Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0129

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-attivitajiet tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

    COM/2016/0129 final

    Brussell, 10.3.2016

    COM(2016) 129 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

    dwar l-attivitajiet tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali


    1.    Introduzzjoni: Il-bini ta’ pontijiet bejn is-sistemi ġudizzjarji

    Il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet il-ħolqien ta’ żona ta’ ġustizzja u drittijiet fundamentali bbażata fuq il-fiduċja reċiproka bħala waħda mill-għaxar prijoritajiet politiċi ewlenin tagħha. Biex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Kummissjoni hija determinata li ssaħħaħ l-għodod komuni li jikkontribwixxu lejn il-bini ta’ pontijiet bejn is-sistemi ġudizzjarji differenti tal-Istati Membri u b’hekk toħloq fiduċja reċiproka 1 . Kemm permezz tal-għan, kif ukoll permezz tal-istruttura tiegħu, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali (“in-Netwerk”) huwa preċiżament tali għodda.

    In-netwerk beda jopera fl-1 ta’ Diċembru 2002. Huwa ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE (“id-Deċiżjoni”) tat-28 ta’ Mejju 2001 li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali 2 biex itejjeb, jissimplifika u jħaffef kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva bejn l-Istati Membri f’materji ċivili u kummerċjali. Fl-2009, id-Deċiżjoni 568/2009/KE, immodernizzat il-qafas legali tan-Netwerk u estendiet il-kompiti, l-attivitajiet u l-istruttura ta’ sħubija tiegħu abbażi tal-ewwel rapport tal-2006 3 . Issa, wara ħafna snin ta’ operazzjoni ulterjuri u fid-dawl tar-responsabbiltajiet addizzjonali li jirriżultaw minn strumenti leġizlattivi riċenti tal-Unjoni f'materji ċivili u kummerċjali, huwa mument opportun biex jirrapporta dwar l-operat tan-Netwerk, kif previst fl-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni.

    Il-kompiti prinċipali tan-Netwerk huma 4 :

       il-kuntatti diretti u t-trattament tal-każijiet bejn il-punti ta’ kuntatt nazzjonali tan-Netwerk;

       l-iffaċilitar tal-aċċess transfruntier għall-ġustizzja permezz ta’ informazzjoni mogħtija lill-pubbliku u lill-professjonisti permezz ta’ skedi informattivi u pubblikazzjonijiet oħra disponibbli fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika bil-lingwi kollha tal-Unjoni;

       l-evalwazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenzi dwar l-operazzjoni ta’ liġi tal-Unjoni speċifika f’materji ċivili u kummerċjali.

    Filwaqt li tibni fuq il-kisbiet tagħha s’issa, il-Kummissjoni għandha l-għan li tkompli ttejjeb ir-rwol u l-funzjonament tan-Netwerk 5 . Kif imsemmi fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 fuq l-Agenda tal-Ġustizzja tal-UE għall-2020 6 , mekkaniżmi eżistenti bħan-Netwerk "għandhom jiġu msaħħa u l-potenzjal tagħhom sfruttat bis-sħiħ, inkluż online." Dan l-objettiv kien immexxi 'l quddime mil-linji gwida strateġiċi tal-Kunsill Ewropew tas-26/ 27 ta' Ġunju 2014 għall-ippjanar leġiżlattiv u operazzjonali għas-snin li ġejjin fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, li jirreferi għal " il-prijorità ġenerali issa [...] li l-istrumenti legali u l-miżuri ta’ politika fis-seħħ jiġu trasposti b'mod konsistenti, jiġu implimentati b’mod effettiv u jiġu kkonsolidati." 7

    Dan ir-rapport huwa bbażat fuq is-sejbiet ta’ studju kkummissjonat mill-Kummissjoni fl-2014 dwar l-attivitajiet tan-Netwerk (“l-istudju”) li jista' jkun ikkonsultat onlajn 8 u li jinkludi d-dejta dwar l-operat tiegħu.. F’dan il-kuntest, saret konsultazzjoni estensiva tal-membri tan-Netwerk, inkluża konsultazzjoni onlajn permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

    2.    L-istruttura u l-operat tan-netwerk

    2.1    Il-membri tan-Netwerk: lejn interazzjoni aktar b’saħħitha

    L-istruttura tal-membri tan-netwerk evolviet matul dawn l-aħħar snin, l-aktar minħabba l-integrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti legali u l-adozzjoni ta’ liġi ġdida tal-Unjoni. In-Netwerk huwa magħmul minn 505 membri 9 skont il-kategoriji li ġejjin:

    il-punti tal-kuntatt innominati mill-Istati Membri (139 membri);

    awtoritajiet ċentrali, maħtura skont l-istrumenti speċifiċi tal-Unjoni 10 u ftehimiet internazzjonali (124 membru);

    maġistrati ta’ kollegament (6 membri);

    awtoritajiet xierqa oħra ġudizzjarji jew amministrattivi b'responsabbiltajiet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kummerċjali (166 membru);

    assoċjazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw il-professjonisti legali li huma direttament involuti fl-applikazzjoni ta’ strumenti f’materji ċivili u kummerċjali (70 membru).

