IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.4.2016
COM(2016) 240 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar in-nefqa tal-FAEG
Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-4/2016
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016DC0240
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on EAGF expenditure Early Warning System No 1-4/2016
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar in-nefqa tal-FAEG Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-4/2016
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar in-nefqa tal-FAEG Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-4/2016
COM/2016/0240 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.4.2016
COM(2016) 240 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar in-nefqa tal-FAEG
Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-4/2016
WERREJ
1. Il-proċedura baġitarja tal-FAEG tal-2016…………………………………………………..3
2. Dħul assenjat lill-FAEG………………………………….......……………………………..3
3. Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2016……………4
4. Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG…………………………………………..….7
5. Konklużjonijiet………………………………………………………………………….......7
anness 1: anness 2: |
Il-Proċedura Baġitarja tal-FAEG tal-2016 Konsum provviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sad-29/02/2016 |
1.Il-proċedura baġitarja tal-FAEG tal-2016
Iċ-ċifri ewlenin għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fl-istadji differenti tal-proċedura baġitarja huma miġbura fil-qosor fit-tabella ppreżentata fl-Anness 1.
Il-baġit tal-FAEG tal-2016 ġie adottat mill-Parlament Ewropew fil-25 ta' Novembru 2015. Il-baġit kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn u approprjazzjonijiet ta’ pagament li jammontaw għal EUR 42 220.3miljun u għal EUR 42 212.0 miljun rispettivament, għall-miżuri tas-suq agrikolu u għall-pagamenti diretti.
Id-differenza bejn l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament ġejja minħabba l-fatt li, għal ċerti miżuri li huma implimentati direttament mill-Kummissjoni, jintużaw approprjazzjonijiet differenzjati. Dawn għandhom x’jaqsmu l-aktar ma’ miżuri ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli u ma’ miżuri ta’ strateġija politika u ta’ koordinazzjoni għall-agrikoltura.
2.Dħul assenjat lill-FAEG
Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, id-dħul li joriġina mill-korrezzjonijiet finanzjarji skont id-deċiżjonijiet tal-kontabilità u tal-approvazzjoni tal-konformità, minn irregolaritajiet u mill-imposta fuq il-ħalib, huwa allokat bħala dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dħul assenjat jista’ jintuża biex ikopri l-finanzjament ta’ kwalunkwe nefqa tal-FAEG. F’każ li xi parti minn dan id-dħul ma tintużax fi żmien is-sena baġitarja, din il-parti tiġi riportata awtomatikament għas-sena baġitarja li jmiss 1 . Ta’ min jinnota li s-sena baġitarja 2016 hija l-aħħar sena li fiha se jinġabar id-dħul li joriġina mill-imposta fuq il-ħalib, minħabba li l-kwoti tal-ħalib se jiskadu fil-31 ta’ Marzu 2015.
Il-baġit tal-FAEG tal-2016 kien jinkludi t-tnejn: l-iktar stimi riċenti tal-Kummissjoni dwar il-bżonnijiet li tiġi ffinanzjata n-nefqa mistennija għall-miżuri tas-suq u għall-pagamenti diretti, kif ukoll l-istimi tad-dħul assenjat li kien mistenni jinġabar matul is-sena baġitarja kkonċernata u r-riport tal-bilanċ tad-dħul assenjat li jkun għad baqa’ disponibbli mis-sena baġitarja preċedenti. Fil-proposta tagħha għall-ammonti ta’ approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2016, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni u għall-baġit tal-2016 talbet livell ta’ approprjazzjonijiet ikkalkulat billi d-dħul assenjat stmat jitnaqqas mill-istima tal-bżonnijiet. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit tal-FAEG filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.
Meta ġie stabbilit il-baġit għall-2016, l-istimi tal-Kummissjoni għad-dħul assenjat disponibbli kienu jammontaw għal EUR 2 980 miljun. B’mod speċifiku:
–Id-dħul assenjat li mistenni jiġi ġġenerat tul is-sena tal-baġit tal-2016 ġie stmat li huwa ta’ EUR 2 090 miljun. Kienu mistennija ammonti ta' EUR 125 miljun u ta' EUR 155 miljun mill-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità u mill-irregolaritajiet rispettivament. Ġie stmat li r-rikavati mill-imposta fuq il-ħalib kienu se jammontaw għal EUR 810 miljun.
