Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE0622

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima” [COM(2015) 667 final – 2015/0313 (COD)]

    ĠU C 177, 18.5.2016, p. 57–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 177/57


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima”

    [COM(2015) 667 final – 2015/0313 (COD)]

    (2016/C 177/10)

    Relatur:

    is-Sur Jan SIMONS

    Nhar is-27 ta’ Jannar u l-21 ta’ Jannar 2016 rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà”

    [COM(2015) 667 final – 2015/0313 (COD)].

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Marzu 2016.

    Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-16 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’175 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (EMSA), peress li din tagħmel parti minn approċċ usa’ li l-fruntieri marittimi esterni jiġu mmonitorjati b’mod aktar effettiv milli sar fil-passat.

    1.2.

    Madankollu, skont ir-riżoluzzjonijiet li l-Kumitat adotta f’Settembru u f’Diċembru 2015 dwar il-wasla ta’ għadd enormi ta’ refuġjati, għal darb’oħra jenfasizza li hemm bżonn urġenti li jiġu implimentati l-miżuri proposti. Is-sitwazzjoni fejn il-fluss ta’ refuġjati tkompli tieħu l-ħajjiet fil-baħar, l-influss illegali ta’ migranti jippersisti u l-Istati Membri jieħdu azzjoni unilaterali billi jintroduċu kontrolli permanenti fil-fruntieri ma tistax u m’għandhiex titħalla titkompla.

    1.3.

    Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li jitneħħa t-terminu “Gwardja tal-Kosta” mit-titolu u l-kontenut tal-abbozz ta’ regolamenti u t-titlu jsir “Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera”. L-aġenzija għall-gwardja tal-fruntiera tappoġġja wieħed biss mill-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, filwaqt li ħafna oħrajn diġà huma appoġġjati mill-EMSA. L-użu tat-terminu “u Gwardja tal-Kosta” fl-isem tal-aġenzija għall-gwardja tal-fruntieri kważi ċertament ser iwassal għal konfużjoni bla bżonn u jista’ jwassal għal duplikazzjoni ta’ attivitajiet.

    1.4.

    Il-Kumitat jilqa’ l-proposta li jiġu estiżi l-attivitajiet tal-EMSA, aġenzija li f’dawn l-aħħar snin tat kontribut effettiv biex ittejjeb is-sikurezza marittima u tipprevjeni kif ukoll tindirizza t-tniġġis minn vapuri. Madankollu għandu dubji serji dwar jekk l-EMSA, bir-riżorsi umani u finanzjarji tagħha, tistax twettaq sew il-kompiti addizzjonali tagħha.

    1.5.

    Huwa ta’ tħassib il-fatt li dgħajjes żgħar tal-injam jew tal-lastku ma jistgħux, jew mhux faċilment, jiġu ttraċċati permezz tal-immaġni tas-satellita. Il-Kummissjoni tqis li l-użu ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (Remotely Piloted Aircraft Systems (RPAS); jissejħu wkoll droni) jista’ jegħleb din il-limitazzjoni. Il-KESE jilqa’ dan għax jippermetti sorveljanza kompleta, fost affarijiet oħra, sabiex jiġi evitat telf ta’ ħajjiet.

    1.6.

    Il-Kumitat jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li l-Istati Membri qegħdin jintroduċu kontrolli permanenti tal-fruntieri li, skont ir-riċerka, iwasslu għal spejjeż konsiderevoli. Fil-fehma tiegħu, sistema kosteffiċjenti u effikaċi ta’ sorveljanza tal-kosta tfisser li l-Istati Membri jabbandunaw il-kontrolli permanenti u tippermetti li s-sistema tax-Schengen terġa’ tiġi għal li kienet.

    1.7.

    Fil-fehma tal-Kumitat, kooperazzjoni intensiva u skambju ta’ informazzjoni bejn it-tliet aġenziji tal-UE in kwistjoni, u bejniethom u bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-kompiti tas-sorveljanza tal-kosta għandhom iwasslu għal sistema effiċjenti u effettiva ta’ sorveljanza tal-kosta. Madankollu, il-Kumitat jappella biex tittieħed deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr. Il-problemi huma wisq urġenti biex jitħalla jgħaddi ħafna żmien.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    Fil-15 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (COM(2015) 667 finali) u l-Kunsill u l-Parlament Ewropew imbagħad talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex ifassal opinjoni dwar is-suġġett, b’konformità mal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    2.2.