    L-istudju wera li l-interazzjoni bejn il-membri kollha tan-Netwerk tista’ titjieb aktar billi hija importanti għall-funzjonament effiċjenti tan-netwerk biex tiġi żgurata kooperazzjoni operazzjonali ġudizzjarja sħiħa, minkejja l-passi meħuda permezz ta’ inizjattivi eżistenti 11 . L-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tan-Netwerk Nazzjonali bħal laqgħat tal-membri nazzjonali tan-Netwerk jistgħu wkoll jikkontribwixxi biex jintlaħaq dan l-objettiv. Din il-prattika tajba, li diġà teżisti f’għadd ta’ Stati Membri, għandha tkun estiża għall-Istati Membri kollha li qed jieħdu sehem fin-Netwerk. Dan se jkollu effett multiplikatur biex titqajjem kuxjenza dwar l-attivitajiet tan-Netwerk u tiżdied il-viżibbiltà tan-Netwerk fl-Istati Membri 12 . Inizjattivi bħal dawn mhux biss itejbu l-kooperazzjoni bejn il-membri kollha tan-netwerk iżda wkoll bejn l-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jimplimentaw b’mod effiċjenti l-istrumenti tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali.

    2.1.1 Punti ta' kuntatt u r-riżorsi tagħhom

    Il-punti ta’ kuntatt għandhom rwol ċentrali fil-funzjonament tan-Netwerk. Huma jiżguraw l-operazzjoni ta’ kuljum tan-Netwerk bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri iżda wkoll jikkoordinaw ma’ membri oħra tan-Netwerk. Fuq medja, l-Istati Membri nnotifikaw ħames punti ta’ kuntatt filwaqt li ħafna Stati Membri nnotifikaw tnejn jew tlieta.

    L-Istati Membri huma meħtieġa mill-Artikolu 2a tad-Deċiżjoni biex jiżguraw li l-punti ta’ kuntatt ikollhom faċilitajiet suffiċjenti u adatti fir-rigward ta’ persunal, riżorsi u mezzi moderni ta’ komunikazzjoni. Il-konsultazzjonijiet tal-membri tan-Netwerk mill-Kummissjoni fl-2014 wriet li xi Stati Membri ddedikaw ħafna membri tal-persunal għall-punti ta’ kuntatt tagħhom, flimkien ma’ riżorsi adegwati f’termini ta’ komunikazzjoni u preżenza fuq l-internet. Dawn ir-riżorsi huma ta’ importanza partikolari, billi huma dejjem aktar il-kompiti assenjati lin-Netwerk sabiex tkun żgurata l-operazzjoni prattika tal-istrumenti tal-Unjoni f’materji ċivili u kummerċjali. Ir-riżorsi organizzazzjonali għandhom jikkorrispondi mal-importanza li l-punti ta’ kuntatt iwettqu b’mod effiċjenti l-kompiti assenjati u l-operazzjonijiet.

    Permezz ta’ konsultazzjonijiet tan-Netwerk, il-Kummissjoni osservat li kultant, inqalgħu xi diffikultajiet fil-qasam tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni, inkluż il-ġbir tad-dejta u li l-informazzjoni dwar il-liġi nazzjonali tkun disponibbli għall-pubbliku. Għalhekk, fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, il-punti ta’ kuntatt għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq awtoritajiet oħra għall-appoġġ u l-kondiviżjoni tal-għarfien.

    2.1.2    L-integrazzjoni tal-professjonijiet legali: żieda fl-involviment

    Element importanti tal-qafas legali aġġornat tan-Netwerk introdott bid-Deċiżjoni 568/2009/KE kien li jiftaħ in-netwerk għal assoċjazzjonijiet tal-professjonijiet legali involuti direttament fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali. Permezz ta’ din l-inklużjoni, in-Netwerk għamlet pass sinifikattiv biex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-UE jiġu osservati mill-prattikanti kollha involuti fl-implimentazzjoni tagħha. Abbażi tan-notifiki magħmula mill-Istati Membri, minn April 2015, 70 assoċjazzjoni professjonali, b’mod partikolari dawk li jirrappreżentaw l-avukati, in-nutara u l-marexxalli, huma membri tan-netwerk. Madanakollu, l-istudju jindika, li l-assoċjazzjonijiet tal-professjonijiet legali xi drabi jħossu li mhumiex involuti biżżejjed 13 . Waqt li ħafna Stati Membri nnotifikaw assoċjazzjonijiet tal-professjonijiet legali bħala membri tan-Netwerk u sistematikament jistidnuhom jipparteċipaw fl-attivitajiet tan-Netwerk, tliet Stati Membri għadhom ma għamlux tali notifika. Għalhekk, huwa importanti li tkun segwita l-prattika tajba ta’ ħafna mill-Istati Membri li jinkludu assoċjazzjonijiet tal-professjonijiet legali fil-funzjonament tan-Netwerk.