–Ġie stmat li l-ammont ta’ dħul allokat li kien mistenni jingħadda mis-sena tal-baġit tal-2015 għall-2016 kien se jammonta għal EUR 890 miljun.
Fil-baġit tal-2016, il-Kummissjoni assenjat dan id-dħul, oriġinarjament stmat għal EUR 2 980 miljun, għall-iskemi li ġejjin:
–EUR 600 miljun għall-fondi operazzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix, u
–EUR 2 380 miljun għall-iskema ta' pagament bażiku.
Għal dawn l-iskemi, l-Awtorità tal-Baġit eventwalment ivvutat favur l-approprjazzjonijiet skont il-proposta tal-Kummissjoni. Is-somma totali tal-approprjazzjonijiet ivvutati u d-dħul assenjat imsemmi hawn fuq tikkorrispondi għal:
–EUR 898 miljuni għall-fondi operazzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix,
–EUR 18 307 miljun għall-iskema ta' pagament bażiku.
Fl-Anness 2, li jippreżenta l-eżekuzzjoni proviżorja tal-baġit tal-2016 għall-perjodu sad-29 ta’ Frar 2016, iċ-ċifri tal-approprjazzjonijiet tal-baġit fil-livell tal-artikolu għas-settur tal-frott u l-ħaxix u għall-pagamenti diretti diżakkoppjati ma jqisux id-dħul assenjat imsemmi qabel. Dawn jippreżentaw approprjazzjonijiet ivvutati għal dawn dawn l-artikoli li jammontaw għal EUR 611.8 miljun u għal EUR 34 269.2 miljun rispettivament. Inkluż id-dħul assenjat għal dawn l-artikoli, l-ammonti totali previsti fil-baġit tal-2016 huma EUR 1 211.8 miljun għall-frott u l-ħaxix u EUR 36 649.2 miljun għall-pagamenti diretti diżakkoppjati.
3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2016
L-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-perjodu mis-16 ta’ Ottubru 2015 sad-29 ta’ Frar 2016 tingħata fl-Anness 2. Dan il-livell ta’ implimentazzjoni ġie mqabbel mal-profil tan-nefqa bbażat fuq l-indikatur, li ġie stabbilit abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1306/2013. Hawn taħt qed jingħata kummentarju qasir dwar ċerti artikoli tal-baġit, fejn jintwerew l-aktar differenzi sinifikanti bejn il-livell tal-implimentazzjoni reali u dak mistenni għall-baġit tal-2016.
3.1.Miżuri tas-suq
Il-livell ta’ approprjazzjonijiet utilizzati għall-interventi fis-swieq agrikoli kien inqas meta mqabbel mal-livell tal-approprjazzjonijiet ivvutati mill-baġit, kif stabbilit mil-livell tal-indikatur fid-29 ta' Frar 21016, b' EUR 93 miljun. Din id-diverġenza hija l-effett nett tax-xejriet tal-eżekuzzjoni primarjament fis-setturi tal-frott u l-ħaxix, tal-inbid, tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u tal-laħam tal-majjal.
3.1.1.Frott u ħaxix (- EUR 8.7 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)
Fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ivvutati, il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ hawn fuq mhuwiex indikattiv, dovut għan-nefqa għall-fondi operazzjonali għall-iskema tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u miżuri oħra fis-settur tal-frott u l-ħaxix, li huma ffinanzjati kemm mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit kif ukoll mid-dħul assenjat għal din l-iskema fil-baġit tal-2016 (NB: Għal aktar dettalji, ara l-punt 2 ta' hawn fuq). Dan jirriżulta mill-applikazzjoni tal-indikatur għall-perjodu sad-29 ta' Frar 2016 għall-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, li ma jinkludux id-dħul assenjat għal dan is-settur.
