernati jesiġu li ssir VIA bil-liġi qabel ma jsiru attivitajiet li jinvolvu l-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika, filwaqt li oħrajn jitolbu VIA biss meta proġett ikun jissodisfa kriterji speċifiċi.

    Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu regoli dwar ir-restrizzjonijiet possibbli tal-attivitajiet. Ftit minnhom għandhom regoli li japplikaw b’mod speċifiku għall-fratturazzjoni idrawlika, pereżempju fil-Litwanja u fil-Ġermanja f’żoni ta’ ħarsien tal-ilma, filwaqt li oħrajn għandhom regoli ġenerali applikabbli għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet jew jistabbilixxu r-regoli skont il-każ.

    L-applikazzjoni tal-prinċipju rigward l-għażla tas-sit tista’ tiġi vvalutata għal siti ta’ esplorazzjoni fil-Polonja, fl-Ingilterra u, sa ċertu punt, fi Spanja. Fil-Polonja u fir-Renju Unit, saru valutazzjonijiet tar-riskju speċifiċi għassiti. Id-dokumenti preliminari tal-VIA vvalutati fi Spanja jissuġġerixxu li ser isiru valutazzjonijiet tar-riskju.

    Fid-Danimarka u fl-Ingilterra, it-testijiet tal-integrità tal-bjar iridu jiġu riveduti minn parti terza indipendenti. Ma setgħet tinstab ebda evidenza ta’ reviżjoni bħal din fis-siti eżaminati fil-Polonja.

    Ir-Rakkomandazzjoni titlob li jsir studju tax-xenarju bażi li jindirizza għaxar parametri, fosthom il-kwalità tal-ilma u tal-arja. Dan il-prinċipju ma jispeċifikax id-dejta preċiża li trid tinġabar. B’mod ġenerali, ħafna mill-parametri ġew ikkunsidrati fis-siti li għalihom inħarġu permessi wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni.

    Il-monitoraġġ sar jew huwa ppjanat li jsir fuq il-bażi tal-parametri ddeterminati fix-xenarju bażi. Mhux ir-riżultati tal-monitoraġġ ambjentali kollha huma rrapportati b’mod sistematiku mill-operaturi lill-awtoritajiet kompetenti. Fil-Litwanja, hemm rekwiżiti ta’ monitoraġġ speċifiċi applikabbli għall-esplorazzjoni u għall-produzzjoni taż-żejt u tal-gass tax-shale imnaqqxin fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Ħarsa ġenerali aktar komprensiva lejn l-applikazzjoni tal-prinċipji kollha tar-Rakkomandazzjoni fl-Istati Membri hija disponibbli fl-istudju pprovdut ma’ din l-analiżi.

    3.2.    L-effikaċja tar-Rakkomandazzjoni fl-għoti ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi

    Ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ġiet żviluppata fi żmien meta l-HVHF ma kinitx tintuża fl-UE. Din it-taqsima tiffoka fuq tliet biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li jistgħu jkunu ta’ rilevanza għall-fażi bikrija tal-proġetti tal-gass tax-shale u li l-Istati Membri japplikaw b’mod differenti. Analiżi aktar dettaljata ta’ dan u ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra tista’ tinkiseb mill-istudju  li jappoġġa dan ir-rapport.

    Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 13 tipprojbixxi l-iskariku dirett ta’ sustanzi niġġiesa fl-ilma ta’ taħt l-art. L-awtoritajiet kompetenti għandhom interpretazzjonijiet differenti tal-applikabbiltà tagħha għal operazzjonijiet tal-gass tax-shale. Uħud iqisu l-fratturazzjoni idrawlika bħala attività li tista’ tirriżulta fl-introduzzjoni ta’ sustanzi niġġiesa li jkunu jeħtieġu kundizzjonijiet speċifiċi għall-ħruġ tal-permessi, filwaqt li oħrajn iqisu li ma hemm bżonn ta’ ebda kundizzjoni bħal din, peress li ma tkunx ser issir injezzjoni fl-ilma ta’ taħt l-art.

