Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE0688

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd” (COM(2015) 669 final — 2015/0308 (COD)), “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Ewropa” (COM(2015) 673 final) u “L-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE” (COM(2015) 671 final — 2015/0310 (COD))

    ĠU C 303, 19.8.2016, p. 109–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 303/109


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd”

    (COM(2015) 669 final — 2015/0308 (COD)),

    “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Ewropa”

    (COM(2015) 673 final)

    u

    “L-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE”

    (COM(2015) 671 final — 2015/0310 (COD))

    (2016/C 303/15)

    Relatur:

    is-Sur Giuseppe IULIANO

    Korelatur:

    is-Sur Cristian PÎRVULESCU

    Nhar il-21 ta’ Jannar u l-4 ta’ Frar 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd”

    (COM(2015) 669 final — 2015/0308 (COD)),

    “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Ewropa”

    (COM(2015) 673 final)

    u

    “L-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE”

    (COM(2015) 671 final — 2015/0310 (COD)).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Mejju 2016.

    Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’133 vot favur u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE huwa ġeneralment favorevoli għall-emendi tar-regolamenti proposti mressqa mill-Kummissjoni iżda beħsiebu jagħmel numru ta’ osservazzjonijiet.

    1.2

    L-għeluq tal-fruntieri impost minn diversi Stati Membri huwa ta’ theddida serja għat-tħaddim tal-moviment liberu. L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb ta’ Schengen. Waqt is-sessjoni plenarja tiegħu tas-17 ta’ Frar 2016, il-KESE adotta riżoluzzjoni importanti (1) biex jiddefendi ż-żona ta’ Schengen, li fiha huwa talab lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiggarantixxu t-tħaddim tal-moviment liberu, kif ukoll il-konsolidazzjoni u t-tkabbir taż-żona ta’ Schengen.

    1.3

    Jeħtieġ li r-regoli ta’ Schengen jiġu applikati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha; għal dan il-għan, ser ikun meħtieġ li jiġu adottati miżuri ġodda li jkunu legalment vinkolanti. Madankollu, il-KESE ma jaqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kontrolli sistematiċi u obbligatorji għaċ-ċittadini tal-UE fil-fruntieri esterni taż-żona ta’ Schengen, inkwantu din id-dispożizzjoni tillimita t-tħaddim ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali.

    1.4

    Biex ikun iggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ Schengen, jeħtieġ li l-fruntieri esterni, li huma l-fruntieri komuni, jiġu ġestiti b’mod kondiviż bejn l-UE u l-Istati Membri. Il-KESE kien l-ewwel istituzzjoni li pproponiet il-ħolqien ta’ gwardja Ewropea tal-fruntiera.

    1.5

    Il-proposta li jissaħħaħ il-mandat tal-Frontex billi din l-aġenzija tiġi pprovduta b’timijiet ġodda u kontinġent ta’ intervent rapidu ta’ 1 500 aġent u espert trid tkun akkumpanjata minn titjib fit-trasparenza fir-rigward tal-governanza tagħha, l-azzjonijiet tagħha u l-kapaċità tagħha li tagħti rendikont.

    1.6

    Jeħtieġ li tittejjeb il-kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Frontex u l-awtoritajiet nazzjonali. L-Aġenzija għandha ssaħħaħ iċ-ċentru ta’ analiżi tar-riskji u għal dan il-għan hija tkun tista’ tiskjera uffiċjali ta’ kollegament fl-Istati Membri u jkollha mandat li jawtorizzaha tivvaluta l-kapaċità operattiva u r-riżorsi disponibbli. Hija r-responsabbiltà tal-UE li tiżgura li l-Istati Membri jikkooperaw fl-operazzjonijiet li l-Aġenzija twettaq fil-fruntieri.

    1.7

    Id-dritt tal-Aġenzija li tintervjeni anki jekk l-Istat Membru involut ma jitlobx għajnuna hija l-aktar miżura sensittiva fil-proposta tal-Kummissjoni. Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi dwar intervent tal-Aġenzija fil-fruntieri esterni, iżda biss f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u skont proċedura trasparenti li tipprevedi li l-leġislaturi Ewropej (il-Parlament u l-Kunsill) jiġu infurmati minnufih.

