EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0324

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2016 tar-Repubblika Ċeka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-2016 tar-Repubblika Ċeka

COM/2016/0324 final

Brussell, 18.5.2016

COM(2016) 324 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2016 tar-Repubblika Ċeka

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-2016 tar-Repubblika Ċeka


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2016 tar-Repubblika Ċeka

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-2016 tar-Repubblika Ċeka

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta’ Marzu 2016. Fis-26 ta’ Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 5 li fih identifikat lir-Repubblika Ċeka bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2016 għar-Repubblika Ċeka 6 ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Huwa vvaluta l-progress li għamlet ir-Repubblika Ċeka biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottat mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress li għamlet ir-Repubblika Ċeka lejn il-miri nazzjonali tagħha ta' Ewropa 2020.

(3)Fil-11 ta' Mejju 2016, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat il-programm ta' konverġenza tagħha tal-2016 u fit-12 ta' Mejju ppreżentat il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2016 tagħha. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)Fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020 ġew indirizzati rakkomandazzjonijiet relevanti speċifiċi għall-pajjiż. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fejn ikun neċessarju li tiġi sostnuta l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li janalizza u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi relevanti tiegħu, Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif hija tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji-gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri, li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mal-governanza ekonomika soda 7 .

(5)Bħalissa r-Repubblika Ċeka qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-programm ta' konverġenza tal-2016 tiegħu, il-gvern qiegħed jippjana għal deterjorament żgħir fil-bilanċ nominali għal -0,6 % tal-PDG fl-2016 u stabilizzazzjoni wiesgħa għal -0,5 % tal-PDG fl-2017. L-objettiv baġitarju ta' terminu medju — defiċit strutturali ta' 1 % tal-PDG — jibqa' jintlaħaq matul il-perjodu tal-programm. Skont il-programm ta' konverġenza, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa mistenni li jibqa' fil-livell ta' 41,1% fl-2016 u jinżel għal 39.3% fl-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarju huwa plawżibbli. Il-miżuri meħtieġa biex iwieżnu l-miri ippjanati għad-defiċit mill-2017 'l quddiem ma ġewx speċifikati b'mod suffiċjenti. Abbażi tal-previżjonijiet tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li jkun ta' -0,7% fl-2016 u -0,9% tal-PDG fl-2017, ogħla mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju. Devjazzjonijiet futuri possibbli jiġu evalwati kontra r-rekwiżit li jinżamm il-bilanċ strutturali fi ħdan l-objettiv baġitarju ta' terminu medju. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-programm ta' konverġenza u filwaqt li jitqies it-tbassir tar-rebbiegħa 2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li r-Repubblika Ċeka hija mistennija li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(6)Fuq medda twila ta’ żmien, hemm riskji ta’ livell medju għas-sostenibilità fiskali tar-Repubblika Ċeka. Dawn ġejjin l-aktar mill-impatt ipproġettat tal-infiq pubbliku marbut mal-età, prinċipalment fil-qasam tal-kura tas-saħħa iżda wkoll fil-pensjonijiet. Il-miżuri reċentement adottati jew ippjanati biex jemendaw is-sistema tal-pensjonijiet jekk jiġu implimentati, jistgħu iwasslu biex għat-tul ikun hemm deterjorament tal-finanzi pubbliċi. L-ewwel nett, fi Frar 2016 il-Gvern Ċek adotta leġiżlazzjoni li tagħtih is-setgħa li jaġġusta b’mod iktar flessibbli l-mekkaniżmu ta’ indiċjar tal-pensjonijiet. It-tieni, qiegħda ssir diskussjoni dwar proposti biex l-età statutorja tal-irtirar tiġi limitata għal 65 u biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ reviżjoni regolari għall-età tal-pensjoni. Bħalissa ma hemm l-ebda pjanijiet biex tiżdied l-età statutorja tal-irtirar li bħalissa hija baxxa. Fil-qasam tal-kura tas-saħħa, iż-żieda mbassra fl-infiq fit-tul hija wkoll kwistjoni preokkupanti. Ir-Repubblika Ċeka qed taffaċċja sfidi fir-rigward tat-titjib tal-governanza u l-kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa tagħha, għalkemm għadd ta’ miżuri huma fil-preżent fi stadji varji ta' implimentazzjoni. L-indikaturi juru konsum għoli ta’ prodotti u servizzi u dipendenza komparattivament għolja fuq il-kura fl-isptarijiet, li hija aktar għalja minn servizzi barra l-isptarijiet. Ma jidhirx li d-dejta medika tintuża b'mod effettiv fl-ippjanar u r-razzjonalizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-kura fl-isptarijiet. Is-sistema ta' rimborż għal kura fl-isptarijiet qed tiġi analizzata minħabba diversi żvantaġġi, bħall-kampjun żgħir ta' sptarijiet li ntuża għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza. L-opzjonijiet biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-kura barra l-isptarijiet, li ttejjeb ir-rwol ta’ kontroll tal-aċċess mill-professjonisti u li tillimita l-konsum bla bżonn tas-servizzi barra l-isptar għadhom ma ġewx esplorati biżżejjed.

