Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0151

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    COM/2016/0151 final

    Brussell, 17.3.2016

    COM(2016) 151 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


    Werrej

    1.Introduzzjoni

    1.1.Ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali (il-BPR)

    1.2.Użu sostenibbli

    1.3.L-għan tar-rapport

    2.Kif il-BPR jikkontribwixxi għall-użu sostenibbli tal-bijoċidi

    2.1.Il-promozzjoni tal-aħjar prattiki biex jitnaqqas l-użu ta’ prodotti bijoċidali

    2.1.1.L-introduzzjoni tal-aħjar prattiki permezz tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti jew tal-approvazzjoni tas-sustanzi.

    2.2.Approċċi effettivi għall-monitoraġġ tal-użu tal-prodotti bijoċidali

    2.3.Il-prinċipji tal-ġestjoni integrata (IPM) tal-organiżmi ta’ ħsara u l-użu tal-prodotti bijoċidali – l-aħjar prattiki

    2.3.1.Kodiċi tal-aħjar prattika

    2.3.2.HACCP

    2.3.3.Standards u ċertifikazzjoni

    2.4.Riskji f’żoni speċifiċi bħal skejjel, postijiet tax-xogħol, kindergartens eċċ.

    2.4.1.Is-sitwazzjoni attwali

    2.4.2.It-tixrid tal-informazzjoni

    2.5.Ir-rwol tal-prestazzjoni mtejba tat-tagħmir użat għall-applikazzjoni tal-prodotti bijoċidali

    3.Għodod li jistimulaw l-innovazzjoni u jippromwovu l-użu sostenibbli.

    3.1.Esklużjoni, sostituzzjoni u valutazzjoni komparattiva

    3.2.Skemi ta’ tikkettar

    3.2.1.Ir-Regolament tal-Ekotikketta tal-UE

    3.2.2.Inizjattivi tal-industrija

    3.3.L-aħjar tekniki disponibbli skont id-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali

    4.Konklużjonijiet

    1.Introduzzjoni

    1.1.Ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali (il-BPR)

    Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-22 ta’ Mejju 2012 1 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "il-BPR") jirregola t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali. Il-BPR irrevoka d-Direttiva 98/8/KE 2 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa "l-BPD") u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2013.

    Prodotti bijoċidali, bħal diżinfettanti, preżervattivi tal-injam, insettiċidi, repellenti tal-insetti jew rodentiċidi, huma familja ta’ prodotti maħsuba biex jeqirdu jew biex jikkontrollaw organiżmi ta’ ħsara jew mhux mixtieqa (bħal virusijiet, batterji, moffa, insetti jew annimali vertebrati) li għandhom effetti detrimentali fuq l-ambjent, fuq l-annimali, fuq il-bnedmin, l-attivitajiet tagħhom jew il-prodotti li jużaw jew jipproduċu. Il-prodotti bijoċidali jintużaw f’varjetà wiesgħa ta’ modi kemm minn utenti industrijali u minn dawk professjonali kif ukoll mill-pubbliku ġenerali.

    L-għan tal-BPR huwa li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent.

    L-iskema tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali hija bbażata fuq approċċ f’żewġ stadji.

    L-ewwel, is-sustanza attiva responsabbli għall-effett bijoċidali għandha tiġi approvata fil-livell tal-UE wara valutazzjoni tal-karatteristiċi perikolużi u tar-riskji possibbli tagħha.

    It-tieni, kull prodott bijoċidali għandu jiġi awtorizzat fil-livell tal-UE jew nazzjonali.

    Madankollu, għas-sustanzi attivi li kienu diġà fis-suq meta l-BPD daħlet fis-seħħ, l-approċċ huwa bil-maqlub. Il-BPD stabbiliet perjodu transizzjonali għall-valutazzjoni ta' dawn is-sustanzi attivi, li matulu l-prodotti bijoċidali li jkun fihom dawn is-sustanzi attivi jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq f'konfomità mal-prattiki nazzjonali tal-Istati Membri.

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li, minkejja r-riskji inerenti għall-użu tagħhom, il-prodotti bijoċidali għandhom rwol importanti fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE. Pereżempju, l-insettiċidi u d-diżinfettanti huma essenzjali għas-saħħa pubblika biex jgħinu jikkontrollaw mard li jinġarr minn vettur (bħal malarja, deni dengue, chikungunya, Zika), mard trażmess mill-ikel (bħal salmonellożi, listerjożi) jew infezzjonijiet li jittieħdu mill-isptar (bħal MRSA). Il-prodotti bijoċidali huma wkoll użati b’mod komuni f’materjali bħal plastik, żebgħa, tessuti, injam, eċċ biex jipproteġu dawn il-materjali minn deterjorament mikrobiku, mill-moffa jew mill-insetti.