    Id-Deċiżjoni emendata wkoll tagħmel is-sħubija disponibbli għall-professjonisti legali meta dawn jeżerċitaw funzjonijiet ġuridiċi taħt strumenti speċifiċi tal-Unjoni. Din saret partikolarment relevanti fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 dwar is-Suċċessjonijiet 14 . Professjonisti legali li jipparteċipaw fin-Netwerk f’din il-kapaċità jistgħu jużaw il-funzjonalitajiet kollha tan-Netwerk.

    In-Netwerk iżomm relazzjoni ta’ ħidma ma’ assoċjazzjonijiet u netwerks ta’ professjonali fil-livell tal-Unjoni. Id-deċiżjoni ma tipprovdix għas-sħubija tagħhom fin-Netwerk. Madankollu, dawn l-assoċjazzjonijiet huma regolarment mistiedna bħala osservaturi fil-laqgħat, joffru ħarsa lejn il-ħidma tagħhom u jistgħu jikkontribwixxu għal diskussjonijiet sostanzjali meta dan jitqies xieraq.

    2.2. Il-modus operandi tan-Network

    a)    Laqgħat tal-Punti ta’ Kuntatt, inklużi l-laqgħat tal-Awtoritajiet Ċentrali

    Skont id-Deċiżjoni tat-twaqqif tiegħu, il-laqgħat urew li huma essenzjali sabiex in-Netwerk jiskambja l-prattiki tajbin u l-esperjenzi, jiidentifika n-nuqqasijiet possibbli u jiżviluppa fehim komuni dwar l-applikazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni 15 . Huma wkoll fattur ewlieni sabiex in-Netwerk isolvi talbiet pendenti jew problemi bejn l-awtoritajiet u jieħu deċiżjonijiet maqbula komunament fin-Netwerk 16 . Il-laqgħat huma partikolarment utli biex jimmonitorjaw u jevalwaw l-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali. Huma għandhom ukolll funzjoni importanti fil-bini tal-fiduċja bejn l-atturi differenti involuti u jikkontribwixxu għall-applikazzjoni tajba tal-liġi tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni tistipula minimu ta’ laqgħa waħda tal-punti ta’ kuntatt li għandha ssir mill-inqas darba kull sitt xhur. Matul il-perjodu ta’ bejn l-2009 u l-2015, il-Kummissjoni organizzat 38 laqgħa. Il-laqgħat tal-punti ta’ kuntatt huma ddedikati għal strument partikolari tal-Unjoni, sabiex tjffaċilitaw il-parteċipazzjoni ffukata tal-ispeċjalisti tal-Istati Membri.

    Minbarra laqgħat regolari bejn il-Punti ta’ Kuntatt, issir laqgħa annwali li tinkludi l-membri kollha tan-netwerk li fiha huma diskussi varjetà wiesgħa ta’ suġġetti rilevanti għall-membri tan-netwerk. Jiġu organizzati laqgħat speċifiċi mill-inqas darba fis-sena għal Awtoritajiet Ċentrali stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (“ir-Regolament Brussell IIa”) u skont ir-Regolament (KE) Nru 4/2009 dwar l-Obbligi ta’ Manteniment.

    b)    Il-laqgħat bilaterali

    Flimkien ma’ dawn il-laqgħat regolari, jiġu organizzati laqgħat bilaterali bejn l-awtoritajiet li jittrattaw il-każijiet u l-awtoritajiet involuti taħt il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti kemm fir-Regolament Brussell IIa u wkoll fir-Regolament dwar l-Obbligi ta’ Manteniment. L-objettiv ta’ dawn il-laqgħat huwa li jiġi ffaċilitat it-trattament tal-każijiet trasnfruntieri individwali pendenti li għalihom jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet permezz ta’ kuntatti bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Dawn il-każijiet ħafna drabi jinvolvu kwistjonijiet sensittivi bħal kwistjonijiet ta’ sekwestru ta’ minuri jew talbiet dwar l-Obbligi ta’ Manteniment. Il-Kummissjoni tiffaċilita dawn il-laqgħat f’ambitu kunfidenzjali biex tippermetti soluzzjonijiet effiċjenti ta’ każijiet individwali pendenti bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Dawn il-kuntatti diretti huma mezzi utli u prattiċi ta’ kooperazzjoni u ta’ tisħiħ tal-fiduċja reċiproka 17 . Matul il-perjodu mill-2010 sal-2014, ġew organizzati 204 laqgħat individwali skont ir-Regolament Brussell IIa u matul il-perjodu mill-2013 sal-2015, ġew organizzati 107 tali laqgħat skont ir-Regolament dwar l-Obbligi ta’ Manteniment.

    c)    Gruppi ta' ħidma

    In-Netwerk għandu jwaqqaf gruppi ta’ ħidma dwar suġġetti speċifiċi li għandhom il-funzjoni ta’ appoġġ essenzjali. Dawn il-gruppi ta’ ħidma huma regolarment maħluqa b’mod ad hoc fuq talba tal-Istati Membri f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Parteċipazzjoni fil-gruppi ta’ ħidma hija miftuħa lill-membri kollha tan-Netwerk f’koordinazzjoni mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom. Il-gruppi ta’ ħidma jipproponu, iħejju jew jimplimentaw azzjonijiet konkreti fin-Netwerk. Il-presidenza ta’ grupp ta’ ħidma normalment hija żgurata permezz ta’ punt ta’ kuntatt nazzjonali jew membru ieħor tan-Netwerk.