    Il-Kumitat huwa kuntent jagħmel dan peress li skontu, il-proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 hija pass kbir ‘il quddiem sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tas-servizzi tal-kontroll tal-fruntieri tal-kosta u jitjiebu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji rilevanti tal-UE, biex jinkisbu s-sinerġiji sabiex l-operat tagħhom ikun aktar effiċjenti u kosteffettiv. B’dan il-mod, l-aġenziji tal-UE jkunu jistgħu jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali responsabblimis-sorveljanza tal-fruntieri u tal-kosta b’informazzjoni ta’ kwalità għolja u kosteffettiva.

    2.3.

    Dan huwa neċessarju b’mod urġenti peress li, skont il-Kummissjoni, hemm aktar minn 300 awtorità ċivili u militari fl-Istati Membri li huma responsabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta f’oqsma bħas-sigurtà marittima, kontroll tal-fruntieri, kontroll tas-sajd, kontroll tad-dwana, protezzjoni tal-ambjent, eċċ.

    2.4.

    Biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, dawn l-awtoritajiet nazzjonali huma appoġġjati minn għadd ta’ aġenziji tal-UE, inklużi l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (magħrufa wkoll bħala Frontex), l-EMSA u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA).

    2.5.

    Din il-proposta leġislattiva hija parti minn sett ta’ miżuri proposti mill-Kummissjoni sabiex “tissaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-Ewropa, inkluża l-koperazzjoni Ewropea fil-funzjoni tal-gwardja tal-kosta”. Il-proposti l-oħrajn jikkonċernaw ir-Regolament li jistabbilixxi “l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta” u emenda għar-Regolament (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, simili għall-proposta preżenti.

    2.6.

    Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni relatata dwar “Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta u l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Ewropa” (COM(2015) 673 final), hemm indikat li l-proposti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq l-għadd kbir ta’ qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-UE.

    2.7.

    Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2015) 673 final, l-ewwel parti u n-nota f’qiegħ il-paġna nru 1), minn Jannar sa Novembru 2015 kien hemm aktar minn 1,5 miljun qsim irregolari tal-fruntieri esterni tal-UE, b’tali mod li flussi ta’ refuġjati u ta’ migranti komplew il-vjaġġ tagħhom fl-UE mingħajr ma ġew identifikati u rreġistrati.

    2.8.

    B’riżultat ta’ dan, il-Ftehim ta’ Schengen kien taħt pressjoni. Xi Stati Membri għażlu li temporanjament jerġgħu jdaħħlu l-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom – sitwazzjoni li ma tistax tkompli fit-tul.

    2.9.

    Studju reċenti ħafna mit-think tank tal-Gvern Franċiż Stratégie juri li l-użu mill-ġdid tax-Schengen jista’ jwassal għal dannu ekonomiku ta’ EUR 100 biljun. Fuq perjodu twil, il-kummerċ bejn is-26 pajjiż tax-Schengen jista’ jonqos b’10 % sa 20 %, u l-prodott gross nazzjonali tal-Istati Schengen jista’ jonqos b’0,8 %.

    2.10.

    Fil-Komunikazzjoni ta’ Mejju 2015 dwar il-migrazzjoni (COM(2015) 240 final), il-Kummissjoni indikat li jeħtieġ li tiġi stabbilita ġestjoni kondiviża tal-fruntieri esterni, f’konformità mal-Artikolu 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    2.11.

    Barra minn hekk, il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker ħabbar, waqt id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2015, li sal-aħħar tal-2015 ser jippreżenta proposti għal “sistema Ewropea kompletament operazzjonali ta’ gwardja tal-fruntieri u tal-kosta”. Fil-fatt huwa għamel hekk fil-15 ta’ Diċembru 2015. Din il-Komunikazzjoni hija waħda minn dawn il-proposti.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kriżi attwali tar-refuġjati, adottata fis-16 ta’ Settembru 2015, il-Kumitat insista li l-Ewropa għandha terfa’ r-responsabbiltà tagħha fir-rigward tal-fluss massiv ta’ refuġjati u tieħu azzjoni kollettiva u immedjata.

