Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0722

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu f'konformità mal-Artikolu 23(1)

    COM/2016/0722 final

    Brussell, 2.12.2016

    COM(2016) 722 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu f'konformità mal-Artikolu 23(1)


    1.INTRODUZZJONI

    It-traffikar tal-bnedmin huwa espliċitament ipprojbit skont l-Artikolu 5(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Huwa wkoll imniżżel fl-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fost dawk id-delitti partikolarment serji b’dimensjoni transfruntieri.

    Pass maġġuri fl-azzjoni tal-UE fl-indirizzar ta’ dan il-fenomenu kien l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (“id-Direttiva”), li ssostitwiet l-istrument legali tal-UE preċedenti dwar it-traffikar tal-bnedmin, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI. Id-Direttiva tapplika għall-Istati Membri kollha minbarra għad-Danimarka 1 .

    Id-Direttiva tistabbilixxi standards minimi li għandhom jiġu applikati madwar l-Unjoni Ewropea fil-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, fil-ġlieda kontrih u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu u tipprevedi d-definizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin. Hija bbażata fuq l-approċċ tad-drittijiet tal-bniedem u l-perspettiva mil-lat tas-sessi, biex issaħħaħ il-prevenzjoni ta’ dan id-delitt u l-protezzjoni tal-vittmi tagħha u l-assistenza tagħhom.

    Id-Direttiva hi dwar: i) miżuri kriminali, investigazzjoni u prosekuzzjoni (l-Artikoli 2 sa 10) ii) assistenza, miżuri ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni għall-vittmi (l-Artikoli 11 sa 17) iii) miżuri ta’ prevenzjoni li jippermettu t-tnaqqis tad-domanda, is-sensibilizzazzjoni, u t-trawwim tat-taħriġ ta’ persuni li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi (l-Artikolu 18) u iv) Relaturi Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti (NREMs) u Koordinazzjoni (l-Artikoli 19 u 20). Id-Direttiva tqis ukoll b’mod partikolari l-aħjar interessi tal-minorenni u tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-għoti tal-assistenza, appoġġ u protezzjoni mfassla speċifikament għat-tfal (l-Artikoli 13 sa 16).

    Dan ir-rapport iwieġeb għar-rekwiżit għall-Kummissjoni, skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva, li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-valutazzjoni ta’ kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mad-Direttiva, inkluża deskrizzjoni tal-azzjoni meħuda skont l-Artikolu 18(4). Rapport separat jivvaluta l-impatt fuq il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin tal-liġi nazzjonali eżistenti li tistabbilixxi l-użu ta’ servizzi li huma l-oġġetti ta’ sfruttament tat-traffikar tal-bnedmin bħala reat kriminali 2 .

    Il-Kummissjoni kienet organizzat tliet laqgħat ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri qabel id-data tat-traspożizzjoni sabiex tassisti lill-Istati Membri fil-proċessi tat-traspożizzjoni u sabiex tippermettilhom jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki, u wkoll biex jiddiskutu problemi li kienu qed jiltaqgħu magħhom fit-traspożizzjoni tad-Direttiva. Id-Direttiva kienet ukoll diskussa f’laqgħat varji tan-Netwerk ta’ Relaturi Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti (NREMs).

    Dan ir-Rapport jirrappreżenta l-istat tal-ħidma tat-traspożizzjoni tad-Direttiva fi żmien l-abbozzar tar-Rapport, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, u għalhekk mhuwiex analiżi eżawrjenti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti. L-eżistenza ta’ aktar żviluppi jew dispożizzjonijiet leġiżlattivi li ma ġewx notifikati lill-Kummissjoni ma tistax tiġi eskluża. Għalhekk dan ir-Rapport ma jipprekludix lill-Kumissjoni milli, jekk ikun hemm bżonn, tfittex informazzjoni addizzjonali mill-Istati Membri permezz ta’ kuntatti bilaterali.

    2.STAT TAT-TRASPOŻIZZJONI U MIŻURI MEĦUDA MILL-ISTATI MEMBRI

    L-Istati Membri kienu meħtieġa jlestu t-traspożizzjoni tad-Direttiva sas-6 ta’ April 2013. F’Mejju 2013, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra xi Stati Membri talli ma kinux ikkomunikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni biex ilestu t-traspożizzjoni tad-Direttiva billi bagħtet 13-il ittra ta’ avviż formali. F’erbgħa minn dawn il-proċeduri ta’ ksur, il-Kummissjoni indirizzat opinjonijiet motivati lill-Istati Membri kkonċernati. L-Istati Membri kollha marbuta bid-Direttiva sa issa kkomunikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom 3 . Minħabba li n-notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni mill-Ġermanja ġiet sottomessa tard wisq, il-Kummissjoni ma setgħetx tlesti l-valutazzjoni tagħha ta’ dawn il-miżuri. Dan ir-rapport għalhekk ma jinkludix sejbiet ibbażati fuq il-valutazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

    Minħabba n-natura wiesgħa u komprensiva tad-Direttiva li tkopri żoni differenti ta’ liġijiet nazzjonali, ħafna mill-Istati Membri għażlu li jittrasponuha b’ħafna atti diversi, li għandhom jinstabu f’ħames oqsma ewlenin: kodiċi kriminali; atti speċifiċi dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; liġijiet li jissalvagwardjaw il-vittmi tad-delitti; atti li jistabbilixxu miżuri dwar il-protezzjoni tat-tfal; u leġiżlazzjoni li tirregola d-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dan ir-rapport jivvaluta t-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali mingħajr ma jindirizza l-implimentazzjoni tagħha.

    2.1.Miżuri, investigazzjoni u prosekuzzjoni kriminali (l-Artikoli 2 sa 10)

    2.1.1.Reati dwar it-traffikar tal-bnedmin (l-Artikolu 2)

    L-Artikolu 2 jistabbilixxi definizzjoni komuni tat-traffikar tal-bnedmin u jistabbilixxi t-tipi ta’ kondotti intenzjonali li jikkostitwixxu r-reat tat-traffikar tal-bnedmin.

    L-Istati Membri kollha adottaw dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw ir-reat tat-traffikar tal-bnedmin. Id-definizzjoni tar-reat stabbilita fl-Artikolu 2(1) tikkonsisti fi tliet elementi kostituttivi (atti, mezzi u fini).

    L-atti ta’ reklutaġġ, trasport, trasferiment, kenn jew ilqugħ ta’ individwi huma inklużi espliċitament fid-definizzjoni tar-reat minn kważi l-Istati Membri kollha. Xi Stati Membri ma jirreferux espliċitament għall-“iskambju’’ u t-“trasferiment tal-kontroll” (BG, CZ, EE, FR, IT, LV, NL, AT, PL, PT, RO, SI, SK, SE). Dawk iż-żewġ atti ġeneralment huma inklużi f’atti oħrajn bħar-“reklutaġġ ta’ individwu’’ 4 . Dwar il-mezzi, l-użu ta’ theddid, forza u forom oħra ta’ sfurzar kif ukoll l-abbuż minn pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà huma koperti mill-Istati Membri kollha. Madankollu, ċerti mezzi (il-ħtif, il-frodi, il-qerq, l-għoti jew ir-riċeviment ta’ ħlasijiet jew benefiċċji jew abbuż tal-poter) mhumiex inklużi espliċitament fid-definizzjoni minn numru ta’ Stati Membri 5 .  L-Istati Membri jindirizzaw b’modi diversi il-pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà, li d-Direttiva tiddefiniha fl-Artikolu 2(2) bħala sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata ma għandhiex alternattiva reali jew aċċetabbli ħlief li tissottometti għall-abbuż involut.