    L-iskart li jirriżulta mill-attivitajiet ta’ esplorazzjoni jew ta’ produzzjoni tal-gass tax-shale jinkludi skart mill-estrazzjoni, li jrid jiġi mmaniġġjat skont id-Direttiva dwar l-Iskart mill-Industriji ta’ Estrazzjoni (EWD) 14 . Filwaqt li ħafna mill-Istati Membri investigati jqisu l-biċċiet mit-tħaffir u t-tajn bħala skart mill-estrazzjoni, jiġu applikati interpretazzjonijiet differenti għal fluwidi li jitilgħu fil-wiċċ wara l-fratturazzjoni idrawlika u għal residwi tal-fluwidi tal-fratturazzjoni li jibqgħu taħt l-art wara l-għeluq ta’ bir. Ċerti Stati Membri ma jikklassifikawx dawn il-fluwidi bħala skart mill-estrazzjoni, filwaqt li oħrajn, iva. Dan għandu implikazzjonijiet fuq in-numru ta’ faċilitajiet tal-iskart awtorizzati skont l-EWD.

    Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) 15  ma tkoprix b’mod speċifiku l-industriji estrattivi, iżda proġetti li jistgħu jinvolvu attivitajiet (eż. inċinerazzjoni u ħżin tal-iskart, kombustjoni ta’ fjuwils) li huma koperti. Attivitajiet speċifiċi tal-IED jeħtieġu permess ibbażat fuq l-aqwa tekniki disponibbli (BATs) li jkopru l-attivitajiet kollha f’ installazzjoni bħal din. L-interpretazzjonijiet tal-Istati Membri jvarjaw fir-rigward ta’ jekk il-gassijiet ivvampjati għandhomx jitqiesu bħala gassijiet ta’ skart inċinerati.

    3.3.    L-effikaċja tar-Rakkomandazzjoni fit-tweġib għat-tħassib tal-pubbliku

    Ir-Rakkomandazzjoni tissuġġerixxi li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw l-informazzjoni rilevanti fuq sit web disponibbli għall-pubbliku. Ir-Rumanija u r-Renju Unit jippubblikaw il-permessi ambjentali fuq l-internet, filwaqt li l-kundizzjonijiet tal-permessi mhumiex disponibbli għall-pubbliku fil-Ġermanja u fil-Litwanja, u mhux b’mod sistematiku fil-Polonja. Fi Spanja, għodda online tipprovdi aċċess għad-dokumentazzjoni rilevanti dwar il-proġetti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-gvern ċentrali iżda mhux tar-reġjuni awtonomi. Analiżi aktar dettaljata hija pprovduta fl-istudju  li jappoġġa dan ir-rapport.

    Fir-rigward tat-tixrid ta’ informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi maħsubin sabiex jintużaw għall-fratturazzjoni ta’ kull bir, id-dokumenti tal-VIA u r-rapporti ambjentali eżaminati minn Spanja, mill-Ingilterra u mill-Polonja rreferew għal kompożizzjoni illustrattiva. L-operaturi fil-Ġermanja, fl-Ingilterra u fil-Polonja pprovdew informazzjoni dwar is-sustanzi fil-fatt użati għall-fratturazzjoni mingħajr ma neċessarjament żvelaw id-dettalji kollha ssuġġeriti fir-Rakkomandazzjoni. Fil-Ġermanja ser isir obbligatorju li tiġi ppubblikata informazzjoni dwar is-sustanzi użati għall-fratturazzjoni idrawlika 16 .

    Ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-fajls għal sustanzi kimiċi użati fil-fratturazzjoni idrawlika jirreferu għal “fratturazzjoni idrawlika” meta jiġu rreġistrati skont ir-Regolament REACH 17 . Tiftixa fid-database tar-reġistrazzjonijiet tar-REACH għas-sustanzi użati 18 fil-perjodu tal-2008-2014 fl-UE għall-fratturazzjoni idrawlika sabet li ftit reġistrazzjonijiet jagħmlu referenza espliċita għall-fratturazzjoni idrawlika. Is-sustanzi użati f’dan il-perjodu ġew irreġistrati b’ismijiet tal-użu aktar ġeneriċi bħal “sustanzi kimiċi tat-tħaffir” jew jista’ jkun li ma kinux jeħtieġu reġistrazzjoni skont REACH minħabba tunnellaġġi baxxi 19 jew eżenzjonijiet. Sabiex jiġu ffaċilitati t-tiftixiet għal informazzjoni fuq sustanzi rreġistrati għall-użu fl-esplorazzjoni jew fil-produzzjoni ta’ żejt u ta’ gass, id-database tar-REACH ġiet aġġustata f’April 2016 b’kategorija ġdida għal “prodotti tal-esplorazzjoni jew tal-produzzjoni taż-żejt u tal-gass”. 20 (ara wkoll it-taqsima 5.1)