    3.2.

    Fl-istess riżoluzzjoni, il-Kumitat esprima tħassib li l-Ftehim ta’ Schengen u l-moviment liberu ta’ persuni u oġġetti kienu qegħdin jiġu kompromessi. Dan reġa’ ġie enfasizzat fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-refuġjati adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015, li ddikjarat li “Huwa importanti li l-fruntieri esterni tal-pajjiżi Schengen ikollhom sigurtà adegwata. Madankollu, it-tqegħid mill-ġdid tal-barrikati interni u l-bini ta’ ħitan m’huma se jagħmlu xejn biex jgħaqqdu liċ-ċittadini tal-UE jew biex irawmu ċ-ċittadinanza tal-UE”.

    3.3.

    Fil-fehma tal-Kumitat, huwa essenzjalment importanti li tittieħed azzjoni malajr sabiex titjieb il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri, inkluża s-sorveljanza tal-fruntieri tal-kosta. Għalhekk, huwa jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, u b’mod partikolari japprova l-idea, iżda mhux il-proposta kif inhi bħalissa, li tiġi stabbilita Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, abbażi ta’ Frontex, li għandha taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA).

    3.4.

    Fil-fatt, il-Kumitat ma jifhimx għalfejn il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Frontex “ġdida” tirreferi għall-“gwardja tal-kosta”. Pereżempju, l-EMSA diġà żviluppat diversi sistemi uniċi ta’ informazzjoni relatata mal-marittima u kisbet esperjenza fihom, u skont il-proposti tal-Kummissjoni, ser tingħata wkoll kompiti addizzjonali f’dan il-qasam fil-futur.

    3.5.

    Skont l-esperti f’dan il-qasam, dan jista’ jiġi konkluż mill-proposti tal-baġit. Pereżempju, jista’ jiġi konkluż mid-data finanzjarja, li l-EMSA ser tikri servizzi tal-RPAS (droni), li ser iżidu livell supplementari ta’ data lis-sistema tal-EMSA li jkun ikopri aktar mis-sempliċiment data tas-sorveljanza tal-fruntieri.

    3.6.

    Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi evitat it-terminu “gwardja tal-kosta” sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim possibbli. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni attwali bejn it-tliet aġenziji diġà turi li d-diviżjoni tax-xogħol uriet li fil-prattika hija effiċjenti u effettiva.

    3.7.

    Il-Kumitat jenfasizza li l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati bit-twettiq tas-servizzi tal-gwardja tal-kosta għandhom ikunu jistgħu, fuq il-perjodu qasir, jieħdu vantaġġ minn din il-kooperazzjoni msaħħa, fil-forma ta’ titjib fl-iskambju ta’ data u sorveljanza operazzjonali tal-fruntieri esterni tal-UE.

    3.8.

    Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-EMSA ħadet it-tmexxija sabiex ittejjeb b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tal-RPAS (droni) fil-fruntieri marittimi esterni tal-Unjoni Ewropea. Dan mhux biss jiffaċilita aktar kontrolli effiċjenti u effettivi, iżda l-RPAS (droni) jistgħu wkoll iservu finijiet differenti.

    3.9.

    Fl-opinjoni tiegħu dwar l-emenda għar-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (1), fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kumitat iddikjara li huwa jilqa’ r-rwol moqdi mill-EMSA li ttejjeb is-sigurtà marittima fl-Istati Membri. Huwa ddikjara wkoll li, anke dak iż-żmien, kien iqis importanti ħafna li l-kompiti u l-kompetenzi tal-EMSA jiġu estiżi b’mod responsabbli.

    3.10.

