EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0451

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Komunikazzjoni dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa

COM/2016/0451 final

Strasburgu, 5.7.2016

COM(2016) 451 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Komunikazzjoni dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa


Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda ssegwi aġenda ambizzjuża għal tassazzjoni aktar ġusta, aktar trasparenti u aktar effettiva fl-UE, f’konformità mal-objettiv usa tagħha tat-tkabbir sostenibbli u l-investiment li jappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi fi ħdan Suq Uniku aktar profond. Il-kumpaniji għandhom iħallsu t-taxxi fil-pajjiż fejn jiġu ġġenerati l-profitti tagħhom. Il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa hija ċentrali għal din l-aġenda.

L-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jċaħħdu lill-baġits pubbliċi minn biljuni ta’ euro fi dħul kull sena, ifixklu l-kompetizzjoni bejn negozji u jħassru l-kundizzjonijiet ekwi u ġusti għall-kontribwenti kollha. Dawn jheddu l-kunċett ta’ sistemi tat-taxxa li jiffavorixxu t-tkabbir u jfixklu Unjoni tas-Swieq Kapitali ta’ suċċess. Hemm ir-riskju li l-innovazzjoni u l-kompetittività jinħanqu minħabba li intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li huma s-sors ewlieni tal-impjiegi fl-Ewropa, jispiċċaw iħallsu proporzjonalment aktar taxxi minn kumpaniji akbar li jistgħu jaffordjaw li jinvolvu ruħhom f’ippjanar aggressiv tat-taxxa. L-evitar tat-taxxa jista’ jżid ukoll il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol, minħabba li l-gvernijiet jikkumpensaw għad-dħul mitluf billi jżidu t-taxxi xi mkien ieħor, għad-detriment tal-impjiegi u suq tax-xogħol b’saħħtu. Tassazzjoni ġusta hija essenzjali wkoll għall-kuntratt soċjali bejn iċ-ċittadini u l-gvernijiet tagħhom. Hemm sejħa pubblika qawwija għal azzjoni biex jiġu miġġielda prattiki aggressivi tat-taxxa li jnaqqsu d-dħul disponibbli lill-gvernijiet għal finijiet oħra.

Minħabba n-natura transkonfinali tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, ġeneralment, azzjoni purament nazzjonali biex jiġu indirizzati dawn il-problemi mhijiex effettiva. Fil-fatt, miżuri nazzjonali mhux koordinati biex jiġi miġġieled l-abbuż tat-taxxa jistgħu jaggravaw is-sitwazzjoni, billi joħolqu frammentazzjoni tas-Suq Uniku, joħolqu piżijiet ġodda għall-kontribwenti u jiftħu lakuni ġodda li jistgħu jiġu sfruttati minn pjanifikaturi aggressivi tat-taxxa. Huwa essenzjali approċċ koordinat għall-indirizzar tal-abbuż tat-taxxa, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak internazzjonali.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ppreżentat numru ta’ proposti għal pożizzjoni tal-UE aktar b’saħħitha u aktar koordinata kontra l-abbuż tat-taxxa, li hija allinjata mal-aġenda internazzjonali u tmur lil hinn minn dan fejn meħtieġ għas-Suq Uniku. Dawn l-inizjattivi diġà rriżultaw f’għadd ta’ kisbiet importanti, li għandhom itejbu fundamentalment l-ambjent tat-taxxa għaċ-ċittadini u n-negozji fl-Ewropa. Il-Kummissjoni nediet ukoll investigazzjonijiet skont regoli tal-għajnuna mill-Istat dwar jekk ċerti Stati Membri tawx benefiċċji fuq it-taxxa lil kumpaniji multinazzjonali magħżula 1 .

Minkejja dawn l-avvanzi importanti, għad fadal ħafna xi jsir fil-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, u biex jiġu limitati opportunitajiet għall-ħabi fuq skala kbira ta’ fondi, esposti fir-rivelazzjonijiet riċenti tal-midja, magħrufa bħala l-“Panama Papers”.

Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-progress li sar s’issa u l-oqsma prijoritarji għal azzjoni fix-xhur li ġejjin, fil-livell internazzjonali u tal-UE, biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u attivitajiet finanzjarja illeċiti.