    1.8

    Jeħtieġ li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn id-diversi aġenziji u istituzzjonijiet li huma kompetenti fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri, tas-sorveljanza tal-kosta, tas-sigurtà marittima, tas-salvataġġ fuq il-baħar, tad-dwana u tas-sajd. Madankollu, għandu jiġi żgurat li dawn il-korpi jżommu l-integralità tal-missjonijiet rispettivi tagħhom. F'dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li r-regolament jirreferi għal “gwardja Ewropea tal-fruntiera” u li jitneħħa l-kliem “tal-kosta” (2).

    1.9

    Jeħtieġ li l-kontroll tal-fruntieri ma jiġix “militarizzat”. Il-gwardja tal-fruntiera mgħandux ikollha natura militari iżda ta’ pulizija ċivili.

    1.10

    Meta persuni jkunu f’sitwazzjoni ta’ riskju għal ħajjithom jew għas-sigurtà tagħhom fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, kemm dawk marittimi kif ukoll dawk tal-art, l-ewwel obbligu tal-gwardja tal-fruntiera u ta’ korpi oħrajn li jaħdmu fuq il-post huwa li jsalvawhom u jgħinuhom kif ikun xieraq. Il-KESE jinnota li matul dawn l-aħħar xhur, ħafna persuni spostati minħabba xi kunflitt fil-qrib mietu mal-kosti tal-UE jew fil-fruntieri tagħha mingħajr ma l-awtoritajiet implimentaw l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ u ta’ protezzjoni li kienu meħtieġa.

    1.11

    Il-KESE jemmen li jkun ta' benefiċċju għall-proposta tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni jekk tiġi adottata b’mod parallel ma’ reviżjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Il-kriżi attwali tirrifletti n-nuqqas ta’ kapaċità tal-UE li timplimenta s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u li tagħti protezzjoni xierqa lill-mijiet ta’ persuni spostati u tal-persuni li jfittxu ażil fil-fruntieri tagħna. Ċerti gvernijiet irrifjutaw il-proposti tal-Kummissjoni u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni u rrifjutaw li jirrispettaw l-obbligi tagħhom taħt it-Trattat u d-dritt internazzjonali.

    1.12

    Il-KESE jenfasizza li f’diversi okkażjonijiet, l-awtoritajiet inkarigati mill-fruntieri ma rrispettawx il-prinċipju ta’ non-refoulement li jidher espressament fid-dritt internazzjonali dwar l-ażil u fit-Trattat. Huwa jirrakkomanda, fil-qafas tas-sistema integrata l-ġdida tal-fruntieri esterni, li jittejbu l-garanziji li d-drittijiet tal-Bniedem jiġu rrispettati.

    1.13

    Biex jikkollabora mal-Aġenzija f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-KESE jipproponi li jkollu rappreżentant fost il-membri tal-forum konsultattiv iddedikat għal dan is-suġġett. Huwa jressaq ukoll il-proposta li jissaħħu s-setgħat tal-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali b’mod li jkun jista’ jaġixxi fuq inizijattiva proprja, kif ukoll li jiġi implimentat il-mekkaniżmu ta’ rimedju li ġie propost mill-Ombudsman Ewropew.

    1.14

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni fuq is-sitwazzjoni ta’ abbandun u ta’ nuqqas ta’ protezzjoni li bħalissa qegħdin isofru minnha, ġewwa l-UE, l-eluf ta’ barranin minuri mhux akkumpanjati li qegħdin jaslu fit-territorju tagħna wara li ġew spostati minħabba l-kunflitti u jissuġġerixxi lill-Kummissjoni biex tniedi miżuri urġenti ta’ protezzjoni għalihom.

    2.   Sfond

    2.1

    Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 stabbilixxa Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX).