    L-istħarriġ tal-Eurobarometer ivvaluta l-għarfien ta’ dawk li wieġbu dwar proġetti tal-gass tax-shale fir-reġjun tagħhom u xi sfidi potenzjali jipperċepixxu f’dan il-qasam. Fost dawk li semgħu bi proġetti tal-gass tax-shale, minoranza f’10 minn 12-il reġjun qalet li tħossha informata biżżejjed dwarhom. F’żewġ reġjuni biss fil-Polonja l-maġġoranza taċ-ċittadini kkuntattjati ħassitha informata biżżejjed. It-tniġġis tal-ilma u tal-arja kien l-aktar sfida msemmija fil-maġġoranza tar-reġjuni, filwaqt li l-impatt negattiv fuq setturi oħrajn, bħall-agrikoltura jew it-turiżmu, u r-riskji għas-saħħa ssemma ukoll.

    Sar stħarriġ fost il-partijiet ikkonċernati bħala parti mill-istudju tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Mid-19-il organizzazzjoni li wieġbu, 12 minn fost dawk li wieġbu mill-kategoriji kollha ta’ partijiet ikkonċernati (sitta mill-industrija tal-gass u taż-żejt, waħda mill-industrija tal-ilma, erba’ minn NGOs, u waħda minn stħarriġ ġeoloġiku) wieġbu li din ma għenitx sabiex jonqos it-tħassib tal-pubbliku, filwaqt li sitta (erba’ mill-industrija taż-żejt u tal-gass, waħda minn stħarriġ ġeoloġiku, u NGO waħda) wieġbu li għenet b’mod parzjali.

    3.4.    L-effikaċja tar-Rakkomandazzjoni fil-kunsiderazzjoni tal-progress tekniku u tal-użu ta’ tekniki apparti l-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli

    Studju mwettaq għall-Kummissjoni jivvaluta l-iżviluppi teknoloġiċi li seħħew mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni u t-teknoloġiji emerġenti li aktarx li ser jitħaddmu aktar spiss mill-industrija fit-terminu qasir sa medju. Ma jidentifikax l-iżviluppi li jbiddlu b’mod sinifikanti l-profil tar-riskju ġenerali tal-mod kif inhu żviluppat il-gass tax-shale. Madankollu, għal ċerti teknoloġiji emerġenti, inklużi n-nanoteknoloġiji, mhuwiex possibbli li jiġu vvalutati bis-sħiħ ir-riskji assoċjati. Għad li f’diversi Stati Membri nħarġu ċerti liċenzji mmirati lejn formazzjonijiet tax-shale offshore, ma ġiet irrapportata ebda attività operazzjonali s’issa.

    F’dak li għandu x’jaqsam mat-teknoloġiji tal-fratturazzjoni, in-Netwerk Ewropew għax-Xjenza u t-Teknoloġija dwar l-Estrazzjoni ta’ Idrokarburi Mhux Konvenzjonali 21 jistenna li l-fratturazzjoni abbażi tal-ilma ser tibqa’ l-aktar teknika użata ta’ spiss fis-settur fis-snin li ġejjin.

    Rigward l-iżvilupp ta’ karburanti fossili mhux konvenzjali apparti l-gass tax-shale, il-liċenzjar, l-esplorazzjoni jew il-valutazzjoni tar-riżorsi tal-metan mis-saffi tal-faħam saru jew qegħdin isiru f’diversi Stati Membri 22 . Ħafna saffi tal-faħam jinsabu f’fond iktar baxx mill-formazzjonijiet tax-shale u jinsabu f’riservi tal-ilma ta’ taħt l-art jew tal-ilma tajjeb għax-xorb. Jekk tkun meħtieġa l-fratturazzjoni idrawlika, ir-riskji assoċjati mal-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art jkunu potenzjalment aktar sinifikanti għall-metan mis-saffi tal-faħam milli għall-gass tax-shale 23 . Hekk ukoll, anki r-riskju ta’ emissjonijiet li jaħarbu jkun potenzjalment akbar. Fl-istadju tal-produzzjoni, l-iżvilupp tal-metan mis-saffi tal-faħam jeħtieġ l-ippumpjar tal-ilma f’volumi li jippreżentaw riskju akbar tal-eżawriment tar-riżorsi talilma. Fejn ikun hemm konnessjoni idroġeoloġika mal-formazzjonijiet ta’ koperatura jew laterali, jistgħu jiġu indotti flussi tal-ilma ta’ taħt l-art li jaffettwaw b’mod negattiv il-kwalità tal-ilma tajjeb għax-xorb 24 .