    L-Artikolu 2(3) jistipula li l-isfruttament għandu jinkludi, bħala minimu, l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta’ oħrajn jew forom oħra ta’ sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inklużi t-talb għall-elemożina, l-iskjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, jew l-isfruttament ta’ attivitajiet kriminali, jew it-teħid ta’ organi. Diversi Stati Membri (BG, ES, FR, CY, LT, LU, MT, NL, PT, SK, SE, u UK (Ġibiltà)) inkludew referenzi espliċiti għal dawk il-forom ta’ sfruttament, waqt li fi Stati Membri oħrajn, ċerti forom minimi minn dawn mhumiex imsemmija espressament 6 . F’SE, l-elementi neqsin huma koperti f’dispożizzjoni omnikomprensiva usa’ 7 . Peress li l-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn mid-definizzjoni minima, xi wħud minnhom jagħmlu wkoll referenza għal forom addizzjonali ta’ sfruttament, bħall-isfruttament għall-adozzjoni (CY), il-produzzjoni ta’ xogħol pornografiku (CZ), iż-żwieġ sfurzat (ES, HR u SK).

    Skont l-Artikolu 2(4), il-kunsens tal-vittma tat-traffikar għandu jkun irrelevanti f’każ li jkun ġie użat xi wieħed mill-mezzi msemmija fl-Artikolu 2(1). Il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom din id-dispożizzjoni riflessa fil-liġi nazzjonali tagħhom; madankollu, numru ta’ Stati Membri jinkluduha biss permezz ta’ prinċipji tal-liġi ġenerali jew permezz tal-ġurisprudenza. L-informazzjoni għal DE, LV u NL, AT mhijiex konklużiva dwar jekk id-dispożizzjoni ta’ 2(4) hijiex riflessa fil-liġi nazzjonali tagħhom.

    L-Artikolu 2(5) jeħtieġ li t-traffikar tat-tfal għandu jkun punibbli anki jekk ma jkun intuża ebda mezz minn dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1). Kważi l-Istati Membri kollha jirriflettu b’mod sħiħ dan ir-rekwiżit. Fil-każ ta’ EL u CY l-informazzjoni mhijiex konklużiva.

    L-Artikolu 2(6) jipprevedi li għall-finijiet tad-Direttiva, “tfal’’ għandha tfisser kull persuna taħt it-18-il sena. Madankollu, xi Stati Membri ma jidhrux li jipprovdu assistenza u protezzjoni għat-tfal kollha sal-età ta’ 18-il sena 8 . 

    2.1.2.Inċitament, għajnuna u kompliċità, u attentat (Artikolu 3)

    L-Artikolu 3 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-kompliċità u l-attentat biex jitwettaq it-traffikar tal-bnedmin ikunu punibbli. L-Istati Membri kollha għandhom miżuri ta’ traspożizzjoni korrispondenti fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

    2.1.3.Pieni (l-Artikolu 4)

    L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-livell minimu tal-piena massima li għandha tkun applikabbli għar-reat tat-traffikar tal-bnedmin u jipprovdi għal numru ta’ ċirkustanzi aggravanti, li jġorru piena massima ogħla. 

    Kważi l-Istati Membri kollha, f’konformità mal-Artikolu 4(1), stabbilixxew li r-reat hu punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas ħames snin ta’ priġunerija. BE, HU, AT irrikorrew għall-massimu tal-piena ta’ ħames snin. L-Istati Membri l-oħrajn kollha jidhru li japplikaw sanzjonijiet aktar stretti li jvarjaw bejn massimu ta’ 6 snin u 20 sena.

    L-Artikoli 4(2) u (3) jelenkaw numru ta’ ċirkustanzi aggravanti li l-applikazzjoni tagħhom iġġorr pieni ogħla ta’ mill-inqas 10 snin ta’ priġunerija (meta r-reat ikun twettaq: kontra vittma vulnerabbli partikolari; fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali; waqt li tiġi pperikolata l-ħajja tal-vittma deliberatament jew b’negliġenza grossa; b’mezzi ta’ użu ta’ vjolenza serja jew bl-ikkawżar ta’ ħsara serja partikolari lill-vittma; minn uffiċjali pubbliċi fit-twettiq ta’ dmirijiethom). Ħafna mill-Istati Membri ttrasponew dawn id-dispożizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. L-informazzjoni għal BG, DE, ES u HU dwar l-inklużjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti jew in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ mill-inqas massimu ta’ 10 snin ta’ priġunerija mhijiex konklużiva. 

    L-Artikolu 4(4) jipprevedi li l-livelli tal-pieni għall-għajnuna, il-kompliċità, l-inċitament jew tentattiv ta’ reat dwar it-traffikar tal-bnedmin għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jippermettu konsenja. L-Istati Membri kollha ttrasponew dawn id-dispożizzjonijiet. Fir-rigward tal-livelli tal-piena, l-Istati Membri jikkastigaw lil dawk li jgħinu, lill-kompliċi, lil dawk li jinstigaw u t-tentattiv biex jitwettaq delitt bl-istess terminu ta’ priġunerija tal-awtur ewlieni fejn jippermettu l-mitigazzjoni tal-livelli tal-piena jew b’livell ta’ piena speċifiku. Il-konsenja għal reat imsemmija fl-Artikolu 3 hi possibbli fl-Istati Membri kollha.

    2.1.4.Ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi (Artikolu 5)

    L-Artikolu 5 jeħtieġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3, u jispeċifika l-pożizzjoni jew il-kapaċità tal-awtur fir-rigward tal-persuna ġuridika, li twassal għar-responsabbiltà tal-persuna ġuridika.

    L-Istati Membri kollha introduċew responsabbiltà kriminali jew amministrattiva tal-persuni ġuridiċi għat-tipi differenti ta’ kapaċitajiet jew pożizzjonijiet tal-awtur li għandhom iwasslu għal responsabbiltà. Xi Stati Membri ((LT, MT u UK (l-Iskozja)) introduċew dispożizzjonijiet speċifiċi li jittrattaw ir-responsabbiltà korporattiva għad-delitti tat-traffikar tal-bnedmin, waqt li l-oħrajn kollha jiddependu fuq dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-responsabbiltà korporattiva, applikabbli għar-reati. L-Istati Membri kollha introduċew responsabbiltà għal persuni ġuridiċi f’konfomità mal-Artikolu 5(1)(a) sa (c); EL, CY, LT, MT, PL u SK ittrasponewha litteralment. L-Artikolu 5(2) jeħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu responsabbiltà għal persuni ġuridiċi meta jkun sar delitt kopert mill-Artikoli 2 u 3 minħabba n-nuqqas ta’ kontroll jew ta’ sorveljanza minn persuna li jkollha waħda mill-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a) sa (c). Din ir-responsabbiltà hi espliċita fl-Istati Membri kollha ħlief f’LU fejn il-valutazzjoni mhijiex konklużiva. L-Artikolu 5(3) li jeħtieġ li r-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika ma tistax teskludi proċedimenti kriminali kontra persuna fiżika għall-istess reat hu kopert fl-Istati Membri kollha.

    L-Artikolu 5(4) jistipula li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” għandu jeskludi Stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat u organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ebda Stat Membru ma jinkludi korpi pubbliċi jew organizzazzjonijiet bħal dawn fil-kunċett ta’ “persuna ġuridika” (jew kunċetti simili applikabbli fil-liġijiet nazzjonali rispettivi).

    2.1.5.Sanzjonijiet kontra persuni ġuridiċi (Artikolu 6)

    L-Artikolu 6 jistabbilixxi l-obbligu tal-Istati Membri li jintroduċu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-persuni ġuridiċi miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 5. L-Istati Membri introduċew sanzjonijiet amminstrattivi jew kriminali li huma applikabbli espliċitament għal persuni ġuridiċi. Il-multi minimi u massimi jvarjaw bejn l-Istati Membri. L-Artikolu 6 jipprevedi wkoll li l-Istati Membri jistgħu jinkludu sanzjonijiet fakultattivi oħrajn. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ħafna mill-Istati Membri, 9 bl-eċċezzjoni ta’ DE, IE, u UK, għażlu li jintroduċu mill-inqas sanzjoni oħra.