(7)Il-qafas fiskali tar-Repubblika Ċeka huwa fost l-aktar dgħajfa fl-UE. Pakkett ta’ riforma li jindirizza n-nuqqasijiet ewlenin f'dan il-qasam ġie approvat mill-gvern fi Frar 2015 iżda għadu qed jistenna r-ratifika mill-Parlament. Il-pakkett għandu l-għan li jittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ir-riforma proposta għandha l-għan li ssaħħaħ ir-restrizzjonijiet fuq l-infiq u li torbothom direttament mal-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Bir-riforma, il-gvern ikun obbligat jadotta baġit li jissalvagwardja s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u jiġi stabbilit kunsill fiskali indipendenti biex jissorvelja l-finanzi pubbliċi u tiżdied it-trasparenza.

(8)L-investiment fir-Repubblika Ċeka għadu taħt il-medja tal-UE f’termini per capita u huwa kkonċentrat ħafna fir-reġjuni tal-belt kapitali. L-ostakli amministrattivi u regolatorji għadhom ta' xkiel għall-effiċjenza tal-ambjent tan-negozju u jaġixxu bħala ostaklu għall-investiment. Hemm konġestjonijiet speċifiċi fl-implimentazzjoni ta' proġetti infrastrutturali ta' trasport u ta' enerġija. Barra minn hekk, l-assorbiment tal-fondi tal-UE matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007–2013 kien kajman, prinċipalment minħabba proċeduri kumplessi, nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, ineffiċjenzi fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku u l-kapaċità amministrattiva dgħajfa tal-korpi involuti fl-implimentazzjoni tal-proġetti. Fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport, l-ostakoli amministrattivi għall-investiment jinkludu proċeduri twal għall-ħruġ tal-permessi tal-użu tal-art u d-dewmien relatat mal-proċeduri dwar l-ilment fl-uffiċċju ta’ kontra l-monopolju. Fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, programmi pubbliċi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-intensità tal-enerġija kienu frammentati u mhux kosteffiċjenti. Hemm indikazzjonijiet li l-iffrankar tal-enerġija mhux qiegħed jitjieb f'konformità mal-pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija. Fil-qasam tas-servizzi, hemm xi evidenza ta' restrizzjoni regolatorja. Dan huwa l-każ b'mod partikolari għal ċerti setturi ta’ servizzi professjonali individwali, fejn l-ostakli għad-dħul u l-prattika jidher li huma ogħla mill-medja tal-UE. L-użu baxx ta' servizzi pubbliċi onlajn ta' kwalità għolja wkoll jaġixxi bħala impediment fuq l-ambjent tan-negozju u jirrifletti nuqqasijiet ta' provvista. Is-servizzi tal-gvern elettroniku ma jiħdux vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet teknoloġiċi biex titjieb l-esperjenza tal-utent u l-livell tagħhom ta' sofistikazzjoni huwa fost l-aktar baxxi fl-UE. L-evidenza disponibbli turi li hemm inċidenza relattivament għolja ta' evażjoni tat-taxxa fir-Repubblika Ċeka. L-indirizzar ta’ din il-problema, b’mod partikolari għall-VAT, jinsab fuq nett fl-aġenda politika. Min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda miżuri maħsuba biex inaqqsu l-ispejjeż relattivament għolja assoċjati mal-ħlas tat-taxxi jew biex tiġi ssimplifikata s-sistema tat-taxxa. Is-servizzi ta' preżentazzjoni minn qabel offruti mill-awtoritajiet tat-taxxa huma limitati. Il-kontribwenti jagħmlu użu limitat minn sistemi biex jippreżentaw il-formola tat-taxxa b'mod elettroniku, minkejja li sar xi progress fejn tidħol il-VAT. Barra minn hekk, il-kosti tal-ġbir ta' taxxa huma relattivament għoljin, skont l-aħħar rapporti internazzjonali. Il-kontribuzzjonijiet soċjali għolja ta' min iħaddem jikkontribwixxu għal livell kumplessivament għoli ta' tassazzjoni fuq ix-xogħol u d-diversifikazzjoni lejn oqsma oħra, bħal taxxi fuq il-proprjetà, hija limitata.