    Fil-perjodu mill-2009 sal-2015, ġew stabbiliti ħdax-il grupp ta’ ħidma dwar:

    • dejta statistika ta' Brussell IIa

    • formoli ta’ arretrati tal-manteniment

    • gwida dwar l-Annessi VI u VII tar-Regolament dwar l-Obbligi ta’ Manteniment

    • Medjazzjoni tal-familja

    • Gwida prattika għal talbiet żgħar

    • Gwida prattika tal-Ordni ta’ Ħlas Ewropea

    • Riformulazzjoni ta' Brussell I - nota skont l-Artikolu 26(2)

    • Gwida ta' prattika dwar il-ġuriżdizzjoni u d-dritt applikabbli fit-tilwim internazzjonali bejn impjegat u impjegatur

    • Il-Viżibilità tan-Netwerk

    • Gwida għaċ-ċittadini dwar ir-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet

    • Skambju ta’ informazzjoni dwar l-aċċess għal-liġi barranija skont ir-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet

    d)    It-trattament tal-każijiet u l-ipproċessar ta’ talbiet mill-punti tal-kuntatt

    Wieħed mill-iktar inkarigi fundamentali tan-netwerk huwa li jiffaċilita l-kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet responsabbli mill-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili. Dan huwa rilevanti b’mod partikolari għat-trattament tal-kazijiet u jippermetti approċċ skont il-każ fl-implimentazzjoni tal-istrumenti rilevanti tal-Unjoni. Id-dejta miġbura permezz ta’ konsultazzjonijiet tan-Netwerk wriet stampa mħallta, għalkemm mhux kompluta, li tindika varjazzjoni kbira fl-użu tan-Netwerk għal dan l-għan. Dan jipprovdi indikazzjoni li għandu jsir użu aħjar ta' dan l-aspett tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni tan-Netwerk.

    e)    Għodod u metodi ta’ komunikazzjoni elettronika fin-Netwerk

    In-Netwerk bħalissa juża l-intranet CIRCA pprovdut mill-Kummissjoni għall-istazzjonar ta’ dokumenti, b’mod partikolari l-lista tal-membri tan-Netwerk u d-dokumenti tal-laqgħa. Madankollu, ma teżistix sistema elettronika biex tittratta t-talbiet bejn l-Istati Membri.

    Id-Deċiżjoni tipprevedi l-użu ta’ reġistru elettroniku sigur u b’aċċess limitat ibbażat fuq informazzjoni mogħtija mill-punti ta’ kuntatt 18 . Sistema preċedenti li ġiet stabbilita għal dan l-għan kienet meqjusa li hija wisq ta’ piż fl-applikazzjoni ta’ kuljum tagħha u ġiet abbandunata. Għalhekk, għad hemm il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni effiċjenti tal-ġestjoni tal-kawżi bejn il-punti ta’ kuntatt. F’dan il-kuntest, għodda ta’ komunikazzjoni elettronika li tippermetti reġistrazzjoni awtomatika tat-talbiet tipprovdi benefiċċji billi telimina l-piżijiet burokratiċi u tiffaċilita l-ġbir ta’ dejta statistika, kif ukoll bit-titjib tal-użu ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni tan-Netwerk kif imsemmi fil-punt d.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni beħsiebha tivvaluta l-implikazzjonijiet finanzjarji u tekniċi tad-dħul fis-seħħ għodda jew l-adattament ta’ għodda eżistenti biex jissodisfaw l-għanijiet imsemmija hawn fuq li jistgħu jiġu aċċessati mis-sezzjoni tan-netwerk fil-Portal Ewropew elettroniku tal-Ġustizzja. Tista' tittieħed ispirazzjoni mis-Suq Uniku li fih tali kooperazzjoni hija ffaċilitata permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) mill-2008 19 .

    3. L-Evalwazzjoni ta' strumenti eżistenti - Ġbir ta' dejta

    Waħda mill-funzjonijiet ewlenin tan-netwerk huwa li jimmonitorja l-applikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni fis-seħħ. F’dan il-kuntest, il-ġbir ta’ dejta statistika għadu mhux f’livell sodisfaċenti. Il-ġbir ta' dejta statistika u evidenza huwa indispensabbli għall-evalwazzjoni xierqa tal-funzjonament tal-istrumenti tal-Unjpni f'materji ċivili u kummerċjali li diġa huma fis-seħħ, bħala element importanti biex tkun żgurata l-applikazzjoni ta' prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar skont il-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar - Aġenda tal-UE 20 . Skont il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 21 , jeħtieġ li jiġi determinat liema evidenza tista’ tinġabar u minn min u f’liema mument għandha tinġabar tali evidenza.