Nota f’qiegħ il-paġna* fit-tabella tal-eżekuzzjoni proviżorja fl-Anness 2 turi kif kienet tkun is-sitwazzjoni kieku l-indikatur ġie applikat għat-total tal-approprjazzjonijiet li mistennija jkunu disponibbli biex jiġi ffinanzjat dan l-artikolu. Li kieku l-indikatur ġie applikat għall-finanzjament totali ta’ EUR 1 211.8 miljun li kien mistenni jkun disponibbli għal dan l-artikolu, allura kien jintwera li hemm sottoeżekuzzjoni ta’ - EUR 328.1 miljun.
Dan huwa l-effett ta' utilizzazzjoni anqas mgħaġġla tal-iskemi kollha ffinanzjati b'dan l-artikolu. Għandu jiġi nnutat li l-pass tal-utilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet baġitarji għall-miżuri ta' kriżi ma setax jiġi stmat kif xieraq, u x'aktarx jiddiferixxi minn profil ta' konsum medju ta' tliet snin, li huwa l-bażi tal-indikatur għall-biċċa l-kbira tal-iskemi ffinanzjati skont dan l-artikolu. F’dan l-istadju, din is-sitwazzjoni titqies li hija temporanja u l-eżekuzzjoni ta' dan l-artikolu hija mmonitorjata mill-qrib mis-servizzi tal-Kummissjoni.
3.1.2.Prodotti tas-settur tal-vinikultura (- EUR 13.8 miljun)
Din is-sottoeżekuzzjoni hija dovuta għal ritmu inqas mgħaġġel ta’ pagamenti magħmula mill-Istati Membri meta mqabbel mal-profil tan-nefqa tal-indikatur stabbilit għall-programmi nazzjonali għall-inbid. F’dan l-istadju, din is-sitwazzjoni titqies li hija temporanja.
3.1.3.Ħalib u prodotti tal-ħalib (- EUR 77.3 miljuni)
Ir-raġuni ewlenija għall-livell ta’ implimentazzjoni f’dan l-artikolu tista’ tiġi attribwita għan-nuqqas ta’ progress fl-eżekuzzjoni u l-applikazzjoni tal-għajnuna mmirata lis-settur tat-trobbija tal-bhejjem 2 . L-ammont ta’ EUR 420 miljun ta’ approprjazzjonijiet għall-iskema ta’ għajnuna mmirata ġie inkluż fil-baġit taħt il-partita 05 02 12 99 – Miżuri oħra (ħalib u prodotti tal-ħalib). Madankollu, peress li l-Istati Membri jistgħu jallokaw l-għajnuna lill-produtturi fis-setturi kollha tat-trobbija tal-bhejjem, l-użu tal-approprjazzjonijiet f’dan l-artikolu se jkun aktar baxx u għandhom jiġu previsti trasferimenti neċessarji biex ikopru n-nefqa ddikjarata f’artikoli oħra.
Fir-rigward tar-ritmu tal-utlizzazzjoni, l-indikatur tal-Kummissjoni jistma li n-nefqa tkun mifruxa b’mod ugwali matul il-perjodu ta’ eliġibbiltà sat-30 ta’ Ġunju 2016. Madankollu, l-implimentazzjoni nieqsa attwali titqies li hija temporanja u l-eżekuzzjoni ta' dan l-artikolu hija mmonitorjata mill-qrib mis-servizzi tal-Kummissjoni. .
3.1.4.Laħam tal-majjal, bajd u tjur, prodotti tal-apikultura u prodotti oħrajn mill-annimali (EUR 19.8 miljun)
Din l-implimentazzjoni żejda tirriżulta mill-miżura ta’ għajnuna mmirata msemmija fil-punt 3.1.3 ta’ hawn fuq, fejn in-nefqa fuq l-għajnuna korrispondenti fis-settur tal-laħam tal-majjal hija ddikjarata f’dan l-artikolu, filwaqt li l-ammont sħiħ ta’ approprjazzjonijiet ibbaġittjati jiddaħħal fl-artikolu 05 02 12 - Ħalib u prodotti tal-ħalib. Riżultat ta' dan, tidher sopraeżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ivvutati għal dan l-artikolu li hija koperta minn trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet mill-artikolu tal-baġit 05 02 12 imsemmi hawn fuq.