    2.2

    Il-KESE fassal Opinjoni (3) dwar dan it-test, li fiha laqa’ l-istabbiliment tal-FRONTEX, filwaqt li fakkar li jeħtieġ li jiġi ggarantit, fil-fruntieri tal-Unjoni, ir-rispett tad-dritt tal-ażil (il-prinċipju tan-non-refoulement) u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

    2.3

    Ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 imbagħad stabbilixxa mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri u emenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 fir-rigward ta’ dak il-mekkaniżmu u rregola l-kompiti u l-poteri ta’ uffiċjali mistiedna. Skont l-emenda għal dan ir-Regolament, Stat Membru jista’ jitlob li fit-territorju tiegħu, bħala parti mill-Aġenzija, jiġu skjerati timijiet ta’ intervent rapidu fil-fruntieri, li jikkonsistu f’esperti mħarrġin apposta minn Stati Membri oħrajn.

    2.4

    Il-KESE fassal Opinjoni (4) fejn esprima li kien favur l-aġġornament tar-Regolament. Madankollu wissa rigward il-ħtieġa ta’ protezzjoni akbar tad-drittijiet tal-Bniedem u d-dritt għall-ażil. Ħareġ ukoll twissija dwar il-periklu li l-attivitajiet marbuta mas-sorveljanza u l-kontroll tal-fruntieri esterni jiġu “militarizzati”.

    2.5

    Id-Direttiva 2008/115/KE, magħrufa bħala d-“Direttiva dwar ir-Ritorn”, stabbilixxiet standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment “skont id-drittijiet fundamentali […] inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”.

    2.6

    L-aħħar emenda għal FRONTEX saret f’Ottubru 2011 u fetħet it-triq għal definizzjoni tal-kontroll tal-fruntieri bħala responsabbiltà kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri u għall-istabbiliment ta’ ġestjoni integrata. Bdew jiffurmaw timijiet Ewropej ta’ gwardji tal-fruntiera iżda hija dejjem ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru li jitlob l-għajnuna tal-Aġenzija. Ir-rwol tal-FRONTEX fl-operazzjonijiet ta’ ritorn issaħħaħ ukoll u sar xi titjib ukoll f’dak li jirrigwarda l-mandat tagħha għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    3.   Proposta tal-Kummissjoni: Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri esterni tal-Ewropa

    3.1

    Il-proposta mressqa mill-Kummissjoni li toħloq gwardja Ewropea tal-fruntiera u tal-kosta tifforma parti mill-miżuri previsti mill-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni biex tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u s-sigurtà tagħhom u tissodisfa l-ħtieġa ta’ kontrolli msaħħa fil-fruntieri esterni tal-UE, skont is-sejħa li saret mill-Ministri tal-Intern fl-20 ta’ Novembru 2015 (5).

    3.2

    Dan il-korp ser jiġbor fih l-Aġenzija Ewropea tal-gwardja tal-fruntiera u tal-kosta, magħmula mill-FRONTEX, u l-awtoritajiet inkarigati mill-ġestjoni tal-fruntieri tal-Istati Membri, li sejrin ikomplu jamministraw il-ġestjoni tagħhom ta’ kuljum.

    3.3

    Il-korp il-ġdid Ewropew ta’ gwardji tal-fruntieri u tal-kosta ser ikollu riżerva ta’ intervent rapidu magħmula minn 1 500 aġent u espert, li jistgħu jkunu skjerati f’inqas minn tlett ijiem, u minn stokk ta’ tagħmir tekniku, ser ikollu funzjoni ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza u d-dritt li jintervjeni, ser iwettaq attività ta’ sorveljanza tal-kosta u mandat biex jopera fil-pajjiżi terzi, ser jiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà interna u ser ikollu rwol aktar deċiżiv f’dak li jirrigwarda r-ritorn. F’dak li jirrigwarda r-ritorn, dokument tal-ivvjaġġar Ewropew standardizzat ser jiggarantixxi li l-persuni soġġetti għalih jiġu aċċettati aktar mill-pajjiżi terzi.