    Il-produzzjoni tal-gass kumpatt teħtieġ il-fratturazzjoni idrawlika b’volumi li f’ħafna mill-każijiet ma jkunux kbar biżżejjed sabiex jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. L-istudji għall-Kummissjoni jindikaw li r-riskji u l-impatti tal-iżvilupp tal-gass kumpatt huma simili għal dawk tal-gass tax-shale, bl-eċċezzjoni tal-impatti u tar-riskji assoċjati mal-proċess ta’ fratturazzjoni idrawlika, mat-tlestija tal-bir u mal-istadji tal-produzzjoni marbutin mat-tnaqqis tar-riżorsi tal-ilma, li huma potenzjalment anqas sinifikanti peress li tipikament ikun meħtieġ anqas ilma għall-proċess ta’ fratturazzjoni.

    Ġeneralment, il-pubbliku ma jagħmilx distinzjoni bejn fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli jew b’volum baxx. Ħafna ċittadini llum huma mħassba dwar l-użu potenzjali ta’ kwalunkwe teknika ta’ stimulazzjoni tal-bjar fi proġetti ta’ estrazzjoni taż-żejt jew tal-gass, minkejja li wħud minn dawn it-tekniki ilhom jintużaw diversi snin.

    It-tekniki ta’ rkupru assistit qegħdin jintużaw dejjem aktar sabiex tiġi mmassimizzata l-produzzjoni ta’ karburanti fossili li għall-ewwel ma kinux jeħtieġu stimulazzjoni.  Ir-riskji ewlenin ġejjin mill-bini u mit-tħaffir ta’ aktar bjar sabiex jiġu pprovduti punti ta’ injezzjoni u mill-injezzjoni tas-sustanzi, b’impatti relatati mat-teħid talart, mat-traffiku u mal-emissjonijiet fl-arja, u b’riskji ta’ tniġġis tal-art u tal-ilma 25 .

    Fid-dawl tal-interess f’diversi Stati Membri fl-iżvilupp ulterjuri tal-metan mis-saffi tal-faħam u tal-gass kumpatt u fl-użu ta’ tekniki ta’ stimulazzjoni tal-bjar u ta’ rkupru assistit, il-Kummissjoni kkummissjonat studji li jqabblu r-riskji u l-impatti mill-estrazzjoni tat-tali riżorsi ma’ dawk tal-gass tax-shale. B’mod ġenerali, hija tikkonkludi li l-prattiki għall-immaniġġjar tar-riskji ewlenin identifikati għall-gass tax-shale jistgħu jiġu applikati bl-istess mod għall-prattiki msemmijin hawn fuq.

    4.    Fehmiet tal-partijiet ikkonċernati

    F’Diċembru 2015, il-Parlament Ewropew adotta, matul is-sessjoni plenarja, Riżoluzzjoni 26 li titlob lill-Istati Membri li biħsiebhom jwettqu fratturazzjoni idrawlika sabiex jirrispettaw ir-Rakkomandazzjoni 2014/70/UE u jikkonformaw mal-“ogħla standards tal-klima, l-ambjent u s-saħħa pubblika’.

    Fl-opinjoni tiegħu ta’ Ġunju tal-2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 27 qies li l-qafas attwali “jekk jiġi implimentat b'mod korrett, huwa suffiċjenti għall-użu fil-livell tal-komunità lokali”, għad li jindika li hemm bżonn li l-kwistjoni terġa’ tiġi kkunsidrata jekk “jiżdied sostanzjalment il-volum ta’ dawn l-attivitajiet”. Jisħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ livell għoli ta’ trasparenza kemm fi proġetti ta’ esplorazzjoni kif ukoll ta’ użu sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ aċċettazzjoni mill-pubbliku.