(9)Numru ta’ indikaturi jippuntaw lejn dgħufijiet sinifikanti fl-amministrazzjoni pubblika. Sar ċertu progress fl-adozzjoni ta' miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li jinsabu fil-pjan tal-2015 ta' kontra l-korruzzjoni. L-Att dwar ir-Reġistru tal-Kuntratti kien approvat mill-parlament f'Novembru 2015. L-implimentazzjoni f'waqtha u l-iżvilupp ulterjuri jtejjeb it-trasparenza u l-kosteffettivita tal-offerti pubbliċi. Madankollu, xi wħud mill-atti ewlenin kontra l-korruzzjoni, bħal emenda għall-Att dwar il-kunflitt tal-interess u Att ġdid li jirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi, għadhom pendenti. L-infurzar ta' diversi miżuri adottati huwa diffiċli u għandu impatt limitat, filwaqt li numru ta' miżuri ppjanati jiġu ripetutament posposti lejn il-pjan ta' azzjoni li jkun imiss. Minkejja xi sforzi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tagħha, jeżisti lok għal aktar progress fil-prestazzjoni tas-sistema Ċeka tal-akkwist pubbliku għar-rigward tal-kompetizzjoni u għalhekk tal-valur għall-flus. Dan huwa parzjalment minħabba nuqqas ta' taħriġ xieraq tal-professjonisti fl-akkwist u enfasi insuffiċjanti fuq il-kriterji ta' kwalita fl-għoti tal-kuntratti. Is-settur pubbliku jserraħ ħafna fuq proċeduri mhux kompetittivi, b’kapaċità limitata biex jiġbed l-offerenti, filwaqt li l-akkwist aggregat rari jintuża. Minkejja dan, l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku li għadhom kif ġew trasposti dwar l-immodernizzar tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku mistennija li tkun opportunità biex jiddaħħal approċċ strateġiku u bbażat fuq l-evidenza għall-politika tal-akkwist pubbliku, f'termini ta' professjonalizzazzjoni, aggregazzjoni tax-xiri pubbliku, aktar attenzjoni għall-kriterji ta' kwalità u l-integrazzjoni tal-professjonisti fl-akkwist.

(10)Kien hemm żieda sinifikanti fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'dawn l-aħħar snin iżda r-riżultati baqgħu dgħajfa u għad hemm tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-infrastruttura tar-riċerka u l-iżvilupp. Is-sistema Ċeka tar-riċerka bħalissa tinsab fil-proċess li timplimenta riforma fil-governanza li ilhom ġejjin, iżda li huma sostanzjali, partikolarment fir-rigward tal-evalwazzjoni u l-finanzjament. Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament eżistenti huwa frammentat, b’koordinament insuffiċjenti bejn il-korpi relevanti u b'diviżjoni mhux ċara tar-responsabbiltajiet u l-prijoritajiet. Qafas ta’ evalwazzjoni komprensiv għar-riċerka u l-iżvilupp, b'rabtiet mal-finanzjament, qiegħed jiġi żviluppat, iżda l-progress huwa kajman. Kien hemm sforzi limitati biex iżidu r-rabtiet bejn l-akkademiċi u l-komunità kummerċjali. Dawn ir-rabtiet iddgħajfu b'qafas ta’ evalwazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi li ma jiħux f’kunsiderazzjoni l-livell ta’ kooperazzjoni mal-intrapriżi.

