Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0438

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni tal-qafas legali għall-imballar minn qabel: id-Direttivi 75/107/KEE, 76/211/KEE u 2007/45/KE

    COM/2016/0438 final

    Brussell, 4.7.2016

    COM(2016) 438 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

    dwar l-applikazzjoni tal-qafas legali għall-imballar minn qabel: id-Direttivi 75/107/KEE, 76/211/KEE u 2007/45/KE

    {SWD(2016) 219 final}


    1.INTRODUZZJONI

    Dan ir-rapport jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ tliet Direttivi li jiffurmaw il-qafas legali għall-imballar minn qabel:

    Id-Direttiva 75/107/KEE 1 dwar fliexken użati bħala reċipjenti ta’ kejl, li tipprovdi għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-fliexken “3-marked”;

    Id-Direttiva 76/211/KEE 2 dwar “il-prekondizzjonament bil-piż jew bil-volum ta’ prodotti f’imballaġġ minn qabel”, li tikkonċerna l-kwantità indikata fuq prodotti imballati minn qabel u li tiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ imballaġġi minn qabel li huma “e-marked”; kif ukoll

    Id-Direttiva 2007/45/KE 3 dwar kwantitajiet nominali għal prodotti imballati minn qabel, li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirregolaw id-daqsijiet ta’ pakketti/fliexken sa 10 litri jew 10 kilogrammi u li tistabbilixxi d-daqsijiet obbligatorji tal-UE għall-inbejjed u għax-xorb alkoħoliku; din tapplika għall-prodotti imballati minn qabel kollha.

    L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2007/45/KE jesiġi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni u l-effetti tad-Direttiva. Billi t-tliet Direttivi għandhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin, ġie deċiż li tittieħed l-opportunità biex issir evalwazzjoni tal-funzjonament tagħhom u ta’ kemm huma adattati għall-għan tagħhom (“fitness for purpose”) bħala pakkett skont il-programm (REFIT) tal-Kummissjoni (REFIT) dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni fl-2014 4 .

    Id-Direttiva 75/107/KEE qatt ma ġiet evalwata. Id-Direttiva 76/211/KEE ġiet evalwata fl-2005. Id-Direttiva 2007/45/KE ġiet adottata wara l-evalwazzjoni tad-Direttivi 75/106/KEE u 80/232/KEE, li kienet ħassret.

    2.DAQS TAS-SUQ

    L-imballar minn qabel huwa stmat għal EUR 170 biljun f’fatturat u għal madwar EUR 34 biljun f’valur miżjud fl-UE kollha. Dan jirrappreżenta 12 % tal-valur miżjud totali fis-setturi ewlenin fejn iseħħ (ikel u xorb, ikel tal-annimali, kimiki, żebgħat u fertilizzanti, deterġenti, kosmetiċi u l-manifattura tal-fliexken tal-ħġieġ), ekwivalenti għal 0,3 % tal-PDG tal-UE. Hemm madwar 300 000 kumpanija f’dawn is-setturi, li ħafna minnhom huma intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u li kull waħda minnhom fil-medja timpjega 17,7 impjegati. Fi ħdan dawn is-setturi, 640 000 persuna huma stmati li huma impjegati full-time fis-settur tal-imballar minn qabel; dan jirrappreżenta 0,3 % tal-impjiegi tal-UE.

    3.EVALWAZZJONI TAD-DIRETTIVI

    It-tliet Direttivi għandhom l-għan li jippermettu ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ prodotti imballati minn qabel, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tkabbir tas-suq u għall-kompetittività tal-industrija tal-UE. Is-sorveljanza tas-suq koordinata tiżgura li x-xerrejja jirċievu l-kwantità indikata fuq il-pakkett, li b’hekk tikkontribwixxi għall-ġid tal-konsumatur. Id-deregolazzjoni tad-daqsijiet tejbet l-għażla tal-konsumatur, filwaqt li l-eċċezzjoni tad-daqsijiet fissi tal-imballaġġi tal-UE għall-inbid u għax-xorb alkoħoliku, tipproteġi lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju minn domanda eċċessiva għal daqsijiet oħra ta’ fliexken, u b’hekk ittejjeb il-kompetizzjoni.