    3.4

    Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ukoll miżuri oħrajn għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni u għall-ħarsien taż-żona ta’ Schengen li mgħandhiex fruntieri interni. Biex tkompli ssaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej, hija tipproponi li timplimenta kontrolli sistematiċi tal-persuni kollha li jidħlu fiż-żona ta’ Schengen jew joħorġu minnha, permezz ta’ konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data rilevanti. Il-proposti ser jikkontribwixxu għall-ġestjoni tal-fluss migratorju b’mod aktar effiċjenti, itejbu s-sigurtà interna tal-UE u jissalvagwardjaw il-prinċipju taċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni.

    3.5

    Il-Kummissjoni tipproponi emenda mmirata tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen bl-għan li tistabbilixxi obbligi ta’ kontrolli sistematiċi għaċ-ċittadini tal-UE fil-fruntieri esterni kollha fuq l-art, fuq il-baħar u fl-ajru, billi tikkonsulta l-bażijiet tad-data bħas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen, il-bażi tad-data tal-Interpol dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa jew mitlufa, jew inkella s-sistemi nazzjonali rilevanti. Il-proposta tinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li tiġi kkontrollata d-data bijometrika tal-passaporti taċ-ċittadini tal-UE, meta jkun hemm dubju dwar l-awtentiċità tal-passaport jew dwar il-leġittimità tad-detentur tiegħu. Minn issa ’l quddiem, il-kontrolli ser ikunu wkoll obbligatorji mal-ħruġ mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    Waqt il-laqgħa tal-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni (6) li sar fis-26 u s-27 ta’ Jannar 2015, is-soċjetà ċivili, mistiedna mill-Kummissjoni u mill-KESE, iddiskutiet mal-istituzzjonijiet Ewropej dwar is-sitwazzjoni ta’ emerġenza umanitarja fil-Mediterran u dwar il-wasla ta’ flussi komposti, magħmulin minn immigranti ekonomiċi u minn persuni li jfittxu l-ażil. Abbażi tal-konklużjonijiet tal-Forum, il-Kummissjoni adottat diversi inizjattivi li jtejbu l-politiki dwar l-ażil u l-fruntieri. Il-KESE madankollu jiddispjaċih li l-Kunsill ma kkunsidrax dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, ħafna mill-problemi attwali setgħu ġew evitati kieku r-rakkomandazzjonijiet tagħhom ġew implimentati.

    4.2

    Il-kriżi attwali turi b’mod ċar il-limiti tal-mudell ta’ ġestjoni tal-fruntieri esterni u n-nuqqas ta’ adegwatezza tal-mandat li l-FRONTEX għandha llum. F’diversi Opinjonijiet tiegħu (7), il-KESE ippropona li l-fruntieri esterni taż-żona ta’ Schengen jitqiesu mill-UE bħala fruntieri komuni u li għalhekk, il-ġestjoni tagħhom taqa’ taħt ir-responsabbiltà kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri.

    4.3

    Il-KESE kien l-ewwel istituzzjoni li pproponiet il-ħolqien ta’ gwardja Ewropea tal-fruntiera. Bl-istess mod, huwa fassal proposti (8) biex jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-qafas tal-kontrolli fil-fruntieri u l-politika ta’ ritorn.

    4.4

    Il-KESE jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tibbenefika jekk tiġi adottata b’mod parallel ma’ reviżjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. L-influss enormi ta’ persuni spostati fil-fruntieri esterni ta’ ċerti pajjiżi bħalissa jaqbeż il-kapaċità ta’ azzjoni ta’ dawn l-Istati u jiżvela b’mod ċar li s-sistema ta’ Dublin ma taħdimx għall-ġestjoni tal-wasla ta’ massa ta’ persuni spostati u li jfittxu l-ażil. Jeħtieġ li r-responsabbiltajiet ikunu kondiviżi u ġestiti b’mod solidari. Il-Kumitat qed iressaq il-proposti li ġejjin:

    4.4.1

    li l-UE tapplika l-pjan ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza u tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni permanenti, kif approvati fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Settembru 2015,

    4.4.2

    li jissaħħu l-programmi ta’ risistemazzjoni għat-trasferiment tar-refuġjati minn barra l-UE u s-sistemazzjoni tagħhom fl-Unjoni, bil-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati,

    4.4.3

    li jitniedu programmi ġodda ta’ rilokazzjoni fi ħdan l-UE, bil-provvista ta’ inċentivi finanzjarji għal dawk l-Istati Membri li jidħlu fihom. Il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni għandu jkun permanenti u effettiv u bbażat fuq formula ta’ distribuzzjoni.

    4.4.4

    Il-KESE diġà stqarr f’okkażjonijiet oħrajn (9) li s-sistema ta’ Dublin għandha tkun emendata u sostitwita minn sistema li tiżgura s-solidarjetà fi ħdan l-UE, tikkunsidra x-xewqat ta’ dawk li jfittxu l-ażil, u tiggarantixxi tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri.

    4.5

    Il-proposta tal-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija f’dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-Kumitat ifakkar:

    4.5.1

    li l-proċedura amministrattiva ta’ tkeċċija għandha tkun individwali u li kull persuna li tkun soġġetta għaliha għandha tkun tista’ tressaq il-kummenti tagħha lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji,

    4.5.2

    li l-Karta tipprojbixxi espressament it-tkeċċijiet kollettivi u tiżgura li “ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew ikun estradit lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti” (il-prinċipju tan-non-refoulement).

    4.5.3

    Il-Kumitat diġà stqarr (10) li l-UE m’għandhiex tikkunsidra lit-Turkija bħala pajjiż bla periklu fil-qasam tal-ażil. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u diversi NGOs, billi ddikjaraw li “r-refuġjati jkollhom bżonn protezzjoni aktar milli ta’ refoulement”, innotaw li l-ftehim reċenti bejn l-UE u t-Turkija ma jirrispettax bis-sħiħ il-liġi internazzjonali fil-qasam tal-ażil (11). Id-deċiżjoni tal-Maċedonja li jagħlaq il-fruntieri tiegħu għar-refuġjati jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt għall-ażil.

    4.6

    Il-KESE huwa sodisfatt li ġew stabbiliti, fil-qasam tar-riforma tar-Regolament FRONTEX ta’ Ottubru 2011, il-forum konsultattiv dwar id-drittijiet fundamentali u l-kariga ta’ uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u li xi wħud mill-proposti li kien għamel (12) favur il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni ġew ikkunsidrati fil-proposta ta’ regolament ġdid.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1

    Il-KESE jirrakkomanda approċċ li jkun kemm integrat kif ukoll preventiv, li jiffoka fuq l-analiżi attenta tad-data dwar il-mobilità fil-fruntieri tal-Unjoni u li jkun kapaċi jbassar minn qabel fejn u meta l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jeħtieġu l-għajnuna. Bl-istess mod, jeħtieġ li jiġi żviluppat sett ta’ linji gwida u ta’ indikaturi li jistgħu jirriflettu sa liema punt din is-sistema integrata tissodisfa l-missjoni kumplessa li ġiet attribwita lilha. L-esperjenza tas-sistema ta’ Schengen u l-proċeduri ta’ valutazzjoni li jirrigwardawha huma rilevanti biex jinbena mekkaniżmu simili ta’ ġestjoni tal-informazzjoni u tal-miżuri operattivi.