    Ir-reazzjoni għal din id-domanda tas-soċjetà teħtieġ investimenti importanti minn kumpaniji li jqiegħdu prodotti bijoċidali fis-suq, b’mod partikolari biex jipprovdu d-dejta meħtieġa biex juru li l-prodotti tagħhom huma sikuri u effettivi.

    Kif intqal hawn fuq, il-prodotti bijoċidali jintużaw f’ħafna setturi li huma differenti ħafna 3 . Dan joħloq ħafna sfidi, b’mod partikolari għall-kommunikazzjoni mal-utenti aħħari u għas-sensibilizzazzjoni tiegħu u tal-partijiet ikkonċernati.

    1.2.Użu sostenibbli

    Għall-prodotti bijoċidali, użu sostenibbli jista’ jiġi definit bħala l-għan li jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-prodotti bijoċidali fuq is-saħħa tal-bniedem, fuq is-saħħa tal-annimali u fuq l-ambjent u li jiġi promoss l-użu ta’ ġestjoni integrata tal-organiżmi ta’ ħsara u ta’ approċċi jew tekniki alternattivi bħal alternattivi mhux kimiċi għall-prodotti bijoċidali.

    Madankollu għandu jiġi nnotat li l-prodotti bijoċidali huma wkoll għodod importanti biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent u li alternattivi mhux kimiċi mhux dejjem jistgħu jkunu effettivi, prattiċi jew saħansitra disponibbli. Għalhekk, l-istrateġiji ta’ użu sostenibbli għandhom jiżguraw ukoll li għadd suffiċjenti ta' prodotti bijoċidali jibqgħu disponibbli biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

    1.3.L-għan tar-rapport

    L-Artikolu 18 tal-BPR jistipula li l-Kummissjoni għandha, abbażi tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tal-BPR, tippreżenta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rapport fuq kif il-BPR jikkontribwixxi għall-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali. Dan ir-rapport għandu jirrifletti wkoll fuq il-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri addizzjonali, b’mod partikolari għal utenti professjonali, fid-dawl tat-tnaqqis tar-riskji li jinħolqu għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali u għall-ambjent mill-prodotti bijoċidali.

    L-istess Artikolu jistipula elementi li jenħtieġ li jiġu eżaminati u li għandhom x’jaqsmu:

    mal-promozzjoni tal-aħjar prattiċi bħala mezz biex jitnaqqas l-użu ta’ prodotti bijoċidali għal wieħed minimu;

    mal-iktar approċċi effettivi għall-monitoraġġ tal-użu tal-prodotti bijoċidali;

    mal-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta’ ħsara fir-rigward tal-użu tal-prodotti bijoċidali;

    mar-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ prodotti bijoċidali f’żoni speċifiċi bħal skejjel, postijiet tax-xogħol, kindergartens eċċ., u jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali biex jindirizzaw dawk ir-riskji;

    mar-rwol tal-prestazzjoni mtejba tat-tagħmir użat għall-applikazzjoni tal-prodotti bijoċidali.

    L-għan ta’ dan ir-rapport huwa għalhekk li jeżamina l-elementi elenkati fl-Artikolu 18 tal-BPR (taqsima 2) iżda wkoll li jirrifletti fuq dawk addizzjonali (taqsima 3).

    Dan ir-rapport huwa bbażat fuq studju preliminari 4 , li kien jinkludi stħarriġ kbir ta’ rappreżentanti minn Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri, mill-industrija u mill-NGOs (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ bħala "l-istudju").

    2.Kif il-BPR jikkontribwixxi għall-użu sostenibbli tal-bijoċidi

    Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sejbiet tal-istudju u turi kif il-BPR qed jikkontribwixxi jew jista’ jikkontribwixxi għall-użu sostenibbli tal-bijoċidi.

    2.1.Il-promozzjoni tal-aħjar prattiki biex jitnaqqas l-użu ta’ prodotti bijoċidali

    L-aħjar prattika hija approċċ eżemplari jew metodoloġija, spiss ippreżentati fil-linji gwida mmirati biex inaqqsu r-riskji u jippromwovu l-fehim tekniku meta jiġi applikat prodott jew meta tiġi applikata teknika. Mil-lat tal-implimentazzjoni u tal-applikabilità (preferibbilment fl-UE kollha), l-involviment tal-partijiet interessati fl-iżvilupp ta’ linji gwida tal-aħjar prattika huwa essenzjali. Linji gwida tal-aħjar prattika jiffokaw fuq il-fażi tal-użu tal-prodotti bijoċidali u huma għodda li għandha tintuża wara l-proċess ta’ awtorizzazzjoni biex jiġi promoss l-użu sostenibbli ta’ dawn il-prodotti.