IL-PROGRESS LI SAR FL-AĠENDA TAL-UE BIEX TISSAĦĦAĦ IT-TRASPARENZA U JIĠU MIĠĠIELDA L-EVAŻJONI U L-EVITAR TAT-TAXXA

Trasparenza Fiskali Akbar

L-ewwel pass lejn tassazzjoni aktar ġusta u aktar effettiva kien li tiġi injettata aktar trasparenza fit-tassazzjoni madwar l-Ewropa. Wara żewġ proposti ambizzjużi dwar it-trasparenza mill-Kummissjoni, l-Istati Membri riċentement qablu li l-awtoritajiet tat-taxxa tagħhom għandhom ikunu aktar aperti u jikkooperaw aktar, kif ukoll jintensifikaw l-iskrutinju tal-prattiki tat-taxxa transkonfinali tal-kumpaniji. Mill-2017, l-Istati Membri kollha se jaqsmu bejniethom awtomatikament u sistematikament, informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa transkonfinali tagħhom. Barra minn hekk, f’Marzu 2016, l-Istati Membri qablu li l-awtoritajiet tat-taxxa tagħhom jikkondividu b’mod awtomatiku rapporti għal kull pajjiż ta’ attivitajiet ta’ kumpaniji multinazzjonali għal finijiet ta’ taxxa. Dawn ir-rekwiżiti leġiżlattivi l-ġodda se jtejbu b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-Istati Membri li jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa tagħhom u jrażżnu l-iskemi ta’ evitar tat-taxxa.

L-Unjoni Ewropea qiegħda żżid ukoll it-trasparenza lejn il-pubbliku. B'riżultat tal-kriżi finanzjarja, ġew implimentati rekwiżiti stretti ta’ trasparenza għall-banek. Skont id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital 2 , istituzzjonijiet finanzjarji jridu jiżvelaw pubblikament informazzjoni ewlenija dwar l-attivitajiet, it-taxxi, il-profitti u s-sussidji pubbliċi tagħhom għal kull pajjiż, fl-UE u barra mill-UE. Industriji kbar ta’ estrazzjoni u qtugħ tas-siġar huma meħtieġa wkoll li jwettqu Rapport Għal Kull Pajjiż (CBCR) pubbliku skont id-Direttiva dwar il-Kontabilità.

F’April 2016, il-Kummissjoni pproponiet li kwalunkwe kumpanija multinazzjonali b’fatturat ta’ aktar minn EUR 750 miljun u preżenza fl-UE għandha tippubblika online sett speċifikat ta’ data relatata mat-taxxa. Informazzjoni Għal Kull Pajjiż trid tiġi żvelata pubblikament minn dawn il-pajjiżi għal kull pajjiż tal-UE kif ukoll għal dawk il-ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jirrispettawx l-istandards ta’ governanza tajba tat-taxxa. Jeħtieġ li jiġu provduti wkoll ċifri aggregati għal operazzjonijiet fil-bqija tad-dinja. Dawn ir-regoli se jżidu r-responsabbiltà ta’ kumpaniji multinazzjonali kbar dwar kwistjonijiet tat-taxxa, filwaqt li jgħinu liċ-ċittadini jiskrutinizzaw aħjar l-imġiba fiskali tagħhom u jinkoraġġixxuhom iħallsu t-taxxa fejn jagħmlu profitt, filwaqt li jippreservaw il-kompetittività u jevitaw il-piżijiet fuq kumpaniji iżgħar. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jikkunsidraw din il-proposta malajr.

Miżuri tal-UE jirrikjedu wkoll it-trasparenza fir-rigward tal-kontijiet tal-individwi. Minn Jannar 2016 'l hawn, daħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni ġdida li tipprevjeni l-ħabi ta’ fondi offshore. Skont id-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva, l-Istati Membri huma obbligati jiskambjaw ma’ xulxin b’mod awtomatiku ammont estensiv ta’ informazzjoni dwar l-introjtu u l-kapital miżmum minn individwi u entitajiet barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, ġew iffirmati wkoll arranġamenti ġodda għat-trasparenza fiskali mal-Iżvizzera, il-Liechtenstein, Andorra u San Marino, u ftehim simili se jiġi ffirmat ma' Monaco fil-ġimgħat li ġejjin. Din it-trasparenza l-ġdida se ttejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jidentifikaw u jittrattaw evażuri tat-taxxa, filwaqt li taġixxi bħala deterrent kontra l-ħabi ta’ introjtu u assi offshore għal finijiet ta’ taxxa. Finalment, skont ir-Raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-Istati Membri huma meħtieġa joħolqu reġistri ċentrali ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, jiżguraw aktar trasparenza fir-rigward ta’ flussi ta’ kapital u jiġġieldu aħjar kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jimplimentaw dawn ir-regoli sa tmiem is-sena.

Tassazzjoni aktar ġusta

Il-ħidma tal-Kummissjoni għal aktar trasparenza fiskali ġiet abbinata ma’ approċċ ugwalment determinat li jiġi żgurat li l-Istati Membri għandhom fis-seħħ l-għodod xierqa biex jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa tagħhom kontra l-abbuż u jiġbru d-dħul leġittimu tagħhom.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għal Tassazzjoni Ġusta u Effettiva 3 ta’ Ġunju 2015 jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri li jridu jittieħdu biex tiġi modernizzata t-tassazzjoni korporattiva fl-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni stabbilixxa l-pedament għal approċċ fuq diversi binarji tal-UE biex jitrażżan l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u r-reġimi li jinkoraġġixxuh, filwaqt li fl-istess ħin jimminimizza r-riskju ta’ tassazzjoni doppja mhux ġustifikata. Il-ħidma fuq ħafna mill-azzjonijiet hija diġà avvanzata sew, b'mod partikolari il-preparazzjoni ta’ proposta biex titnieda mill-ġdid il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), li l-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta qabel l-aħħar tas-sena, biex jittejjeb l-ambjent għan-negozji fis-Suq Uniku filwaqt li jiġu eliminati diskrepanzi bejn sistemi nazzjonali li bħalissa qed jiġu sfruttati minn pjanifikaturi aggressivi tat-taxxa.