    Mir-rispons riċevut matul l-avveniment tal-partijiet ikkonċernati f’Ġunju tal-2015, il-partijiet ikonċernati jidhru li huma maqsumin fil-fehmiet tagħhom. L-industrija taż-żejt u tal-gass tqis li r-Rakkomandazzjoni hija biżżejjed u li ma hemm bżonn ta’ ebda azzjoni leġiżlattiva oħra. Diversi assoċjazzjonijiet li jipproduċu lilma appellaw għal salvagwardji regolatorji addizzjonali sabiex jiżguraw il-ħarsien tal-ilma tax-xorb. L-NGOs ambjentali jqisu li r-Rakkomandazzjoni ma kinitx effettiva u talbu regolamentazzjoni addizzjonali jew projbizzjoni fuq proġetti ta’ gass tax-shale, ta’ żejt tax-shale u ta’ metan mis-saffi tal-faħam.

    L-istħarriġ tal-Eurobarometer sab fehmiet diverġenti wkoll, li varjaw minn “ma hemmx bżonn ta’ involviment tal-UE” sa indikazzjoni li hemm bżonn ta’ azzjoni regolatorja jew projbizzjoni fuq il-fratturazzjoni idrawlika. L-approċċ attwali ta’ għoti ta’ rakkomandazzjonijiet mingħajr ma tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida kien l-inqas għażla popolari.

    Ma ġiet adottata l-ebda pożizzjoni mill-Kunsill wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Matul laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Ambjent, diversi delegati laqgħu l-fatt li l-Kummissjoni kienet irrikorriet għal Rakkomandazzjoni, filwaqt li oħrajn iddikjaraw li jippreferu miżuri legalment vinkolanti. Bosta awtoritajiet kompetenti talbu lill-Kummissjoni tiċċara l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-UE, bħala parti min-netwerk tal-UE għall-implimentazzjoni u għall-infurzar tal-liġi ambjentali (IMPEL).

    5.    Konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem

    Id-disponibbiltà tal-gass tax-shale u l-interess fl-iżvilupp tiegħu jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. Minn dawk l-Istati Membri interessati, uħud jinsabu fil-fażi ta’ ppjanar bikri filwaqt li oħrajn nedew proġetti ta’ esplorazzjoni. L-analiżi tad-dokumenti ta’ ppjanar, tal-applikazzjonijiet għal permessi u tal-permessi operazzjonali magħżulin tindika li ġew applikati ħafna mill-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni fi ftit Stati Membri qabel ma ġiet adottata. Wara l-adozzjoni tagħha, xi Stati Membri biddlu l-prattiki tal-permessi tagħhom jew żviluppaw leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tirrifletti wħud mill-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni, filwaqt li oħrajn naqqsu l-ambizzjonijiet ambjentali tagħhom sabiex jissimplifikaw il-ħruġ ta’ permessi jew iffokaw fuq l-inċentivi għall-investituri. Stat Membru minnhom issimplifika l-leġiżlazzjoni ambjentali tant li l-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur 28 minħabba li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva dwar il-VIA. Uħud mill-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni bħalissa huma applikati f’xi Stati Membri bla ma huma mnaqqxin fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u għad irridu naraw jekk dan huwiex ser ikompli jseħħ, b’mod partikolari fid-dawl tal-isforzi f’dawn il-pajjiżi sabiex jattiraw l-investimenti.

    Dan ir-rapport jivvaluta l-ewwel sentejn u nofs tal-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni f’numru limitat ta’ proġetti f'xi Stati Membri. Sal-lum, ir-Rakkomandazzjoni ġiet applikata b’mod mhux indaqs bejn l-Istati Membri u b’mod mhux sodisfaċenti f’uħud minnhom. B'hekk, fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ din l-analiżi, għalissa ma nistgħux nikkonfermaw jekk ir-Rakkomandazzjoni kinitx effikaċi fil-prevenzjoni, fl-immaniġġjar u fit-tnaqqis tal-impatti u tar-riskji ambjentali. Id-diversi modi li bihom l-Istati Membri segwew ir-Rakkomandazzjoni huma wkoll frott l-istatus mhux legalment vinkolanti tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu aktar il-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni jekk qegħdin jippjanaw li jiżviluppaw idrokarburi li jeħtieġu l-HVHF.

    L-Istati Membri jvarjaw fl-interpretazzjonijiet tagħhom ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni. L-operaturi li huma attivi f’aktar minn Stat Membru wieħed jistgħu jaffaċċjaw applikazzjoni inkonsistenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni eżistenti tistabbilixxi qafas legali għall-attivitajiet tal-gass tax-shale, l-objettiv ta’ għoti ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi mhuwiex milħuq għal kollox.