    Biex jiġi żgurat approċċ armonizzat għall-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali madwar l-UE, waħda mill-isfidi hija li jiġi żgurat it-tixrid tal-aħjar prassi u l-aderanza għall-prinċipji tal-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali.

    2.1.1.L-introduzzjoni tal-aħjar prattiki permezz tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti jew tal-approvazzjoni tas-sustanzi.

    L-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għandhom jistipulaw it-termini u l-kundizzjonijiet relatati mat-tqegħid fis-suq u mal-użu tal-prodotti li jkunu ngħataw għalihom. B’mod partikolari, dawn għandu jkun fihom istruzzjonijiet għall-użu sikur u għar-rimi tal-prodotti bijoċidali.

    Wieħed mill-mezzi biex jiġi promoss it-tixrid tad-dokumenti ta’ gwida disponibbli jew il-kodiċi tal-aħjar prattika huwa li ssir referenza għal dawn fl-awtorizzazzjoni tal-prodott, biex l-istruzzjonijiet għall-użu tal-prodott jirreferu b’mod espliċitu għalihom. Pereżempju, fil-Ġermanja, l-awtorizzazzjonijiet tar-rodentiċidi antikoagulanti jinkludu referenza li torbot legalment għall-kodiċi tal-aħjar prattika għall-applikazzjoni ta’ dawn il-prodotti minn professjonisti speċjalizzati u liċenzjati, li hija bbażata fuq il-linji gwida eżistenti tal-industrija u d-dispożizzjonijiet legali tal-UE 5 . F'din l-għażla madankollu l-utent aħħari huwa mistenni jaqra u jsegwi b’mod korrett ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija.

    Jekk ikun hemm skema ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ taħriġ disponibbli, ir-referenza għal skema bħal din tista’ ssir fl-awtorizzazzjoni. Pereżempju, dan l-approċċ qed jiġi adottat fir-Renju Unit fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tar-rodentiċidi, fejn il-konformità ma’ skema ta’ ġestjoni tal-industrija proposta se tkun meħtieġa bħala kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni tar-rodentiċidi antikoagulanti 6 .

    Fir-rigward tal-prodotti kontra l-moffa, is-sustanzi attivi kollha approvati sal-lum fihom dispożizzjoni li tobbliga lill-persuni li jpoġġu l-prodotti ta’ kontra l-moffa disponibbli fis-suq għall-utenti mhux professjonali biex jipprovdu dawn il-prodotti b’ingwanti xierqa.

    Dan huwa eżempju tal-obbligi imposti fil-punti ta’ bejgħ biex jiġi żgurat li mhux biss l-informazzjoni iżda anki t-tagħmir tal- protezzjoni personali jaslu għand l-utent aħħari. Dan juri kif ir-rekwiżiti jistgħu jiġu imposti fuq il-katina tal-provvista u b’mod partikolari fil-livell tal-bejgħ bl-imnut biex jinxterdu l-aqwa prattiki u biex jitrawwem l-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali.

    Obbligi bħal dawn huma possibbli peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-BPR ikopri d-disponibbiltà tal-prodotti bijoċidali (jiġifieri mill-ewwel provvista sal-punt tal-użu) u peress li s-sustanzi attivi huma approvati permezz ta' Regolamenti ta’ Implimentazzjoni, miżuri tal-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali, li jippermettu l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet immirati lejn il-katina tal-provvista.

    Permezz tal-approvazzjoni tas-sustanza, jistgħu, pereżempju, jiġu applikati projbizzjonijiet ta’ bejgħ minn ħwienet komuni jew bejgħ bl-internet għall-prodotti bijoċidali li jkun fihom sustanzi attivi li jissodisfaw il-kriterji ta’ esklużjoni, iżda approvati u awtorizzati fuq il-bażi tad-deroga pprovduta skont l-Artikolu 5(2) tal-BPR. Barra minn hekk, għal prodotti bijoċidali bħal dawn, wieħed jista’ jikkunsidra li jirrestrinġi d-distribuzzjoni u l-bejgħ minn professjonisti kkwalifikati b’mod adegwat.

    2.2.Approċċi effettivi għall-monitoraġġ tal-użu tal-prodotti bijoċidali

    L-istudju wera li llum il-ġurnata L-Istati Membri jiġbru ftit informazzjoni dwar l-użu tal-prodotti bijoċidali.

    Fil-livell tal-UE, bħalissa m’hemm l-ebda sistema ta’ monitoraġġ speċifika għad-dejta tal-bejgħ annwali fuq prodotti bijoċidali. Fil-futur, ir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali (R4BP) ospitat mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi jista’ joffri għodda biex tinġabar dejta bħal din 7 .