Il-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa ta’ Jannar 2016 inkluda miżuri legalment vinkolanti biex jiġi indirizzat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u Strateġija Esterna biex tiġi promossa l-governanza tajba tat-taxxa fuq livell internazzjonali. Sar progress sinifikanti fuq l-elementi kollha ta’ dan il-Pakkett. F’Ġunju 2016, il-Kunsill ta l-qbil tiegħu mad-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa. Din se tgħin biex jiġu evitati xi wħud mit-tipi l-aktar prevalenti ta’ trasferiment tal-profitti, permezz ta’ regoli koordinati biex jiġu solvuti diskrepanzi ibridi, kumpaniji barranin ikkontrollati mit-taxxa u l-limitu tat-tnaqqis tal-imgħax, fost affarijiet oħra. L-Istrateġija Esterna ġiet approvata mill-Kunsill f’Mejju 2016 u għaddejja ħidma fuq kull waħda mill-azzjonijiet tagħha, inkluż il-proċess għall-istabbiliment ta’ lista komuni tal-UE għal ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi. Qed isir progress importanti wkoll biex jittejbu oqsma oħra ta’ tassazzjoni korporattiva, bħar-rieżami tar-regoli dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti u r-reġimi preferenzjali tal-Istati Membri, f’konformità ma’ normi internazzjonali ġodda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed issegwi b’mod attiv każijiet fejn inċentivi offruti lil intrapriżi magħżula jistgħu jiksru r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll għal governanza tajba tat-taxxa ogħla fil-livell internazzjonali. Sar progress kostanti biex jittejjeb il-qafas tal-governanza tajba tat-taxxa globalment, u biex is-sistemi tat-taxxa isiru aktar stretti fir-rigward tal-abbuż. B’mod partikolari, il-miżuri tal-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS) tal-OECD se jagħlqu mezzi ewlenin għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa, jekk jiġu implimentati għalkollox u b’mod wiesgħa.

L-INDIRIZZAR TAL-ISFIDI LI JIFDAL

Minkejja dawn l-avvanzi importanti, il-Kummissjoni hija konvinta li għad baqa’ ħafna xi jsir fil-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. Ir-rivelazzjonijiet riċenti fil-midja esponew kif impriżi sigrieti u strutturi finanzjarji għadhom qed jintużaw biex jaħbu introjtu u assi offshore, ħafna drabi bl-għajnuna ta’ parir sofistikat. Filwaqt li ċerti strutturi jista’ jkollhom għan leġittimu, huwa possibbli li xi wħud minn dawn l-attivitajiet ikunu qed jappoġġjaw il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa.

Ħafna mill-miżuri l-ġodda msemmija hawn fuq, inklużi d-dispożizzjonijiet vinkolanti kontra l-abbuż, ir-rekwiżiti l-ġodda ta’ trasparenza u l-lista komuni tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi, għandhom jirrestrinġu dawk il-prattiki fil-futur. Madankollu, għad hemm xi nuqqasijiet importanti fil-qafas tat-taxxa tal-UE u dak internazzjonali li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex jiġu evitati l-abbuż tat-taxxa transkonfinali u l-attività finanzjarja illeċita. Il-Parlament Ewropew għandu l-istess perspettiva u stabbilixxa kumitat ta’ inkjesta fir-rigward tal-“Panama Papers”, li għandu jipprovdi għarfien utli fir-rigward tat-tweġiba tal-UE għal dawn ir-rivelazzjonijiet.

1. Nisfruttaw ir-rabta bejn ir-regoli dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u t-Trasparenza tat-Taxxa

Il-“Panama Papers” ikkonfermaw li nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tas-sjieda benefiċjarja jista’ jiffaċilita l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa. It-tweġibiet għal dawn il-problemi għandhom għalhekk ikunu kumplimentari u konnessi.

Illum, il-Kummissjoni pproponiet emendi għar-Raba’ Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus 4 , bil-għan speċifiku li jiġu msaħħa l-mekkaniżmi ta’ difiża tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.  5  

Dawn l-emendi jinkludu t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni aċċessibbli għall-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja, l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta għall-iskambju ta’ muniti virtwali u t-tisħiħ tal-verifiki u l-kontrolli fuq strumenti mħallsa minn qabel.