    Għandu jsir sforz komuni mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni biex ikun identifikat x’għandu jitqies bħala dejta essenzjali għal kull strument tal-Unjoni f’materji ċivili u kummerċjali. Abbażi ta' dan, qafas ta’ ġbir ta’ dejta statistika għandu jiġi stabbiliti mill-Istati Membri, li jkun jinkludi l-ġbir ta’ dejta essenzjali għal kull strument tal-Unjoni. Konsultazzjonijiet ma’ Eurostat jistgħu jottimizzaw il-metodi, l-standards u d-definizzjonijiet għall-ġbir ta’ statistika fin-netwerk, f’kooperazzjoni sħiħa mal-punti ta’ kuntatt u mal-awtoritajiet ċentrali li jaġixxu fin-netwerk. B’mod parallel, l-Istati Membri għandhom jadattaw is-sistemi tagħhom tal-ġbir tad-dejta fi qrati u awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi oħrajn.

    4.    L-Iffaċilitar tal-Aċċess għall-Ġustizzja

    4.1    L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Ġustizzja elettronika Ewropea

    Sa mill-bidu nett tal-operat tagħha, kienet funżjoni ewlenija tan-Netwerk 22 li twaqqaf sistema ta' informazzjoni onlajn għall-pubbliku dwar l-istrumenti tal-Unjoni, miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni tagġhom, id-dritt nazzjonali, l-istrumenti internazzjonali u dwar il-każistika rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Abbażi ta' dan, in-Netwerk illum jikkontribwixxi ħafna għall-iżvilupp ulterjuri tal-Ġustizzja elettronika. Dan kien rikonoxxut fil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew Pluriennali dwar il-Ġustizzja elettronika 2014-2018 tal-Kunsill 23 .

    Il-migrazzjoni tas-sit elettroniku tan-Netwerk għall-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika għandu jiġi ffinalizzat fl-2016. Biex itejbu l-viżibbiltà tan-netwerk fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika u biex il-kontenut ipprovdut min-Netwerk issir aktar aċċessibbli, qed tkun żviluppata taqsima speċifika għan-Netwerk fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika. Il-paġni ta’ din it-Taqsima għandhom ikunu mmarkati b'mod ċar bil-logo tan-Netwerk. Dawn il-funzjonalitajiet għandhom ikunu kompletament interkonnessi ma’ għodod oħra rilevanti għall-prattikanti bħall-Atlas Ġudizzjarju f’Materji Ċivili, il-bażi tad-dejta futura tal-qorti jew il-formoli dinamiċi marbuta mal-istrumenti leġiżlattivi tal-UE disponibbli fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.

    L-informazzjoni pprovduta min-Netwerk tinkludi skedi informattivi li jittrattaw kwistjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja fl-Istati Membri. Dawn l-iskedi informattivi jipprovdu informazzjoni dwar id-dritt nazzjonali u l-proċeduri. Attenzjoni partikolari qed tingħata lil kwistjonijiet marbuta mal-aċċess għall-ġustizzja u Mal-aċċess għal-liġi barranija.

    Bħalissa, in-Netwerk għandu 10 695 paġna ta’ skedi informattivi dwar il-liġi nazzjonali, li għas-sena 2014 iġġeneraw total ta’ 359 184 żjara tal-paġna (rata medja ta’ 29 932 żjara kull xahar). Dan żdied b’mod sinifikanti fl-2015 b’total ta’ 2 994 122 żjara tal-paġna (rata medja ta’ 249 510 kull xahar) wara li saru disponibbli skedi informattivi dwar is-suċċessjoni, il-medjazzjoni tal-familja, il-liġi applikabbli u t-talbiet għal manteniment u probabbilment minħabba l-kampanja ta’ komunikazzjoni speċifika mill-Kummissjoni wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 dwar is-Suċċessjonijiet mis-17 ta’ Awwissu 2015.

    Il-kontenut ta’ dawn il-paġni dwar liġijiet u proċeduri nazzjonali huwa mfassal fuq livell nazzjonali, ivverifikat u aġġornat b’mod regolari mill-maniġers tal-kontentut tal-Ġustizzja elettronika tan-Netwerk.

    Bħalissa hemm skedi informattivi disponibbli dwar is-suġġetti li ġejjin:

    • Ġuriżdizzjoni

    • Tressaq każ il-qorti

    • Ordni għal proċeduri għall-ħlas

    • Talbiet żgħar

    • Divorzju

    • Proċeduri għall-infurzar ta’ sentenza

    • Ġbir ta' provi

    • Miżuri proviżorji u kawtelatorji

    • Termini perentorji proċedurali

    • Użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni fi proċedimenti ġudizzjarji

    • Tneħħija legali ta' dritt ta' kustodja ta' wild

    • Talbiet għal manteniment

    • Responsabbiltà tal-ġenituri

    • Insolvenza

    • Suċċessjonijiet

    • Medjazzjoni tal-familja

    • Servizz ta' dokumenti

    • Liġi Applikabbli

    Għaddejja ħidma biex jitħejjew skedi informattivi dwar tliet suġġetti addizzjonali, jiġifieri l-imgħax statutorju, teħid ta’ evidenza u l-istrutturi nazzjonali tan-Netwerk. Rigward skedi informattivi, l-aġġornament regolari tagħhom, l-affidabbiltà u l-akkuratezza lingwistika għandha tiġi żgurata permezz ta’ għodod ta’ monitoraġġ li ġew stabbiliti permezz tal-portal tal-Ġustizzja elettronika Ewropea fis-sistema ta’ ġestjoni tal-kontenut.