    Sabiex l-EMSA twettaq dawn il-kompiti addizzjonali b’mod xieraq, huwa importanti li l-Aġenzija jkollha biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji. Il-baġit tal-UE jipprovdi li l-baġit tal-EMSA jiżdied bi EUR 22 miljun fis-sena sal-2020, u jiġu rreklutati 17-il membru tal-persunal temporanju. Il-Kumitat għandu dubji dwar jekk dan huwiex biżżejjed. Għalkemm il-partijiet direttament involuti, bħall-EMSA, iqisu dan biżżejjed, il-Kumitat jemmen li dan ma jħallix lok għall-indirizzar ta’ diżastri inevitabbli. Il-KESE jemmen li għandu jinħoloq buffer finanzjarju.

    3.11.

    Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-fatt li, bit-teknoloġiji attwali, huwa diffiċli li jiġu ttraċċati refuġjati f’dgħajjes żgħar tal-injam jew tal-lastku. L-informazzjoni mis-satellita hija disponibbli biss f’ċerti ħinijiet, skont l-orbita tas-satellita madwar id-dinja. Skont il-Kummissjoni, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jingħelbu bl-użu tal-RPAS (droni).

    3.12.

    Meta wieħed iqis il-fluss tar-refuġjati, il-Kumitat iqis essenzjali, mil-lat umanitarju u fl-interessi ta’ sorveljanza effiċjenti u effettiva tal-kosta, li jiġi żgurat li l-movimenti kollha tal-bastimenti fuq il-baħar jistgħu jiġu pperċepiti, b’mod li s-servizzi ta’ salvataġġ jkunu jistgħu jintervjenu fil-ħin.

    3.13.

    Il-Kumitat iqis għaqlija l-għażla li, mit-tliet aġenziji, l-EMSA tingħata rwol ewlieni sabiex torganizza s-servizzi tal-RPAS (droni).

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Il-Kumitat huwa favur kooperazzjoni mtejba bejn l-aġenziji tal-UE u l-aġenziji nazzjonali tal-gwardja tal-kosta. Din għandha twassal għal sorveljanza effiċjenti u effettiva mil-lat ta’ spejjeż tal-fruntieri esterni marittimi tal-UE.

    4.2.

    Minħabba l-għadd sostanzjali ta’ migranti, din għandha titwettaq fi żmien qasir. Fil-fehma tal-Kumitat, kwalunkwe dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri, tkun xi tkun ir-raġuni, huwa inaċċettabli. Għall-kuntrarju, il-proposti tal-Kummissjoni kollha, u mhux biss il-proposta tal-EMSA, għandhom jiġu adottati u implimentati mingħajr dewien, naturalment waqt li jitqiesu l-kummenti tal-Kumitat.

    4.3.

    Il-Kumitat huwa favur li jiġu estiżi l-kompiti tal-EMSA peress li fis-snin reċenti, l-EMSA wriet li kapaċi tiggarantixxi livell għoli ta’ sikurezza u sigurtà marittima u kellha rwol importanti fil-ġlieda kontra t-tniġġis ikkawżat minn vapuri.

    4.4.

    L-estensjoni tal-kompiti tal-EMSA għandha ssarraf f’distribuzzjoni aħjar tad-data dwar is-sorveljanza marittima f’ħin reali bejn it-tliet aġenziji tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali tal-gwardja tal-kosta, fl-użu tal-RPAS (droni) għas-sorveljanza tal-fruntieri marittimi esterni tal-UE, fid-disponibbiltà tad-data miġbura permezz tas-satelliti, f’servizzi ta’ komunikazzjoni aħjar biex jiġu appoġġjati l-operazzjonijiet konġunti u f’ħafna iktar attenzjoni u investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ.

    4.5.

    Il-Kumitat jistaqsi lilu nnifsu għaliex il-Kummissjoni tiddedika paragrafu għall-fatt li l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) ser tieqaf tipprovdi s-servizzi tas-sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika (AIS) bis-satellita bla ħlas mingħajr ma tirreferi wkoll għall-paragrafi finanzjarji tal-proposta tal-Kummissjoni, fejn jipprevedu li jiġu allokati fondi għal dan l-iskop mill-2017, u l-2016 għandha tkun koperta mill-programm Copernicus. Il-Kumitat huwa konvint li dan tal-aħħar ser ikun minnu.

    Brussell, is-16 ta’ Marzu 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 68.


    Top