Il-Kummissjoni dalwaqt se tadotta wkoll, għall-ewwel darba, lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir b’defiċjenzi strateġiċi fir-reġimi kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tagħhom. L-emendi għar-Raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus inkludew lista armonizzata ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta li l-istituzzjonijiet finanzjarji jridu jwettqu fuq flussi finanzjarji minn dawn il-pajjiżi.

Numru ta’ emendi proposti jindirizzaw direttament il-lakuni esposti fir-rivelazzjonijiet riċenti tal-midja, li ppermettew li fondi jinħbew barra mill-pajjiż biex tiġi evitata t-tassazzjoni.

L-ewwel nett, fid-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus emendata, tbaxxa l-limitu għad-dikjarar ta’ sjieda benefiċjarja għal entitajiet korporattivi passivi. Dan se jiżgura li dawn l-istrutturi jkunu soġġetti għal aktar trasparenza u skrutinju. It-tieni, bħala parti mill-obbligi tar-rapportar finanzjarju usa’ tagħhom għall-finijiet tat-tassazzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji se jkunu meħtieġa japplikaw b’mod sistematiku regoli dwar id-diliġenza dovuta lil klijenti eżistenti, flimkien mal-klijenti l-ġodda kollha. Dan se jippermetti l-monitoraġġ tal-kontijiet li ma jkunux ġew rieżaminati minn istituzzjonijiet finanzjarji għal aktar minn għaxar snin, u li setgħu ntużaw għal finijiet illeċiti. It-tielet, ġew iċċarati r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni ta’ sidien benefiċjarji ta’ fondi fiduċjarji, biex jitneħħew lakuni fil-leġiżlazzjoni u diskrepanzi nazzjonali. Ir-raba’, se jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja. L-Istati Membri se jkunu meħtieġa, permezz ta’ emendi għad-Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, li jagħtu aċċess pubbliku għal sett ta’ informazzjoni dwar kumpaniji u fondi fiduċjarji tat-tip tan-negozju 6 ; għal fondi fiduċjarji oħra, aċċess għal din l-informazzjoni se jkun possibbli għal dawk li għandhom interess leġittimu. Dan se jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-użu ħażin tal-entitajiet u l-arranġamenti ġuridiċi.

Minbarra dawn l-emendi għar-Raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u d-Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, il-Kummissjoni pproponiet ukoll reviżjoni kumplimentari tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni 7 . Din se tiżgura li l-awtoritajiet tat-taxxa jingħataw aċċess għad-data provduta skont ir-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus tal-UE, b’mod partikolari informazzjoni dwar diliġenza dovuta tal-konsumatur u l-informazzjoni fir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja nazzjonali tagħhom, sabiex jitwettqu l-kompiti tagħhom u mhux biss fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Fil-fatt, il-fatt li fil-preżent l-Istati Membri għandhom l-għażla dwar jekk jagħtux aċċess għal din l-informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa jew le jillimita l-effikaċja tal-awditi tat-taxxa. Bl-aċċess għal din l-informazzjoni, l-awtoritajiet tat-taxxa se jkunu jistgħu jidentifikaw il-persuna wara kumpanija, struttura jew entità opaka, u jirreaġixxu malajr għal sitwazzjonijiet ta’ evażjoni u evitar tat-taxxa.

Is-superviżjoni u l-infurzar effettivi huma elementi ewlenin biex jiġu evitati l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità b'mod ġenerali. Hija ta’ importanza assoluta li l-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw fil-prattika dan il-qafas legali msaħħaħ.

Il-Kummissjoni titlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jaqblu dwar l-emendi proposti għar-Raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus mingħajr dewmien biex tittejjeb il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u jingħalqu lakuni importanti li ppermettew lill-evażuri tat-taxxa jevitaw li jiġu identifikati meta jidderieġu l-fondi barra mill-pajjiż.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaqblu malajr ukoll dwar ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva, li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn ir-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u r-regoli tal-UE dwar it-trasparenza fiskali. Dan se jiżgura li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom aċċess għal informazzjoni vitali, fil-livell nazzjonali, li jippermettilhom irażżnu l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa permezz ta’ fondi offshore.

2. Intejbu l-Iskambju tal-Informazzjoni dwar is-Sjieda Benefiċjarja

Il-proposti msemmija hawn fuq li jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom aċċess msaħħaħ għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja nazzjonali jtejbu b’mod sinifikanti l-kapaċità tagħhom li jolqtu l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Madankollu, l-indirizzar effettiv tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jeħtieġ aktar minn hekk, b’mod partikolari li trasparenza dwar is-sjieda benefiċjarja ssir applikabbli immedjatament b’mod transkonfinali.