    Madankollu, huwa importanti li jiġi definit b’mod ċar liema jkun il-kontenut meħtieġ u l-iskop tal-ġbir ta’ din l-informazzjoni u kif din tista’ tappoġġa l-għanijiet tal-BPR, inkluż l-użu sostenibbli.

    2.3.Il-prinċipji tal-ġestjoni integrata (IPM) tal-organiżmi ta’ ħsara u l-użu tal-prodotti bijoċidali – l-aħjar prattiki

    L-istudju wera li l-assoċjazzjonijiet tal-industrija jew mill-Istati Membri diġà kienu żviluppaw firxa wiesgħa ta’ dokumenti tal-aħjar prattiki relatati ma’ tipi differenti ta’ prodotti.

    2.3.1.Kodiċi tal-aħjar prattika

    Il-linji gwida jew il-kodiċi tal-aħjar prattika jistgħu jiġu żviluppati mill-industrija biex jippromwovu l-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali fuq il-bażi tal-prinċipji IPM.

    F’dak ir-rigward, żvilupp notevoli huwa l-“Guideline on Best Practice in the Use of Rodenticide Baits as Biocides in the European Union” 8 (Linja Gwida dwar l-Aħjar Prattiki fl-Użu ta’ Lixki Rondentiċidi bħala Bijoċidi fl-Unjoni Ewropea), prodotta mill-industrija Ewropea tal-bijoċidi. Din il-linja gwida tiddeskrivi x’għandu jsir qabel, matul u wara l-applikazzjonijiet tar-rondentiċidi, tagħti gwida prattika li għandha tiġi segwita f'ħafna sitwazzjonijiet varji tal-użu tar-rondentiċidi, tiddeskrivi kif wieħed jimmonitorja l-preżenza ta’ infestazzjonijiet ta’ annimali gerriema mingħajr applikazzjoni permanenti ta’ lixki rodentiċidi u tiddiskuti alternattivi għar-rodentiċidi. Dan id-dokument ta’ gwida jipprovdi wkoll parir dwar minn fejn tista’ tinkiseb informazzjoni dwar ir-reżistenza antikoagulanti u dwar l-aħjar mod kif din tiġi ġestita.

    2.3.2.HACCP

    L-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Analiżi tal-Perikli u Punti Kritiċi ta’ Kontroll (HACCP) hija obbligatorja għall-operaturi tan-negozji tal-ikel 9 . Bl-istess mod, l-operaturi tan-negozji tal-għalf li jwettqu operazzjonijiet speċifiċi għandhom japplikaw il-proċeduri skont il-prinċipji tal-HACCP. 10

    B’mod speċjali għad-diżinfettanti, l-HACCP hija approċċ preventiv (inkluż il-monitoraġġ tar-riskji potenzjali) li, jekk tiġi applikata b’mod korrett, tipprovdi għal ġestjoni soda tal-iġjene, li tista’ wkoll tgħin bl-użu ta’ diżinfettanti skont il-prinċipji tal-użu sostenibbli.

    Barra minn hekk, is-sistemi tal-HACCP flimkien mal-kodiċi u l-linji gwida speċifiċi żviluppati f’dawn is-setturi, jindirizzaw b’mod komuni id-diżinfettar, il-kontroll ta’ organiżmi ta’ ħsara u t-taħriġ tal-operaturi.

    2.3.3.Standards u ċertifikazzjoni

    L-iżvilupp tal-istandards, flimkien ma’ proċess ta’ ċertifikazzjoni, jista’ jintuża wkoll biex jiġi żgurat użu xieraq u sostenibbli tal-prodotti bijoċidali.

    L-Istandard Ewropew adottat dan l-aħħar (EN 16636) 11 jipprovdi eżempju tajjeb ta’ dak li jista’ jinkiseb.

    Il-konformità mal-EN 16636 se tippermetti lill-fornituri tal-pestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara biex juru li huma għandhom il-kompetenza neċessarja u l-għarfien biex iwasslu servizzi ta’ ġestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara, li għandhom sistema ta’ ġestjoni biex jiġi żgurat livell konsistenti tal-kwalità u li huma jimminimizzaw b’mod sistematiku r-riskji għall-klijenti u għall-pubbliku, kif ukoll ir-riskji ta’ impatti negattivi potenzjali fuq l-ambjent u fuq it-trattament xieraq tal-annimali.

    Inizjattivi bħal dawn jikkontribwixxu b’mod dirett għall-użu sostenibbli ta’ prodotti bijoċidali.

    2.4.Riskji f’żoni speċifiċi bħal skejjel, postijiet tax-xogħol, kindergartens eċċ. 