    Qasam ieħor fejn in-Netwerk jista' jipprovdi appoġġ utli għall-awtoritajiet nazzjonali huwa l-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ vidjokonferenzjar transfruntieri bejn il-qrati.

    4.2.    Gwidi dwar strumenti tal-liġi tal-Unjoni

    Sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni effiċjenti ta’ strumenti tal-Unjoni, in-Netwerk ipproduċa gwidi taċ-ċittadini u tal-prattikanti, bl-għan li jippromwovu applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni f’materji ċivili u kummerċjali mill-qrati u minn operaturi oħrajn fil-qasam tal-ġustizzja. Dawn il-gwidi huma mmirati jew lejn iċ-ċittadini jew li l-qrati u l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja.

    Fil-perjodu 2009-2014, kienu prodotti l-gwidi segwenti:

    Gwidi għaċ-ċittadini

    Gwidi għall-prattikanti

    • Litigazzjoni Ċivili Transfruntiera fl-Unjoni Ewropea

    • Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili fl-Unjoni Ewropea

    • Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar

    • Applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa

    • Applikazzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar

    • Applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea

    • Applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Ordni Ewropea ta’ Infurzar

    Il-pubblikazzjonijiet huma disponibbli onlajn fi 23 lingwa fuq il-portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika 24 u fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea ta’ DĠ Ġustizzja u Konsumaturi jew mis-sit EU Bookshop. Skont ir-riżultati tal-istudju, il-pubblikazzjonijiet tan-Netwerk kienu kklassifikati pożittivamen minn dawk li wieġbu. Kważi 70 % minnhom indikaw li l-linji gwidi tal-prattikanti jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tagħhom. Waqt li 60 % ħassew li l-ħtiġijiet tagħhom huma ssodisfati mill-iskedi informattivi 25 .

    Madankollu, promozzjoni aħjar ta’ dawn il-gwidi tkun vallapena, pereżempju, f'avvenimenti għall-prattikanti, bħal avvenimenti ta’ taħriġ. Fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika, l-aċċessibbiltà tagħhom għandha tiġi ffaċilitata, u l-websajts kollha tal-istituzzjonijiet li għalihom jappartjenu l-membri tan-Netwerk għandhom jistabbilixxu ħoloq għall-gwidi.

    4.3.    Għodod oħra ta’ prattika

    In-Netwerk jinvolvi ruħu fi produzzjoni addizzjonali ta’ għodod prattiċi. Dawn huma żviluppati fuq l-inizjattiva ta’ punti ta’ kuntatt b’rispons għal ħtiġijiet speċifiċi identifikati wara esperjenza fl-applikazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni fl-oqsma ċivili u kummerċjali.

    Fil-perjodu 2009-2014, kienu segwiti it-tali inizzjattivi segwenti:

    Għodda

    Funzjonijiet

    Ġabra ta' statistika skont ir-Regolament Brussell IIa

    Mekkaniżmu ta' evalwazzjoni skont ir-Regolament Brussell IIa

    Formola dwar il-kalkolu mhux obbligatorju dwar arretrati ta' manteniment

    Tiffaċilita l-kalkolazzjoni ta’ arretrati ta’ manteniment;

    Gwida dwar il-forom ta’ manteniment

    Tiffaċilita l-mili ta' formoli skont ir-Regolament dwar l-Obbligi ta’ Manteniment;

    Nota mhux obbligatorji dwar l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni)

    Test standard mhux obbligatorju għall-qrati biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-dritt tagħhom li jikkontestaw il-ġuriżdizzjoni tal-qorti;

    5.    Viżibilità tan-Netwerk

    5.1.    Viżibilità fost l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u ċ-ċittadini

    In-Netwerk jista’ jkun ta’ suċċess biss fit-twettiq tal-potenzjal tiegħu jekk l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja jkunu jafu bl-eżistenza tiegħu u bl-għodod li joffri. Għalhekk, jeħtieġ li jittieħdu passi fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali biex tiżdied il-viżibbiltà tan-Netwerk b’mod ġenerali.

    Il-livell ta’ viżibbiltà tan-netwerk tiddependi l-aktar fuq l-istrutturi nazzjonali f’kull Stat Membru. Jista’ jiġi osservat li f’dawk l-Istati Membri fejn jeżisti netwerk nazzjonali formali, il-fluss tal-informazzjoni bejn il-partijiet kkonċernati kollha jidher li jaħdem aħjar li għandu effetti fuq viżibbiltà akbar tan-netwerk.