    Jekk tiġi applikata kif xieraq, ir-Rakkomandazzjoni tista’ tkun għodda siewja għall-immaniġġjar tar-riskji li jirriżultaw mill-użu tal-HVHF għall-iżvilupp ta’ idrokarburi b’mod trasparenti. Hemm bżonn li jsir aktar progress, kemm fl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fl-Istati Membri rilevanti kif ukoll fl-applikazzjoni korretta u uniformi tal-acquis ambjentali tal-UE.

    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tippjana li tiffoka fuq:

    ­it-tisħiħ tat-trasparenza u tal-monitoraġġ;

    ­it-trawwim tal-applikazzjoni korretta u uniformi tad-dispożizzjonijiet rilevanti fl-Istati Membri;

    ­l-indirizzar tal-impatti u tar-riskji ambjentali mill-esplorazzjoni u mill-estrazzjoni tal-idrokarburi; u

    ­it-tneħħija tad-diskrepanzi fir-riċerka fuq l-impatti u r-riskji għas-saħħa mill-estrazzjoni tal-idrokarburi.

    5.1.    It-tisħiħ tat-trasparenza u tal-monitoraġġ

    Il-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja l-iżviluppi tekniċi kif ukoll l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-UE. Ir-rapportar mill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni ser ikompli u r-riżultati ser jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq bażi annwali. F’dan il-kuntest, is-sejbiet mill-kontroll tal-idoneità kurrenti fuq il-monitoraġġ u r-rapportar ambjentali 29 ser jiġu kkunsidrati kif xieraq.

    Il-Kummissjoni biħsiebha terġa’ tivvaluta b’mod regolari, u tal-anqas kull tliet snin, l-effikaċja tal-approċċ meħud, b’mod partikolari fid-dawl tal-iżvilupp ġenerali tas-settur fl-UE u ta’ kwalunkwe inċident u aċċident madwar id-dinja.

    Għad li r-Rakkomandazzjoni nediet bidliet fil-prattiki tal-permessi f’diversi Stati Membri, il-prinċipji li jrawmu t-trasparenza mhumiex applikati b’mod suffiċjenti. L-oppożizzjoni sostnuta għall-proġetti tal-gass tax-shale f’ħafna mill-Istati Membri tissuġġerixxi li r-Rakkomandazzjoni ma biddlitx l-attitudnijiet tal-pubbliku. L-iskrutinju pubbliku espanda mill-proġetti tal-gass tax-shale għall-iżviluppi fuq l-art u kostali kollha taż-żejt u tal-gass.

    Sabiex jissaħħaħ il-livell ġenerali ta’ trasparenza, u jkunu jistgħu jiġu ssorveljati mill-qrib l-impatti ambjentali, il-Kummissjoni ser tistabbilixxi pjattaforma fuq l-internet immirata sabiex tipprovdi inventarju ta’ madwar l-UE u mappa tal-bjar eżistenti u ppjanati taż-żejt u tal-gass mhux konvenzjonali. Din ser tkun aċċessibbli għall-pubbliku u ser tirrifletti l-prinċipji ta’ “regolamentazzjoni aħjar”, filwaqt li tqis ukoll id-Direttiva INSPIRE 30 . Ser ikollha l-għan li tagħmel id-dejta disponibbli kif titlob ir-Rakkomandazzjoni, billi fost l-oħrajn tuża informazzjoni ppubblikata mill-Istati Membri u mill-operaturi. Prototip ser jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-ewwel nofs tal-2017 u ser ikompli jiġi żviluppat aktar fis-snin ta’ wara.

    Sabiex jiġu ffaċilitati t-tiftixiet għal informazzjoni fuq is-sustanzi kimiċi rreġistrati skont ir-REACH għall-użu fil-fratturazzjoni idrawlika, il-funzjonalitajiet tat-tiftix ser ikomplu jiġu mtejba fuq is-sit web 31 tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, u dawn għandhom jippermettu li jsiru tiftixiet bi kliem importanti sal-ewwel nofs tal-2017. Il-Kummissjoni ser tikkuntattja lill-Istati Membri sabiex terġa tenfasizza li l-fajls ta’ reġistrazzjoni ta' REACH għas-sustanzi użati fil-fratturazzjoni idrawlika għandhom jinkludu referenza speċifika għal din l-attività. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-assoċjazzjonijiet tal-industrija taż-żejt u tal-gass sabiex jiżviluppaw mapep tal-użu 32 li jappoġġjaw lir-reġistranti fil-valutazzjoni u fir-rapportar tagħhom. 