    2.4.1.Is-sitwazzjoni attwali

    Skont l-analiżi tal-maġġoranza tas-sustanzi attivi approvati sal-lum skont il-BPR (preservattivi tal-injam, insettiċidi, repellenti u attrattanti u prodotti kontra l-moffa), l-istudju kkonkluda li l-ebda riskju speċifiku ma ġie rrappurtat, jew inkella li l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju stabbiliti fil-kundizzjonijiet speċifiċi tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ma jkoprux biżżejjed ir-riskji fl-istadju tal-użu ta’ dawk il-prodotti bijoċidali.

    Għat-tipi l-oħrajn tal-prodott li jitqiegħdu fis-suq skont ir-regoli nazzjonali, ma ġie rrappurtat l-ebda riskju speċifiku.

    Għandu jiġi nnotat ukoll li l-Artikolu 17(5) tal-BPR jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri biex jipprovdu lill-pubbliku bl-informazzjoni xierqa dwar il-benefiċċji u dwar ir-riskji assoċjati mal-prodotti bijoċidali u l-modi ta’ kif jitnaqqas l-użu tagħhom. L-istudju jirrikonoxxi l-importanza ta’ din l-informazzjoni b’mod partikolari għall-użi fl-oqsma fejn nies vulnerabbli, bħat-tfal jistgħu jiġu esposti għall-prodotti.

    Rigward ir-riskju għall-ilma jew għall-ilma ta’ taħt l-art, l-istudju ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw l-informazzjoni disponibbli minn reġimi oħrajn ta’ monitoraġġ, bħall-monitoraġġ ta’ sustanzi ta’ prijorità u ta’ kontaminanti speċifiċi għall-baċir idrografiku skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, li tista’ tinforma b’mod utli dwar ir-riskji speċifiċi għall-ambjent tal-ilma minn prodotti bijoċidali. F’dan il-kuntest, ġie żviluppat mekkaniżmu ta’ lista ta’ sorveljanza 12 biex jiġi żgurat monitoraġġ immirat mifrux mal-UE kollha ta’ sustanzi ta’ tħassib possibbli (inklużi sustanzi niġġiesa emerġenti) biex jappoġġa l-proċess ta’ prijoritizzazzjoni fir-reviżjonijiet futuri tal-lista tas-sustanzi ta’ prijorità.

    Barra minn hekk, il-"Pjattaforma ta’ Informazzjoni għall-Monitoraġġ Kimiku" (IPCheM) 13 imfassla u implimentata mill-Kummissjoni, toffri punt ta’ aċċess uniku għall-kollezzjonijiet ta’ dejta tal-monitoraġġ kimiku ġestiti minn u disponibbli għall-korpi tal-Kummissjoni Ewropej, għall-Istati Membri, għall-organizzazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali u għar-riċerkaturi.

    2.4.2.It-tixrid tal-informazzjoni

    Kif iddikjarat hawn fuq, it-taħriġ u t-tixrid tal-informazzjoni huma fundamentali biex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji jiġu applikati b’mod xieraq biex jiġu protetti żoni speċifiċi.

    Għalhekk, jekk ikunu meħtieġa aktar miżuri biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji, dawn jistgħu ġeneralment jiġu definiti bħala miżuri biex iżidu t-tixtrid tal-informazzjoni lill-utenti aħħarin u biex isaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ.

    It-taħriġ u l-informazzjoni għandhom jindirizzaw ukoll kif jiġu evitati applikazzjonijiet mhux neċessarji u kif jintużaw alternattivi possibbli mhux kimiċi.

    F’dak ir-rigward, diversi Stati Membri (bħall-Belġju 14 jew id-Danimarka 15 ) diġà għamlu sforzi notevoli u anki kreattivi biex jikkomunikaw il-prinċipji dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali lill-pubbliku ġenerali.

    2.5.Ir-rwol tal-prestazzjoni mtejba tat-tagħmir użat għall-applikazzjoni tal-prodotti bijoċidali

    Għandu jiġi nnutat li ħafna prodotti bijoċidali – b’mod partikolari dawk maħsuba għall-pubbliku ġenerali - jiġu applikati mingħajr tagħmir jew it-tagħmir użat jikkonċerna b’mod partikolari oġġetti bħal ingwanti u tagħmir protettiv ieħor tal-persunal, diġà regolat mid-Direttiva 89/686/KEE 16 .

    Għalhekk, meta jintuża tagħmir speċifiku, dan jintuża l-iktar f’setturi industrijali jew ta’ servizz fejn ħafna mit-tagħmir diġà huwa mfassal biex inaqqas l-esponiment kemm jista' jkun (eż. sistemi awtomatizzati għat-trattament tal-injam) u biex jevitaw id-dożaġġ żejjed (eż. dożaġġ kalibrat tal-preservattivi li jkunu ġo bott, il-kalibrar tal-magni għat-traxxix taż-żebgħa antifouling) u huwa meqjus tajjeb biex jaqdi l-iskop tiegħu.