    2.1.6.Qbid u Konfiska (Artikolu 7)

    Skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu intitolati li jaqbdu u jikkonfiskaw l-istrumenti u r-rikavat mir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3. L-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ miżuri nazzjonali biex jittrasponu din id-dispożizzjoni. Waqt li xi Stati Membri (BE, EL, ES, FR, CY u UK (l-Ingilterra/is-Skozja)) introduċew dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-qbid u l-konfiska li jikkonċernaw id-delitt tat-traffikar tal-bnedmin, il-bqija tal-Istati Membri jidhru li jiddependu fuq regoli ġenerali dwar il-qbid u l-konfiska fil-liġi kriminali, li japplikaw għad-delitti kollha, inkluż it-traffikar tal-bnedmin.

    2.1.7.Nonprosekuzzjoni jew nonapplikazzjoni tal-pieni għall-vittmi (l-Artikolu 8)

    L-Artikolu 8 jeħtieġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiġu intitolati li ma jipproċedux jew ma jimponux pieni kontra l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għall-involviment tagħhom f’attivitajiet kriminali li jkunu ġew sfurzati jwettqu bħala konsegwenza diretta tal-fatt li jkunu suġġetti għal dan id-delitt. Id-Direttiva tħalli diskrezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti dwar kif jirregolaw fuq livell nazzjonali il-possibiltà li ma jipproċedux jew ma jimponux pieni.

    L-Istati Membri ħadu miżuri ta’ natura diversa biex jiżguraw din il-possibilità għall-awtoritajiet nazzjonali tagħhom. Xi Stati Membri (BG, EL, ES, CY, LV, LT, LU, MT, NL, RO, SK u UK) jagħmlu referenza espliċita għan-nonprosekuzzjoni tal-vittmi tat-traffikar, waqt li oħrajn jipprevedu n-nonprosekuzzjoni tal-persuni li jkunu ġew sfurzati, mhedda jew kostretti biex iwettqu att kriminali (HU, IT, PL, PT, SE u SI). L-informazzjoni għal CZ u HR mhijiex konklużiva.

    2.1.8.Investigazzjoni u prosekuzzjoni (l-Artikolu 9)

    L-Artikolu 9, li jistabbilixxi miżuri għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, ġie traspost mill-maġġoranza tal-Istati Membri.

    Fir-rigward tal-paragrafu 1, l-Istati Membri kollha jistipulaw li mhijiex meħtieġa s-sottomissjoni ta’ lment biex tinbeda l-investigazzjoni relevanti, u l-irtirar tad-dikjarazzjoni tal-vittma ma għandux influwenza fuq il-kontinwazzjoni tal-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni.

    Il-Paragrafu 2 jeħtieġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jippermettu l-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin għal perjodu suffiċjenti ta’ żmien wara li l-vittma tkun laħqet l-età maġġorenni. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom dispożizzjoni bħal din fis-seħħ. Fil-każ ta’ IE u HR l-informazzjoni disponibbli mhijiex konklużiva.

    L-Istati Membri kollha ħasbu għal miżuri għat-taħriġ tal-persuni/servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati tat-traffikar f’konformità mal-Artikolu 9(3), jew f’dispożizzjonijiet legali jew f’miżuri ta’ liġi mhux vinkolanti bħal pjanijiet ta’ azzjoni, srateġiji jew programmi nazzjonali.

    Finalment, l-Istati Membri kollha ħadu miżuri biex jiżguraw id-disponibbilità ta’ għodod investigattivi effettivi għall-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi responsabbli mill-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin (l-Artikolu 9(4)). L-għodod investigattivi previsti fl-Istati Membri jinkludu l-interċezzjoni ta’ komunikazzjonijiet (BE, BG, DE, EE, EL, FI, HR, IT, MT, NL, AT, PL, RO, SI, SE u UK 10 ; is-sorveljanza sigrieta (BE, BG, CZ, EE, EL, ES, FI, FR; HR, IT, LU, HU, NL, AT, PL, PT, RO, SI, SK u UK 11 ; il-monitoraġġ tal-kontijiet tal-bank u investigazzjonijiet finanzjarji oħra (BE, FR, HR, HU, IT, AT, PL, PT, RO, SI, FI u UK); u s-sorveljanza elettronika jew miżuri simili (BE, BG, CZ, DE, EL, FR, HR, HU, NL, AT, PL, PT, RO, SI, SE u UK).

    2.1.9.Ġuriżdizzjoni (l-Artikolu 10)

    L-Artikolu 10(1) jirreferi għas-sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jkollhom jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni tagħhom fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3. L-Artikolu 10(2) jistabbilixxi numru ta’ raġunijiet ġuriżdizzjonali fakultattivi, li l-Istati Membri, fost l-oħrajn, jistgħu jagħżlu li jadottaw. L-Artikolu 10(3) jirreferi għall-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 mwettqa barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u jistipula li “kull Stat Membru għandu, f’dawk il-każijiet imsemmija f’punt (b) ta’ paragrafu 1, u jista’, f’dawk il-każijiet imsemmija f’paragrafu 2, jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-ġuriżdizzjoni tiegħu ma tkun suġġetta għal ebda waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) l-atti jkunu reat kriminali fil-post fejn isiru; jew (b) il-prosekuzzjoni tkun tista’ tibda biss wara rapport magħmul mill-vittma fil-post fejn twettaq ir-reat, jew denunzja mill-Istat tal-post fejn twettaq ir-reat”.

    L-Artikolu 10(1)(a) jobbliga lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu ġuriżdizzjoni meta r-reat kollu jew parti minnu jitwettqu fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri kollha ttrasponew din id-dispożizzjoni; madankollu, f’HR, CY, LV u SI, mhuwiex ċar jekk il-ġuriżdizzjoni hijiex stabbilita wkoll meta reat ikun twettaq parzjalment fit-territorju.

    L-Artikolu 10(1)(b) jeħtieġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu ġuriżdizzjoni meta t-trasgressur ikun wieħed miċ-ċittadini tagħhom. L-Istati Membri kollha ħadu l-miżuri biex jittrasponu din id-dispożizzjoni.

    L-Artikolu 10(2)(a) sa (c) jistabbilixxi xi raġunijiet ġuriżdizzjonali fakultattivi u ħafna mill-Istati Membri adottaw mill-inqas waħda minn dawn. Għal BG, DE u FR ebda raġuni ġuriżdizzjonali fakultattiva ma ġiet identifikata.

    Fir-rigward tal-Artikolu 10(3)(a), il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni fil-liġi nazzjonali u ma introduċewx rekwiżit bħal dan fid-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 10(1). Madankollu, f’EE, NL, PT u RO (skont l-Artikolu 10(1)(b)), il-ġuriżdizzjoni hi stabbilita biss meta r-reat jiġi kriminalizzat fil-post fejn ikun sar.

    Fir-rigward tal-Artikolu 10(3)(b), li jispeċifika li l-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-prinċipji tat-territorjalità u tal-personalità attiva ma għandhiex tkun suġġetta għar-rekwiżit li l-prosekuzzjoni tista’ tinbeda biss wara rapport magħmul mill-vittma fil-post fejn twettaq ir-reat, jew denunzja mill-Istat tal-post fejn twettaq ir-reat, ebda Stat Membru ma introduċa rekwiżit bħal dan. Għalhekk, huma kollha ttrasponew id-Direttiva fir-rigward tar-raġunijiet ġuriżdizzjonali obbligatorji skont l-Artikolu 10(1).