    5.2

    Rigward id-deċiżjonijiet li jorbtu lill-Aġenzija u d-dritt tagħha li tintervjeni, il-KESE, waqt li jqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma essenzjali, iqis li jeħtieġ li l-UE tuża l-mezzi kollha meħtieġa biex tiżgura li l-Istati Membri jikkooperaw fi kwalunkwe operazzjoni mnedija mill-istess Aġenzija fuq il-fruntieri. Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi dwar intervent tal-Aġenzija fil-fruntieri esterni, iżda biss f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u skont proċedura trasparenti li tipprevedi li l-leġislaturi Ewropej (il-Parlament u l-Kunsill) jiġu infurmati minnufih. Din hija dimensjoni essenzjali għas-suċċess ta’ approċċ integrat u koordinat għall-ġestjoni tal-fruntieri, li għandha tkun akkumpanjata minn titjib fit-trasparenza u konsolidazzjoni tal-kapaċità tagħja li tagħti rendikont dwar il-governanza u l-azzjonijiet tagħha.

    5.3

    Il-KESE jikkunsidra li jeħtieġ li jiżdied il-livell ta’ koordinazzjoni bejn id-diversi aġenziji li għandhom responsabbiltajiet ta’ sorveljanza tal-kosti, ta’ kontroll tal-fruntieri, ta’ dwana, ta’ sigurtà marittima, ta’ tiftix u salvataġġ fuq il-baħar, ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-sajd. Huwa possibbli li tiġi evitata d-duplikazzjoni u li jiġu ffrankati l-flus, tal-inqas fil-livell tal-baġit tal-Unjoni. Madankollu, għandna niżguraw li d-diversi aġenziji u istituzzjonijiet iżommu l-kompiti rispettivi tagħhom kollha u jevitaw li jkunu soġġetti għal sovrastruttura li jkollha l-għan tas-sigurtà.

    5.4

    Il-KESE jilqa’ l-proposta li tinħoloq Gwardja tal-Fruntiera, magħmula minn 1 500 espert (pulizija tal-fruntieri). Id-daqs ta’ dan il-korp jista’ jinbidel maż-żmien, skont il-ħtieġa. Il-ħeffa li biha dawn il-gwardji tal-fruntiera ser jintbagħtu fiż-żoni tal-fruntieri u l-mod kif ser jikkollaboraw mal-kontropartijiet tagħhom huma fatturi importanti.

    5.5

    Aspett ieħor essenzjali tat-tħejjija operattiva tagħhom huwa dak tat-taħriġ. Il-KESE jikkunsidra li jeħtieġ li jitħarrġu kemm il-gwardji tal-fruntieri tal-korp Ewropew kif ukoll dawk tal-Istati Membri. L-Aġenzija għandha tassumi rwol ewlieni fit-taħriġ u fit-trasferiment ta’ prattiki tajba bejn il-gwardji tal-fruntieri tal-Istati Membri kollha. Waqt il-programmi ta’ taħriġ, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għad-drittijiet fundamentali, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-gwardji tal-fruntiera huma l-ewwel persuni ta’ kuntatt li jiltaqgħu magħhom ir-refuġjati u l-immigranti, li jkunu fi stat ta’ vulnerabbiltà kbira.

    5.6

    Huwa pożittiv li l-Aġenzija tieħu sehem fl-operazzjonijiet ta’ ritorn. Minħabba l-attenzjoni li ser tingħata fil-futur din il-politika, huwa possibbli li r-riżorsi li ser jingħataw lill-Aġenzija ser ikunu insuffiċjenti. Fil-formulazzjoni tal-Komunikazzjoni bħal fil-livell operattiv, jeħtieġ ukoll li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li taħthom l-Aġenzija ser tipparteċipa fl-attivitajiet ta’ ritorn, b’mod partikolari meta hija tniedi operazzjonijiet fuq inizjattiva proprja. Bl-istess mod, l-Aġenzija għandha tassigura li tipparteċipa f’operazzjonijiet ta’ ritorn li jsiru f’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati (13).

    5.7

    L-Aġenzija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti biex tiżgura kondizzjonijiet ta’ akkoljenza xierqa għall-persuni soġġetti għal ritorn, inkluż fir-rigward tas-sigurtà tagħhom. Il-KESE jqis li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa prerekwiżit għall-iffirmar tal-ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi u jirrifjuta li l-Istati Membri jew l-UE kollha jiffirmaw ftehimiet ta’ ritorn ma’ pajjiżi li ma rratifikawx l-istrumenti internazzjonali ewlenin ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jew kisruhom b’mod sistematiku (14).