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tabbozza rapport tekniku sa tmiem l-2017 fejn jiġu esplorati approċċi metodoloġiċi għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma qrib siti tal-esplorazzjoni u tal-produzzjoni taż-żejt u tal-gass mhux konvenzjali.

    5.2.    It-trawwim ta’ applikazzjoni korretta u uniformi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni ambjentali fl-Istati Membri kollha

    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tippjana li:

    tiftaħ djalogu mal-Istati Membri, fejn hemm bżonn billi tuża l-pjattaformi u l-mekkaniżmi ta’ assistenza disponibbli, bħar-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali 33 ; kumitati li jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u l-IMPEL; u l-grupp ta’ ħidma teknika dwar l-aspetti ambjentali tal-karburanti fossili mhux konvenzjali.

    tiżviluppa dokumenti ta’ sostenn fil-forma ta’ mistoqsijiet frekwenti u bbażati fuq domandi lill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar iż-żoni protetti, l-ippjanar, l-immaniġġjar tal-iskart, il-ħarsien tal-ilma u l-emissjonijiet industrijali;

    tinvestiga n-nuqqasijiet possibbli fl-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE u tieħu azzjoni xierqa.

    5.3. L-indirizzar tal-impatti u tar-riskji ambjentali mill-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi

    Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-operaturi jużaw l-aqwa tekniki disponibbli (BATs) sabiex jipprevjenu jew jimminimizzaw l-impatti u r-riskji ambjentali. Żewġ dokumenti ta’ referenza tal-BAT (BREFs) li bħalissa qegħdin jiġu żviluppati u li huma rilevanti għall-attivitajiet tal-idrokarburi li jużaw HVHF huma relatati mal-immaniġġjar tal-iskart li jirriżulta minn industriji estrattivi 34 u mat-trattament tal-iskart 35 . Bħalissa dawn il-BREFs qegħdin jiġu riveduti u għandhom jiġu ffinalizzati fl-2017 u fl-2018 rispettivament. Barra minn hekk, sommarju mhux vinkolanti tal-BATs fis-settur tal-idrokarburi 36 ser jiġi ffinalizzat fl-2018.

    It-taqsima 3.4 identifikat l-impatti u r-riskji ambjentali ta’ attivitajiet oħrajn apparti l-estrazzjoni tal-gass tax-shale. Il-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni huma xierqa għall-immaniġġjar tat-tali impatti u tat-tali riskji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipji rilevanti tar-Rakkomandazzjoni għal forom oħrajn ta’ attivitajiet ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi meta dawn ikunu jinvolvu l-fratturazzjoni idrawlika, l-ippumpjar ta’ volumi kbar ta’ ilma jew l-irkupru assistit.

    5.4.    It-tneħħija tal-lakuni fir-riċerka fuq l-impatti u r-riskji għas-saħħa

    Ħames proġetti ta’ riċerka dwar l-impatti u r-riskji ambjentali tal-estrazzjoni tal-gass tax-shale ġew iffinanzjati mill-programm Orizzont 2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni 37 , u dan l-aħħar ġie ppubblikat suġġett tar-riċerka addizzjonali 38 .

    Barra minn hekk, ir-riċerkaturi 39 indikaw li hemm nuqqas ta’ studji affidabbli dwar l-esponiment u l-epidemjoloġija, b’mod partikolari għall-valutazzjoni tal-effetti possibbli fit-tul, u sejħu għal aktar investigazzjoni dwar l-impatti u r-riskji għas-saħħa pubblika assoċjati mal-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass li tuża l-fratturazzjoni idrawlika. F’dan il-kuntest, fl-2016 il-Kummissjoni organizzat sessjoni ta’ ħidma teknika mmirata għall-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet possibbli fit-tagħrif. Il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-indirizzar tan-nuqqasijiet identifikati fil-programmi ta’ ħidma ta’ Orizzont 2020 għall-2018 u għall-2019.

    Il-Kummissjoni ser tikkunsidra wkoll l-għoti ta’ mandat lill-kumitat xjentifiku dwar ir-riskji għas-saħħa u għall-ambjent (SCHER) sabiex joħroġ opinjoni dwar l-impatti u r-riskji għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-esplorazzjoni u mill-produzzjoni tal-idrokarburi.