L-UE ilha konxja mill-importanza ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-indirizzar tal-abbuż tat-taxxa. L-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa huwa wieħed mill-istrumenti l-aktar b’saħħithom tal-UE f’dan ir-rigward. Riċentement, dan l-iskambju tal-informazzjoni transkonfinali ġie estiż biex ikopri l-kontijiet finanzjarji, id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa u l-informazzjoni dwar attivajiet ta’ kumpaniji multinazzjonali għal finijiet tat-taxxa kollha.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni enfasizzata minn rivelazzjonijiet riċenti ta’ informazzjoni kunfidenzjali lill-midja, hemm każ aktar b’saħħtu għall-estensjoni ulterjuri tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, biex din tkopri l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, fl-UE u globalment. L-għoti ta’ aċċess dirett lill-awtoritajiet tat-taxxa għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja dettaljata ta’ Stati Membri oħra ttejjeb b’mod sinifikanti l-kapaċità tagħhom li jimmiraw riskji ta’ evitar u evażjoni tat-taxxa.

Fil-livell tal-UE, l-Istati Membri kollha tal-UE qablu li jipparteċipaw fi proġett pilota, imniedi mir-Renju Unit, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja u Franza, biex jiskambjaw informazzjoni dwar is-sidien benefiċċjarji aħħarin tal-kumpaniji u l-fondi fiduċjarji 8 . Dan ikun estensjoni naturali tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza diġà minquxa fid-dritt tal-UE u tal-proposti ppreżentati llum, li jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja. L-iskambju ta’ informazzjoni awtomatiku dwar is-sjieda benefiċjarja jista’ potenzjalment jiġi integrat fil-qafas dwar it-trasparenza tat-taxxa vinkolanti diġà fis-seħħ fl-UE.

Fil-livell internazzjonali, il-G20 tenna l-prijorità għolja li dan jagħti lit-trasparenza finanzjarja internazzjonali. F’April 2016, talab lill-OECD u l-FATF 9 biex jipproponu standard ġdid ta’ trasparenza globali għas-sjieda benefiċjarja sa Ottubru. Il-Kummissjoni tilqa’ bi pjaċir din l-inizjattiva, li tagħti lill-awtoritajiet tat-taxxa aċċess għal informazzjoni vitali biex jiġu skoperti skemi offshore kumplessi u moħbija madwar id-dinja. Il-Kummissjoni se tkun kemm tista’ ta’ sostenn għall-iżvilupp tal-istandard ta’ trasparenza globali l-ġdid. Ladarba jsiru magħrufa aktar dettalji dwar kif se tiġi implimentata l-inizjattiva globali l-ġdida, il-Kummissjoni se tanalizza dan fil-kuntest tal-possibbiltà li jiġu interkonnessi r-reġistri tas-sjieda benefiċjarja tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni bdiet teżamina il-qafas l-aktar xieraq li permezz tiegħu jista’ jiġi implimentat l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fil-livell tal-UE, biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom informazzjoni aġġornata u affidabbli dwar il-kumpaniji u l-fondi fiduċjarji barra mill-pajjiż li hija potenzjalment rilevanti għalihom mill-perspettiva tat-taxxa.

Il-Kummissjoni se tippreżenta l-ewwel analiżi ta’ din il-kwistjoni lill-Istati Membri fil-ħarifa u, abbażi tal-feedback li tirċievi, tiddetermina sussegwentement il-passi xierqa li jmiss.

3. Inżidu s-Sorveljanza tal-Faċilitaturi u l-Promoturi tal-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa

Ir-rwol ta’ ċerti intermedjarji finanzjarji u konsulenti fl-għajnuna lill-klijenti tagħhom biex jaħbu l-flus barra mill-pajjiż ingħata ħafna attenzjoni minn rivelazzjonijiet riċenti fil-midja. Filwaqt li xi tranżazzjonijiet kumplessi u strutturi korporattivi jista’ jkollhom għanijiet leġittimi għalkollox, attivitajiet offshore oħra jistgħu jkunu anqas ġustifikabbli jew anke illegali. Diġà ttieħdu numru ta’ passi importanti fil-livell tal-UE biex jiġi evitat li kumpaniji u individwi jużaw strutturi offshore artifiċjali jew moħbija għall-evitar jew l-evażjoni tat-taxxa. Dawn jinkludu regoli ġodda dwar it-trasparenza għal kontijiet finanzjarji 10 , dispożizzjonijiet kontra l-abbuż fid-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa 11 , il-qafas regolatorju robust tal-UE għas-settur finanzjarju u l-emendi proposti għar-Raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. Madankollu, jidher li hemm każ b’saħħtu għall-introduzzjoni ta’ aktar miżuri – jew permezz ta’ dispożizzjonijiet orizzontali jew settorjali li jiffukaw speċifikament fuq dawk li jippromwovu jew jiffaċilitaw skemi tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Dan jgħin lill-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw u jimblukkaw din l-attività fi stadju bikri u jindirizzaw lakuni fil-leġiżlazzjoni li jippermettu dan. Ikollu wkoll effett dissważiv fuq dawk li jinkoraġġixxu b’mod attiv u jużaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