(11)Ir-riforma tal-edukazzjoni għolja ġiet adottata mill-Parlament f’Jannar 2016. L-attrazzjoni tal-professjoni tat-tagħlim għadha tirrappreżenta sfida, b'pagi relattivament baxxi li jitqiesu bħala waħda mill-kawżi, u fl-istess waqt il-popolazzjoni tal-għalliema qed tixjieħ. Qiegħda tiġi żviluppata sistema ġdida ta’ karrieri għall-għalliema u l-persunal pedagoġiku bil-ħsieb li tiżdied l-attrazzjoni tal-professjoni, iżda l-implimentazzjoni tagħha ġiet posposta. Ir-riżultati fl-edukazzjoni huma ġeneralment tajba, iżda huma influwenzati ħafna mill-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti. Ir-riżultati edukattivi baxxi ta' gruppi żvantaġġati, b'mod partikolari tal-komunita tar-Rom, jirrappreżentaw preokkupazzjoni ċara. Huwa stmat li proporzjon kbir ħafna ta’ tfal Rom jabbandunaw l-iskola kmieni. Għadd kbir ta’ tfal Rom jirċievu l-edukazzjoni barra l-iskejjel normali u minħabba f'hekk jiffaċċjaw standards ta' tagħlim aktar baxxi minn dawk tal-bqija tal-popolazzjoni. L-opportunitajiet ta' taħriġ għall-għalliema biex jgħinuhom jaffaċċjaw din il-kwistjoni ma humiex żviluppati sewwa, u hemm biss proporzjon baxx ta' għalliema li jieħdu sehem f'attivitajiet ta' żvilupp professjonali marbuta mat-tagħlim ta' gruppi b'abbilta mħallta u mal-edukazzjoni inklussiva. Ittieħdu għadd sinifikanti ta' miżuri leġiżlattivi u amministrattivi lejn l-edukazzjoni inklussiva u dawn bdew jiġu implimentati. Dawn mistennija li jkunu ta' kontribut biex jitnaqqas id-distakk fil-kisba edukattiva bejn tfal Rom u mhux Rom. Il-Parlament adotta emendi għall-Att dwar l-Edukazzjoni f’Marzu 2016 li jestendu l-edukazzjoni obbligatorja għall-aħħar sena tal-edukazzjoni preprimarja u li jiżgura li t-tfal iżgħar ikunu intitolati għal post f'kindergarten. Madankollu, l-inugwaljanzi fis-sistema edukattiva jirrappreżentaw ostaklu għat-titjib tal-kwalità tal-kapital uman u jxekklu wkoll l-eżiti tas-suq tax-xogħol aktar tard fil-ħajja.

(12)Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fir-Repubblika Ċeka tjiebet iżda aktar żidiet fir-rata tal-impjieg se tkun tiddependi fuq parteċipazzjoni akbar ta' gruppi sottorappreżentati. Dawn jinkludu nisa bi tfal żgħar, ħaddiema bi ftit kwalifiki u l-membri tal-komunità Rom. Il-kapaċitajiet tas-servizzi tal-impjieg pubbliku li jilħqu lin-nies, flimkien ma' politiki approprjati u mmirati tajjeb tas-suq tax-xogħol u servizzi individwalizzati, ikunu ta' kontribut biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' gruppi vulnerabbli. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa bi tfal żgħar hi mxekkla minn nuqqas persistenti ta' servizzi ta’ kura tat-tfal bi prezz raġjonevoli u ta’ kwalità, b’mod partikolari għal tfal ta’ taħt it-tliet snin, u bl-użu limitat ta' arranġamenti flessibbli għall-ħinijiet tax-xogħol. Ittieħdu xi miżuri f’dawn l-aħħar snin biex jindirizzaw dan in-nuqqas iżda hemm lok għal aktar sforzi sostanzjali.

(13)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Repubblika Ċeka u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Repubblika Ċeka fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Repubblika Ċeka imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 3 ta' hawn taħt.

(14)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' konverġenza, u huwa tal-opinjoni 8 li r-Repubblika Ċeka mistennija li tkun konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li r-Repubblika Ċeka tieħdu azzjoni fl-2016 u l-2017 biex:

1.Tieħu miżuri biex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, fid-dawl ta' riskji futuri fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Tadotta leġiżlazzjoni li ssaħħaħ il-qafas fiskali.

2.Tnaqqas l-ostakoli regolatorji u amministrattivi għall-investiment, b'mod partikolari fit-trasport u l-enerġija, u żżid id-disponibbiltà ta' servizzi tal-gvern elettroniku. Tadotta r-riformi pendenti kontra l-korruzzjoni u ttejjeb il-prattiċi tal-akkwist pubbliku.

3.Issaħħaħ il-governanza fis-sistema tar-riċerka u l-iżvilupp u tiffaċilita r-rabtiet bejn id-dinja akkademika u l-intrapriżi. Tkabbar l-attrattività tal-professjoni tat-tagħlim u tieħu miżuri biex iżżid l-inklużjoni ta' tfal żvantaġġati, inklużi r-Rom, fl-iskejjel regolari u dawk preskolatiċi. Tneħħi l-ostakoli għal parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol tal-gruppi sottorappreżentati, b'mod speċjali tan-nisa.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) COM(2016) 324 finali.
(3) P8_TA(2016)0058, P8_TA(2016)0059, u P8_TA(2016)0060.
(4) COM(2015) 690 finali.
(5) COM(2015) 691 finali.
(6) SWD(2016) 73 finali.
(7) COM(2014) 494 finali.
(8) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
Top