3.2.Pagamenti diretti
Il-livell ta' utilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti diretti, meta mqabbel mal-livell tal-indikatur fid-29 ta' Frar 2016, kien inqas b'EUR 13 732.9 miljun.
3.2.1.Pagamenti diretti diżakkoppjati (- EUR 12 296.2 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)
Fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ivvutati, il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ hawn fuq mhuwiex indikattiv għalkollox dovut għan-nefqa tal-iskema ta’ pagament bażiku, li hija ffinanzjata kemm mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit kif ukoll mid-dħul assenjat għal din l-iskema fil-baġit tal-2016 (NB: Għal aktar dettalji, ara l-punt 2 ta' hawn fuq). Dan il-livell ta' implimentazzjoni huwa r-riżultat tal-applikazzjoni tal-indikatur għall-perjodu sad-29 ta' Frar 2016 għall-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, li ma jinkludux id-dħul assenjat għal dan l-artikolu.
Nota f’qiegħ il-paġna* fit-tabella tal-eżekuzzjoni proviżorja fl-Anness 2 turi x’kienet tkun is-sitwazzjoni kieku l-indikatur ġie applikat għat-total tal-approprjazzjonijiet li mistennija jkunu disponibbli biex jiġu ffinanzjati l-pagamenti diretti diżakkoppjati. Li kieku l-indikatur ġie applikat għall-finanzjament totali ta’ EUR 36 649.2 miljun li kien mistenni jkun disponibbli għal pagamenti diretti diżakkoppjati, allura kien jintwera li hemm sottoeżekuzzjoni ta’ - EUR 14 612.6 miljun.
Din id-diverġenza sostanzjali fil-livell ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-pagamenti diretti diżakkoppjati hija dovuta primarjament għad-dewmien temporanju ta’ natura amministrattiva li jiltaqgħu miegħu diversi Stati Membri fl-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-iskemi riformati ta’ pagament dirett. Il-Kummissjoni, fuq bażi ta’ kull xahar, qed tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni u l-livelli ta' eżekuzzjoni tal-Istati Membri u l-previżjonijiet tan-nefqa fil-ġejjieni u, f’dan l-istadju, tikkunsidra din id-diverġenza bħala waħda temporanja u tistenna li l-pagamenti diretti diżakkoppjati finalment jiġu implimentati kif previst fil-baġit tal-2016.
3.2.2.Pagamenti diretti oħra (- EUR 436.6 miljun)
Din l-implimentazzjoni nieqsa ta’ approprjazzjonijiet ivvutati għal pagamenti diretti oħra meta mqabbla mal-profil tan-nefqa tal-indikatur stabbilit hija attribwibbli primarjament anke għal dewmien temporanju ta’ natura amministrattiva li jiltaqgħu miegħu diversi Stati Membri fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni, prinċipalment dik tal-miżura tal-Appoġġ Akkoppjat Volontarju li hija parti mill-iskemi tal-pagamenti diretti riformati. L-evoluzzjoni tal-utilizzazzjoni tan-nefqa tiġi mmonitorjata mill-qrib mill-Kummissjoni, li, f’dan l-istadju, tistenna implimentazzjoni sħiħa tal-baġit 2016 għal pagamenti diretti oħra.
3.3.Awditjar tan-nefqa agrikola (- EUR 15.7 miljun)
Minbarra n-nefqa diretta għal miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ prevenzjoni u n-nefqa għall-korrezzjonijiet finanzjarji favur l-Istati Membri li jammontaw għal EUR 29.1 miljun, il-baġit tal-2016 kien jinkludi stimi ta’ EUR 29.5 miljun għal pagamenti li jikkonċernaw is-soluzzjoni ta’ tilwim. Meta ġie stabbilit il-profil tan-nefqa għas-soluzzjoni tat-tilwim, u billi qabel ma kienx stabbilit profil ta' eżekuzzjoni, kien maħsub li l-Istati Membri jistgħu jħallsu dawn l-ammonti b'mod ugwali matul is-sena. Madankollu, sad-29 Ta' Frar 2016, l-Istati Membri kienu għadhom ma għamlu l-ebda pagament bħal dan. Barra minn hekk, l-approprjazzjonijiet li kienu mistennija jsiru sad-29 ta’ Frar 2016 għall-miżuri ta’ monitoraġġ u miżuri preventivi ġew ittardjati. Bħala konsegwenza, irriżultat sottoeżekuzzjoni b’rabta mal-livell tal-indikatur għal dan il-kapitolu tal-baġit 2016. F’dan l-istadju, din is-sitwazzjoni titqies bħala waħda temporanja filwaqt li hija mistennija eżekuzzjoni sħiħa tal-baġit.