    (1) COM/2014/023 finali/2 u r-Rakkomandazzjoni 2014/70/UE
    (2) Ħarsa ġenerali tal-2015 lejn it-tweġibiet tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni:
    http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/unconventional_en.htm  
    (3) AT, DE, DK, ES, HU, LT, NL, PL, PT, UK, RO.
    Fl-2016, il-DE ddeċidiet li tipprojbixxi l-frazzjonazzjoni idrawlika fil-blat tax-shale, tat-tafal, tal-ħamrija u tas-saffi tal-faħam, ħlief għal massimu ta’ erba’ testijiet għal skopijiet xjentifiċi.
    (4) Studji tal-Istitut Ġeoloġiku tal-Polonja (April 2016) u tal-Kummissjoni
    (5) https://ec.europa.eu/jrc/en/uh-network  
    (6) Produzzjoni fil-DE, NI, DK, UK; esplorazzjoni fl-HU; valutazzjoni tal-potenzjal fil-PL;  http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/pdf/fracking%20study.pdf  
    (7) http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/pdf/Study_on_the_management_of_environmental_impacts_and_risks_of_conventional_oil_and_gas%20.pdf 
    (8) AT, DE, DK, FR, HR, HU, IT, LT, NL, PL, UK.
    (9) Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna
    (10) http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/uff_studies_mt.htm
    (11) http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/PublicOpinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/FLASH/surveyKy/2066
    (12) Ġew eżaminati biss permessi għal siti li jinsabu fl-Ingilterra. Din l-analiżi tirreferi għar-Renju Unit f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni madwar il-pajjiż tad-dispożizzjonijiet u għall-Ingilterra meta jiġu applikati dispożizzjonijiet speċifiċi hemmhekk.
    (13) Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.
    (14)

       Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE.

    (15) Id-Direttiva Nru 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-emissjonijiet industrijali hija applikabbli għal installazzjonijiet li fihom isiru attivitajiet elenkati fl-Anness I ta' dik id-Direttiva.
    (16) Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fi Frar 2017.
    (17) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH).
    (18) Sustanzi żvelati mill-industrija permezz ta’ numru CAS.
    (19) Sustanzi mmanifatturati jew importati fl-UE f’volumi ta’ aktar minn tunnellata (1 t) iżda mhux aktar minn 100 t fis-sena huma meħtieġa jkunu rreġistrati skont ir-REACH sal-31 ta’ Mejju 2018.
    (20)

        https://echa.europa.eu/documents/10162/13632/information_requirements_r12_mt.pdf

    (21) https://ec.europa.eu/jrc/en/uh-network  
    (22) eż. BE; BG; CZ; FR; DE; HU; IT; PL; RO; UK; SWD/2014/021 finali
    (23) http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/pdf/risk_mgmt_fwk.pdf  
    (24) http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/pdf/study_management_ei.pdf
    (25) Ibid.
    (26)

        http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P8-TA-2015-0444&language=MT&ring=A8-2015-0341

    (27) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.nat-opinions.32331
    (28) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-1454_en.htm  
    (29) http://ec.europa.eu/environment/legal/reporting/fc_overview_en.htm
    (30) Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).
    (31) https://echa.europa.eu/information-on-chemicals/registered-substances  
    (32) https://echa.europa.eu/csr-es-roadmap/use-maps
    (33)

        http://ec.europa.eu/environment/eir/index_en.htm

    (34) http://susproc.jrc.ec.europa.eu/activities/waste/index.html  
    (35) http://eippcb.jrc.ec.europa.eu/reference/
    (36) http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/hc_bref_en.htm
    (37) http://www.m4shalegas.eu/project.html ;
    http://www.sheerproject.eu/objective.html ;
    https://shalexenvironment.wordpress.com/ ;
    http://www.fracrisk.eu/ ;
    https://ec.europa.eu/easme/sites/easme-site/files/FTI-projects-2015_participants%20websites_corrected.pdf
    (38) http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/h2020/topics/lce-27-2017.html
    (39) http://dx.doi.org/10.1371/journal.pone.0154164 ; http://dx.doi.org/10.1016/j.scitotenv.2014.10.084 ; http://jech.bmj.com/content/70/3/221 ; http://pubs.acs.org/doi/abs/10.1021/es404621d  
    Top