    2.2. Assistenza, appoġġ u miżuri ta’ protezzjoni għall-vittmi

    2.2.1 Assistenza u appoġġ għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin (Artikolu 11)

    L-Artikolu 11 jistabbilixxi numru ta’ obbligi relatati mal-assistenza u l-appoġġ għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li jinkludu miżuri dwar l-identifikazzjoni. Il-miżuri neċessarji meħtieġa minn dan l-Artikolu spiss huma inklużi mhux biss fl-atti legiżlattivi iżda wkoll fi pjanijiet ta’ azzjoni, strateġiji u programmi nazzjonali. Il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponew id-dispożizzjonijiet differenti tal-Artikolu, għalkemm ċerti kwistjonijet dwar it-traspożizzjoni tal-paragrafi 2 u 7 jeħtieġu attenzjoni aktar mill-qrib.

    Fir-rigward tal-Artikolu 11(2), nofs l-Istati Membri biss jeħtieġu b’mod ċar li l-assistenza u l-appoġġ għandhom jiġu pprovduti hekk kif l-awtoritajiet kompetenti jkollhom indikazzjoni jew bażijiet raġonevoli biex jemmnu li l-persuna hi vittma tat-traffikar tal-bnedmin (BG, EE, ES, FR, CY, IE, LT, LU, NL, RO, SK, FI u UK). Xi Stati Membri ttrasponew l-Artikolu 11(2) ukoll permezz ta’ referenza għal lista ta’ indikaturi li jawtorizzaw l-identifikazzjoni ta’ persuna fuq “bażi raġonevoli” bħala vittma (BG, LT, LU u RO).

    Aspett ewlieni tad-Direttiva, kif stipulat fl-Artikolu 11(3), hu r-rekwiżit fuq l-Istati Membri biex jiżguraw li l-assistenza u l-appoġġ għal vittma ma jsirux kundizzjonali fuq ir-rieda tal-vittma li tikkoopera fl-investigazzjoni kriminali, fil-prosekuzzjoni jew fil-proċess. L-Istati Membri ħadu miżuri biex jittrasponu din id-dispożizzjoni, li hi riflessa kważi litteralment fil-leġiżlazzjoni ta’ CY, MT u UK (Ġibiltà, l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq). L-informazzjoni disponibbli għal BE mhijiex konklużiva fir-rigward ta’ jekk id-dispożizzjonijiet mhux kundizzjonali tal-assistenza u l-appoġġ humiex disponibbli u applikabbli għall-vittmi kollha irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. F’SK jidher li jekk il-preżenza tal-vittma ma tkunx meħtieġa għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali, hi tista’ titwarrab mill-programm ta’ assistenza.

    F’ħafna mill-każijiet, il-liġi nazzjonali ma fihiex kundizzjoni li teħtieġ ir-rieda tal-vittma biex tikkoopera fl-investigazzjoni kriminali (AT, BG, CZ, EL, FI, HR, HU, IT, LT, LU, LV, NL, PL, PT, SE, SI u UK (l-Ingilterra/l-Iskozja)). Xi Stati Membri, bħal EE, ES, FR, IE, CY, MT, RO and UK (l-Iskozja, l-Irlanda ta’ Fuq uĠibiltà), jipprevedu b’mod ċar li r-rieda għall-kooperazzjoni mhijiex neċessarja biex tiġi pprovduta l-assistenza għall-vittmi. Fil-maġġoranza tal-miżuri nazzjonali, it-traspożizzjoni ntweriet ukoll b’regoli li ttrasponew id-Direttiva 2004/81/KE fir-rigward ta’ vittmi li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi 12 . L-Istati Membri stabbilixxew mekkaniżmi ta’ natura diversa 13 bl-għan ta’ identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, u assistenza u appoġġ għalihom, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tal-appoġġ relevanti skont l-Artikolu 11(4).

    Ir-rekwiżiti minimi għall-Artikolu 11(5) dwar miżuri ta’ appoġġ u ta’ assistenza għall-vittmi huma riflessi b’modi varji, eż. inkluż id-dispożizzjoni tad-Direttiva b’mod litterali fil-liġi nazzjonali (CY, MT, UK (Ġibiltà)) jew spjegati b’manjiera mifruxa fid-dispożizzjonijiet ta’ atti differenti (BE, BG, EL, ES, FR, HU, IT, LV, LT, NL, AT, PL, PT, RO, SI u SK) jew permezz ta’ dispożizzjonijiet omnikomprensivi li jiżguraw forma oħra ta’ assistenza (BG, ES, HR, RO). L-approċċi nazzjonali huma diversi fl-iżgurar li l-assistenza u l-appoġġ jingħataw fuq bażi konsenswali u infurmata.

    L-Artikolu 11(6) dwar informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-assistenza u l-appoġġ hu rifless fil-liġijiet nazzjonali ta’ ħafna mill-Istati Membri (BG, CY, CZ, EE, EL, ES, FR, HR, LT, LU, MT, AT, PL, PT, RO, SK, FI u UK). Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, tal-aħħar ma jiżgurawx li l-vittmi jiġu pprovduti b’informazzjoni li tkopri l-perjodu ta’ riflessjoni u ta’ rkupru skont id-Direttiva 2004/81/KE, kif ukoll il-possibilità tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali u l-istatus ta’ rifuġjat skont id-Direttiva 2004/83/KE u d-Direttiva 2005/85/KE. Minbarra CY, MT u UK (Ġibiltà), fejn dan ir-rekwiżit hu traspost kważi litteralment, dan hu prinċipalment inferit minn sett ta’ dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri tal-għoti tal-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-aktar ta’ spiss, il-miżuri nazzjonali jipprevedu d-dover li din l-informazzjoni tingħata lill-barranin b’mod ġenerali u mhux speċifikament il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni, l-għoti tal-informazzjoni dwar il-perjodu ta’ riflessjoni hu previst b’mod ċar f’EE, ES, FI, FR, IE, CY, LT, LU, MT, PT, SK u UK (Ġibiltà).

    Ir-rekwiżit tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali u l-istatus ta’ rifuġjat hu previst b’mod ċar f’BG, EE, IT, CY, MT, PL, SK u UK (Ġibiltà). BG u SK jindirizzaw speċifikament vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

    L-għoti tal-informazzjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali f’HU, IE, NL u SE, dwar il-perjodu ta’ riflessjoni f’IT, jew dwar iż-żewġ tipi ta’ informazzjoni f’BE, LV u SI jista’ jkollu bżonn jiġi eżaminat aktar mill-qrib.

    L-Istati Membri użaw legiżlazzjoni (EE, EL, FI, HU, IT, CY, LV, LT, LU, MT, NL, PL, PT, RO, SK u SE) jew legiżlazzjoni b’miżuri ta’ liġi mhux vinkolanti ta’ appoġġ (BE, BG, CZ, ES, FR, IE, HR, AT, SI u UK) biex jittrasponu l-Artikolu 11(6). Barra minn dan, f’xi Stati Membri, ir-rekwiżit tad-Direttiva hu preżenti f’atti li speċifikament jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin (CY), atti b’kamp ta’ applikazzjoni ġenerali (EE, EL, HU, IT, AT, PL, PT, SE) jew fit-tnejn (BE, BG, CZ, ES, FR, IE, HR, LV, LT, LU, MT NL, RO, SK, FI ). 

    It-traspożizzjoni tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 11(7) li teħtieġ lill-Istati Membri biex jieħdu ħsieb vittmi bi bżonnijiet speċjali, kemm jekk dawk il-bżonnijiet huma derivati minn tqala, mis-saħħa tagħhom, diżabilità, minn marda mentali jew psikoloġika li għandhom, jew minn forma serja ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali li sofrew, teħtieġ li tiġi eżaminata aktar. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ġew osservati diverġenzi fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ dan ir-rekwiżit.

    2.2.2 Protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin fl-investigazzjoni u fil-proċedimenti kriminali (l-Artikolu 12)

    L-Artikolu 12 jistabbilixxi numru ta’ miżuri ta’ protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin fl-investigazzjonijiet u fil-proċedimenti kriminali. Waqt li dan l-Artikolu ġie traspost mill-maġġoranza tal-Istati Membri, ċerti kwistjonijiet dwar it-traspożizzjoni msemmija hawn taħt f’paragrafi 2 u 4 tiegħu jeħtieġu attenzjoni aktar mill-qrib.