L-OECD BEPS (Azzjoni 12) tirrakkomanda li l-pajjiżi għandhom jeħtieġu li l-kontribwenti u l-promoturi tal-iskemi tal-ippjanar tat-taxxa (konsulenti fiskali, konsulenti ġuridiċi, istituzzjonijiet finanzjarji, eċċ.) jiżvelaw kwalunwke skema tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa li jużaw jew jippromwovu. Xi Stati Membri 12 diġà implimentaw dawn l-iskemi ta’ żvelar obbligatorji fil-livell nazzjonali, filwaqt li oħrajn huma fil-proċess li jikkunsidrawhom. Madankollu, minħabba n-natura transkonfinali tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, skemi purament nazzjonali jista’ jkollhom effett limitat biss. F’Mejju 2016, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni “tikkunsidra inizjattivi leġiżlattivi dwar Regoli dwar l-Iżvelar Obbligatorji ispirati mill-Azzjoni 12 tal-proġett OECD BEPS bil-għan li jiġu introdotti diżinċentivi aktar effettivi għall-intermedjarji li jgħinu fl-iskemi tal-evażjoni jew evitar tat-taxxa”. Dan jirrifletti s-sejħa ripetuta tal-Parlament Ewropew għal miżuri aktar severi kontra l-faċilitaturi u l-promoturi tal-iskemi tal-evażjoni tat-taxxa.

Il-Kummissjoni se tesplora l-aħjar mod kif iżżid is-sorveljanza u tiżgura li diżinċentivi effettivi japplikaw għal promoturi u faċilitaturi ta’ skemi tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa 13 . Dan jista’ jinkludi, pereżempju, iż-żieda fit-trasparenza fuq tali skemi fil-konfront tal-awtoritajiet tat-taxxa.

B’dan il-għan, fil-ħarifa tal-2016, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika biex tiġbor feedback dwar l-approċċ l-aktar xieraq.

B’mod parallel, il-Kummissjoni se taħdem aktar mill-qrib mal-OECD u ma’ sħab internazzjonali oħra fuq approċċ globali possibbli għal aktar trasparenza fuq attivitajiet tal-konsulenti, li jmur lil hinn mir-rakkomandazzjoni fil-BEPS (Azzjoni 12).

4. Nippromwovu standards ogħla ta’ governanza tajba tat-taxxa madwar id-dinja

Il-miżuri tal-UE kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa huma essenzjali biex jgħinu fil-protezzjoni tal-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri, jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għal negozji u jippromwovu ambjent aktar ġust u aktar kompetittiv fis-Suq Uniku. Madankollu, minħabba fin-natura globali tal-abbuż tat-taxxa, huwa essenzjali li wieħed jaġixxi fil-livell internazzjonali kontra sistemi opaki u ppjanar aggressiv tat-taxxa.

F’dan ir-rigward, l-UE tappoġġja b’mod qawwi l-isforzi tal-OECD biex tiżgura implimentazzjoni dinjija ta’ standards ogħla ta’ governanza tajba tat-taxxa, kemm permezz tal-qafas inklużiv għall-implimentazzjoni tal-BEPS kif ukoll il-ħidma tal-Forum Globali biex jimmonitorja t-trasparenza tat-taxxa. L-UE implimentat fil-pront l-istandard globali l-ġdid għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji (Standard ta’ Rapportar Komuni), kif ukoll miżuri ewlenin tal-BEPS, permezz ta’ leġiżlazzjoni vinkolanti. Bħala tali, hija minn ta’ quddiem bl-eżempju tagħha fir-rigward tal-governanza internazzjonali tajba tat-taxxa. Issa hija ta’ prijorità għolja li jiġi żgurat li s-sħab internazzjonali tal-UE jimplimentaw ukoll dawn l-istandards ogħla ta’ governanza tajba tat-taxxa, u l-UE trid tintensifika l-pressjoni fil-fora globali – b’mod partikolari l-G20 – biex tikseb dan.

F’Jannar 2016, il-Kummissjoni ppreżentat Strateġija Esterna għat-Tassazzjoni Effettiva 14 , biex tiżgura approċċ koerenti tal-UE għall-promozzjoni tal-governanza tajba tat-taxxa madwar id-dinja. Bħala parti minn din l-Istrateġija, il-Kummissjoni stabbilixxiet numru ta’ għodod biex tippromwovi l-governanza tajba madwar id-dinja, inkluż permezz ta’ ftehimiet ma’ pajjiżi terzi u billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna jissodisfaw l-istandards ta’ governanza tajba tat-taxxa. Biex tittratta ma’ pajjiżi li jirrifjutaw li josservaw standards ta’ governanza tajba tat-taxxa, il-Kummissjoni pproponiet proċess ta’ elenkar tal-UE ġdid. Dan jirrifletti t-talbiet tal-Parlament Ewropew 15 għal lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi. Il-lista komuni tal-UE se tiġi bbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u internazzjonalment ġustifikabbli, proċess ta’ skrinjar robust u djalogu miftuħ mal-pajjiżi terzi inkwistjoni. Ministri tal-Finanzi tal-UE approvaw dan il-proċess tal-elenkar fl-ECOFIN f’Mejju 2016 u talbu li l-ewwel lista tal-UE tkun lesta fl-2017. Talbu wkoll lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi jikkunsidra kontromiżuri biex jakkumpanjaw il-lista.