    Fil-laqgħa annwali tiegħu fi Frar 2015, in-Netwerk qabel li jagħti prijorità liż-żieda fil-viżibbiltà tan-netwerk mhux biss fost l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja iżda wkoll fost iċ-ċittadini. L-azzjonijiet għandhom ikunu marbuta mat-titjib fil-viżibbiltà tan-Netwerk fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika, li jżid il-preżenza tiegħu fuq siti web nazzjonali, fil-midja soċjali u fil-qrati u fost il-professjonijiet legali permezz ta' materjal stampat u onlajn. Fi Frar 2015, hashtagTwitter #EJNcivil ġie stabbilit mill-Kummissjoni li intużat biex jinxterdu r-riżultati miksuba min-Netwerk. Barra minn hekk, in-Netwerk dejjem kellu rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-Jum Ewropew tal-Ġustizzja u l-Istati Membri għandhom jużawh bħala forum biex jinbdew attivitajiet transfruntieri.

    F’dan il-kuntest, il-funzjonament trasparenti tan-Netwerk huwa importanti wkoll. L-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku dwar l-aġendi ta’ laqgħat u s-sommarji ta’ riżultati tal-laqgħa għandhom ikunu ta’ benefiċċju għan-Netwerk u dawk li jixtiequ jagħmlu użu minnu. Għandu jiġi nnutat, li l-funzjonijiet tan-Netwerk skont il-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li jagħmel disponibbli d-dokumenti tiegħu skont dawn id-dispożizzjonijiet.

    5.2.    Kuntatti ma’ netwerks oħra

    Sinerġiji ma’ netwerks oħra u organizzazzjonijiet intergovernattivi li jikkondividu l-objettivi tiegħu jgħinu lin-Netwerk biex iwettaq il-funzjonijiet u l-kompiti prinċipali tiegħu skont id-Deċiżjoni u huma previsti fl-Artikolu 12a(1) tad-Deċiżjoni.

    F'dan ir-rigward, in-Netwerk jikkopera man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (f'materji kriminali) 26 , in-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN - European Judicial Training Network) 27 u in-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net - European Consumer Centres Network) 28 . B’mod partikolari, in-Netwerk jikkopera mill-qrib mal-EJTN fl-inizjattivi tiegħu dwar taħriġ ġudizzjarju fuq l-istrumenti tal-UE fil-qasam tal-liġi ċivili u kummerċjali. Din il-kooperazzjoni sservi biex jikkondividu l-għarfien espert u biex permezz tan-Netwerk jiġu identifikati kwistjonijiet speċifiċi li dwarhom jista’ jiġi offrut taħriġ ġudizzjarju mill-EJTN.

    Fl-aħħarnet, il-kuntatti ma’ netwerks oħra, bħal Pariri tal-Ewropa Tiegħek 29 u SOLVIT għandhom jiġu żviluppati aktar. Dawn in-netwerks għandhom ikunu mistiedna meta fil-laqgħat ikunu diskussi suġġetti li dwarhom jistgħu jikkontribwixxu.

    6.    Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

    In-Netwerk ipprovda appoġġ sostanzjali għal kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva bejn l-Istati Membri f’materji ċivili u kummerċjali u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-membri tiegħu hija parti integrali mill-implimentazzjoni ta' kuljum tal-acquis tal-Unjoni fi kwistjonijiet ta’ ġustizzja ċivili. Barra minn hekk, emendi għad-Deċiżjoni introdotta fl-2009 ikkontribwixxew għal żvilupp pożittiv tan-Netwerk. In-Netwerk wera li jaħdem b’mod effettiv minkejja li fil-qafas legali eżistenti jista' jsir titjib fl-operazzjonijiet tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li ma hemmx għalfejn id-Deċiżjoni tiġi emendata.

    Madankollu, abbażi tal-inizjattivi li diġà għaddejjin, għad hemm oqsma fejn in-Netwerk għandu jiżviluppa aktar l-kapaċitajiet tiegħu biex jissodisfa r-responsabbiltà tiegħu li jiżgura l-applikazzjoni bla xkiel tal-istrumenti tal-Unjoni ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali. Il-Kummissjoni identifikat seba’ punti ewlenin għal aktar azzjoni għat-titjib tal-funzjonament tan-Netwerk:

    (1) F’konformità ma’ din id-Deċiżjoni u skont l-aħjar prattiki f’ċerti Stati Membri, il-punti ta’ kuntatt kollha għandhom jingħataw ir-riżorsi meħtieġa u appoġġ fil-livell nazzjonali, sabiex ikunu jistgħu effettivament jiffaċċjaw il-kompiti dejjem jiżdiedu li għandhom;

    (2) Waqt li jibnu fuq l-aqwa prassi f’għadd ta’ Stati Membri, in-netwerks għandhom jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri kollha, li jlaqqgħu flimkien lill-membri tan-netwerks nazzjonali, biex b'hekk tkun żgurata interazzjoni f’livell nazzjonali kif ukoll il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-ġbir tal-informazzjoni;