4.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG
It-tabella fl-Anness 2 turi li d-dħul assenjat li jammonta għal EUR 1 305.4 miljun, inġabar sad-29 ta' Frar 2016. B’mod speċifiku:
–id-dħul mill-korrezzjonijiet ibbażat fuq deċiżjonijiet tal-kontabilità u tal-approvazzjoni tal-konformità kien jammonta għal EUR 447.7 miljun b’ammonti sinifikanti li għadhom mistennija sa tmiem is-sena baġitarja;
–id-dħul mill-irregolaritajiet kien jammonta għal EUR 45.6 miljun b'ammonti addizzjonali mistennija wkoll sa tmiem is-sena baġitarja, u
–f'dan l-istadju, inġabar kważi d-dħul kollu mill-imposta fuq il-ħalib, u dan jammonta għal madwar EUR 812.1 miljun;
Fl-aħħar nett, l-ammont tad-dħul assenjat li eventwalment ġie riportat mill-2015 għall-2016 kien jammonta għal EUR 896.4 miljun.
Għalhekk, l-ammont ta’ dħul assenjat disponibbli għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG fid-29 ta’ Frar 2016 jammonta għal EUR 2 201.8 miljun, b’ammonti addizzjonali sinifikanti ta' dħul assenjat li jkun għadu kemm inġabar minn deċiżjonijiet tal-kontabilità u tal-approvazzjoni tal-konformità u irregolaritajiet, mistennija sa tmiem is-sena baġitarja.
5.Konklużjonijiet
L-eżekuzzjoni proviżjonali tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2016, għall-perjodu sad-29 ta’ Frar 2016, turi li r-rimborżi ta’ kull xahar lill-Istati Membri huma inqas mill-profil tan-nefqa għall-eżekuzzjoni tal-baġit abbażi tal-indikatur, b’madwar EUR 13 853.5 miljun. Dan d-diverġenza sostanzjali hija kważi kollha dovuta għal dewmien temporanju fl-eżekuzzjoni ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa.
Diġà huwa disponibbli dħul assenjat li jammonta għal EUR 2 201.8 miljun, u huwa mistenni li fl-2016 jinġabru ammonti addizzjonali.
F’dan l-istadju, il-Kummissjoni tistenna li l-utilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet għal pagamenti diretti għandha taċċellera fix-xhur li ġejjin u li l-pagamenti diretti kollha se jiġu implimentati kif kien mistenni oriġinarjament meta ġie stabbilit il-baġit tal-2016. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-ammont ta’ dħul assenjat li se jsir disponibbli sa tmiem is-sena se jkun biżżejjed biex ikopri kemm il-finanzjament tal-fondi operazzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix kif ukoll il-finanzjament tal-iskema ta’ pagament bażiku bħala parti mill-pagamenti diretti diżakkoppjati kif kien mistenni oriġinarjament meta ġie stabbilit il-baġit tal-2016.
Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, id-dħul assenjat intern għandu jiġi riportat għal sena waħda biss. Għalhekk, u fl-interess ta’ ġestjoni soda tal-baġit, ġeneralment l-ewwel jintuża dan id-dħul assenjat, qabel kwalunkwe approprjazzjoni vvutata tal-artikolu baġitarju ikkonċernat.
Is-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib kif ukoll is-setturi taċ-ċanga u l-vitella, tal-laħam tal-majjal u tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.4.2016
COM(2016) 240 final
ANNESSI
tar-
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar in-nefqa tal-FAEG
Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-4/2016