    Id-Direttiva 75/107/KEE tikkonċerna l-fliexken bħala reċipjenti ta’ kejl użati għax-xorb (alkoħoliku). Dan jinvolvi “l-armonizzazzjoni fakultattiva” jiġifieri l-manufatturi jistgħu jagħżlu jekk jimplimentawhiex jew le. Id-Direttiva tirrikjedi li l-manifatturi jirreġistraw minn qabel mal-awtoritajiet, tistabbilixxi obbligi fir-rigward tal-preċiżjoni u tal-immarkar u tipprovdi lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq bi proċedura statistika għall-ittestjar tal-kontenut tal-fliexken. Hija tiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ fliexken immarkati b’ “epsilon invers” (3-mark) u tintuża b’mod estensiv għall-fliexken u l-vażetti tal-ħġieġ.

    Id-Direttiva 76/211/KEE tikkonċerna l-kwantitajiet indikati fuq prodotti imballati minn qabel ippreparati mingħajr ma jkun preżenti l-konsumatur. Din ukoll tinvolvi “l-armonizzazzjoni fakultattiva”, jiġifieri l-imballatur/il-manufattur jista’ jagħżel jekk jimplimentahiex jew le. Id-Direttiva tistabbilixxi obbligi fir-rigward tal-preċiżjoni u l-immarkar u tipprovdi lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq bi proċedura statistika għall-ittestjar tal-kwantità fl-imballaġġi minn qabel. Hija tiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ prodotti “e-marked” imballati minn qabel u tintuża b’mod estensiv għall-imballaġġi u l-fliexken mibjugħa fis-supermarkits jew fil-ħwienet tad-DIY.

    Id-Direttiva 2007/45/KE tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirregolaw id-daqsijiet ta’ imballaġġi/fliexken sa 10 litri jew 10 kilogrammi u tistabbilixxi d-daqsijiet obbligatorji tal-UE għall-inbejjed u għax-xorb alkoħoliku; Il-perjodu għat-tneħħija gradwali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-daqsijiet ta’ imballaġġi/fliexken għal ċerti prodotti ntemmet fl-2013.

    4.EVALWAZZJONI

    Il-Kummissjoni impenjat kuntrattur estern biex jevalwa l-funzjonament tad-Direttivi, li pproduċa studju 5 fuq il-bażi ta’:

    intervisti ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati (l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-awtoritajiet nazzjonali);

    konsultazzjoni pubblika online;

    stħarriġ immirat fost konsumaturi individwali, ditti u esperti; kif ukoll

    riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni.

    L-evalwazzjoni użat il-kriterji standard ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni: l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE.

    Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż 6 jibni fuq l-evalwazzjonijiet tal-konsulent u sab li l-qafas legali attwali jgawdi minn appoġġ wiesa’ fl-industrija u fost l-awtoritajiet nazzjonali u huwa aċċettabbli għall-konsumaturi. Id-Direttivi jappoġġaw is-suq intern, għaliex iħeġġu l-kompetizzjoni fl-industrija tal-imballar minn qabel billi jipprovdu qafas legali komprensiv u bażi għal kooperazzjoni amministrattiva. Id-Direttiva żiedu l-fiduċja bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

    Il-fatt li l-użu tal-kontenituri ta’ kejl (3-mark) u tal-imballaġġi minn qabel ta’ volum fiss (emark) huwa volontarju jfisser li l-kumpaniji jistgħu jagħżlu dak li huwa l-aktar adattat għall-ħtiġijiet tagħhom. Ħafna intrapriżi żgħar li jipproduċu l-aktar għas-suq domestiku tagħhom iqiegħdu valur  fuq ir-rikonoxximent reċiproku li jkollu impatt f’oqsma fejn ma jintużawx id-Direttivi .

    In-natura obbligatorja tad-daqsijiet tal-imballaġġi tad-Direttiva tiggarantixxi l-libertà tal-għażla u wasslet għal diversifikazzjoni tad-daqsijiet tal-imballaġġi. Għall-inbejjed u għax-xorb alkoħoliku, id-daqsijiet fissi tal-UE jipproteġu l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li ma għandhomx saħħa fis-suq. It-tneħħija gradwali, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ma kkawżatx problemi.