    (3) Għandha tkun żgurata integrazzjoni aktar b’saħħitha ta’ mħallfin u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn kif ukoll tal-professjonisti legali fl-attivitajiet kollha tan-Netwerk;

    (4) Sinerġji ma' netwerks Ewropej oħra li jfittxu li jilħqu għanijiet simili għandhom ikunu estiżi; 

    (5) Għandha tinkiseb aktar viżibbiltà tan-Netwerk, b’mod partikolari, abbażi tal-ħidma li għaddejja biex issaħħaħ il-preżenza tagħha u permezz ta’ taqsima ddedikata fil-portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika kif ukoll biex issaħħaħ il-preżenza tan-Netwerk fuq is-siti web nazzjonali tal-istituzzjonijiet li għalihom jappartjenu l-membri tan-Netwerk u billi tixxerred informazzjoni permezz tal-midja soċjali u kanali ta’ komunikazzjoni oħrajn;

    (6) Ir-rwol tan-Netwerk fl-evalwazzjoni sħiħa tal-istrumenti eżistenti għandu jiġi żviluppat aktar permezz tal-identifikazzjoni u l-ġbir ta’ dejta statistika ewlenija bbażata fuq mekkaniżmi nazzjonali għall-ġbir tad-dejta;

    (7) Il-Kummissjoni beħsiebha tivvaluta l-implikazzjonijiet finanzjarji u tekniċi għad-dħul fis-seħħ ta' għodda jew l-adattament ta’ għodda eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni elettronika għal komunikazzjoni sigura u r-reġistrazzjoni li għandha tintuża mill-punti ta' kuntatt;

    F’konformità mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Aġenda tal-Ġustizzja tal-UE għall-2020, u l-linji gwida strateġiċi tal-Kunsill Ewropew tas-26/27 ta’ Ġunju 2014, u skont l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni, ir-rapport li jmiss se jibni fuq is-sejbiet eżistenti u se jipprovdi evalwazzjoni sħiħa tal-impatt tal-attivitajiet tan-Netwerk.

    (1)

    Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku. Linji gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, Jean-Claude Juncker, Strasburgu, 15.7.2014, Kapitolu 7.

    (2)

    ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25

    (3)

    COM(2006)203 finali, 16.5.2006.

    (4)

    L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni

    (5)

    It-titoli I, II u III tad-Deċiżjoni

    (6)

    COM(2014) 144 finali, 11.3.2014, il-punt 4.1(v)

    (7)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (26/27.6.2014), il-punt 3

    (8)

      http://bookshop.europa.eu/en/evaluation-of-the-activities-of-the-european-judicial-network-in-civil-and- commercial-matters-pbDS0114824/?CatalogCategoryID=luYKABst3IwAAAEjxJEY4e5L

    (9)

    Id-Danimarka ma tipparteċipax fin-Netwerk iżda tista’ tieħu sehem bħala osservatur fil-laqgħat tan-Netwerk tagħha.

    (10)

    Dawn l-istrumenti tal-Unjoni jipprovdu għal awtoritajiet ċentrali: Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (“ir-Regolament ta’ Brussell IIa”), ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 dwar is-Servizz ta’ Dokumenti u r-Regolament (KE) Nru 4/2009 dwar l-Obbligi ta’ Manteniment. Ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili u kummerċjali jipprovdi għal korpi ċentrali.

    (11)

    L-istudju, p. 35

    (12)

    L-istudju, p. 39

    (13)

    L-istudju, p. 33

    (14)

    It-terminu “qorti” skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 ikopri mhux biss il-qrati fil-veru sens tal-kelma, li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll in-nutara jew l-uffiċċji tar-reġistru f’xi Stati Membri li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji.

    (15)

    Titolu II tad-Deċiżjoni

    (16)

    L-istudju, p. 45, 46.

    (17)

    L-istudju, p. 47.

    (18)

    L-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni.

    (19)

    Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern hija sistema ta’ komunikazzjoni elettronika f’ilsna differenti fuq l-internet li daħlet fis-seħħ bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012.

    (20)

    COM(2015) 215 finali

    (21)

    SWD(2015) 111 final, p. 43

    (22)

    L-Artikoli minn 14 sa 18 tad-Deċiżjoni.

    (23)

    ĠU C 182, 14.6.2014, p. 2

    (24)

     Il-pubblikazzjonijiet tan-netwerk huma disponibbli fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika: https://e-justice.europa.eu/content_ejn_s_publications-287-mt.do?init=true  

    (25)

    L-istudju, p. 51.

    (26)

     http://www.ejn-crimjust.europa.eu/ejn/

    (27)

      http://www.ejtn.eu  

    (28)

      http://ec.europa.eu/consumers/solving_consumer_disputes/non-judicial_redress/ecc-net/index_en.htm  

    (29)

      http://europa.eu/youreurope/advice

    Top