Il-lista komuni tal-UE għandha sservi bħala għodda dissważiva importanti, li hija mmirata lejn pajjiżi li jirrifjutaw li jingħaqdu mal-moviment globali lejn tassazzjoni aktar ġusta u aktar trasparenti. Barra minn hekk, it-talba riċenti tal-G20 għal lista internazzjonali ta’ ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi tagħti valur addizzjonali lill-proċess tal-elenkar tal-UE. Il-lista komuni tal-UE tista’ sservi bħala mudell għal waħda internazzjonali fil-futur, minħabba li se tkun ibbażata fuq standards miftiehma internazzjonalment.

Biex jiġi faċilitat l-iżvilupp mgħaġġel tal-lista tal-UE, il-Kummissjoni qed tiffinalizza valutazzjoni minn qabel tal-pajjiżi terzi kollha, biex jiġi determinat ir-riskju li jistgħu joħolqu f’termini tal-erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri. Se tippreżenta r-riżultati ta’ din l-analiżi lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi qabel is-sajf. Abbażi ta’ dan, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jidentifikaw malajr il-pajjiżi terzi li jixtiequ li jiskrinjaw aktar minn perspettiva ta’ governanza tajba tat-taxxa u jiftħu djalogu mal-ġurisdizzjonijiet magħżula qabel l-aħħar tal-2016.

Il-Kummissjoni se taħdem ukoll aktar mill-qrib mal-OECD għall-iżvilupp ta’ lista internazzjonali ambizzjuża u effettiva ta’ ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi.

5. Intejbu l-protezzjoni tal-informaturi

Kien hemm kunsens politiku biex jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fl-Ewropa matul dawn l-aħħar snin, u dan ippermetta l-implimentazzjoni ta’ miżuri importanti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. Każijiet ta’ profil għoli aktar riċenti ta’ evitar tat-taxxa korporattiva u evażjoni tat-taxxa individwali, esposti minn informaturi, iżidu l-ħtieġa ta’ miżuri effettivi biex jiġu protetti l-informaturi. Il-protezzjoni ta’ dawk li jirrapportaw jew jiżvelaw informazzjoni dwar atti u omissjonijiet li jirrappreżentaw theddida serja jew ħsara għall-interess pubbliku mhux biss issaħħaħ il-kapaċità tal-impjegati li jiżvelaw din l-informazzjoni iżda għandha l-potenzjal ukoll li tikkontribwixxi b’mod kruċjali għaż-żieda fl-identifikazzjoni tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, li ċċaħħad lill-awtoritajiet tat-taxxa Ewropej minn dħul leġittimu tat-taxxa. Il-Parlament Ewropew u ħafna partijiet ikkonċernati għalhekk talbu protezzjoni mtejba tal-informaturi.

Il-protezzjoni tal-informatur hija indispensabbli meta jiġi kkunsidrat li l-proċessi istituzzjonali tal-kontabilità jiddependu fuq l-esponiment tal-informazzjoni għall-identifikazzjoni ta’ għemil ħażin possibbli. Il-protezzjoni tal-informaturi fis-settur pubbliku u privat tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-ġestjoni ħażina u l-irregolaritajiet, inklużi l-korruzzjoni transkonfinali relatata mal-interessi finanzjarji nazzjonali jew tal-UE. Anke mill-perspettiva tal-funzjonament tas-Suq Uniku u r-responsabbiltà soċjali korporattiva, din tista’ tgħin fid-dixxiplinar ta’ kumpaniji u l-protezzjoni tal-interessi soċjetali, li għandhom il-potenzjal li jsaħħu l-fiduċja fis-suq u għalhekk jattiraw lill-investituri potenzjali u s-sħab tan-negozju.