    5.8

    Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prijorità għall-Aġenzija. Dawn japplikaw għal kulħadd u mhux biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-persuni li jfittxu l-ażil u l-immigranti huma mħarsa mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (15). B’mod aktar speċifiku, il-KESE huwa mħasseb dwar dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-operazzjonijiet li jseħħu fil-pajjiżi terzi, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni waqt l-operazzjonijiet ta’ kontroll fid-daħla tat-territorju tal-Unjoni, it-tkeċċijiet kollettivi u dawk tal-immigranti u tal-persuni li jfittxu l-ażil lejn pajjiżi li jiksru d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-protezzjoni ta’ persuni partikolarment vulnerabbli, bħan-nisa u l-minorenni mhux akkumpanjati.

    5.9

    Biex ikun żgurat li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tgawdi mill-attenzjoni u mill-appoġġ xierqa, il-KESE jipproponi li jgħin lill-Aġenzija billi jkun rappreżentat fi ħdan il-forum konsultattiv dwar id-drittijiet fundamentali. Jirrakkomanda wkoll li l-Aġenzija tkun miftuħa għal valutazzjonijiet indipendenti tal-proċeduri tagħha u tal-operazzjonijiet li tniedi. F’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni interna tagħha, huwa jidhirlu li jkun biżżejjed li jiġi nominat uffiċjal responsabbli mid-drittijiet fundamentali, diment li jkollu struttura ta’ ħidma qawwija, kif ukoll responsabbiltajiet u riżorsi kbar.

    5.10

    Il-KESE huwa favur il-ħolqien, fil-fehma tiegħu neċessarju, ta’ dokument Ewropew ġdid tal-ivvjaġġar, imfassal għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u użat fl-operazzjonijiet ta’ ritorn li jirrigwardawhom.

    5.11

    Il-KESE jqis li l-Kodiċi Schengen jista’ jinbidel, diment li jsiru l-isforzi meħtieġa biex il-kontrolli applikati għaċ-ċittadini tal-Unjoni, kemm jekk jappartjenu għaż-żona ta’ Schengen kif ukoll jekk le, ma jfixklux il-mobilità tagħhom, li hija waħda mil-libertajiet essenzjali tagħhom. Ġeneralizzazzjoni ta’ dawn il-kontrolli, magħmulin b’mezzi teknoloġiċi ftit jew wisq avvanzati, tista’ tikkomprometti l-vijabbiltà tas-sistema ta’ Schengen.

    5.12

    Il-KESE għandu l-intenzjoni li jafferma mill-ġdid il-ħtieġa tal-ftuħ għas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha u fil-kuntest tal-attivitajiet kollha. Huwa jfakkar li r-rwol tas-soċjetà ċivili u taċ-ċittadini kien fundamentali biex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tkun aktar gravi mill-aspett umanitarju, kemm fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri kif ukoll fit-territorji rispettivi tagħhom. Huwa jemmen li l-għajnuna mogħtija lis-soċjetà ċivili hija prijorità, meta wieħed iqis li din tagħmel sforz biex tgħin f’sitwazzjonijiet estremi anki meta r-riżorsi tagħha huma limitati ħafna.

    Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 1

    (2)  ĠU C 177, 18.5.2016, p. 57.

    (3)  ĠU C 108, 30.4.2004, p. 97 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (4)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162.

    (5)  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/11/20-jha-conclusions-counter-terrorism/

    (6)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-european-migration-forum-1

    (7)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 1, ĠU C 458, 19.12.2014, p. 7, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162.

    (8)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29.

    (9)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 1.

    (10)  ĠU C 71, 24.2.2016, p. 82.

    (11)  http://www.unhcr.fr/cgi-bin/texis/vtx/search?page=search&docid=56efa45ec&query=position sur l'accord

    (12)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

    (13)  L-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprevedi espressament li “ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew ikun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.

    (14)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

    (15)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


    Top