    Barra minn hekk, jekk ikunu mixtieqa restrizzjonijiet jew rekwiżiti speċifiċi, dawn jistgħu jiġu żgurati, fuq bażi ta’ każ b’każ, bl-inklużjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi fl-approvazzjoni tas-sustanza jew fl-awtorizzazzjoni tal-prodott.

    Fl-aħħar nett, jekk l-użu ta’ tagħmir għad-dożaġġ huwa fattur importanti fl-applikazzjoni ta’ xi wħud mill-prodotti bijoċidali, hemm fatturi oħrajn li wkoll jeħtieġ li jiġu kkunsidrati biex jiġu mminimizzati l-espożizzjonijiet, bħall-għażla tal-prodott xieraq, id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-temp, il-livell ta’ infestazzjoni, eċċ. Dan għal darb’oħra juri l-importanza li jkunu disponibbli għall utenti struzzjonijiet dwar l-użu xierqa u adatti għal kull tip ta’ prodott.



    3.Għodod li jistimulaw l-innovazzjoni u jippromwovu l-użu sostenibbli.

    Ġew ikkunsidrati għodod jew azzjonijiet oħrajn, li jistgħu jintużaw biex jistimulaw l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda bi profil aħjar.

    3.1.Esklużjoni, sostituzzjoni u valutazzjoni komparattiva

    Mal-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ sostituzzjoni għas-sustanzi attivi, u mal-valutazzjoni komparattiva għall-prodotti bijoċidali li fihom is-sustanza attiva u li huma kandidati għas-sostituzzjoni, il-BPR jipprovdi mekkaniżmi b’saħħithom ħafna li jneħħu gradwalment l-użu ta’ sustanzi li joħolqu tħassib serju u tħassib serju ħafna. Barra minn hekk, dan joħloq inċentivi għall-iżvilupp ta’ alternattivi aħjar.

    Dawn il-mekkaniżmi għadhom ma laħqux il-potenzjal sħiħ tagħhom, minħabba li ħafna sustanzi attivi għadhom qed jiġu evalwati u ħafna prodotti bijoċidali għad iridu jiġu awtorizzati. Iżda huma mistennija li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-użu sostenibbli tal-bijoċidi

    3.2.Skemi ta’ tikkettar

    L-istudju esplora mezzi għall-identifikazzjoni faċli u viżibbli tal-prodotti bijoċidali li jkollhom inqas impatt fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, bl-għan li jgħin lill-utenti aħħarin biex jagħmlu għażliet infurmati, iżda wkoll li jagħti vantaġġ lil dawk il-prodotti fuq il-kompetituri tagħhom, u b’hekk joħloq inċentiv ċar għall-industrija biex tiżviluppa prodotti aħjar.

    L-istudju analizza b’mod partikolari jekk l-iskemi tal-ekotikketti eżistenti (bħall-Ekotikketta tal-UE, l-ekotikketti Blue-Angel jew Nordic-swan) jistgħux jintużaw għal dak il-għan u jekk l-assoċjazzjonijiet tal-industrija jew kumpaniji individwali kinux żviluppaw skemi (volontarji), li jistgħu jkunu sors ta’ ispirazzjoni.

    3.2.1.Ir-Regolament tal-Ekotikketta tal-UE 

    L-għan tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 17 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ bħala "ir-Regolament tal-Ekotikketta") huwa li jipprovdi skema ta’ għotja volontarja tal-UE biex tgħin lill-konsumaturi jidentifikaw il-prodotti u s-servizzi li naqqsu l-impatt ambjentali matul iċ-ċiklu ta’ ħajjithom, mill-estrazzjoni tal-materja prima sal-produzzjoni, l-użu u r-rimi. 

    L-istudju madankollu wera li l-prodotti bijoċidali mhumiex meqjusin bħala xierqa jew eliġibbli għall-iskema, minħabba l-karatteristiċi inerenti tagħhom u minħabba l-għan proprju tagħhom li jikkontrollaw organiżmi mhux mixtieqa.

    Il-varjetà wiesgħa tal-prodotti bijoċidali u tas-setturi mulitpli tal-użu ġiet ukoll enfasizzata bħala diffikultà minħabba li l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE huma żviluppati fuq bażi speċifika għall-prodott.

    Finalment, l-Ekotikketta tal-UE tippromwovi alternattivi disponibbli għall-prodotti bijoċidali, bħal materjali mingħajr bijoċidi bħala alternattiva għall-materjali mxappin b’mod konvenzjonali.

    3.2.2.Inizjattivi tal-industrija

    Ittieħdu xi inizjattivi mill-industrija jew mill-assoċjazzjonijiet tal-industrija biex jippromwovu prattiki sostenibbli jew biex jenfasizzaw il-kredenzjali "ekoloġiċi" tal-prodott tagħhom.