    Id-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 12 ġew trasposti prinċipalment fil-liġijiet nazzjonali ta’ proċedura kriminali, waqt li xi Stati Membri inkludewhom f’atti speċifiċi li jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin (EL, LU, CY, NL, RO, SK, FI u UK) jew f’atti dwar il-protezzjoni tal-vittmi tad-delitti (CZ, ES u PT).

    Kif jeħtieġ l-Artikolu 12(1), l-Istati Membri kollha 14 jiżguraw li l-miżuri ta’ protezzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tagħhom japplikaw flimkien mad-drittijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI, li bħalissa hi d-Direttiva 2012/29/UE 15 .

    L-Artikolu 12(2), li jeħtieġ lill-Istati Membri sabiex jipprovdu lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin b’aċċess mingħajr dewmien għal konsulenza legali u rappreżentanza legali, inkluż sabiex jitolbu kumpens, u b’xejn meta l-vittma ma jkollhiex biżżejjed riżorsi finanzjarji, hu rifless fil-liġijiet nazzjonali ta’ ħafna mill-Istati Membri (BG, CZ, EE, EL, ES, FR, HR, CY, LV, LT, MT, AT, PT, SI, SK, FI, SE u UK). Ħafna mill-Istati Membri jipprovdu l-possibilità ta’ għajnuna legali b’xejn f’każijiet meta l-persuna ma jkollhiex biżżejjed riżorsi finanzjarji. EL, HR, LV u SE imorru lil hinn peress li għajnuna bħal din tingħata b’xejn irrispettivament mir-riżorsi tal-vittma. Fir-rigward tal-għoti ta’ rappreżentazzjoni legali u konsulenza legali “mingħajr dewmien”, EE, ES, MT u UK (Ġibiltà) jirriflettu din il-kundizzjoni b’mod espliċitu fil-liġijiet rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-aċċess għal rappreżentazzjoni legali, l-informazzjoni dwar IT u LU mhijiex konklużiva u tista’ teħtieġ aktar eżaminazzjoni. 

    Fir-rigward tal-Artikolu 12(3) l-Istati Membri kollha jiżguraw li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jirċievu l-protezzjoni xierqa fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskju individwali, fost l-oħrajn, billi jkollhom aċċess għall-programmi ta’ protezzjoni tax-xhieda.

    Il-Paragrafu 4 jistabbilixxi numru ta’ proċeduri u sitwazzjonijiet li għandhom jiġu evitati fl-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali, bħar-repetizzjoni bla bżonn ta’ intervisti, il-kuntatti viżwali bejn il-vittmi u l-imputati, l-għoti ta’ evidenza f’seduta pubblika u l-mistoqsijiet bla bżonn dwar il-ħajja privata tal-vittma. Ħafna mill-Istati Membri ħadu miżuri biex jittrasponu din il-dispożizzjoni. Madankollu, minħabba l-fatt li xi proċeduri mhumiex koperti espliċitament fil-legiżlazzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni jista’ jkollha l-bżonn teżamina aktar l-implimentazzjoni prattika ta’ din id-dispożizzjoni.

    2.2.3 Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-miżuri ta’ assistenza, ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni għall-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin (l-Artikolu 13)

    L-Artikolu 13 jistipula li vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin għandhom ikunu pprovvduti b’miżuri speċifiċi ta’ assistenza, ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni li jikkunsidraw l-aħjar interessi tagħhom. Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet ġew trasposti mill-maġġoranza tal-Istati Membri. Prinċipju importanti stabbilit mid-Direttiva hu s-suppożizzjoni tat-tfulija. Minkejja dan, numru ta’ kwistjonijiet jinqalgħu għal LT, IT, BE, CZ, FI, FR, HU, IE, LV, NL, AT, PL, RO, SE u SI fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-paragrafu 2, li jipprevedi li l-miżuri ta’ assistenza, ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni għandhom jiġu offruti wkoll lil dawk il-vittmi li l-età tagħhom mhijiex magħrufa iżda li jista’ jiġi supponut li huma tfal.

    2.2.4 Assistenza u appoġġ għall-vittmi tfal (l-Artikolu 14)

    L-Artikolu 14 jeħtieġ lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri speċifiċi ta’ assistenza u ta’ appoġġ li huma mfassla għal tfal li spiċċaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Ħafna mill-Istati Membri (BG, CZ, EE, ES, FR, CY, HU, LT, PT, RO, SK u UK) jagħmlu referenza ġenerali għall-miżuri ta’ għoti ta’ assistenza u ta’ appoġġ, u jkopru l-konsulenza, l-appoġġ soċjali kif ukoll l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u forma xierqa ta’ akkomodazzjoni. Oħrajn (HR, IT, LU, AT u SI) jagħmlu referenza għall-miżuri speċifiċi ta’ assistenza psikoloġika u medika, l-inklużjoni fis-sistema ta’ protezzjoni soċjali (HR), l-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanju (SI) u t-twaqqif ta’ gruppi għall-protezzjoni tat-tfal fi sptarijiet (AT). Dawn il-miżuri ta’ assistenza u ta’ appoġġ għandhom jingħataw lill-vittma minorenni wara valutazzjoni individwali. Il-miżuri ta’ assistenza u ta’ appoġġ offruti minn xi Stati Membri (BE, EL, LV u PL) huma applikabbli għall-vittmi kollha. Huwa diffiċli biex wieħed jivvaluta jekk l-approċċ jindirizzax biżżejjed il-bżonnijiet speċifiċi tal-vittmi tfal, inkluż l-aċċess għall-edukazzjoni għall-vittmi tfal u t-tfal tal-vittmi, u l-Kummissjoni se tkompli teżamina dan.

    L-Artikolu 14(1) jipprevedi li dawn il-miżuri għandhom jassistu u jappoġġaw lill-minorenni kemm “fuq medda ta’ żmien qasir kif ukoll fit-tul”: FR biss tagħmel referenza espliċita għall-perjodu ta’ żmien tad-durata tal-miżuri ta’ assistenza, waqt li l-Istati Membri l-oħra jidhru li jipprovdu miżuri bħal dawn għal “żmien raġonevoli” mingħajr ma jispeċikaw il-qafas ta’ żmien preċiż.

    L-Artikolu 14(2) jistabbilixxi li għandu jinħatar tutur jew rappreżentant għal vittma minorenni tat-traffikar tal-bnedmin ladarba l-minorenni jiġi identifikat, meta minħabba kunflitt ta’ interess, dawk li għandhom ir-responsabbiltà bħala ġenituri ma jkunux jistgħu jiżguraw l-aħjar interessi tal-minorenni. L-Istati Membri kollha jirriflettu din id-dispożizzjoni: xi Stati Membri (CY, NL u UK) adottaw dispożizzjonijiet speċifiċi għal dak l-għan, waqt li l-oħrajn jiżguraw il-ħatra permezz tar-regoli ġenerali tagħhom.

    L-Artikolu 14(3) jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza u appoġġ, fejn xieraq u possibbli, anki lill-familja tal-vittmi tfal li jgħixu fit-territorju tal-Istat Membru. Nofs l-Istati Membri (BG, ES, CY, LT, LU, MT, PL, PT, SI, SK, FI, SE, u UK) adottaw miżuri speċifiċi għall-familji tal-vittmi minorenni 16 .