    L-Istati Membri kollha ttrasponew u implimentaw bis-sħiħ id-Direttivi. Id-differenzi fl-implimentazzjoni nazzjonali huma ddokumentati pubblikament; dawn jikkonċernaw il-proċessi amministrattivi u tal-kontroll tal-produzzjoni li ma jwasslux għal eżiti differenti f’dak li jirrigwarda l-prodotti armonizzati mqiegħda fis-suq.

    L-evalwazzjoni wriet li t-tliet Direttivi kollha kemm huma għadhom rilevanti u huma ġeneralment meqjusa bħala effiċjenti u effettivi, b’valur miżjud sinifikanti għall-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati (il-konsumaturi, l-industrija u l-awtoritajiet nazzjonali). L-ebda waħda minnhom ma kienet tinvolvi spejjeż amministrattivi jew ta’ konformità sinifikanti. Id-Direttivi jitqiesu bħala ta’ benefiċċju f’termini tal-kontribut favur il-ħarsien tal-konsumatur, billi jħeġġu l-kompetittività u jappoġġaw is-suq uniku. Id-Direttivi huma wkoll koerenti ma’ u jikkomplementaw leġiżlazzjoni oħra nazzjonali u tal-UE. Bħala riżultat, igawdu minn appoġġ wiesa’ mill-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni taqbel mal-konklużjoni tal-konsulent li d-Direttivi huma idonei u ma jeħtieġux riforma fundamentali.

    Flimkien ma’ din il-valutazzjoni ġeneralment favorevoli, tqajmu kwistjonijiet tekniċi u settorjali rigward prodotti li jinbiegħu bit-tul, bl-erja jew bin-numru, bil-piż imsaffi, b’definizzjonijiet akbar tal-lott, b’dispożizzjonijiet dwar il-veloċità tal-produzzjoni u t-teħid ta’ kampjuni, dwar prodotti viscose bil-massa jew bil-volum, u bit-tqartis inkluż fl-imballaġġi minn qabel. Xi wħud minn dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi u għad baqa’ oħrajn li mhumiex solvuti fil-livell internazzjonali.

    5.KONKLUŻJONI U SEGWITU

    L-evalwazzjoni wriet li l-qafas legali tal-UE għall-imballar minn qabel huwa idoneu u li d-Direttivi huma effettivi, effiċjenti, rilevanti, koerenti ma’ politiki oħra tal-UE u għandhom valur miżjud tal-UE. Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li mhuwiex meħtieġ li tipproponi emendi, hija se tiddiskuti r-riżultati tal-evalwazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati u se ssegwihom sabiex ittejjeb l-applikazzjoni tad-Direttivi.

    Fid-dawl tal-varjazzjonijiet fl-implimentazzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tippromwovi l-iskambju ta’ prattika tajba bejn il-partijiet ikkonċernati u se tiżviluppa gwida.

    Sabiex tkun promossa l-effettività tas-sorveljanza tas-suq, b’mod partikolari rigward l-importazzjonijiet, se tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva fuq id-Direttivi permezz tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għal-laqgħat tal-awtoritajiet kompetenti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

    Il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-partijiet ikkonċernati dwar il-kwistjonijiet li tqajmu rigward l-aspetti tekniċi u l-istandards internazzjonali rilevanti , u se tieħu azzjoni xierqa, pereżempju billi tiżviluppa gwida.

    Sabiex titqajjem is-sensibilizzazzjoni fost l-konsumaturi, il-Kummissjoni se tipprovdi aktar tagħrif dwar it-tifsira tal-3-mark u tal-e-mark.

    (1)

         Id-Direttiva tal-Kunsill 75/107/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ fliexken użati bħala reċipjenti ta’ kejl.

    (2)

         Id-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE tal-20 ta’ Jannar tal-1976 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-prekondizzjonament bil-piż jew bil-volum ta’ ċerti prodotti f’imballaġġ minn qabel.

    (3)

         Id-Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti imballati minn qabel, li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE.

    (4)

         COM(2014) 368 u SWD(2014) 192.

    (5)

    [ http://ec.europa.eu/growth/single-market/goods/building-blocks/legal-metrology/index_en.htm ]

    (6)

         [SWD 2016/219].

    Top