    Anki jekk huma limitati għall-inizjattivi tal-kumpanija individwali, spiss bħala parti mill-ġestjoni tal-prodott tagħhom jew tal-istrateġija tat-tqegħid fis-suq tagħhom, dawn l-inizjattivi juru li l-miżuri jistgħu jittieħdu minn kumpaniji biex inaqqsu l-impatt tal-prodotti bijoċidali fuq l-ambjent. Barra minn hekk, dawn jipprovdu elementi utli li jistgħu jintużaw b’mod aktar komuni biex jistimulaw l-innovazzjoni jew l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda bi profil aħjar għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimal u l-ambjent u b’mod aktar ġenerali jikkontribwixxu għall-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali.

    3.3.L-aħjar tekniki disponibbli skont id-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali 18  

    Fil-livell tal-UE, l-iżvilupp u r-reviżjoni tad-"dokumenti ta’ referenza tal-aħjar tekniki disponibbli" (BREFs) 19 , 20 , taħt il-qafas tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali, jistgħu jipprovdu opportunitajiet għall-identifikazzjoni u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki dwar l-użu sostenibbli tal-bijoċidi fil-kuntest tal-manifattura industrijali.

    Permezz ta’ dawn il-BREFs, jitħeġġeġ l-użu ta’ sustanzi inqas perikolużi u xi wħud minnhom, b’mod dirett jew indirett, jindirizzaw l-użu tal-prodotti bijoċidali f’setturi industrijali speċifiċi.

    4.Konklużjonijiet

    Kif intqal fl-introduzzjoni, il-BPR ilu jaħdem b’mod sħiħ mill-1 ta’ Settembru 2013 biss. Dan ifisser li s’issa nkisbet esperjenza limitata bil-leġiżlazzjoni attwali.

    Barra minn hekk, l-approvazzjoni tas-sustanza, l-awtorizzazzjoni tal-prodott, u l-valutazzjoni komparattiva tal-prodotti bijoċidali li fihom kandidati għas-sostituzzjoni bil-għan li jitneħħa gradwalment l-użu tagħhom, huma diġà kontributi importanti għall-għan tat-trawwim tal-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali.

    Għaldaqstant, it-tlestija tal-valutazzjoni li għaddejja bħalissa tas-sustanzi attivi kollja li kienu diġà fis-suq meta daħlet fis-seħħ il-BPDu l-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali li jkun fihom dawk is-sustanzi attivi, għandha tkun l-ewwel prijorità u dik ewlenija bil-għan li tippromwovi l-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali.

    Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri u anki l-industrija jeħtieġ jikkonċentraw l-isforzi u r-riżorsi tagħhom fuq l-approvazzjoni tas-sustanzi u l-awtorirzzazzjoni tal-prodotti.

    Barra minn hekk, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jinvestu riżorsi addizzjonali fuq l-attivitajiet ta' infurzar biex jiżguraw li l-ebda prodott ma jitqiegħed fis-suq tagħhom illegalment u li l-prodotti bijoċidali jkunu tikkettati kif xieraq.

    Fir-rigward tal-miżuri addizzjonali possibbli, biex jitnaqqsu r-riskji maħluqa għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali u għall-ambjent minn prodotti bijoċidali, l-istudju kkonkluda li r-riskji huma diġà indirizzati kif xieraq mill-miżuri imposti permezz tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi jew tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali.

    B’mod aktar partikolari, għall-utenti professjonali, l-istudju kkonkluda li l-miżuri ta’ kontroll applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiem kif ukoll skont il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi kkombinati mal-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju speċifikati fl-istadju tal-awtorizzazzjoni tal-prodott bijoċidali kienu biżżejjed - jekk jiġu rispettati - biex jindirizzaw ir-riskju mill-espożizzjoni.

    Minbarra dan, minħabba n-natura diversa ħafna tal-prodotti bijoċidali u l-varjetà tal-applikazzjonijiet, ma jidhirx xieraq li sempliċiment jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi għall-prodotti bijoċidali. Minflok, l-għanijiet ewlenin ta’ dik id-Direttiva fir-rigward tal-prodotti bijoċidali jistgħu jintlaħqu permezz ta’ mezzi differenti u azzjonijiet iktar immirati. Għall-istess raġunijiet, lanqas ma jidher li jkun xieraq li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju għall-prodotti bijoċidali.

    Fir-rigward tal-mezzi u tal-azzjonijiet fil-mira, l-użu korrett, sikur u sostenibbli tal-prodotti bijoċidali jeħtieġ id-disponibilità u d-disseminazzjoni effettiva ta’ gwida jew informazzjoni xierqa, kemm jekk dak l-użu jkun f’kuntest professjonali kif ukoll jekk le.