    2.2.5 Protezzjoni tal-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin fl-investigazzjonijiet u fil-proċedimenti kriminali (l-Artikolu 15)

    L-Artikolu 15 jistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri biex jistabbilixxu numru ta’ miżuri ta’ protezzjoni għall-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin waqt l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali. Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kollha jidhru li jinkludu dispożizzjonijiet li jikkorrispondu mal-Artikolu 15(1) li jiżguraw li fl-investigazzjonijiet u fil-proċedimenti kriminali, jinħatar rappreżentant għall-vittma minorenni tat-traffikar tal-bnedmin meta b’riżultat ta’ kunflitt ta’ interess, dawk li għandhom ir-responsabbiltà bħala ġenituri jkunu preklużi milli jirrappreżentaw il-minorenni. Id-dritt għall-konsulenza legali u r-rappreżentazzjoni legali għall-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin previst f’paragrafu 2 għandu t-tendenza li jkun kopert mir-regoli ġenerali tal-liġi kriminali u tal-liġi ċivili applikabbli għal kulħadd, inklużi l-adulti u t-tfal.

    L-Istati Membri jirriflettu l-miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni elenkati fl-Artikolu 15(3)(a) sa (f) prinċipalment permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġijiet ta’ proċeduri kriminali jew ta’ atti li jipproteġu l-vittmi tad-delitti b’mod ġenerali. B’hekk, filwaqt li l-miżuri u d-dispożizzjonijiet ġenerali fil-liġijiet ta’ proċeduri kriminali dwar il-protezzjoni tal-vittmi tad-delitti jeżistu, jidher li hemm nuqqas ta’ miżuri speċifiċi għall-vittmi tfal tat-traffikar. F’EL, CY, LV, NL, MT, RO, u UK, ġew identifikati miżuri nazzjonali speċifiċi għal vittmi tfal tat-traffikar. Din id-dispożizzjoni tista’ tkun teħtieġ eżaminazzjoni aktar mill-qrib peress li xi Stati Membri jidhru li japplikaw il-miżuri ta’ protezzjoni kollha jew xi ftit minnhom biss għal tfal ta’ taħt l-14-il sena (DE, EE, IE, LV, AT, RO) jew ta’ taħt il-15-il sena (PL), waqt li l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva jgħid li tfal għandha tfisser kull persuna taħt it-18-il sena.

    F’konformità mal-Artikolu 15(4), il-maġġoranza tal-Istati Membri jiżguraw li f’investigazzjonijiet kriminali tat-traffikar tal-bnedmin, l-intervisti kollha ma’ vittma jew xhud minorenni jistgħu jiġu rrekordjati bil-vidjo u li intervisti rrekordjati bil-vidjo bħal dawn jistgħu jintużaw bħala evidenza fil-proċedimenti tal-qorti kriminali 17 . L-Istati Membri jirriflettu din id-dispożizzjoni b’mod predominanti fil-liġijiet tal-proċedura kriminali tagħhom. Jeħtieġu attenzjoni dawk il-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet huma limitati abbażi tal-età tal-minuri.

    L-Artikolu 15(5) li jeħtieġ lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fil-proċedimenti tal-qorti kriminali jistgħu jiġu ordnati miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi, hu żgurat prinċipalment permezz ta’ miżuri ġenerali tal-liġi tal-proċedura kriminali. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiżguraw li s-seduta ta’ smigħ tal-vittma jew xhud minorenni sseħħ mingħajr il-preżenza tal-pubbliku, iżda f’xi Stati Membri, hi soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi. Ħafna mill-Istati Membri ġeneralment jipprevedu li l-vittma minorenni tista’ tinstema’ fl-awla tal-qorti, mingħajr ma tkun preżenti, b’mod partikolari, permezz tal-użu tat-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni xierqa, iżda f’xi Stati Membri din l-għażla hi marbuta mal-età tal-minorenni 18 .

    2.2.6 Assistenza, appoġġ u protezzjoni għal vittmi tfal mhux akkumpanjati tat-traffikar tal-bnedmin (Artikolu 16)

    L-Artikolu 16 jirrigwarda l-vittmi tfal mhux akkumpanjati tat-traffikar tal-bnedmin u jeħtieġ lill-Istati Membri biex jipprovduhom b’miżuri ta’ assistenza, ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni li jissodisfaw il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Miżuri bħal dawn ma għandhomx biss jieħdu f’kunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal mhux akkumpanjati, iżda wkoll jipprovduhom b’soluzzjoni dejjiema.

    Miżuri speċifiċi fir-rigward tal-kura medika jew psikoloġika, kif ukoll ir-rappreżentazzjoni u l-akkomodazzjoni tal-vittmi tfal mhux akkumpanjati f’xi Stati Membri (HU, IE, CY, AT, SK u FI), waqt li f’oħrajn (BG, EE, HR, LV, PT, SI, UK) il-vittmi tfal mhux akkumpanjati jidhru li huma koperti mir-regoli ġenerali. Numru limitat ta’ miżuri, flimkien mar-regoli ġenerali applikabbli għat-tfal kollha, imfassla speċifikament għall-vittmi tfal mhux akkumpanjati jeżistu f’FR, LU u NL

    Ħafna mill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi tfal mhux akkumpanjati jiġu pprovduti b’miżuri ta’ assistenza u ta’ appoġġ speċifiċi - bħall-appoġġ mediku u psikoloġiku u l-aċċess għal akkomodazzjoni xierqa - f’konformità mal-aħjar interessi tagħhom. Ħafna minnhom jiżguraw ukoll miżuri li jimmiraw biex ifittxu stabbilità fit-tul u soluzzjoni dejjiema għal kull vittma minorenni individwali. Xi rekwiżiti jistgħu jeħtieġu eżaminazzjoni aktar mill-qrib fir-rigward ta’ EL, LV u SE 19 .   

    Skont l-Artikolu 16(3) u (4) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tutur jew rappreżentant responsabbli fl-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali jinħatru għal vittmi tfal mhux akkumpanjati tat-traffikar tal-bnedmin. Dan l-obbligu hu rifless fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri kollha. 

    2.2.7 Kumpens lill-vittmi (l-Artikolu 17)

    L-Artikolu 17 jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ikollhom aċċess għal skemi eżistenti ta’ kumpens għall-vittmi ta’ delitti vjolenti bi ħsieb. L-Istati Membri kollha jipprovdu l-possibbiltà għal kumpens bħal dan, disponibbli għall-vittmi kollha irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. F’SI, il-kumpens jidher li hu pprovdut lill-vittmi li huma ċittadini Sloveni jew tal-UE.

    It-tip ta’ kumpens ipprovdut u l-proċeduri għall-għoti ta’ kumpens ivarjaw bejn l-Istati Membri, waqt li ġeneralment jinkludu l-ħlas għall-kura medika u psikoloġika, it-telf fid-dħul, it-tariffi legali u l-ispejjeż tal-funerali. Xi Stati Membri (AT, SK, FI, u UK) jikkumpensaw ukoll għal danni mhux materjali, bħas-sofferenzi fiżiċi u psikoloġiċi.

    Fir-rigward tal-proċeduri biex jinkiseb kumpens, ħafna Stati Membri (BG, CZ, ES, IE, LT, MT, NL, PT u SE) jistipulaw sistema doppja fejn il-vittma tista’ ġġib azzjoni ċivili għal kumpens kontra l-awtur fil-proċedura kriminali; jekk il-vittma ma tiġix kompletament ikkumpensata permezz ta’ din il-proċedura, xorta hemm il-possibbiltà li tirċievi kumpens mill-Istat.

    Stati Membri oħra (EE, EL, HU, LV, PL, RO, SK u UK) għandhom dispożizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-kumpens għall-vittmi tad-delitti (inklużi delitti vjolenti) jew għall-korrimenti li jseħħu b’riżultat ta’ delitti bħal dawn. F’BE, FR u HR, twaqqaf fond speċjali għall-vittmi ta’ delitti vjolenti li minnu l-vittmi jirċievu kumpens mill-Istat.

    2.3 Prevenzjoni (Artikolu 18)

    L-Artikolu 18 jistabbilixxi obbligu fuq l-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jiskoraġġixxu u jnaqqsu d-domanda li trawwem il-forom kollha ta’ sfruttament relatat mat-traffikar tal-bnedmin.