Il-Kummissoni tappoġġja għalkollox l-objettiv tal-protezzjoni tal-informaturi kontra r-ritaljazzjoni. Il-Kummissjoni ħadet passi biex tipproteġi lill-informaturi fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE kif ukoll fl-istituzzjonijiet tal-UE. Pereżempju, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi u affidabbli biex jinkoraġġixxu r-rapportar lil awtoritajiet kompetenti ta’ ksur potenzjali jew attwali tar-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. L-istituzzjonijiet finanzjarji u entitajiet obbligati oħra jridu jdaħħlu fis-seħħ proċeduri għall-impjegati jew persuni f’pożizzjoni komparabbli li jirrapportaw ksur ta’ dawn ir-regoli. Rekwiżiti simili huma fis-seħħ għal ditti legali u ditti tal-awditjar u f’oqsma oħra tad-dritt tal-UE bħall-abbuż tas-suq u l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli. Id-dritt tal-UE dwar is-sigrieti kummerċjali jistabbilixxi qafas li fih l-importanza tal-kondotta professjonali u l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali hija bbilanċjata mill-protezzjoni effettiva tal-informaturi.

Sakemm ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika għall-protezzjoni tal-informaturi stabbilita fid-dritt tal-UE, tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan jinkludi oqsma bħall-konformità mal-liġi fiskali, li attwalment mhijiex koperta mid-dispożizzjonijiet tal-UE għall-protezzjoni tal-informaturi.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri għall-informaturi u tiffaċilita r-riċerka u l-iskambju tal-aqwa prattika biex tinkoraġġixxi l-protezzjoni mtejba fil-livell nazzjonali. B’mod parallel, se tivvaluta kemm huwa f'loku li tittieħed aktar azzjoni fil-livell tal-UE.

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-informaturi, il-Kummissjoni qed tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni settorjali orizzontali jew ulterjuri fil-livell tal-UE, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Konklużjoni

Fis-snin riċenti, sar progress sinifikanti fil-ġlieda fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-evażjoni, l-evitar, il-frodi tat-taxxa u l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni ppreżentat proposti biex issaħħaħ it-trasparenza, tnaqqas b’mod sinifikanti opportunitajiet għal ippjanar aggressiv tat-taxxa u tippromwovi governanza tajba tat-taxxa globalment. Ladarba dawn jiġu implimentati għalkollox, se jibdlu b’mod permanenti s-sitwazzjoni tat-taxxa fl-Ewropa, li b’hekk issir aktar ġusta, aktar miftuħa u aktar effiċjenti għaċ-ċittadini, in-negozji u l-Istati Membri fis-Suq Uniku.

Madankollu, il-ġlieda għal sistema tat-taxxa aktar ġusta u aktar trasparenti trid tkun sforz kontinwu b’kapaċità ta’ reazzjoni mgħaġġla għal ċirkostanzi u avvenimenti ġodda. Il-prattiki enfasizzati mir-rivelazzjonijiet riċenti tal-midja jġiegħlu lill-UE tkompli ttejjeb il-koordinazzjoni interna tagħha kontra prattiki tat-taxxa abbużivi, u taħdem id f’id ma’ sħab internazzjonali – b’mod partikolari l-G20 u l-OECD – għal aġenda globali ambizzjuża kontra kondotta finanzjarja ħażina.

Il-miżuri deskritti f’din il-Komunikazzjoni jistgħu jagħmlu kontribut sostanzjali għall-prevenzjoni tal-iskemi oskuri u xi kultant illeċiti li riċentement ġew esposti fil-midja. Azzjoni soda u effettiva f’dawn l-oqsma tippermetti lill-UE żżomm il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem tal-governanza tajba tat-taxxa globali, u tħeġġeġ lill-isħab internazzjonali tagħha biex jagħmlu bħalha. Dan iżid il-ġustizzja u l-għajnuna biex jitrawmu l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment fl-Ewropa.

(1) Ara avviż dwar il-Kunċett ta’ għajnuna § 169 sa 174: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/modernisation/notice_of_aid_mt.pdf
(2) Direttiva 2013/36/UE
(3) COM (2015) 302
(4) COM (2016) 450
(5) Ara wkoll Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, COM(2016) 50
(6) Fondi fiduċjarji li jinkludu kwalunkwe proprjetà miżmuma minn, jew f’isem, persuna li tmexxi negozju li jikkonsisti minn jew jinkludi l-ġestjoni ta’ fondi fiduċjarji, u taġixxi bħala trustee ta’ fond fiduċjarju matul dak in-negozju bil-għan li tikseb profitt, u tipi oħra ta’ arranġamenti ġuridiċi li għandhom struttura jew funzjonijiet simili għal tali fondi fiduċjarji.
(7) COM (2016) 452
(8) http://www.bundesfinanzministerium.de/Content/EN/Standardartikel/Topics/Taxation/Articles/G5-letter-to-G20-counterparts-regarding-action-on-beneficial-ownership.html
(9) Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus
(10) COM (2013) 348
(11) COM (2016) 26
(12) Ir-Renju Unit, l-Irlanda u l-Portugall
(13) http://ec.europa.eu/smart-regulation/roadmaps/index_mt.htm  
(14) COM (2016) 24
(15) Rapporti TAXE 1 u 2: http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/taxe/work-in-progress.html
Top