    Għal użu industrijali, meta jiġu żviluppati l-BREFs, għandhom, fejn ikun rilevanti, jiġu inkorporati l-linji gwida għall-aħjar prattiki dwar l-użu tal-prodotti bijoċidali.

    Għal użu professjonali, l-iżvilupp ta’ dokumenti ta’ gwida, il-provvediment tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-utenti dwar l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki, imorru id f’id.

    Għall-użu mhux professjonali, għandu jkun hemm enfasi fuq id-dispożizzjonijiet fl-awtorizzazzjoni u fit-tikkettar tal-prodott. Soluzzjonijiet tekniċi bħal smart tags jew kodiċijiet ta’ rispons ta’ malajr (QR) li jipprovdu link għas-sit web tad-detentur tal-awtorizzazzjoni jistgħu jkunu utli biex jippermettu lill-utenti biex jirreferu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott u biex jużaw l-istruzzjonijiet.

    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni se ssegwi l-azzjonijiet li ġejjin, u se tistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess:

    tiffoka u ssaħħaħ l-isforzi fuq il-programm ta’ reviżjoni ta’ sustanzi attivi eżistenti biex tiżgura li dan jitlesta qabel l-2024;

    tiżgura li ladarba s-sustanzi attivi jiġu approvati, l-awtorizzazzjonijiet tal-prodott jingħataw, jiġu emendati jew ikkanċellati fi żmien 3 snin;

    tinvesti riżorsi addizzjonali fuq attivitajiet ta' infurzar;

    tibbenefika minn għodod leġiżlattivi disponibbli, b’mod partikolari billi ssegwi mill-qrib l-iżviluppi tal-BREFs li jistgħu jkunu rilevanti għall-prodotti bijoċidali użati fil-proċessi industrijali;

    tħeġġeġ kampanji ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilazzjoni biex jinfurmaw lill-utenti aħħarin, permezz ta’ siti web, fuljetti jew videos maħżuna, kodiċi ta’ rispons ta’ malajr fuq il-prodotti bijoċidali, eċċ.;

    tħeġġeġ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ standards (eż skont is-CEN) li jistgħu jikkontribwixxu għall-użu sostenibbli ta’ prodotti bijoċidali.

    tilqa' inizjattivi ta’ riċerka dwar l-użu sostenibbli tal-bijoċidi u l-alternattivi għall-prodotti bijoċidali.

    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Test b’relevanza għaż-ŻEE - ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1–123.
    (2)   Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali - ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1–63.
    (3)  Il-BPR ikopri 4 gruppi ewlenin ta’ prodotti bijoċidali li huma maqsumin fi 22 tip ta’ prodott li jvarjaw minn diżinfettanti għall-iġjene tal-bniedem u fluwidi għall-ibbalzmar u tat-tassidermistiċi, sa preżervattivi, insettiċidi, rodentiċidi u prodotti kontra l-moffa li jkunu jinsabu f’bott.
    (4)   Analiżi ta’ miżuri immirati għall-użu sostenibbli ta’ prodotti bijoċidali , minn Milieu Ltd 2015.
    (5) http://www.baua.de/de/Chemikaliengesetz-Biozidverfahren/Biozide/pdf/Allgemeine-Kriterien-Version1-3-englisch.pdf?__blob=publicationFile&v=2
    (6)   Rodentiċida Antikoagulanti tat-Tieni Ġenerazzjoni (SGAR) Reġim ta’ Ġestjoni
    (7) http://echa.europa.eu/support/dossier-submission-tools/r4bp
    (8)   http://www.rrac.info/content/uploads/CEFIC-EBPF-RWG-Guideline-Best-Practice-for-Rodenticide-Use-FINAL-S-.pdf  
    (9) Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 Dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel - ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1–54.
    (10) Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf - ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1 .
    (11)   L-Istandard Ewropew għas-servizzi ta’ mmaniġġjar tal-organiżmi ta’ ħsara (EN 16636) - CEN, Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni
    (12) L-Artikolu 8b tad-Direttiva 2013/39/UE li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE;id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/495
    (13) https://ipchem.jrc.ec.europa.eu/RDSIdiscovery/ipchem/index.html  
    (14)   http://www.belgium.be/fr/publications/publ_ongewenste-gasten-in-huis-of-tuin.jsp
    (15)   http://www.hverdagsgifte.dk/
    (16)   Id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv , ĠU L 399 tat-30 ta’ Diċembru 1989.
    (17) Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE - ĠU L 27/1, 30.1.2010.
    (18) Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), ĠU L 334, 17.12.2010
    (19)  L-Artikolu 13(1) tad- Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED, 2010/75/UE)
    (20)  http://eippcb.jrc.ec.europa.eu/reference/
    Top