    Il-miżuri neċessarji meħtieġa minn dan l-Artikolu spiss huma inklużi mhux biss fl-atti legiżlattivi iżda wkoll fi pjanijiet ta’ azzjoni, strateġiji u programmi nazzjonali.

    Il-Paragrafu 1 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, waqt li paragrafu 2 jirrigwarda, b’mod partikolari, l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni. Ħafna Stati Membri BE, EE, EL, ES, FR, HR, HU, IE, CY, LT, MT, NL, AT, PL, PT, RO, SI, SK, SE u UK) adottaw pjanijiet ta’ azzjoni li jinkludu t-taħriġ ġenerali u l-miżuri ta’ edukazzjoni flimkien ma’ proġetti ta’ sensibilizzazzjoni speċifiċi.

    Skont il-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jippromwovu t-taħriġ regolari tal-uffiċjali li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi jew mal-vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin. L-Istati Membri kollha adottaw miżuri biex jiżguraw li l-uffiċjali tagħhom jiġu mħarrġa. Il-maġġoranza tal-Istati Membri ġeneralment jirreferu għall-uffiċjali li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, waqt li oħrajn jagħmlu referenza espliċita għat-taħriġ tal-uffiċjali tal-immigrazzjoni (BE, FR u LU), tal-imħallfin (AT, BE, BG, CZ, HU, LT, MT, PL, PT, SE u SI), tal-prosekuturi (BG, CZ, EE, ES, HU, IT, LT, MT, NL, AT, PL, SI u SE), tal-korpi tal-infurzar tal-liġi (EE, NL u PL), tal-pulizija tal-ġudikatura (ES), tal-impjegati ta’ Ministeri differenti (BE, CY, ES, MT u SI), tar-rappreżentanti tal-midja (BG), tal-ispetturi tax-xogħol (CZ, FR u SI), tal-uffiċjali tal-armata li jipparteċipaw f’missjonijiet barra minn xtuthom (CZ), tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa (FR, PT u SK), tal-persunal tal-kontroll fuq il-fruntiera (HU, LT u PT) kif ukoll tal-assistenti soċjali u l-persunal tas-servizzi ta’ assistenza (BG, HU, IT, LT, LU, MT, PT, SI u SK). 

    Valutazzjoni aktar dettaljata tal-miżuri meħuda jew ikkunsidrati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva bl-għan li jiġi stabbilit bħala reat kriminali l-użu tas-servizzi li huma oġġetti ta’ sfruttament tal-vittmi tat-traffikar, bl-għarfien li l-persuna hi vittma ta’ dan, hija ppreżentata f’rapport separat 20 .

    2.4 Relaturi Nazzjonali jew Mekkaniżmi Ekwivalenti u l-Koordinazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin (l-Artikolu 19 u 20)

    Skont l-Artikolu 19, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu relaturi nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti (NREMs) bil-kompitu li jwettqu valutazzjonijiet dwar ix-xejriet, ikejlu r-riżultati tal-azzjonijiet kontra t-traffikar, u jiġbru l-istatistiċi. Il-Premessa 27 tiċċara li n-NREMS għandhom jiġu stabbiliti bil-mod li l-Istati Membri jqisu xieraq “skont l-organizzazzjoni interna tagħhom, u jieħdu f’kunsiderazzjoni l-bżonn ta’ struttura minima b’kompiti identifikati”. Għalhekk, in-NREMs għandhom status u strutturi differenti; b’mod partikolari, xi Stati Membri stabbilixxew NREMs li huma indipendenti mill-gvern, waqt li l-maġġoranza vasta għandha NREMs li huma parti mill-amministrazzjoni nazzjonali. Id-Direttiva ma tirreferix għall-kunċett tal-indipendenza għan-NREMs, iżda pjuttost tiddeskrivi l-kompiti u l-obbligi ta’ rappurtar tagħhom.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħatru relatur nazzjonali biex iwettaq il-kompiti stabbiliti f’dan l-Artikolu; xi Stati Membri 21 ħatru persuna speċifika, oħrajn ħatru korp 22 , waqt li l-bqija stabilixxew mekkaniżmi ekwivalenti. L-Artikolu 20 jeħtieġ lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-kompiti tal-koordinatur tal-UE kontra t-traffikar (ATC) u b’mod partikolari, biex jibagħtu lill-ATC l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19, li fuq il-bażi tagħha l-ATC se jikkontribwixxi għar-rappurtar imwettaq mill-Kummissjoni kull sentejn dwar il-progress li jkun sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. L-Istati Membri kollha kkonformaw ma’ dan l-obbligu billi ttrażmettew l-inputs tagħhom għall-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin li ġie adottat fid-19 ta’Mejju 2016 23 .

    Barra dan, il-miżuri ta’ trasponiment f’EL, IT, CY, LT u MT jipprevedu b’mod espliċitu li l-informazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin tiġi kkomunikata lill-ATC. B’mod aktar partikolari, waqt li CY jeħtieġ li r-relatur nazzjonali jipprovdi informazzjoni lill-ATC kull sentejn, EL u IT jistabbilixxu s-sottomissjoni ta’ rapport annwali u rapport biennali, rispettivament.

    Xi Stati Membri oħra, bħal BG, ES, FR, HU u RO ttrasponew l-Artikolu 20 permezz ta’ obbligu ġenerali ta’ skambju ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi oħra u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Fir-rigward tal-bqija tal-Istati Membri setgħet tiġi konkluża traspożizzjoni li hi prinċipalment ibbażata fuq il-kompiti ġenerali allokati lir-relatur nazzjonali.

    3.KONKLUŻJONIJIET U PASSI LI JMISS

    Traspożizzjoni tad-Direttiva kompleta u korretta, segwita mill-implimentazzjoni sinifikanti tagħha, mhijiex biss obbligatorja iżda wkoll meħtieġa sabiex isir progress sostanzjali fuq livell nazzjonali fl-indirizz tat-traffikar tal-bnedmin. L-għan aħħari hu biex issir differenza vera fil-ħajjiet tal-vittmi u biex il-ġlieda kontra dan id-delitt issir aktar effettiva billi jiżdied in-numru ta’ prosekuzzjonijiet u ta’ kundanni.

    Il-Kummissjoni mmonitorjat b’mod proattiv il-proċessi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva. Dan ir-Rapport, li għandu jinqara flimkien mar-Rapport li jirrispondi għall-obbligu tal-Artikolu 23(2) COM(2016) 719 tad-Direttiva, hu parti minn proċess li jiżgura l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni korretta tiegħu. Din il-ħarsa ġenerali turi li saru sforzi sostanzjali mill-Istati Membri biex jittrasponu dan l-istrument komprensiv.

    Madankolu, xorta jibqa’ lok sinifikanti għal titjib b’mod partikolari fir-rigward ta’: miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tat-tfal, preżunzjoni tat-tfulija u evalwazzjoni tal-età tal-minorenni, protezzjoni waqt il-proċedimenti kriminali u qabel jibdew, aċċess għal assistenza bla kundizzjonijiet, kumpens, assenza ta’ kastigi, assistenza u appoġġ għall-membru tal-familja tal-vittma minorenni kif ukoll prevenzjoni. 

    Il-Kummissjoni lesta tipprovdi aktar appoġġ lill-Istati Membri biex jiżguraw livell sodisfaċenti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva fid-dawl ta’: l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 24 , li tenfasizza t-traffikar tal-bnedmin bħala forma ta’ delitt serju u organizzat, l-Istrateġija tal-UE attwali lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin 2012-2016 25 , li ssejjaħ għall-iżgurar tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva, u l-qafas ta’ politika ġdid ta’ wara l-2016. Jekk ikun hemm bżonn, jistgħu jitfasslu linji gwida dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva għad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jeħtiġuha.

    Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri f’konformità mal-poteri tagħha skont it-Trattati u tista’ tieħu azzjoni xierqa, inkluż, meta neċessarju, il-bidu ta’ proċeduri ta’ ksur. 

    (1)

    F’dan ir-rapport “Stati Membri” tfisser l-Istati Membri marbuta bid-Direttiva.

    (2)

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jeżamina l-impatt tal-liġi nazzjonali eżistenti, jistabbilixxi bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma oġġetti ta’ sfruttament tat-traffikar tal-bnedmin, dwar il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/36/UE, (COM (2016) 719.

    (3)

    Dwar id-data ta’ tmiem ix-xogħol fuq dan ir-rapport.

    (4)

    SI ma tinkludix ir-“reklutaġġ’’ fid-definizzjoni u r-UK (l-Ingilterra/Wales u l-Irlanda ta’ Fuq) jirreferi għall-"arranġament u l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar ta’ persuna oħra".

    (5)

    Pereżempju, f’CZ, EE, FR, LV, HU, FI u UK (l-Ingilterra/Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja) ma hemm ebda referenza epliċita għal “ħtif u frodi’’. ES u IT ma jidhrux li jinkludu “ħtif’’; LT u SI ma jirreferux għal “frodi’’; AT ma tirreferix għal “qerq’’ u “ħtif’’; EE, HU, SI u UK (Ingilterra/Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja) ma jirreferux għal “l-għoti jew ir-riċeviment ta’ ħlasijiet jew benefiċċju’’ u UK (l-Ingilterra/Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja) ma tirreferix għal “abbuż ta’ poter’’.

    (6)

    Eżempji fejn xi wħud mill-forom ta’ sfruttament mhumiex imsemmija espliċitament fil-liġi nazzjonali: it-talb għall-elemożina (CZ, FI, HR, LV, SI uUK (l-Ingilterra/Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja)); l-iskjavitù u prattiki simili għall-iskjavitù (AT, BE, EL u IT); l-isfruttament għal attivitajiet kriminali (EL, PL, RO, FI u UK (l-Ingilterra/Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja)), it-tneħħija ta’ organi (AT, SE).

    (7)

    F’SE, it-talb għall-elemożina, l-iskjavitù, prattiki simili għall-iskjavitù, is-servitù, l-isfruttament ta’ attivitajiet kriminali u t-teħid ta’ organi huma koperti minn dispożizzjoni omnikomprensiva.

    (8)

    Ara 2.2.4 u 2.2.5.

    (9)

    : Pereżempju, l-esklużjoni mill-intitolament għall-benefiċċji jew għajnuna pubbliċi (BE, CZ, EL, ES, HR, IT, CY, HU, MT, PL, PT); l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika tal-attivitajiet kummerċjali (BE, CZ, EL, ES, FR, HR, IT, CY, HU, MT, LT, LV, AT, PL, PT, RO, SI, SE); it-tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja (CY, ES, FR, IT, MT, PT u RO); l-istralċ ġudizzjarju (BE, EL, ES, FR, HR, CY, HU, LT, LU, MT, NL, PT, RO, SI ); l-għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti li ntużaw għat-twettiq tar-reat ( BE, ES, FR, LT, LU, CY, MT, PT u RO). Minbarra l-multi u l-pieni fakultattivi msemmija hawn fuq, xi Stati Membri (BE, CZ, FR, PT u RO) għażlu li jintroduċu s-sanzjoni addizzjonali tal-pubblikazzjoni jew il-wiri tad-deċiżjoni jew tas-sentenza li biha l-persuna ġuridika tkun instabet ħatja tad-delitt.

    (10)

    l-Ingilterra/Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja

    (11)

    l-Ingilterra/Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja

    (12)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti ĠU L261, 6.8.2004, p.19.

    (13)

    Dwar l-Artikolu 11(4), għal ħafna Stati Membri, ingħatat kunsiderazzjoni għall-kollaborazzjoni, għall-finijiet tal-identifikazzoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, bejn awtoritajiet kompetenti governattivi, korpi pubbliċi lokali, u entitajiet privati bħall-NGOs, postijiet li joffru kenn jew kwalunkwe assoċjazzjoni oħra rikonoxxuta u rreġistrata mill-Istat u li x’aktarx tiġi f’kuntatt mal-vittmi. Bħala regola, il-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali jenfasizzaw id-dmir tal-awtoritajiet pubbliċi li jirrappurtaw sitwazzjonijiet tat-traffikar tal-bnedmin, waqt li jiftakru li kwalunkwe persuna tista’ tagħmel rapport bħal dan. It-tisħiħ tal-identifikazzjoni bikrija u proattiva tal-vittma u l-għoti rapidu tal-informazzjoni u l-assistenza lill-vittmi jikkonstitwixxu għanijiet ewlenin fil-pjanijiet ta’ azzjoni, l-istrateġiji u l-programmi nazzjonali. Spiss, tal-aħħar jipprevedu linji gwida dwar il-proċeduri tal-identifikazzjoni. Abitwalment, il-proċedura tal-identifikazzjoni hi maqsuma f’diversi stadji. L-istrumenti nazzjonali ta’ BG, FR, LU, CY MT u SI jirreferu speċifikament għal lista ta’ indikaturi għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-vittmi. Xi mekkaniżmi nazzjonali jinkludu wkoll it-twaqqif ta’ manwali, linji gwida, u rakkomandazzjonijiet għall-finijiet ta’ identifikazzjoni tal-vittmi (CZ, EE, ES, LV, LT, CY, MT, SI, SE). Fil-liġi ta’ BE, il-mekkaniżmu implimentat japplika biss għall-vittmi mhux Belġjani.

    (14)

    CZ, PT u UK (Ġibiltà) li ttrasponew l-Artikolu 12(1) espliċitament.

    (15)

    Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, ĠU L 315, 14.11.2012.

    (16)

     It-tip ta’ miżuri jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Dawn jinkludu l-aċċess għas-servizzi soċjali (BG, LT, PL u SK), l-assistenza fir-rigward tat-trobbija tal-minorenni permezz tal-għoti lill-familji tal-aċċess neċessarju għas-servizzi (FI and UK (l-Ingilterra/Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja)), l-għoti ta’ informazzjoni, ta’ rappreżentazzjoni legali kif ukoll ta’ appoġġ tal-familja u, jekk xieraq, l-għajnuna finanzjarja (PT), l-aċċess għall-istess tip ta’ informazzjoni bħal tal-vittma (CY), l-assistenza psikoloġika, soċjali u edukattiva (LU u MT) jew appoġġ u għajnuna (SE).

    (17)

    EE, CY, LU, MT u NL ttrasponew l-Artikolu 15(4) litteralment.

    (18)

    Il-miżuri nazzjonali identifikati jidhru li jkopru minorenni taħt l-età ta’ 14-il sena (HU u LV), taħt l-età ta’ 15-il sena (FI u PL) jew taħt l-età ta’ 16-il sena (MT).

    (19)

    Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, fil-Greċja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix li l-valutazzjoni individwali għandha ssir wara l-identifikazzjoni inizjali tal-vittma minorenni; fil-Latvja, il-miżuri nazzjonali jidhru li huma indirizzati lill-vittmi b’mod ġenerali u ma jidhrux li jispeċifikaw fil-liġi l-bżonnijiet speċjali u l-aħjar interessi tal-minorenni mhux akkumpanjati.

    (20)

    Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3

    (21)

    BE, FR, HU, NL, PT u UK (Ġibiltà)

    (22)

    BG, CZ, EE, EL, ES, FI, HR, IT, CY, IE, LT, LU, LV, MT, AT, PL, RO, SI, SK, SE u UK (l-Ingilterra/Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja).

    (23)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2016) kif meħtieġ skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, COM(2016) 267 final. 

    (24)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, COM(2015) 185 final.

    (25)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012–2016, COM(2012)286 final.

    Top